Language of document : ECLI:EU:C:2018:408

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

7 ta’ Ġunju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Protokoll ta’ Den Haag tal-2007 – Liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment – Artikolu 4(2) – Bidla fir-residenza abitwali tal-kreditur – Possibbiltà ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida tal-kreditur li tikkoinċidi mal-liġi tal-forum – Portata tal-kliem ‘Jekk il-kreditur ma jkunx jista’ jikseb […] manteniment mingħand id-debitur’ – Każ li fih il-kreditur ma jissodisfax rekwiżit legali”

Fil-Kawża C-83/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Frar 2017, fil-proċedura

KP

vs

LO

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. C. G. Fernlund (Relatur), President tal-Awla, J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u M. Hellmann kif ukoll minn J. Mentgen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Aja [Den Haag] tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment, approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/941/KE, tas-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 331, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Den Haag”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn minuri, KP, u missieru, LO, dwar talba għal manteniment.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KE) Nru 4/2009

3        L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1), jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni fl-Istati Membri f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment.

4        L-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament jistipula li l-liġi applikabbli fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment għandha tiġi ddeterminata skont il-Protokoll ta’ Den Haag fl-Istati Membri marbutin b’dan l-istrument.

 Il-Protokoll ta’ Den Haag

5        L-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Den Haag, intitolat “Regola ġenerali dwar il-liġi applikabbli”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-obbligi ta’ manteniment għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur, sakemm il-Protokoll [ta’ Den Haag] ma jipprevedix mod ieħor.

2.      F’każ ta’ bidla fir-residenza abitwali tal-kreditur, il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida għandha tapplika mill-mument ta’ meta sseħħ il-bidla.”

6        L-Artikolu 4 ta’ dan il-protokoll, intitolat “Regoli speċjali li jiffavorixxu ċerti kredituri”, jipprevedi:

“1.      Id-dispożizzjonjiet li ġejjin għandhom japplikaw f’każ ta’ obbligi ta’ manteniment ta’:

a)      ġentituri lejn uliedhom;

[…]

2.      Jekk il-kreditur ma jkunx jista’, minħabba fil-liġi msemmija fl-Artikolu 3, jikseb manteniment mingħand id-debitur, għandha tapplika l-liġi tal-forum.

3.      Minkejja l-Artikolu 3, jekk il-kreditur diġà jkun irrikorra għall-awtorità kompetenti tal-Istat fejn id-debitur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, il-liġi tal-forum għandha tapplika. Madanakollu, jekk il-kreditur ma jkunx jista’, permezz ta’ din il-liġi, jikseb manteniment mingħand id-debitur, il-liġi tal-Istat fejn il-kreditur ikollu r-residenza abitwali għandha tapplika.

4.      Jekk il-kreditur ma jkunx jista’, permezz tal-liġijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, jikseb manteniment mid-debitur, il-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità komuni tagħhom, jekk ikun hemm, għandha tapplika.”

 Id-dritt Ġermaniż

7        L-Artikolu 1613 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”), intitolat “Manteniment retroattiv”, jipprevedi:

“1.      Il-kreditur jista’ b’mod retroattiv jitlob l-eżekuzzjoni jew il-kumpens minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni biss mill-mument fejn id-debitur ikun ġie ordnat, għall-finijiet tal-irkupru ġudizzjarju tad-dejn tal-manteniment, jipprovdi informazzjoni dwar id-dħul tiegħu u dwar il-proprjetà tiegħu, jew mill-mument meta titressaq l-azzjoni għall-kisba ta’ manteniment. […]

2.      Il-kreditur jista’ b’mod retroattiv jitlob l-eżekuzzjoni mingħajr ir-restrizzjoni prevista fil-paragrafu 1

1.      minħabba neċessità estrema li wieħed jiltaqa’ magħha assolutament b’mod eċċezzjonali (neċessità partikolari); […]

2.      għall-perjodu li matulu jkun ġie miżmum milli jimplimenta l-kreditu ta’ manteniment

a)      għal raġunijiet ġuridiċi jew

b)      għal raġunijiet ta’ fatt li jaqgħu fil-kamp ta’ responsabbiltà tad-debitur tal-manteniment.”

 Id-dritt Awstrijak

8        Il-qorti tar-rinviju tindika li, fl-Awstrija, huwa possibbli li jiġu infurzati krediti ta’ manteniment b’effett retroattiv għal perijodu ta’ tliet snin.

9        Din il-qorti tippreċiża li, skont ġurisprudenza nazzjonali stabbilita, id-dewmien tad-debitur tal-manteniment huwa rekwiżit sabiex jiġi infurzat l-obbligu ta’ manteniment b’mod retroattiv, iżda li, fil-każ ta’ wild, ittra ta’ intimazzjoni ma hijiex neċessarja minħabba r-rabta ta’ prossimità partikolari fir-rigward tal-liġi tal-familja.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      KP, imwielda fis-6 ta’ Marzu 2013, u l-ġenituri tagħha, huma ċittadini Ġermaniżi li għexu fil-Ġermanja sas-27 ta’ Mejju 2015. Fit-28 ta’ Mejju 2015, KP u ommha stabbilixxew ruħhom fl-Awstrija, li saret il-post ta’ residenza abitwali ġdida tagħhom.

11      Fit-18 ta’ Mejju 2015, KP ressqet talba għal manteniment kontra LO quddiem il-Bezirksgericht Fünfhaus (il-Qorti Distrettwali ta’ Fünfhaus, l-Awstrija). Fit-18 ta’ Mejju 2016, KP estendiet it-talba tagħha għall-perijodu mill-1 ta’ Ġunju 2013 sal-31 ta’ Mejju 2015.

12      Il-Bezirksgericht Fünfhaus (il-Qorti Distrettwali ta’ Fünfhaus) ċaħdet it-talba ta’ KP intiża għall-ħlas ta’ manteniment għall-perijodu mill-1 ta’ Ġunju 2013 sal-31 ta’ Mejju 2015, għar-raġuni li, għal dan il-perijodu, kellha ssir, skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Den Haag, applikazzjoni tad-dritt Ġermaniż, li r-rekwiżiti tiegħu previsti sabiex jiġu invokati l-arretrati ta’ manteniment ma kinux sodisfatti. L-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-forum, tikkonċerna biss id-drittijiet li jitnisslu wara l-istabbiliment f’post ta’ residenza abitwali ġdid.

13      Il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (il-Qorti Reġjonali għal Kwistjonijiet Ċivili ta’ Vjenna, l-Awstrija) ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Bezirksgericht Fünfhaus (il-Qorti distrettwali ta’ Fünfhaus).

14      KP ippreżentat rikors għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni tal-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (il-Qorti Reġjonali għal Kwistjonijiet Ċivili ta’ Vjenna) quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija).

15      Quddiem il-qorti tar-rinviju, KP issostni li, skont l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Den Haag, id-dritt Ġermaniż dwar l-obbligi ta’ manteniment japplika għat-talba tagħha ta’ manteniment iżda ma jippermettilhiex tikseb manteniment b’mod retroattiv peress li r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 1613 tal-BGB ma humiex sodisfatti. Hemm lok, konsegwentement, skont KP, li, konformement mal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag, jiġi applikat id-dritt Awstrijak, li jippermetti l-ħlas retroattiv ta’ krediti ta’ manteniment.

16      LO jsostni, min-naħa tiegħu, li l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag ma japplikax għal każijiet li fihom ċerti talbiet ta’ manteniment ikunu preskritti jew jaqgħu barra mit-termini. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata biss jekk il-proċedura tinbeda mid-debitur tal-manteniment jew meta l-qorti adita tkun dik tal-Istat li fih ħadd mill-partijiet ikkonċernati ma jkollha r-residenza tagħha. Issa, f’dan il-każ, KP ressqet it-talba quddiem qorti tal-Istat ta’ residenza li issa saret abitwali. Fl-aħħar nett, LO jqis li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata bil-għan li jinkiseb il-ħlas ta’ manteniment b’mod retroattiv meta t-talba għal manteniment tkun saret wara t-trasferiment tal-kreditur tal-manteniment.

17      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag, fil-każ ta’ bidla tar-residenza abitwali tal-kreditur, għandha tapplika l-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tiegħu mid-data ta’ din il-bidla u għaldaqstant unikament għall-futur.

18      Konsegwentement, skont din il-qorti, jeħtieġ, f’dan il-każ, għall-perijodu preċedenti għall-imsemmija bidla, li tiġi applikata l-liġi Ġermaniża sakemm din il-liġi ma jkollhiex tiġi skartata bis-saħħa tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija inċerta. Din il-qorti tiċċita, f’dan ir-rigward, il-punt 63 tar-rapport ta’ spjega tas-Sur Bonomi dwar il-Protokoll ta’ Den Haag (test adottat mill-wieħed u għoxrin sessjoni tal-Konferenza ta’ Den Haag dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, iktar ’il quddiem ir-“Rapport Bonomi”), li jgħid li r-rabta sussidjarja għal-liġi tal-forum hija effettiva biss jekk l-azzjoni ta’ manteniment tiġi ppreżentata fi Stat għajr dak tar-residenza abitwali tal-kreditur, għax, fil-każ kuntrarju, il-liġi tar-residenza abitwali u l-liġi tal-forum jikkoinċidu. Il-qorti tar-rinviju żżid li, skont dan ir-rapport, applikazzjoni sussidjarja tal-liġi tal-forum skont l-Artikolu 4(2) tista’ ssir biss jekk l-azzjoni tinbeda mid-debitur, pereżempju quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ residenza abitwali tiegħu stess jew jekk l-awtorità kompetenti tkun dik ta’ Stat fejn ħadd mill-partijiet ma jkun residenti.

19      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li, f’dan il-każ, KP ma intimatx lil LO, jekk l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tapplikax għal każijiet fejn, bis-saħħa tal-liġi applikabbli skont l-Artikolu 3 tal-imsemmi protokoll, kreditu ta’ manteniment jeżisti retroattivament iżda jiġi rrifjutat għar-raġuni li l-kreditur ma jissodisfax ċerti rekwiżiti legali.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Ir-regola ta’ sussidjarjetà fl-Artikolu 4(2) tal-[Protokoll ta’ Den Haag] għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika biss meta r-rikors promotur li jagħti bidu għall-proċedura għall-ħlas ta’ manteniment jiġi ppreżentat fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment?

Jekk tingħata risposta negattiva għal din id-domanda:

2)      L-Artikolu 4(2) tal-[Protokoll ta’ Den Haag] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni ‘ma jkunx jista’ […] jikseb manteniment’ tirreferi wkoll għall-każijiet li fihom il-liġi tal-post ta’ residenza preċedenti ma tipprovdix kreditu ta’ manteniment għall-passat [b’mod retroattiv] sempliċiment għaliex ċerti kundizzjonijiet legali ma jkunux issodisfatti?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

21      Hemm lok li preliminarjament tiġi eżaminata l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-Protokoll ta’ Den Haag.

22      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, b’mod preliminari, dwar l-interpretazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

23      Issa, minn naħa, hemm lok li jitfakkar li, permezz tad-Deċiżjoni 2009/941, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 300 KE, li sar l-Artikolu 218 TFUE, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-Protokoll ta’ Den Haag, li t-test tiegħu huwa anness ma’ din id-deċiżjoni.

24      Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, ftehim konkluż mill-kunsill, konformement mal-Artikolu 218 TFUE, jikkostitwixxi, f’dak li jirrigwarda l-Unjoni, att adottat minn waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Bogiatzi, C-301/08, EU:C:2009:649, punt 23).

25      Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Protokoll ta’ Den Haag.

 Fuq l-ewwel domanda

26      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag għandux jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġi applikat f’sitwazzjoni li fiha l-kreditur tal-manteniment, li jkun biddel ir-residenza abitwali, jippreżenta, quddiem qorti fl-Istat ta’ residenza abitwali ġdida tiegħu, talba għal manteniment għal perijodu preċedenti li fih kien jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, minkejja li l-Istat tal-forum ikun l-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur.

27      Skont l-Artikolu 4(2), il-liġi tal-forum tapplika meta l-kreditur ma jkunx jista’ jikseb manteniment mingħand id-debitur, minħabba fil-liġi msemmija fl-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Den Haag.

28      L-Artikolu 3 jistabbilixxi r-regola ġenerali dwar il-liġi applikabbli, li tgħid li l-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur tirregola l-obbligi ta’ manteniment.

29      Kif jirriżulta mill-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag, din id-dispożizzjoni, li tippermetti li tiġi applikata l-liġi tal-forum minflok il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment, għandha effett utli biss jekk dawn il-liġijiet ikunu differenti minn xulxin.

30      Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk dejjem ikunx meħtieġ li l-Istat tal-forum ikun distint minn dak tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur, sabiex il-liġijiet rispettivament applikabbli jkunu differenti u li din id-dispożizzjoni jkollha tali effett.

31      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li KP marret toqgħod fl-Awstrija u li dan l-Istat Membru huwa dak tar-residenza abitwali tagħha. Il-liġi Awstrijaka hija għalhekk il-liġi applikabbli skont l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Den Haag. Madankollu, skont l-Artikolu 3(2) ta’ dan il-protokoll, il-liġi Awstrijaka għandha tapplika biss mill-bidla fir-residenza ta’ KP fl-Awstrija, jiġifieri, f’dan il-każ, mit-28 ta’ Mejju 2015. Għall-perijodu preċedenti, mill-1 ta’ Ġunju 2013 sat-28 ta’ Mejju 2015, il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali ta’ KP hija l-liġi Ġermaniża.

32      Fir-rigward tal-liġi tal-forum, il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-Istat Membru tal-qorti invokata mill-kreditur, jiġifieri l-liġi Awstrijaka.

33      Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-liġi tal-forum, f’dan il-każ il-liġi Awstrijaka, ma tikkoinċidix mal-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur, għall-perijodu li għalih huwa jitlob manteniment, f’dan il-każ il-liġi Ġermaniża, l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag jista’ jkollu effett utli. Il-fatt li l-kreditur ikun fetaħ kawża quddiem qorti tal-Istat tar-residenza abitwali tiegħu, b’tali mod li l-Istat Membru tal-forum jikkorrispondi mal-Istat ta’ residenza abitwali tiegħu, ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni sakemm il-liġi magħżula mir-regola sussidjarja ta’ rabta prevista minn din id-dispożizzjoni ma tikkoinċidix mal-liġi magħżula mir-regola prinċipali ta’ rabta prevista mill-Artikolu 3 tal-imsemmi protokoll.

34      Madankollu, jista’ jkun li l-liġi tal-forum imsemmija f’din id-dispożizzjoni tista’ tapplika għal talba ta’ manteniment fir-rigward ta’ perijodu preċedenti.

35      Fil-fatt, għalkemm jidher, fid-dawl b’mod partikolari tar-Rapport Bonomi, li l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag japplika għal talbiet għal manteniment fir-rigward ta’ perijodi li jibdew jiddekorru fid-data ta’ dawn it-talbiet, teżisti inċertezza fuq il-kwistjoni ta’ jekk din id-dispożizzjoni tapplikax wkoll għal perijodi preċedenti għal dawn it-talbiet u, jekk iva, fuq il-kundizzjonijiet ta’ din l-applikazzjoni.

36      Skont il-Kummissjoni Ewropea, il-liġi tal-forum imsemmija f’din id-dispożizzjoni tapplika kull darba li l-kreditur tal-manteniment ma jkunx jista’ jikseb manteniment bis-saħħa tal-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tiegħu jew, fir-rigward ta’ perijodu preċedenti, il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tiegħu applikabbli matul dan il-perijodu. Il-Gvern Ġermaniż iqis, min-naħa tiegħu, li, għall-applikazzjonijiet ta’ manteniment li jirrigwardaw il-perijodi preċedenti, il-liġi tal-forum ma tapplikax awtomatikament u li għandu jkun hemm rabta bejn is-sitwazzjoni fattwali li minnu joħroġ il-kreditu invokat mill-kreditur u l-liġi applikabbli għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dan il-kreditu.

37      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-kliem waħdu tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag ma jippermettix li tiġi ddeterminata b’ċertezza l-portata ta’ din id-dispożizzjoni.

38      Dan għandu jiġi interpretat fid-dawl tas-sistema ta’ regoli ta’ rabta stabbilita mill-Protokoll ta’ Den Haag u tal-għan ta’ dan il-protokoll.

39      Fir-rigward tas-sistema ta’ regoli ta’ rabta stabbilita mill-Protokoll ta’ Den Haag, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 4(2) tiegħu jistabbilixxi regola speċjali favur ċerti kredituri, li tikkomplementa r-regola ġenerali li tinsab fl-Artikolu 3 ta’ dan il-protokoll.

40      Din l-ewwel konstatazzjoni hija ta’ natura li toħloq dubju dwar ir-rilevanza tal-argument tal-Kummissjoni. Fil-fatt, l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur stabbilita fl-Artikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Den Haag hija llimitata mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu għall-perijodu kkonċernat minn din ir-residenza. Jekk l-Artikolu 4(2) ta’ dan il-Protokoll kellu jiġi interpretat bħala li jippermetti li l-liġi tal-forum, jiġifieri, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur, tkun dejjem applikabbli għall-perijodu qabel l-iffissar tar-residenza f’dan l-Istat, meta r-rekwiżit previst minn din id-dispożizzjoni jkun sodisfatt, din l-interpretazzjoni twassal biex tneħħi l-effett tar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 3(2), fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur.

41      Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mir-Rapport Bonomi u mill-għanijiet imfittxija mill-Kummissjoni, li kienet ħadet sehem attiv fin-negozjati bil-ħsieb tal-adozzjoni tal-Protokoll ta’ Den Haag (ara l-proposta ta’ Regolament tal-Kunsill dwar il-kompetenza, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment [COM(2005) 649 finali]), din is-sistema tfittex li tiggarantixxi l-prevedibbiltà tal-liġi applikabbli billi tiżgura li l-liġi magħżula ma tkunx nieqsa minn rabta suffiċjenti mas-sitwazzjoni familjari inkwistjoni.

42      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Den Haag jipprevedi l-applikazzjoni prinċipalment tal-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur, li jkollu l-eqreb relazzjoni mas-sitwazzjoni tal-kreditur u jkun jidher, għaldaqstant, bħala li jkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex jirregola l-problemi konkreti li l-kreditur tal-manteniment aktarx jiltaqa’ magħhom.

43      Sabiex tinżamm din ir-rabta, l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag jipprevedi li, fil-każ ta’ bidla tar-residenza abitwali, il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida għandha tapplika mill-mument li fih din il-bidla sseħħ.

44      Fir-rigward tar-regoli speċjali stabbiliti fl-Artikolu 4, il-paragrafi 2 sa 4 tal-Protokoll ta’ Den Haag, li jipprevedu sensiela ta’ rabtiet ewlenin u sekondarji applikabbli “konsekuttivament” intiżi biex jikkumpensaw għar-riskju li l-kreditur ma jiksibx il-manteniment skont il-liġijiet suċċessivament magħżula, l-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag jagħżel preliminarjament il-liġi tal-forum meta l-kreditur ikun invoka l-awtorità kompetenti tal-Istat fejn id-debitur ikollu r-residenza abitwali tiegħu. Hekk kif jirriżulta mill-punt 59 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, dan l-Istat għandu rabta mas-sitwazzjoni familjari tal-kreditur u tad-debitur, għall-inqas sa fejn huma kkonċernati l-possibbiltajiet ta’ sodisfazzjon, mid-debitur, tal-bżonnijiet tal-kreditur. In-natura prevedibbli ta’ din il-liġi tirrifletti wkoll il-fatt li l-imsemmija liġi tiddependi mill-ġurisdizzjoni tal-qorti magħżula, li tikkoinċidi, f’dan il-każ, mar-regola klassika li tgħid li r-rikorrent jippreżenta t-talba tiegħu quddiem il-qorti tal-konvenut.

45      Rabta mas-sitwazzjoni familjari inkwistjoni tidher ukoll fl-Artikolu 4(4) tal-Protokoll ta’ Den Haag li jagħżel il-liġi tan-nazzjonalità komuni tal-partijiet bħala l-liġi applikabbli. Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni fiha ċertu element ta’ kontinwità b’rabta mas-sitwazzjoni familjari tal-kreditur u tad-debitur interessati fl-obbligu ta’ manteniment.

46      Fid-dawl tas-sistema ta’ regoli ta’ rabta prevista mill-Protokoll ta’ Den Haag u l-għan ta’ prevedibbiltà li huwa jfittex li jilħaq, kif deskritti fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jitqies li, kieku l-applikazzjoni tal-liġi tal-forum stipulata sussidjarjament fl-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag kellha tkun ir-riżultat biss tal-għażla mill-kreditur tar-residenza abitwali l-ġdida tiegħu mingħajr ma jkun hemm rabta bejn din il-liġi u s-sitwazzjoni familjari tal-kreditur u tad-debitur interessati fl-obbligu ta’ manteniment fiż-żmien li fih ikun qed jirreferi dan l-obbligu, hija la tkun konformi ma’ din is-sistema u lanqas għal dan il-għan.

47      Il-fatt li l-applikazzjoni tal-liġi tal-forum tiffavorixxi l-kreditur ma jistax ikun biżżejjed, waħdu, sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, peress li, fl-assenza ta’ tali rabta, din il-liġi jkollha natura imprevedibbli għad-debitur.

48      F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-punti 78 u 79 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, din ir-rabta tista’ tirriżulta mill-ġurisdizzjoni tal-qorti li tintalab taqta’ t-tilwimiet fil-qasam tal-manteniment għall-perijodu kkonċernat, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4/2009 li jistgħu japplikaw.

49      Din l-analiżi hija ġġustifikata fid-dawl tar-relazzjoni mill-qrib li teżisti bejn il-Protokoll ta’ Den Haag u r-Regolament Nru 4/2009. Fil-fatt, l-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament jirreferi espressament għall-Protokoll ta’ Den Haag u l-għażla tal-qrati kompetenti konformement mal-imsemmi regolament indirettament tippermetti li tintgħażel il-liġi tal-forum. Barra minn hekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ir-regolament huwa bbażat fuq il-premessa li hemm rabta bejn il-manteniment ikkonċernat f’tilwima partikolari u l-Istat li l-qrati tiegħu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-tilwima.

50      Hemm lok, għalhekk, li jitqies li r-rabta meħtieġa bejn il-liġi tal-forum u s-sitwazzjoni tal-kreditur u tad-debitur interessati fl-obbligu ta’ manteniment matul il-perijodu kopert mit-talba għal manteniment teżisti meta l-liġi tal-forum tikkorrispondi għal-liġi tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu ikollhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu tilwimiet dwar manteniment għall-imsemmi perijodu.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        il-fatt li l-Istat tal-forum ikun l-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni sakemm il-liġi magħżula mir-regola sussidjarja ta’ rabta prevista minn din id-dispożizzjoni ma tikkoinċidix mal-liġi magħżula mir-regola prinċipali ta’ rabta prevista mill-Artikolu 3 tal-imsemmi protokoll;

–        f’sitwazzjoni fejn il-kreditur tal-manteniment, li jkun biddel ir-residenza abitwali, jippreżenta quddiem il-qrati tal-Istat ta’ residenza abitwali ġdida tiegħu talba għal manteniment kontra d-debitur għal perijodu preċedenti li fih kien jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, il-liġi tal-forum, li hija wkoll il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida tiegħu, tista’ tiġi applikata jekk il-qrati tal-Istat Membru tal-forum ikollhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu tilwimiet dwar manteniment li jikkonċernaw dawn il-partijiet u jirreferu għal dak il-perijodu.

 Fuq it-tieni domanda

52      It-tieni domanda tirrigwarda, essenzjalment, il-kwistjoni ta’ jekk il-kliem “ma jkunx jista’ jikseb manteniment” fl-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag humiex intiżi li jinkludu s-sitwazzjoni li fiha l-kreditur ma jkunx jista’ jikseb manteniment bis-saħħa tal-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali preċedenti għar-raġuni li ma jissodisfax ċerti rekwiżiti imposti minn din il-liġi.

53      Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li din id-domanda tqum fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tikkonstata, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, li l-qrati Awstrijaċi jkollhom ġurisdizzjoni konformement mar-Regolament Nru 4/2009, sabiex jaqtgħu talba għal manteniment li tikkonċerna KP għall-perijodu mill-1 ta’ Ġunju 2013 sat-28 ta’ Mejju 2015. Fis-sitwazzjoni tali, fil-fatt, il-liġi tal-forum, f’dan il-każ il-liġi Awstrijaka, tista’ tiġi applikata jekk il-kreditur tal-manteniment “ma jkunx jista’ jikseb manteniment” skont il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tiegħu matul perijodu preċedenti bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri, f’dan il-każ, il-liġi Ġermaniża. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk kreditur ta’ manteniment, bħal ma hija KP, jinsabx f’sitwazzjoni bħal din.

54      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa utli li wieħed jirreferi għar-Rapport Bonomi, li jeżamina preċiżament din il-kwistjoni.

55      Dan ir-rapport jindika li l-kreditur ta’ manteniment jista’ jibbenefika mil-liġi tal-forum mhux biss jekk il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tiegħu ma jipprevedi ebda obbligu ta’ manteniment li jirriżulta mir-relazzjoni familjari kkonċernata, pereżempju, għar-raġuni li din il-liġi ma tkunx tipprevedi obbligi fil-konfront tal-ulied lejn il-ġenituri tagħhom, iżda wkoll jekk, filwaqt li tagħraf bħala prinċipju tali obbligu, l-imsemmija liġi tissuġġettaha għal rekwiżit li jkun nieqes f’dan il-każ. L-istess rapport jiċċita, bħala eżempju, il-każ fejn il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur jipprevedi li l-obbligu tal-ġenituri lejn it-tfal jiskadi fl-età ta’ 18-il sena, filwaqt li l-kreditur ikun laħaq dik l-età.

56      B’hekk, skont din l-interpretazzjoni, l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag għandu japplika wkoll meta ma jiġix sodisfatt rekwiżit legali.

57      Hemm lok li jitqies li din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tikkorrispondi mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, imfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, jiġifieri li jitnaqqas ir-riskju li l-kreditur ma jiksibx il-manteniment skont il-liġi magħżula prinċipalment.

58      Din l-interpretazzjoni hija intiża li tkopri każ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ikun impossibbli għall-kreditur li jikseb manteniment minħabba l-fatt li huwa ma jkunx intima lid-debitur u għaldaqstant ma jkunx issodisfa rekwiżit legali, f’dan il-każ dak previst fl-Artikolu 1613 tal-BGB. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 93 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, xejn ma jindika li l-aġir passiv tal-kreditur jirrendi l-Artikolu 4(2) mhux applikabbli.

59      Konsegwentement, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-kliem “ma jkunx jista’ jikseb manteniment” fl-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag għandhom jiġu interpretati fis-sens li jinkludu wkoll is-sitwazzjoni li fiha l-kreditur ma jkunx jista’ jikseb manteniment bis-saħħa tal-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali preċedenti għar-raġuni li ma jissodisfax ċerti rekwiżiti imposti minn din il-liġi.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Aja [Den Haag] tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment, approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/941/KE, tas-30 ta’ Novembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        il-fatt li l-Istat tal-forum ikun l-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni sakemm il-liġi magħżula mir-regola sussidjarja ta’ rabta prevista minn din id-dispożizzjoni ma tikkoinċidix mal-liġi magħżula mir-regola prinċipali ta’ rabta prevista mill-Artikolu 3 tal-imsemmi protokoll;

–        f’sitwazzjoni fejn il-kreditur tal-manteniment, li jkun biddel ir-residenza abitwali, jippreżenta quddiem il-qrati tal-Istat ta’ residenza abitwali ġdida tiegħu talba għal manteniment kontra d-debitur għal perijodu preċedenti li fih kien jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, il-liġi tal-forum, li hija wkoll il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida tiegħu, tista’ tiġi applikata jekk il-qrati tal-Istat Membru tal-forum ikollhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu tilwimiet dwar manteniment li jikkonċernaw dawn il-partijiet u jirreferu għal dak il-perijodu.

2)      Il-kliem “ma jkunx jista’ jikseb manteniment” fl-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag, tat-23 ta’ Novembru 2007, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jinkludu wkoll is-sitwazzjoni li fiha l-kreditur ma jkunx jista’ jikseb manteniment bis-saħħa tal-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali preċedenti għar-raġuni li ma jissodisfax ċerti rekwiżiti imposti minn din il-liġi.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.