Language of document : ECLI:EU:C:2014:169

Kawża C‑167/12

C. D.

vs

S. T.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Employment Tribunal, Newcastle upon Tyne)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 92/85/KEE — Miżuri intiżi li jinkoraġġixxu t-titjib tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema tqal, ħaddiema li jkunu welldu reċentement, jew ħaddiema li jkunu qegħdin ireddgħu — Artikolu 8 — Omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata — Rifjut li jingħatalha leave tal-maternità — Direttiva 2006/54/KE — Ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Artikolu 14 — Trattament inqas favorevoli ta’ omm prospettiva fir-rigward tal-għoti ta’ leave tal-maternità”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Marzu 2014

1.        Politika soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Ħaddiema tqal, li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu fuq il-post tax-xogħol — Direttiva 92/85 — Dritt għall-benefiċċju tal-leave tal-maternità — Omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata — Ħaddiema mara li ma taqax taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 — Possibbiltà tal-Istati Membri li japplikaw jew li jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli

(Direttiva tal-Kunsill 92/85, Artikolu 8)

2.        Politika soċjali — Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Aċċess għall-impjieg u kundizzjonijiet tax-xogħol — Ugwaljanza fit-trattament — Direttiva 2006/54 — Rifjut li jingħata leave tal-maternità lil omm prospettiva — Trattament inqas favorevoli marbut mat-tqala jew mal-leave tal-maternità — Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/54, Artikolu 2(1)(a) u (b) u 2(2)(c) u 14; Direttiva tal-Kunsill 92/85, Artikolu 8)

1.        Id-Direttiva 92/85 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri ma humiex obbligati jawtorizzaw leave tal-maternità skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva lil ħaddiema, fil-kwalità tagħha ta’ omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata, inkluż meta hija tista’ tredda’ din it-tarbija wara t-twelid jew meta tkun qiegħda effettivament tredda’ tali tarbija.

Mill-għan tad-Direttiva 92/85, mill-kliem tal-Artikolu 8 ta’ din tal-aħħar, li jirreferi espressament għall-ħlas, u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leave tal-maternità previst fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva għandu bħala għan li jipproteġi s-saħħa tal-omm tat-tarbija fis-sitwazzjoni speċifika ta’ vulnerabbiltà li tirriżulta mit-tqala tagħha. F’dan ir-rigward, filwaqt li huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leave tal-maternità huwa intiż ukoll li jiżgura l-protezzjoni ta’ rabtiet partikolari bejn il-mara u t-tarbija tagħha, dan l-għan jikkonċerna madankollu biss il-perijodu wara t-tqala u l-ħlas. Minn dan jirriżulta li l-għoti ta’ leave tal-maternità fuq il-bażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 jippreżumi li l-ħaddiema li tibbenefika minn tali leave kienet tqila u welldet it-tarbija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ħaddiema, bħala omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, inkluż meta hija tkun tista’ tredda’ din it-tarbija wara t-twelid jew meta tkun qiegħda effettivament tredda’ tali tarbija. Konsegwentement, l-Istati Membri ma humiex obbligati jawtorizzaw lil tali ħaddiema dritt għal leave tal-maternità abbażi ta’ dan l-artikolu.

Madankollu, id-Direttiva 92/85 għandha bħala għan li tistabbilixxi ċerti rekwiżiti minimi fil-qasam tal-protezzjoni fuq ix-xogħol ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li jkunu welldu reċentement jew ħaddiema li jkunu qegħdin ireddgħu. Għaldaqstant, din id-direttiva b’ebda mod ma teskludi lill-Istati Membri milli japplikaw jew milli jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ommijiet prospettivi li kellhom tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata, billi jippermettulhom jibbenefikaw minn leave tal-maternità abbażi tat-twelid ta’ din it-tarbija.

(ara l-punti 35-37, 40-43 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/54 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) u (b) u l-Artikolu 2(2)(ċ) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, il-fatt li persuna li timpjega tirrifjuta li tawtorizza leave tal-maternità lil omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata.

Fil-fatt, ir-rifjut li jingħata leave tal-maternità fil-każ imsemmi jikkostitwixxi diskriminazzjoni direttament ibbażata fuq is-sess, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmija direttiva, jekk ir-raġuni fundamentali ta’ dan ir-rifjut tapplika esklużivament għall-ħaddiema ta’ sess wieħed. Madankollu, din id-diskriminazzjoni diretta ma teżistix meta, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, missier prospettiv li kellu tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata jkun ittrattat bl-istess mod bħal omm prospettiva f’sitwazzjoni paragunabbli, sa fejn lanqas ma huwa fid-dritt li jibbenefika minn leave imħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità. Barra minn hekk, ma teżistix diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva, meta fattur ma jippermettix li jiġi stabbilit li r-rifjut tal-leave jiżvantaġġa partikolarment lill-ħaddiema femminili meta mqabbla mal-ħaddiema maskili.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54, kull trattament inqas favorevoli ta’ mara relatat mat-tqala jew mal-leave ta’ maternità fis-sens tad-Direttiva 92/85 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2006/54. Madankollu, minn naħa, omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata ma tistax, bħala tali, tkun is-suġġett ta’ trattament inqas favorevoli marbut mat-tqala tagħha, ġaladarba ma kinitx tqila b’din it-tarbija. Min-naħa l-oħra, peress li d-Direttiva 92/85 ma tipprovdix li leave tal-maternità għandu jingħata lil ħaddiema fil-kwalità tagħha ta’ omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata, din l-omm prospettiva ma hijiex is-suġġett ta’ trattament inqas favorevoli marbut mat-teħid ta’ leave tal-maternità, fis-sens tad-Direttiva 92/85.

(ara l-punti 46, 47, 49, 51-53, 55 u d-dispożittiv 2)