Language of document : ECLI:EU:C:2010:822

Kawża C-524/09

Ville de Lyon

vs

Caisse des dépôts et consignations

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal administratif de Paris – Franza)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Konvenzjoni ta’ Århus — Direttiva 2003/4/KE — Aċċess pubbliku għat-tagħrif dwar l-ambjent — Direttiva 2003/87/KE — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra — Regolament (KE) Nru 2216/2004 — Sistema standardizzata u sikura ta’ reġistri — Aċċess għal data dwar tranżazzjonijiet fil-qasam tal-kwoti ta’ esmissjonijiet ta’ gassijiet serra — Rifjut ta’ komunikazzjoni — Amministratur Ċentrali — Amministraturi ta’ reġistri nazzjonali — Natura kunfidenzjali tad-data miżmuma fir-reġistri — Derogi”

Sommarju tas-sentenza

1.        Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra — Sistema integrata ta’ reġistri tal-Unjoni u tal-Istati Membri — Data dwar it-tranżazzjonijiet ta’ kwoti — Komunikazzjoni u kunfidenzjalità

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2216/2004; Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill Ewropew 2003/87, Artikolu 19, kif emendata bid-Direttiva 2004/101)

2.        Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra — Sistema integrata ta’ reġistri tal-Unjoni u tal-Istati Membri — Data dwar it-tranżazzjonijiet ta’ kwoti — Kunfidenzjalità ta’ din id-data — Komunikazzjoni lill-pubbliku

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2216/2004, Artikoli 9, 10, u Anness XVI, punti 11 u 12; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, kif emendata bid-Direttiva 2004/101)

3.        Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra — Sistema integrata ta’ reġistri tal-Unjoni u tal-Istati Membri — Data dwar it-tranżazzjonijiet ta’ kwoti — Kunfidenzjalità ta’ din id-data — Komunikazzjoni lill-pubbliku

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2216/2004, Anness XVI, punt 12; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, kif emendata bid-Direttiva 2004/101)

1.        Il-komunikazzjoni ta’ data dwar it-tranżazzjonijiet dwar l-ismijiet tal-persuni li f’isimhom jinsabu l-kontijiet ta’ oriġini u tad-destinazzjoni tat-trasferimenti tal-kwoti ta’ emissjonijiet, tal-kwoti jew unitajiet ta’ Kyoto involuti f’dawn it-tranżazzjonijiet, kif ukoll id-data u l-ħin tal-imsemmija tranżazzjonijiet, taqa’ esklużivament taħt ir-regoli speċifiċi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku u ta’ kunfidenzjalità li jinsabu fid-Direttiva 2003/87 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni li tirriżulta mid-Direttiva 2004/101 u fir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2216/2004, għal sistema standardizzata u sikura ta’ reġistri skont id-Direttiva 2003/87 u tad-Deċiżjoni 280/2004.

Fil-fatt, din id-data hija dik dwar il-kwoti ttrasferiti li jridu jkunu s-suġġett ta’ reġistrazzjoni preċiża mill-Istati Membri fir-reġistri nazzjonali rispettivi tagħhom, u li l-karatteristiċi tekniċi tagħhom fir-rigward ta’ kif jinżammu, kif ukoll dawk dwar il-komunikazzjoni u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tinsab f’dawn ir-reġistri huma ddeterminati mir-Regolament Nru 2216/2004. Għaldaqstant, hija taqa’ taħt l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/87 u mhux taħt l-Artikolu 17 tagħha. Issa, sa fejn l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/87 ma jirriferix għad-Direttiva 2003/4, li huwa analogu għal dak li jidher fl-imsemmi Artikolu 17, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jissuġġetta talba dwar id-data dwar it-tranżazzjonijiet għad-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva 2003/4, imma bil-kontra waqqaf, fir-rigward ta’ din l-informazzjoni, sistema speċifika u eżawrjenti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tal-imsemmija data kif ukoll tal-kunfidenzjalità tagħha

(ara l-punti 39-41 u d-dispożittiv 1)

2.        Data dwar it-tranżazzjonijiet dwar l-ismijiet tal-persuni li f’isimhom jinsabu l-kontijiet ta’ oriġini u tad-destinazzjoni tat-trasferimenti tal-kwoti ta’ emissjonijiet, tal-kwoti jew unitajiet ta’ Kyoto involuti f’dawn it-tranżazzjonijiet, kif ukoll id-data u l-ħin tal-imsemmija tranżazzjonijiet, mitluba minn awtorità pubblika li tixtieq tinnegozja mill-ġdid ftehim ta’ kiri, hija data kunfidenzjali fis-sens tar-Regolament Nru 2216/2004 għal sistema standardizzata u sikura ta’ reġistri skond id-Direttiva 2003/87 u d-Deċiżjoni Nru 280/2004. Skont l-Artikoli 9 u 10 tal-imsemmi regolament, moqrija flimkien mal-punti 11 u 12 tal-Anness XVI tiegħu, fin-nuqqas ta’ ftehim minn qabel tad-detenturi tal-kontijiet, tali data hija biss ikkonsultata liberament mill-pubbliku ġenerali fil-parti pubblika tas-sit web tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet, mill-15 ta’ Jannar tal-ħames sena (X+5) wara s-sena (X) tat-twettiq tat-tranżazzjonijiet relattivi għat-trasferimenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.

                                          (ara l-punti 52, 53 u d-dispożittiv 2)

3.        Għalkemm għall-finijiet ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 2216/2004 għal sistema standardizzata u sikura ta’ reġistri skond id-Direttiva 2003/87 u d-Deċiżjoni Nru 280/2004, l-Amministratur Ċentrali huwa l-uniku wieħed kompetenti sabiex jikkomunika lill-pubbliku ġenerali d-data msemmija fil-punt 12 tal-Anness XVI ta’ dan ir-Regolament, madankollu, huwa l-obbligu tal-amministratur tar-reġistru nazzjonali, li tkun saritlu talba għall-komunikazzjoni ta’ tali data dwar it-tranżazzjonijiet, li jiċħad huwa stess din it-talba sa fejn, fin-nuqqas tal-ftehim minn qabel tad-detenturi tal-kontijiet ikkonċernati, dan l-amministratur huwa obbligat li jiżgura l-kunfidenzjalità ta’ tali data, sakemm din ma tistax tiġi legalment ikkomunikata lill-pubbliku ġenerali mill-Amministratur Ċentrali.

(ara l-punt 59 u d-dispożittiv 3)