Language of document : ECLI:EU:C:2018:89

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-22 ta’ Frar 2018 (1)

Kawża C‑20/17

Vincent Pierre Oberle

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Ġurisdizzjoni ġenerali ta’ qorti ta’ Stat Membru biex tiddeċiedi fuq is-suċċessjoni fl-intier tagħha – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor li tistabbilixxi ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni użat għal finijiet simili”






I.      Introduzzjoni

1.        Ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (2) ilu applikabbli mis-17 ta’ Awwissu 2015. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija t-tielet waħda fejn il-qorti ta’ Stat Membru qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament (3).

2.        F’din il-kawża, id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw ir-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 650/2012 u regoli nazzjonali dwar is-suċċessjonijiet. Biex inkunu iktar preċiżi, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) tixtieq tistabbilixxi jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 jirregolax ukoll il-ġurisdizzjoni għall-proċeduri dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni. Dan ifisser li l-Istati Membri, f’dan il-qasam, ma jistgħux jistabbilixxu regoli li jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni nazzjonali b’mod differenti minn dak previst fir-regolament imsemmi iktar ’il fuq.

3.        Din il-problema hija estremament kumplessa u l-importanza prattika tas-sentenza li ser tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ tmur lil hinn minn dik tas-sentenza fil-kawża Mahnkopf (4). Infakkar li dan l-aħħar każ pendenti jikkonċerna dispożizzjoni iżolata tad-dritt Ġermaniż. Madankollu, f’dan il-każ, hija kwistjoni li tiġi deċiża materja potenzjalment importanti għall-Istati Membri kollha li fihom teżisti l-possibbiltà għall-awtoritajiet ġudizzjarji li joħorġu ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni (5).

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Skont l-Artikolu 3(1)(g) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012:

“(g)      ‘deċiżjoni’ tfisser kwalunkwe deċiżjoni f’materja ta’ suċċessjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, ikun xi jkun l-isem li jingħatalha, inkluża deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż jew l-infiq minn uffiċjal tal-qorti;

2.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘qorti’ jfisser kull awtorità ġudizzjarja u awtoritajiet u professjonisti legali oħra kollha bħal dawn b’kompetenza f’materji ta’ suċċessjoni li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu taħt delegazzjoni ta’ setgħa minn xi awtorità ġudizzjarja jew jaġixxu taħt il-kontroll ta’ xi awtorità ġudizzjarja dment li dawn l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn joffru garanziji fir-rigward tal-imparzjalità u d-dritt tal-partijiet kollha li jinstemgħu u dment li d-deċiżjonijiet tagħhom jittieħdu skont il-liġi tal-Istat Membru li fih joperaw:

(a)      jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell jew reviżjoni minn awtorità ġudizzjarja; kif ukoll

(b)      għandhom forza u effett simili bħal deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja dwar l-istess materja. […]”

5.        Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012, bit-titolu “Ġuriżdizzjoni ġenerali”, li jidher fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, taħt it-titolu “Ġuriżdizzjoni”:

“Il-qrati tal-Istat Membru li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha”.

6.        L-Artikolu 62, bit-titolu “Ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”, tar-Regolament Nru 650/2012 jistabbilixxi li:

“1.      Dan ir-Regolament joħloq Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (minn hawn ’il quddiem ‘iċ-Ċertifikat’) li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor u għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69.

2.      L-użu taċ-Ċertifikat ma għandux ikun mandatorju.

3.      Iċ-Ċertifikat ma għandux jieħu l-post tad-dokumenti interni li jintużaw għal finijiet simili fl-Istati Membri. Madankollu, ladarba jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor, iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69 fl-Istat Membru li l-awtoritajiet tiegħu jkunu ħarġuh f’konformità ma’ dan il-Kapitolu.”

B.      Id-dritt Ġermaniż

7.        Skont l-Artikolu 105 tal-Gesetz über das Verfahren in Familiensachen und in den Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit (il-Liġi dwar il-Proċedura tad-Dritt tal-Familja u tal-Ġurisdizzjoni Volontarja, iktar ’il quddiem il-“FamFG”), fil-verżjoni tagħha tas-17 ta’ Diċembru 2008, li ilha fis-seħħ mill-1 ta’ Settembru 2009:

“Fil-kuntest tal-proċeduri l-oħra previsti f’din il-liġi, il-qrati Ġermaniżi għandhom ġurisdizzjoni meta qorti Ġermaniża għandha ġurisdizzjoni territorjali”.

8.        Fil-qasam tas-suċċessjonijiet, il-ġurisdizzjoni territorjali fid-dritt Ġermaniż hija rregolata mill-Artikolu 343 tal-FamFG. Fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-Gesetz zum Internationalen Erbrecht und zur Änderung von Vorschriften zum Erbschein sowie zur Änderung Sonstiger Vorschriften (il-Liġi dwar id-Dritt tas-Suċċessjoni Internazzjonali u li temenda d-Dispożizzjonijiet relatati maċ-Ċertifikat tal-Eredità u Dispożizzjonijiet oħra) tad-29 ta’ Ġunju 2015, li daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Awwissu 2015, din id-dispożizzjoni tgħid dan li ġej:

“1.      Il-qorti li għandha ġurisdizzjoni territorjali hija dik li fid-distrett tagħha d-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt tiegħu.

2.      Jekk, fil-mument tal-mewt tiegħu, id-deċedut ma kellux residenza abitwali fit-territorju nazzjonali, il-qorti kompetenti għandha tkun dik li fid-distrett tagħha d-deċedut kellu l-aħħar residenza abitwali tiegħu fit-territorju nazzjonali.

3.      Jekk il-kundizzjonijiet tal-ġurisdizzjoni skont il-paragrafi 1 u 2 ma jiġux issodisfatti, l-Amtsgericht Schöneberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Schöneberg) f’Berlin għandu jkollha l-ġurisdizzjoni fejn id-deċedut ikun Ġermaniż jew jekk il-proprjetà tas-suċċessjoni tkun tinsab fit-territorju nazzjonali. […]”.

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9.        Adrien Théodore Oberle, ċittadin Franċiż, li l-aħħar residenza abitwali tiegħu kienet fi Franza, miet fit-28 ta’ Frar 2015. A.T. Oberle ħalla żewġt itfal wara mewtu. Wieħed minnhom huwa Vincent Pierre Oberle, ir-rikorrent fil-każ quddiem il-qorti nazzjonali. L-elementi kostituttivi tas-suċċessjoni jinsabu fi Franza u fil-Ġermanja.

10.      Qorti Franċiża ħarġet ċertifikat nazzjonali ta’ suċċessjoni, li jindika lil V.P. Oberle u ħuh bħala werrieta, kull wieħed b’nofs il-patrimonju.

11.      V.P. Oberle sussegwentement ippreżenta rikors quddiem l-Amtsgericht Schöneberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Schöneberg, il-Ġermanja) bħala l-qorti kompetenti fuq is-suċċessjoni ta’ A.T. Oberle skont l-Artikolu 105 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 343(3) tal-FamFG, dwar il-ħruġ ta’ ċertifikat nazzjonali ta’ suċċessjoni, limitat għall-patrimonju tas-suċċessjoni fil-Ġermanja. Dan iċ-ċertifikat kellu jikkonferma li, skont id-dritt Franċiż, V.P. Oberle u ħuh kienu werrieta tal-patrimonju kkonċernat.

12.      Madankollu, l-Amtsgericht Schöneberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Schöneberg) iddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni għall-iskop li toħroġ ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni abbażi tal-Artikoli 4 u 15 tar-Regolament Nru 650/2012. Skont dik il-qorti, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż ma jistgħux jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni internazzjonali fir-rigward tal-proċedura relatata mat-talba ta’ V.P. Oberle. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali għandhom jitwarrbu minħabba s-supremazija tar-Regolament Nru 650/2012. Fi kliem ieħor, huma l-qrati Franċiżi (fil-kapaċità tagħhom bħala qrati tal-Istat Membru fejn id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument ta’ mewtu) li għandhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu fuq is-suċċessjoni kollha tiegħu, u dan jinkludi t-talba ta’ V.P. Oberle, u mhux il-qrati Ġermaniżi.

13.      V.P. Oberle kkontesta d-deċiżjoni tal-Amtsgericht Schöneberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Schöneberg) quddiem il-qorti tar-rinviju.

IV.    Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 4 tar-Regolament [Nru 650/2012], għandu jiġi interpretat fis-sens li jiddetermina wkoll il-ġurisdizzjoni internazzjonali esklużiva fil-qasam tal-ħruġ, fl-Istati Membri, ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni li ma ġewx issostitwiti biċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ara l-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 650/2012)) b’tali mod li d-dispożizzjonijiet diverġenti adottati mil-leġiżlaturi nazzjonali fir-rigward tal-ġurisdizzjoni internazzjonali fil-qasam tal-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni – bħall-Artikolu 105 tal-Gesetz über das Verfahren in Familiensachen und in den Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit (liġi dwar il-proċedura fil-qasam tal-familja u tal-ġurisdizzjoni volontarja) fil-Ġermanja – huma ineffettivi minħabba li jmorru kontra dispożizzjonijiet tad-dritt Ewropew ta’ livell ogħla?”

15.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Jannar 2017.

16.      Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ġermaniż, Pollakk, Portugiż u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Ġermaniż, Franċiż u Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni ħadu sehem fis-seduta li saret fit-23 ta’ Novembru 2017.

V.      Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

17.      Id-domanda preliminari kienet ġiet ifformulata b’tali mod li setgħet tissuġġerixxi li l-qorti tar-rinviju xtaqet tiddetermina jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 jistabbilixxix “ġurisdizzjoni esklużiva” fuq il-proċeduri għall-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni.

18.      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ “ġurisdizzjoni esklużiva” għandu tifsira speċifika fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ċivili internazzjonali.

19.      Skont ir-regoli tas-sistema ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li r-regoli li jistabbilixxu ġurisdizzjoni esklużiva jikkostitwixxu eċċezzjoni għar-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni (6) u huma imposti b’forza speċifika kemm fuq il-partijiet fil-kawża kif ukoll fuq il-qrati (7). Pereżempju, il-partijiet ma jistgħux, bħala prinċipju, jidderogaw minnhom kuntrattwalment u lanqas b’dehra volontarja.

20.      Madankollu, inqis li sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, il-kwistjoni jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 jistabbilixxix “ġurisdizzjoni esklużiva” fis-sens imsemmi hawn fuq bilkemm għandha importanza. Fil-fatt l-Istati Membri ma jistgħux jagħmlu tibdil fir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tad-dritt tal-Unjoni billi jirrikorru għal dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali (sakemm dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ma jipprovdux mod ieħor), u dan ukoll meta r-regoli msemmija iktar ’il fuq jirrigwardaw ġurisdizzjoni mhux esklużiva.

21.      Għaldaqstant, bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-fatt tixtieq tiddetermina jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 jiddeterminax il-ġurisdizzjoni fuq il-proċeduri għall-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali ta’ suċċessjoni.

22.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel jeħtieġ li jiġi evalwat jekk iċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni u l-proċeduri relatati jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012.

B.      Iċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012?

1.      Iċ-ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri

23.      Il-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-istudji tad-dritt komparattiv jindikaw li ċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni użati f’ċerti Stati Membri juru differenzi kunsiderevoli bejniethom.

24.      Bl-użu tal-kriterju tal-awtorità li tipparteċipa fil-ħruġ taċ-ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni, jistgħu jiġu distinti tliet kategoriji ta’ ċertifikati: iċ-ċertifikati ġudizzjarji, iċ-ċertifikati maħruġa minn nutara u d-dikjarazzjonijiet privati (8). Madankollu, dan il-kriterju jista’ ma jkunx affidabbli wisq għall-karatterizzazzjoni ta’ ċertifikati nazzjonali ta’ suċċessjoni meta, fi ħdan stess ta’ dawk il-kategoriji, jeżistu differenzi kunsiderevoli bejn is-soluzzjonijiet adottati fl-Istati Membri differenti. Dawn id-differenzi jikkonċernaw in-natura ta’ dawn iċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni, fuq il-portata u l-mod li bih huma stabbiliti l-konstatazzjonijiet li jservu bħala bażi għall-informazzjoni li tinsab f’dawn iċ-ċertifikati, kif ukoll l-effetti ta’ dawn iċ-ċertifikati (9).

25.      Fi kwalunkwe każ, jista’ jiġi kkunsidrat, f’forma ssimplifikata, li ċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni jirriflettu informazzjoni dwar is-suċċessjoni ta’ persuna partikolari, inkluża informazzjoni dwar il-persuni li jgawdu ċerti drittijiet bħala riżultat tal-mewt tad-deċedut. Normalment, dawn iċ-ċertifikati jagħmluha possibbli li dawn l-elementi jiġu stabbiliti fir-rigward ta’ awtoritajiet pubbliċi u ta’ terzi (10).

2.      Iċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni taħt ir-Regolament Nru 650/2012

26.      Ir-Regolament Nru 650/2012 ma jirreferi għall-ebda kunċett ta’ “ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni”. Min-naħa l-oħra, f’dan ir-regolament hemm kliem li jirriferi għad-“dokumenti interni li jintużaw għal finijiet simili [li għalihom jintuża ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni] fl-Istati Membri”, dokumenti li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni “ma għandux jieħu [posthom]”, skont l-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 650/2012 u l-premessa 67 ta’ dan ir-regolament.

27.      Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija fit-tieni sentenza tal-premessa 67 tar-Regolament Nru 650/2012, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jintuża biex jipprova, b’mod partikolari, l-istatus tal-eredi kif ukoll id-drittijiet u s-setgħat tagħhom fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih ikun inħareġ iċ-ċertifikat inkwistjoni. Iċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni huma preċiżament dokumenti interni li jaqdu finijiet simili (11).

28.      Il-qorti tar-rinviju tittratta wkoll iċ-ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni msemmi fil-kawża prinċipali bħala “dokument intern” fis-sens tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 650/2012. Fil-fatt id-domanda preliminari tirreferi għal “ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni li ma ġewx issostitwiti biċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”. Barra minn hekk, il-kliem tad-domanda preliminari jirreferi espressament għall-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 650/2012.

3.      Iċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012

29.      Il-punt ta’ tluq għal kunsiderazzjonijiet li ġejjin huwa li jiġi ċċarat jekk iċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni effettivament jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012.

a)      Il-pożizzjoni tal-partijiet

30.      Il-problema msemmija iktar ’il fuq kienet ġiet indirizzata direttament biss mill-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u mill-Kummissjoni waqt is-seduta. Dan il-Gvern u l-Kummissjoni jikkunsidraw li ċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni u l-proċeduri għall-ħruġ tagħhom jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012.

31.      Il-Gvern Ġermaniż jirreferi wkoll għal din il-kwistjoni, b’mod indirett. Skont dak il-Gvern, jirriżulta mill-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 650/2012 li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-ħruġ ta’ dawn iċ-ċertifikati japplikaw b’mod parallel mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012. Il-Gvern Portugiż jadotta pożizzjoni simili.

b)      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 650/2012 bħala dispożizzjoni li tiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament

32.      Ir-Regolament Nru 650/2012 fih regoli tad-dritt sostantiv (regoli tal-kunflitt tal-liġijiet) u tal-proċedura ċivili internazzjonali (regoli ta’ ġurisdizzjoni). Il-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tar-Regolament Nru 650/2012, iddelimitat mill-Artikolu 1 tiegħu, huwa identiku bħala prinċipju, fir-rigward taż-żewġ tipi ta’ dispożizzjonijiet (12).

33.      Ir-Regolament Nru 650/2012 jirrigwarda s-suċċessjonijiet causa mortis (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1)). Il-kwistjonijiet esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 huma elenkati fl-Artikolu 1(2) ta’ dak l-istess regolament. Madankollu, dawn huma ta’ natura materjali u ma humiex relatati b’mod fundamentali mal-istrumenti legali u l-proċeduri relatati mas-suċċessjonijiet.

34.      L-Artikolu 1(2)(l) tar-Regolament Nru 650/2012 jikkostitwixxi b’ċertu mod eċċezzjoni, billi jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament kull reġistrazzjoni f’reġistru ta’ drittijiet immobbli jew mobbli, inkluż ir-rekwiżiti legali applikabbli għal dik ir-reġistrazzjoni, kif ukoll l-effetti tar-reġistrazzjoni jew in-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn id-drittijiet f’reġistru (13). L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 650/2012 ma fih l-ebda dispożizzjoni li tista’ tissuġġerixxi li strumenti legali u proċeduri oħra, li mingħajr dubju jikkonċernaw suċċessjonijiet causa mortis, ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istess regolament.

c)      L-importanza tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 650/2012 fid-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament

35.      Tqum għalhekk il-mistoqsija dwar jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 650/2012 tiddeċidix minn qabel l-esklużjoni taċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-istess regolament; din id-dispożizzjoni tipprovdi li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni “ma għandux jieħu l-post” tad-dokumenti interni użati għal finijiet simili fl-Istati Membri.

36.      Id-duttrina legali esprimiet il-fehma li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 650/2012 tiddefinixxi r-relazzjoni bejn iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni u ċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni. Dan l-artikolu ma huwiex maħsub biex jeskludi ċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni stabbiliti fir-Regolament Nru 650/2012 (14).

37.      Naqbel ma’ din il-fehma. Ta’ min jinnota li jirriżulta mill-Artikolu 62(2) tar-Regolament Nru 650/2012 li l-użu taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma huwiex obbligatorju. Fid-dawl tad-dikjarazzjoni fit-tieni sentenza tal-premessa 69, tar-Regolament Nru 650/2012, persuni intitolati li jressqu talba għal Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma humiex obbligati li jużawh. Fil-fatt, dawn il-persuni jistgħu jirrikorru għall-“istrumenti l-oħrajn disponibbli skont dan ir-Regolament (deċiżjonijiet, strumenti awtentiċi u soluzzjonijiet bil-qorti).” Huwa għalhekk meħtieġ li dawn l-istrumenti jintużaw għall-istess finijiet bħal dawk li għalihom jista’ jintuża ċ-ċertifikat tas-suċċessjoni. Iċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni għandhom jiġu inklużi wkoll fost dawn l-istrumenti. Fil-fatt, dawn iċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni bħala prinċipju jintużaw għal finijiet simili bħal dawk segwiti miċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (15). Fi kliem ieħor, iċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni huma għalhekk “disponibbli” ukoll fir-Regolament Nru 650/2012, biex nużaw l-espressjoni użata fil-premessa 69 ta’ dak ir-regolament.

38.      Interpretazzjoni tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 650/2012 li tippresupponi li ċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni huma maħsuba għal użu intern fi ħdan Stat Membru partikolari ma twassalx għal konklużjoni differenti. Dan jista’ jfisser li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni “ma għandux jieħu l-post” taċ-ċertifikati nazzjonali, peress li jinħareġ għall-użu fi Stati Membri differenti minn dawk li l-awtoritajiet tagħhom huma kompetenti biex joħorġu ċertifikat bħal dan (l-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 650/2012).

39.      F’dan ir-rigward, ma nixtieqx niddeċiedi minn qabel kwistjoni li għalija tagħti lok għal dubji dwar il-possibbiltà li tiġi aċċettata differenzazzjoni bħal din fir-rigward tal-għan taċ-ċertifikati tas-suċċessjoni. Sa issa, madankollu, iċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni setgħu jintużaw ukoll fi Stati Membri oħra. Ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jikkunsidra li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jibdel dan l-istat ta’ fatt. Fid-dawl tat-tieni sentenza tal-premessa 69 tar-Regolament Nru 650/2012, il-persuni kkonċernati jistgħu fil-fatt jirrikorru għal strumenti oħra għal finijiet simili bħal dawk segwiti miċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

d)      Konklużjoni provviżorja

40.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 ġie ddelimitat b’tali mod li, fil-kuntest tar-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet u r-regoli ta’ ġurisdizzjoni, ikopri l-kwistjonijiet kollha relatati mas-suċċessjonijiet causa mortis, sakemm ir-regolament innifsu ma jipprovdix l-esklużjoni fuq kwistjonijiet speċifiċi. Jiena ma nidentifika l-ebda esklużjoni fi ħdan ir-Regolament Nru 650/2012 li tirrigwarda ċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni u l-proċeduri relatati.

41.      Għalhekk nikkunsidra li l-istrumenti legali bħalma huma ċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni u l-proċeduri relatati jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012. Dan ma jippreġudikax il-punt jekk ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni bħal dak ikkonċernat fil-proċeduri prinċipali huwiex “deċiżjoni” jew “strument awtentiku” fis-sens ta’ dak ir-regolament.

C.      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 jiddetermina wkoll il-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-proċeduri tal-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni?

42.      Għal dak li jirrigwarda l-parti fundamentali tal-analiżi relatata mad-domanda preliminari, huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 jiddeterminax il-ġurisdizzjoni fuq il-proċeduri għall-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni bħal dak ikkonċernat fil-kawża prinċipali.

43.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li r-Regolament Nru 650/2012 ma fihx dispożizzjonijiet li jirregolaw direttament il-ġurisdizzjoni bil-għan li jinħarġu ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni. Kieku l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 kellu jirreferi għaċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni, l-Artikolu 64(1) ta’ dak ir-regolament (fuq iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni) kien ikun dispożizzjoni superfluwa.

44.      Skont il-qorti tar-rinviju, anki jekk wieħed jassumi li l-Artikolu 4 ta’ dak ir-regolament jiddetermina l-ġurisdizzjoni fuq il-proċeduri għall-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni, dik id-dispożizzjoni tista’ fi kwalunkwe każ ma tkunx applikabbli fil-kuntest tal-proċedura prinċipali. Dan ikun il-każ jekk ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni bħal dak fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi “deċiżjoni” fis-sens tar-Regolament Nru 650/2012. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, dan ma huwiex il-każ. Għalkemm maħruġ bħala riżultat ta’ ordni, tali ċertifikat fih biss konstatazzjonijiet ta’ fatt. Ma fih l-ebda element li jista’ jikseb il-forza ta’ res judicata.

1.      Il-pożizzjonijiet tal-partijiet

45.      Il-Gvern Ġermaniż, Franċiż u Portugiż jikkunsidraw li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 ma jiddeterminax il-ġurisdizzjoni internazzjonali fuq proċeduri għall-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni, filwaqt li l-Kummissjoni u l-Gvern Pollakk jiddefendu fehma opposta.

46.      Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 jiddetermina l-ġurisdizzjoni fi proċeduri li fil-kuntest tagħhom jingħataw “deċiżjonijiet”, filwaqt li ċ-ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni msemmi fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma għandux din in-natura. Skont il-Gvern Ġermaniż, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jqisx iċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni bħala “deċiżjonijiet”, peress li jiddeskrivi dawn iċ-ċertifikati bħala “dokumenti interni” fl-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 650/2012. Il-fatt li tali ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni jinħareġ minn qorti ftit li xejn għandu effett fuq dik id-deskrizzjoni taħt ir-Regolament Nru 650/2012. Fil-fatt, dan iċ-ċertifikat xorta ma jistax jiġi deskritt bħala “deċiżjoni”.

47.      Din hija wkoll il-pożizzjoni tal-Gvern Franċiż, li jaqsam il-fehma li wieħed jista’ jiddeskrivi bħala “deċiżjoni” ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni maħruġ fil-qafas tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji ta’ qorti. Madankollu, l-operazzjonijiet ta’ ħruġ taċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni ma humiex ta’ din in-natura, meta dawn huma limitati biex jaċċertaw ċertu stat ta’ fatt, mingħajr ma jagħmlu l-ebda valutazzjoni u mingħajr il-possibbiltà li jieħdu miżuri ex officio f’dan ir-rigward.

48.      Il-Gvern Portugiż jindika min-naħa tiegħu li ċ-ċertifikat tas-suċċessjoni nazzjonali, li dwaru jirrelataw il-proċeduri prinċipali għandu, bħaċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, jitqies bħala strument ta’ natura ibrida. Għaldaqstant, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 ma jistax japplika fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

49.      Il-Kummissjoni tikkunsidra min-naħa tagħha li l-Istati Membri huma ħielsa li jiddeċiedu lil min jassenjaw il-funzjoni tal-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni. Madankollu, jekk l-Istati Membri jafdaw l-imsemmija funzjoni lil qorti, huma għandhom iġorru l-konsegwenzi ta’ dik l-għażla. Fil-fatt, kif isostni wkoll il-Gvern Pollakk, ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni maħruġ minn qorti huwa “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012, irrispettivament mill-pożizzjoni adottata f’dan ir-rigward mid-dritt nazzjonali.

50.      Fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-partijiet essenzjalment jirreferu għaż-żewġ argumenti mressqa mill-qorti tar-rinviju, li fil-parti l-kbira tagħhom jikkostitwixxu sinteżi tal-pożizzjonijiet li assumiet id-duttrina dwar il-problema inkwistjoni. Ċerti awturi jikkunsidraw li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 ma japplikawx għall-proċeduri għall-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni (16), filwaqt li oħrajn iqisu li dan ir-regolament jirregola l-ġurisdizzjoni nazzjonali fuq is-suċċessjonijiet b’mod universali (bl-eċċezzjoni tal-miżuri provviżorji, imsemmija fl-Artikolu 19) u li, bħala tali, dan ir-regolament jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet kollha tal-liġi nazzjonali f’dan il-qasam (17).

2.      Osservazzjoni preliminari

51.      Jiena nqis li hemm żewġ binarji ta’ raġunament li jistgħu jwasslu għal risposta utli għall-qorti tar-rinviju.

52.      L-ewwel wieħed jikkonsisti fl-evalwazzjoni taċ-ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni, bħal dak li dwaru tirrigwarda l-kawża prinċipali. L-għan huwa li jiġi deskritt bħala “deċiżjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012 jew “strument awtentiku” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(i) ta’ dak l-istess regolament. Il-fatt li dak iċ-ċertifikat jiġi kklassifikat bħala “strument awtentiku” jista’ jwassal għall-konklużjoni li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru ma humiex, bħala prinċipju, marbuta bir-regoli ta’ ġurisdizzjoni peress li r-Regolament Nru 650/2012 ma jispeċifikax liema huma l-awtoritajiet li jistgħu jistabbilixxu tali strumenti.

53.      It-tieni binarju jikkonsisti fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 b’mod li jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tiddefinix il-ġurisdizzjoni tal-proċeduri kollha ta’ suċċessjoni li jiġu quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri.

54.      Jidhirli li l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni u mill-Gvern Pollakk jolqtu indirettament tali eventwalità. Dan ifisser li l-deskrizzjoni ta’ ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni bħal dak fil-kawża prinċipali hija fil-fatt irrilevanti għall-iskop li tingħata risposta għad-domanda preliminari.

55.      Huwa dan it-tieni raġunament li ser insegwi f’dawn il-konklużjonijiet. Se nibda l-analiżi sussegwenti billi jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 jiddefinixxix il-ġurisdizzjoni għall-proċeduri tas-suċċessjoni li jsiru quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri.

56.      Hija biss risposta negattiva għad-domanda hekk magħmula li teħtieġ id-determinazzjoni jekk ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni (bħal dak li dwaru tirrigwarda l-kawża prinċipali) jikkostitwixxix “deċiżjoni” jew “strument awtentiku” fis-sens tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq.

3.      Interpretazzjoni letterali

57.      Id-determinazzjoni tal-portata tar-regola prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 permezz ta’ interpretazzjoni letterali, sabiex ikun jista’ jiġi deċiż jekk dik ir-regola tirrigwardax ukoll proċeduri għall-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tinvolvi l-interpretazzjoni tat-termini “qorti” u deċiżjoni “dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha” taħt dak ir-regolament.

a)      Il-kunċett ta’ “qorti” taħt ir-Regolament Nru 650/2012

58.      Fil-kuntest tar-Regolament Nru 650/2012, it-terminu “ġurisdizzjoni” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(2) tiegħu. Dan il-kunċett jestendi għal “kull awtorità ġudizzjarja” kif ukoll għal kull awtorità oħra u kull professjonist legali kompetenti f’affarijiet tas-suċċessjonijiet, sakemm, madankollu, ir-rekwiżiti l-oħra previsti f’din id-dispożizzjoni ikunu ssodisfatti.

59.      Fid-dawl tal-indikazzjoni li tidher fit-tieni sentenza tal-premessa 20 tar-Regolament Nru 650/2012, il-kunċett ta’ “qorti” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ biex jinkludi “qrati fil-veru sens tal-kelma, li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji” iżda wkoll persuni oħra li, għal ċerti kwistjonijiet tas-suċċessjoni jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji.

60.      Dan l-element jista’ jissuġġerixxi li awtorità li, formalment, hija parti mill-istruttura ġudizzjarja ta’ Stat Membru partikolari imma li ma teżerċitax funzjoni ġudizzjarja fi proċedura speċifika fil-verità, ma hijiex, “qorti’ fit-tifsira tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012.

61.      Madankollu, il-kliem tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012 jista’ jargumenta wkoll kontra interpretazzjoni ristretta tal-kunċett ta’ “ġurisdizzjoni” sa fejn tikkonċerna “awtoritajiet ġudizzjarji”. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-kunċett ta’ “ġurisdizzjoni” ikopri “kull awtorità ġudizzjarja”.

62.      Barra minn hekk, mhux possibbli li wieħed jasal għal konklużjonijiet li jmorru lil hinn ħafna mid-dikjarazzjoni fit-tieni sentenza tal-premessa 20, tar-Regolament Nru 650/2012 (it-terminu “ġurisdizzjoni” jirreferi għal “qrati fil-veru sens tal-kelma, li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji”). Ma tistax tiġi dedotta mill-affermazzjoni li t-terminu “qorti” għandu jiġi interpretat b’ċertu mod (b’tali mod li ma jistax ikun hemm dubju li dan il-kunċett ma huwiex limitat għal qrati li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji biss) konklużjoni mingħajr ambigwità li dan il-kunċett ma jestendix għal “qrati fil-veru sens tal-kelma” li ma jeżerċitawx dawn il-funzjonijiet fi proċedura partikolari.

63.      Din il-konklużjoni ma tistax tinsilet mit-tielet u r-raba’ sentenzi tal-premessa 20, u l-premessi 21, 22 u 36 tar-Regolament Nru 650/2012, li jispeċifikaw li “awtoritajiet mhux ġudizzjarji” li ma jeżerċitawx funzjoni ġudizzjarja ma humiex marbuta bir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt. dawn il-premessi ma jirreferux għal “awtoritajiet ġudizzjarji”.

64.      Għaldaqstant, inqis li interpretazzjoni letterali tal-kunċett ta’ “qorti”, imsemmi fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012, ma tistax tiddetermina jekk l-Artikolu 4 ta’ dak ir-regolament jiddeterminax il-ġurisdizzjoni biss fir-rigward tal-proċeduri li fihom awtorità ġudizzjarja teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji.

b)      L-espressjoni “biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha”

65.      Il-Gvern Ġermaniż u dak Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni jirreferu, fl-osservazzjonijiet tagħhom, għal ċerta partikolarità fil-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012, li jirreferi għall-qrati ta’ Stat Membru li għandhom ġurisdizzjoni f’“deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni” (“für Entscheidungen in Erbsachen”). Il-kliem tal-verżjoni Ġermaniża tar-Regolament Nru 650/2012 jista’ jkun indikazzjoni fir-rigward tal-fatt li din id-dispożizzjoni tiddetermina l-ġurisdizzjoni biss għal proċeduri li fihom il-qrati tal-Istati Membri jieħdu “deċiżjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) ta’ dak ir-regolament.

66.      Madankollu, fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tar-Regolament Nru 650/2012, l-Artikolu 4 ma jinkludix it-terminu “deċiżjoni” imma pjuttost il-kelma “tiddeċiedi” (18) f’materji ta’ suċċessjoni. Bħala tali, il-kliem tal-verżjoni Ġermaniża tar-Regolament ma jistax ikun deċiżiv fir-rigward ta’ din il-problema.

67.      Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 jiddefinixxi l-ġurisdizzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni “dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha” jista’ jkun favur interpretazzjoni wiesgħa ta’ din id-dispożizzjoni.

68.      Min-naħa l-oħra, jista’ jkun relattivament diffiċli li tiġi ddefinita t-tifsira tat-terminu “jiddeċiedu” fil-kuntest tar-regoli li jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012 fih biss definizzjoni ta’ “deċiżjoni”. Ma huwiex ċar li d-dispożizzjonijiet li jirreferu għall-qrati inkarigati milli “jiddeċiedu” attwalment jużaw dan il-verb, marbut mal-kunċett ta’ “deċiżjoni”, fis-sens li dan l-istess kunċett għandu taħt l-Artikolu 3(1)(g) ta’ dan ir-regolament.

69.      Dawk id-diffikultajiet huma ħafna iktar kunsiderevoli meta jsir riferiment għad-definizzjoni fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012. Id-diffikultà prinċipali ta’ interpretazzjoni tirriżulta mill-fatt li, fil-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan ir-regolament, sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “deċiżjoni” fl-Artikolu 3(1)(g) tar-regolament, kienet użata l-istess kelma, jiġifieri “deċiżjoni” (idem per idem) (19).

70.      Meta qalet li kienet favur il-ħtieġa li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 jiġi interpretat fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “deċiżjoni” fl-Artikolu 3(1)(g) tal-istess regolament, interpretazzjoni li tgħid li l-fatt li “jiddeċiedu” jikkonsisti fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji, il-qorti tar-rinviju, kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u dak Franċiż, jidhru li huma favur il-kunċett ta’ “deċiżjoni” li elaborat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha bbażata fuq ir-regoli tas-“sistema ta’ Brussell”.

c)      Il-kunċett ta’ “deċiżjoni” fir-rigward tar-regoli tas-sistema ta’ Brussell

71.      Skont ir-regoli tas-“sistema ta’ Brussell” li, bħall-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012, jiddefinixxu deċiżjoni bħala “kwalunkwe deċiżjoni […] mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru” (20), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “deċiżjoni” għandha tiġi minn korp ġudizzjarju li jiddeċiedi fuq l-awtorità tiegħu stess dwar punti ta’ kontestazzjoni bejn il-partijiet (21).

72.      Tqum il-kwistjoni jekk din id-definizzjoni tistax tapplika fir-Regolament Nru 650/2012.

73.      Ma naħsibx li jista’ jkun meħtieġ, fuq il-bażi tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012, li “deċiżjoni” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni tikkonċerna punti ta’ kontestazzjoni bejn il-partijiet. Fuq il-bażi tal-indikazzjoni fil-premessa 59 ta’ dak l-istess regolament, jista’ jiġi konkluż li fil-fatt ftit jimporta li dik id-“deċiżjoni” kienet ingħatat fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjuża jew volontarja.

74.      Barra minn hekk, ir-rekwiżit li l-korp ikkonċernat “jiddeċiedi skont l-awtorità tiegħu” huwa tradizzjonalment relatat mal-karatteristiċi tal-attività tal-awtorità ġudizzjarja, fejn din tal-aħħar għandha rwol ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u ma hijiex limitata biex tiżgura funzjoni iktar passiva, li tikkonsisti, pereżempju, fil-konferma jew anki f’li tirċievi r-rieda tal-partijiet fil-proċeduri (22). Għaldaqstant, it-tranżazzjonijiet ġudizzjarji ma jikkostitwixxux deċiżjonijiet, peress li “huma essenzjalment ta’ natura kuntrattwali minħabba li l-kontenut tagħhom jiddependi fuq kollox fuq ir-rieda tal-partijiet” (23). Madankollu, ma huwiex ċar jekk huwiex xieraq li teħtieġ attività partikolari tal-awtorità kkonċernata (u jekk iva, liema), sabiex tkun tista’ titqies bħala “deċiżjoni” fis-sens intenzjonat fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012.

75.      Għandu jitfakkar li skont ir-Regolament Nru 650/2012 “deċiżjonijiet” skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(g) ta’ dak ir-regolament jingħataw ukoll minn awtoritajiet mhux ġudizzjarji li josservaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2) ta’ dak l-istess regolament. Ċertament, dawk ir-rekwiżiti huma maħsuba biex jiżguraw li d-deċiżjonijiet ta’ dawk l-istess awtoritajiet “għandhom forza u effett simili bħal deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja dwar l-istess materja”, koperta mir-Regolament Nru 650/2012 (Artikolu 3 (2)(b)). Madankollu, dan ma jimplikax li l-livell tar-rekwiżiti meħtieġa għal “deċiżjoni” huwa daqstant għoli daqs dak previst taħt ir-regoli tas-sistema ta’ Brussell, b’mod partikolari fil-kuntest tal-attività relatata mal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet. Dak l-element ma jfissirx a fortiori li l-fatt li “jiddeċiedu” fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jwassal għall-adozzjoni ta’ “deċiżjoni”, fis-sens tad-definizzjoni elaborata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qafas tas-sistema ta’ Brussell.

76.      Fil-fatt, ir-regoli tas-sistema ta’ Brussell għandhom bħala għan, skont il-premessi 3 u 6 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jiġi ggarantit il-moviment liberu ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, filwaqt li r-Regolament Nru 650/2012 jistabbilixxi għanijiet li jmorru lil hinn minn din il-kwistjoni. Fid-dawl tal-premessa 7 tar-Regolament Nru 650/2012, dan huwa maħsub primarjament biex jelimina d-diffikultajiet biex jiġu invokati drittijiet fil-kuntest tas-suċċessjonijiet li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni ta’ dan ir-regolament ma għandhiex tkun ibbażata fuq il-premessa li dawn ir-regoli għandhom biss bħala għan li jiddeterminaw liema awtoritajiet huma kompetenti biex jiddeċiedu sabiex jevitaw l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet kontradittorji. Dan l-element jista’ jkun indikattiv tal-fatt li dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ma għandhomx japplikaw biss fil-kuntest ta’ proċeduri li fihom l-awtoritajiet ġudizzjarji jadottaw “deċiżjonijiet” skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012, imsemmi iktar ’il fuq.

77.      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet li żvolġejt iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-konklużjonijiet li jirriżultaw minn interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 ma humiex univoċi u li, bħala tali, dawn għandhom jitpoġġew fil-konfront tas-sistema li fuqha huwa bbażat dan ir-regolament. Dan huwa iktar u iktar meħtieġ peress li, skont il-qorti tar-rinviju, l-istess bħal Gvern Ġermaniż u dak Franċiż, tista’ tiġi dedotta mid-dħul tal-Artikolu 64 fir-Regolament Nru 650/2012 il-konklużjoni li l-Artikolu 4 ta’ dak ir-regolament ma jiddeterminax il-ġurisdizzjoni fuq il-proċeduri għall-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċessjoni.

4.      Interpretazzjoni sistematika

a)      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 fil-kuntest tar-regoli l-oħra tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament

78.      Fid-dawl tan-natura inekwivokabbli tal-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-interpretazzjoni letterali, jiena ninterpreta l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament. B’mod partikolari, ser nagħti attenzjoni hawnhekk għad-dispożizzjonijiet li jidhru fil-Kapitolu II, peress li dawn (bħall-Artikolu 4, li jifforma parti minnu) jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni fuq il-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ suċċessjonijiet. Bħala tali, ser niddetermina jekk ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni l-oħra msemmija f’dan il-kapitolu jiddeterminawx il-ġurisdizzjoni fuq il-proċeduri li ma jwasslux għall-għoti ta’ “deċiżjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012.

79.      Għandha tingħata attenzjoni lill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, li jiddetermina l-ġurisdizzjoni sabiex jiġu rċevuti dikjarazzjonijiet tas-suċċessjonijiet (dikjarazzjonijiet dwar l-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ riżerva ereditarja jew rinunzja għal dawn, jew biex tiġi limitata r-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata fir-rigward tad-djun tas-suċċessjoni). Skont din id-dispożizzjoni, “[m]inbarra l-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni skont dan ir-Regolament […]”, huma kompetenti biex jirċievu tali dikjarazzjonijiet il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-persuna li għandha s-setgħa tagħmel din id-dikjarazzjoni.

80.      L-espressjoni “[m]inbarra l-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni skont dan ir-Regolament” tista’ tfisser li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jidhru fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 650/2012 (inkluż l-Artikolu 4) jiddeterminaw ukoll ġurisdizzjoni sabiex jiġu rċevuti dikjarazzjonijiet ta’ suċċessjoni, għalkemm dan ma jseħħx fi proċedimenti li jwasslu għall-adozzjoni ta’ “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) ta’ dak l-istess regolament. Fi kliem ieħor, skont ir-Regolament Nru 650/2012, il-kliem “biex jiddeċiedu” ma jirrigwardax biss il-fatt li jingħataw “deċiżjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) ta’ dak ir-regolament.

81.      Interpretazzjoni bħal dik hija sostnuta mill-indikazzjoni li tirriżulta mill-premessa 32 tar-Regolament Nru 650/2012, li minnha jista’ jiġi dedott li l-Artikolu 13 ġie introdott sabiex “titħaffef il-ħajja tal-eredi u l-legatarji”, u mhux biex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni fuq kwistjoni li ma hijiex koperta mir-regoli l-oħra ta’ ġurisdizzjoni ta’ dak ir-regolament.

82.      L-analiżi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, li juża l-prepożizzjoni “minbarra” fil-kuntest normattiv tagħha, twassal għal konklużjonijiet simili. Il-Kapitolu II jibda b’dispożizzjoni li tiddetermina l-ġurisdizzjoni ġenerali għall-iskop li “jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha” (Artikolu 4). Dejjem fl-istess kuntest (jiġifieri, għall-iskop ta’ “jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha”), id-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dak l-istess kapitolu jagħtu ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Stati Membri oħra, sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti (Artikoli 5, 7, 9, 10 u 11).

83.      L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 huwa għalhekk fi tmiem enumerazzjoni bħal kaskata tal-qrati kompetenti sabiex tiġi deċiża t-totalità ta’ kwistjonijiet relatati mas-suċċessjoni tal-persuna kkonċernata. Sa fejn il-fatt li “jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha” jikkonsisti f’li tiġi rċevuta dikjarazzjoni tas-suċċessjoni, “minbarra” dawk il-qrati, huma kompetenti wkoll il-qrati tal-Istat Membru li fih il-persuna li għandha s-setgħa tagħmel dik id-dikjarazzjoni għandha r-residenza prinċipali tagħha.

84.      Lanqas ma tista’ tiġi eskluża sitwazzjoni fejn Stat Membru jistabbilixxi proċedura speċjali ta’ konċiljazzjoni quddiem il-qrati “fil-veru sens tal-kelma” (24), li tista’ tiġi konkluża biss bil-konklużjoni ta’ tranżazzjoni ġudizzjarja, li mingħajrha s-suċċessjonijiet kkonċernati jibqgħu ma jiġux irregolati. Ma ninsabx konvint li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 ma għandhomx japplikaw għal proċedura bħal din. Ċertament, il-premessa 36 ta’ dan ir-regolament issemmi l-possibbiltà għall-persuni kkonċernati li jirregolaw suċċessjoni fi tmiem proċedura bonarja quddiem l-awtoritajiet li ma humiex marbuta bir-regoli ta’ ġurisdizzjoni. Madankollu, dan jikkonċerna proċeduri li jsiru quddiem “awtorità mhux ġudizzjarja, bħal nutara”, u mhux awtoritajiet ġudizzjarji. Tranżazzjoni konkluża quddiem tali awtorità mhux ġudizzjarja għandha fi kwalunkwe każ tiġi approvata minn qorti, filwaqt li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija iktar ’il fuq, it-tranżazzjoni tkun konkluża quddiem awtorità ġudizzjarja.

85.      B’teħid inkunsiderazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fid-dawl tal-interpretazzjoni sistematika tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012, jiena nqis li l-Artikolu 4 ta’ dak ir-regolament jiddetermina l-ġurisdizzjoni fuq proċeduri quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, meta dawn il-proċeduri jkunu relatati ma’ materji li jistgħu jitqiesu li jaqgħu fi ħdan is-“suċċessjoni fl-intier tagħha”.

b)      Ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 64 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012

86.      Il-Gvern Ġermaniż u dak Portugiż iqisu li huwa neċessarju li mid-dħul tal-Artikolu 64 fir-Regolament Nru 650/2012 hemm lok li jiġi konkluż dan li ġej: l-Artikolu 4 ta’ dak ir-regolament ma jiddeterminax il-ġurisdizzjoni fuq proċeduri għall-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali ta’ suċċessjoni. Skont dawk il-gvernijiet, jekk dan għandu jkun il-każ, l-Artikolu 64 ta’ dak ir-regolament ikun superfluwu u l-ġurisdizzjoni għall-proċedura għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni għandha tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012. Dik il-pożizzjoni għandha għalhekk tkun ibbażata fuq il-premessa li ċ-ċertifikati Ewropej u nazzjonali tas-suċċessjoni huma strumenti ta’ natura identika jew tal-anqas simili.

87.      Il-Kummissjoni tieħu pożizzjoni differenti f’dan ir-rigward, meta tikkunsidra li l-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 650/2012 jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott mill-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 650/2012 li l-Artikolu 4 ta’ dak ir-regolament ma jirreferixxix għal proċeduri għall-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni. Din hija wkoll il-pożizzjoni tal-Gvern Pollakk.

88.      Mingħajr ma tiġi deċiża qabel iż-żmien il-kwistjoni dwar ix-xebh bejn iċ-ċertifikati nazzjonali u Ewropej tas-suċċessjoni, għandu jiġi rrilevat li fl-argument tagħhom, il-Gvern Ġermaniż u dak Portugiż ma jidhirx li jipperċepixxu bis-sħiħ ir-rwol tal-Artikolu 64 fi ħdan is-sistema tar-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 650/2012.

89.      L-ewwel nett, iċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni huma strumenti li joperaw fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt domestiku, inkorporati fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru partikolari, filwaqt li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni huwa strument legali ġdid tad-dritt tal-Unjoni.

90.      Għalhekk kien meħtieġ li tkun stabbilita sistema legali awtonoma dwar iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni fir-Regolament Nru 650/2012. Dan sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha u jiġu eliminati d-dubji ta’ interpretazzjoni li joħolqu d-deskrizzjoni taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni skont ir-Regolament Nru 650/2012. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ddeterminax in-natura legali taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Għalhekk ma tantx huwa ċar jekk iċ-ċertifikat huwiex “deċiżjoni” (Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012), “strument awtentiku” (Artikolu 3(1)(i) ta’ dan ir-regolament), jew jekk ma jidħol fl-ebda waħda minn dawn il-kategoriji. Barra minn hekk, ma kienx neċessarju li tiġi ddeterminata b’mod espliċitu din il-kwistjoni, peress li r-rikonoxximent taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma huwiex ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-deċiżjonijiet u l-istrumenti awtentiċi u li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni hija rregolata mill-Artikolu 64 ta’ dan ir-regolament.

91.      It-tieni nett, l-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 650/2012 ma jirriproduċix il-kontenut tal-Artikolu 4 ta’ dak ir-regolament, imma jistabbilixxi ġurisdizzjoni dwar il-proċeduri għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni b’riferiment għal dispożizzjonijiet magħżula tal-Kapitolu II. Dawn huma l-Artikoli 4, 7, 10 u 11 ta’ dan ir-regolament.

92.      It-tielet nett, l-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 650/2012 jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni mhux biss għal “qrati” fis-sens tal-Artikolu 3(2) ta’ dak ir-regolament (Artikolu 64(a)) imma wkoll għal awtoritajiet oħra li, bis-saħħa tal-liġi nazzjonali, għandhom ġurisdizzjoni biex jirregolaw is-suċċessjonijiet (Artikolu 64(b)). Il-ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jista’ għalhekk jiġi fdat lil “awtorità ġudizzjarja”, lil “awtoritajiet u professjonisti legali oħra”, sa fejn dawn l-awtoritajiet jew dan il-professjonist legali jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti (Artikolu 3(2) moqri flimkien mal-Artikolu 64(a) tar-Regolament Nru 650/2012), kif ukoll għal “awtorità oħra li, skont il-liġi nazzjonali, għandha kompetenza biex tittratta materji ta’ suċċessjoni” (Artikolu 64(b) ta’ dak ir-regolament), għalkemm din ma tissodisfax ir-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 3(2) ta’ dak ir-regolament.

93.      Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, nikkunsidra li wieħed ma jistax jiddeduċi mill-preżenza tal-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 650/2012 li l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament ma japplikax għal proċeduri għall-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni.

5.      Interpretazzjoni teleoloġika

94.      Fil-bqija tas-sottomissjonijiet tiegħi, jiena ser neżamina l-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-interpretazzjoni sistematika b’argumenti relatati mal-għanijiet tar-Regolament Nru 650/2012. Fil-fatt, dawn l-għanijiet qegħdin fil-pożizzjonijiet adottati mill-Gvern Ġermaniż u dak Pollakk, għalkemm il-gvernijiet imsemmija jaslu għal konklużjonijiet differenti.

95.      Skont il-Gvern Ġermaniż, id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni għall-proċeduri għall-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni abbażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 tirriżulta f’sitwazzjoni li fiha l-awtoritajiet ta’ Stat Membru wieħed jistgħu joħorġu ċertifikati nazzjonali ta’ suċċessjoni. Dawn ikunu l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih jista’ jinħareġ iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Fil-prattika, din is-soluzzjoni jkollha l-effett li timponi obbligu fuq il-persuni kkonċernati li jużaw iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni kontra l-Artikolu 62(2) tar-Regolament Nru 650/2012.

96.      Fl-opinjoni tal-Gvern Ġermaniż, l-użu ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni maħruġa minn Stati Membri oħra jista’, min-naħa l-oħra, ikun iktar vantaġġuż f’ċerti każijiet milli l-użu taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. F’dan ir-rigward, iċ-ċaħda ta’ dawk ikkonċernati mill-possibbiltà li jintużaw ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni maħruġa mill-qrati ta’ Stati Membri oħra tmur kontra l-għan li jrid ir-Regolament Nru 650/2012. Fil-fatt, skont il-premessa 67 ta’ dan ir-regolament, l-għan tiegħu huwa li jiġi żgurat, fl-interess tal-eredi, li suċċessjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali jkunu jistgħu jiġu rregolati malajr, faċilment u b’mod effettiv.

97.      Il-Gvern Pollakk, min-naħa tiegħu, iqis li s-soluzzjoni li ser tikkontribwixxi biex jikber ir-rwol taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni għandha titqies iġġustifikata u mixtieqa.

a)      Dwar il-kwistjoni tan-natura obbligatorja taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni

98.      Ma naqbilx mal-pożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 li tirriżulta fl-applikazzjoni tiegħu għall-proċeduri għall-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni jfisser li, fil-prattika, ir-rikors għaċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jkun, f’ċerti każijiet, ta’ natura obbligatorja.

99.      L-ewwel nett, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 ma ċċaħħadx lill-persuni kkonċernati mill-possibbiltà li jiksbu ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni fl-Istat Membru fejn l-awtoritajiet tiegħu għandhom ġurisdizzjoni għall-iskop tal-ħruġ taċ-ċertifikat Ewropew.

100. It-tieni nett, il-Gvern Ġermaniż jidher li jinterpreta biss l-Artikolu 62(2) tar-Regolament Nru 650/2012 (li jirreferi għan-nuqqas ta’ obbligu li jintuża ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni) kif ġej: din id-dispożizzjoni tiddetermina r-relazzjoni bejn iċ-ċertifikati Ewropej tas-suċċessjoni u ċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni. Min-naħa l-oħra, din id-domanda hija msemmija biss fl-Artikolu 62(3) ta’ dak ir-regolament. Madankollu, l-Artikolu 62(2) tar-Regolament Nru 650/2012 jirreferi mhux biss għaċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni imma wkoll (kif jirriżulta mill-indikazzjoni li tidher fit-tieni sentenza tal-premessa 69 ta’ dak ir-regolament) għall-“istrumenti l-oħrajn disponibbli skont […] ir-Regolament”, li għalihom huma ħielsa li jirrikorru l-eredi. Huwa hekk li tidher l-assenza ta’ obbligu li wieħed jirrikorri għaċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, stabbilit fl-Artikolu 62(2) tar-Regolament Nru 650/2012.

101. Għaldaqstant, ma nikkunsidrax li d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-proċeduri għall-ħruġ taċ-ċertifikati nazzjonali abbażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 għandha l-effett li tagħmel l-użu miċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni obbligatorju fil-prattika.

b)      Fuq il-kwistjoni tal-għanijiet tar-Regolament Nru 650/2012

102. Ma għandi l-ebda dubju li l-possibbiltà li jiġu rregolati s-suċċessjonijiet malajr, faċilment u b’mod effiċjenti tista’ tiġi rrikonoxxuta bħala waħda mill-għanijiet tar-Regolament Nru 650/2012. Barra minn hekk, ma nistax neskludi mill-bidu li l-fatt li l-eredi jistgħu jakkwistaw strumenti li jagħtuhom il-possibbiltà li jirregolaw is-suċċessjoni fi Stat Membru li mhux dak fejn l-awtoritajiet għandhom ġurisdizzjoni bis-saħħa tar-regoli tar-Regolament Nru 650/2012 jista’ jkun fl-interess tagħhom, f’ċerti każijiet.

103. Madankollu, l-ewwel nett, l-għan fundamentali li għalih ġie adottat ir-Regolament Nru 650/2012 kien (fid-dawl tal-premessi 7 u 8 ta’ dan ir-regolament) għall-istandardizzazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet u r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li huma applikabbli għall-kwistjonijiet tas-suċċessjonijiet (25).

104. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont il-premessa 27 tar-Regolament Nru 650/2012, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament huma kkonċepiti biex jiżguraw li l-awtorità responsabbli għas-suċċessjoni, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, tapplika d-dritt nazzjonali tagħha. Il-liġi applikabbli (bħala prinċipju) għas-suċċessjoni fl-intier tagħha, bis-saħħa tal-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-regolament, hija dik tal-Istat Membru li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt tiegħu. Tali indikazzjoni tal-liġi applikabbli tikkorrispondi mal-kriterju ta’ ġurisdizzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012, li jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fiż-żmien ta’ mewtu biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha.

105. L-applikazzjoni ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni tmur kontra l-għan ta’ uniformità tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u kunflitt ta’ liġijiet fi ħdan l-Unjoni. Dan il-punt jidher fiċ-ċirkustanzi tal-każ fil-kawża prinċipali, fejn qorti Ġermaniża ġiet mitluba, skont ir-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni, il-ħruġ ta’ ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni relatat ma’ suċċessjoni bbażata fuq id-dritt Franċiż.

106. It-tieni nett, fid-dawl tal-kjarifiki li hemm fil-premessa 34 tar-Regolament Nru 650/2012, dan tal-aħħar għandu jikkontribwixxi biex jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-ġustizzja fil-kuntest tal-Unjoni. Huwa b’dan il-mod li wieħed jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Nru 650/2012, jiġifieri li jinkiseb rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet dwar is-suċċessjonijiet fl-Istati Membri skont il-premessa 59 ta’ dak ir-regolament.

107. Ċertament, skont il-Gvern Ġermaniż, ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxix “deċiżjoni” fis-sens tar-Regolament Nru 650/2012. Madankollu, mill-indikazzjoni fil-premessa 35 tal-istess regolament jirriżulta li l-għan li jiġu evitati kontradizzjonijiet jikkonċerna l-istrumenti kollha li huma ta’ importanza sabiex tiġi rregolata s-suċċessjoni, inklużi dawk maħruġa minn awtoritajiet mhux ġudizzjarji, li ma humiex marbuta bir-regoli ta’ ġurisdizzjoni skont ir-regolament. Dan ukoll sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn jistgħu jeżistu kontradizzjonijiet bejn ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni u strumenti oħra koperti mir-Regolament Nru 650/2012, inkluż Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Dan jikkonferma l-osservazzjoni ta’ hawn fuq li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012 ma għandhomx jiddefinixxu l-ġurisdizzjoni biss fir-rigward ta’ proċeduri quddiem awtoritajiet ġudizzjarji li jirriżultaw fid-dikjarazzjoni ta’ “deċiżjonijiet” fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(g) ta’ dak ir-regolament (26).

108. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 650/2012 stabbilixxa regoli standard ta’ kunflitt tal-liġijiet, li fuq il-bażi tagħhom tingħażel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni fl-intier tagħha (Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 650/2012). Madankollu, ċerti kwistjonijiet li jistgħu jkunu importanti sabiex jiġi rregolat il-qasam tas-suċċessjoni huma evalwati taħt il-liġi indikata bħala applikabbli permezz tar-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet nazzjonali. Il-premessi 11 sa 13 u t-tielet sentenza tal-premessa 71 tar-Regolament Nru 650/2012 huma xhieda ta’ dan. Dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni li fiha l-awtoritajiet ta’ Stati Membri differenti joħorġu strumenti kontradittorji intiżi sabiex tiġi rregolata s-suċċessjoni (27).

109. Fis-sentenza Kubicka (28), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012 li twassal għal “frammentazzjoni tas-suċċessjoni”, mifhuma bħala l-eżami ta’ ċerti kwistjonijiet ta’ importanza għas-suċċessjoni fir-rigward tar-regoli nazzjonali dwar il-kunflitti, tkun inkompatibbli mal-għanijiet imfittxija minn dak ir-regolament. Dan jista’ jwassal għall-ħruġ ta’ strumenti kontradittorji intiżi sabiex tiġi rregolata s-suċċessjoni. Għalkemm il-pożizzjoni espressa fil-kawża Kubicka (29) tirreferi għal kwistjonijiet marbuta mal-qasam tal-istatus tas-suċċessjoni tal-beni, nemmen li tista’ titqies bħala linja gwida, utli għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012 li jiffokaw fuq kwistjonijiet oħra.

110. L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012 li l-ġurisdizzjoni għandha tkun iddeterminata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, inklużi l-proċeduri għall-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni, tkun favorevoli għall-kisba ta’ dak l-għan. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tillimita r-riskju li jinħarġu ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni, kif ukoll strumenti oħra (inklużi ċertifikati Ewropej tas-suċċessjoni), deċiżjonijiet u atti awtentiċi kontradittorji fi Stati Membri differenti.

111. It-tielet nett, għalkemm l-interess tal-werrieta jista’ jikkostitwixxi argument favur ċertu tip ta’ interpretazzjoni tar-regoli tal-ġurisdizzjoni, f’dan il-kuntest l-importanza tal-interess tal-funzjonament tajjeb tal-ġustizzja ma tistax tiġi injorata.

112. Fil-kuntest tar-Regolament Nru 650/2012, il-fatt li jfittex li jevita sitwazzjonijiet fejn strumenti kontradittorji intiżi sabiex tiġi rregolata s-suċċessjoni jkunu fiċ-ċirkulazzjoni mhux biss jikkonforma mal-interess tal-werrieta, imma jirrifletti wkoll il-preokkupazzjoni tal-interess għal amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (30). Bl-istess mod, għandha tiġi kkunsidrata r-rieda, imsemmija iktar ’il fuq, li tiġi żgurata konsistenza bejn il-liġi applikabbli u l-forum, imsemmija fil-punt 104 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

113. Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni introduċa regola espliċita f’każijiet fejn, meta jitqiesu l-interessi tal-werrieta, huwa kien ra l-ħtieġa li tiġi rregolata s-suċċessjoni fi Stat Membru differenti minn dak fejn l-awtoritajiet, bħala prinċipju, għandhom ġurisdizzjoni bis-saħħa tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 650/2012. Bħala eżempju, l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni biex jiġu rċevuti dikjarazzjonijiet tas-suċċessjoni lill-qrati tal-Istat Membru fejn il-persuna li tista’ tagħmel tali dikjarazzjonijiet għandha r-residenza abitwali tagħha.

114. Għalhekk, ma naħsibx li l-għanijiet tar-Regolament Nru 650/2012 huma favur interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu li tmur kontra l-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-interpretazzjoni sistematika tiegħu, biex b’hekk il-werrieta jkunu jistgħu jiksbu ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni, maħruġa minn awtoritajiet ġudizzjarji fi Stat Membru li ma huwiex dak fejn l-awtoritajiet għandhom ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ dak l-istess regolament.

6.      Interpretazzjoni storika

115. Il-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-interpretazzjoni sistematika u teleoloġika jidhru wkoll li huma kkonfermati fid-dawl tal-interpretazzjoni storika tar-Regolament Nru 650/2012.

116. Skont il-proposta inizjali tal-Kummissjoni, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni “ma jissostitwixxix il-proċeduri interni” (ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 36(2) tal-proposta għar-Regolament Nru 650/2012) (31). Madankollu, fil-punt 4.6 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni għal dik il-proposta hemm speċifikat li ċ-ċertifikat Ewropew “ma jissostitwixxix iċ-ċertifikati eżistenti f’uħud mill-Istati Membri”. Barra minn hekk, din l-espressjoni ntużat fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 650/2012, li ħa post l-Artikolu 36(2) tal-proposta għal regolament (32). Fil-punt 4.6 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni msemmi iktar ’il fuq, kien ġie ddikjarat f’dan ir-rigward li fl-“Istat Membru tal-awtorità kompetenti, l-istatus ta’ eredi u s-setgħat ta’ amministratur jew eżekutur tas-suċċessjoni għandhom jiġu ppruvati skont il-proċedura interna” (33).

117. Għalhekk, fil-proposta għal regolament, ir-rwol tar-regoli proċedurali nazzjonali kien limitat għal kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-iżvolġiment tal-proċedura, li għandha ssir “fl-Istat Membru tal-awtorità kompetenti”. Madankollu, ma kienx ikkunsidrat, bħall-fehma tiegħi, li din il-ġurisdizzjoni kienet iddeterminata skont id-dritt nazzjonali.

118. Għalhekk, jista’ jiġi argumentat li, fi stadju bikri tal-proċess leġiżlattiv, diġà kien hemm suppożizzjoni li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-awtoritajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni ma tkunx iddefinita mid-dritt nazzjonali, imma minn regoli uniformi ta’ ġurisdizzjoni, imsemmija fir-regolament. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li saret emenda f’dan ir-rigward fil-verżjoni adottata tar-regolament, peress li l-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 650/2012 jirrifletti l-għan li għandu jservi l-Artikolu 36(2) tal-proposta msemmija iktar ’il fuq.

7.      Konklużjonijiet dwar id-domanda preliminari

119. Fid-dawl tal-argumenti ppreżentati iktar ’il fuq, fid-dawl tar-riżultati mhux sodisfaċenti tal-interpretazzjoni letterali u filwaqt li jitqiesu l-konklużjonijiet univoċi li jirriżultaw mill-interpretazzjoni sistematika u teleoloġika, sostnuta mill-interpretazzjoni storika, nikkunsidra li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 jiddetermina l-ġurisdizzjoni fuq il-proċeduri li jiżvolġu quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, jekk dawk il-proċeduri jirrigwardaw kwistjonijiet li jistgħu jitqiesu li jaqgħu taħt “is-suċċessjoni fl-intier tagħha”.

120. Fir-rigward tal-argumenti esposti iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jiddetermina wkoll il-ġurisdizzjoni fi proċeduri quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni.

VI.    Konklużjonijiet

121. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti r-risposta li ġejja għad-domanda preliminari li saret mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja):

L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jiddetermina wkoll il-ġurisdizzjoni fi proċeduri quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Pollakk.


2      ĠU 2012, L 201, p. 107.


3      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar l-ewwel rinviju għal deċiżjoni preliminari fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka (C‑218/16, U EU:C:2017:755, punti 53 u 54). It-tieni rinviju għal deċiżjoni preliminari għadu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fit-13 ta’ Diċembru 2017, jiena ppreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mahnkopf (C‑558/16, EU:C:2017:965, punt 90).


4      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


5      Għandu jiġi rrilevat ukoll li fl-24 ta’ Novembru 2017 il-Qorti tal-Ġustizzja rċeviet talba għal deċiżjoni preliminari li fiha qorti Pollakka titlob risposta għad-domanda tagħha dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati tas-suċċessjoni minn awtorità mhux ġudizzjarja, jiġifieri, f’dan il-każ, in-nutara. Nirreferi hawn għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-kawża WB, C‑658/17.


6      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, BVG (C‑144/10, EU:C:2011:300, punt 30).


7      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, GAT (C‑4/03, EU:C:2006:457, punt 24).


8      Basedow, J., Dutta, A., Bauer, C., et al., Max Planck Institute for Comparative and International Private Law, “Comments on the European Commission’s Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on jurisdiction, applicable law, recognition and enforcement of decisions and authentic instruments in matters of succession and the creation of a European Certificate of Succession”, Rabels Zeitschrift für ausländisches und internationales Privatrecht, Vol. 74, 2010, Nru 266.


9      Laukemann, B., “The European Certificate of Succession: Portrait of a New Instrument in European Private International Law”, f’Hess, B., Bergström, M., Storskrubb, E. (edituri.), EU Civil Justice: Current Issues and Future Outlook, Oxford, Hart Publishing, 2016, p. 164.


10      Ara Deutsches Notarinstitut (f’kooperazzjoni ma’ Dörner, H., u Lagarde, P.), Étude de droit comparé sur les règles de conflits de juridictions et de conflits de lois relatives aux testaments et successions dans les États membres de l’Union Européenne. Rapport Final: Synthèse et Conclusions, aċċessibbli f’dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/justice/civil/document/index_en.htm, p. 76 sa 86; Wautelet, P., f’Bonomi, A., u Wautelet, P., (edituri), Le droit européen des successions, Commentaire du règlement (UE) no 650/2012, du 4 juillet 2012, it-Tieni edizzjoni, Bruylant, Brussell, 2016, p. 772 sa 775.


11      Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


12      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mahnkopf (C‑558/16, EU:C:2017:965, punt 90).


13      Fuq dan is-suġġett, ara s-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka (C‑218/16, EU:C:2017:755, punti 53 u 54).


14      F’dan is-sens, ara Margoński, M., “Wyłączny charakter jurysdykcji wynikającej z art. 4 unijnego rozporządzenia spadkowego (analiza na kanwie pytania prejudycjalnego w sprawie C‑20/17, Oberle)”, Polski Proces Cywilny, 2017, nru 3, p. 447. Bl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, id-duttrina ddiskutiet ċerti modi possibbli ta’ formazzjoni ta’ relazzjonijiet reċiproċi bejn iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni u ċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni. Ara Fötschl, A., “The Relationship of the European Certificate of Succession to National Certificates”, fi Bonomi, A., u Schmid, Ch. (edituri), Successions internationales. Réflexions autour du futur règlement européen et de son impact pour la Suisse. Actes de la 22e Journée de droit international privé du 19 mars 2010 à Lausanne, Genève, 2010, p. 101, u Stamatiadis, D., f’Pamboukis, H. (edituri), EU Succession Regulation No 650/2012: A Commentary, C.H. Beck, Hart Publishing, Oxford, 2017, p. 591.


15      Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


16      Dorsel, Ch., “Remarques sur le certificat successoral européen”, Europe for Notaries. Notaries For Europe. Training 2015-2017, p. 90 u 91, aċċessibbli fuq is-sit tal-Internet: http://www.notaries-of-europe.eu/index.php?pageID=15081.


17      Weitz, K., “Jurysdykcja krajowa w sprawach spadkowych w świetle rozporządzenia spadkowego”, f’Pazdan, M. (editur), Nowe europejskie prawo spadkowe, Wolters Kluwer, Varsovja, 2015, p. 42. F’dan il-kuntest, ċerti awturi jidhru li jagħtu iktar importanza għad-deskrizzjoni taċ-ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni u jikkunsidraw li dan jikkostitwixxi deċiżjoni skont it-tifsira tar-Regolament Nru 650/2012 – ara Wautelet, P., f’Bonomi, A., u Wautelet, P. (edituri), op. cit. (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10), p. 184. F’sentenza tas-16 ta’ Novembru 2016 (2 W 85/16, Praxis der Freiwilligen Gerichtsbarkeit 2017, Heft 3, p. 129), il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja) esprimiet il-fehma li, skont l-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012, il-kunċett ta’ “deċiżjoni” jolqot kull deċiżjoni fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni magħmula minn qorti ta’ Stat Membru, u dan irrispettivament mill-isem ta’ dik id-deċiżjoni, “inkluż ċertifikat tas-suċċessjoni” (punt 23). Fuq dik il-bażi, ġie ddikjarat li l-qorti Ġermaniża ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tisma’ l-kawża dwar il-ħruġ ta’ ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni dwar id-deċedutli kellu l-aħħar residenza abitwali tiegħu fi Spanja. Fil-fatt, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012, huma l-qrati tal-Istat Membru li fih id-deċedutkien abitwalment residenti fiż-żmien mewtu li huma kompetenti biex jiddeċiedu fuq is-suċċessjoni fl-intier tagħha (punt 22).


18      Bħala eżempju, fil-verżjoni Ingliża (“rule”) u dik Franċiża (“statuer”) tar-Regolament Nru 650/2012.


19      Ara, bħala eżempju, il-verżjoni Ġermaniża (“‘Entscheidung’ jede von einem Gericht eines Mitgliedstaats in einer Erbsache erlassene Entscheidung […]”), Ingliża (“‘decision’ means any decision in a matter of succession […]”) jew Franċiża (“‘décision’, toute décisionen matière de successions […]”).Madankollu, f’numru limitat ta’ verżjonijiet lingwistiċi, il-kunċett iddefinit u t-terminu użat biex jiddefinixxih ma humiex identiċi. Pereżempju, fil-verżjoni Pollakka, il-kunċett iddefinit fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012 huwa “orzeczenie” (“deċiżjoni”), filwaqt li t-terminu użat biex jiddefinieh huwa l-kelma “decyzja» (“‘orzeczenie’ oznacza każdą decyzję w sprawach dotyczących dziedziczenia”). Kliem ieħor għandu r-rwol ta’ kunċett iddefinit u ta’ terminu użat biex jiddefinixxuh fl-Artikolu 3(1)(g) tal-verżjoni Spanjola u dik Svediża tar-Regolament Nru 650/2012.


20      Ara l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), l-Artikolu 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), u l-Artikolu 2(a) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).


21      Ara s-sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren (C‑414/92, EU:C:1994:221, punt 17), u tal-14 ta’ Ottubru 2004, Mærsk Olie & Gas (C‑39/02, EU:C:2004:615, punt 45).


22      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Gothaer Allgemeine Versicherung et (C‑456/11, EU:C:2012:554, punt 38). F’dan is-sens, ara l-pożizzjonijiet meħudin fid-duttrina fuq din il-kwistjoni: Kramer, X., f’Magnus, U., Mankowski, P. (edituri), Brussels I bis Regulation, Verlag Otto Schmidt, Köln, 2016, p. 987. Pożizzjoni bħal din hija difiża wkoll fir-rigward tar-Regolament Nru 650/2012: ara Wautelet, P., f’Bonomi, A., u Wautelet, P. (edituri), op. cit. (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10), p. 68.


23      Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren (C‑414/92, EU:C:1994:221, punt 18).


24      Ara t-tieni sentenza tal-premessa 20, tar-Regolament Nru 650/2012. Ara wkoll l-osservazzjonijiet fil-punti 59 sa 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      Ara l-konklużjonijiet tiegħi għall-kawża Mahnkopf (C‑558/16, EU:C:2017:965, punt 26).


26      Ara l-punt 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27      Ta’ min ifakkar ukoll li, skont l-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 650/2012, dan ma ssostitwixxiex il-konvenzjonijiet bilaterali konklużi ma’ Stati terzi qabel id-data tal-adozzjoni ta’ dak ir-regolament. Dawn il-konvenzjonijiet jiddelimitaw relattivament ta’ spiss il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom b’elementi marbuta man-nazzjonalità tad-deċedut. Fi kliem ieħor, fil-każ ta’ sitwazzjonijiet ta’ fatt li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-konvenzjonijiet, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru marbutin b’tali konvenzjoni japplikaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni u ta’ kunflitt tal-liġijiet previsti minnha. L-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tista’ twassal għal soluzzjonijiet li jmorru kontra dawk li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012.


28      Sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2017 (C‑218/16, EU:C:2017:755, punt 57).


29      Sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2017 (C‑218/16, EU:C:2017:755).


30      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ April 2014, Weber (C‑438/12, EU:C:2014:212, punt 58); tal-20 ta’ April 2016, Profit Investment SIM (C‑366/13, EU:C:2016:282), u tal-4 ta’ Mejju 2017, HanseYachts (C‑29/16, EU:C:2017:343, punt 25).


31      Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni (COM/2009/0154 finali – COD 2009/0157).


32      Id-duttrina pproponiet ukoll l-introduzzjoni ta’ emenda tal-kliem tal-proposta tar-regolament f’dan is-sens. Ara l-pubblikazzjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 Nru 280.


33      Enfasi miżjuda minni.