Language of document : ECLI:EU:T:2014:859

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

8 ta’ Ottubru 2014 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Aluminium — Tariffa preferenzjali tal-elettriku mogħtija permezz ta’ kuntratt — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern — Rexissjoni ta’ kuntratt — Sospensjoni ġudizzjarja, fi proċeduri għal miżuri provviżorji, tal-effetti tar-rexissjoni ta’ kuntratt — Għajnuna ġdida”

Fil-Kawża T‑542/11,

Alouminion AE, stabbilita fi Maroussi (il-Greċja), irrappreżentata minn G. Dellis, N. Korogiannakis, E. Chrysafis, D. Diakopoulos u N. Keramidas, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u É. Gippini Fournier, bħala aġenti, assistiti minn V. Chatzopoulos, avukat,

konvenuta,

sostnuta minn

Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI), stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn E. Bourtzalas, D. Waelbroeck, A. Oikonomou, E. Salaka u C. Synodinos, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2012/339/UE tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Lulju 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.26117 – C 2/2010 (ex NN 62/2009) mogħtija mill-Greċja lil Aluminium of Greece SA (ĠU 2012, L 166, p. 83),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka (Relatur) u V. Kreuschitz, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1960, Alouminion tis Ellados AE (iktar ʼil quddiem “AtE”), li f’Lulju 2007 ir-rikorrenti, Alouminion AE, saret is-suċċessur tagħha fil-produzzjoni tal-aluminium fil-Greċja, ikkonkludiet kuntratt (iktar ʼil quddiem il-“kuntratt”) mal-intervenjenti, il-kumpannija pubblika tal-elettriku, Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI), li bis-saħħa tiegħu ngħatat tariffa preferenzjali tal-elettriku (iktar ʼil quddiem it-“tariffa preferenzjali”).

2        L-Artikolu 2(3) tal-kuntratt kien jistipula, fid-diversi verżjonijiet tiegħu, it-tiġdid tiegħu għal perijodi suċċessivi ta’ ħames snin, sakemm ma jiġix rexiss minn waħda mill-partijiet, b’avviż minn qabel ta’ sentejn permezz ta’ ittra rreġistrata b’talba għal konferma ta’ rċevuta indirizzata lill-parti l-oħra.

3        Bis-saħħa tal-ftehim bejn AtE u l-Istat Grieg u fformalizzat permezz ta’ digriet leġiżlattiv tal-1969, il-kuntratt, kif emendat, kellu jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2006 sakemm ma jiġix estiż skont id-dispożizzjonijiet tiegħu.

4        Fid-Deċiżjoni SG (92) D/867, tat-23 ta’ Jannar 1992, Għajnuna kontenzjuża favur l-impriża A[tE], Għajnuna NN 83/91, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qieset li t-tariffa preferenzjali ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

5        Fi Frar 2004, DEI avżat lil AtE dwar ir-rexissjoni tal-kuntratt tagħha (iktar ʼil quddiem ir-“rexissjoni”) u waqfet, mill-aħħar ta’ Marzu 2006, milli tapplika fil-konfront tagħha t-tariffa preferenzjali.

6        AtE kkontestat ir-rexissjoni quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti.

7        Permezz tad-Digriet Nru 80/2007, tal-5 ta’ Jannar 2007, il-Monomeles Protodikeio Athinon (qorti reġjonali b’Imħallef uniku ta’ Ateni, il-Greċja), fid-deċiżjoni tagħha fuq il-proċeduri għal miżuri provviżorji, issospendiet, provviżorjament u ex nunc, l-effetti tar-rexissjoni, sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu (iktar ʼil quddiem l-“ewwel digriet għal miżuri provviżorji” jew il-“miżura inkwistjoni”).

8        Fl-ewwel digriet għal miżuri provviżorji, il-Monomeles Protodikeio Athinon qieset li r-rexissjoni ma kinitx valida abbażi tat-termini tal-kuntratt u tal-kuntest ġuridiku nazzjonali applikabbli.

9        DEI kkontestat l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji quddiem il-Polymeles Protodikeio Athinon (qorti reġjonali ta’ Ateni), li, fid-deċiżjoni tagħha fuq il-proċeduri għal miżuri provviżorji, laqgħet, ex nunc, it-talba tagħha permezz tad-Digriet Nru 72/2008 ta’ Marzu 2008 (iktar ʼil quddiem it-“tieni digriet għal miżuri provviżorji”).

10      Għaldaqstant, minn naħa, bejn ir-rexissjoni u l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji kif ukoll mit-tieni digriet għal miżuri provviżorji, DEI ma applikatx it-tariffa preferenzjali. Min-naħa l-oħra, bejn l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji u t-tieni digriet għal miżuri provviżorji (iktar ʼil quddiem il-“perijodu inkwistjoni”), AtE u, sussegwentement, ir-rikorrenti bbenefikaw mit-tariffa preferenzjali.

11      F’Lulju 2008, tressqu lmenti quddiem il-Kummissjoni dwar il-miżuri allegatament ta’ għajnuna mill-Istat favur ir-rikorrenti u li huma kkostitwiti, b’mod partikolari, mit-tariffa preferenzjali.

12      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Ellenika dwar id-deċiżjoni tagħha li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tariffa preferenzjali, li permezz tagħha hija stiednet lill-partijiet ikkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu ta’ xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”).

13      Id-deċiżjoni ta’ ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis-16 ta’ April 2010 (ĠU C 96, p. 7).

14      Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk it-tariffa preferenzjali ffatturata mid-DEI lil AtE u sussegwentement lir-rikorrenti, matul il-perijodu inkwistjoni, kinitx simili għat-tariffa applikata lill-konsumaturi kbar l-oħra tal-industrija tal-elettriku b’vultaġġ għoli, peress li t-tariffa preferenzjali kellha tispiċċa f’Marzu 2006, iżda din ġiet estiża permezz tal-ewwel digriet għal miżuri provviżorji.

15      Il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Ellenika fil-31 ta’ Marzu 2010.

16      Il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fit-12 ta’ Mejju 2010, fit-3 ta’ Marzu u fl-4 ta’ Mejju 2011 kif ukoll ta’ DEI fis-17 ta’ Mejju 2010. Il-Kummissjoni bagħtet dawn l-osservazzjonijiet lir-Repubblika Ellenika filwaqt li tatha l-possibbiltà li twieġeb, hekk kif fil-fatt għamlet fis-16 ta’ Lulju u fis-6 ta’ Awwissu 2010 u fis-16 ta’ Mejju 2011.

17      Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet Griegi fl-1 ta’ Diċembru 2010. Ir-Repubblika Ellenika wieġbet għal din it-talba permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Frar 2011.

18      Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet oħra mingħand ir-rikorrenti fil-31 ta’ Mejju u fl-4 ta’ Lulju 2011.

19      Fit-13 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2012/339/UE dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.26117 – C 2/2010 (ex NN 62/2009) mogħtija mill-Greċja lil AtE u lil Alouminion (ĠU 2012, L 166, p. 83, iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

20      Permezz tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li r-Repubblika Ellenika kienet illegalment tat lil AtE u lir-rikorrenti, li saret is-suċċessur tagħha, għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 17.4 miljun permezz tat-tariffa preferenzjali matul il-perijodu inkwistjoni, jiġifieri minn Jannar 2007 sa Marzu 2008, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

21      Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li l-imsemmija għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq intern u stiednet lir-Repubblika Ellenika sabiex tirkupraha mir-rikorrenti (ara l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

23      Fir-rikors, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali, bħala miżura istruttorja skont l-Artikolu 65(d) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, sabiex titlob il-parir ta’ espert.

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Jannar 2012, DEI talbet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

25      Din it-talba għal intervent ta’ DEI ntlaqgħat permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Marzu 2012.

26      L-intervenjenti ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fil-11 ta’ Ġunju 2012.

27      Il-Kummissjoni u r-rikorrenti ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-imsemmija nota fid-19 u fit-23 ta’ Novembru 2010, rispettivament.

28      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

29      Skont l-Artikolu 64(2)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi ċerti dokumenti. Il-Kummissjoni laqgħet din it-talba fit-termini imposti.

30      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

32      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi intiżi li jikkontestaw, l-ewwel nett u prinċipalment, il-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna ġdida (l-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi); it-tieni nett u sussidjarjament, il-klassifikazzjoni tat-tariffa preferenzjali bħala għajnuna mill-Istat (il-ħames, is-sitt, is-seba’ u t-tmien motivi) u t-tielet nett u iktar sussidjarjament, l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna ġdida li tirriżulta mill-miżura inkwistjoni (id-disa’ u l-għaxar motivi).

33      Huwa xieraq li qabelxejn jiġi eżaminat l-ewwel motiv tar-rikors, ibbażat fuq żbalji fir-rigward tal-eżistenza ta’ għajnuna ġdida.

34      Għal dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna ġdida, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat dan li ġej:

“8      A[tE] twaqqfet fl-1960, b’ċerti privileġġi mogħtija mill-Istat Grieg, inkluża l-provvista tal-elettriku b’rata [tariffa] mnaqqsa. Skont it-termini tal-istatuti li jistabbilixxu l-privileġġi, il-provvista tal-elettriku b’rata mnaqqsa kellha tiskadi f’Marzu 2006, sakemm [DEI] tat lil A[tE] avviż xieraq dwar dan sentejn qabel. Fis-26 ta’ Frar 2004 (jiġifieri aktar minn sentejn qabel l-iskadenza tal-privileġġ), [DEI] avżat debitament lil A[tE], u wara dan [DEI] waqfet tapplika r-rata preferenzjali fl-aħħar ta’ Marzu 2006.

9      Konsegwentement, minn Marzu 2006 sa Jannar 2007, A[tE] ħallset it-tariffa [standard].

10      Madankollu, A[tE] ikkontestat il-waqfa tar-rata preferenzjali fil-qorti u f’Jannar 2007, qorti tal-Prim’Istanza ordnat bħala miżura interim [provviżorja] li r-rata preferenzjali terġa’ tibda sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu. Din id-deċiżjoni interim min-naħa tagħha ġiet appellata minn [DEI] u ġiet ikkonfutata [annullata] f’Marzu 2008 (sentenza dwar il-mertu għadha pendenti).

11      Il-konsegwenza prattika tad-deċiżjonijiet tal-qorti kienet li r-rata preferenzjali ġiet applikata mill-ġdid lil A[tE, sussegwentement, lir-rikorrenti] minn Jannar 2007 sa Marzu 2008. F’dan il-perjodu, skont id-dejta pprovduta mill-awtoritajiet Griegi, A[tE, sussegwentement, ir-rikorrenti kienu] ħallset EUR 17,4 miljun inqas milli kien ikollha tħallas taħt it-tariffa [standard].

[…]

      f) Il-miżura [inkwistjoni] tikkostitwixxi għajnuna illegali

34      [Ir-rikorrenti] targumenta li l-ewwel [digriet għal miżuri provviżorji] ma nvolvietx emenda sostanzjali [fit-tariffa] preferenzjali inizjali [mifthiema permezz ta’ kuntratt]. Għalhekk, skont [ir-rikorrenti], l-[ewwel digriet għal miżuri provviżorji] ma tatx għajnuna ġdida lil A[tE] u l-miżura tal-prezzijiet [tariffa] [...] preferenzjali baqgħet bħala għajnuna eżistenti.

35      Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument tar-[rikorrenti]. It-termini inizjali tar-rata preferenzjali, li kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, ipprovdew li l-għajnuna kienet tispiċċa f’Marzu 2006 bil-kundizzjoni li [DEI] tat l-avviż dovut. Ladarba sar dan, l-għajnuna eżistenti waqfet, kif meħtieġ skont it-termini tal-għoti inizjali tar-rata preferenzjali. Kwalunkwe għoti ta’ rata mnaqqsa tal-elettriku li jissodisfa d-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat (bħalma hu l-każ hawnhekk) huwa għalhekk għajnuna ġdida, irrispettivament mill-fatt li t-termini tiegħu jistgħu jkunu simili għall-miżura preċedenti ta’ għajnuna eżistenti. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika b’mod ċar li l-estensjoni tal-għajnuna eżistenti tikkostitwixxi għajnuna ġdida u għandha tiġi notifikata [sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1973, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, 70/72, Ġabra, EU:C:1973:87, punt 14, u tal-11 ta’ Settembru 2003, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑197/99 P, Ġabra, EU:C:2003:444, punt 109]. A fortiori, dan huwa l-każ ukoll meta għajnuna eżistenti li tkun intemmet tiġi attivata mill-ġdid bosta xhur wara.

36      Peress li din l-għajnuna ġdida ma kinitx notifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-TFUE, din hija illegali.”

35      Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, fis-sens li, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset f’din id-deċiżjoni li l-kuntratt skada f’Marzu 2006, peress li l-kuntratt kien jipprovdi wkoll għat-tiġdid tiegħu għal perijodi ta’ ħames snin, sakemm ma jkunx hemm rexissjoni fit-terminu u skont metodi preċiżi, b’mod li l-kuntratt ma kienx ser jiskadi awtomatikament f’Marzu 2006.

36      Issa, ir-rexissjoni kienet allegatament tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi obbligu ta’ provvista tal-elettriku u tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti.

37      Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata kienet allegatament ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji estenda t-tariffa preferenzjali, peress li l-imsemmi digriet bl-ebda mod ma ddeċieda fuq il-mertu tal-kawża u kellu biss awtorità provviżorja ta’ res judicata bil-konsegwenza unika li jissospendi, ex nunc, l-effetti tar-rexissjoni.

38      Fit-tielet lok, id-deċiżjoni kkontestata kienet allegatament ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji kien ġie “annullat” permezz tat-tieni digriet għal miżuri provviżorji, peress li, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, it-tieni digriet għal miżuri provviżorji pproċeda għar-“revoka” tal-ewwel wieħed, jiġifieri mingħajr effetti retroattivi.

39      Fir-raba’ lok, id-deċiżjoni kkontestata kienet allegatament ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni kienet ġiet adottata bis-saħħa ta’ sistema legali “simili” għal dik tal-għajnuna eżistenti, filwaqt li l-miżura inkwistjoni żammet l-istess tariffa preferenzjali, b’mod li l-miżura inkwistjoni ma setgħetx tikkostitwixxi għajnuna ġdida.

40      Minn naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li hija stabbilixxiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji kien jikkostitwixxi għajnuna ġdida, li kellu, taħt piena ta’ illegalità, jiġi nnotifikat lilha.

41      Għalhekk, fl-ewwel lok, il-kuntratt kellu, f’konformità mat-termini tiegħu, jiskadi effettivament f’Marzu 2006, għal kuntrarju ta’ dak li jirriżulta mill-ewwel digriet għal miżuri provviżorji, liema digriet ipproċeda minn interpretazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali applikabbli.

42      Fit-tieni lok, l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji kien jikkostitwixxi miżura, ċertament provviżorja u, fil-każ ineżami, de facto limitata fiż-żmien, iżda li tikkostitwixxi drittijiet, b’effetti ex nunc, b’mod li hija kienet tikkostitwixxi miżura ġdida.

43      Fit-tielet lok, filwaqt li tammetti li l-metodu ta’ kalkolu tat-tariffa preferenzjali ma inbidilx, il-Kummissjoni tipprovdi bosta argumenti sabiex tistabbilixxi n-natura l-ġdida tal-għajnuna, jiġifieri, l-ewwel nett, il-bażi legali u kuntrattwali tal-għajnuna saret ġudizzjarja; it-tieni nett, il-bażi materjali tal-għajnuna ma tirriżultax iktar minn ftehim bejn il-partijiet, iżda hija imposta unilateralment mill-impriża benefiċjarja fuq l-Istat, indirettament (bħala konsegwenza), permezz ta’ kawża ċivili; it-tielet nett, ir-raġunijiet ta’ interess ġenerali li kienu jeżistu fl-1960 ma għadhomx jeżistu u hemm involut biss il-profitt tal-impriża benefiċjarja u, ir-raba’ nett, it-tul tal-għajnuna huwa inċert u, fi kwalunkwe każ, ma huwiex relatat mal-loġika ekonomika li kienet tipprevali meta ġie stabbilit il-perijodu ta’ validità inizjali tal-kuntratt.

44      Fid-dawl tal-ġurisprudenza jirriżulta li meta ġiet estiża t-tariffa preferenzjali, l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji kkostitwixxa miżura għal għajnuna ġdida.

45      Fin-nota ta’ intervent tagħha, l-intervenjenti ssemmi elementi differenti insostenn tal-argumenti tal-Kummissjoni.

46      Minn naħa, hija tiddikjara li, għal kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, it-termini tal-kuntratt kienu jippermettu li jiġi rexiss b’effett mill-31 ta’ Marzu 2006, kif jirriżulta mit-tieni digriet għal miżuri provviżorji, liema digriet kien definittiv għal dak li jirrigwarda l-proċeduri għal miżuri provviżorji.

47      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kienet, ġustament, ikkunsidrat li l-miżura inkwistjoni kienet estendiet għajnuna eżistenti, b’mod li l-imsemmija miżura tat għajnuna ġdida.

48      Preliminarjament, minn naħa, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 108(3) TFUE, kull proġett ta’ għajnuna ġdida għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni qabel ma jiġiimplementat u li kull għajnuna ġdida mogħtija mingħajr awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni hija illegali.

49      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 1(c) u (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), għajnuna ġdida tfisser “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti” u għajnuna eżistenti tfisser “għajnuna awtorizzata, li tfisser skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea]”.

50      Għandhom jitqiesu bħala għajnuna ġdida l-miżuri meħuda wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jagħtu jew ibiddlu għajnuna, indipendentement mill-fatt dwar jekk dawn il-bidliet jirrigwardawx għajnuna eżistenti (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C., C‑138/09, Ġabra, EU:C:2010:291, punt 46).

51      Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-fatt, fil-premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tariffa preferenzjali miftiehma permezz tal-kuntratt, konkluż fl-1960, jiġifieri ħafna qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika mal-Komunitajiet Ewropej, kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, għall-inqas sakemm ittieħdet il-miżura inkwistjoni, jiġifieri qabel l-adozzjoni tal-ewwel digriet għal miżuri provviżorji.

52      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni sostniet, fl-istess premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura inkwistjoni kienet estendiet l-għajnuna eżistenti meta bidlet it-tul tal-kuntratt u, għaldaqstant, dak tal-vantaġġ tat-tariffa preferenzjali.

53      Ċertament, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-estensjoni ta’ għajnuna eżistenti toħloq għajnuna ġdida separata mill-għajnuna estiża u li l-bidla fit-tul tal-għajnuna eżistenti għandha titqies bħala għajnuna ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑111/10, Ġabra, EU:C:2013:785, punt 58, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑121/10, Ġabra, EU:C:2013:784, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, Τ‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, Ġabra, EU:T:2002:59, punt 175).

54      Madankollu kien ġie deċiż li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108(1) u (3) TFUE, l-introduzzjoni ta’ għajnuna ġdida jew it-tibdil ta’ għajnuna eżistenti għandha tiġi evalwata b’riferiment għad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxuha, għall-modalitajiet tagħhom u għal-limiti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit, C‑44/93, Ġabra, EU:C:1994:311, punt 28). Għalhekk, huwa biss fil-każ li l-bidla taffettwa s-sustanza stess tal-iskema inizjali li din l-iskema tinbidel għal skema ta’ għajnuna ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Todaro Nunziatina & C., EU:C:2010:291, punti 46 u 47).

55      Issa, fil-każ ineżami, huwa stabbilit li l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji ssospenda l-effetti tar-rexissjoni ta’ kuntratt li bis-saħħa tiegħu kienet ingħatat it-tariffa preferenzjali, b’mod li, de facto, l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji kien żamm, provviżorjament, it-tariffa preferenzjali matul il-perijodu inkwistjoni. Madankollu għandu jiġi kkonstatat li dan l-intervent tal-Imħallef għal miżuri provviżorji ma kellux la l-għan u lanqas l-effett li jbiddel is-sustanza tal-għajnuna eżistenti. Fil-fatt, dan la biddel id-dispożizzjonijiet kuntrattwali jew leġiżlattivi dwar it-tariffa preferenzjali, u lanqas biddel il-modalitajiet jew il-limiti tal-imsemmija tariffa, iżda kien jikkonsisti biss f’evalwazzjoni dwar ir-regolarità tar-rexissjoni tal-kuntratt.

56      Għaldaqstant, l-Imħallef għal miżuri provviżorji, minflok ma ta għajnuna ġdida, kif sostniet il-Kummissjoni, illimita ruħu li jiddeċiedi provviżorjament fuq il-kawża li kienet tressqet quddiemu, li kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-kuntratt li minnu toriġina t-tariffa preferenzjali kienx għadu jipproduċi l-effetti tiegħu. Minn dan jirriżulta neċessarjament li s-sospensjoni tar-rexissjoni tal-kuntratt wara l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji ma għandhiex titqies bħala vantaġġ ġdid u separat mill-għajnuna eżistenti.

57      Konsegwentement, l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji ma jistax jitqies bħala l-istabbiliment jew it-tibdil ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 108(3) TFUE.

58      Jekk jingħad il-kuntrarju, dan ikun ifisser li l-qorti nazzjonali li tkun qed tiddeċiedi fi proċeduri għal miżuri provviżorji fuq kawża li tirrigwarda kuntratt, bħal fil-każ ineżami, tkun obbligata, fil-fatt u fid-dritt, tinnotifika lill-Kummissjoni u tissottometti għall-istħarriġ preventiv tagħha mhux biss l-għajnuna ġdida jew it-tibdil ta’ għajnuna fihom infushom mogħtija lil impriża benefiċjarja ta’ għajnuna eżistenti, iżda l-miżuri kollha li jaffettwaw l-interpretazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt li jistgħu jkollhom impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern, fuq il-kompetizzjoni jew sempliċiment fuq it-tul attwali, matul perijodu speċifiku, ta’ għajnuna li bħala prinċipju tibqa’ disponibbli u dan minkejja li l-Kummissjoni ma tkun ħadet l-ebda deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ inkompatibbiltà.

59      Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li, meta kklassifikat il-miżura inkwistjoni bħala għajnuna ġdida, il-Kummissjoni vvizzjat id-deċiżjoni kkontestata b’illegalità.

60      L-argumenti tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti fl-atti tagħhom prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni.

61      Fil-fatt, qabelxejn, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni (EU:T:2002:59), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, anki li kieku l-vantaġġi inkwistjoni kienu jikkostitwixxu biss l-estensjoni ta’ miżura li kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, xorta jibqa’ l-fatt li, minħabba l-bidla fit-tul tal-għajnuna inkwistjoni, din tal-aħħar għandha titqies bħala għajnuna ġdida.

62      Bl-istess mod, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (Τ‑53/08, Ġabra, EU:T:2010:267), li kienet tirrigwarda l-estensjonijiet ta’ tariffa preferenzjali favur impriża, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-imsemmija estensjonijiet kienu jikkostitwixxu għajnuna “ġdida”.

63      Madankollu, il-Qorti Ġenerali waslet għal dawn l-evalwazzjonijiet biss għaliex l-imsemmija estensjonijiet mhux talli ma kinux awtomatiċi iżda kienu jeħtieġu interventi leġiżlattivi sabiex jinbidel il-vantaġġ iffissat inizjalment (sentenzi Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2002:59, punti 11 sa 20, u L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2010:267, punt 70).

64      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ ineżami, l-ebda intervent leġiżlattiv ma biddel it-tariffa preferenzjali u li l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji bl-ebda mod ma biddel il-kuntest ġuridiku nazzjonali inizjali ta’ din it-tariffa.

65      Sussegwentement, fil-kawża li waslet għas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni (T‑394/08, T‑408/08, T‑453/08 u T‑454/08, Ġabra, EU:T:2011:493), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li għajnuna mogħtija fuq bażi legali sostanzjalment differenti mill-iskema approvata mid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kellha titqies li hija għajnuna ġdida.

66      Madankollu, f’dan l-aħħar każ, minn naħa, l-għajnuna inizjali kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-għajnuna ġdida kienet ingħatat permezz ta’ att leġiżlattiv ġdid li jmur kontra d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni (sentenza Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2011:493, punti 175 sa 177).

67      Issa, fil-każ ineżami, ma jistax jiġi kkontestat serjament il-fatt li l-miżura inkwistjoni ma kellhiex bħala għan li tibdel il-kuntest ġuridiku tat-tariffa preferenzjali meta mqabbel ma’ dak approvat permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar l-effett, f’din il-kawża, tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 1992 (ara l-punt 4 iktar ʼil fuq), li tirrigwarda għajnuna eżistenti mhux għaliex din kienet ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni, iżda għaliex din kienet ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat.

68      Finalment, mhux biss il-bażi legali u kuntrattwali tal-għajnuna ma saritx ġudizzjarja fil-każ ineżami minħabba l-effett tal-ewwel digriet għal miżuri provviżorji, iżda baqgħet tapplika fir-rigward tal-kuntratt u tad-dritt nazzjonali rilevanti, kif interpretat, provviżorjament, fl-ewwel digriet għal miżuri provviżorji, indipendentement mill-kwistjoni tal-kuntest ekonomiku eżistenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u mill-kwistjoni tal-possibbiltà u tar-regolarità tar-rexissjoni, liema rexissjoni ma kinitx is-suġġett, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fuq il-mertu.

69      Għaldaqstant, l-ewwel motiv tar-rikors għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni la dwar il-motivi l-oħra tar-rikors u lanqas dwar it-talba tar-rikorrenti għal miżura istruttorja.

 Fuq l-ispejjeż

70      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

71      Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni 2012/339/UE tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Lulju 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.26117 – C 2/2010 (ex NN 62/2009) mogħtija mill-Greċja lil Aluminium of Greece SA, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Alouminion AE.

3)      Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI) għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Prek

Labucka

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Ottubru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.