Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta’ April 2016 minn Ante Šumelj et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fis-26 ta’ Frar 2016 fil-Kawżi magħquda T-546/13, T-108/14 u T-109/14, Ante Šumelj et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-239/16 P)

Lingwa tal-kawża: il-Kroat

Partijiet

Appellanti: Ante Šumelj, Dubravka Bašljan, Đurđica Crnčević, Miroslav Lovreković, Drago Burazer, Nikolina Nežić, Blaženka Bošnjak, Bosiljka Grbašić, Tea Tončić, Milica Bjelić, Marijana Kruhoberec, Davor Škugor, Ivan Gerometa, Kristina Samardžić, Sandra Cindrić, Sunčica Gložinić, Tomislav Polić, Vlatka Pižeta (rappreżentant: M. Krmek, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummisjoni Ewropea

Talbiet

tilqa’ l-argumenti fformulati mill-appellanti fl-ewwel istanza u fil-kuntest tal-appell.

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri u tal-proċeduri fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Wara li analizzaw is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, l-appellanti jinvokaw numru ta’ aggravji:

1. L-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jikkawżalhom preġudizzju billi ma kkonstatatx in-nuqqas tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-obbligu li hija għandha li tissorvelja l-implementazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istabbiliment tal-professjoni ta’ uffiċjal pubbliku ta’ eżekuzzjoni fis-sistema ġudizzjarja Kroata konformement mal-Artikolu 36 tal-Att ta’ Adeżjoni, li huwa espressament redatt kif ġej: “Il-Kummissjoni għandha tissorvelja mill-qrib l-impenji kollha meħudin mill-Kroazja fin-negozjati dwar l-adeżjoni, inklużi dawk li għandhom jintlaħqu qabel jew sad-data tal-adeżjoni.” Is-sorveljanza żgurata mill-Kummissjoni tirrigwarda b’mod partikolari l-impenji meħuda mill-Kroazja fil-qasam tas-setgħa ġudizzjarja u tad-drittijiet fundamentali (Anness VII).

2. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset, fil-punt 57 tas-sentenza [appellata] (kuntrarjament għal dak li tindika fil-punt 52 tas-sentenza [appellata]), li mkien minn dawn l-impenji tal-Anness VII tal-Att ta’ Adeżjoni invokati mill-appellanti ma jirriżulta li hemm l-obbligu għar-Repubblika tal-Kroazja li tistabbilixxi l-professjoni ta’ uffiċjal pubbliku ta’ eżekuzzjoni u, għaldaqstant, lanqas obbligu għall-Kummissjoni li tirrikorri, fuq din il-bażi, għall-miżuri ta’ azzjoni previsti mill-Artikolu 36 tal-Att ta’ Adeżjoni bil-għan li tipprekludi t-tħassir tal-liġi dwar l-uffiċjali pubbliċi ta’ eżekuzzjoni.

In-negozjati bejn ir-Repubblika tal-Kroazja u l-Unjoni Ewropea kienu twal u, b’differenza tal-kapitoli l-oħra, il-Kapitolu 23, li huwa l-aħħar wieħed u l-iktar problematiku, ġie elaborat b’konformità mal-aqwa prassi tal-Unjoni Ewropea. Dan kien jirrigwarda l-kriterji politiċi li għalihom kienet suġġetta l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, u n-negozjati ġew konklużi fit-30 ta’ Ġunju 2011, wara li l-Gvern Kroat ippreżenta, fit-12 ta’ Mejju 2011, rapport lill-Presidenza tal-Unjoni Ewropea dwar l-osservanza tal-impenji li jirriżultaw mill-Kapitolu 23. Permezz ta’ dan ir-rapport, ir-Repubblika tal-Kroazja kienet ħadet impenji speċifiċi f’għaxar punti, li impenjat ruħha li tosserva b’rabta mat-Trattat ta’ Adeżjoni (Artikolu 36 tal-Att ta’ Adeżjoni). L-impenn Nru 1 u l-impenn Nru 3, li d-dispożizzjonijiet tagħhom huma ċċitati mill-appellanti (dawk dwar l-istabbiliment tal-uffiċjali pubbliċi ta’ eżekuzzjoni) matul il-proċeduri, jobbligaw espressament lir-Repubblika tal-Kroazja sabiex tintroduċi uffiċjali pubbliċi ta’ eżekuzzjoni.

3. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi (kuntrarju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali) billi kkonkludiet sussegwentement, fil-punti 47 sa 51 tas-sentenza [appellata], li l-impenn Nru 1 ma kienx jirrigwarda strateġija ta’ riforma ġudizzjarja u pjan ta’ azzjoni speċifiċi, fis-seħħ matul il-perijodu inkluż bejn tmiem in-negozzjati u t-tħassir tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-istabbiliment tal-funzjoni ta’ uffiċjal pubbliku ta’ eżekuzzjoni. L-appellanti jenfasizzaw li l-fatt li tiġi ċċitata strateġija oħra ta’ riforma ġudizzjarja, li l-Kummissjoni ssemmi ssussegwentement fid-dokumenti tagħha, minnflok l-istraġteġija ta’ riforma ġudizzjarja tal-2011 u l-plan ta’ azzjoni tal-2010, li kienu jobbligaw lir-Repubblika tal-Kroazja toħloq il-professjoni ta’ uffiċjali pubbliċi ta’ eżekuzzjoni, joħloq preċedent perikoluż, kuntrarju għal kull interpretazzjoni legali razzjonali.

4. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi osservat, fil-punt 55 [tas-sentenza appellata], li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma jinvokaw ebda ksur konkret minbarra l-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ġaladarba huma jinvokaw, bħala ksur, diskriminazzjoni, il-ksur tad-dritt għax-xogħol u, matul il-proċeduri il-ksur taċ-ċertezza legali. Huwa effettivament inkredibbli kif, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tinjora għal kollox u ma ssemmi mkien il-prinċipju ta’ ċertezza legali li, skont ġurisprudenza stabbilita, jagħti lok għall-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

5. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma kienx rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża. Madankollu, aġir ma huwiex illegali biss meta jinvolvi ksur tad-dritt pożittiv tal-Unjoni, jiġifieri regoli miktuba, iżda wkoll meta jippreġudika prinċipju ġenerali tad-dritt (iċ-ċertezza legali); il-ksur tal-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jaqa’ taħt dan l-aħħar każ inkwistjoni. L-Unjoni għandha qafas istituzzjonali intiż sabiex jippromwovi l-valuri tagħha, isegwi l-għanijiet tagħha, iservi l-interessi tagħha, dawk taċ-ċittadini tagħha u dawk tal-Istati Membri, kif ukoll sabiex jiżgura l-koerenza, l-effikaċja u l-kontinwità tal-politiki u tal-azzjonijiet tagħha. Il-prinċipji ġenerali tad-dritt jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

6. Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni, kuntrarjament għall-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-fatt li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu ġew maħtura, u għaldaqstant irreklutati sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ uffiċjal pubbliku ta’ eżekuzzjoni fil-mument tal-għeluq tal-Kapitolu 23, jiġifieri meta ġiet elaborata r-riforma ġudizzjarja, riforma li minnha jagħmlu parti l-uffiċjali pubbliċi ta’ eżekuzzjoni. Huwa preċiżament l-għeluq tan-negozzjati bejn ir-Repubblika tal-Kroazja u l-Unjoni Ewropea dwar l-adeżjoni, jiġifieri l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi, li ta lill-appellanti, fid-dawl tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, il-garanzija legali li jistgħu jeżerċitaw l-attività li huma kienu għażlu.

7. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma kkonkludietx, b’rigward għad-dispożizzjonijiet imperattivi tal-Artikolu 36 tal-Att ta’ Adeżjoni, li l-Kummissjoni kellha tiżgura li dan jiġi applikat u tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex ir-Repubblika tal-Kroazja tosserva l-impenji tagħha. Peress li l-Kummissjoni ma aġixxietx konformement mal-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, hija kisret din id-dispożizzjoni, fejn b’hekk ikkawżat preġudizzju lill-appellanti.

8. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma kkonkludietx li t-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea kien ir-riżultat ta’ negozjati, u li konsegwentement dan kien joħloq obbligi u jipproduċi effetti ġuridiċi konformement mal-leġiżlazzjoni u mal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-każ speċifiku, it-Trattat ta’ Adeżjoni jiggarantixxi lill-appellanti d-dritt għax-xogħol u l-ħolqien ta’ attivitajiet ġodda li għalihom huma ġew magħżula. Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, l-appellanti setgħu leġittimament jistennew li ser jibdew jeżerċitaw il-funzjonijiet li għalihom huma nħatru wara li ssodisfaw il-kundizzjonijiet legali kollha meħtieġa (li jkunu għaddew l-eżamijiet, li jkunu rriżenjaw mill-impjieg preċedenti tagħhom, li jkunu installaw it-tagħmir meħtieġ fl-uffiċċji tagħhom).

____________