Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Mejju 2007 - TyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-144/07)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: TyssenKrupp Liften Ascenseurs NV/SA (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: V. Turner u D. Mes, Avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, safejn din tirrigwardaha;

sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)512 finali (każ COMP/E-1/38.823 - PO/Elevators and escalators). Hija titlob l-annullament tad-deċiżjoni safejn din tirrigwardaha, jew tnaqqis tal-multa imposta fuqha. In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni fl-ewwel lok li l-Kummissjoni ma kinitx autorizzata tapplika l-Artikolu 81 KE peress li l-ksur ma kellu ebda effett sinjifikanti fuq il-kummerċ fl-UE.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kinitx l-awtorità fil-qasam tal-kompetizzjoni li kienet fl-aħjar pożizzjoni għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE, fis-sens ta' l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-Netwerk ta' l-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni 1. Skond ir-rikorrenti, meta l-Kummissjoni xorta waħda fetħet proċedura, hija kisret l-aspettativi leġittimi li l-applikazzjoni ta' dan l-Avviż setgħet tnissel fir-rikorrenti.

Fit-tielet lok, meta l-Kummissjoni fetħet il-proċedura u imponiet multa, hija kisret il-prinċipju ta' "ne bis in idem", il-prinċipju taċ-ċertezza legali, il-prinċipju ta' l-aspettativi leġittimi u l-prinċipju ta' l-amministrazzjoni tajba, peress li l-awtorità Belġjana fil-qasam tal-kompetizzjoni kienet tat lir-rikorrenti immunità minn multi fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-ksur relattiv għall-kartell li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbiliet illegalment li r-rikorrenti, ThyssenKrupp Elevators AG u ThyssenKrupp AG huma responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq mir-rikorrenti.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li meta l-Kummissjoni stabbiliet il-multa li kellha tiġi imposta, hija kisret l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 2, il-Linji ta' gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-multi 3, il-prinċipju tat-trattament ugwali u l-prinċipju ta' proporzionalità. Minbarra dan, il-Kummissjoni ma rrispettatx il-limitu massimu tal-multa skond l-Artikolu 23.

Ir-rikorrenti takkuża wkoll lill-Kummissjoni li kisret l-Avviż dwar il-klemenza 4 u l-prinċipju ta' trattament ugwali meta hija stabbiliet it-tnaqqis tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti minħabba l-kooperazzjoni tar-rikorrenti fl-ambitu ta' l-avviż dwar il-klemenza.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali, il-prinċipju ta' proporzjonalità, il-prinċipju ta' l-aspettativi leġittimi u l-prinċipju ta' l-amministrazzjoni tajba, meta hija stabbiliet it-tnaqqis tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti minħabba l-kollaborazzjoni barra mill-kuntest tal-leġiżlazzjoni fuq il-klemenza.

____________

1 - ĠU 2004, C 101, p. 43

2 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, p. 1).

3 - Avviż tal-Kummissjoni - Linji ta' gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3).

4 - Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (ĠU C 45, p. 3)