Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fl-24 ta’ Novembru 2017 – Hussein Mohamad Hussein

(Kawża C-657/17)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Hussein Mohamad Hussein

Konvenut: Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl

Domandi preliminari

In-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu stabbilit fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 1 (Regolament ta’ Implementazzjoni) għal stħarriġ mill-ġdid (rimostranza) fil-każ ta’ ċaħda fit-terminu stabbilit ta’ talba għat-teħid tal-inkarigu skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 604/2013 (Regolament Dublin III) 2 mill-Istat Membru rikjest għal trasferiment ta’ kompetenza lill-Istat Membru rikjedenti, jirriżulta fit-trasferiment tar-responsabbiltà lill-Istat Membru rikjedenti fil-każ li l-Istat Membru rikjedenti ikun għamel din it-talba fit-terminu stabbilit u skont it-tifsira tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III u fil-każ li abbażi ta’ investigazzjonijiet (sussegwenti) jiġi stabbilit li l-Istat Membru rikjest jiġi stabbilit bħala l-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji tal-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III?

L-Istat Membru rikjest – u li huwa kkunsidrat bħala l-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji tal-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III – jista’ effettivament jagħti l-kunsens tiegħu għat-talba għat-teħid tal-inkarigu skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III anki jekk it-terminu msemmi fl-Artikolu 22(7) tar-Regolament Dublin III diġà skada u l-Istat Membru rikjest kien preċedentement irrifjuta l-applikazzjoni fit-terminu stabbilit?

____________

1     Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200).

2     Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31).