Language of document : ECLI:EU:C:2018:174

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fit‑8 ta’ Marzu 2018 (1)

Kawża C34/17

Eamonn Donnellan

vs

The Revenue Commissioners

(talba għal deċiżjoni preliminari mill-High Court (Ireland) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja, l-Irlanda))

“Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE — Assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra — Notifika ta’ talba lil persuna wara, minflok qabel, il-ħruġ ta’ rikjesta għall-irkupru tagħha mill-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2010/24 — Ammissibbiltà għal kontestazzjoni skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/24 fil-qrati tal-Istat Membru mitlub biex tiġi eżegwita t-talba — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-kawża prinċipali qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw meta multa amministrattiva sostanzjali (it-“talba kontenzjuża”) tiġi imposta minn Stat Membru A (f’dan il-każ il-Greċja) (2) fuq persuna residenti fi Stat Membru B (f’dan il-każ l-Irlanda) f’ċirkustanzi li fihom it-talba kontenzjuża ġiet innotifikata mill-Istat Membru A lil din il-persuna wara, minflok qabel, li l-Istat Membru A kien ħareġ lill-Istat Membru B Strument Uniformi li jippermetti l-Infurzar (l-“strument ta’ infurzar kontenzjuż”) fir-rigward tat-talba kontenzjuża. L-Istrument ta’ infurzar kontenzjuż kien ħareġ skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas‑16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (3).

2.        X’portata hemm, jekk hemm, għal tali persuna biex tikkontesta strument ta’ infurzar kontenzjuż, u/jew il-miżuri meħuda mill-awtorità rikjesta biex teżegwixxih, fil-qrati tal-Istat Membru B (l-Irlanda) minflok tal-Istat Membru A (il-Greċja), abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (4)?

3.        Ser nimxi lejn is-soluzzjoni ta’ din il-problema billi l-ewwel nagħti fil-qosor l-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja. Sussegwentement ser nispjega għaliex nikkunsidra li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Kyrian, (5) flimkien mal-obbligi li joħorġu mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 (6) tal-Karta huma ċentrali għas-soluzzjoni tat-tilwima. Sussegwentement ser nispjega għaliex l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/24 għandu jiġi interpretat bħala li jinqara suġġett għall-konformità mas-sekwenza stabbilita għal kooperazzjoni preskritta fid-Direttiva 2010/24 li taħtha l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jippreċedi notifika ta’ talba, li min-naħa tagħha għandha tippreċedi l-ħruġ ta’ strument uniformi li jippermetti l-eżekuzzjoni skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2010/24.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

4.        L-Artikolu 47 tal-Karta intitolat, “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali” jistabbilixxi dan li ġej fl-ewwel żewġ paragrafi tiegħu:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.”

B.      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

5.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/55 stabbilixxa li:

“Fuq it-talba ta’ l-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tipprovdi kull tagħrif li jkun utli għall-awtorità applikanti fl-irkupru tat-talbiet tagħha.

Sabiex jinkiseb dan it-tagħrif, l-awtorità rikjesta għandha tagħmel użu mis-setgħat mogħtija mil-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li japplikaw għall-irkupru ta’ talbiet bħalhom li jinqalgħu fl-Istat Membru fejn dik l-awtorità tkun tinsab.”

6.        L-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 2008/55 stabbilixxa li:

“1. L-awtorità rikjesta għandha, fuq it-talba ta’ l-awtorità applikanti, u skond ir-regoli fis-seħħ għan-notifika ta’ dokumenti bħalhom jew deċiżjonijiet fl-Istat Membru li fih l-awtorità rikjesta tkun tinsab, tinnotifika lid-destinatarju b’ kull dokument u deċiżjoni, inklużi dawk ta’ natura ġudizzjarja, li jiġu mill-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab u li jkollhom x’jaqsmu ma’ xi talba u/jew l-irkupru tagħha.

2. It-talba għan-notifika għandha tindika l-isem u l-indirizz tad-destinatarju kkonċernat u kull informazzjoni oħra rilevanti dwar l-identifikazzjoni li għaliha l-awtorità applikanti normalment ikollha aċċess, in-natura u s-suġġett tad-dokument jew deċiżjoni li għandhom jiġu nnotifikati, jekk meħtieġ l-isem u l-indirizz tad-debitur u kull informazzjoni oħra rilevanti dwar l-identifikazzjoni li għaliha l-awtorità applikanti normalment ikollha aċċess u t-talba li għaliha d-dokument jew deċiżjoni jirreferu, u kull tagħrif utli ieħor.”

7.        Il-premessa 4 tad-Direttiva 2010/24 tistabbilixxi, inter alia li:

“huma meħtieġa adattamenti importanti, fejn is-sempliċi modifika tad-Direttiva 2008/55/KE eżistenti ma tkunx biżżejjed. Għalhekk din tal-aħħar trid titħassar u tiġi sostitwita bi strument ġuridiku ġdid li jibni fuq il-kisbiet tad-Direttiva 2008/55/KE iżda jipprevedi regoli aktar ċari u preċiżi fejn meħtieġ.”

8.        Il-premessa 12 tad-Direttiva 2010/24 tistabbilixxi:

“Matul il-proċedura tal-irkupru fl-Istat Membru rikjest, it-talba, in-notifika li l-awtoritajiet tal-Istat Membru applikanti jagħmlu jew l-istrument li jawtorizza l-infurzar [l-eżekuzzjoni] tagħha jistgħu jiġu kkontestati mill-persuna kkonċernata. Għandu jiġi stabbilit li f’każijiet bħal dawn il-persuna kkonċernata għandha tressaq l-azzjoni quddiem il-korp kompetenti tal-Istat Membru applikanti u li l-awtorità rikjesta għandha tissospendi, bil-kondizzjoni li l-awtorità applikanti ma titlobx mod ieħor, kwalunkwe proċedura ta’ infurzar li hi tkun bdiet sakemm tittieħed deċiżjoni mill-korp kompetenti tal-Istat Membru applikanti.”

9.        Il-premessa 20 tad-Direttiva 2010/24 tistabbilixxi, inter alia, li l-għan tad-Direttiva huwa “l-forniment ta’ sistema uniformi ta’ assistenza għall-irkupru fi ħdan is-suq intern”.

10.      Il-premessa 21 tad-Direttiva 2010/24 tistabbilixxi:

“Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.”

11.      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2010/24 huwa intitolat “Talba għan-notifika ta’ ċerti dokumenti relatati ma’ talbiet”. L-ewwel u t-tieni paragrafi tiegħu jistabbilixxu:

“(1)      Fuq it-talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tinnotifika lid-destinatarju bid-dokumenti kollha, inklużi dawk ta’ natura ġudizzjarja, li jkunu ġejjin mill-Istat Membru applikanti u li jkunu relatati ma’ talba kif imsemmi fl-Artikolu 2 jew mal-irkupru tagħha.

It-talba għan-notifika għandha tkun akkumpanjata minn formola standard li jkun fiha tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)      l-isem, l-indirizz u data oħra rilevanti għall-identifikazzjoni tad-destinatarju;

(b)      l-għan tan-notifika u l-perijodu li fih għandha ssir tali notifika;

(c)      deskrizzjoni tad-dokument mehmuż u n-natura u l-ammont tat-talba kkonċernata;

(d)      l-isem, l-indirizz u dettalji ta’ kuntatt oħra rigward:

(i)      l-uffiċċju responsabbli fir-rigward tad-dokument mehmuż, u, jekk differenti;

(ii)      l-uffiċċju fejn tista’ tinkiseb aktar informazzjoni dwar id-dokument innotifikat jew dwar il-possibbiltajiet biex l-obbligu ta’ ħlas jiġi kkontestat.

(2)      L-awtorità applikanti għandha tagħmel talba għal notifika skont dan l-artikolu biss meta ma tkunx tista’ tinnotifika f’konformità mar-regoli li jirregolaw in-notifika tad-dokument ikkonċernat fl-Istat Membru applikanti, jew fejn tali notifika tagħti lok għal diffikultajiet sproporzjonati.”

12.      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/24 huwa intitolat “Tilwim”. L-Artikolu 14(1) u (2) jistabbilixxu:

“(1) Tilwim dwar it-talba, l-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar [l-eżekuzzjoni] fl-Istat Membru applikanti jew l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest u tilwim dwar il-validità ta’ notifika li tkun saret minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru applikanti għandhom jaqgħu taħt il-kompetenza tal-korpi kompetenti tal-Istat Membru applikanti. Jekk, waqt il-proċess tal-proċedura tal-irkupru, it-talba, l-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti jew l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest jiġi kkonstestat minn parti interessata, l-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lil dik il-parti li din tal-aħħar għandha tressaq it-tali azzjoni quddiem il-korp kompetenti tal-Istat Membru applikanti f’konformità mal-liġijiet fis-seħħ hemmhekk.

(2) Tilwim dwar il-miżuri ta’ infurzar li jittieħdu fl-Istat Membru rikjest jew dwar il-validità ta’ notifika li tkun saret minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest għandhom jitressqu quddiem il-korp kompetenti ta’ dak l-Istat Membru skont il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu.”

III. Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari għal deċiżjoni preliminari

13.      Fl-2002, Eamonn Donnellan (ir-“rikorrent”), li twieled fl-1979 f’Co. Galway, l-Irlanda, kien impjegat bħala sewwieq tat-trakkijiet ma’ TLT International Limited, Co. Westmeath. F’Lulju 2002 ir-rikorrent ġie ordnat mill-persuna li timpjegah biex imur il-Greċja f’trakk biex jiġbor 23 palit żejt taż-żebbuġa. Fis‑27 ta’ Lulju 2002, meta r-rikorrent kien se jirkeb fuq bastiment lejn l-Italja hu u ġej lura mill-Greċja għall-Irlanda, l-awtoritajiet doganali Griegi spezzjonaw it-trakk u skoprew numru kbir ta’ pakketti ta’ sigaretti mhux iddikjarati (7), moħbija fit-trakk tiegħu qalb il-palits taż-żejt taż-żebbuġa. Ir-rikorrent inżamm f’kustodja u jumejn wara ġie, b’mod partikolari kkundannat, fuq akkużi ta’ kuntrabandu. F’Ottubru 2002, l-Efetio Patron (il-Qorti tal-Appell ta’ Patras, il-Greċja) annullat il-kundanna u ordnat il-ħelsien immedjat tar-rikorrent, li wara dan irritorna lejn l-Irlanda.

14.      Sitt snin u sitt xhur wara, fis‑27 ta’ April 2009, l-uffiċċju doganali Grieg f’Patras, permezz ta’ Att ta’ Evalwazzjoni ddatat is-27 ta’ April 2009 (l-“Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009”) impona t-talba kontenzjuża fuq ir-rikorrent. Din kienet multa ta’ EUR 1 097 505.00, għall-allegat kuntrabandu tas-sigaretti, bi ksur tal-Leġiżlazzjoni Doganali Griega fis-seħħ fl‑2002.

15.      Fid‑19 ta’ Ġunju 2009, l-ambaxxata Griega fl-Irlanda bagħtet “stedina” bil-posta rreġistrata lir-rikorrent, indirizzata biss b’riferiment għal ismu u l-isem tal-lokalità fejn joqgħod. Id-dokumenti li r-rikorrent kien mistieden jispezzjona f’dik l-“istedina” kienu ddikjarati li huma mill-Ministeru tal-Finanzi Grieg. Iżda l-“istedina” ma stqarritx li dawn id-dokumenti kienu jikkonċernaw it-talba kontenzjuża.

16.      Il-qorti tar-rinviju tgħid li hija ssodisfatta li l-istedina tad‑19 ta’ Ġunju 2009 ma waslitx għand ir-rikorrent. Din hija appoġġjata mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Greċja li ddeskrivew l-istedina tad‑19 ta’ Ġunju 2009 bħala każ fejn l-ambaxxata Griega ppruvat mingħajr suċċess tinnotifika l-Att ta’ evalwazzjoni fuq ir-rikorrent u l-istess reġa’ ntqal mill-aġent għall-Gvern Grieg fis-seduta.

17.      Fis-seduta l-aġent għall-Gvern Grieg ma setax jindika jekk l-awtoritajiet Griegi kinux addizzjonalment żguraw notifika tal-Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009 fuq ir-rikorrent bl-assistenza tal-awtorità rikjesta skont l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2008/55 (talba għal informazzjoni u notifika, rispettivament), il-miżuri fis-seħħ fiż-żmien rilevanti. Ma hemm xejn fil-proċess li jissuġġerixxi li din il-possibbiltà għal assistenza reċiproka ġiet attivata.

18.      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, bħala kwistjoni tad-dritt Grieg notifika preżunta lir-rikorrent saret permezz ta’ pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Greċja fil‑15 ta’ Lulju 2009. Madankollu, fis-seduta l-aġent għall-Gvern Grieg adotta l-fehma li r-rikorrent ġie mgħarraf b’mod sħiħ bil-każ kontrih ħafna iktar tard, jiġifieri fl‑14 ta’ Novembru 2013, meta r-rikorrent irċieva u kkonferma l-irċevuta tal-Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009 u traduzzjoni tiegħu għall-Ingliż (8). Dan seħħ wara li r-rikorrent fittex li jiskopri iktar dwar strument ta’ infurzar kontenzjuż mill-awtoritajiet mitluba permezz tal-avukati Irlandiżi tiegħu.

19.      Ir-rikorrent ġie nnotifikat bi strument ta’ infurzar kontenzjuż sena wara, b’ittra ddatata 14 ta’ Novembru 2012, b’segwitu ta’ talba għal irkupru mressqa mill-awtorità applikanti lill-awtorità rikjesta. Ir-rikorrent irċieva ittra b’din id-data mill-awtorità rikjesta li tinformah bit-talba kontenzjuża u li tfittex l-irkupru tagħha, għas-somma ta’ EUR 1 507 971.88. L-ittra inkludiet kopja ta’ strument ta’ infurzar kontenzjuż, maħruġ mill-awtorità applikanti f’konformità mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2010/24, iżda xejn iktar. L-ittra mill-awtorità rikjesta inkludiet ukoll talba speċifika għall-ħlas fi żmien 30 ġurnata ta’ EUR 1 507 971.88 u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità (it-“talba għall-ħlas”). Dawn il-konsegwenzi inkludew proċedura ta’ eżekuzzjoni u rinviju lix-Xerriff jew l-Uffiċjal tal-Qorti taċ-Ċirkwit fid-dawl tal-qbid tal-oġġetti tar-rikorrent.

20.      Fil‑11 ta’ Ġunju 2014, minflok ma fetaħ kawża fil-Greċja biex jikkontesta l-Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009 u strument ta’ infurzar kontenzjuż, ir-rikorrent fetaħ kawża quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja) tal-Irlanda kontra l-awtorità rikjesta biex ifittex, inter alia ħelsien mit-talba għall-eżekuzzjoni tat-talba fl-Irlanda, id-danni għall-allegat ksur tad-drittijiet kostituzzjonali (Irlandiżi) tiegħu, negliġenza u malafama min-naħa tal-awtorità rikjesta. Ir-rikorrent kiseb fit‑12 ta’ Diċembru 2014 digriet interlokutorju li jrażżan l-eżekuzzjoni fl-Irlanda tat-talba kontenzjuża sad-determinazzjoni tal-kawża Irlandiża.

21.      Waqt il-kawża Irlandiża, il-provi nstemgħu quddiem espert Grieg fil-liġi pubblika, li pprovda opinjoni bil-miktub fid‑19 ta’ Novembru 2015 bir-riżultat li, skont id-dritt Greek, iż-żmien għal appell mir-rikorrent fil-qrati Griegi skada f’Ottubru 2009. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, dan kien parzjalment minħabba li komunikazzjoni preżunta skont is-sistema amministrattiva Griega (pubblikazzjoni bil-Grieg f’Ġurnal Uffiċjali u komunikazzjoni allegata permezz tal-ambaxxata Griega fl-Irlanda) kienet biżżejjed u vinkolanti skont is-sentenzi 2436 u 2437 tal‑2012 tal-Symvoulio tis Epikrateias (Council of State, Greece) (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja). Kif ġie nnotat hawn fuq, din il-pubblikazzjoni seħħet fil‑15 ta’ Lulju 2009.

22.      Il-qorti tar-rinviju tiddikjara fid-deċiżjoni tar-rinviju li hija tikkonkludi li appell fil-qrati tal-Greċja, ippreżentat wara t-talba tal-awtorità rikjesta tal‑14 ta’ Novembru 2012 ma jirnexxix. Din il-konstatazzjoni hija kkontestata fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Greek u kompliet tiġi kkontestata mill-aġent tiegħu fis-seduta.

23.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Ireland (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja, l-Irlanda) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

“L-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2010/24/UE jipprekludi lil High Court of Ireland, meta tiġi ddeterminata n-natura eżekuttiva fl-Irlanda ta’ ‘strument uniformi li jippermetti l-infurzar [eżekuzzjoni]’, maħruġ fl‑14 ta’ Novembru 2012 mill-uffiċċju doganali ta’ Patras, dwar penalitajiet u sanzjonijiet pekunarji amministrattivi fl-ammont ta’ EUR 1 097 505.00 imposti fil‑15 ta’ Lulju 2009 għal allegat kuntrabandu fis‑26 ta’ Lulju 2002, milli:

(i)      tapplika, fir-rigward tat-talba għal eżekuzzjoni, id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli għal ċittadin Irlandiż u tal-Unjoni;

(ii)      tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tad-Direttiva 2010/24/UE li tipprovdi assistenza reċiproka (premessa 20 tad-Direttiva 2010/24/UE) u li tosserva l-obbligu li tipprovdi assistenza usa’ li tirriżulta mill-KEDB (premessa 17 tad- Direttiva 2010/24/UE) bħad-dritt taċ-ċittadini għal rimedju effettiv, previst fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 13 tal-KEDB;

(iii)      tikkunsidra l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni għaċ-ċittadini tagħha.”

24.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrent, l-awtorità rikjesta, il-Gvern Grieg, u l-Kummissjoni Ewropea. Ilkoll kemm huma pparteċipaw fis-seduta li nżammet fit‑18 ta’ Jannar 2018.

IV.    Sommarju tal-osservazzjonijiet ippreżentati

25.      Ir-rikorrent jirrikonoxxi li l-lingwa tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/24 tidher li teħtieġ li kwistjonijiet marbuta mat-talba, u n-notifika tal-Att ta’ evalwazzjoni oriġinali jew tal-istrument uniformi li jippermetti l-eżekuzzjoni għandhom jitressqu fl-Istat Membru applikant (f’dan il-każ il-Greċja), u li l-Artikolu 14(2) jistabbilixxi li tilwim li jikkonċerna l-miżuri ta’ eżekuzzjoni meħuda mill-Istat Membru mitlub għandhom jitressqu quddiem il-korp kompetenti ta’ dak l-Istat Membru. Madankollu, ir-rikorrent jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’Kyrian (9)li jista’ jkun hemm xi eċċezzjonijiet għal-lingwa tad-Direttiva biex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali jkunu protetti u li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Kyrian tappoġġja l-każ tiegħu.

26.      Ir-rikorrent jirreferi, inter alia, għall-punti f’Kyrian fejn ġie deċiż li l-għan ta’ notifika effettiva tal-istrumenti u d-deċiżjonijiet kollha li huwa inerenti fid-Direttiva tal-Kunsill 76/308 ma jistax jintlaħaq sakemm ma josservax l-interessi leġittimi tad-destinatarji tan-notifiki (10); li waħda mill-funzjonijiet ta’ notifika hija li tippermetti lid-destinatarju jiddefendi d-drittijiet tiegħu (11); li kemm is-suġġett tat-talba kif ukoll l-kawża kellhom jiġu identifikati b’ċertu grad ta’ ċertezza (12) (li kien jinvolvi f’Kyrian notifika bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih kienet tinsab l-awtorità rikjesta) (13) u li, peress li d-Direttiva 76/308 ma stabbilixxietx il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-rekwiżit “hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika d-dritt nazzjonali tagħha filwaqt li tishar sabiex tiżgura l-effikaċja sħiħa tad-dritt Komunitarju, li jista’ jwassalha tinterpreta regola nazzjonali li oriġinalment kienet intiża biss għal sitwazzjoni interna sabiex tkun tista’ taplikaha għas-sitwazzjoni transkonfinali inkwistjoni” (14).

27.      Ir-rikorrent jinnota li ma huwiex ikkontestat il-fatt li huwa ma kienx jaf bl-eżistenza tat-talba qabel l‑14 ta’ Novembru 2012, u jisħaq li huwa kien imċaħħad darbtejn mid-dritt tiegħu għal smigħ xieraq, u li ma kienx mgħarraf bis-seduta oriġinali li nżammet fil-Ġreċja (15), u ma kienx innotifikat bl-eżistenza tal-Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009 biex jappellah, u skont id-dritt Irlandiż in-nuqqas ta’ permess għall-parteċipazzjoni fil-kawżi u n-nuqqas ta’ notifika ta’ deċiżjoni simili għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jrendu tali deċiżjoni inkapaċi milli tiġi eżegwita. Ir-rikorrent jinnota li ġew ippreżentati sottomissjonijiet lill-qorti tar-rinviju nazzjonali li ma sar l-ebda sforz mill-awtoritajiet Griegi biex jużaw kwalunkwe mekkaniżmu tal-Unjoni għall-komunikazzjoni tad-dokumenti biex jiżguraw li huwa kien innotifikat bl-Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009, u l-ebda prova f’dan ir-rigward ma ġiet prodotta fil-qorti.

28.       Ir-rikorrent ikompli jistrieħ fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 KEDB fir-rigward li litiganti għandhom jiġu mħarrka għal seduti tal-qorti b’tali mod li mhux biss ikunu mgħarrfa bid-data u l-post tas-seduta, iżda jkollhom ukoll biżżejjed ħin biex jippreparaw każ u jattendu għas-seduta tal-qorti, u li dispaċċ formali ta’ ittra ta’ notifika mingħajr ebda kunfidenza li ser tasal għand ir-rikorrent f’ħin xieraq ma jistax ikun ikkunsidrat bħala notifika xierqa (16). Iktar minn hekk, ir-rikorrent jirreferi għal Kapetanios et vs Il-Greċja (17) fir-rigward li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabet li l-ordni tal-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi fuq individwi akkużati b’kuntrabandu li kienu ġew meħlusa minn reat kriminali hija ksur tal-Artikolu 6(2) KEDB dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 dwar id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jistaqsi jekk, fid-dawl tad-deċiżjoni f’Kapetanios et vs Il-Greċja, multa tad-daqs inkwistjoni, hijiex xierqa li tiġi kkategorizzata bħala waħda ta’ natura ċivili, jew jekk hijiex waħda ta’ natura kriminali.

29.      L-awtorità rikjesta tinnota li strument ta’ infurzar kontenzjuż ġie mfassal bl-Ingliż u ħareġ fl‑14 ta’ Novembru 2012, u twassal lir-rikorrent permezz ta’ ittra bl-istess data. Ma tressaq l-ebda lment fil-kawża prinċipali dwar il-forma jew il-kontenut ta’ strument ta’ infurzar kontenzjuż, jew xi wieħed mill-passi meħudin minnha, bħala l-awtorità rikjesta, fl-Irlanda. Ir-rikorrent ikkonferma, taħt kontroeżami fis‑27 ta’ Ottubru 2015, il-fehim tiegħu ta’ strument ta’ infurzar kontenzjuż, u li huwa kien ġie nnotifikat li kwalunkwe tilwima fir-rigward tat-talba fih setgħet tittieħed quddiem l-awtorità applikanti fil-Greċja. Ir-rikorrent ikkonferma wkoll li huwa kien ingħata l-indirizz rilevanti tal-awtorità applikanti fil-Greċja u li huwa kien ġie mgħarraf mill-awtorità rikjesta fl-Irlanda li ma kinitx ser tieħu azzjoni ulterjuri waqt li huwa kien qiegħed iressaq il-kwistjoni quddiem l-awtorità applikanti.

30.      Minflok, fil‑11 ta’ Ġunju 2014 ir-rikorrent fetaħ kawża fil-qrati Irlandiżi li wasslu għal deċiżjoni tar-rinviju.

31.      L-awtorità rikjesta hija tal-fehma li huwa ovvju li skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/24 ilmenti bħal dawk imressqa mir-rikorrent għandhom ikunu imqajma fil-Greċja, abbażi kemm tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll tal-premessi 12 u 20 tad-Direttiva 2010/24. Konstatazzjoni kuntrarja tispiċċa tagħmel il-kuntest ġuridiku stabbilit mid-Direttiva 2010/24 ineffettiv, u tfixkel is-sistema ta’ assistenza reċiproka u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2010/24. Fid-dawl ta’ dan, mistoqsijiet dwar il-validità proċedurali u sostantiva ta’ strument ta’ infurzar kontenzjuż, inkluż il-Karta, għandhom jiġu mqajma quddiem il-qrati tal-Greċja.

32.      L-awtorità rikjesta ssostni li, peress li r-rikorrent ma kkontestax strument ta’ infurzar kontenzjuż fil-Greċja, l-awtorità rikjesta intrabtet skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2010/24 biex tittratta t-talba bħallikieku kienet talba magħmula skont id-dritt Irlandiż. Li kieku r-rikorrent issa kellu jieħu passi biex jikkontesta strument ta’ infurzar kontenzjuż bħala kwistjoni tad-dritt Irlandiż kwalunkwe proċedura ulterjuri meħuda mill-awtorità rikjesta tiġi awtomatikament sospiża (18).

33.      L-awtorità rikjesta tiddistingwi d-deċiżjoni f’Kyrian fuq il-bażi li din tindirizza sitwazzjoni li fiha tressaq ilment dwar in-notifika mill-awtorità rikjesta fuq il-bażi li n-notifika kienet f’lingwa (il-Ġermaniż) li la kienet il-lingwa tal-Istat Membru mitlub (f’Kyrian ir-Repubblika Ċeka) u lanqas lingwa li d-destinatarju kien jifhem. In-notifika inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet bl-Ingliż u r-rikorrent, għall-kuntrarju tar-rikorrent f’Kyrian, ma għandux problemi biha. Iktar minn hekk, waqt li l-awtorità rikjesta tirrikonoxxi li l-istrumenti li jippermettu l-eżekuzzjoni jistgħu b’eċċezzjoni jitwarrbu, dawn iċ-ċirkustanzi għandhom ikunu intrinsiċi għall-istrument innifsu, bħal-lingwa li fih huwa miktub, jew il-persuna li lilha huwa nnotifikat, u mhux tilwima fuq il-fatti fir-rigward tal-validità tat-talba sottostanti.

34.      L-awtorità rikjesta tiddikjara li l-prova esperta prodotta quddiem il-qorti tar-rinviju nazzjonali mill-avukat Grieg instemgħet minkejja l-oġġezzjonijiet kontriha, u anki tikkontesta jekk il-prova prodotta kinitx turi b’ċarezza li kontestazzjoni mir-rikorrent fil-Greċja kienet destinata li tfalli. Ir-rikorrent jista’ jargumenta dwar ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu quddiem il-qrati Griegi, u jiżgura jekk hemm bżonn rinviju għal din il-Qorti tal-Ġustizzja minn qorti Griega taħt l-Artikolu 267 TFUE li mid-deċiżjoni tagħha ma hemm l-ebda rimedju ġudizzjarju.

35.      Fl-aħħar nett, l-awtorità rikjesta tikkontesta li huwa indiskutibbli li difetti fil-komunikazzjoni jitqiesu dejjem bħala difiża assoluta skont id-dritt Irlandiż.

36.      Il-Gvern Grieg ma jaċċettax li r-rikorrent kien ikun prekluż milli jeżegwixxi d-drittijiet fundamentali tiegħu, inkluż id-dritt għal rimedju effettiv, li kieku kien ikkontesta l-Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009 fil-Greċja. Skont ġurisprudenza stabbilita tas-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat), skont l-Artikolu 66(1)(A)(a) tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, minkejja li huwa stabbilit li l-perijodu biex jiġi ppreżentat appell jibda, bħala regola, min-notifika legali tal-att lill-persuna kkonċernata, tibqa’ l-possibbiltà li l-perijodu jibda fiż-żmien li fih jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata hija konxja b’mod sħiħ tal-kontenut tal-att ikkontestat, f’każijiet fejn jew din in-notifika preskritta ma seħħitx jew fejn din seħħet iżda mhux b’mod legali (19). Il-Gvern Greek jagħmel ukoll riferiment għal ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’dan ir-rigward (20).

37.      Il-Gvern Grieg jikkontesta l-paragrafu 16 tad-deċiżjoni tar-rinviju, minħabba li d-dokumenti mibgħuta mill-ambaxxata Griega fl-Irlanda, u li huwa jirrikonoxxi li ma ġewx ikkomunikati b’suċċess, kienu fil-fatt bl-Ingliż (21).

38.      Id-deċiżjoni tar-rinviju hija bbażata fuq il-preżunzjoni żbaljata tal-qorti tar-rinviju nazzjonali li hemm indikazzjonijiet ċari li t-twettiq tal-proċedura għall-irkupru tal-multa fl-Irlanda ikun jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tar-rikorrent skont l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6 tal-KEDB.

39.      Fis-seduta l-aġent tal-Gvern Grieg iddikjara li jekk dokument ma jiġix ikkomunikat, kif kien il-każ fil-kawża prinċipali, jew il-komunikazzjoni mwettqa ma kinitx legali, it-terminu sabiex tiġi mressqa azzjoni legali fil-Greċja jibda jiddekorri biss mill-mument li d-destinatarju ikun mgħarraf b’mod sħiħ bl-allegazzjonijiet kontrih. Komunikazzjoni li ma ssegwix dan tista’ tiġi annullata minħabba t-tardività tagħha, u imħallef Grieg jista’ jiddeċiedi li ż-żmien ma jibdiex jiddekorri qabel ma d-destinatarju jkollu għarfien reali u sħiħ tal-kontenut tat-talba. Għalhekk, ir-rikorrent seta’ jitlob lis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fuq din il-bażi meta huwa rċieva, fl‑14 ta’ Novembru 2013, traduzzjoni għall-Ingliż tal-Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009, iżda huwa ma għamilx hekk. Li kieku għamel hekk issa, dan kien ikun tard wisq.

40.      Fl-aħħar nett, l-espert legali li nstema’ quddiem il-qorti tar-rinviju ma għamilx riferiment għall-ġurisprudenza rilevanti, stabbilita fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Grieg, tas-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat), tal-Areios Pagos (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Greċja) jew tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

41.      Il-Kummissjoni tinnota li l-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u rikonoxximent reċiproku jeħtieġu lil kull Stat Membru, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jikkunsidra li l-Istati Membri l-oħra jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea (22). Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa espress fl-Artikoli 10(1) u 13 tad-Direttiva 2010/24, li skontu l-Istati Membri huma fil-prinċipju obbligati li jirkupraw it-talbiet mitluba li huma s-suġġett ta’ strument li jippermetti l-eżekuzzjoni.

42.      Madankollu, konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta hija vinkolanti fuq l-Istati Membri u konsegwentement fuq il-qrati tagħhom meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, kif inhu l-każ meta jeżegwixxu talba għall-irkupru ta’ talba suġġetta għal strument li jippermetti l-eżekuzzjoni (23).

43.      Fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri jistgħu jsiru f’“ċirkustanzi eċċezzjonali”, b’mod partikolari, fejn dan ikun neċessarju biex tiġi żgurata konformità mad-drittijiet fundamentali (24).

44.      Il-Kummissjoni tinnota li fil-kuntest ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin il-leġiżlatur tal-Unjoni rnexxielu fir-rikonċiljazzjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (25).

45.      Il-Kummissjoni tkompli tistrieħ fuq it-test fis-sentenza Kyrian li jippermetti lil korpi fl-Istat mitlub biex jistħarrġu b’mod eċċezzjonali jekk l-eżekuzzjoni ta’ strument uniformi li jippermetti l-eżekuzzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2010/24, tmurx kontra l-politika pubblika (26), flimkien mas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Avotiņš vs Il-Latvja. (27)Il-Kummissjoni tadotta l-fehma li din id-deċiżjoni ssolvi d-dilemma fil-kawża prinċipali.

46.      Jekk wieħed japplika l-prinċipji stabbiliti Avotiņš vs Latvia fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB u d-dritt għal smigħ xieraq għal każ bħal dan, jirriżulta li, normalment, l-Istat Membru mitlub jiġi prekluż milli jistħarreġ il-validità jew in-natura eżegwibbli tal-istrument, fejn ir-rikorrent ma jkunx eżawrixxa rimedji lokali. Madankollu, f’każijiet eċċezzjonali, fejn il-qorti tal-Istat mitlub tkun issodisfatta lil hinn minn kull dubju raġonevoli li ma jkun hemm l-ebda rimedju ġudizzjarju effettiv disponibbli għall-persuna kkonċernata fl-Istat Membru applikant, mela d-diviżjoni tar-rwoli stabbilita fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/24 ma għandhiex tapplika (28). Konsegwentement, il-qrati tal-Istat Membru mitlub jistgħu b’mod eċċezzjonali jistħarrġu jekk l-eżekuzzjoni tal-istrument hijiex obbligata, b’mod partikolari, li twassal għal ksur ċar tad-drittijiet fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u ċaħda skandaluża tal-ġustizzja u, f’dan il-każ, rifjut biex tiġi eżegwita r-rikjesta għall-irkupru tat-talba.

47.      Madankollu, ir-rifjut tal-eżekuzzjoni tar-rikjesta fuq din il-bażi jikkostitwixxi miżura tal-aħħar rimedju u l-limitu minimu li għandu jintlaħaq huwa għoli ħafna. Il-qorti tal-Istat Membru mitlub irid ikollha f’idejha prova li turi lil hinn minn kwalunkwe dubju raġonevoli li ma hemm l-ebda rimedju ġudizzjarju effettiv disponibbli, u li tkun ħadet il-passi raġonevoli kollha biex tilħaq din il-konklużjoni, inkluż li titlob informazzjoni mill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru applikant (29).

V.      Analiżi

48.      Abbażi tal-analiżi li ġejja, wasalt għall-konklużjoni li r-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun fin-negattiv. Madankollu, din hija bbażata fuq difetti fil-proċedura prevista mid-Direttiva 2010/24, u l-predeċessur tagħha d-Direttiva 2008/55, iktar milli l-applikazzjoni ta’ test legali, kif irrakkomandat mill-Kummissjoni, imsejsa fuq dubji mhux sostanzjati fir-rigward li r-rikorrent seta’ jkun imċaħħad rimedju effettiv legali li kieku ippreżenta kawża fil-Greċja.

A.      Osservazzjonijiet preliminari

1.      Il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka

49.      Skont il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, l-Istati Membri għandhom “ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali” jikkunsidraw li “l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt” (30). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju. Pereżempju, hija appoġġjat tali eċċezzjonijiet fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni dwar l-immigrazzjoni u l-ażil, u l-kooperazzjoni mill-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, f’każ ta’ nuqqasijiet sistematiċi jew iġġeneralizzati fi Stat Membru sabiex jinħoloq riskju reali ta’ espożizzjoni tal-persuna jew persuni kkonċernati għal ksur ta’ ċerti drittijiet fil-Karta kieku l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka kellu jiġi applikat awtomatikament (31).

50.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali, li l-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, li kienet tinsab fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (32), u li issa tinsab fl-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 (33), ser tapplika fil-każ ta’ ksur manifest ta’ dispożizzjoni legali kkunsidrata li hija essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, u għalhekk fl-ordinament ġuridiku tal-Istat fejn issir it-talba jew ta’ dritt rikonoxxut li huwa fundamentali fi ħdan dawk l-ordinamenti ġuridiċi (34).

51.      Madankollu, ma hemm xejn fil-proċess li jissuġġerixxi l-eżistenza fil-Greċja ta’ nuqqas ta’ konformità min-naħa tal-Greċja fir-rigward tad-dritt għal smigħ xieraq jew għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta b’tali mod li jiġi appoġġjat l-iżvilupp, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ta’ eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fil-kuntest tad-Direttiva 2010/24 (35).

52.      Fuq il-fatti tal-kawża prinċipali, ma hemm l-ebda evidenza, pereżempju, ta’ esklużjoni tar-rikorrent mill-parteċipazzjoni fil-kawża li kellha tiġi ppreżentata fil-qrati Griegi (36). Anki jekk kien hemm fehim żbaljat iġġustifikat min-naħa tal-qrati Irlandiżi li d-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali, inkluż regoli dwar il-limiti ta’ żmien għal azzjoni ġuridika, jiġi applikat ħażin jekk ir-rikorrent ikun talab lill-qrati Griegi minflok lill-qrati Irlandiżi, dan ma kienx ikun biżżejjed minnu nnifsu biex iwarrab lill-qrati Griegi, abbażi ta’ eċċezzjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, bħala l-qorti idonea għal kontestazzjoni ta’ strument ta’ infurzar kontenzjuż, kif previst mit-test tal-Artikolu 14 u l-premessa 12 tad-Direttiva 2010/24 (37).

2.      Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Kyrian

53.      Madankollu, naċċetta li r-regola ġuridika żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Kyrian, tipprovdi punt ta’ riferiment biex jissolvew il-kwistjonijiet legali li joħorġu mill-kawża prinċipali.

54.      Hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tikkunsidra l-konsegwenzi li jirriżultaw min-nuqqas tal-awtorità rikjedenti (Ġermaniża) biex tipprovdi lil M. Kyrian, ċittadin Ċek residenti fir-Repubblika Ċeka, b’dokumenti f’lingwa li M. Kyrian jifhem. Seta’ dan jintitola lil M. Kyrian jikkontesta l-eżekuzzjoni tat-talba fil-qrati Ċeki minflok fil-qrati Ġermaniżi, anki jekk it-test tal-Artikolu 12(1) u (3) tad-Direttiva 76/308, il-miżura fis-seħħ fiż-żmien rilevanti, u li issa huwa rifless fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/24, jissuġġerixxi li M. Kyrian kien marbut li jippreżenta r-rikors tiegħu quddiem il-qrati Ġermaniżi?

55.      L-ewwel nett, f’Kyrian il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità rikjesta jistgħu b’mod eċċezzjonali jistħarrġu n-natura eżegwibbli tal-istrument li jippermetti l-eżekuzzjoni b’mod partikolari jekk imur kontra l-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat Membru, u fejn huwa xieraq jirrifjutaw li jagħtu kompletament jew parzjalment l-assistenza jew jissuġġettaw tali assistenza għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet (38).

56.      It-tieni nett, u mingħajr ma wieħed ikompli jelabora fuq l-eċċezzjoni li ssemmiet iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrati tal-Istat Membru li fih tinsab l-awtorità rikjesta għandhom ġurisdizzjoni li jistħarrġu jekk l-istrument li jippermetti l-eżekuzzjoni tat-talba kienx innotifikat kif xieraq lid-debitur. Fl-interpretazzjoni tal-kliem “miżuri ta’ infurzar [eżekuzzjoni]”, fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308, li issa huwa rifless fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2010/24/UE, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 76/308, li issa huwa rifless fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2010/24, l-ewwel stadju tal-eżekuzzjoni fil-kuntest tal-assistenza reċiproka huwa n-notifika lid-destinatarju mill-awtorità rikjesta tal-istrumenti u d-deċiżjonijiet kollha li joħorġu mill-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti u li huma relatati ma’ talba u/jew l-irkupru tagħha, fejn din in-notifika għandha titwettaq abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità applikanti (39). Minn dan jirriżulta li n-notifika tikkostitwixxi waħda mill-miżuri ta’ eżekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308 u li, għalhekk, skont din id-dispożizzjoni, l-azzjonijiet kollha kontra n-notifika għandhom jitressqu quddiem il-korp kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità rikjesta (40).

57.      It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li ma kienx possibbli li n-notifika ta’ strument li jippermetti l-eżekuzzjoni titqies bħala regolari meta din in-notifika kienet saret fit-territorju tal-Istat Membru li fih kienet tinsab l-awtorità rikjesta b’lingwa li d-destinatarju ma jifhimx u li lanqas ma hija l-lingwa uffiċjali tal-imsemmi Stat Membru. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-funzjoni tan-notifika, imwettqa fiż-żmien xieraq, hija li tqiegħed lid-destinatarju f’pożizzjoni li jifhem is-suġġett u l-kawża tal-att innotifikat u li jkun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu” (41), u li n-notifika effettiva tal-istrumenti u d-deċiżjonijiet kollha li joħorġu mill-Istat Membru li fih jinsab ir-rikorrent għandha fl-istess ħin tosserva l-interessi leġittimi tad-destinatarji tan-notifiki (42). Notifika fir-Repubblika Ċeka bil-Ġermaniż ma ssodisfatx ir-rekwiżiti msemmija hawn fuq fir-rigward tad-difiża tad-drittijiet u l-osservanza lejn l-interessi leġittimi tad-destinatarji.

58.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tal-fehma li fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet fid-Direttiva 76/308 dwar il-konsegwenzi li joħorġu meta n-notifika ssir f’lingwa li ma hijiex il-lingwa tal-Istat Membru mitlub, “hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika d-dritt nazzjonali tagħha filwaqt li tishar sabiex tiżgura l-effikaċja sħiħa tad-dritt Komunitarju, li jista’ jwassalha tinterpreta regola nazzjonali li oriġinalment kienet intiża biss għal sitwazzjoni interna sabiex tkun tista’ taplikaha għas-sitwazzjoni transkonfinali inkwistjoni” (43). Dan ġie deċiż biex tkun suġġetta biss għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività (44).

59.      Madankollu, Kyrian ma semmiet l-ebda diffikultà ta’ liġi jew ta’ fatt fir-rigward ta’ preġudizzju għas-sekwenza ta’ assistenza prevista mid-Direttivi 2010/24 u 2008/55, jiġifieri talba għall-informazzjoni (45), sussegwentement notifika lid-destinatarju tat-talba rilevanti mill-awtorità rikjesta (46), segwita minn talba għall-irkupru (47). Preġudizzju għal din is-sekwenza huwa dak li ġara fil-kawża prinċipali minħabba li l-Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009 ġie rċevut mir-rikorrent wara, minflok qabel, strument ta’ infurzar kontenzjuż. Għandu jiġi kkunsidrat jekk nuqqas ta’ notifika tat-talba kontenzjuża, b’xi mod, qabel il-ħruġ u n-notifika ta’ strument uniformi li jippermetti l-eżekuzzjoni skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2010/24, huwa fi ħdan il-parametri stabbiliti mis-sentenza Kyrian kif spjegat iktar ’il fuq sabiex l-eżekuzzjoni ta’ strument li jippermetti l-infurzar tkun tista’ tiġi kkontestata fl-Istat Membru rikjest, anki jekk tkun miktuba fil-lingwa tal-Istat Membru rikjest.

3.      Il-Karta u l-kawża prinċipali

60.      Hekk kif Stat Membru jagħmel talba għal waħda mill-forom ta’ assistenza previsti fid-Direttiva 2010/24, is-sitwazzjoni ssir waħda “rregolata” mid-dritt tal-Unjoni (48). Dan ifisser li d-Direttiva 2010/24 kollha, inkluż l-Artikolu 14, għandha tiġi interpretata f’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-komponenti tiegħu (49), kif rifless fl-Artikolu 47 tal-Karta. Dan ifisser ukoll li kwalunkwe setgħa diskrezzjonali fl-istħarriġ ġudizzjarju f’idejn il-qrati tal-Istat Membru mitlub ma hijiex ikkonfinata biss, kif seta’ ġie dedott minn Kyrian, għall-prinċipji ta’ effettività u ekwivalenza (50).

61.      Barra minn hekk, minkejja li l-kaxxa 7 ta’ strument ta’ infurzar kontenzjuż tistabbilixxi li d-data “tan-notifika tal-istrument inizjali li jippermetti l-eżekuzzjoni” kienet il-15 ta’ Lulju 2009 (li tikkorrispondi għad-data tal-pubblikazzjoni tat-talba kontenzjuża fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Greċja), ġie sostnut fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Grieg li t-tentattiv parallel biex jiġi nnotifikat ir-rikorrent permezz tal-ambaxxata tiegħu f’Dublin ma rnexxiex. Ġie sostnut ukoll mill-aġent għall-Gvern Grieg fis-seduta li r-rikorrent ma kienx kompletament mgħarraf bil-każ kontrih qabel l‑14 ta’ Novembru 2013, mal-irċevuta tat-traduzzjoni għall-Ingliż tal-Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009 (51).

62.      Għalhekk naċċetta li d-data tan-notifika tat-talba kontenzjuża, f’dettall biżżejjed għar-rikorrent biex ikollu opportunità xierqa biex iħejji difiża effettiva, kif meħtieġ mill-Artikolu 47 tal-Karta (52), kienet l-14 ta’ Novembru 2013, mal-irċevuta min-naħa tiegħu tat-traduzzjoni għall-Ingliż tal-Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009.

B.      Il-proċedura prevista mid-Direttivi 2010/24 u 2008/55

63.      Hija ġurisprudenza stabbilita li meta tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġu kkunsidrati mhux biss il-formulazzjoni tagħha, imma anki l-kuntest li qiegħda fih u l-għanijiet imfittxija mir-regoli li hija tifforma parti minnhom (53). Sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva 2010/24 tingħata effett sħiħ u interpretazzjoni awtonoma, għandu jsir riferiment prinċipalment għall-istruttura ġenerali u l-għanijiet tagħha (54).

64.      Kif ġie nnotat hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’Kyrian li “l-ewwel stadju” tal-eżekuzzjoni fil-kuntest ta’ assistenza reċiproka huwa, in-notifika lid-destinatarju, mill-awtorità rikjesta, tal-istrumenti u d-deċiżjonijiet kollha li joħorġu mill-Istat Membru li fih tinsab l-awtorità applikanti u li jirrelata ma’ talba u/jew mal-irkupru tagħha, fejn in-notifika għandha titwettaq abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità applikanti. Kif ser jintwera hawn taħt, l-istess għandu neċessarjament japplika meta Stat Membru jipprova jinnotifika talba mingħajr l-assistenza ta’ awtorità rikjesta, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali (55)

65.      Dan l-obbligu huwa ugwalment rifless fl-istruttura ġenerali taż-żewġ Direttivi 2010/24 u 2008/55, li tistabbilixxi sekwenza li tipprovdi assistenza permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni (56), imbagħad notifika (57), imbagħad irkupru (58), u l-fatt li ż-żewġ direttivi jipprekludu l-użu ta’ talba għall-irkupru jekk it-talba minnha nnifisha u/jew l-istrument li jippermetti l-eżekuzzjoni (59) jkunu kkontestati fl-Istat Membru applikant (60). Dan jimplika li n-notifika tat-talba tippreċedi talba għall-irkupru u l-eżekuzzjoni tagħha.

66.      Flimkien ma’ dan, kemm ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1189/2011 (61) kif ukoll il-predeċessur tiegħu, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1179/2008 tat‑28 ta’ Novembru 2008 (62), il-miżuri ta’ implementazzjoni li jakkumpanjaw id-Direttivi 2010/24 u 2008/55 rispettivament jipprevedu standard u forom organizzati b’mod sekwenzjali biex jiġu eżegwiti l-proċessi tan-notifika u l-irkupru (63).

67.      F’dak li jirrigwarda l-oriġini tad-Direttiva 2010/24, il-proposta inizjali tal-Kummissjoni enfasizzat id-dokument mehmuż tal-Kummissjoni biex “tissimplifika u tiċċara il-liġi tal-Komunità” (64). Barra minn hekk l-għan tad-Direttiva 2010/24, kif iddikjarat f’waħda mill-premessi tagħha, huwa d-dispożizzjoni ta’ sistema ta’ assistenza għall-irkupru fis-suq intern li huwa “uniformi” (65).

68.      Minkejja dan, huwa ċar mit-test tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2008/55, id-dispożizzjonijiet tal-assistenza reċiproka fis-seħħ fiż-żmien rilevanti, li l-awtoritajiet Griegi ma kinux obbligati li jfittxu li jiksbu l-assistenza tal-awtoritajiet Irlandiżi biex jiżguraw iktar informazzjoni minn dik li kellhom fil-fajls tagħhom fir-rigward tal-indirizz tar-rikorrent, jew biex jitolbu lill-awtoritajiet Irlandiżi jinnotifikaw l-Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009 lir-rikorrent (66). Dawn iż-żewġ funzjonijiet ġew speċifikati fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttivi 2008/55 bħala li jkunu “fuq it-talba ta’ l-awtorità applikanti”, u n-natura diskrezzjonali ta’ dawn il-funzjonijiet ġew miżmuma mid-Direttiva 2010/24 (67).

69.      Madankollu, jekk min-nuqqas ta’ użu minn dawn l-għażliet jirriżulta li l-ewwel pass ta’ notifika jseħħ biss wara l-ħruġ ta’ strument uniformi li jippermetti l-eżekuzzjoni ta’ talba skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2010/24, l-eżekuzzjoni tat-talba tista’ tiġi kkontestata, skont il-kawża Kyrian, quddiem il-qrati tal-Istat mitlub, b’dan tal-aħħar jibqa’ ħieles milli japplika d-dritt tal-Istat Membru, suġġett għal konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt u d-drittijiet fundamentali li huma pertinenti għall-proċess tal-eżekuzzjoni (bħad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta) flimkien mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività (68).

70.      Inkella, l-Istati Membri jkunu ngħataw l-opportunità li jirrimedjaw għan-nuqqasijiet fir-rigward ta’ notifika ta’ talba sempliċement billi joħorġu strument uniformi li jippermetti l-eżekuzzjoni skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2010/24 u l-bidu tal-proċess ta’ rkupru.

71.      Kif ser jintwera iktar ’l isfel, din l-analiżi hija appoġġjata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-Artikolu 47 tal-Karta.

C.      Ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta

72.      Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, kif rifless fl-Artikolu 47 tal-Karta, huwa kkostitwit minn diversi elementi, li jinkludu, b’mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, id-dritt ta’ aċċess għall-qrati u d-dritt li persuna tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata (69). Il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li skontu kull parti għandha tingħata opportunità raġonevoli biex tippreżenta l-każ tagħha skont il-kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex fi żvantaġġ sostanzjali fil-konfront tal-avversarju tagħha (70), japplika fid-dritt tal-Unjoni Ewropea għal proċeduri tad-dritt pubbliku kif ukoll proċeduri ċivili (71).

73.      Il-qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll jekk kienx hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, inkluż in-natura tal-att inkwistjoni, il-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u r-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (72).

74.      Jekk l-informazzjoni, in-notifika u t-talba għas-sekwenza tal-eżekuzzjoni kellhom jinqalbu, sabiex in-notifika ta’ talba tkun tista’ ssir qabel il-ħruġ ta’ strument uniformi li jippermetti l-eżekuzzjoni, ikun kważi inevitabbli li jinqalgħu problemi f’termini ta’ konformità ma-d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva taħt l-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, dan jidher bħala eżempju permezz tal-fatti li joħorġu mill-kawża prinċipali.

75.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li japplika meta l-awtoritajiet ikollhom l-intenzjoni li jadottaw, fil-konfront ta’ persuna, miżura li tikkawżalha preġudizzju. Skont dan il-prinċipju, id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw sinjifikattivament l-interessi tagħhom għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv fir-rigward tal-informazzjoni li abbażi tagħha l-awtoritajiet ikollhom l-intenzjoni li jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom. L-awtoritajiet tal-Istati Membri huma suġġetti għal dan l-obbligu meta jieħdu deċiżjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli ma tipprovdix espressament tali rekwiżit proċedurali (73).

76.      Fis-seduta kien ikkontestat mill-aġent għall-Gvern Grieg li r-rikorrent kien ġie nnotifikat, b’interpretazzjoni għall-Ingliż u assistenza oħra, f’Lulju tal‑2002, bl-investigazzjoni doganali li wasslet għall-ħruġ tal-Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009. Madankollu, huwa għażel li jressaqx il-fehmiet tiegħu fiż-żmien rilevanti. Jekk dan kien il-każ, u dan huwa kkontestat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrent, ma jqum l-ebda dubju fir-rigward tan-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża f’dan l-istadju bikri tal-proċedura (74).

77.      Madankollu, fil-każijiet kollha, problemi, f’termini ta’ konformità mad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-Artikolu 47 tal-Karta nqalgħu iktar tard, minħabba li l-Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009 ġie nnotifikat biss lir-rikorrent, u għalhekk id-dettalji tat-talba kontenzjuża, wara li ntbagħtet notifika lilu mill-awtorità rikjesta dwar strument ta’ infurzar kontenzjuż. Dan tal-aħħar ġie trażmess, bit-talba għal pagament ddatata l-14 ta’ Novembru 2012 mill-awtorità rikjesta filwaqt li d-dettalji tat-talba kontenzjuża kienu nnotifikati lir-rikorrenti sena tard mal-irċevuta, bi traduzzjoni għall-Ingliż, tal-2009 tal-Att ta’ evalwazzjoni.

78.      Din is-sekwenza poġġiet lir-rikorrent fi żvantaġġ sostanzjali fil-konfront tal-awtorità rikjedenti, għax ir-rikorrent ma setax “jifhem is-suġġett u l-kawża tal-att innotifikat u li jkun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu”, kif meħtieġ mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Kyrian (75), meta rċieva fl‑14 ta’ Novembru 2012 it-talba għall-pagament mill-awtorità rikjesta, li kien fiha biss strument ta’ infurzar kontenzjuż.

79.      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm elaborata fil-kuntest ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili, huwa stabbilit li d-dritt għal smigħ xieraq, kif protett mill-Artikolu 47 tal-Karta, jirrikjedi li kull sentenza tkun motivata u dan sabiex il-konvenut ikun jista’ jifhem ir-raġunijiet għall-kundanna tiegħu u jappella minn tali deċiżjoni b’mod utli u effettiv (76). L-istess għandu neċessarjament japplika fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2010/24, u l-konsegwenzi li ġejjin min-nuqqas ta’ Stat Membru li jirrikorri għall-possibbiltà ta’ assistenza fil-proċess ta’ notifika ta’ talbiet li issa hija prevista fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2010/24 (77).

80.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma ngħatax opportunità raġonevoli biex jippreżenta l-każ tiegħu minħabba li strument ta’ infurzar kontenzjuż pprovda biss, fil-qofol, l-informazzjoni li ġejja; l-ammont tat-talba kontenzjuża, li kienet tirrelata ma’ dazji doganali, l-Istat Membru tal-oriġini, id-data tal-istabbiliment tat-talba kontenzjuża u meta saret eżegwibbli, id-data (preżunta) tan-notifika tal-istrument inizjali li jippermetti l-eżekuzzjoni (li, fil-kawża prinċipali, huwa l-Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009) u l-indirizz tal-uffiċċju doganali responsabbli. Din l-iskarsezza ta’ informazzjoni kompliet tiggrava minħabba l-perijodu ta’ żmien akut bejn il-fatti li jwasslu għat-talba kontenzjuża, li seħħew f’Lulju 2002, u n-notifika mill-awtorità applikanti tal-Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009, bl-Ingliż f’Novembru 2013. Fi kliem iktar sempliċi, dawn il-fatturi kkombinati fissru li r-rikorrent ma setax jidentifika s-suġġett tat-talba u l-kawża tal-azzjoni kontrih (78).

81.      Għalhekk, in-nuqqas ta’ dettall fi strument ta’ infurzar kontenzjuż li jikkonċerna l-informazzjoni mogħtija lir-rikorrent la jirrispetta l-qofol tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jew tad-drittijiet ta’ ekwità inerenti fl-Artikolu 47 tal-Karta u lanqas jikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità, li kollha kemm huma, huma fost ir-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 52(1) tal-Karta jekk limitazzjoni fuq dritt tal-Karta għandha tkun legali (79).

82.      Iktar minn hekk, il-provvediment ta’ indirizz fi strument ta’ infurzar kontenzjuż li minnu r-rikorrent ikun jista’ jiżgura “informazzjoni ulterjuri li tikkonċerna t-talba” (80) ma jistax jirrimedja għan-nuqqas li tiġi nnotifikata t-talba kontenzjuża. L-ebda obbligu bħal dan ma jidher fil-miżura Irlandiża li timplementa d-Direttiva 2010/24 (81), u lanqas ma jista’ jiġi impost minn jew dedott mid-Direttiva 2010/24, peress li d-Direttivi minnhom infushom ma jistgħux jimponu obbligi fuq individwi privati (82).

83.      B’dan, ir-rikorrent ma jistax jiġi kkritikat għax jidħol f’korrispondenza mal-awtorità rikjesta, permezz ta’ avukati Irlandiżi, bejn it-28 ta’ Novembru 2012 u l-14 ta’ Mejju 2014, bil-ħsieb li jiskopri iktar. Dan inkluda domanda speċifika mill-avukati tar-rikorrent lill-awtorità rikjesta biex tgħaddilhom l-Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009.

84.      Ir-rikorrent lanqas ma jista’ jiġi kkritikat għax kiseb parir legali minn avukat Grieg fid‑19 ta’ Novembru 2015 biex jiskopri jekk kwalunkwe kontestazzjoni tal-Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009 kinitx skadiet jew le skont id-dritt Grieg. Iktar minn hekk, il-parir tad‑19 ta’ Novembru 2015 ħoloq fehim iġġustifikat, jew fehim żbaljat, li t-terminu taż-żmien għall-kontestazzjoni tal-Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009 kien skada.

85.      L-awtorità applikanti setgħet aġixxiet f’konformità mal-Karta kif ġej. Setgħet timponi l-multa amministrattiva fl-istess żmien tal-penali kriminali, b’hekk tevita problemi ta’ konformità fir-rigward ne bis in idem skont l-Artikolu 50 tal-Karta (ara l-punt 90 iktar ’l isfel).

86.      L-awtorità rikjedenti setgħet ukoll imxiet biex timponi t-talba kontenzjuża qabel sitt snin u sitt xhur minn wara li r-rikorrent instab ħati tar-reati kriminali miġjuba kontrih, b’mod partikolari peress li d-Direttiva 2010/24 fiha limitu ta’ żmien fir-rigward ta’ talbiet għal assistenza, u li jistgħu jidhru li jimponu obbligu kif xieraq fuq l-Istati Membri rikjedenti. L-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2010/24 jeżenta lill-awtorità rikjesta milli tipprovdi l-forom ta’ assistenza stabbiliti fl-Artikoli 5 u 7 sa 16, “jekk it-talba inizjali għal assistenza skont l-Artikoli 5, 7, 8, 10 jew 16 issir fir-rigward ta’ talbiet li jkunu ilhom aktar minn ħames snin, mid-data dovuta tat-talba fl-Istat Membru applikanti sad-data tat-talba inizjali għal assistenza.” Dan kien jevita kumplikazzjonijiet fir-rigward ta’ dewmien u l-Artikolu 47 tal-Karta.

87.      U ladarba l-awtorità applikanti għażlet, f’Ġunju tal‑2009, li tinnotifika lir-rikorrent bl-Att ta’ evalwazzjoni tal‑2009, setgħet tieħu vantaġġ mill-faċilità tad-Direttiva 2008/55, id-direttiva ta’ assistenza reċiproka fis-seħħ fiż-żmien rilevanti, kemm biex tiżgura mill-awtorità rikjesta iktar preċiżjoni tal-informazzjoni li kellha fir-rigward tal-indirizz tar-rikorrent (Artikolu 4), kif ukoll biex iġġiegħel lill-awtorità rikjesta tinnotifika lir-rikorrent bit-talba (Artikolu 5). Dan seta’ jevita d-diffikultajiet iġġenerati fir-rigward tal-konformità mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta.

88.      Kieku l-awtorità applikanti għamlet hekk, l-awtorità rikjesta, ladarba tkun irċeviet l-Istrument tal-eżekuzzjoni kontenzjuż, tkun ġiet mgħarrfa kompletament bit-tilwima, u s-sekwenza imposta mid-Direttiva 2010/21 u l-predeċessuri tagħha ta’ skambju ta’ informazzjoni, notifika u sussegwentement talba ta’ eżekuzzjoni, tkun ġiet osservata. Rikors għall-ambaxxata Griega u l-għoti tal-“istedina” deskritta iktar ’il fuq (83) ma żgurawx notifika skont il-kundizzjonijiet li jiżguraw konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta.

89.      Għalhekk jien tal-fehma li l-ittra tat-talba mibgħuta mill-awtorità rikjesta fl‑14 ta’ Novembru 2012 wasslet għal miżura ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2010/2, u waħda li kienet ħarġet mill-awtorità rikjesta skont il-kundizzjonijiet li ma kinux f’konformità mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta, peress li kienet intbagħtet lir-rikorrent qabel in-notifika tat-talba kontenzjuża. Sussidjarjament, il-kompetenza tal-korpi tal-Istati Membri rikjesti taħt l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/24 fir-rigward ta’ tilwim li jikkonċerna strument ta’ infurzar kontenzjuż u li għandu jinqara suġġett għal konformità mas-sekwenza ta’ talba għal informazzjoni, notifika u eżekuzzjoni, stabbilita bid-Direttiva 2010/24, minkejja t-test tal-Artikolu 14(1) u l-premessa 12. Fl-assenza tiegħu, huma l-korpi kompetenti tal-Istati Membri mitluba li għandhom jistħarrġu l-konformità tal-proċess tal-eżekuzzjoni mal-Artikolu 47 tal-Karta.

90.      Fil-fatt, il-libertà mogħtija lill-qrati Irlandiżi fil-kawża prinċipali ma tiġix estiża għal kwistjonijiet bħal jekk it-talba tikkonformax ma’ ne bis in idem (l-Artikolu 50 tal-Karta) kif ikkunsidrat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tagħha f’Kapetanios et vs Il-Greċja (84), jew jekk it-talba kontenzjuża fil-fatt tirrelatax ma’ reat kriminali, iktar milli waħda mit-talbiet imniżżla fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/24. It-twessigħ tas-setgħat tal-qorti tar-rinviju nazzjonali lil hinn mill-konsegwenzi li joħorġu, mill-ħruġ mill-awtorità rikjedenti ta’ strument uniformi li jippermetti l-eżekuzzjoni qabel notifika tat-talba kontenzjuża ikun inkonsistenti mal-istatus ta’ assistenza reċiproka bħala prinċipju strutturali tad-dritt tal-Unjoni.

VI.    Osservazzjonijiet finali

91.      Skont il-proċess, ir-rikorrent qiegħed jitlob d-danni mill-awtorità rikjesta abbażi ta’ numru ta’ raġunijiet. Peress li l-ebda domanda preliminari ma ġiet magħmula dwar l-aspetti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ din il-parti tat-tilwima, ikun biżżejjed li wieħed jgħid li ma hemm xejn fil-proċess li jissuġġerixxi li ġie stabbilit kwalunkwe wieħed mill-kriterji għal din il-forma ta’ obbligu, kif stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (85).

VII. Konklużjoni

92.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-High Court of Ireland (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja, l-Irlanda) kif ġej:

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, u b’kunsiderazzjoni tal-effettività sħiħa tad-dritt tal-UE, qorti nazzjonali ma hijiex prekluża mill-Artikolu 14(1) u (2) tad- Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra meta tiġi ddetermina n-natura eżegwibbli ta’ “strument uniformi li jippermetti l-infurzar [l-eżekuzzjoni]” milli:

(i)      tapplika, fir-rigward tat-talba għal eżekuzzjoni, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

(ii)      tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tad-Direttiva 2010/24/UE biex tipprovdi assistenza reċiproka waqt li tirrispetta d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Fuq jekk il-multa imposta fil-kawża prinċipali tammontax għal penali kriminali iktar milli għal waħda amministrattiva, li għalhekk taqa’ ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/24, u jekk din għandhiex tiġi evalwata mill-qrati tal-Istat Membru mitlub jew applikant, ara l-punt 90 iktar ’l isfel.


3      ĠU 2010, L 84, p 1.


4      Direttiva 2010/24 kienet ippreċeduta mid-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE tas‑26 ta’ Mejju 2008 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra, (ĠU 2008, L 150, p. 28) u d-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal‑15 ta’ Marzu 1976 dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema li tiffinanzja l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija, u ta’ imposti agrikoli u dazji doganali, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2 Vol. 1, p. 44). Id-Direttiva 2008/55 tħassret bid-Direttiva 2010/24 u d-Direttiva 76/308 tħassret bid-Direttiva 2008/55. Minħabba li ż-żmien ta’ din it-tilwima huwa kopert bid-Direttiva 2008/55 u d-Direttiva 2010/24, it-tnejn huma rilevanti għall-kawża prinċipali.


5      Sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Kyrian (C‑233/08, EU:C:2010:11).


6      Fis-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li llum huwa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta. L-imsemmi Artikolu 47 jiżgura, fid-dritt tal-Unjoni, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 13 tal-KEDB[.] Għalhekk, għandu jsir biss riferiment għal din l-ewwel dispożizzjoni [l-Artikolu 47].”


7      Skont il-proċess kien hemm 171 800 pakkett sigaretti.


8      Ara d-deċiżjoni tar-rinviju li tiddikjara li r-rikorrent sar jaf biss bid-dettalji kollha tal-Att ta’ imputazzjoni tal‑2009 permezz ta’ ittra ddatata l-14 ta’ Marzu 2014. Matul dawn il-konklużjonijiet ser nirreferi għad-data pprovduta mill-Gvern Grieg fis-seduta.


9      Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010,(C‑233/08, EU:C:2010:11).


10      Ibid. punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata.


11      Ibid punt 58.


12      Ibid punt 59.


13      Ibid punt 60.


14      Ibid punt 61, li qiegħed jiċċita s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2005, Leffler (C‑443/03, EU:C:2005:665).


15      Dan kien ikkontestat fis-seduta mir-rappreżentant tal-Greċja. Ara iktar ’l isfel il-punt 76.


16      Qorti EDB, tal‑1 ta’ Marzu 2012, Kolegovy vs Ir-Russja, CE:ECHR:2012:0301JUD001522605, punt 40.


17      Qorti EDB, it-30 ta’ April 2015, Kapetanios et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2015:0430JUD000345312.


18      Qiegħda tirreferi għar-Regolament 13(1) tal-iStatutory Instrument No 643/2011, European Union (Mutual Assistance for Recovery of Claims relating to Taxes, Duties and other Measures) Regulations 2011 (Iris Oifigiúil, 16 ta’ Diċembru 2011).


19      Il-Gvern Greek jagħmel riferiment għal 986/2016, 169/2015, 3575‑7/2013, is-sessjoni tas-seba’ membri 2436‑7/2012, is-sessjoni plenarja 2034‑6/2011, 193, 1309/2006, 3696/2005, 627/2002, is-sessjoni tas-seba membri 3761/1999, 537‑540/1998, 3220/1990, ara Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) 1797/2000, 589, 2188/1972.


20      Sentenza tal-Qorti EDB, tal‑14 ta’ Jannar 2010, Popovitsi vs Il-Greċja, CE:ECHR:2010:0114JUD005345107, u Qorti EDB tat‑28 ta’ Mejju 2009, Elyasin vs Il-Greċja, CE:ECHR:2009:0528JUD004692906.


21      Il-paragrafu 16 tad-deċiżjoni tar-rinviju jiddikjara li “l-prova disponibbli għall-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li d-dokumentazzjoni kienet bil-Grieg.”


22      Il-Kummissjoni tirreferi għall-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 191); is-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (Kawżi C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 78).


23      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment, mutatis mutandis, għas-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, (Kawżi C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 84).


24      Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N.S. (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 80 sa 82) u tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, paragrafi 82 u 83).


25      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament Nru. 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, (ĠU 2012, L 351, p. 1).


26      Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian (C‑233/08, EU:C:2010:11, punt 42).


27      Qorti EDB, tat‑23 ta’ Mejju 2016, Avotiņš vs Il-Latvja, CE:ECHR:2016:0523JUD001750207.


28      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment (mutatis mutandis) għall-Qorti EDB, 23 ta’ Mejju 2016, Avotiņš vs Latvia, CE:ECHR:2016:0523JUD001750207, punt 121 et seq.


29      Il-Kummissjoni tistrieħ, mutatis mutandis, fuq is-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 91 sa 95).


30      Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 191).


31      Fil-kuntest ta’ kooperazzjoni mill-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali ara pereżempju s-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198. Fil-kuntest tad-dritt dwar l-immigrazzjoni u l-ażil ara pereżempju s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N.S. (C‑411/10 u C-493/10, EU:C:2011:865).


32      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 4, p. 42.


33      ĠU 2012, L 351, p 1.


34      Ara pereżempju s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diaego Brands BV (C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara b’mod analogu sentenza tad-19 ta’ Novembru 2015, P (C‑455/15 PPU, EU:C:2015:763, punt 39).


35      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 88). Hemm stqarrija qasira fid-deċiżjoni tar-rinviju fir-rigward li l-qorti tar-rinviju kienet imħassba dwar jekk ir-rikorrent ikollux rimedju effettiv u smigħ xieraq fil-Greċja fi żmien raġonevoli minħabba l-intervall straordinarju ta’ żmien sal-lum, iżda dan ma kienx żviluppat f’sottomissjonijiet bil-miktub jew orali.


36      Dan ix-xenarju kien ikkunsidrat fis-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Gambazzi (C‑394/07,EU:C:2009:219, punti 27 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 49).


38      Sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Kyrian (C‑233/08 EU:C:2010:11, punt 42).


39      Ibid, punt 46.


40      Ibid, punt 47.


41      Ibid, punt 58.


42      Ibid, punt 57.


43      Ibid punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata.


44      Ibid punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata.


45      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/55 u l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2010/24.


46      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/55 u l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2010/24.


47      L-Artikoli 6 sa 18 tad-Direttiva 2008/55 u l-Artikoli 10 sa 18 tad-Direttiva 2010/24.


48      Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, X u X (C‑638/16 PPU, EU:C:2017:173, punt 45). Ara b’mod simili, fil-kuntest tad-Direttiva 2011/16/UE tal‑15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE, (ĠU 2011, L 64, p. 1), is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 32 sa 42).


49      Ara iktar ’l isfel il-punt 72.


50      Ara iktar ’il fuq il-punt 58.


51      Qiegħed ninnota li, fl-assenza ta’ talba għal assistenza reċiproka, jew il-preżenza ta’ xi miżura oħra tad-dritt tal-Unjoni li hija rilevanti għal tilwima, l-għoti ta’ notifika permezz ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Greċja huwa kwistjoni kompletament interna għal dak l-Istat Membru, u għalhekk kwalunkwe kontestazzjoni għaliha ser tiġi rregolata esklużivament mid-dritt ta’ dak l-Istat Membru. Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 60 u tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 29).


52      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 100 tas-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Kadi et (C‑584/10 P, C‑593/10 P, C‑595/10 P, EU:C:2013:518) li l-Artikolu 47 tal-Karta, jeħtieġ komunikazzjoni tal-informazzjoni suffiċjenti “sabiex [il-litiganti jkunu jistgħu]” jiddefendu d-drittijiet tagħhom “fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li [jiddeċiedu], b’konoxxenza sħiħa tal-fatti inkwistjoni, jekk huwiex utli li [jressqu] kawża quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, kif ukoll sabiex [jippermettu] lil din tal-aħħar tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni”.


53      Pereżempju s-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2013, MA et (C‑648/11, EU:C:2013:367, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54      Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian (C‑233/08, EU:C:2010:11, punt 35).


55      Punt 56, iktar ’il fuq.


56      Ara n-nota 45.


57      Ara n-nota 46 ta’ hawn fuq.


58      Ara n-nota 47 ta’ hawn fuq.


59      Dan l-istrument xi drabi jieħu t-terminu ta’ “strument inizjali li jippermetti l-eżekuzzjoni”. Ara p.eż. il-premessa 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1189/2011 tat‑18 ta’ Novembru 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati f'relazzjoni ma’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/24/UE (ĠU 2011, L 302, p. 16). L-“istrument li jippermetti l-eżekuzzjoni” huwa differenti mill-“istrument uniformi li jippermetti l-eżekuzzjoni” previst mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2010/24, fejn dan tal-aħħar huwa l-istrument li japplika għat-talbiet għall-irkupru.


60      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2010/24 u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/55.


61      Regolament tat-18 ta’ Novembru 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati f’relazzjoni ma’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE (ĠU 2011 L 302, p. 16).


62      Regolament tat-28 ta’ Novembru 2008, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/55 (ĠU 2008 L 319, p 21).


63      Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1179/2008 kien jinkludi forma li tirregola talbiet għal informazzjoni, iżda dan ma kienx previst fir-Regolament 1189/2011.


64      KUMM(2006) 605 finali, Brussell 19.10.2006, p. 2


65      Ara l-premessa 20.


66      Ara s-sistema obbligatorja stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007, dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79). Għal diskussjoni reċenti ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Henderson (C‑354/15, EU:C:2017:157).


67      Ara l-Artikoli 5, 8 u 10 tad-Direttiva 2010/24. Innota li l-attenwazzjoni taċ-ċirkustanzi li fihom awtoritajiet applikanti jistgħu jitolbu notifika ta’ assistenza li tidher fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2010/24/UE, meta mqabbel mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/55, ma kinitx fis-seħħ meta ħareġ l-Att ta’ imputazzjoni tal‑2009 fis‑27 ta’ April 2009.


68      Ara iktar ’il fuq il-punt 60.


69      Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


70      Qorti EDB, tat‑23 ta’ Mejju 2016, Avotiņš vs Il-Latvja, CE:ECHR:2016:0523JUD001750207, punt 119.


71      Ara pereżempju s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Ordre des barreaux francophones et germanophone and Others (C‑543/14, EU:C:2016:605 , punti 40 sa 42).


72      Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


73      Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).


74      Waqt li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat fis-sentenza tagħha tat‑3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logisitics and Datema Hellmann Worldwide Logistics (C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 29) li d-dritt għal amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41 tal-Karta, u d-drittijiet tad-difiża, skont l-Artikolu 48 tal-Karta, kienu japplikaw għall-awtoritajiet tal-Istati Membri li jimplimentaw il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, iddeċidiet li fis‑17 ta’ Lulju 2014, fis-sentenza f’YS et (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 67) li l-Artikolu 41 tal-Karta japplika biss għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni. Ara wkoll is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 83) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-Artikolu 48 tal-Karta jipproteġi l-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża biss fir-rigward ta’ persuna “imputat[a]”. Għal diskussjoni riċenti dwar il-portata tal-Artikolu 41 tal-Karta, flimkien mal-prinċipji ġenerali tad-dritt dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-amministrazzjoni t-tajba, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek, Ispas, (C‑298/16, EU:C:2017:650, punti 74 sa 91).


75      Punt 57 hawn fuq.


76      Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punti 51 u 52).


77      Ara b’mod simili, fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) KEDB, Qorti EDB, tal‑31 ta’ Mejju 2016, Gankin et vs Ir-Russja, CE:ECHR:2016:0531JUD000243006, punt 39. Il-litiganti għandhom “jingħataw opportunità xierqa biex jippreżentaw l-każ tagħhom b’mod effettiv [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.


78      Digriet tat‑28 ta’ April 2016, Alta Realitat (C‑384/14, EU:C:2016:316, punt 86).


79      Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 62).


80      Kaxxa 8 tat-titolu eżekuttiv kontenzjuż.


81      Statutory Instrument No 643/2011, nota 18 hawn fuq.


82      Ara iktar reċenti, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell, (C‑413/15, EU:C:2017:745, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Anki fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ddeċidiet li l-Artikolu 34(2) ta’ dan ir-Regolament, li jikkonċerna sentenzi maħruġa f’kontumaċja, “ma jimplikax li l-konvenut huwa marbut li jieħu passi ġodda li jmorru lil hinn minn diliġenza normali fid-difiża tad-drittijiet tiegħu, bħal pereżempju li jinforma ruħu dwar il-kontenut ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor”. Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Lebek (C‑70/15, EU:C:2016:524, punt 40).


83      Ara iktar ’il fuq il-punti 15 u 16.


84      Qorti EDB, tat‑30 ta’ April 2015, Kapetanios et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2015:0430JUD000345312.


85      Ara iktar reċenti p.eż. is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomášová (C‑168/15, EU:C:2016:602, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).