Language of document : ECLI:EU:C:2013:222

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ April 2013 (*)

“Politika soċjali − Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà − Direttiva 2000/78/KE − Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol − Artikoli 1, 2 u 5 – Differenza fit-trattament fuq il-bażi tad-diżabbiltà – Tkeċċija – Eżistenza ta’ diżabbiltà – Assenzi tal-impjegat minħabba d-diżabbiltà tiegħu – Obbligu ta’ arranġamenti – Xogħol part-time – Tul tat-terminu tal-avviż tat-temm tal-impjieg”

Fil-Kawżi magħquda C‑335/11 u C‑337/11,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sø- og Handelsretten (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-29 ta’ Ġunju 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Lulju 2011, fil-proċedura

HK Danmark, li qed taġixxi għal Jette Ring,

vs

Dansk almennyttigt Boligselskab (C-335/11),

u

HK Danmark, li qed taġixxi għal Lone Skouboe Werge,

vs

Dansk Arbejdsgiverforening li qed taġixxi għal Pro Display A/S, fi stralċ (C-337/11),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala mħallef tat-Tieni Awla, G. Arestis, A. Arabadjiev (Relatur) u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ottubru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal HK Danmark, li qed taġixxi għal J. Ring, minn J. Goldschmidt, avukat,

–        għal HK Danmark, li qed taġixxi għal L. Skouboe Werge, minn M. Østergård, avukat,

–        għal Dansk almennyttigt Boligselskab, minn C. Emmeluth u L. Greisen, avukati,

–        għal Dansk Arbejdsgiverforening li qed taġixxi għal Pro Display A/S, fi stralċ, minn T. Skyum u L. Greisen, avukati,

–        għall-Gvern Daniż, inizjalment minn C. Vang, sussegwentement minn V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn C. Power, BL,

–        għall-Gvern Elleniku, minn D. Tsagkaraki, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Gerardis, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar kif ukoll minn J. Faldyga u M. Załęka, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn K. Smith, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Simonsen u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Dawn it-talbiet saru fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, fl-ewwel lok, HK Danmark (iktar ’il quddiem “HK”), li qed taġixxi għal J. Ring, u Dansk almennyttigt Boligselskab (iktar ’il quddiem “DAB”) u, fit-tieni lok, HK, li qed taġixxi għal L. Skouboe Werge, u Dansk Arbejdsgiverforening li qed taġixxi għal Pro Display A/S, fi stralċ (iktar ’il quddiem “Pro Display”), dwar il-legalità tat-tkeċċija ta’ J. Ring u L. Skouboe Werge.

Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà, li ġiet approvata għan-nom tal-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE, tas-26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 23, p. 35, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-ONU”), tipprovdi, fil-premessa (e) tagħha:

“Filwaqt li jagħrfu li d-diżabbiltà hija kunċett li qed jevolvi u li d-diżabbiltà tirriżulta mill-effett reċiproku bejn il-persuni bi ħsara [limitazzjonijiet] fis-saħħa u l-barrieri ta’ attitudni u ambjentali li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor”.

4        Skont Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni:

“L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa li tippromwovi, tipproteġi u tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabbiltà, u li tippromwovi ir-rispett għad-dinjità inerenti.

Il-persuni b’diżabbiltà jinkludu dawk li għandom ħsarat [limitazzjonijiet] fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi fuq perijodu twil li flimkien ma’ diversi ostakli jistgħu jxekklu l-partċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.”

5        Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni, “‘[a]kkomodazzjoni [arranġamenti] raġonevoli’ tfisser modifika neċessarja u adegwata u aġġustamenti li ma jimponux piż sproporzjonat jew bla bżonn, meta tkun meħtieġa f’każ partikolari, biex jiġi assigurat li l-persuni b’diżabbiltà jistgħu jgawdu u jeżerċitaw fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha”.

 Id-dritt tal-Unjoni

6        Il-premessi 6 u 8 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdu:

“(6)       Il-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fondamentali tal-Ħaddiema tirrikonoxxi l-importanza li tiġi kumbattuta kull forma ta’ diskriminazzjoni, kif ukoll il-bżonn li tittieħed azzjoni approprjata għall-integrazzjoni soċjali u ekonomika ta’ nies anzjani u b’dizabilità.

[...]

(8)       Il-Linji Gwida ta’ l-Impjieg għall-2000 miftehma mill-Kunsill Ewropew f’Helsinki fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 1999 emfasizzaw il-bżonn li jiġi promoss suq tax-xogħol favorevoli għall-integrazzjoni soċjali permezz tal-formolazzjoni ta’ għadd ta’ linji politiċi koerenti bl-iskop li jikkumbattu diskriminazzjoni kontra gruppi bħal ta’ persuni b’diżabilità. Jenfasizzaw wkoll il-bżonn li tingħata attenzjoni partikolari lis-sostenn ta’ ħaddiema anzjani, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-forza tax-xogħol.”

7        Fi kliem il-premessi 16 u 17 ta’ din id-direttiva:

“(16)      Il-provvediment ta’ miżuri biex jakkommodaw il-bżonnijiet ta’ persuna b’diżabilità fuq post tax-xogħol għandha rwol importanti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba dizabilità.

(17)      Din id-Direttiva ma teħtieġx ir-reklutaġġ, il-promozzjoni, iż-żamma fl-impjieg jew fit-tħarriġ ta’ individwu li mhuwiex kompetenti, kapaċi u disponibbli biex jaqdi l-funzjonijiet essenzjali tax-xogħol konċernat jew biex jgħaddi minn taħrig relevanti, mingħajr prejudizzju għall-obbligu biex jiġu pprovduti arranġamenti raġonevoli għall-persuni b’dizabilitajiet.”

8        Il-premessi 20 u 21 tal-istess direttiva huma redatti kif ġej:

“(20) Għandhom jiġu pprovduti miżuri approprjati, jiġifieri miżuri effettivi u prattiċi biex jadattaw il-post tax-xogħol għad-diżabilità, per eżempju jadattaw il-postijiet u t-tagħmir, ritmi tax-xogħol, id-distribuzzjoni tal-kompiti jew tad-dispożizzjoni ta’ riżorsi ta’ tħarrig jew integrazzjoni.

(21)      Sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri inkwistjoni jikkawżawx piż sproporzjonat, għandu jittieħed kont b’mod partikulari ta’ l-ispejjeż finanzjarji u ta’ natura oħra li dan jimplika, ta’ l-iskala u r-riżorsi finanzjarji ta’ l-organizzazzjoni jew l-intrapriża u l-possibilità li jiġu ottenuti fondi pubbliċi jew assistenza oħra.”

9        Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha l-iskop “li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

10      L-Artikolu 2 tad-din id-direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)       għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)       għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, [...] fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)       meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

(ii)  fir-rigward ta’ persuni b’dizabilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva, huma obbligati, taħt legislazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn dispożizzjoni, kriterju jew prattika simili.

[...]”

11      L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Akkomodazzjoni [arranġamenti] raġjonevoli għal persuni b’dizabilità”, huwa redatt kif ġej:

“Sabiex tiġi ggarantita konformità mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabilitajiet, għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni [għandhom jiġu pprovduti arranġamenti] raġonevoli. Dan ifisser li dawk li jħaddmu għandhom jieħdu mizuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikulari, biex jippermettu persuna b’diżabilità li jkollha aċċess għal, u tipparteċipa fil-, jew tavvanza fl-impjieg, jew titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem. Dan il-piż ma jitqiesx sproporzjonat meta jiġi mnaqqas biżżejjed permezz ta’ miżuri li jkunu jeżistu fil-qafas tal-politika dwar diżabilità fl-Istat Membru kkonċernat.”

 Id-dritt Daniż

12      L-Artikolu 2 tal-Liġi dwar ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-persuni li jimpjegaw u l-impjegati (lov om retsforholdet mellem arbejdsgivere og funktionærer, iktar ’il quddiem l-“FL”) jipprovdi:

“1.       Kuntratt ta’ xogħol bejn persuna li timpjega u ħaddiem impjegat jista’ jintemm biss permezz ta’ avviż tat-temm tal-impjieg mogħti skont il-kundizzjonijiet stipulati iktar ’l isfel. Dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat li jintemm qabel ma jiddekorri l-perijodu tiegħu.

2.       It-tul tal-avviż tat-temm tal-impjieg mill-persuna li timpjega għandu jkun:

1)      ta’ xahar, sal-aħħar jum tax-xahar ta’ wara, matul l-ewwel sitt xhur tal-impjieg;

2)      ta’ tliet xhur, sal-aħħar jum tax-xahar ta’ wara, meta t-tul tal-impjieg ikun iktar minn sitt xhur.

3.       It-terminu tal-avviż tat-temm tal-impjieg previst fil-paragrafu 2(2) iktar ’il fuq jiżdied b’xahar għal kull tliet snin tal-impjieg, mingħajr ma jkun jista’ jeċċedi sitt xhur.”

13      L-Artikolu 5 tal-FL, li jipprovdi b’mod partikolari li l-ħaddiem impjegat għandu dritt iżomm ir-remunerazzjoni tiegħu fil-każ tal-assenza minħabba mard, jipprovdi:

“1.       Jekk ħaddiem impjegat ma jkunx f’pożizzjoni, minħabba mard, li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu, in-nuqqas ta’ servizz li jirriżulta għandu jiġi kkunsidrat li huwa kopert minn ostaklu leġittimu, sakemm, wara l-konklużjoni tal-kuntratt tax-xogħol, huwa ma jkunx marad bħala riżultat ta’ nuqqas intenzjonat jew nuqqas serju jew sakemm, fil-mument li ġie impjegat, huwa ma jkunx wera, b’intenzjoni frawdolenti, il-fatt li kellu l-marda inkwistjoni.

2.       Il-kuntratt ta’ xogħol bil-miktub jista’ madankollu jistabbilixxi illi l-perijodu tal-avviż tat-temm tal-impjieg ikun biss ta’ xahar mill-aħħar jum tax-xahar sussegwenti, jekk, matul it-tnax-il xahar preċedenti, il-ħaddiem impjegat kien nieqes minħabba mard u ngħata remunerazzjoni għal 120 jum. It-tkeċċija hija valida jekk tokkorri immedjatament wara l-perijodu ta’ 120 jum ta’ assenza minħabba mard u jekk il-ħaddiem impjegat ikun għadu bil-leave tal-mard; il-fatt illi l-ħaddiem impjegat jirritorna fuq il-post tax-xogħol tiegħu wara d-deċiżjoni tat-tkeċċija huwa mingħajr impatt fuq il-validità tagħha.”

14      Id-Direttiva 2000/78 ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali bil-Liġi Nru 1417, tat-22 ta’ Diċembru 2004, li temenda l-Liġi dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol (lov nr. 1417 af 22 december 2004 om ændring af lov om forbud mod forskelsbehandling på arbejdsmarkedet m. v.), tat-22 ta’ Diċembru 2004 (iktar ’il quddiem il-“Liġi kontra d-diskriminazzjoni”). L-Artikolu 2a tal-Liġi kontra d-diskriminazzjoni jipprovdi:

“Il-persuna li timpjega għandha tieħu l-miżuri xierqa, meta meħtieġa f’każ partikolari, sabiex persuna b’diżabbiltà tkun tista’ taċċedi għal impjieg, tipparteċipa jew tavvanza fih, jew sabiex tali persuna jingħatalha tħarriġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq il-persuna li timpjega. Dan il-piż ma jitqiesx sproporzjonat meta jiġi kkumpensat b’mod suffiċjenti permezz ta’ miżuri pubbliċi.”

It-tilwimiet fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

15      Fl-1996, J. Ring ġiet impjegata mill-kumpannija tal-abitazzjoni b’kera moderata Boligorganisationen Samvirke f’Lyngby, u mbagħad, mis-17 ta’ Lulju 2000, minn DAB, li ħadet lil din il-kumpannija. J. Ring kienet assenti f’diversi okkażjonijiet bejn is-6 ta’ Ġunju 2005 u l-24 ta’ Novembru 2005. Iċ-ċertifikati mediċi jindikaw, b’mod partikolari, li hija tbati minn uġigħ permanenti fin-naħa ta’ isfel tas-sinsla li ma jistax jiġi ttrattat. Ebda pronostiku mediku ma seta’ jsir fir-rigward tal-possibbiltà li terġa’ tinbeda attività professjonali full-time.

16      Permezz ta’ ittra minn DAB tal-24 ta’ Novembru 2005, J. Ring ġiet informata bit-tkeċċija tagħha, skont l-Artikolu 5(2) tal-FL.

17      Mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha, jirriżulta li l-post tax-xogħol ġie rranġat wara din it-tkeċċija. DAB ippreżentat prospett, bid-data tat-3 ta’ Settembru 2008, għal baġit totali ta’ “madwar 305 000 DKK (+ marġni)”, dwar “reception desk u postijiet tax-xogħol fuq wara” kif ukoll it-“tibdil tal-kopertura tal-art” u l-installazzjoni ta’ “mwejjed tax-xogħol bl-għoli tagħhom aġġustabbli”.

18      Fl-1 ta’ Frar 2006, J. Ring bdiet xogħol ġdid bħala receptionist mal-kumpannija ADRA Danmark, b’xogħol ta’ 20 siegħa fil-ġimgħa. Il-partijiet fil-kawża prinċipali C‑335/11 jaqblu fuq il-fatt li l-post tax-xogħol tagħha huwa ordinarju u jinkludi, b’mod partikolari, mejda tax-xogħol bl-għoli tagħha aġġustabbli.

19      L. Skouboe Werge, min-naħa tagħha, ġiet impjegata fl-1998 minn Pro Display bħala segretarja assistenta fl-amministrazzjoni. Fid-19 ta’ Diċembru 2003, hija sfat vittma ta’ inċident tat-traffiku u ġarrbet “whiplash”. Hija għalhekk tqiegħdet fuq leave tal-mard matul madwar tliet ġimgħat. Sussegwentement, hija ma kinitx assenti minħabba mard ħlief xi jiem. Fl-4 ta’ Novembru 2004, id-direttur kontabilista ta’ Pro Display bagħat posta elettronika lill-persunal fejn informah li, bi ftehim magħha, L. Skouboe Werge kienet ser titqiegħed fuq leave tal-mard parzjali għal erba’ ġimgħat, perijodu li fih hija kienet ser taħdem madwar erba’ sigħat kuljum. Pro Display għandha tiġi rrimborsata s-salarju ta’ L. Skouboe Werge sal-ammont tal-allowances tal-mard.

20      Nhar it-Tnejn l-10 ta’ Jannar 2005, L. Skouboe Werge tqiegħdet fuq leave tal-mard full-time. Permezz ta’ posta elettronika tal-14 ta’ Jannar 2005, hija informat lid-direttur amministrattiv ta’ Pro Display li hija kienet kontinwament muġugħa ħafna u li hija kellha tikkonsulta speċjalista fl-istess jum. Rapport mediku redatt fis-17 ta’ Jannar 2005 jikkonstata li hija għamlet il-konsulta f’dan il-jum u ddikjara li hija kienet inkapaċi li taħdem b’effett mill-10 ta’ Jannar 2005. It-tabib qies li din l-inkapaċità li taħdem kellha tieħu madwar xahar. F’rapport mediku tat-23 ta’ Frar 2005, dan it-tabib ikkonstata li ma setax jistabbilixxi t-tul taż-żmien tal-inkapaċità għax-xogħol.

21      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ April 2005, L. Skouboe Werge ġiet informata bit-tkeċċija tagħha b’avviż tat-temm tal-impjieg ta’ xahar li jintemm fil-31 ta’ Mejju 2005.

22      L. Skouboe Werge għamlet proċedura ta’ evalwazzjoni quddiem l-amministrazzjoni tal-impjieg ta’ Randers, li kkonkludiet li hija setgħet taħdem madwar tmien sigħat fil-ġimgħa b’rittmu baxx. Fix-xahar ta’ Ġunju 2006, hija ġiet iddikjarata invalida minħabba l-inkapaċità tagħha għax-xogħol. Fl-2007, l-Arbejdsskadestyrelsen (Uffiċċju nazzjonali dwar l-inċidenti tax-xogħol u l-mard okkupazzjonali) stabbilixxa r-rata tad-dannu fiżiku ta’ L. Skouboe Werge fil-livell ta’ 10 % u r-rata tal-inkapaċità fil-livell ta’ 50 %, sussegwentement evalwata mill-ġdid għal-livell ta’ 65 %.

23      Għan-nom u fl-interess taż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali, HK, għaqda sindakali ta’ ħaddiema, adixxiet lis-Sø- og Handelsretten permezz ta’ azzjoni għal kumpens kontra l-persuni li jimpjegawhom fuq il-bażi tal-Liġi kontra d-diskriminazzjoni. HK issostni li dawn iż-żewġ impjegati sofrew minn diżabbiltà u li l-persuni rispettivi li jimpjegawhom kienu marbuta jipproponulhom tnaqqis fil-ħin tax-xogħol, fuq il-bażi tal-obbligu li jagħmlu arranġamenti previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78. HK issostni wkoll li l-Artikolu 5(2) tal-FL ma jistax jiġi applikat fil-konfront ta’ dawn iż-żewġ ħaddiema minħabba li l-assenzi tagħhom minħabba mard kienu riżultat tad-diżabbiltajiet tagħhom.

24      Fiż-żewġ kawżi prinċipali, il-persuni li jimpjegaw jikkontestaw li l-istat ta’ saħħa tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jaqa’ fil-kunċett ta’ “diżabilitàˮ fis-sens tad-Direttiva 2000/78 peress li l-unika inkapaċità li teffettwahom hija dik li dawn ma humiex f’pożizzjoni li jaħdmu full-time. Huma jikkontestaw ukoll li t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jaqa’ taħt il-miżuri previsti mill-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Fl-aħħar nett, il-persuni li jimpjegaw isostnu li, fil-każ ta’ assenzi kkawżati minn mard minħabba diżabbiltà, it-tkeċċija ta’ ħaddiem b’diżabbiltà skont l-Artikolu 5(2) tal-FL ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni u għalhekk ma tmurx kontra din id-direttiva.

25      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-punt 45 tas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas (C-13/05, Ġabra p. I-6467), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, sabiex il-limitazzjoni tal-kapaċità li wieħed jipparteċipa fil-ħajja professjonali taqa’ taħt il-kunċett ta’ “diżabilitàˮ, jeħtieġ li jkun probabbli li din tkun għal żmien twil.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sø- og Handelsretten iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C‑335/11 u C‑337/11:

“1)      a)     Il-kunċett ta’ ‘diżabilità’ fis-sens tad-Direttiva 2000/78 [...], huwa applikabbli għal kull persuna li, minħabba diffikultajiet fiżiċi, mentali jew psikoloġiċi, ma tistax tagħmel xogħolha matul perijodu li jissodisfa l-kundizzjoni dwar żmien imsemmija fil-punt 45 tas-sentenza [Chacón Navas, iċċitata iktar ’il fuq], jew li tista’ tagħmel dan b’mod limitat?

b)      Kundizzjoni medika kkawżata minn marda kkunsidrata medikament inkurabbli tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ diżabbiltà fis-sens tad-Direttiva?

c)      Kundizzjoni medika kkawżata minn marda kkunsidrata medikament kurabbli tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ diżabbiltà fis-sens tad-Direttiva?

2)      Diżabbiltà permanenti li ma teħtieġx l-użu ta’ tagħmir speċjali jew ieħor u li tirriżulta prinċipalment fil-fatt li l-persuna li tkun diżabbli ma tkunx tista’ taħdem full-time, taqa’ taħt il-kunċett ta’ diżabbiltà fis-sens tad-Direttiva 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol?

3)      It-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jista’ jkun waħda mill-miżuri koperti mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78?

4)      Id-Direttiva 2000/78 tipprekludi l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali li biha min iħaddem jista’ jittermina l-kuntratt ta’ impjieg b’perijodu iqsar ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg jekk il-ħaddiem, li għandu jiġi kkunsidrat b’diżabbiltà fis-sens tal-imsemmija direttiva, kien fuq leave tal-mard bi ħlas għal 120 jum b’kollox matul l-aħħar tnax-il xahar meta:

a)      l-assenzi tal-ħaddiem huma l-konsegwenza tad-diżabbiltà tiegħu?

jew

b)      l-assenzi tal-ħaddiem huma dovuti għall-fatt li min iħaddem naqas milli jieħu l-miżuri konkreti meħtieġa sabiex persuna b’diżabbiltà tkun tista’ twettaq l-impjieg tagħha?”

27      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Awwissu 2011, il-Kawżi C-335/11 u C-337/11 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

28      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 216(2) TFUE, meta jiġu konklużi ftehim internazzjonali mill-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta minn dawn il-ftehim u, konsegwentement, dawn jirbħu fuq l-atti tal-Unjoni (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, Ġabra p. I‑13755, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29      Għandu jitfakkar ukoll li s-supremazija tal-ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi tad-dritt derivat teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, b’mod konformi ma’ dawn il-ftehim (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      Mid-Deċiżjoni 2010/48 jirriżulta li l-Unjoni approvat il-Konvenzjoni tal-ONU. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jifformaw parti integrali, b’effett mid-dħul fis-seħħ tagħha, mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, Ġabra p. 449, punt 5).

31      Barra minn hekk, mill-appendiċi tal-Anness II ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li, fir-rigward tal-awtonomija u l-inklużjoni soċjali, ix-xogħol u l-impjieg, id-Direttiva 2000/78 tinsab fost l-atti tal-Unjoni li ttrattaw id-domandi rregolati mill-Konvenzjoni tal-ONU.

32      Minn dan isegwi li d-Direttiva 2000/78 għandha, sa fejn possibbli, tiġi interpretata b’mod konformi ma’ din il-konvenzjoni.

33      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

34      Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “diżabilitàˮ previst fid-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-istat ta’ saħħa ta’ persuna li, minħabba defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi, ma tistax twettaq ix-xogħol tagħha, jew tista’ twettqu biss b’mod limitat, matul perijodu li probabbilment ikun twil jew permanenti. Hija tistaqsi wkoll jekk dan il-kunċett għandux jiġi interpretat fis-sens li stat patoloġiku kkawżat minn marda medikament ikkunsidrata inkurabbli jista’ jaqa’ taħt dan il-kunċett, li stat patoloġiku kkawżat minn marda medikament ikkunsidrata kurabbli jista’ wkoll jaqa’ taħt dan il-kunċett u li n-natura tal-miżuri li l-persuna li timpjega għandha tieħu hija determinanti sabiex jiġi kkunsidrat li l-istat ta’ saħħa ta’ persuna jaqa’ taħt dan il-kunċett.

35      B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha bħala għan qafas ġenerali għall-ġlieda, għal dak li jikkonċerna l-impjieg u x-xogħol, kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet previsti f’dan l-artikolu, li fosthom tidher id-diżabbiltà (ara s-sentenza Chacón Navas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41). B’mod konformi mal-Artikolu 3(1)(c) tagħha, din id-direttiva tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni Ewropea, għall-persuni kollha, fir-rigward b’mod partikolari tal-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija.

36      Għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “diżabilità” ma huwiex definit mid-Direttiva 2000/78 infisha. Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 43 tas-sentenza Chacón Navas, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet li dan il-kunċett għandu jiġi jiġi mifhum bħala li jirreferi għal limitazzjoni, ikkawżata b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi u li jxekklu l-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali.

37      Min-naħa tagħha, il-Konvenzjoni tal-ONU, ratifikata mill-Unjoni Ewropea permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2009, jiġifieri wara li ngħatat is-sentenza Chacón Navas, iċċitata iktar ’il fuq, tirrikonoxxi fil-premessa (e) tagħha li “d-diżabbiltà hija kunċett li qed jevolvi u li d-diżabbiltà tirriżulta mill-effett reċiproku bejn il-persuni bi ħsara [limitazzjonijiet] fis-saħħa u l-barrieri ta’ attitudni u ambjentali li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor”. B’dan il-mod, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi li huma persuni b’diżabbiltà “dawk li għandom ħsarat [limitazzjonijiet] fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi fuq perijodu twil li flimkien ma’ diversi ostakli jistgħu jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor”.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 28 sa 32 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “diżabilità” għandu jinftiehem bħala limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi, li flimkien ma’ diversi ostakli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra.

39      Barra minn hekk, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni tal-ONU jirriżulta li l-inkapaċitajiet fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi għandhom ikunu “fuq perjodu twil”.

40      Għandu jingħad ukoll li, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tagħha, ma jidhirx li d-Direttiva 2000/78 hija intiża sabiex tkopri biss id-diżabbiltajiet mit-twelid jew dawk ta’ oriġini inċidentali filwaqt li teskludi dawk ikkawżati minn marda. Fil-fatt, wieħed imur kontra l-għan stess ta’ din id-direttiva, li huwa dak li timplementa l-ugwaljanza fit-trattament, jekk jaċċetta li din tista’ tiġi applikata skont l-oriġini tad-diżabbiltà.

41      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, jekk marda kurabbli jew inkurabbli tinvolvi limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi, li flimkien ma’ diversi ostakli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra u jekk din il-limitazzjoni hija għal żmien twil, tali marda tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “diżabilità” fis-sens tad-Direttiva 2000/78.

42      Min-naħa l-oħra, marda li ma tinvolvix tali limitazzjoni ma taqax taħt il-kunċett ta’ “diżabilità” fis-sens tad-Direttiva 2000/78. Fil-fatt, il-mard bħala tali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala raġuni li tiġi inkluża ma’ dawk li abbażi tagħhom id-Direttiva 2000/78 tipprojbixxi kull diskriminazzjoni (ara s-sentenza Chacón Navas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

43      Il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun tista’ twettaq ix-xogħol tagħha biss b’mod limitat ma jikkostitwixxix ostaklu għall-kunsiderazzjoni li l-istat ta’ saħħa ta’ din il-persuna jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “diżabilità”. B’mod kuntrarju għal dak li DAB u Pro Display isostnu, diżabbiltà ma timplikax neċessarjament l-esklużjoni totali tax-xogħol jew tal-ħajja professjonali.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “diżabilità”, kif jirriżulta fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, għandu jinftiehem bħala limitazzjoni fiżika għall-eżerċizzju ta’ attività professjonali u mhux, kif isostnu DAB u Pro Display, impossibbiltà li tiġi eżerċitata tali attività. L-istat ta’ saħħa ta’ persuna b’diżabbiltà li tista’ taħdem, anki jekk part-time, tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “diżabilità”. Interpretazzjoni bħalma hija dik proposta minn DAB u Pro Display hija wkoll inkompatibbli mal-għan tad-Direttiva 2000/78 li jfittex b’mod partikolari li persuna b’diżabbiltà tkun tista’ taċċedi għal impjieg jew teżerċitah.

45      Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ diżabbiltà ma tiddependix min-natura tal-miżuri ta’ arranġamenti, bħall-użu ta’ apparat speċjali. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “diżabilità” fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 tippreċedi d-determinazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ arranġamenti xierqa previsti fl-Artikolu 5 tagħha.

46      Skont il-premessa 16 tad-Direttiva 2000/78, tali miżuri huma intiżi sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġiet tal-persuni b’diżabbiltà. Għalhekk dawn huma l-konsegwenza u mhux l-element kostituttiv tal-kunċett ta’ diżabbiltà. Bl-istess mod, il-miżuri jew l-arranġamenti previsti fil-premessa 20 ta’ din id-direttiva jippermettu l-osservanza tal-obbligu li joħroġ mill-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, iżda huma applikabbli biss kemm-il darba jkun hemm diżabbiltà.

47      Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li għall-ewwel u t-tieni domandi għandha tingħata r-risposta li l-kunċett ta’ “diżabilità” previst fid-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi stat patoloġiku kkawżat minn marda ikkunsidrata medikament kurabbli jew inkurabbli meta din il-marda tkun tinvolvi limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi, li flimkien ma’ diversi ostakli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra, u meta din il-limitazzjoni tkun għal żmien twil. In-natura tal-miżuri li l-persuna li timpjega għandha tieħu ma hijiex determinanti sabiex jiġi kkunsidrat li l-istat ta’ saħħa ta’ persuna jaqa’ taħt dan il-kunċett.

 Fuq it-tielet domanda

48      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jista’ jikkostitwixxi waħda mill-miżuri ta’ arranġamenti previsti f’dan l-artikolu.

49      Kif dan l-artikolu jistipula, il-persuna li timpjega hija marbuta tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari, sabiex tippermetti lil persuna b’diżabbiltà taċċedi għal impjieg, tipparteċipa jew tavvanza fih. F’dan ir-rigward, il-premessa 20 ta’ din id-direttiva tagħmel lista ineżawrjenti ta’ dawn il-miżuri li jistgħu jkunu ta’ natura fiżika, organizzattiva u/jew edukattiva.

50      Għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 u lanqas il-premessa 20 tagħha ma jsemmu t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol. Madankollu, il-kunċett ta’ “ritmi tax-xogħol”, li jidher f’din l-imsemmija premessa, għandu jiġi interpretat b’mod li jiġi ddeterminat jekk l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol jistgħux jaqgħu taħt dan il-kunċett.

51      F’dan ir-rigward, DAB u Pro Display isostnu li dan il-kunċett jipprevedi elementi bħalma huma l-organizzazzjoni tar-ritmu u r-rati tax-xogħol, pereżempju fil-kuntest ta’ proċess ta’ produzzjoni, kif ukoll tal-waqfien għal mistrieħ, b’mod li jittaffa, sa fejn possibbli, il-piż tal-ħaddiem b’diżabbiltà.

52      Madankollu, la mill-premessa 20 u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2000/78 ma jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita l-kunċett ta’ “ritmi tax-xogħol” għal tali elementi u jeskludi l-arranġamenti tal-ħinijiet, b’mod partikolari l-possibbiltà, għall-persuni b’diżabbiltà li ma humiex jew ma għadhomx jistgħu jaħdmu full-time, li jwettqu x-xogħol tagħhom fuq bażi part-time.

53      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tal-ONU, l-“[arranġamenti] raġonevoli” huma l-“modifika neċessarja u adegwata u aġġustamenti li ma jimponux piż sproporzjonat jew bla bżonn, meta tkun meħtieġa f’każ partikolari, biex jiġi assigurat li l-persuni b’diżabbiltà jistgħu jgawdu u jeżerċitaw fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha”. Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni ssostni definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “arranġamenti raġonevoli”.

54      B’dan il-mod, fir-rigward tad-Direttiva 2000/78, dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jipprevedi l-eliminazzjoni tad-diversi ostakli li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuni b’diżabbiltà fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra.

55      Peress li, fl-ewwel lok, il-premessa 20 tad-Direttiva 2000/78 u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tal-ONU jipprevedu miżuri mhux biss materjali, iżda wkoll organizzattivi u, fit-tieni lok, il-kelma “ritmu” ta’ xogħol għandha tinftiehem bħala r-rata jew il-ħeffa li biha jsir ix-xogħol, ma jistax jiġi eskluż li tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jista’ jikkostitwixxi waħda mill-miżuri ta’ arranġamenti previsti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

56      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-enumerazzjoni ta’ miżuri xierqa intiża għall-adattament tal-post tax-xogħol għad-diżabbiltà, li tinsab fil-premessa 20 tad-Direttiva 2000/78, ma hijiex eżawrjenti u, għaldaqstant, it-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol, anki jekk dan ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “ritmi tax-xogħol”, jista’ jiġi kkunsidrat bħala miżura ta’ arranġamenti previsti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva f’każijiet fejn it-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jippermetti li l-ħaddiem ikun jista’ jkompli jeżerċita l-impjieg tiegħu, b’mod konformi mal-għan previst fl-imsemmi artikolu.

57      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 17 tagħha, id-Direttiva 2000/78 ma teżiġix li persuna li ma hijiex kompetenti, kapaċi u disponibbli biex taqdi l-funzjonijiet essenzjali tal-post tax-xogħol ikkonċernat għandha tiġi rreklutata, promossa jew tinżamm fl-impjieg, mingħajr ħsara għall-obbligu li jiġu pprovduti arranġamenti raġonevoli għall-persuni b’diżabbiltà, fosthom il-possibbiltà ta’ tnaqqis fil-ħin tax-xogħol tagħhom.

58      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, b’mod konformi mal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, l-arranġamenti li l-persuni b’diżabbiltà jistgħu jitolbu għandhom ikunu raġonevoli, fis-sens li dawn ma għandhomx jikkostitwixxu piż sproporzjonat għall-persuna li timpjega.

59      Fil-kawżi prinċipali, huwa għalhekk il-kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa jekk it-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol bħala miżura ta’ arranġamenti jirrapreżentax piż sproporzjonat għall-persuni li jimpjegaw.

60      Kif jirriżulta mill-premessa 21 tad-Direttiva 2000/78, għandu f’dan ir-rigward jittieħed kont b’mod partikulari tal-ispejjeż finanzjarji u ta’ natura oħra li tali miżura timplika, tal-iskala u r-riżorsi finanzjarji tal-impriża u tal-possibbiltà li jinkisbu fondi pubbliċi jew kwalunkwe għajnuna oħra.

61      Hemm lok li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal‑funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Madankollu, sabiex tingħata risposta utli, il-Qorti tal‑Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tagħtiha dawk l-indikazzjonijiet li hija tqis li huma neċessarji (sentenza tal-15 ta’ April 2010, Sandström, C-433/05, Ġabra p. I-2885, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Jista’ jikkostitwixxi fattur rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni l-fatt, irrilevat mill-qorti tar-rinviju, li, immedjatament wara t-tkeċċija ta’ J. Ring, DAB ħarġet avviż ta’ offerta ta’ impjieg għal skrivan(a) part-time, jiġifieri 22 siegħa fil-ġimgħa, fl-aġenzija reġjonali tagħha ta’ Lyngby. Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta ebda fattur li jippermetti li jiġi stabbilit li J. Ring ma kinitx kapaċi tokkupa dan il-post tax-xogħol fuq bażi part-time jew li r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-fatt li dan ma ġiex lilha propost jinftiehmu. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju indikat li J. Ring bdiet, ftit taż-żmien wara t-tkeċċija tagħha, xogħol ġdid bħala receptionist ma’ kumpannija oħra u li t-tul tal-ħinijiet reali tax-xogħol kien ta’ 20 siegħa fil-ġimgħa.

63      Barra minn hekk, kif il-Gvern Daniż irrileva fis-seduta, id-dritt Daniż jipprovdi l-possibbiltà li l-impriżi jingħataw għajnuna pubblika għall-arranġamenti intiżi sabiex jiffaċilitaw l-aċċess tal-persuni b’diżabbiltà għas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari inizjattivi li għandhom l-iskop li jinċitaw lill-persuni li jimpjegaw sabiex jirreklutaw u jżommu attivi persuni li jbatu minn diżabbiltà.

64      Fid-dawl tal-premess, għat-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jista’ jikkostitwixxi waħda mill-miżuri ta’ arranġamenti previsti f’dan l-artikolu. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, it-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol bħala miżura ta’ arranġamenti jirrapreżentax piż sproporzjonat għall-persuna li timpjega.

 Fuq id-domanda 4(b)

65      Bid-domanda 4(b), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2000/78 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li timpjega tista’ tittermina kuntratt tax-xogħol b’avviż tat-temm tal-impjieg b’perijodu iqsar jekk il-ħaddiem b’diżabbiltà kkonċernat kien assenti minħabba mard bir-remunerazzjoni għal 120 jum matul l-aħħar tnax-il xahar meta dawn l-assenzi huma r-riżultat tal-ommissjoni, min-naħa tal-persuna li timpjega, li tieħu l-miżuri xierqa b’mod konformi mal-obbligu li tipprovdi arranġamenti raġonevoli previst fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

66      Għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li persuna li timpjega tkun naqset milli tieħu dawn il-miżuri jista’ jkollu l-effett, fid-dawl tal-obbligu li joħroġ mill-Artikolu 5 ta-Direttiva 2000/78, li l-assenzi ta’ ħaddiem b’diżabbiltà jiġu attribwiti lil defiċjenza min-naħa tal-persuna li timpjega u mhux lid-diżabbiltà tal-ħaddiem.

67      Fil-każ li l-qorti nazzjonali tikkonstata li l-assenza tal-ħaddiema hija, fil-każ ineżami, imputabbli lin-nuqqas ta’ adozzjoni min-naħa tal-persuna li timpjega ta’ miżuri ta’ arranġamenti xierqa, id-Direttiva 2000/78 tipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għad-domanda 4(b) għandha tingħata r-risposta li d-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li timpjega tista’ tittermina kuntratt ta’ xogħol b’avviż tat-temm tal-impjieg b’perijodu iqsar jekk il-ħaddiem b’diżabbiltà kkonċernat kien assenti minħabba mard bir-remunerazzjoni għal 120 jum matul l-aħħar tnax-il xahar meta dawn l-assenzi huma r-riżultat tal-ommissjoni, min-naħa tal-persuna li timpjega, li tieħu l-miżuri xierqa b’mod konformi mal-obbligu li tipprovdi arranġamenti raġonevoli previst fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

 Fuq id-domanda 4(a)

69      Permezz tad-domanda 4(a), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2000/78 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li timpjega tista’ tittermina kuntratt tax-xogħol b’avviż tat-temm tal-impjieg b’perijodu iqsar jekk il-ħaddiem b’diżabbiltà kkonċernat kien assenti minħabba mard bir-remunerazzjoni għal 120 jum matul l-aħħar tnax-il xahar meta dawn l-assenzi huma l-konsegwenza tad-diżabbiltà tiegħu.

70      Għandu jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tipprevedi l-ipoteżi fejn l-Artikolu 5(2) tal-FL huwa applikat għal persuna b’diżabbiltà wara assenza minħabba mard imputabbli kompletament jew parzjalment lid-diżabbiltà tagħha u mhux lill-ommissjoni tal-persuna li timpjega li tieħu l-miżuri xierqa b’mod konformi mal-obbligu li tipprovdi arranġamenti raġonevoli previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78.

71      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja affermat fil-punt 48 tas-sentenza Chacón Navas, iċċitata iktar ’il fuq, trattament żvantaġġuż ibbażat fuq diżabbiltà jmur kontra l-protezzjoni prevista fid-Direttiva 2000/78 biss sa fejn dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(1) tagħha. Fil-fatt, il-ħaddiem b’diżabbiltà li huwa kopert minn din id-direttiva għandu jkun protett kontra kull diskriminazzjoni b’paragun ma’ ħaddiem li ma għandux diżabbiltà. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax twassal għal diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni b’diżabbiltà.

72      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludix differenza fit-trattament ibbażata fuq id-diżabbiltà, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(2) tal-FL, li jittratta l-assenzi minħabba mard, japplika b’mod identiku għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni li ma għandhomx diżabbiltà li jkunu assenti għal iktar minn 120 jum għal din ir-raġuni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq id-diżabbiltà, fis-sens tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 1 u 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

73      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li persuna li twaqqfilha l-kuntratt tax-xogħol tagħha mill-persuna li timpjegaha b’avviż tat-temm tal-impjieg b’perijodu iqsar esklużivament minħabba mard ma taqax taħt il-qafas ġenerali stabbilit mid-Direttiva 2000/78 għall-finijiet tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà (ara, b’analoġija, is-sentenza Chacón Navas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

74      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 5(2) tal-FL ma jinkludix diskriminazzjoni bbażata direttament fuq id-diżabbiltà sa fejn dan huwa bbażat fuq kriterju li ma huwiex marbut b’mod inseparabbli mad-diżabbiltà.

75      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni tistax twassal għal differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq id-diżabbiltà, għandu jiġi rrilevat li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-jiem ta’ assenza minħabba mard marbut mad-diżabbiltà fil-kalkolu tal-jiem ta’ assenza minħabba mard iwassal għall-assimilazzjoni ta’ marda marbuta ma’ diżabbiltà mal-kunċett ġenerali tal-mard. Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja affermat fil-punt 44 tas-sentenza Chacón Navas, iċċitata iktar ’il fuq, assimilazzjoni pura u sempliċi tal-kunċett ta’ “diżabilità” ma’ dak ta’ “mard” hija eskluża.

76      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li ħaddiem b’diżabbiltà huwa espost iktar għar-riskju li jiġi applikat fil-konfront tiegħu t-terminu iqsar tal-avviż tat-temm tal-impjieg previst fl-Artikolu 5(2) tal-FL minn ħaddiem mingħajr diżabbiltà. Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tagħha, b’paragun ma’ ħaddiem mingħajr diżabbiltà, ħaddiem b’diżabbiltà huwa espost għal riskju addizzjonali ta’ mard marbuta mad-diżabbiltà tiegħu. B’dan il-mod huwa espost għal riskju ikbar li jakkumula l-jiem ta’ assenza minħabba mard u, għaldaqstant, li jilħaq il-limitu ta’ 120 jum previst fl-Artikolu 5(2) tal-FL. Jidher għalhekk li r-regola tal-120 jum prevista f’din id-dispożizzjoni tista’ tiżvantaġġa lill-ħaddiema b’diżabbiltà u għalhekk twassal għal differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq id-diżabbiltà fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78.

77      Skont il-punt (i) ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex oġġettivament iġġustifikata permezz ta’ għan leġittimu, jekk il-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan l-għan humiex xierqa u jekk dawn jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mil-leġiżlatur Daniż.

78      Fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 5(2) tal-FL, il-Gvern Daniż jenfasizza li dan jinċita lill-persuni li jimpjegaw sabiex jimpjegaw u jżommu fl-impjieg tagħhom ħaddiema li jinvolvu riskju partikolari ta’ assenzi ripetuti minħabba mard billi jippermettilhom li sussegwentement ikeċċu lil dawn tal-aħħar permezz ta’ avviż tat-temm tal-impjieg b’perijodu iqsar, jekk l-assenza jkollha tendenza li tkun għal żmien twil wisq. Min-naħa l-oħra, dawn il-ħaddiema jkunu jistgħu jipproteġu l-impjieg tagħhom matul il-perijodu ta’ mard tagħhom.

79      Dan il-gvern jirrileva li din ir-regola tikkunsidra għalhekk l-interessi tal-persuna li timpjega u tal-ħaddiem u hija konformi mar-regoli ġenerali tas-suq tax-xogħol Daniż, li huma bbażati fuq taħlita ta’, minn naħa, il-flessibbiltà u l-libertà kuntrattwali u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-ħaddiema.

80      DAB u Pro Display jispeċifikaw li r-regola tal-120 jum prevista fl-Artikolu 5(2) tal-FL hija kkunsidrata bħala regola li tipproteġi lill-ħaddiema morda, peress li persuna li timpjega li tkun qablet mal-applikabbiltà tagħha tkun ġeneralment inklinata li tistenna żmien itwal qabel tgħaddi għat-tkeċċija ta’ tali ħaddiem.

81      Għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jwettquh (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2012, Hörnfeldt, C‑141/11, punt 32, u tas-6 ta’ Diċembru 2012, Odar, C‑152/11, punt 47).

82      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-promozzjoni tal-impjiegi tikkostitwixxi b’mod inkontestabbli għan leġittimu tal-politika soċjali jew tal-impjieg tal-Istati Membri u li din l-evalwazzjoni għandha evidentement tapplika għal strumenti tal-politika tas-suq tax-xogħol nazzjonali li jfittxu li jtejbu l-possibbiltajiet ta’ inseriment fil-ħajja tax-xogħol ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C-411/05, Ġabra p. I-8531, punt 65). Bl-istess mod, miżura meħuda sabiex tiffavorixxi l-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol tista’ tiġi kkunsidrata bħala miżura li taqa’ taħt il-politika tal-impjieg.

83      Għaldaqstant, għanijiet tan-natura ta’ dawk indikati mill-gvern Daniż jistgħu, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati li jiġġustifikaw oġġettivament, fl-ambitu tad-dritt nazzjonali, kif previst fl-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78, differenza fit-trattament ibbażata fuq id-diżabbiltà, bħalma hija dik li tirriżulta mill-Artikolu 5(2) tal-FL.

84      Jibqa’ li jiġi vverifikat jekk il-mezzi implementati sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet humiex xierqa u neċessarji u jekk dawn jeċċedux dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

85      Il-gvern Daniż jikkunsidra li l-Artikolu 5(2) tal-FL jippermetti li jintlaħaq bl-iktar mod xieraq, minn naħa, l-għan li jkun permess ir-reklutaġġ u ż-żamma fl-impjieg ta’ persuni li għandhom, tal-inqas potenzjalment, kapaċità għax-xogħol imnaqqsa kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-għan ikbar ta’ suq tax-xogħol flessibbli, konvenzjonali u ċert.

86      DAB u Pro Display jispeċifikaw f’dan ir-rigward li, skont il-leġiżlazzjoni Daniża fuq l-allowances fil-każ ta’ mard, il-persuna li timpjega li tħallas ir-remunerazzjoni lill-ħaddiem li jkun fuq leave tal-mard għandha dritt għar-rimbors tal-allowances tal-mard mingħand l-awtoritajiet muniċipali tal-post ta’ residenza tal-ħaddiem. Madankollu, id-dritt għal dawn l-allowances huwa limitat għal 52 ġimgħa u l-ammont tagħhom huwa inqas mir-remunerazzjoni reali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) tal-FL jiżguraw bilanċ raġonevoli bejn l-interessi kunfliġġenti tal-impjegat u tal-persuna li timpjega, fir-rigward tal-assenzi minħabba mard.

87      Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rikonoxxuta lill-Istati Membri fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan partikolari ta’ politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll tad-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jilħqu dan l-għan, ma jidhirx li huwa irraġonevoli li dawn iqisu li miżura bħalma hija r-regola tal-120 jum prevista fl-Artikolu 5(2) tal-FL tista’ tkun xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija qabel.

88      Fil-fatt, jista’ jiġi aċċettat li din ir-regola, inkwantu tipprovdi d-dritt li jsir użu minn avviż tat-temm tal-impjieg b’perijodu iqsar għall-finijiet tat-tkeċċija tal-ħaddiema assenti minħabba mard għal iktar minn 120 jum għandha, fir-rigward tal-persuni li jimpjegaw, effett li jinċita r-reklutaġġ u ż-żamma fl-impjieg.

89      Sabiex jiġi eżaminat jekk ir-regola tal-120 jum prevista fl-Artikolu 5(2) tal-FL teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, din id-dispożizzjoni għandha titqiegħed fil-kuntest tagħha u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dannu li hija tista’ toħloq lill-persuni previsti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Odar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

90      F’dan ir-rigward, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li teżamina jekk il-leġiżlatur Daniż, meta fittex l-għanijiet leġittimi tal-promozzjoni tar-reklutaġġ ta’ persuni morda, minn naħa, u ta’ bilanċ raġonevoli bejn l-interessi kunfliġġenti tal-impjegat u tal-persuna li timpjega fir-rigward tal-assenzi minħabba mard, min-naħa l-oħra, naqasx milli jieħu inkunsiderazzjoni fatturi rilevanti li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-ħaddiema b’diżabbiltà.

91      F’dan ir-rigward, ma għandux jiġi injorat ir-riskju tal-persuni b’diżabbiltà li, ġeneralment, jiltaqgħu ma’ iktar diffikultajiet meta mqabbla mal-ħaddiema mingħajr diżabbiltà sabiex jerġgħu jidħlu fis-suq tal-impjieg u għandhom ħtiġiet speċifiċi marbuta mal-protezzjoni li l-istat tagħhom jirrikjedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Odar, iċċitata iktar ’il fuq, punti 68 u 69).

92      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijet premessi, għad-domanda 4(a) għandha tingħata r-risposta li d-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li timpjega tista’ tittermina kuntratt tax-xogħol b’avviż tat-temm tal-impjieg b’perijodu iqsar meta l-ħaddiem b’diżabbiltà kkonċernat kien assenti minħabba mard bir-remunerazzjoni għal 120 jum matul l-aħħar tnax-il xahar meta dawn l-assenzi huma l-konsegwenza tad-diżabbiltà tiegħu, ħlief jekk din id-dispożizzjoni, filwaqt li tfittex għan leġittimu, ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq dan l-għan, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa.

 Fuq l-ispejjeż

93      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ “diżabilità” previst mid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi stat patoloġiku kkawżat minn marda kkunsidrata medikament kurabbli jew inkurabbli meta din il-marda tkun tinvolvi limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi, li flimkien ma’ diversi ostakli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra, u meta din il-limitazzjoni tkun għal żmien twil. In-natura tal-miżuri li l-persuna li timpjega għandha tieħu ma hijiex determinanti sabiex jiġi kkunsidrat li l-istat ta’ saħħa ta’ persuna jaqa’ taħt dan il-kunċett.

2)      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jista’ jikkostitwixxi waħda mill-miżuri ta’ arranġamenti previsti f’dan l-artikolu. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, it-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol bħala miżura ta’ arranġamenti jirrapreżentax piż sproporzjonat għall-persuna li timpjega.

3)      Id-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li timpjega tista’ tittermina kuntratt ta’ xogħol b’avviż tat-temm tal-impjieg b’perijodu iqsar jekk il-ħaddiem b’diżabbiltà kkonċernat kien assenti minħabba mard bir-remunerazzjoni għal 120 jum matul l-aħħar tnax-il xahar meta dawn l-assenzi huma r-riżultat tal-ommissjoni, min-naħa tal-persuna li timpjega, li tieħu l-miżuri xierqa b’mod konformi mal-obbligu li tipprovdi arranġamenti raġonevoli previst fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

4)      Id-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li timpjega tista’ tittermina kuntratt tax-xogħol b’avviż tat-temm tal-impjieg b’perijodu iqsar meta l-ħaddiem b’diżabbiltà kkonċernat kien assenti minħabba mard bir-remunerazzjoni għal 120 jum matul l-aħħar tnax-il xahar meta dawn l-assenzi huma l-konsegwenza tad-diżabbiltà tiegħu, ħlief jekk din id-dispożizzjoni, filwaqt li tfittex għan leġittimu, ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq dan l-għan, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa.

Firem


* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.