Language of document : ECLI:EU:C:2011:432

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fid-29 ta’ Ġunju 2011 (1)

Kawża C‑162/10

Phonographic Performance (Ireland) Ltd

vs

L-Irlanda et

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (Commercial Division) (l-Irlanda)]

“Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttivi 92/100/KEE u 2006/115/KE — Drittijiet tal-artisti li jinterpretaw jew jeżegwixxu u ta’ produtturi ta’ fonogrammi — Artikolu 8(2) — Komunikazzjoni lill-pubbliku — Komunikazzjoni indiretta lill-pubbliku ta’ fonogrammi fil-kuntest ta’ xandiriet riċevuti fuq apparat tar-radju jew tat-televiżjoni fi kmamar ta’ lukandi — Komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ apparat ta’ riproduzzjoni jew ta’ fonogrammi fi kmamar ta’ lukandi — Utenti — Remunerazzjoni ekwa — Artikolu 10(1)(a) — Limitazzjoni tad-drittijiet — Użu privat”







Werrej


I –   Introduzzjoni

II – Id-dritt applikabbli

A –   Id-dritt internazzjonali

1.     Il-Konvenzjoni ta’ Ruma

2.     It-Trattat tad-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi

B –   Id-dritt tal-Unjoni 

1.     Id-Direttiva 92/100

2.     Id-Direttiva 2006/115

3.     Id-Direttiva 2001/29

C –   Id-dritt nazzjonali

III – Il-fatti

IV – Il-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali u d-domandi preliminari

V –   Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

VI – Osservazzjonijiet preliminari

VII – L-ewwel u t-tieni domandi preliminari

A –   L-argumenti prinċipali tal-partijiet

B –   Kunsiderazzjonijiet ta’ dritt

1.     L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29

2.     L-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115

a)     Fuq il-kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni

b)     Il-kuntest tad-dritt internazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni

c)     Il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku

i)     Il-kunċett ta’ komunikazzjoni

ii)   Il-kunċett ta’ komunikazzjoni “lill-pubbliku”

iii) Konklużjoni

d)     Il-kunċett ta’ utent

e)     L-obbligu li titħallas remunerazzjoni ekwa unika

i)     It-tifsira ta’ “jew” u “uniku”

ii)   In-natura ekwa ta’ remunerazzjoni addizzjonali

iii) Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri

iv)   L-effetti ta’ miżata għal xandir

v)     Konklużjoni

3.     Konklużjoni

VIII – It-tielet domanda preliminari

A –   L-argumenti prinċipali tal-partijiet

B –   Kunsiderazzjonijiet ta’ dritt

IX – Ir-raba’ domanda preliminari

A –   Argumenti prinċipali tal-partijiet

B –   Kunsiderazzjonijiet ta’ dritt

1.     Il-kunċett ta’ komunikazzjoni

2.     Il-kunċett ta’ komunikazzjoni “lill-pubbliku”

3.     Il-kunċett ta’ utent

4.     Konklużjoni

X –   Il-ħames domanda preliminari

A –   Argumenti prinċipali tal-partijiet

B –   Kunsiderazzjonijiet ta’ dritt

XI – Konklużjoni


I –    Introduzzjoni

1.        L-istess bħal ma l-invenzjoni tal-istamperija minn Gutenberg wasslet fl-aħħar għal protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħlijiet bil-miktub, l-invenzjoni tal-fonografu minn Edison mhux biss saħħet l-importanza tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħlijiet mużikali, imma wkoll fetħet it-triq għall-introduzzjoni tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur għall-artisti li jinterpretaw jew jeżegwixxu u għall-produtturi ta’ fonogrammi. L-użu ta’ fonogramma ma jikkonċernax biss id-dritt tal-awtur fuq ix-xogħol protett imma wkoll id-drittijiet relatati tal-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u tal-produtturi ta’ fonogrammi.

2.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-High Court (l-Irlanda, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) tikkonċerna d-dritt għal remunerazzjoni ekwa skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (2) jew tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (verżjoni kodifikata) (3) li għandhom jitħallsu għall-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ fonogramma li tkun diġà ġiet ippubblikata għal finijiet ta’ kummerċ.

3.        Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk dan id-dritt jeżistix ukoll fejn lukandier jipprovdi, fil-kmamar tal-klijenti, settijiet tat-televiżjoni u/jew tar-radju li lilhom jibgħat sinjal tax-xandir. Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq jekk, f’tali każ, l-operatur jużax il-fonogrammi mxandra fil-qasam ta’ xandiriet bir-radju u bit-televiżjoni għall-komunikazzjoni lill-pubbliku.

4.        Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali lukandier, meta ma jqiegħedx settijiet tar-radju u tat-televiżjoni fil-kmamar, imma jqiegħed apparat ta’ riproduzzjoni u l-fonogrammi korrispondenti, ikunx ukoll qiegħed juża dawk il-fonogrammi għal komunikazzjoni lill-pubbliku.

5.        Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk Stat Membru li ma jipprovdix għal remunerazzjoni ekwa f’każijiet bħal dawn, jistax jinvoka l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 92/100 jew tad-Direttiva 2006/115 li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jipprovdu limitazzjonijiet għad-dritt għal remunerazzjoni ekwa fil-każ ta’ użu privat.

6.        Fil-mertu, dawn id-domandi huma simili għal dawk indirizzati fis-sentenza SGAE (4). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-ewwel nett li hemm komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (5) meta operatur ta’ lukanda jibgħat sinjal permezz ta’ apparat ta’ televiżjoni mqiegħed fil-kmamar, u dan, tkun xi tkun it-teknika ta’ xandir tas-sinjal li tkun ġiet utilizzata. Barra minn hekk, hija kkonstatat li n-natura privata tal-kmamar tal-lukanda ma tipprekludix in-natura pubblika tal-komunikazzjoni. F’dan il-każ, għandha b’mod partikolari ssir id-domanda jekk din il-ġurisprudenza, li tikkonċerna l-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, hijiex applikabbli għall-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 jew tad-Direttiva 2006/115, li jagħmel riferiment għad-drittijiet relatati tal-artisti li jinterpretaw jew jeżegwixxu, u għall-produtturi ta’ fonogrammi.

7.        Barra minn hekk, din il-kawża hija simili għall-Kawża C‑135/10, SCF Consorzio Fonografici, li fiha ser nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi fl-istess jum. Fil-Kawża SCF Consorzio Fonografici, il-kwistjoni hija b’mod partikolari li jkun magħruf jekk dentist li jippremetti lill-pazjenti tiegħu jisimgħu xandiriet tar-radju permezz ta’ apparat tar-radju mqiegħed fil-klinika tiegħu għandux iħallas remunerazzjoni ekwa skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 jew tad-Direttiva 2006/115 għaliex ikun qiegħed jikkomunika indirettament lill-pubbliku l-fonogrammi użati fil-kuntest tax-xandira tar-radju.

II – Id-dritt applikabbli

A –    Id-dritt internazzjonali

1.      Il-Konvenzjoni ta’ Ruma

8.        L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni internazzjonali għall-protezzjoni ta’ nies li jagħtu servizz, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir, iffirmata f’Ruma fis-26 ta’ Ottubru 1961 (6) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”) , jipprovdi:

“Meta fonogramma ppubblikata għal finijiet ta’ kummerċ, jew kopja ta’ dik il-fonogramma, hija użata direttament għax-xandir jew għal kwalunkwe komunikazzjoni lill-publiku, remunerazzjoni ġusta u unika għandha titħallas mill-utent lill-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu, u lill-produtturi ta’ fonogrammi jew lilhom it-tnejn. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn dawn il-partijiet, tiddetermina l-kundizzjonijiet tat-tqassim ta’ din ir-remunerazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9.        Skont l-Artikolu 15(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma:

“L-Istati kontraenti kollha għandhom il-fakultà li fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jipprovdu għal eċċezzjonijiet għall-protezzjoni mogħtija b’din il-Konvenzjoni fil-każijiet li ġejjin:

a)      meta jkun hemm użu privat;” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.      L-Artikolu 16(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jaqra kif ġej:

“Meta jiffirmaw din il-Konvenzjoni, l-Istati kollha jaċċettaw l-obbligazzjonijiet kollha u jgawdu l-vantaġġi kollha li hija tipprovdi. B’danakollu, Stat jista’ f’kull waqt jispeċifika, f’dikjarazzjoni li tiġi ddepożitata mas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti:

a)       f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 12:

(i)       li ma huwa sejjer japplika l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dak l-artikolu;

(ii)  li ma huwiex sejjer japplika d-dispożizzjonijiet ta’ dak l-artikolu f’dak li jirrigwarda xi użu partikolari;

(iii)  li ma huwiex sejjer japplika d-dispożizzjonijiet ta’ dak l-artikolu f’dak li jirrigwarda l-fonogrammi fejn il-produttur ma jkunx ċittadin ta’ Stat kontraent;

(iv)  f’dak li jirrigwarda fonogrammi fejn il-prodottur ikun ċittadin ta’ Stat kontraenti ieħor, jillimita l-portata u t-tul tal-protezzjoni mogħtija b’dak l-artikolu għal dik il-protezzjoni li dan l-aħħar Stat kontraent jagħti lill-fonogrammi li jiġu ffissati għall-ewwel darba minn ċittadin tal-Istat li jagħmel dik id-dikjarazzjoni; madanakollu, meta l-Istat kontraent li l-prodottur huwa ċittadin tiegħu ma jagħtix il-protezzjoni lill-istess benefiċjarju jew lill-istess benefiċjarji bħall-Istat kontraent li jagħmel id-dikjarazzjoni, dan il-fatt ma jiġix ikkunsidrat bħala li jikkostitwixi differenza fil-portata tal-protezzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11.      L-Irlanda hija parti kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Ruma; madankollu, hija bagħtet notifika skont l-Artikolu 16(1)(a)(ii).

12.      L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. Huma biss l-Istati Membri li jistgħu jsiru partijiet kontraenti.

2.      It-Trattat tad-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi

13.      It-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intelletwali (WIPO) dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi (Genève, 1996) (iktar ’il quddiem id-“WPPT”), tal-20 ta’ Settembru 1996 (7) fih dispożizzjonijiet ta’ dritt internazzjonali dwar id-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur li jmorru lil hinn minn dawk tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

14.      L-Artikolu 1 tad-WPPT jipprovdi hekk:

“Relazzjoni ma’ Konvenzjonijiet oħra

(1)       Xejn f’dan it-Trattat ma jnaqqas minn obbligi eżistenti li l-Partijiet Kontraenti għandhom lejn xulxin taħt il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Prestaturi, Produtturi tal-Fonogrammi u Organizzazzjonijiet ta’ Xandir, magħmula f’Ruma, fis-26 ta’ Ottubru 1961 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”).

(2)       Il-protezzjoni mogħtija taħt dan it-trattat tħalli l-protezzjoni tad-dritt ta’ l-awtur f’xogħlijiet litterarji u artistiċi bla mittiefes u bl-ebda mod ma tolqotha. Għalhekk, l-ebda disposizzjoni ta’ dan it-Trattat ma tista’ tkun interpretata li qed tippreġudika tali protezzjoni.

(3) Dan it-Trattat mhux se jkollu x’jaqsam ma’ trattati oħrajn, u lanqas se jippreġudika drittijiet u obbligi taħt trattati oħrajn.”

15.      L-Artikolu 2(f) u (g) tad-WPPT li jagħti definizzjonijiet, jipprovdi hekk:

“Għall-għanijiet tat-Trattat:

f)       ‘xandir’ tfisser it-trasmissjoni b’mezzi mingħajr fili għar-riċezzjoni ta’ ħsejjes jew ta’ immaġni u ħsejjes jew rappresentazzjonijiet tagħhom mill-pubbliku; trasmissjoni bis-satellita jitqies ukoll ‘xandir’; trasmissjoni ta’ sinjali maqlubin f’kodiċi jitqies ukoll ‘xandir’, fejn l-organizzazzjoni tipprovdi il-mezzi ta’ qlib lura mill-kodiċi lill-pubbliku, jew ikunu ipprovduti bil-kunsens tagħha;

g)       ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ ta’ prestazzjoni jew ta’ fonogramma tfisser trasmissjoni b’kull mezz, minbarra xandir, ta’ ħsejjes ta’ prestazzjoni fissi ġo fonogramma. Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 15, ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ tinkludi li l-ħsejjes jew rappreżentazzjonijiet tal-ħsejjes fissi ġo fonogramma jkunu jistgħu jinstemgħu mill-pubbliku.”

16.      Il-Kapitolu II tad-WPPT jittratta d-drittijiet ta’ artisti li jinterpretaw jew jeżegwixxu, u l-Kapitolu III, id-drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi. Il-Kapitolu IV fih dispożizzjonijiet komuni għall-artisti u għall-produtturi ta’ fonogrammi. L-Artikolu 15 tad-WPPT li jifforma parti minn dan l-aħħar kapitolu, jikkonċerna d-dritt għal remunerazzjoni għax-xandir u għall-komunikazzjoni lill-pubbliku, u jipprovdi:

“(1)  Prestaturi u produtturi ta’ fonogrammi għandhom id-dritt ta’ ħlas xieraq ta’ darba għall-użu dirett jew indirett ta’ fonogrammi ippubblikati għal skopijiet kummerċjali ta’ xandir jew kull komunikazzjoni lill-pubbliku.

(2)       Partijiet kontraenti jistgħu jistabbilixxu fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom li l-ħlas xieraq ta’ darba se jintalab lill-utent mill-prestatur jew mill-produttur ta’ fonogramma jew mit-tnejn. Partijiet kontraenti jistgħu jgħaddu leġislazzjoni naturali li, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-prestatur u l-produttur ta’ fonogramma, tqiegħed termini dwar kif prestaturi u produtturi ta’ fonogrammi jaqsmu l-ħlas xieraq ta’ darba.

(3)       Kull Parti Kontraenti tista’, b’notifika mogħtija lid-Direttur Ġenerali ta’ l-WIPO, tiddikjara li se tibda tapplika d-disposizzjonijiet fil-Paragrafu 1 fir-rigward ta’ xi utenti biss, jew li b’xi mod se tillimita l-applikazzjoni tagħhom, jew li m’hi se tapplika xejn minn dawn id-disposizzjonijiet.

(4)       Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu fonogrammi li jkunu disponibbli għall-pubbliku b’mezzi ta’ fili jew mingħajr, b’tali mod li membri tal-pubbliku ikollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul minnhom, se jkunu meqjusin li kienu ppublikati għal għanijiet kummerċjali.”

17.      L-Artikolu 16 tad-WPPT, imsejjaħ “Limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet”, jipprovdi:

“(1)  Partijiet kontraenti jistgħu, fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, idaħħlu l-istess tip ta’ limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet rigward il-protezzjoni tal-prestaturi u l-produtturi tal-fonogrammi li għandhom, fil-leġislazzjoni nazzjonali taghom, għall-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ l-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi.

(2)       Partijiet kontraenti se jorbtu kull limitazzjoni tad-drittijiet jew eċċezzjonijiet lid-drittijiet previsti f’dan it-Trattat ma’ ċerti kazi speċjali li ma joħolqux konflitti ma’ sfruttament normali tal-prestazzjoni jew fonogramma u li ma jippreġudikawx b’mod irraġjonevoli l-interessi leġittimi tal-prestatur jew tal-produttur tal-fonogramma.”

18.      L-Irlanda u l-Unjoni Ewropea huma partijiet kontraenti fid-WPPT. La waħda u lanqas l-oħra ma ppreżentaw notifika fit-termini tal-Artikolu 15(3) tad-WPPT.

B –    Id-dritt tal-Unjoni (8)

1.      Id-Direttiva 92/100

19.      Il-premessi 5, 7 sa 10, 15 sa 17 u 20 tad-Direttiva 92/100 jipprovdu dan li ġej:

“[...]

(5)      Billi l-protezzjoni adekwata tax-xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u s-suġġett tal-protezzjoni ta’ drittijiet relatati bi drittijiet ta’ kiri u self kif ukoll il-protezzjoni tas-suġġett tal-protezzjoni tad-drittijiet relatati bid-dritt ta’ l-iffissar, dritt ta’ riproduzzjoni, dritt ta’ distribuzzjoni, dritt ta’ xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku tista’ f’dan is-sens tkun ikkunsidrata bħala li hija ta’ importanza fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku u kulturali tal-Komunità;

[…]

(7)      Billi x-xogħol kreattiv u artistiku ta’ awturi u artisti jeħtieġ dħul adegwat bħala bażi għal aktar xogħol kreattiv u artistiku, u l-investimenti meħtieġa b’mod partikulari għall-produzzjoni ta’ fonogrammi u films huma għoljin u riskjużi; billi l-possibbiltà biex tassigura dak id-dħul u tirkupra dak l-investiment tista’ tkun biss permezz ta’ protezzjoni legali adekwata tad-detenturi tad-drittijiet relatati;

(8)      Billi dawn l-attivitajiet kreattivi, artistiċi u intraprenditorjali huma, fil-parti l-kbira tagħhom, attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom; billi l-insegwiment ta’ dawn l-attivitajiet għandu jsir aktar faċli billi tkun provduta protezzjoni legali armonizzata fil-Komunità;

(9)      Billi, sa fejn dawn l-attivitajiet prinċipalment jikkostitwixxu servizzi, l-għoti tagħhom għandu bl-istess mod ikun faċilitat bit-twaqqif fil-Komunità ta’ qafas legali armonizzat;

(10)      Billi l-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri għandha ssir approssimattiva b’tali mod li ma tkunx konflinġenti mal-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom huma bbażati ħafna mid-drittijiet ta’ l-awtur u l-liġijiet tad-drittijiet relatati;

[…]

(15)      Billi huwa meħtieġ li jintroduċi arranġamenti li jassiguraw li ħlas ekwu li ma jitħassarx jinkiseb mill-awturi u artisti li għandhom iżommu l-possibbiltà li jafdaw l-amministrazzjoni ta’ dan id-dritt lil soċjetajiet kolletturi li jirrappreżentawhom;

(16)      Billi l-ħlas ekwu jista’ jitħallas fuq bażi ta’ pagament wieħed jew diversi f’kull każ fil- jew wara l-konklużjoni tal-kuntratt;

(17)      Billi l-ħlas ekwu għandu jikkunsidra l-importanza tal-kontribut ta’ l-awturi u artisti relatati mal-fonogramm jew film;

[…]

(20)      Billi l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal protezzjoni aktar vasta għal detenturi ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur minn dawk meħtieġa bl-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva;

[…]”

20.      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/100 huwa intitolat “Xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku”. Huwa jipprovdi:

“(1)      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-artisti d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprevjenu x-xandir b’mezzi mingħajr fili u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-wirjiet tagħhom, minbarra fejn il-wirja tkun fiha nnifisha diġa wirja mxandra jew tkun saret minn iffissar.

(2)      L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jiżguraw li ħlas uniku ekwu jitħallas mill-utent, jekk fonogramm[a] [t]jixxandar għal finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ d[i]n il-fonogramm[a], tintuża għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku, u biex jiżguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm[i] relevanti. L-Istati Membri jistgħu, fl-assenza ta’ ftehim bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm[a], jistipulaw il-kondizzjonijiet għat-tqassim ta’ dan il-ħlas bejniethom.


(3)      L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklużiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom b’mezzi mingħajr fili, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom jekk din il-komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ dritt tad-dħul.”

21.      L-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/100 jipprovdi:

“Limitazzjonijiet għad-drittijiet.

(1)      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu limitazzjonijiet għad-drittijiet imsemmija fil-Kapitolu II rigward ta’:

a)      użu privat;

[…]

(2)      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, kull Stat Membru jista’ jipprovdi għall-istess tipi ta’ limitazzjonijiet rigward il-protezzjoni ta’ artisti, produtturi ta’ fonogrammi, organizzazzjonijiet tax-xandir u ta’ produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, hekk kif hemm provvdut rigward il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur f’xogħlijiet letterarji u artistiċi. Madankollu, jistgħu jkunu provvduti għal liċenzji obbligatorji, biss sal-punt fejn ikunu kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Ruma.


(3)      Il-paragrafu 1(a) għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kull leġislazzjoni eżistenti jew futura dwar ħlas għal riproduzzjoni għal użu privat.”

2.      Id-Direttiva 2006/115

22.      Id-Direttiva 2006/115 ikkonsolidat id-Direttiva 92/100. Il-premessi 3, 5 sa 7, 12, 13 u 16 tad-Direttiva 2006/15 huma fformulati kif ġej:

“(3)      Il-protezzjoni adegwata tax-xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u l-materja tal-protezzjoni ta’ drittijiet relatati bi drittijiet ta’ kiri u self kif ukoll il-protezzjoni tal-materja tal-protezzjoni tad-drittijiet relatati bid-dritt ta’ l-iffissar, bid-dritt ta’ distribuzzjoni, bid-dritt ta’ xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku jistgħu f’dan is-sens ikunu kkunsidrati bħala ta’ importanza fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku u kulturali tal-Komunità.

[…]

(5)      Ix-xogħol kreattiv u artistiku ta’ awturi u artisti jeħtieġ dħul adegwat bħala bażi għal aktar xogħol kreattiv u artistiku, u l-investimenti meħtieġa b’mod partikulari għall-produzzjoni ta’ fonogrammi u films huma għoljin u riskjużi. Il-possibbiltà li jiġi żgurat dak id-dħul u li jiġi rkuprat dak l-investiment tista’ tkun garantita b’mod effettiv biss permezz ta’ protezzjoni legali adegwata tad-detenturi tad-drittijiet relatati.

(6)      Dawn l-attivitajiet kreattivi, artistiċi u intraprenditorjali huma, fil-parti l-kbira tagħhom, attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom. L-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet għandu jiġi ffaċilitat billi tkun ipprovduta protezzjoni legali armonizzata fi ħdan il-Komunità. Safejn dawn l-attivitajiet jikkostitwixxu prinċipalment servizzi, il-provvistà tagħhom għandha ugwalment tiġi ffaċilitatpermezz ta’ qafas legali armonizzat fil-Komunità.

(7)      Il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri għandha tiġi approssimata b’tali mod li ma tmurx kontra l-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom huma bbażati d-drittijiet ta’ l-awtur u l-liġijiet tad-drittijiet relatati ta’ bosta Stati Membri.

[…]

(12)      Huwa meħtieġ l-introduzzjoni ta’ arranġamenti li jiżguraw li ħlas ekwu mhux rinunzjabbli jinkiseb mill-awturi u artisti li għandhom jibqgħu ikollhom il-fakultà li jafdaw l-amministrazzjoni ta’ dan id-dritt lil collecting societies li jirrappreżentawhom.

(13)      Il-ħlas ekwu jista’ jitħallas fuq bażi ta’ pagament wieħed jew diversi fi kwalunkwe mument waqt jew wara l-konklużjoni tal-kuntratt. Dan għandu jikkunsidra l-importanza tal-kontribut ta’ l-awturi u artisti konċernati mal-fonogramm jew film.

[…]

(16)       L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi li jipprovdu għal protezzjoni aktar vasta għal sidien ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur minn dawk meħtieġa mid-dispożizzjonijiet stabbiliti b’din id-Direttiva rigward xandir u kommunikazzjoni lill-pubbliku.”

23.      Il-Kapitolu II tad-Direttiva jirregola d-drittijiet relatati mad-dritt tal-awtur. L-Artikolu 8, li jirrigwarda x-xandir u l-komunikazzjoni lill-pubbliku, jipprovdi:

“(1)      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-artisti d-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir b’mezzi mingħajr fili u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-wirjiet tagħhom, ħlief fejn il-wirja tkun fiha nnifisha diġa wirja mxandra jew tkun saret minn iffissar.

(2)      L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jiżguraw li jitħallas ħlas uniku ekwu mill-utent, jekk [t]jintuża fonogramm[a] ippubblikat[a] għall-finijiet kummerċjali, jew tintuża riproduzzjoni ta’ d[i]n il-fonogramm[a], għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill pubbliku, u biex jiżguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm[i] relevanti. L-Istati Membri jistgħu, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm[a], jistipulaw il-kondizzjonijiet għat-tqassim ta’ dan il-ħlas bejniethom.


(3)      L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom b’mezzi mingħajr fili, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom jekk din il-komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul.”

24.      L-Artikolu 10 tad-Direttiva huwa intitolat “Limitazzjoni għad-drittijiet” u jgħid dan li ġej:

“(1)      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu limitazzjonijiet għad-drittijiet imsemmija f’dan il- Kapitolu rigward ta’:

a)       użu privat;

[…]

(2)      Irrispettivament mill-paragrafu 1, kull Stat Membru jista’ jagħmel dispożizzjoniet għall-istess tipi ta’ limitazzjonijiet rigward il-protezzjoni ta’ artisti, produtturi ta’ fonogrammi, organizzazzjonijiet tax-xandir u ta’ produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, hekk bħad-dispożizzjonijet previsti fil-liġi tiegħu rigward il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur f’xogħlijiet letterarji u artistiċi.

Madankollu, jistgħu jkunu previsti liċenzji obbligatorji, biss sal-punt fejn ikunu kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

(3)      Il-limitazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, għandhom jiġu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttar normali tal-materja u ma jippreġudikawx mingħajr raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

25.      L-Artikolu 14 tad-Direttiva huwa intitolat “Tħassir” u jipprovdi:

“Id-Direttiva 92/100/KEE hija b’dan imħassra, bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi kif stabbilit fil-Parti B ta’ l-Anness I.

Referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala magħmula għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.”

3.      Id-Direttiva 2001/29

26.      Il-premessi 9 sa 12, 15, 23, 24 u 27 tad-Direttiva 2001/29 huma fformulati kif ġej:

“(9)      Kull armonizzazzjoni tad‑drittijiet ta’ l‑awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar‑raġuni li dawn id‑drittijiet huma kruċjali għall‑kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi tal-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk irrikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

(10)      Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi ‘fuq talba’, huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

(11)      Sistema rigoruż[a] effettiv[a] għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati hija waħda mill-metodi [prinċipali] li tiżgura li l-kreattività u produzzjoni kulturali Ewropea jirċievu r-riżorsi meħtieġa u li jissalvagwardjaw l-indipendenza u d-dinjità ta’ oriġinaturi u artisti kreattivi.

(12)      Protezzjoni adegwata ta’ xogħolijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u suġġett ta’ drittijiet relatati hija wkoll ta’ importanza kbira minn lat kulturali. L-Artikolu 151 tat-Trattat jirrikjedi li l-Komunità tikkunsidra l-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha.

[…]

(15)      Il-Konferenza Diplomatika mlaqqa’ taħt l-awspiċi ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija ta’ Proprjetà Intellettwali (WIPO) f’Diċembru 1996 wasslet għall-adozzjoni ta’ żewġ Trattati ġodda, it-‘Trattat dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur WIPO’ u t-‘Trattat dwar l-Artisti u l-Fonogrammi WIPO’, li jittrattaw rispettivament il-protezzjoni ta’ l-awturi u l-protezzjoni ta’ l-artisti u produtturi ta’ fonogrammi. Dawn it-Trattati jaġġornaw il-protezzjoni internazzjonali għad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati b’mod sinifikanti, mhux l-anqas rigward l-hekk imsejħa ‘aġenda diġitali’ u jtejbu l-mezzi biex jiġġieldu l-piraterija madwar id-dinja. Il-Komunità u maġġoranza tal-Istati Membri diġà ffirmaw dawk it-trattati u għaddejjin il-proċeduri ta’ ratifika fil-Komunità u fl-Istati Membri. Din id-Direttiva sservi wkoll biex timplimenta għadd ta’ obbligi internazzjonali ġodda.

[…]

(23)      Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt tal-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola ebda att ieħor.

(24)      Id-dritt li jagħmel disponibbli lill-pubbliku s-suġġett imsemmi fl-Artikolu 3(2) għandu jiftiehem li jirregola l-atti kollha li jagħmlu disponibbli dan is-suġġett lill-membri talpubbliku li ma jkunx preżenti fejn joriġina l-att li jagħmel disponibbli, u li ma jirregola ebda atti oħra.

[…]

(27)      Is-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nfisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ din id-Direttiva.

[…]”

27.      L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi:

“(1)      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

(2)      L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

a)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

b)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

[…]

d)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.”

C –    Id-dritt nazzjonali

28.      Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali jinsabu fil-Liġi tal-2000 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati (Copyright and Related Rights Act 2000, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2000”).

29.      It-tieni parti tal-Liġi tal-2000 hija intitolata “Drittijiet tal-Awtur”.

30.      Fir-rigward tal-fonogrammi, l-Artikolu 17(2)(b) tal-Liġi tal-2000 jipprovdi li d-dritt tal-awtur jeżisti fuq ir-reġistrazzjonijiet ta’ smigħ. Skont l-Artikolu 21(a) u l-Artikolu 23(1) il-produttur ta’ reġistrazzjoni ta’ smigħ huwa l-awtur u għalhekk l-ewwel proprjetarju tad-dritt tal-awtur fuq dik ir-reġistrazzjoni.

31.      Ir-raba’ kapitolu tal-Liġi tal-2000 huwa intitolat “Drittijiet tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur”.

32.      Skont l-Artikolu 37(1)(b) ta’ dan il-kapitolu, il-proprjetarju ta’ dritt tal-awtur fuq xogħol (inkluż il-produttur ta’ fonogramma) għandu d-dritt esklużiv li “jqiegħed ix-xogħol tiegħu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku”. Għalhekk, fid-dritt Irlandiż, produttur ta’ fonogramma għandu, sa ċertu punt, iktar drittijiet minn dawk li ngħatawlu mid-Direttivi 92/100 jew 2006/115.

33.      Skont l-Artikolu 37(2) tal-Liġi tal-2000, kull min, mingħajr il-permess mingħand il-proprjetarju tad-dritt, iwettaq xi atti ristretti mid-dritt tal-awtur jew jippermetti lil xi persuna oħra twettaq tali atti, jikser id-dritt tal-awtur.

34.      Madankollu, l-Artikolu 38 tal-Liġi tal-2000 jippermetti drittijiet ta’ użu għall-komunikazzjoni ta’ fonogrammi lill-pubbliku u għall-użu tagħhom minn servizzi ta’ xandir jew ta’ distribuzzjoni ta’ programmi bil-kejbil. Skont din id-dispożizzjoni, kulħadd għandu d-dritt jagħmel dan l-użu jekk huwa lest li jħallas remunerazzjoni ekwa għad-distribuzzjoni jew għall-użu waqt xandir jew servizz ta’ programm bil-kejbil u josserva l-kundizzjonijiet l-oħra imposti mill-Artikolu 38 tal-Liġi tal-2000.

35.      Is-sitt kapitolu tal-Liġi tal-2000 jirregola l-atti li jistgħu jitwettqu rigward xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur.

36.      L-Artikolu 97 ta’ dan il-kapitolu jipprovdi kif ġej:

“1)      Salv kif ipprovdut fil-paragrafu 2, ma jikkostitwixxix ksur tad-dritt tal-awtur fuq reġistrazzjoni ta’ smigħ, xandir jew servizz ta’ programm bil-kejbil il-fatt li tinstema’ reġistrazzjoni ta’ smigħ, tintwera xandira jew servizz bil-kejbil meta din tinstema’ jew tintwera

a)      f’parti minn stabbilimenti li huma pprovduti b’mezzi ta’ rqad għal residenti jew dawk li jiġu offruti alloġġ,

b)      permezz ta’ faċilitajiet ipprovduti esklużivament jew prinċipalment lir-residenti tal-imsemmija stabbilimenti jew lil dawk li jkunu jalloġġjaw hemm.

(2)      Il-paragrafu 1 ma huwiex applikabbli għall-partijiet ta’ stabbilimenti koperti bid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi paragrafu jekk jintalab ħlas moderat għad-dħul għal dik il-parti mill-istabbiliment fejn tinstema’ jew tintwera r-reġistrazzjoni, ix-xandira jew il-programm”.

37.      It-tielet parti tal-Liġi tal-2000 tirrigwarda d-drittijiet tal-artisti li jinterpretaw jew jeżegwixxu. L-Artikolu 246 tal-Liġi tal-2000, li nsibu f’din il-parti jipprovdi eċċezzjoni rigward l-artisti li jinterpretaw jew jeżegwixxu paragunabbli għal dik stipulata fl-Artikolu 97.

38.      Ma teżisti ebda diżpożizzjoni simili għal dik ipprovduta fl-Artikoli 97 u 246 għall-awturi ta’ xogħlijiet letterarji, artistiċi, teatrali jew mużikali fis-sens tad-Direttiva 2001/29.

III – Il-fatti

39.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija kumpannija ta’ amministrazzjoni kollettiva. Il-membri tagħha huma produtturi ta’ fonogrammi li huma proprjetarji ta’ drittijiet relatati mad-dritt tal-awtur fuq fonogrammi. Ir-rikorrenti tipproteġi, fl-interess tal-membri tagħha, id-drittijiet tagħhom riżultanti mill-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-fonogrammi tagħhom.

40.      Il-konvenut fil-kawża prinċipali huwa l-Istat Irlandiż.

41.      Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Irlanda naqset milli tittrasponi korrettement id-Direttivi 92/100 u 2006/115. L-Artikolu 97(1) tal-Liġi tal-2000 ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100, jew tad-Direttiva 2006/115, sa fejn ma jipprovdix dritt għal remunerazzjoni ekwa għall-komunikazzjoni ta’ fonogrammi li ssir permezz ta’ apparat tar-radju, tat-televiżjoni jew ta’ riproduzzjoni ta’ ħsejjes li jitqgħedu fi kmamar tal-lukandi jew ta’ guesthouses Irlandiżi bħala parti mis-servizzi li jingħataw minn dawn tal-aħħar.

42.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra l-Irlanda, fejn l-ewwel nett, hija talbet li jiġi kkonstatat li meta l-Irlanda adottat l-Artikolu 97 tal-Liġi tal-2000, hija kisret l-Artikolu 10 KE u, it-tieni nett, hija talbet kumpens għall-preġudizzju li sofriet konsegwentement.

IV – Il-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali u d-domandi preliminari

43.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-eċċezzjoni għall-obbligu ta’ remunerazzjoni ekwa prevista fl-Artikoli 97(1)(a) u 246 tal-Liġi tal-2000 hijiex kompatibbli mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 jew tad-Direttiva 2006/115 fejn hija teżenta il-komunikazzjoni ta’ fonogrammi, ta’ xandiriet mingħajr fili u tax-xandir bil-kejbil fil-kmamar ta’ lukandi jew ta’ guesthouses mill-obbligu ta’ remunerazzjoni ekwa. Kien għalhekk li l-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-operatur ta’ lukanda li jipprovdi fil-kmamar tas-sodda tal-klijenti televiżjonijiet u/jew radjijiet li jiddistribwilhom sinjal ta’ xandir huwa “utent” li jagħmel “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ fonogramma li tista’ tindaqq f’xandira għall-finijiet tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva Kodifikata 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006?

2)      Jekk ir-risposta għad-domanda 1 hija fl-affermattiv, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE jobbliga lill-Istati Membri li jipprovdu dritt għall-ħlas ekwu mill-operatur tal-lukanda b’żieda ma’ ħlas ekwu mix-xandar għad-daqq tal-fonogramm?

3)      Jekk ir-risposta għad-domanda 1 hija fl-affermattiv, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/115/KE jippermetti lill-Istati Membri li jeżentaw l-operaturi tal-lukandi mill-obbligu li jħallsu “ħlas uniku ekwu” minħabba “użu privat” fis-sens tal-Artikolu 10(1)(a)?

4)      L-operatur ta’ lukanda li jipprovdi apparat fil-kamra tas-sodda ta’ klijent (minbarra televiżjoni jew radju) u fonogrammi f’għamla fiżika jew diġitali li jista’ jindaqq jew jinstema’ minn apparat bħal dan huwa “utent” li jagħmel “komunikazzjoni lill-pubbliku” tal-fonogrammi fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE?

5)      Jekk ir-risposta għad-domanda 4 hija fl-affermattiv, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/115/KE jippermetti lill-Istati Membri li jeżentaw l-operaturi tal-lukandi mill-obbligu li jħallsu “ħlas uniku ekwu” minħabba “użu privat” fis-sens tal-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115/KE?”

44.      Skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, il-kawża ma tirrigwardax dawk il-partijiet mil-lukandi u mill-guesthouses li huma aċċessibbli għall-pubbliku imma biss il-kmamar. Barra minn hekk, il-kawża la tirrigwarda t-trażmissjonijiet interattivi u lanqas dawk li jsiru fuq talba tal-klijent.

V –    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

45.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2010.

46.      Matul il-proċedura bil-miktub, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Grieg, l-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet.

47.      Rappreżentanti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ta’ SCF, ta’ Marco del Corso, tal-Irlanda, tal-Gvern Taljan, dak Irlandiż, Grieg u Franċiż, kif ukoll tal-Kummissjoni ħadu sehem fis-seduta komuni għal din il-kawża u għall-Kawża C‑135/10, SCF Consorzio Fonografici, li saret fis-7 ta’ April 2011.

VI – Osservazzjonijiet preliminari

48.      Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti tressaq talba għall-ħlas tad-danni bbażata fuq ir-responsabbiltà tal-Irlanda għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali dritt għal kumpens jeżisti bħala prinċipju ġenerali fid-dritt tal-Unjoni meta r-regola tad-dritt tal-Unjoni li tiġi miksura jkollha bħala għan l-għoti ta’ drittijiet lill-individwu, meta l-ksur ta’ dik ir-regola huwa suffiċjentement serju u meta teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit mill-individwi (9). Fid-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju volontarjament illimitat ruħha għall-punt li ssir taf jekk l-Irlanda naqsitx mill-obbligu ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 jew 2006/115. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb fl-affermattiv għal din id-domanda fid-dawl tal-fatti esposti iktar ’il quddiem, dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, allura hija għandha, sa fejn hija tixtieq tibbaża ruħha fuq ir-responsabbiltà tal-Istat prevista mid-dritt tal-Unjoni, teżamina wkoll jekk jissussistux il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ dik ir-responsabbiltà.

49.      Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ sempliċità, jiena ser nirreferi biss għad-Direttiva 2006/115 fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ċertament, il-kwistjoni dwar il-ksur tad-dritt tal-Unjoni tikkonċerna kemm l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 kif ukoll l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Madankollu, id-Direttiva 2006/115 ma hijiex ħlief verżjoni kkodifikata tad-Direttiva 92/100, tant li l-Artikolu 8(2) huwa identiku fiż-żewġ direttivi. Huwa għalhekk li, iktar tard jiena ser insemmi biss l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100. Bl-istess mod, ukoll għal raġunijiet ta’ sempliċità, iktar tard jiena ser insemmi biss il-lukandi, anki jekk dawn l-osservazzjonijiet japplikaw bl-istess mod għall-operaturi ta’ guesthouses.

VII – L-ewwel u t-tieni domandi preliminari

50.      Meta għamlet it-tieni domanda preliminari, il-qorti ta’ rinviju staqsiet jekk l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li lukandier li jqiegħed apparat tat-televiżjoni jew tar-radju fil-kmamar tal-klijenti u jittrasmettilhom sinjal tax-xandir għandux iħallas remunerazzjoni ekwa għall-komunikazzjoni indiretta ta’ fonogrammi użati fil-kuntest tax-xandiriet.

51.      L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jipprovdi għall-ħlas ta’ remunerazzjoni ekwa meta fonogramma ppubblikata għal finijiet ta’ kummerċ, jew riproduzzjoni ta’ dik il-fonogramma, tintuża għal xandira permezz ta’ mezzi mingħajr fili jew għal komunikazzjoni lill-pubbliku. Iktar tard f’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nirreferi biss għall-każ li jirrigwarda fonogramma ppubblikata għal finijiet ta’ kummerċ; madankollu, l-osservazzjonijiet japplikaw bl-istess mod għal riproduzzjoni ta’ din il-fonogramma.

52.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq qabel xejn tkun taf jekk, f’każ bħal dak inkwistjoni, il-lukandier jagħmilx “komunikazzjoni lill-pubbliku” u jekk huwiex “utent” fis-sens ta’ din id-diżpożizzjoni. Barra minn hekk, hija tixtieq tkun taf jekk tali obbligu li titħallas remunerazzjoni ekwa jeżistix ukoll meta x-xandar ikun diġà ħallas remunerazzjoni ekwa għall-użu tal-fonogrammi fil-kuntest tax-xandiriet tiegħu.

A –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

53.      Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Franċiż, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni, il-lukandier huwa obbligat li jħallas remunerazzjoni ekwa.

54.      L-ewwel nett, hemm komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Dan il-kunċett jifforma kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat bħala l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Il-fatt li l-formulazzjoni użata fiż-żewġ dispożizzjonijiet hija l-istess jimmilita f’dan is-sens. Id-differenzi li jeżistu fil-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati ma jipprekludux interpretazzjoni identika tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Skont l-għanijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandha titħallas remunerazzjoni ekwa mhux biss lill-awturi imma wkoll lill-artisti li jinterpretaw jew jeżegwixxu u lill-produtturi ta’ fonogrammi, fejn lil dawn tal-aħħar għandha tiġi ggarantita remunerazzjoni ekwa għall-investimenti riskjużi tagħhom fil-produzzjoni ta’ fonogrammi. F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż josserva li l-għan tad-Direttiva 2001/29, li huwa dak li jevita distorsjonijiet minħabba l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet legali differenti, jimmilita favur interpretazzjoni identika tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Id-distorsjonijiet dovuti għall-fatt li l-Istati Membri kellhom diġà l-fakultà li jipprovdu għal eċċezzjonijiet u għal limitazzjonijiet jissaħħu jekk l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku titħalla fid-diskrezzjoni libera tal-Istati Membri. Interpretazzjoni unika tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku hija meħtieġa wkoll għaliex hija wkoll importanti mill-perspettiva tal-perijodu ta’ protezzjoni tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati skont id-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (10). Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tosserva li t-trażmissjonijiet indiretti huma wkoll involuti. Fis-sentenza SGAE vs Rafael Hoteles, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, f’kawża simili, li kien hemm komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Huwa biżżejjed li l-programm tar-radju jew tat-televiżjoni jkun aċċessibbli permezz ta’ apparat tar-radju jew tat-televiżjoni li lilhom jiġi trażmess sinjal tar-radju. Ma huwiex rilevanti jekk il-klijenti tal-lukanda kinux effettivament użaw jew le dak l-appart. Fil-fatt, bil-fatt li jippermettu l-aċċess għall-programm tar-radju u tat-televiżjoni, l-operaturi tal-lukandi jkunu qed jipprovdu servizz supplimentari u jkunu wkoll qegħdin isegwu għan ta’ qligħ.

55.      It-tieni nett, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u skont il-Gvern Franċiż, il-fatt li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jipprovdi biss għal pagament ta’ remunerazzjoni waħda ma jipprekludix l-obbligu għall-pagament ta’ remunerazzjoni ekwa. Fil-fatt, dan ma jfissirx li operatur ta’ lukanda ma għandux iħallas remunerazzjoni għal komunikazzjoni lill-pubbliku meta x-xandar jkun diġà ħallas remunerazzjoni. Għall-kuntrarju, għandu jkun hemm ħlas ta’ remunerazzjoni ekwa għal kull użu li jaqa’ taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva, u dan, kemm jekk l-użu jkun dirett, kif ukoll jekk ikun indirett. Ir-riferiment fid-dispożizzjoni għal ħlas wieħed ifisser biss li l-operatur ta’ lukanda għandu jħallas biss remunerazzjoni waħda li għandha sussegwentement tinqasam bejn il-produtturi u l-artisti li jinterpretaw jew jeżegwixxu. Is-sentenza SENA (11) ma tipprekludix din l-interpretazzjoni peress li kienet tittratta biss dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-portata tar-remunerazzjoni.

56.      Skont l-Irlanda u l-Gvern Grieg, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni, l-operatur tal-lukanda huwa obbligat li jħallas remunerazzjoni ekwa.

57.      L-ewwel nett, skont l-Irlanda, huwa fid-dawl tal-liġi nazzjonali li għandha tingħata risposta għad-domanda jekk hemmx komunikazzjoni lill-pubbliku.

58.      It-tieni nett, skont l-Irlanda u l-Gvern Grieg, ma hemmx komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Huma l-komunikazzjonijiet f’diskoteka, f’kunċert jew f’bar biss li huma koperti. F’dan ir-rigward, l-Irlanda tosserva li l-espressjoni “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma tistax tiġi interpretata kif ġiet interpretata fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 fis-sentenza SGAE vs Rafael Hoteles. L-ewwel nett, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jagħti dritt esklużiv lill-awturi. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29 jagħti dritt esklużiv lill-produtturi ta’ fonogrammi biss għal dak li jirrigwarda t-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku, filwaqt li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jipprovdi biss għal dritt ekonomiku għal dak li jirrigwarda l-komunikazzjoni lill-pubbliku. Barra minn hekk, mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali, dawn id-drittijiet jinsabu f’kuntesti differenti. B’mod partikolari, il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku kif iddefinit fl-Artikolu 2(g) tad-WPPT huwa iktar ristrett mill-espressjoni “komunikazzjoni lill-pubbliku” użata fl-Artikolu 8 tad-WPPT fuq id-dritt tal-awtur (iktar ’il quddiem id-“WCT”). F’dan ir-rigward, l-Irlanda tosserva li, skont l-Artikolu 2(g) tad-WIPO, il-fonogrammi għandhom ikunu jistgħu jinstemgħu mill-pubbliku u dan jista’ jsir biss meta l-apparat tar-radju jew tat-televiżjoni jkun effettivament mixgħul. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 fuq il-fatt li dan il-kunċett ikopri wkoll id-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma jipprovdix għal remunerazzjoni ekwa għat-“tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku” ta’ fonogramma. Għalhekk, il-premessi tad-Direttiva 2001/29, minn naħa, u dawk tad-Direttiva 2006/115, min-naħa l-oħra, jargumentaw kontra interpretazzjonijiet identiċi tal-espressjoni “komunikazzjoni lill-pubbliku”. Barra minn hekk, matul il-kodifikazzjoni tad-Direttiva 92/100, ebda riferiment għall-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma kien ġie inkluż fid-Direttiva 2006/115 u ma kienx ġie ppreċiżat li l-komunikazzjonijiet indiretti kienu wkoll koperti. Għandu jingħad ukoll li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Konvenzjoni ta’ Ruma u d-WPPT jagħtu l-possibbiltà li jiġu pprovduti eċċezzjonijiet. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jipprovdu drittijiet usa’ jipprekludi interpretazzjonijiet identiċi. Il-Gvern Grieg iżid li interpretazzjoni wiesgħa żżejjed tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku twassal għal riżultati mhux mixtieqa għaliex l-installazzjoni ta’ antenna ċentrali f’post residenzjali u l-kiri ta’ apparat tar-radju u tat-televiżjoni jistgħu allura jiġu kkunsidrati bħala komunikazzjoni lill-pubbliku. Fil-fatt, f’din il-kawża, dan huwa biss każ ta’ riċezzjoni ta’ trażmissjoni, protetta mid-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tas-settur tat-turiżmu.

59.      It-tielet nett, skont il-Gvern Grieg u dak Ġermaniż, f’każ bħal dak inkwisjoni, lukandier ma huwiex l-utent fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. L-Irlanda qabel xejn tosserva li l-lukandier jillimita ruħu sabiex iqiegħed għad-dispożizzjoni l-apparat u għajnuna teknika għar-riċezzjoni tas-sinjali tar-radju. Sakemm dan l-apparat ma jinxtegħlx, huwa ma jkunx utent. Sussegwentement, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, kuntrarjament għall-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 isemmi l-utent. Skont il-Gvern Grieg, huwa biss ix-xandar li jkun l-utent, peress li l-lukandier jippermetti biss ir-riċezzjoni tax-xandira. Din ir-riċezzjoni hija protetta mid-drittijiet fundamentali u għalhekk ma hijiex milquta mid-drittijiet tal-awtur.

60.      Ir-raba’ nett, skont il-Gvern Grieg u dak Irlandiż, għandu jiġi miċħud id-dritt għal remunerazzjoni ekwa wkoll għaliex, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, lukandier ma għandux iħallas remunerazzjoni addizzjonali meta x-xandar ikun diġà ħallas remunerazzjoni ekwa għall-użu. Skont l-Irlanda, dan jirriżulta mill-użu tat-termini “jew” u “uniku”, kif ukoll mill-istruttura tal-paragrafi differenti tal-Artikolu 8. Tali ħlas lanqas ikun ekwu għaliex ix-xandar ikun diġà ħallas remunerazzjoni. Skont il-Gvern Grieg, ir-remunerazzjoni li jkun ħallas ix-xandar ikun ikopri wkoll ir-riċezzjoni tax-xandira fuq l-apparat tar-radju u tat-televiżjoni fil-kmamar tal-lukanda. Sussegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li f’uħud mill-Istati Membri, bħall-Greċja, trid diġà titħallas miżata sabiex jistgħu jiġu riċevuti programmi tar-radju u tat-televiżjoni. Din il-miżata titħallas ukoll mil-lukandi u konsegwentement, indirettament mill-klijenti meta huma jħallsu l-prezz tal-kamra.

61.      Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni, Stat Membru huwa obbligat li jipprovdi għal remunerazzjoni ekwa.

62.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma tistax tiġi applikata bħala tali għall-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Fil-fatt, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-differenza bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Filwaqt li awtur għandu jingħata l-livell ta’ protezzjoni l-iktar għoli u dritt esklużiv, il-produttur ta’ fonogrammi jista’ jingħata biss dritt iktar dgħajjef għal remunerazzjoni ekwa. Barra minn hekk, mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali, iż-żewġ dispożizzjonijiet jinsabu f’kuntesti differenti.

63.      Skont il-Kummissjoni, f’każ bħal dak inkwistjoni, minkejja dawn id-differenzi, għandu jiġi kkunsidrat li teżisti komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Qabel kollox, din id-dispożizzjoni ssemmi wkoll trażmissjonijiet indiretti. Sussegwentement, mill-Artikolu 2(g) tad-WIPO jirriżulta li, sabiex tissussisti komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-WIPO, ikun biżżejjed li l-fonogramma tkun tista’ tinstema’. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni għandha tkun waħda pubblika. In-natura pubblika tal-komunikazzjoni tkun tiddependi fuq jekk il-post li minnu l-fonogramma tkun għaddiet ikunx ta’ natura privata jew pubblika, u jekk il-komunikazzjoni għandhiex valur ekonomiku, kif ukoll id-daqs taċ-ċirku tas-semmiegħa. Fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, għandu jiġi kkunsidrat li, f’din il-kawża, kien hemm komunikazzjoni lill-pubbliku, bħal fis-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq.

64.      Madankollu, il-Kummissjoni tqis li, f’din il-kawża, ma jkunx ekwu li l-lukandier iħallas remunerazzjoni addizzjonali. L-ewwel nett, l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jirriżulta mill-fakultà mogħtija lilhom mid-dritt internazzjonali, li jipprovdu restrizzjonijiet u eċċezzjonijiet. Dan jippermettilhom mhux biss li jiddeċiedu meta remunerazzjoni hija ekwa, iżda wkoll jekk verament hemmx lok li titħallas din ir-remunerazzjoni. It-tieni nett, jekk, bħal fil-każ inkwistjoni, fejn ix-xandar ikun diġà ħallas remunerazzjoni ekwa, il-lukandier kellu jħallas remunerazzjoni addizzjonali, dan ma jkunx kompatibbli mal-livelli differenti mogħtija, minn naħa, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Għall-kuntrarju, ftit jimporta jekk il-pubbliku kellux jew le interess fil-komunikazzjoni.

B –    Kunsiderazzjonijiet ta’ dritt

65.      Dawn id-domandi preliminari saru fil-kuntest tas-sentenza SGAE (12). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li lukandier li jqassam sinjal ta’ xandir permezz ta’ apparat ta’ televiżjoni mqiegħed fil-kmamar tal-klijenti jikkomunika lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, ix-xogħlijiet użati fil-kuntest tax-xandir tat-televiżjoni. Din id-dispożizzjoni tirregola d-dritt esklużiv ta’ awtur li jippermetti jew li jipprojbixxi l-komunikazzjoni pubblika tax-xogħlijiet tiegħu. F’din il-kawża, il-kwistjoni tirrigwarda jekk din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, hijiex applikabbli għall-istess espressjoni użata fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Huwa għalhekk li jiena sejjer qabel xejn nittratta s-sentenza SGAE (taħt is-subtitolu 1), qabel ma nittratta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 (taħt is-subtitolu 2).

1.      L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29

66.      Fis-sentenza SGAE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li x-xandira, minn lukanda, ta’ sinjal ta’ xandira permezz ta’ apparat tat-televiżjoni mqiegħed fil-kmamar tal-klijenti tikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, tkun xi tkun it-teknika ta’ trażmissjoni użata. L-imsemmija sentenza hija mmotivata bil-mod li ġej:

67.      L-ewwel nett, hija tirreferi għall-premessi tad-Direttiva 2001/29. Qabel xejn, hija rreferiet għall-premessa 23, minn fejn jirriżulta li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku għandu jinftiehem f’sens wiesa’ (13). Sussegwentement, hija indikat li dik l-interpretazzjoni hija indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan riżultanti mill-premessi 9 u 10, li huwa dak li jiġi stabbilit livell ta’ protezzjoni, favur l-awturi, li jippermettilhom jiksbu remunerazzjoni ekwa għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom (14).

68.      It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja invokat il-ġurisprudenza tagħha dwar dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni (15).

69.      It-tielet nett, hija bbażat ruħha fuq l-effetti ta’ akkumulazzjoni li jirriżultaw mill-fatt li, normalment, il-klijenti ta’ lukandi jinbidlu ta’ spiss fil-kmamar tal-lukandi u li, konsegwentement, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet jista’ jakkwista importanza kunsiderevoli (16).

70.      Ir-raba’ nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11a(ii) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, din tkun komunikazzjoni lill-pubbliku awtonoma, magħmula minn organizzazzjoni ta’ xandir differenti mill-organizzazzjoni oriġinali (17). B’hekk, din it-trażmissjoni ssir lil pubbliku differenti mill-pubbliku indirizzat mill-att ta’ komunikazzjoni oriġinali tax-xogħol, jiġifieri pubbliku ġdid.

71.      Il-ħames nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet in-natura pubblika ta’ komunikazzjoni indiretta billi għamlet riferiment għall-Gwida tal-Konvenzjoni ta’ Berna żviluppata mid-WIPO. Meta jawtorizza x-xandir tax-xogħol tiegħu, l-awtur jieħu inkunsiderazzjoni biss l-utenti diretti, jiġifieri dawk li għandhom apparat ta’ riċezzjoni li, individwalment jew fl-isfera privata jew familjari, jirċievu x-xandiriet. Skont din il-gwida, peress li din ix-xandira hija mmirata lejn udjenza ikbar, u forsi għal finijiet ta’ lukru, parti ġdida mill-pubbliku li jirċeviha għandu l-possibbiltà li jibbenefika mis-smigħ jew mill-viżjoni tax-xogħol u l-komunikazzjoni tax-xandira permezz ta’ lawdspiker jew strument simili ma tibqax iktar sempliċi riċezzjoni tax-xandira nnifisha, iżda att indipendenti li bih ix-xogħol imxandar jiġi kkomunikat lil pubbliku ġdid (18).

72.      Is-sitt nett, hija kkonstatat li l-klijentela ta’ lukanda tifforma tali pubbliku ġdid. Il-lukanda hija organizzazzjoni li topera, bl-għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tagħha, sabiex tagħti aċċess għax-xogħol protett lill-klijenti tagħħa (19).

73.      Is-seba’ nett, il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat li huwa biżżejjed, sabiex ikun hemm komunikazzjoni lill-pubbliku, li x-xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod li l-persuni li jiffurmaw il-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalih (20).

74.      It-tmien nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li jingħata aċċess għax-xogħol imxandar lill-klijenti għandu jiġi kkunsidrat bħala għoti ta’ servizz addizzjonali bil-għan li jittieħed xi benefiċċju. Lukanda ssegwi b’hekk skop ta’ lukru, għaliex l-offerta ta’ dan is-servizz jinfluwenza l-livell tal-lukanda, u, għalhekk, il-prezz tal-kmamar (21).

75.      Madankollu, id-disa’ nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li s-sempliċi provvista ta’ apparat ta’ riċezzjoni ma tikkostitwixxix, fiha innifisha, komunikazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2001/29. Għall-kuntrarju, jekk, permezz tas-settijiet tat-televiżjoni hekk installati, il-lukanda tqassam is-sinjal lill-klijenti tagħha alloġġjati fil-kmamar ta’ dan l-istabbiliment, ikun hemm komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mingħajr ma jkun rilevanti li ssir magħrufa t-teknika tat-trażmissjoni tas-sinjal li tiġi użata (22).

2.      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115

76.      Qabel ma neżamina l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” (c) u ta’ “utent” (d) użati fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, kif ukoll l-obbligu ta’ remunerazzjoni ekwa (e), jien nixtieq li qabel xejn niċċara li dawn huma espressjonijiet awtonomi tad-dritt tal-Unjoni (a) li għandhom jiġu interpretati billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tagħhom fid-dritt internazzjonali (b).

a)      Fuq il-kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni

77.      Uħud mill-partijiet josservaw li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix interpretazzjoni uniformi ta’ uħud mill-kunċetti użati fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, bħall-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Għalhekk huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu dawn il-kunċetti.

78.      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, fin-nuqqas ta’ riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, il-kunċetti użati fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni. Mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha u mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jsegwi li huma għandhom jiġu interpretati b’manjiera uniformi (23). Dan huwa l-uniku mod li bih jista’ jintlaħaq l-għan stabbilit fil-premessa 6 tad-Direttiva 2006/115, jiġifieri li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ kreazzjoni, artistiċi u ta’ intrapriża billi titpoġġa fis-seħħ protezzjoni ġuridika armonizzata fil-Komunità.

79.      Madankollu, f’ċerti każijiet, jista’ jkun li l-armonizzazzjoni tkun limitata ħafna, minkejja li l-intensità normattiva tal-kunċett hija baxxa ħafna. F’każijiet bħal dawn, id-dritt tal-Unjoni jimponi biss qafas regolatorju wiesa’ li sussegwentement l-Istati Membri għandhom jikkompletaw (24). Huwa dan li ġie kkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-remunerazzjoni ekwa fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 (25). Madankollu, peress li l-intensità normattiva ta’ kull kunċett użat f’dispożizzjoni għandha tiġi evalwata individwalment, huwa impossibbli li jinġibdu konklużjonijiet fir-rigward tal-kunċetti l-oħra użati fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

b)      Il-kuntest tad-dritt internazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni

80.      Barra minn hekk, id-dispożizzjoni dwar id-dritt għal remunerazzjoni ekwa tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandha tiġi interpretata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tagħha fid-dritt internazzjonali.

81.      Fil-fatt, id-dritt għal remunerazzjoni ekwa huwa rregolat mid-dritt internazzjonali permezz tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u permezz tal-Artikolu 15 tad-WPPT. Għalhekk, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpratat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dawk id-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali.

82.      Fir-rigward tad-WPPT, dan jirriżulta mill-fatt li l-Unjoni nnifisha hija parti kontraenti. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta huma jfittxu li jimplementaw ftehim internazzjonali ffirmat mill-Unjoni (26).

83.      Ċertament, fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, għandu jiġi osservat li l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti. Madankollu, mill-premessa 7 tad-Direttiva 2006/115, li tindika li l-liġijiet tal-Istati Membri għandhom jiġu approssimati fl-osservanza tal-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom huma msejsa l-liġijiet dwar id-dritt tal-awtur u dwar id-drittijiet relatati ta’ ħafna mill-Istati Membri, jirriżulta li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

c)      Il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku

84.      Skont il-formulazzjoni tiegħu, fil-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jistgħu jiġu distinti żewġ elementi. L-ewwel nett, għandu jkun hemm komunikazzjoni. It-tieni nett, din il-komunikazzjoni għandu jkollha natura pubblika.

i)      Il-kunċett ta’ komunikazzjoni

85.      Ċertament, id-Direttiva 2006/115 ma tiddefinixxix b’mod speċifiku x’għandu jinftiehem bit-terminu “komunikazzjoni” fis-sens tad-Direttiva 2006/115. Madankollu, il-formulazzjoni u l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdu indikazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħatalu.

86.      Kif spjegajt hawn fuq (27), il-kunċett ta’ komunikazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandu jiġi interpretatat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u tal-Artikolu 15 tad-WPPT. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 15(1) u tal-Artikolu 2(g) tad-WPPT huma partikolarment importanti. L-Artikolu 15(1) jipprovdi li l-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u l-produtturi ta’ fonogrammi għandhom dritt għal remunerazzjoni ekwa u unika meta l-fonogrammi ppubblikati għal finijiet ta’ kummerċ jintużaw direttament jew indirettament għax-xandir jew għal kwalunkwe komunikazzjoni lill-pubbliku. Fl-Artikolu 2(g) tad-WPPT, il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ fonogramma huwa ddefinit bħala trażmissjoni lill-pubbliku, b’kull mezz ieħor barra x-xandir, ta’ ħsejjes ġejjin minn interpretazzjoni jew minn eżekuzzjoni jew ħsejjes jew rappreżentazzjonijiet ta’ ħsejjes iffissati fuq fonogramma. Barra minn hekk, huwa ppreċiżat li, għall-finijiet tal-Artikolu 15, it-terminu “komunikazzjoni lill-pubbliku” jinkludi wkoll il-fatt li jkunu jistgħu jinstemgħu mill-pubbliku l-ħsejjes jew ir-rappreżentazzjonijiet ta’ ħsejjes iffissati fuq fonogramma.

87.      Dan jippermetti li jinsiltu l-konklużjonijiet li ġejjin dwar il-kunċett ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115:

88.      L-ewwel nett, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ikopri l-komunikazzjonijiet indiretti u diretti. Dan jirriżulta qabel xejn mill-formulazzjoni miftuħa u mill-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, mill-oriġini tad-Direttiva 92/100 li ma kienx meqjus neċessarju li jiġi ċċarat iktar il-kunċett ta’ komunikazzjoni billi jiżdiedu l-kliem “indiretti jew diretti”, peress li, meta jintuża dan it-terminu, huwa ċar li dan jinkludi wkoll il-komunikazzjonijiet indiretti (28). Issa, mid-dħul fis-seħħ tiegħu, l-Artikolu 15 tad-WPPT, li jipprovdi li d-dritt jeżisti wkoll f’każ ta’ komunikazzjoni indiretta, jargumenta favur din l-interpretazzjoni (29).

89.      It-tieni nett, sabiex ikun hemm komunikazzjoni, huwa suffiċjenti li l-ħsejjes iffissati fuq fonogramma jkunu jinstemgħu. Huwa ta’ ftit importanza jekk il-ħsejjes ikunux instemgħu jew le mill-klijent. Qabel xejn, l-Artikolu 2(g) tad-WIPO, li jipprovdi li l-ħoss ikun jinstema’, jargumenta f’dan is-sens. Sussegwentement, skont l-ispirtu u l-għan tad-Direttiva 2006/115, għandu jkun suffiċjenti li l-konsumatur ikollu l-possibbiltà ġuridika u effettiva li jgawdi l-fonogrammi (30). Din l-interpretazzjoni għandha wkoll il-vantaġġ li tikkorrispondi għal dik tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

90.      Fl-implementazzjoni ta’ dawn il-provvedimenti, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm komunikazzjoni meta lukandier iqiegħed apparat tat-televiżjoni jew tar-radju fil-kmamar u jibgħatilhom sinjal ta’ xandir. Fil-fatt, f’dan il-każ, hemm komunikazzjoni indiretta u ftit jimporta f’dan ir-rigward jekk il-klijenti jkunux jew le effettivament irċevew il-programm tat-televiżjoni jew tar-radju.

91.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma għandux jiġi interpretat f’sens usa’ mill-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jipprovdi livell ogħla ta’ protezzjoni lid-drittijiet tal-awtur milli lid-drittijiet relatati tal-produtturi ta’ fonogrammi u tal-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u li, għalhekk, ikun kuntrarju għas-sistema ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur li jingħataw drittijiet iktar estensivi lill-produtturi ta’ fonogrammi u lill-artisti skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 milli lill-awturi skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Huwa għalhekk li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-premessi 23 u 27 tad-Direttiva 2001/29.

92.      Madankollu, f’każ bħal dak inkwistjoni, il-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29 ma tipprekludix milli jiġi kkunsidrat li hemm komunikazzjoni. Fil-fatt, din għandha tinftiehem fis-sens li persuni, li jqegħdu għad-dispożizzjoni apparat ta’ riproduzzjoni mingħajr ma jkollhom fl-istess ħin kontroll fuq l-aċċess għal xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur, ma jwettqux b’daqshekk komunikazzjoni lill-pubbliku. Dan ikun il-każ meta, pereżempju, fil-bejgħ jew fil-kiri ta’ apparat ta’ televiżjoni jew ta’ radju jew meta fornitur ta’ servizzi tal-internet jipprovdi biss l-aċċess għall-internet. Madankollu, f’każ bħal dak inkwistjoni, il-lukandier ma jillimitax ruħu sabiex iqiegħed għad-dispożizzjoni l-apparat ta’ riproduzzjoni. Fil-fatt, huwa jipprovdi lill-klijent aċċess għall-fonogrammi, indirettament biss, iżda b’mod intenzjonat (31).

93.      Skont il-Kummissjoni, li tinvoka l-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29, ir-riċezzjoni biss ta’ sinjal ta’ xandir lill-apparat ta’ riċezzjoni ma jikkostitwixxix komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115; madankollu dan ftit huwa rilevanti fil-każ inkwistjoni. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, f’dan il-każ, il-lukandier ma llimitax ruħu sabiex jirċievi s-sinjal ta’ xandir iżda huwa huwa stess xandru wkoll (32).

ii)    Il-kunċett ta’ komunikazzjoni “lill-pubbliku”

94.      Id-Direttiva 2006/115 lanqas ma tiddefinixxi x’għandu jinftiehem bin-natura “pubblika” tal-komunikazzjoni.

95.      F’dan ir-rigward, b’differenza mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ komunikazzjoni, id-definizzjoni legali tal-komunikazzjoni lill-pubbliku mogħtija lill-Artikolu 2(g) tad-WPPT ma hija ta’ ebda għajnuna. Fil-fatt, in-natura pubblika, li tifforma l-element li għandu jiġi ddefinit, ma hijiex iċċarata iktar. Hemm indikat biss li l-fonogramma għandha tkun tista’ tinstema’ mill-pubbliku, hekk li, f’dan ir-rigward, id-definizzjoni hija mneżża mis-sustanza.

96.      Madankollu, għandu jiġi mistoqsi jekk, f’dan ir-rigward, huwiex possibbli li jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija hawn fuq (33) dwar il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, li tipprovdi li komunikazzjoni fi kmamar ta’ lukanda jista’ jkollha natura pubblika, meta t-tibdil ta’ spiss ta’ klijenti f’dawk il-kmamar iwassal għal użu sinjifikattiv tax-xogħol protett.

97.      Fil-fehma tiegħi għandha tingħata risposta fl-affermattiv għal din il-mistoqsija (34).

98.      L-ewwel nett, l-użu tal-istess espressjoni fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jargumenta f’dan is-sens. Ċertament l-Irlanda topponi li, wara li ngħatat is-sentenza SGAE, meta d-Direttiva 2006/115 ikkodifikat id-Direttiva 92/100, ma ġiex ippreċiżat li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva għandu jinftiehem bl-istess mod bħall-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Madankollu, din l-oġġezzjoni ma tikkonvinċinix. Għall-kuntrarju, il-fatt li, wara li ngħatat is-sentenza SGAE, il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku kien inżamm mingħajr ebda kumment ieħor, jidhirli li ġustament jargumenta favur interpretazzjoni identika ta’ dan il-kunċett fiż-żewġ dispożizzjonijiet.

99.      It-tieni nett, ir-rabtiet mill-qrib, f’termini tal-mertu u tad-dritt, bejn id-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati tal-artisti u tal-produtturi ta’ fonogrammi jargumentaw favur interpretazzjoni identika ta’ dan il-kunċett fiż-żewġ każijiet.

100. Fil-fatt, għandu qabel xejn jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2006/115 u d-Direttiva 2001/29 huma marbuta safejn id-drittijiet tal-artisti li jinterpretaw u li jeżegwixxu u tal-produtturi ta’ fonogrammi ma humiex irregolati biss mid-Direttiva 2006/115, imma wkoll mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni tagħti dritt esklużiv lill-artisti u lill-produtturi ta’ fonogrammi fil-każ partikolari tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod li kulħadd jista’ jkollu aċċess fil-post u fil-ħin magħżul minnu individwalment, filwaqt li tal-ewwel tagħti d-dritt għal remunerazzjoni ekwa biss fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Għalhekk jidhirli li ma hemmx raġuni li jingħataw interpretazzjonijiet differenti lill-espressjonijiet identiċi użati f’dawn id-direttivi.

101. Sussegwentement, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rabtiet mill-qrib f’termini tal-mertu bejn id-dritt tal-awtur, minn naħa, u d-drittijiet relatati tal-artisti li jinterpretaw jew il jeżegwixxu kif ukoll tal-produtturi ta’ fonogrammi, min-naħa l-oħra. Ta’ spiss, ix-xogħlijiet mużikali protetti bid-drittijiet tal-awtur, jitqegħdu għall-ewwel darba għad-dispożizzjoni tal-pubbliku biss permezz ta’ interpretazzjoni ta’ artist li jinterpreta jew li jeżegwixxi irreġistrata fuq fonogramma. Peress li din il-kontribuzzjoni tal-arti għandha ġustament titħallas, dan jipprovdi inċentiv qawwi sabiex tingħata l-istess interpretazzjoni lill-espressjoni “komunikazzjoni lill-pubbliku” meta din tintuża fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

102. It-tielet nett, il-premessa 5 tad-Direttiva 2006/115, li tindika li l-artisti għandhom jirċievu remunerazzjoni ekwa u l-produtturi ta’ fonogrammi għandhom ikunu jistgħu jifdu l-investiment tagħhom, targumenta wkoll f’dan is-sens. Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib, imsemmija qabel, bejn id-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati, ma jidhirx li jkun loġiku li f’każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ fonogramma l-awtur igawdi dritt esklużiv skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, iżda li, għall-kuntrarju, l-artisti u l-produtturi ta’ fonogrammi ma jirċevux remunerazzjoni ekwa skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 u ma jiksbu xejn.

103. Għall-kuntrarju, l-argumenti kontra din l-interpretazzjoni identika ma humiex konvinċenti.

104. Fl-ewwel lok, jien ma narax għaliex il-fatt li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi dritt esklużiv lill-awturi filwaqt li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jagħti biss dritt ekonomiku lill-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu, kif ukoll lill-produtturi ta’ fonogrammi għandu jiġġustifika interpretazzjonijiet differenti lill-kunċett ta’ natura pubblika.

105. Il-partikolarità ta’ dritt esklużiv mogħti skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 hija dik li tippermetti lill-awtur jipprojbixxi l-użu tal-mużika tiegħu minn persuni mhux awtorizzati. Fir-rigward ta’ fonogrammi li jkunu diġà ġew ippubblikati għal finijiet kummerċjali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jagħmel l-istess anki fir-rigward tad-drittijiet relatati tal-produtturi u l-arti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu li huma jirrapreżentaw. Madankollu, bħala korrispettiv, huwa tahom id-dritt għal remunerazzjoni ekwa. Għalhekk, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tista’ tinftiehem bħala forma ta’ liċenzja obbligatorja (35). Jekk jitqiesu dawn l-idejat ta’ korrispettiv u ta’ liċenzja obbligatorja, jidher loġiku li, fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ fonogramma, jingħata d-dritt għal remunerazzjoni ekwa lill-produtturi ta’ fonogrammi u lill-artisti li jinterpretawhom u jeżegwuhom kull darba li l-awtur igawdi minn dritt esklużiv.

106. It-tieni nett, il-fatt li, skont il-premessa 9 tad-Direttiva 2001/29, l-awtur għandu jgawdi minn livell ogħla ta’ protezzjoni, filwaqt li, skont il-premessa 5 tad-Direttiva 2006/115, l-artisti għandhom igawdu biss minn livell xieraq ta’ protezzjoni ma jwassalx neċessarjament sabiex jiġi konkluż li n-natura pubblika tal-komunikazzjoni għandha tiġi interpretata b’mod iktar ristrett fil-każ ta’ drittijiet relatati. Jidhirli iktar loġiku li dan għandu jinftiehem bħala li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jagħti dritt esklużiv lill-awtur, filwaqt li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma jagħtix dritt esklużiv lill-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u lill-produtturi ta’ fonogrammi, iżda biss dritt għal remunerazzjoni ekwa.

107. It-tielet nett, ġie invokat l-argument li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ibbażat l-interpretazzjoni tat-terminu “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 fuq il-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29 li titlob li d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jiġi interpretat f’sens wiesa’. Billi ma teżisti ebda premessa simili fid-Direttiva 2006/115, f’din tal-aħħar, il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku għandu jiġi interpretat f’sens iktar ristrett.

108. Fl-aħħar mill-aħħar, din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda wkoll.

109. Ċertament, huwa minnu li fis-sentenza SGAE, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet fil-fatt ibbażat ruħha fuq din il-premessa u li ma tinstabx premessa simili fid-Direttiva 2006/115.

110. Madankollu, dan ma jiġġustifikax li tingħata interpretazzjoni iktar restrittiva tal-kunċett ta’ natura pubblika fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq u l-għanijiet tar-remunerazzjoni ekwa tal-proprjetarji tad-drittijiet imsemmija fil-premessi 3, 4 u 5 tad-Direttiva 2006/115 diġà jikkonfermaw l-argument li għandha tingħata interpretazzjoni identika lill-espressjoni “lill-pubbliku” meta din tintuża fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u meta tintuża fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment ukoll għall-garanzija ta’ remunerazzjoni xierqa lill-awturi rikjesta mill-premessa 10 tad-Direttiva 2001/29 sabiex tiġġustifika n-neċessità. Issa, il-premessa 5 tad-Direttiva 2006/115, li tikkorrispondi għall-premessa 10 tad-Direttiva 2001/29, titlob li tiġi żgurata remunerazzjoni ekwa lill-proprjetarji ta’ drittijiet relatati jew il-possibbiltà li jifdu l-investimenti tagħhom.

111. Bħala konklużjoni intermedja, għandu jiġi kkunsidrat li l-espressjoni “lill-pubbliku” użata fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 (36) għandha bħala prinċipju tiġi interpretata bħal dik fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Għalhekk, f’każ bħal dak inkwistjoni, in-natura pubblika tal-komunikazzjoni hija ġejja mill-fatt li, fil-kmamar ta’ lukanda, it-tibdil ta’ spiss tal-klijenti fil-kmamar jista’ jwassal għal użu sinjifikattiv tax-xogħol protett.

iii) Konklużjoni

112. Għal dawn ir-raġunijiet, il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li lukandier, li jqiegħed apparat tar-radju u tat-televiżjoni fil-kmamar u jibgħatilhom sinjal tax-xandir, jikkomunika indirettament lill-pubbliku l-fonogrammi użati fix-xandiriet tar-radju u tat-televiżjoni.

113. F’dan ir-rigward, nixtieq niġbed l-attenzjoni li l-kwistjoni dwar jekk jistax ikun hemm ukoll komunikazzjoni lill-pubbliku mingħajr skop ta’ lukru ġiet diskussa waqt is-seduta. Madankollu, f’din il-kawża, fejn, bil-fatt li jsemma’ l-fonogrammi, il-lukandier jipprovdi servizz addizzjonali li għandu effett fuq il-livell tal-lukanda u fuq il-prezz tal-kmamar, jeżisti skop ta’ lukru, tant li ma hemmx lok li dan il-punt jiġi approfondit f’din il-kawża (37).

d)      Il-kunċett ta’ utent

114. Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk lukandier huwiex “utent” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Fil-fatt, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva jipprovdi li utent huwa responsabbli għar-remunerazzjoni ekwa għall-komunikazzjoni lill-pubbliku.

115. Fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva utent huwa kwalunkwe persuna li tuża fonogramma għax-xandir b’mezz mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku.

116. Kuntrarjament għall-opinjoni tal-Irlanda il-fatt li l-espressjoni “utent” tintuża fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, iżda ma tintużax fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, ma jippermettix li jiġi konkluż li l-ewwel dispożizzjoni għandha tiġi interpretata restrittivament. Fil-fatt, ir-raġuni għal din id-differenza ta’ formulazzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet hija din li ġejja: l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jagħti dritt esklużiv li l-awtur jista’ jsostni fil-konfront ta’ kulħadd. Għalhekk, f’din id-dispożizzjoni, ma huwiex neċessarju li jiġi indikat id-debitur tal-obbligu. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma jagħtix id-dritt esklużiv imma biss dritt għal remunerazzjoni ekwa. Għalhekk, f’din id-dispożizzjoni, jeħtieġ ukoll li jiġi indikat id-debitur tal-obbligu.

117. Bħala konklużjoni intermedja, għandu jiġi deċiż li lukandier li jikkomunika fonogrammi indirettament lill-pubbliku huwa utent fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 u għalhekk debitur tal-obbligu ta’ remunerazzjoni ekwa msemmi f’dik id-dispożizzjoni.

e)      L-obbligu li titħallas remunerazzjoni ekwa unika

118. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li, jekk xandar ikun diġà ħallas remunerazzjoni ekwa għall-użu ta’ fonogrammi fix-xandira, lukandier li, fil-kmamar tal-lukanda, jipprovdi lill-klijenti tiegħu aċċess għal xandiriet tar-radju u tat-televiżjoni u, b’hekk, jikkomunika lill-pubbliku l-fonogrammi użati fix-xandiriet, għandux ukoll jħallas remunerazzjoni ekwa għall-użu ta’ fonogrammi.

119. L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jipprovdi li remunerazzjoni ekwa unika għandha titħallas mill-utent meta fonogramma ppubblikata għal finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ din il-fonogramma tintuża għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni oħra lill-pubbliku, u biex jiġi żgurat it-tqassim ta’ din ir-remunerazzjoni bejn l-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u l-produtturi tal-fonogrammi kkonċernati. L-Istati Membri jistgħu, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u l-produtturi ta’ fonogramma, jistipulaw il-kundizzjonijiet għat-tqassim ta’ din ir-remunerazzjoni bejniethom.

120. Mill-formulazzjoni u mill-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, f’każ bħal dan, il-lukandier ukoll għandu jħallas din il-remunerazzjoni ekwa.

121. Fil-fatt, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Irlanda, ma jidhirx li mit-termini “jew” jew “uniku” li jissemmew f’dan il-każ, lukandier ma għandux iħallas dan il-ħlas (i). Sussegwentement, la l-opinjoni tal-Irlanda u tal-Kummissjoni, li jikkunsidraw li l-ħlas ta’ remunerazzjoni addizzjonali ma jkunx xieraq (ii), u lanqas ir-riferiment tal-Kummissjoni għad-diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri (iii) ma huma konvinċenti. Fl-aħħar nett, il-fatt, invokat mill-Gvern Grieg, li f’xi Stati Membri, ix-xandara xorta waħda jħallsu d-drittijiet, ma jistax waħdu jiġġustifika eżenzjoni mill-obbligu tal-ħlas ta’ remunerazzjoni ekwa (iv).

i)      It-tifsira ta’ “jew” u “uniku”

122. Skont l-Irlanda, mit-termini “jew” u “uniku” użati fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jirriżulta li lukandier ma għandux ikun obbligat iħallas remunerazzjoni għall-komunikazzjoni indiretta lill-pubbliku ta’ fonogrammi ġaladarba xandar ikun diġà ħallas remunerazzjoni ekwa għall-użu ta’ dawn il-fonogrammi fix-xandiriet tiegħu.

123. Din it-teżi ma hijiex konvinċenti.

124. Bl-użu tat-terminu “uniku” fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried biss jesprimi li ma għandhiex titħallas remunerazzjoni lill-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u remunerazzjoni oħra lill-produtturi ta’ fonogrammi, iżda biss remunerazzjoni waħda li għandha sussegwentement tinqasam bejn l-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u l-produtturi ta’ fonogrammi.

125. L-ewwel nett, il-formulazzjoni u l-istruttura tad-dispożizzjoni jargumentaw f’dan is-sens, b’mod partikolari b’rabta mat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 li tirregola t-tqassim tar-remunerazzjoni ekwa unika bejn il-produtturi ta’ fonogrammi u l-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu.

126. It-tieni nett, din l-interpretazzjoni jidhirli li hija l-unika waħda kompatibbli ma’ dak espost hawn fuq, li d-dritt għal remunerazzjoni ekwa previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(2) għandu jinftiehem bħala forma ta’ liċenzja obbligatorja. Jekk tintuża bħala bażi din l-interpretazzjoni, meta fonogramma tintuża fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri kemm fil-każ ta’ xandira kif ukoll fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku biss, għandu jitħallas kumpens għall-ksur tad-drittijiet relatati, minkejja li dan il-fatt jagħti lok kull darba għad-dritt għal remunerazzjoni ekwa.

127. It-tielet nett, id-dispożizzjoni ta’ dritt internazzjonali tal-Artikolu 15 tad-WPPT, minn fejn jirriżulta li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva għandu wkoll ikopri l-komunikazzjonijiet indiretti, jidhirli li targumenta kontra l-opinjoni tal-Irlanda. Fil-każ ta’ komunikazzjoni indiretta, min ikun xandar jew ikkomunika indirettament il-fonogrammi diġà jkollu l-obbligu ta’ remunerazzjoni ekwa. Jekk, f’dan il-każ, jiġi kkunsidrat li min jikkomunika indirettament il-fonogrammi ma jkunx marbut b’dan l-obbligu, għaliex tkun diġà tħallset remunerazzjoni ekwa għax-xandira jew għall-komunikazzjoni diretta, allura, ġeneralment, il-komunikazzjoni indiretta lill-pubbliku ma tagħtix id-dritt għal remunerazzjoni ekwa. Dan ma jidhirlix li huwa konsistenti mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 15 tad-WPPT.

128. Għalhekk, f’każ bħal dak inkwistjoni, it-termini “jew” u “uniku” użati fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma jipprekludux l-obbligu tal-lukandier li jħallas remunerazzjoni ekwa.

ii)    In-natura ekwa ta’ remunerazzjoni addizzjonali

129. L-Irlanda u l-Kummissjoni jsostnu li, f’każ bħal dak inkwistjoni, ma jkunx ekwu fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 li jiġi impost fuq il-lukandier il-ħlas ta’ remunerazzjoni addizzjonali. Fil-fatt, il-produtturi ta’ fonogrammi u l-artisti li jinterpretaw u li jeżegwixxu jistgħu diġà jsostnu dritt għal remunerazzjoni mingħand ix-xandara.

130. Dan l-argument ma huwiex konvinċenti.

131. L-ewwel nett, ma huwiex kompatibbli mal-idea, li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, li, peress li l-fonogrammi jkunu jinstemgħu minn parti addizzjonali mill-pubbliku, din tagħti lok għal remunerazzjoni. Fil-fatt, il-kumpens ekwu mħallas għall-użu ta’ fonogramma fil-kuntest ta’ xandira tar-radju jew tat-televiżjoni jkopri biss ir-riċezzjoni tax-xandira fiċ-ċirku familjari jew privat. Il-ftuħ ta’ ċirku ġdid ta’ semmiegħa, bħal dak tal-klijenti ta’ lukanda, imur lil hinn minn dak l-użu u jikkostitwixxi b’hekk użu addizzjonali taħt il-forma ta’ komunikazzjoni indiretta lill-pubbliku. Skont l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 fis-sens li jipprovdi tip ta’ liċenzja obbligatorja bħala kumpens, għandha titħallas remunerazzjoni ekwa addizzjonali.

132. It-tieni nett, din l-opinjoni ma jidhirlix li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali tal-Artikolu 15 tad-WPPT. Kif diġà spjegajt (38), din id-dispożizzjoni tipprovdi li, anki fil-każ ta’ komunikazzjoni indiretta lill-pubbliku ta’ fonogramma, hemm lok għall-pagament ta’ remunerazzjoni ekwa. Ma jidhirlix li huwa kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni tad-dritt internazzjonali li jiġi kkunsidrat li l-ħlas ta’ remunerazzjoni ekwa għal komunikazzjoni indiretta ma huwiex ekwu għaliex diġà kellha titħallas remunerazzjoni għall-komunikazzjoni diretta.

133. It-tielet nett, dan l-approċċ tal-Irlanda u tal-Kummissjoni jidhirli li x’aktarx iwassal għal differenzi ta’ evalwazzjoni. Għalhekk, l-operatur stess ta’ bar, ta’ ristorant jew ta’ diskoteka li jgħaddi fonogrammi għandu jħallas remunerazzjoni ekwa għal dan. Madankollu, l-istess operatur ma għandu jagħti ebda ħlas jekk huwa jsemma’ stazzjon tar-radju li sempliċement idoqq fonogrammi.

iii) Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri

134. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilhom jiddeċiedu jekk, f’każ bħal dak inkwistjoni, jimponux ukoll il-ħlas ta’ remunerazzjoni ekwa fuq il-lukandier, b’żieda ma’ dik impost fuq ix-xandar.

135. Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

136. L-ewwel nett, għandi nikkonstata li ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 li jippermetti l-preżunzjoni li l-Istati Membri għandu jkollhom din il-flessibbiltà. Ċertament, minħabba l-intensità normattiva baxxa tal-kunċett ta’ natura ekwa (39), l-Istati Membri jgawdu minn diskrezzjoni wiesgħa sabiex jevalwaw liema kumpens huma jikkunsidraw ekwu. Madankollu, id-dispożizzjoni ma tagħtihomx marġni ta’ diskrezzjoni fuq il-punt dwar jekk huma għandhomx jipprovdu kumpens. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu remunerazzjoni ekwa kemm fil-każ ta’ fonogramma użata għal xandiriet kif ukoll fil-każ jekk din tal-aħħar tiġi użata għal komunikazzjoni lill-pubbliku.

137. It-tieni nett, interpretazzjoni li biha l-Istati Membri għandhom jipprovdu remunerazzjoni, iżda li jistgħu jillimitawha għal żero, hija diffiċilment kompatibbli mal-limiti stabbiliti mill-formulazzjoni. Barra minn hekk, interpretazzjoni bħal din tidher inkompatibbli mal-għan tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, li huwa li jiggarantixxi lill-produtturi ta’ fonogrammi u lill-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu remunerazzjoni ekwa għall-komunikazzjoni tal-fonogrammi li tikkostitwixxi theddida addizzjonali lid-drittijiet relatati tagħhom.

138. It-tielett nett, l-argument tal-Kummissjoni li, biex titkejjel il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilhom taħt id-dritt internazzjonali, lanqas ma huwa konvinċenti.

139. L-ewwel nett, għandu jitfakkar li Stat Membru ma jistax jibbaża ruħu fuq il-flessibbiltà mogħtija mid-dritt internazzjonali meta d-dritt tal-Unjoni tissuġġettah għal dispożizzjonijiet iktar stretti. Għalhekk l-approċċ innifsu tal-Kummissjoni jidhirli li huwa żbaljat.

140. Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-Unjoni Ewropea nnifisha hija parti kontraenti tad-WPPT u hija, għalhekk, suġġetta għall-obbligi li jirriżultaw minnu. Skont il-prinċipju ta’ lealtà, Stat Membru għandu joqgħod lura minn xi att li x’aktarx iwassal lill-Unjoni sabiex tonqos mill-obbligi tagħha taħt id-dritt internazzjonali.

141. L-Unjoni għandha tosserva l-Artikolu 15 tad-WPPT li jipprovdi wkoll id-dritt għal remunerazzjoni ekwa għall-komunikazzjonijiet indiretti. Hija ma hijiex sejra tinvoka xi eċċezzjoni jew limitazzjoni rigward din id-dispożizzjoni. L-Artikolu 15(3) tad-WPPT huwa irrilevanti. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li kull parti kontraenti tista’ tiddikjara, b’notifika ppreżentata lid-Direttur Ġenerali tad-WIPO, li hija sejra tapplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (1) biss għar-rigward ta’ xi utenti partikolari, jew li sejra tillimita l-applikazzjoni bi kwalunkwe mod ieħor, jew li mhux ser tapplika ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, l-Unjoni Ewropea ma ppreżentat ebda notifika f’dan is-sens. F’dan ir-rigward, huwa wkoll impossibbli għaliha li tinvoka l-Artikolu 16 tad-WPPT. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jippermetti lill-partijiet kontraenti jipprovdu biss, fir-rigward tad-drittijiet relatati, limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet li huma diġà previsti għad-drittijiet tal-awtur. Għalhekk, din ma hijiex dispożizzjoni li tipprovdi limitazzjoni indipendenti u xi eċċezzjonijiet għad-drittijiet relatati biss. It-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni lanqas ma jista’ waħdu jservi bħala bażi għal limitazzjoni jew għal eċċezzjoni. Fil-fatt, dan ma jipprovdix għal possibbiltà ta’ limitazzjoni jew eċċezzjoni imma għall-kuntrarju jillimita l-flessibbiltà tal-partijiet kontraenti rigward l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti mid-WPPT.

142. Bħala konklużjoni intermedja, għandu jiġi deċiż li l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-flessibbiltà li għandhom l-Istati Membri għandu wkoll jiġi miċħud.

iv)    L-effetti ta’ miżata għal xandir

143. Fl-aħħar nett, meta l-Gvern Grieg josserva li, f’xi Stati Membri, titħallas miżata għal xandir, li l-lukandi wkoll huma obbligati jħallsu, din l-indikazzjoni ma hijiex, fiha nnifisha, konvinċenti. Fil-fatt, safejn din il-miżata ma tintużax sabiex tingħata remunerazzjoni ekwa lill-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u lill-produtturi ta’ fonogrammi, bħall-finanzjament ta’ servizz pubbliku ta’ xandir, l-eżistenza ta’ dik il-miżata ma tistax tiġi invokata għad-detriment tal-imsemmija artisti.

v)      Konklużjoni

144. Għalhekk, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn xandar ikun diġà ħallas remunerazzjoni ekwa għall-użu ta’ fonogrammi fix-xandira, lukandier li, fil-kmamar tal-lukanda, jipprovdi lill-klijenti tiegħu b’aċċess għal xandiriet tar-radju u tat-televiżjoni u, b’hekk, jikkomunika indirettament lill-pubbliku l-fonogrammi użati f’dawk ix-xandiriet, għandu wkoll iħallas remunerazzjoni ekwa għal dan.

3.      Konklużjoni

145. Fil-qosor, għandu jiġi deċiż li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li lukandier li jqiegħed apparat tat-televiżjoni jew tar-radju fil-kmamar u jittrasmetti sinjal lilhom għandu minħabba f’hekk iħallas remunerazzjoni ekwa peress li huwa jikkomunika indirettament lill-pubbliku l-fonogrammi użati fix-xandiriet, anki jekk, min-naħa tagħhom ix-xandara jkunu diġà ħallsu remunerazzjoni ekwa talli jkunu użaw dawk il-fonogrammi fix-xandiriet tagħhom.

VIII – It-tielet domanda preliminari

146. Meta tagħmel it-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115 jippermettix lill-Istati Membri li jeżentaw lukandiera mill-obbligu li jħallsu “ħlas uniku ekwu”. Dan jimplika li l-komunikazzjoni indiretta lill-pubbliku ta’ fonogrammi permezz tal-apparat tar-radju u tat-televiżjoni jikkostitwixxi “użu privat” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

A –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

147. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115 ma huwiex applikabbli f’każ bħal dan. Bħala riżultat tas-sentenza SGAE, f’dan il-każ, ma hemmx użu privat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-lukanda tuża l-fonogrammi għall-finijiet kummerċjali għaliex hija tikkomunikahom lill-pubbliku għal skop ta’ lukru. In-natura privata tal-użu mill-klijent tal-lukanda jew tal-post tal-użu ftit hija importanti. Xorta waħda, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/115, li għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, ma jippermettix restrizzjonijiet għad-dritt ta’ remunerazzjoni ekwa u għalhekk ma huwiex eċċezzjoni wiesgħa daqs id-dispożizzjoni Irlandiża. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tissodisfax it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(3) tad-Direttiva.

148. Skont l-Irlanda u l-Gvern Grieg, kif ukoll il-Kummissjoni, l-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115 jippermetti lil Stat Membru jipprovdi eċċezzjoni bħad-dispożizzjoni Irlandiża. L-Irlanda u l-Gvern Grieg l-ewwel nett josservaw li l-użu mill-klijenti ta’ lukanda ta’ apparat tar-radju u tat-televiżjoni li jitqiegħed fil-kmamar ta’ lukanda jiffurmaw parti mill-isfera privata protetta mid-drittijiet fundamentali. Skont l-Irlanda, dan għandu jkun ibbażat fuq it-telespettaturi individwali fi kmamar differenti. Is-sentenza SGAE ma hijiex applikabbli f’dan il-każ. Xorta waħda, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx bħala inkompatibbli li l-kmamar ta’ lukanda jkollhom natura privata u l-fatt li xorta hemm komunikazzjoni lill-pubbliku. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispjega li d-Direttiva 2006/115 ma tipprovdix definizzjoni tal-kunċett ta’ użu privat u li, għalhekk, Stat Membru huwa liberu li jiddefinixxi ċerti żoni bħala privati fis-sens tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2006/115. Barra minn hekk, skont l-Irlanda u l-Kummissjoni, it-tliet kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2006/115 ma jipprekludux l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1)(a).

B –    Kunsiderazzjonijiet ta’ dritt

149. L-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu limitazzjonijiet għad-drittijiet imsemmija fil-Kapitolu II, li jinkludu wkoll id-dritt għal remunerazzjoni ekwa previst fl-Artikolu 8(2), meta jkun hemm użu privat.

150. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’każ bħal dan, huwa impossibbli li l-obbligu ta’ lukandier li jħallas remunerazzjoni ekwa jiġi limitat għall-komunikazzjoni ta’ fonogrammi lill-pubbliku.

151. Fil-fatt, fil-kuntest tal-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115, dak li jgħodd huwa l-evalwazzjoni tal-użu rispettiv. Sussegwentement, hija n-natura pubblika jew privata tal-użu rispettiv, u mhux dak tal-post ta’ dak l-użu, li hija deċiżiva (40).

152. L-użu tal-fonogrammi li, f’din il-kawża, jagħti lok għad-dritt ta’ remunerazzjoni ekwa skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, huwa l-użu mil-lukandier fil-forma ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Dan l-użu ma jidhirx li jista’ jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115, għaliex użu minn lukandier fil-forma ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ma tantx jista’ jiġi kkunsidrat fl-istess waqt bħala użu privat mill-istess persuna. Fil-fatt, it-termini “privat” u “pubbliku” huma manifestament opposti għal xulxin (41).

153. Madankollu, il-kwistjoni ta’ jekk l-aġir ta’ klijent ta’ lukanda fil-kamra tiegħu tistax tiġi kkunsidrata bħala użu privat ma hijiex rilevanti f’din il-kawża. Din il-kawża ma tirrigwardax l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva għal użu minn klijent, iżda l-użu minn lukandier. Fil-fatt, f’każ bħal dak inkwistjoni, l-użu tal-fonogrammi minn lukandier jista’ jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku, filwaqt li, għall-klijent tal-lukanda, jista’ jkun każ ta’ użu privat. Jidhirli li huwa wkoll f’dan is-sens li għandhom jiftehmu l-ispjegazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SGAE, fejn, minkejja r-riferiment għan-natura privata tal-kmamar ta’ lukanda, hija kkunsidrat li kien hemm komunikazzjoni lill-pubbliku (42).

154. Sabiex tiġi opposta din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115 ma jistax jiġi argumentat li din ser ittellef kull effett prattiku ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, din tal-aħħar tibqa’ żżomm kamp ta’ applikazzjoni awtonomu, u dan, għal użi oħra minbarra komunikazzjoni lill-pubbliku, bħall-iffissar fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/115.

155. Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-approċċ tal-Kummissjoni li, minħabba n-nuqqas ta’ definizzjoni legali tal-kunċett ta’ użu privat fl-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115, l-Istati Membri għandhom bħala regola ġenerali d-dritt li jiddefinixxu ċerti żoni bħala privati fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. L-ewwel nett, il-kunċett ta’ użu privat fis-sens tal-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115 huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod konsistenti fl-Unjoni kollha (43). Għalhekk, in-nuqqas ta’ definizzjoni fid-Direttiva ma jfissirx neċessarjament li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesgħa biex jinterpretaw il-kunċett ta’ użu privat. Kif spjegajt iktar ’il fuq, f’din il-kawża, din ma hijiex dispożizzjoni li għandha intensità normattiva tant baxxa li tippermetti lill-Istati Membri diskrezzjoni wiesgħa sabiex jagħtuha kontenut fil-qafas iffissat mid-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, il-kunċett ta’ użu privat huwa wieħed ċar u preċiż daqs il-kunċett ta’ komunikazzjoni “lill-pubbliku”, għaliex kull wieħed minnhom jeskludi lill-ieħor.

156. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn lukandier jikkomunika fonogrammi lill-pubbliku, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li huwa jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu li jħallas remunerazzjoni ekwa, għaliex dan ma huwiex każ ta’ użu privat mil-lukandier.

IX – Ir-raba’ domanda preliminari

157. Fir-raba’ domanda tagħha il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk lukandier li jipprovdi, fil-kamra ta’ klijent, mezz (minbarra apparat tat-televiżjoni jew tar-radju) u fonogrammi f’forma fiżika jew diġitali, li jistgħu jiġu mxandra jew jinstemgħu bl-għajnuna ta’ dak il-mezz, huwiex “utent” li jwettaq “komunikazzjoni lill-pubbliku” tal-fonogrammi fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

A –    Argumenti prinċipali tal-partijiet

158. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-risposta għal din id-domanda hija fl-affermattiv. Huwa ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, f’każ bħal dan, lukandier ikun iwettaq komunikazzjoni lill-pubbliku lejn il-klijenti tal-lukanda li, kieku kien mod ieħor, ma kienx ikollhom aċċess għal dawn il-fonogrammi. F’dan il-każ, ma għandniex sempliċement tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet għal komunikazzjoni li, skont il-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29, ma għandux jitqies bħala komunikazzjoni.

159. Skont l-Irlanda, il-Gvern Grieg, kif ukoll skont il-Kummissjoni, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv. Il-Gvern Grieg jirreferi għall-kummenti tiegħu dwar l-ewwel domanda. L-Irlanda u l-Kummissjoni jikkunsidraw li ma hemmx komunikazzjoni lill-pubbliku meta l-lukandier iqiegħed apparat ta’ riproduzzjoni u fonogrammi għad-dispożizzjoni tal-klijent u li, għalhekk, il-lukandier ma’ jkunx utent li għandu jħallas remunerazzjoni skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/155.

B –    Kunsiderazzjonijiet ta’ dritt

160. Meta tagħmel ir-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk lukandier li jipprovdi, fil-kamra ta’ klijent, mezz (minbarra apparat tat-televiżjoni jew tar-radju) u fonogrammi f’forma fiżika jew diġitali għandux iħallas remunerazzjoni ekwa skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, hija tippreċiża li dan ma jirrigwardax il-każijiet ta’ trażmissjoni interattiva jew ta’ trażmissjoni fuq talba. F’dan ir-rigward, huwa wkoll importanti li jkun magħruf jekk, f’dan il-każ, il-lukandier jużax il-fonogrammi għal komunikazzjoni lill-pubbliku. Ser neżamina qabel xejn il-kunċett ta’ komunikazzjoni (1), qabel ma neżamina l-kunċett ta’ komunikazzjoni “lill-pubbliku” (2).

1.      Il-kunċett ta’ komunikazzjoni

161. Kif diġà spjegajt hawn fuq (44), hemm komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 meta jkun hemm trażmissjoni indiretta jew diretta tal-ħsejjes iffissati f’fonogramma jew rappreżentazzjoni tal-ħsejjes b’xi mezz ieħor, li tinkludi wkoll il-fatt li jkunu jistgħu jinstemgħu lill-pubbliku il-ħsejjes jew ir-rappreżentazzjonijiet tal-ħsejjes iffissati fuq fonogramma. Għalhekk, ma tantx huwa importanti li l-ħsejjes fissi fuq il-fonogramma jkunu jistgħu jinstemgħu (45).

162. Għalhekk, f’każ bħal dak inkwistjoni, fejn il-lukandier iqiegħed għad-dispożizzjoni lill-klijenti mhux biss il-mezzi ta’ riproduzzjoni, iżda wkoll il-fonogrammi, jidhirli li l-elementi li jikkostitwixxu komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 huma preżenti.

163. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, bħala prinċipju, il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma għandux jiġi interpretat f’sens usa’ mill-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipprovdi livell ogħla ta’ protezzjoni lid-drittijiet tal-awtur milli lid-drittijiet relatati tal-produtturi ta’ fonogrammi u tal-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u li, għalhekk, ikun kuntrarju għas-sistema ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur li jingħataw drittijiet ikbar lill-produtturi ta’ fonogrammi u lill-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 milli lill-awturi skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Għalhekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-premessi 23 u 27 tad-Direttiva 2001/29.

164. Madankollu, f’din il-kawża, il-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29 ma tipprekludix li jiġi kkunsidrat li hemm komunikazzjoni. Fil-fatt, din il-premessa għandha tinftiehem fis-sens li l-persuni li jqegħdu għad-dispożizzjoni apparat ta’ riproduzzjoni mingħajr ma, fl-istess ħin, jikkontrollaw l-aċċess għax-xogħlijiet protetti, ma jwettqux, b’danakollu, komunikazzjoni lill-pubbliku. Pereżempju dan huwa l-każ meta apparat tat-televiżjoni jew tar-radju jinbigħ jew jinkera jew meta min jipprovdi servizzi tal-internet sempliċiment jipprovdi l-aċċess għall-internet. Madankollu, f’każ bħal dak inkwistjoni, il-lukandier ma jillimitax ruħu sabiex iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu l-apparat ta’ riproduzzjoni. Għall-kuntrarju, huwa jqiegħed ukoll, b’mod intenzjonat, fonogrammi għad-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu u jipprovdilhom ukoll aċċess dirett għall-ħsejjes irreġistrati fuq il-fonogrammi.

165. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkunsidrat li lukandier li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu mhux biss l-apparat ta’ riproduzzjoni, imma wkoll il-fonogrammi jagħmel aċċessibbli u disponibbli għas-smigħ ix-xogħlijiet protetti li huma ffissati fuq il-fonogrammi, b’tali mod li jkun hemm komunikazzjoni lill-pubbliku kemm fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

2.      Il-kunċett ta’ komunikazzjoni “lill-pubbliku”

166. Kif spjegajt iktar ’il fuq (46), bħala regola, il-kunċett ta’ komunikazzjoni “lill-pubbliku” użat fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat b’mod identiku fiż-żewġ dispożizzjonijiet, b’tali mod li huwa possibbli li jiġu applikati l-kriterji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SGAE.

167. Anki meta apparat u fonogrammi jkunu pprovduti f’forma fiżika jew diġitali, il-fonogrammi jkunu kkomunikati lil udjenza ġdida, li, fil-każ ta’ tibdil ta’ spiss ta’ klijenti f’lukanda, iwassal għal effett kumulattiv u għal disponibbiltà sinjifikattiva.

168. Barra minn hekk, il-fatti huma paragunabbli ma’ dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza SGAE, peress li lukandier, li fl-għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu jipprovdi lill-klijenti tiegħu aċċess għal xogħlijiet protetti għandu l-għan li jagħti pjaċir lil udjenza wiesgħa. Barra minn hekk, f’din il-kawża, il-fatt li jiġi pprovdut l-aċċess għal xogħlijiet protetti huwa servizz addizzjonali pprovdut bil-għan li jsir xi qligħ, u, għalhekk, x’aktarx li jaffettwa l-prezz tal-kamra.

169. Il-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29 lanqas ma tista’ tipprekludi l-kunsiderazzjoni li hemm komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

170. L-ewwel nett, din il-premessa hija maħsuba biss biex tippreċiża li l-espressjoni “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma għandhiex tkopri r-rappreżentazzjonijiet jew l-eżekuzzjonijiet diretti tax-xogħol (47). F’din il-kawża, ma hemmx rappreżentazzjoni jew eżekuzzjoni diretta ta’ xogħol.

171. It-tieni nett, fi kwalunkwe każ, huwa impossibbli li din l-idea tiġi applikata għall-komunikazzjoni ta’ fonogramma fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Fil-fatt, il-kunċett ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest speċifiku ta’ din id-dispożizzjoni u għalhekk tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 15 u tal-Artikolu 2(g) tad-WPPT. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, hemm komunikazzjoni ta’ fonogrammi meta l-ħsejjes iffissati fuq fonogramma jkunu jistgħu jinstemgħu mill-pubbliku. B’din id-definizzjoni, il-partijiet kontraenti tad-WPPT riedu jippreċiżaw li hemm komunikazzjoni lill-pubbliku wkoll fis-sens tal-Artikolu 15 tal-WPPT meta l-komunikazzjoni ta’ fonogramma ssir quddiem pubbliku li jkun preżenti fil-post tal-komunikazzjoni (48).

172. Għal eżami iktar iddettaljat tat-tifsira tal-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29 għall-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, nirreferi għall-punti 90 sa 109, kif ukoll 114 sa 125, tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża SCF Consorzio Fonografici.

173. Għalhekk, f’każ bħal dak inkwistjoni, hemm ukoll komunikazzjoni “lill-pubbliku”.

3.      Il-kunċett ta’ utent

174. Kif spjegajt hawn fuq (49), kull persuna li tikkomunika l-fonogrammi lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandha tiġi kkunsidrata bħala utent għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni.

4.      Konklużjoni

175. Għalhekk, għandu jiġi deċiż bħala konklużjoni li lukandier li jipprovdi, fil-kmamar tal-klijenti, apparat ta’ riproduzzjoni u fonogrammi fil-forma fiżika jew diġitali, juża dawk il-fonogrammi għal komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 u għandu, għalhekk, iħallas remunerazzjoni ekwa skont l-imsemmija dispożizzjoni.

X –    Il-ħames domanda preliminari

176. Meta tagħmel il-ħames domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li r-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/115 jippermettix lill-Istati Membri li jeżentaw lill-operaturi ta’ lukandi mill-obbligu li jħallsu “ħlas uniku ekwu” peress li dan huwa “użu privat” fis-sens tal-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115.

A –    Argumenti prinċipali tal-partijiet

177. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandha tingħata risposta negattiva għal din id-domanda, għall-istess raġunijiet li japplikaw għat-tielet domanda. Skont l-Irlanda u l-Gvern Grieg, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv. L-Irlanda ssostni li, f’każ bħal dak inkwistjoni, hemm użu privat. Il-Gvern Grieg jirreferi għall-argumenti tiegħu invokati fir-rigward tat-tielet domanda. Skont il-Kummissjoni, fid-dawl tar-risposta għar-raba’ domandi preliminari, ma huwiex neċessarju li din l-aħħar domanda tiġi eżaminata.

B –    Kunsiderazzjonijiet ta’ dritt

178. Ir-risposta għall-ħames domanda preliminari għandha tkun fin-negattiv. Kif diġà rriżulta mill-osservazzjonijiet rigward it-tielet domanda, meta hemm użu f’forma ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, ir-restrizzjoni rigward użu privat, prevista fl-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115, ma tistax tiġi applikata.

XI – Konklużjoni

179. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari:

“1)      L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (verżjoni kodifikata) jew tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam ta’ proprjetà intellettwali, għandu jiġi intepretat fis-sens li l-operatur ta’ lukanda jew ta’ guesthouse li jipprovdi apparat tat-televiżjoni jew tar-radju fil-kmamar u li jiddistribwilhom sinjal ta’ xandir juża l-fonogrammi riprodotti fix-xandiriet għal komunikazzjoni indiretta lill-pubbliku.

2)      F’każ bħal dan, meta jittrasponu d-Direttiva 2006/115 jew id-Direttiva 92/100, l-Istati Membri huma marbuta li jimponu obbligu ta’ remunerazzjoni ekwa lill-operatur tal-lukanda jew ta’ guesthouse, anki jekk ix-xandara jkunu diġà ħallsu remunerazzjoni ekwa għall-użu tal-fonogrammi fix-xandiriet tagħhom.

3)      L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jew tad-Direttiva 92/100 għandu jiġi interpretat fis-sens li operatur ta’ lukanda li jqiegħed għad-dispożizzjoni fil-kmamar tal-klijenti apparat ta’ riproduzzjoni ta’ fonogrammi, barra minn apparat tat-televiżjoni jew tar-radju u fonogrammi, f’forma fiżika jew diġitali, li jistgħu jiġu riprodotti permezz ta’ dak l-apparat, juża dawn il-fonogrammi għal komunikazzjoni lill-pubbliku.

4)      L-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115 jew tad-Direttiva 92/100 għandu jiġi interpretat fis-sens li operatur ta’ lukanda jew ta’ guesthouse li juża fonogramma għal komunikazzjoni lill-pubbliku ma jagħmilx użu privat u ma hijiex possibbli eċċezzjoni għall-obbligu li titħallas remunerazzjoni ekwa skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, anki jekk l-użu mill-klijent, fil-kamra tiegħu, huwa ta’ natura privata.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120.


3 – ĠU L 376, p. 28.


4 –      Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006 (C‑306/05, Ġabra p. I‑11519).


5 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.


6 –      Nota li ma hijiex rilevanti għall-verżjoni Maltija.


7 – Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-16 ta’ Marzu 2000, dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat WIPO dwar id-Dritt tal-Awtur u tat-Trattat WIPO dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).


8 – Billi bbażajt fuq it-terminoloġija użata fit-TUE u t-TFUE, jiena nuża l-frażi “dritt tal-Unjoni” sabiex nirreferi kemm għad-dritt Komunitarju kif ukoll għad-dritt tal-Unjoni. Iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser niċċita d-dispożizzjonijiet ta’ liġi primarja applikabbli ratione temporis.


9 – Sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, Ġabra p. I‑5357, punt 35); tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, Ġabra p. I‑1029, punt 31); u tad-9 ta’ Diċembru 2010, Combinatie Spijker Infrabouw vs De Jonge Konstruktie et (C‑568/08, Ġabra p. I‑12655, punt 87).


10 – ĠU L 372, p. 12.


11 Sentenza tas-6 ta’ Frar 2003 (C-245/00, Ġabra p. I‑1251).


12 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


13 – Ibidem, punt 36.


14 – Ibidem, punt 36.


15 – Ibidem, punt 37. F’dan ir-rigward, hija qabelxejn invokat is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Mediakabel (C‑89/04, Ġabra p. I‑4891, punt 30), fejn, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), hija interpretat il-kunċett ta’ xandir tat-televiżjoni fis-sens li x-xandir ta’ programmi televiżivi mmirati lill-pubbliku għandhom ikunu intiżi għal numru mhux determinat ta’ telespettaturi potenzjali. Sussegwentement, hija invokat is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, Lagardère Active Broadcast (C‑192/04, Ġabra p. I‑7199, punt 31), fejn, fir-rigward tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134), hija interpretat il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita fis-sens li din għandha tkun intiża għal numru mhux determinat ta’ telespettaturi potenzjali.


16 – Sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 et seq.


17 – Ibidem, punt 40.


18 – Ibidem, punt 41.


19 – Ibidem, punt 42.


20 – Ibidem, punt 43.


21 – Ibidem, punt 44.


22 – Ibidem, punti 45 et seq.


23 – Sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31.


24 – Sentenza SENA, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 11, punt 34.


25 – Ibidem, punti 34 sa 38.


26 – Sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑61/94, Ġabra p. I‑3989, punt 52); u SGAE (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 35). Ara f’dan ir-rigward F. Rosenkranz, “Die völkerrechtliche Auslegung des EG-Sekundärrechts dargestellt am Beispiel des Urheberrechts”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, 2007, p. 238 et seq, b’mod partikolari p. 239 et seq.


27 – Ara l-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28 – J. Reinbothe u S. Lewinski, The E.C. Directive on Rental land Lending Rights and on Piracy, Sweet & Maxwell 1993, p. 97.


29 – L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jipprovdi għal dritt bħal dan biss fil-każ ta’ trażmissjoni diretta. F’dan ir-rigward, il-partijiet kontraenti tad-WPPT marru lil hinn mill-Konvenzjoni ta’ Ruma.


30 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 67 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston, tat-13 ta’ Lulju 2006, fil-Kawża SGAE (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), kif ukoll il-punt 22 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola, tad-9 ta’ Settembru 1999, fil-Kawża Egeda (sentenza tat-3 ta’ Frar 2000, C‑293/98, Ġabra p. I‑629).


31 – Sentenza SGAE (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 45 et seq).


32 – F’dan ir-rigward, jiena nirreferi għall-punti 90 sa 109, u wkoll għal punti 114 sa 125 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża SCF Consorzio Fonografici, fejn jiena nittratta din il-kwistjoni.


33 – Ara l-punti 66 sa 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34 – F’dan is-sens ukoll, M. Walter u S. Lewinsky, European Copyright Law, Oxford University Press, 2010, p. 989.


35 – WIPO, WIPO Intellectual Property Handbook, 2004, p. 318.


36 – Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ kif l-espressjoni “lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fil-każ ta’ apparat ta’ riċezzjoni u jekk din l-interpretazzjoni tistax tiġi applikabbli għall-espressjoni “lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, ara l-punti 114 sa 125 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża SCF Consorzio Fonografici.


37 – Għal iktar dettalji, nirreferi għall-punti 128 sa 135 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża SCF, fejn neżamina din il-kwistjoni.


38 – Ara l-punt 127 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39 – Ara l-punt 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40 – Ara F. E. Mahr, “Die öffentliche Wiedergabe von Rundfunksendung im Hotelzimmer”, Medien und Recht, 2006, p. 372 et seq, b’mod partikolari, p. 376, li josserva li ma huwiex il-post tal-komunikazzjoni li huwa deċiżiv, iżda l-att tal-isfruttar. Fil-fatt, in-natura privata tiddependi mil-limitazzjonijiet tekniċi tal-każ fil-kawża.


41 – Din it-teżi hija wkoll imsaħħa mid-duttrina fir-rigward ta’ espressjonijiet simili fid-dritt internazzjonali, ara S. Ricketon, u J. Ginsburg, International Copyright and Neighbouring Rights, Vol. I, Oxford, Edizzjoni II 2006, punt 12.02; li tirrigwarda madankollu t-Trattat ta’ Berna.


42 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 50 sa 54.


43 – Ara l-punti 78 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44 – Ara l-punti 85 sa 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45 – Ara wkoll il-punt 89 tal-konklużjonijiet.


46 – Ara l-punti 94 sa’ 110 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


47 – Ara l-kommunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE rigward il-pożizzjoni komuni meħuda mill-Kunsill fid-dawl tal-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-armonizzazzjoni ta’ diversi aspetti tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informatika (SEC/2000/1734 finali).


48 – S. Lewinsky, International Copyright and Policy, Oxford University Press, 2008, p. 481.


49 – Ara l-punti 114 sa 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet.