Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fil-21 ta’ Ġunju 2017 – Stanley International Betting Ltd, Stanleybet Malta Ltd vs Ministero dell’Economia e delle Finanze, Agenzia delle Dogane e dei Monopoli

(Kawża C-375/17)

Lingwa tal-kawża: it‒Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellanti: Stanley International Betting Ltd, Stanleybet Malta Ltd

Appellati: Ministero dell’Economia e delle Finanze, Agenzia delle Dogane e dei Monopoli

Domandi preliminari

Id-dritt tal-Unjoni – u, b’mod partikolari, id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza, ta’ libertà ta’ kompetizzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ koerenza – għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik stabbilita fl-Artikolu 1(653) tal-Liġi ta’ stabbiltà 2015 u fl-atti ta’ implementazzjoni rilevanti, li tipprevedi mudell ta’ konċessjonarju monoproviding esklussiv fir-rigward tas-servizz tal-logħob tal-“Lotto”, iżda mhux għal logħob ieħor, għal logħob ta’ tbassir u għal imħatri?

Id-dritt tal-Unjoni – u, b’mod partikolari, id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u d-Direttiva 2014/23/UE 1 , kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza, ta’ libertà ta’ kompetizzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ koerenza – għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sejħa għal offerti li tipprevedi valur bażiku tal-kuntratt ħafna għola u mhux iġġustifikat fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ kapaċità ekonomika-finanzjarja u tekniċi-organizzattivi, bħal dawk previsti mill-punti 5.3, 5.4, 11, 12.4 u 15.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tas-sejħa għal offerti għall-għoti tal-konċessjoni tal-logħob tal-“Lotto”?

Id-dritt tal-Unjoni – u, b’mod partikolari, id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u d-Direttiva 2014/23/UE, kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza, ta’ libertà ta’ kompetizzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ koerenza – għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ għażla de facto bejn il-fatt li wieħed jingħata konċessjoni ġdida u t-tkomplija tal-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti l-varji servizzi ta’ imħatri fuq bażi transkonfinali, għażla bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 30 tal-mudell ta’ kuntratt, b’mod li d-deċiżjoni ta’ parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti għall-għoti tal-konċessjoni l-ġdida tkun tinvolvi r-rinunzja għall-attività transkonfinali, minkejja li l-legalità ta’ din l-aħħar attività ġiet diversi drabi rrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja?

____________

1  Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, p. 1).