Language of document : ECLI:EU:C:2012:788

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-12 ta’ Diċembru 2012 (1)

Kawżi C‑201/11 P, C‑204/11 P u C‑205/11 P

Union of European Football Associations (UEFA),

Fédération internationale de football association (FIFA)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Xandir televiżiv – Televiżjoni mingħajr fruntieri – Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552/KEE – Direttiva 97/36/KE – Miżuri meħuda mill-Istat Membru dwar avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni televiżiva mill-ġdid – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-miżuri kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – Setgħa ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni – Kampjonat Ewropew tal-futbol tal-UEFA – Tazza tad-Dinja tal-FIFA – Dritt għall-proprjetà”






1.        Dawn l-appelli għandhom bħala suġġett tilwim li jikkonċerna prinċipalment l-estensjoni tal-eżami li għandha tagħmel il-Kummissjoni Ewropea tal-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà ta’ Stat Membru (iktar ’il quddiem il-“lista nazzjonali”) li jista’ jistabbilixxi kull Stat Membru skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552/KEE (2).

2.        L-għan tal-iskrizzjoni ta’ avveniment fuq il-lista nazzjonali huwa dak li jiżgura lil udjenza kbira l-possibbiltà li ssegwi dawk l-avvenimenti b’mod dirett jew b’mod iddifferit fuq it-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas. F’terminu ta’ tliet xhur min-notifika minn Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tivverifika l-kompatibbiltà tal-lista nazzjonali mal-liġi tal-Unjoni kif ukoll tinnotifikaha lill-Istati Membri l-oħra sabiex taċċerta r-rikonoxximent reċiproku tagħhom.

3.        Fil-Kawża C‑201/11 P, l-Union of European Football Associations (UEFA) qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Frar 2011, UEFA vs Il‑Kummissjoni (3), li biha l-Qorti Ġenerali kkonfermat il-validità tad-deċiżjoni 2007/730/KE (4), li fiha din tal-aħħar approvat l-iskrizzjoni tal-kampjonat Ewropew kollu tal-futbol tal-UEFA (iktar ’il quddiem l-“EURO”) fuq il-lista nazzjonali tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (iktar ’il quddiem ir-“Renju Unit”).

4.        Fil-Kawża C‑204/11 P, il-Fédération internationale de football association (FIFA) qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Frar 2011, FIFA vs Il‑Kummissjoni (5), li biha l-Qorti Ġenerali kkonfermat il-validità tad-Deċiżjoni 2007/479/KE (6), li fiha din tal-aħħar approvat l-iskrizzjoni tal-logħbiet kollha li jintlagħbu fil-kuntest tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA (iktar ’il quddiem it-“Tazza tad-Dinja”) fuq il-lista nazzjonali tar-Renju tal-Belġju.

5.        Fil-Kawża C‑205/11 P, il-FIFA qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Frar 2011, FIFA vs Il‑Kummissjoni (7), li biha l-Qorti Ġenerali kkonfermat il-validità tad-Deċiżjoni 2007/730, li fiha din tal-aħħar approvat l-iskrizzjoni tat-Tazza tad-Dinja kollha fuq il-lista nazzjonali tar-Renju Unit.

6.        Filwaqt li l-assoċċjazzjonijiet rikorrenti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli wettqet diversi żbalji ta’ liġi, il-motivi mqajma quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jkopru, prinċipalment, żewġ kwistjonijiet ġuridiċi li jistħoqqilhom eżami iktar fid-dettall. Minn naħa, għandha tiġi diskussa l-problema tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendatat. Min-naħa l-oħra, dawn l-appelli jirrikjedu analiżi tan-natura tas-sitwazzjoni ġuridika tal-organizzatur ta’ avvenimenti sportivi fid-dawl tal-liġijiet fundamentali tal-Unjoni.

7.        Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi enfażizzat li l-listi nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata, jikkostitwixxu atti li jirrigwardaw avvenimenti kbar kulturali u sportivi li għandhom portata ferm iktar wiesgħa mill-fenomenu tal-futbol. Fl-eżerċizzju tal-għażla tal-Istati Membri jidħlu, b’mod partikolari, fil-Belġju, il-finali tal-konkors tal-mużika tar-Reġina Eliżabetta u l-kampjonat taċ-ċikliżmu tal-Belġju, u, fir-Renju Unit, it-tazza tad-dinja tal-cricket u l-finali tat-tennis ta’ Wimbledon. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika tal-listi nazzjonali, meħuda fit-totalità tagħhom, il-motivazzjoni tad-deċiżjoniijiet tal-Kummissjoni għandha tiġi eżaminata b’mod globali sabiex jiġi evitat taqsim artifiċjali tal-atti inkwistjoni (8).

I –    Il-kuntest ġuridiku

8.        Skont il-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 (9):

“[...] huwa essenzjali li l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu miżuri sabiex jipproteġu d-dritt għall-informazzjoni u sabiex jiżguraw aċċess wiesa mill-pubbliku għax-xandir televiżiv [għat-trażmissjoni televiżiva mill-ġdid] ta avvenimenti nazzjonali jew mhux nazzjonali ta’ importanza kbira għas-soċjetà, bħal-logħob Olimpiku, it-Tazza tad-Dinja u l-kampjonat Ewropew tal-futbol; billi għal dan il-għan l-Istati Membri jżommu d-dritt li jieħdu l-miżuri kumpatibbli mal-liġi Komunitarja mmirati sabiex jirregolaw l-eżerċizzju ta drittijiet esklussivi tax-xandir [trażmissjoni mill-ġdid] għal avvenimenti bħal dawk mix-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom”.

9.        Skont l-Artikolu 3a(1) u (2) tad-Direttiva 89/552 emendata:

“1.      Kull Stat Membru jista jieħu miżuri skond il-liġi tal-Komunità sabiex jiżgura li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu ma jxandrux fuq bażi esklussiva avvenimenti li huma meqjusa minn dak l-Istat Membru li huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà b’tali mod li jċaħħdu proporzjon sostanzjali tal-pubbliku f’dak l-Istat Membru mill-possibiltà li jsegwu dawk l-avvenimenti permezz ta’ xandira diretta jew diferita fuq it-televiżjoni ta mingħajr ħlas. Jekk jagħmel dan, l-Istat Membru involut għandu jipprepara lista ta’ avvenimenti magħżula, nazzjonali jew mhux nazzjonali, li huwa jqis li huma ta’ mportanza kbira għas-soċjetà. Għandu jagħmel dan b’mod ċar u trasparenti fil-ħin xieraq u effettiv. Waqt li jagħmel dan, l-Istat Membru involut għandu wkoll jistabbilixxi jekk dawk l-avvenimenti għandhomx ikunu disponibbli permezz ta xandira diretta sħiħa jew parzjali, jew fejn huwa meħtieġ jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandira diferita sħiħa jew parzjali.

2.      L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha meħuda jew li għandhom jittieħdu skond il-paragrafu 1. Fi żmien perijodu ta tliet xhur minn-notifika, il-Kummissjoni għandha tivverifika li dawk il-miżuri jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità u għandha tikkomunikahom lill-Istati Membri l-oħra. Għandha tfittex l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 23a. Għandha minn hemm ’il quddiem tippubblika l-miżuri meħuda fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitàjiet Ewropej u mill-inqas darba fis-sena l-lista kkonsolidata tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri. […]”

II – Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, is-sentenzi kkontestati u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.      Bis-sentenza tagħha UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (T‑55/08), il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha invokati mill-UEFA kontra d-Deċiżjoni 2007/730. Bis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑385/07 u T‑68/08), il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha li l-FIFA kienet qajmet rispettivament kontra d-Deċiżjoniijiet 2007/479 u 2007/730.

11.      Bl-appell tagħha fil-Kawża C‑201/11 P, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ April 2011, il-UEFA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, tannulla parzjalment d-Deċiżjoni 2007/730 u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. Bl-appelli tagħha fil-Kawżi C‑204/11 P u C‑205/11 P, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ April 2012, il-FIFA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonferma, f’dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑385/07 u T‑68/08); li tannulla l-imsemmija sentenzi sa fejn huma japprovaw, rispettivament, l-iskrizzjoni tal-logħbiet “mhux primarji” tat-Tazza tad-Dinja fuq il-lista nazzjonali tar-Renju tal-Belġu u l-iskrizzjoni tal-logħbiet “mhux primarji” tat-Tazza tad-Dinja fuq il-lista nazzjonali tar-Renju Unit; li tagħti sentenza definittiva skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallas l-ispejjeż tal-FIFA involuti fl-ewwel istanza u fil-kuntest ta’ dawn l-appelli.

12.      Il-UEFA, il-FIFA, il-Kummissjoni, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Belġjan ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub u kienu preżenti għas-seduta li nżammet fit-13 ta’ Settembru 2012.

III – Osservazzjonijiet komuni għat-tliet appelli

13.      Il-kwistjoni ġuridika prinċipali li tqajmet fil-kawżi li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna l-kunċett tas-setgħa ta’ investigazzjoni fdata lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata, kunċett li jirriżulta mill-mudell tal-kompetenzi diskrezzjonali li jinsabu f’diversi livelli tal-proċess deċiżjonali fid-dritt tal-Unjoni. Kwistjoni oħra ta’ natura transversali u valida għal kull wieħed mit-tliet appelli tirrigwarda l-ksur allegat tad-dritt għall-proprjetà. Jiena nipproponi li niċċara dawn l-aspetti qabelxejn, sabiex iktar tard neżamina l-motivi li jifdal tat-tliet appelli.

A –    Fuq in-natura tal-kontroll tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata u fuq l-interpretazzjoni tal-portata ta’ dik id-dispożizzjoni

14.      Preliminarjament, infakkar li direttiva għandha torbot lil kull Stat Membru destinatarju f’dak li għandu x’jaqsam ir-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla tal-forom u l-metodi tal-implementazzjoni f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 89/552 emendata, jeħtieġ jitfakkar li l-għan ewlieni tagħha huwa dak li jiżgura x-xandir liberu ta’ xandiriet televiżivi (10). F’dan il-kuntest, id-Direttiva 89/552 emendata ma tipproċedix għal armonizzazzjoni kompleta tar-regoli dwar l-oqsma li għalihom tapplika, iżda tistabbilixxi regoli minimi għax-xandiriet li joriġinaw mill-Unjoni u li huma maħsuba sabiex jiġu riċevuti fiha (11).

15.      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 89/552 emendata hija bbażata fuq il-prinċipju tal-kontroll mill-Istat Membru li minnu joriġinaw ix-xandiriet ta’ programmi awdjoviżivi (12). F’dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata, jikkostitwixxu dispożittiv speċifiku, li jagħtu lill-Istati Membri poter li jistabbilixxu listi nazzjonali u jimplikaw, fil-każ ta’ trażmissjonijiet transkonfinali mill-ġdid, kontroll tal-osservanza, mix-xandara televiżivi li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom, l-aċċess tal-pubbliku ta’ Stat Membru ieħor għat-trażmissjoni mill-ġdid tal-avvenimenti meqjusa ta’ importanza kbira għas-soċjetà f’dak l-Istat Membru l-ieħor.

16.      Skont il-premess 18 tad-Direttiva 97/36, sabiex jipproteġu d-dritt għall-informazzjoni u jiżguraw l-aċċess wiesa’ mill-pubbliku għat-trażmissjoni televiżiva mill-ġdid ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira, l-Istati Membri għandhom kompetenza li tippermettilhom jirregolaw l-eżerċizzju tad-drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni mill-ġdid ta’ tali avvenimenti.

17.      F’dan il-każ, mill-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 emendata jirriżulta b’mod ċar li l-Istat Membru jista’ biss jistabbilixxi lista nazzjonali bl-għan li jiżgura t-trażmissjoni mill-ġdid tal-imsemmija avvenimenti fuq it-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas, bil-kundizzjoni li l-lista tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni. L-imsemmija dispożizzjoni tirregola għalhekk ir-rwoli rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-listi nazzjonali, jiġifieri l-kwistjoni tat-tqassim tal-kompetenza bejniethom.

18.      Għalhekk, skont id-Direttiva 89/552 emendata, l-Istati Membri jgawdu minn ċertu marġni ta’ manuvra sabiex jagħżlu l-miżuri li huma jikkunsidraw l-iktar adegwati sabiex jilħqu, fil-kuntest taċ-ċirkustanzi nazzjonali kulturali u soċjali, ir-riżultat stabbilit minn din id-direttiva. B’mod partikolari, l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata jikkonferixxi lill-awtoritajiet nazzjonali marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-lista nazzjonali, sakemm din il-kompetenza tkun eżerċitata skont l-għan fuq imsemmi tad-Direttiva 89/552 emendata, f’kundizzjonijiet li jirrispettaw l-eżiġenzi proċedurali hemm iddefiniti. L-imsemmija direttiva tipprovdi wkoll fil-premessa 21 tagħha (13) ċerti kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex avveniment jiġi kkwalifikat bħala ta’ importanza kbira għall-finijiet tal-iskrizzjoni tiegħu fil-lista nazzjonali. Madankollu, dawn huma x’aktarx kriterji ta’ natura assjoloġika, li jirriflettu l-partikolaritajiet tat-tradizzjonijiet u l-bżonnijiet tal-popolazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni.

19.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-kontroll li l-Kummissjoni hija awtorizzata teżerċita fuq l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membru fid-determinazzjoni tal-listi nazzjonali huwa limitat għat-tfittxija ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni hija fuq kollox marbuta sabiex tivverifika l-proċedura ta’ stabbiliment tal-listi nazzjonali fid-dawl tal-kriterji ta’ trasparenza u ta’ ċarezza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija marbuta li taċċerta li l-listi nazzjonali ma jipprovdux għal deroga għal-libertajiet fundamentali iktar wiesgħa minn dik aċċettata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-adozzjoni tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata. Hekk ukoll, il-Kummissjoni għandha tikkontrolla l-listi nazzjonali mill-perspettiva tal-prinċipji ġenerali, bħal ma hija l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità. Madankollu, huwa manifest, fil-fehma tiegħi, li l-kontroll tal-Kummissjoni għandu jkun ta’ natura oġġettiva kif ukoll ta’ portata limitata.

20.      F’dan ir-rigward, ninnota li mudell paragonabbli li jirriżulta mill-proċess deċiżjonali f’diversi livelli japplika wkoll f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħall-qasam tal-għajnuna mill-Istat, u b’mod partikolari, tas-servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali skont l-Artikolu 108 TFUE. Fil-fatt, il-portata tal-kontroll li l-Kummissjoni hija awtorizzata teżerċita bħala kontroll tad-deċiżjoniijiet nazzjonali li jistabbilixxu servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali hija limitata għal dik tal-iżball manifest (14). Tista’ ssir ukoll referenza b’analoġija għad-dritt dwar l-ambjent u t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-qasam tas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (15).

21.      F’dan il-każ, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jikkonferixxi lill-Kummissjoni biss setgħa ta’ investigazzjoni ta’ konformità tal-listi nazzjonali u mhux setgħa ta’ sostituzzjoni jew ta’ standardizzazzjoni li tkun tinkludi s-setgħa li tiffissa hija stess il-lista nazzjonali abbażi tal-proposti nazzjonali jirriżulta wkoll mix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 97/36.

22.      Għalhekk, fl-istadju tal-kumitat ta’ konċiljazzjoni, l-aċċess free-to-air għall-avvenimenti ta’ importanza kbira kien ġie kkunsidrat bħala prijorità mill-Parlament Ewropew (16). Is-soluzzjoni ta’ kompromess li ntlaħqet kienet ibbażata fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-interessi taċ-ċittadini, billi l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-listi nazzjonali li, wara n-notifika lill-Kummissjoni, huma reċiprokament rikonoxxuti mill-Istati l-oħra li, min-naħa tagħhom, jintrabtu li jipproteġu x-xandir free-to-air u mingħajr ħlas u “jekk meħtieġ jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali” b’mod iddifferit (17). Fil-fatt, l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni jikkostitwixxi stadju preliminari għall-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilita mill-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva 89/552 emendata.

23.      Ninnota, barra minn hekk, li, waqt il-modernizzazzjoni tar-regoli eżistenzi intiża sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni teknoloġika u kummerċjali tas-settur awdjoviżiv Ewropew permezz tad-Direttiva 2007/65/KE (18), il-mekkaniżmu ta’ stabbiliment ta’ listi nazzjonali mill-Istati Membri nżamm mingħajr modifika (19).

24.      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 emendata jintroduċi l-possibbiltà li jiġi ddeterminat, jekk ikun il-każ, jekk tip ta’ avveniment jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva permezz tal-proċedura msejħa ta’ “komitoloġija” stabbilita mill-Artikolu 23a tad-Direttiva 97/36. Il-kumitat ta’ kuntatt istitwit bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni jippermetti li jiġu organizzati konsultazzjonijiet u skambji regolari mal-parteċipanti kollha fis-suq tax-xandir televiżiv.

25.      Minn dan jirriżulta li, waqt il-proċess deċiżjonali tagħha, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma hija marbuta li tillimita ruħha għal awtomatiżmu fil-verifika tal-listi nazzjonali. Għall-kuntrarju, hija marbuta, fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li tirrispetta, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut l-obbligu impost fuq l-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ partikolari (20). Madankollu, tali kontroll ma jeskludix ir-repetizzjoni identika tal-formulazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoniijiet tagħha, meta l-kriterji li fid-dawl tagħhom il-Kummissjoni tivverifika l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri jibqgħu l-istess.

26.      Barra minn hekk, għandu jitfakkar l-estent tal-istħarriġ ġudizzjaru mwettaq fir-rigward tad-deċiżjoniijiet tal-Kummissjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

27.      Fil-fatt, billi s-setgħa li tgawdi l-Kummissjoni meta tipproċedi għall-verifika tal-listi nazzjonali hija limitata, l-istħarriġ li għandu jiġi eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fuq l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward lanqas ma jista’ jaqbeż l-istess limitu. Għalhekk, dan l-istħarriġ għandu neċessarjament jibqa’ ristrett u jillimita ruħu għall-eżami dwar jekk il-Kummissjoni kkonstatx jew ċaħditx korrettement l-eżistenza ta’ żball manifest min-naħa ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu jirrigwarda kemm l-osservanza mill-Kummissjoni tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti invokati u l-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, ta’ żball ta’ liġi jew ta’ użu ħażin ta’ poter (21).

28.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjonijiet dwar il-possibbli restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali fil-kuntest tas-suq intern, li jitqajmu fl-appelli li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk, naħseb li huwa utili jitfakkar xi kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali dwar it-tenur tad-Direttiva 89/552 emendata.

29.      Qabelxejn, minkejja li d-Direttiva 89/552 emendata għandha l-għan li toħloq kuntest legali għall-attività ta’ xandir televiżiv fis-suq intern, jidher li, meta adotta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3a ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirrikkonċilja l-għan tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tax-xandir televiżiv u dik tal-protezzjoni tad-dritt għall-informazzjoni fil-kuntest tad-diversità kulturali tal-Istati Membri.

30.      Għalhekk, mill-istruttura ġenerali tad-Direttiva 89/552 emendata jirriżulta li huwa għal raġunijiet marbuta mal-aċċess liberu ta’ pubbliku numeruż għall-avventimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà li ġiet ammessa l-possibbiltà ta’ restrizzjoni riżultanti mill-kontroll, mill-Istati Membri, tal-eżerċizzju tad-drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni mill-ġdid ta’ tali avvenimenti. Fil-fatt, l-iskrizzjoni ta’ ċerti avvenimenti fil-lista nazzjonali, skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata, jista’ jkollha l-effett li tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi mix-xandara televiżivi.

31.      Għalhekk, huwa evidenti li restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi kienet maħsuba bħala konsegwenza inerenti għas-setgħa mogħtija lill-Istati Membri li jistabbilixxu l-listi nazzjonali. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li din ir-restrizzjoni kienet intqieset mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala indispensabbli sabiex jiġi żgurat l-aċċess ta’ pubbliku numeruż għall-avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà skont id-Direttiva 89/552 emendata. Bħala tali, hija għandha tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata u, konsegwentement, proporzjonata, bil-kundizzjoni li jiġu osservati mill-Istati Membri l-kundizzjonijiet iffissati għall-istabbiliment ta’ listi nazzjonali, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-Kummissjoni.

32.      Fil-fatt, billi l-leġiżlatur wettaq huwa stess l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni bħala mezz adegwat sabiex jiġi żgurat id-dritt għall-informazzjoni, il-kompitu li għandha twettaq il-Kummissjoni huwa limitat għall-verifika jekk, meta jadottaw il-listi nazzjonali, l-Istati Membri qagħdux fil-limiti tal-kompetenza tagħhom stabbilita mill-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata, jiġifieri li tikkontrolla, minbarra l-proċedura nazzjonali tal-istabbiliment tal-listi msemmija, jekk l-avvenimenti magħżula jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ta’ importanza kbira għas-soċjetà.

B –    Fuq id-dritt għall-proprjetà

33.      It-tieni aspett notevoli ta’ dawn l-appelli huwa marbut mal-problema tad-dritt għall-proprjetà fil-qasam tal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet sportivi. Fil-fatt, il-kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-relazzjoni bejn is-settur tal-isport u l-mezzi tax-xandir saru kruċjali peress li d-drittijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid saru sors ewlieni ta’ dħul għall-isport professjonali fl-Ewropa. F’dan il-każ, kemm il-UEFA kif ukoll il-FIFA qajmu fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u fis-seduta l-problema tal-ksur tad-dritt għall-proprjetà f’dan ir-rigward. Fid-dawl tal-istatus partikolari ta’ organizzatur ta’ avvenimenti sportivi, għandha tiġi kkunsidrata n-natura tad-dritt li tiegħu huma jallegaw l-eżistenza u l-ksur, sabiex imbagħad ikunu jistgħu jiġu analizzati l-konsegwenzi legali li jirriżultaw.

34.      F’dan il-każ, huwa minnu li, bħala korpi ta’ tmexxija tal-futbol Ewropew u internazzjonali, il-UEFA u l-FIFA huma organizzazzjonijiet emblematiċi f’dan il-qasam tal-isport. It-tnejn li huma huma proprjetarji ta’ drittijiet differenti ta’ proprjetà intellettwali, li jipprovdulhom sors ta’ dħul li huma jużaw sabiex jiffinanzjaw avvenimenti kbar sportivi u jippromwovu l-iżvilupp tal-isport fit-tul (22).

35.      Madankollu, quddiem l-Qorti Ġenerali, il-UEFA u l-FIFA invokaw telf ta’ dħul mid-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżiva mill-ġdid, li tagħhom huma l-proprjetarji esklużivi, għar-raġuni li ċ-ċirku ta’ persuni interessati f’tali tranżazzjoni kien ser jonqos sostanzjalment (23). Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huma sostnew li tali restrizzjoni fuq id-dritt tagħhom għall-proprjetà ma hijiex iġġustifikata, b’tali mod li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

36.      Qabelxejn, jekk huwa meħtieġ li l-ksur allegat jiġi eżaminat permezz tal-priżma tad-dritt nazzjonali taż-żewġ Stati Membri kkonċernati, ninnota li l-ebda protezzjoni li taqa’ taħt il-kunċett tad-dritt għall-proprjetà ma tista’ tingħata lill-imsemmija organizzazzjonijiet bħala tali. Fil-fatt, kif ikkonfermaw ir-rappreżentanti tal-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Belġjan, anki jekk il-kunċett tad-dritt għall-proprjetà jkopri kemm il-jus in re kif ukoll id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, il-UEFA u l-FIFA ma jistgħux jinvokawhom kontra terzi (24). Interpretati minn dan l-angolu, l-allegazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistgħux jintlaqgħu u, konsegwentement, il-motivi diretti kontra l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward ikunu ineffettivi. Skont id-dritt nazzjonali applikabbli, is-sitwazzjoni kienet tkun differenti li kieku dritt esklużiv, li jirrigwarda l-isfruttar ta’ avvenimenti sportivi, kien iggarantit lil organizzaturi ta’ avvenimenti sportivi. Fil-fatt, dan huwa l-każ f’ċerti Stati Membri u pajjiżi terzi (25).

37.      Imbagħad, billi, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, kemm il-UEFA kif ukoll il-FIFA invokaw il-protezzjoni li tirriżulta mid-drittijiet fundamentali, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), “[k]ull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. […] Il-proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta”. L-ispjegazzjonijiet dwar dan l-artikolu jindikaw li dan jikkorrispondi għall-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 1”). Minn dan jirriżulta li, skont ma’ jipprovdi l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-dritt għall-proprjetà protett bl-Artikolu 17 tagħha għandu l-istess tifsira u l-istess portata bħad-drittijiet mogħtija lilhom mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (26).

38.      Infakkar li l-għan tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 jikkorrispondi għall-għan ta’ protezzjoni tal-individwu kontra kull ksur mill-Istat tar-rispett tal-beni tiegħu (27). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-persuna li tallega l-ksur tad-dritt għall-proprjetà hija obbligata li turi l-eżistenza ta’ tali dritt (28). Barra minn hekk, il-kunċett ta’ proprjetà taħt il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ma għandux tifsira legali unika. Konsegwentement, dan il-kunċett għandu jiġi ddefinit fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li għażlet interpretazzjoni wiesgħa tiegħu. Għalhekk, il-kunċett ta’ proprjetà “jista’ jkopri kemm il-‘beni attwali’ kif ukoll il-valuri patrimonjali, inkluż, f’ċerti sitwazzjonijiet iddefiniti tajjeb, krediti” (29). Skont l-approċċ klassiku, id-dritt għall-proprjetà fit-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 jinkludi għalhekk il-jus in re, il-jus ad personam kif ukoll id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

39.      Madankollu, għandu jitfakkar li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi magħquda FAPL u Murphy, l-avvenimenti sportivi, inkluż il-logħbiet tal-futbol, ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala invenzjonijiet intellettwali u dawn l-avvenimenti ma jistgħux jiġu protetti taħt id-dritt tal-awtur. Barra minn hekk, huwa paċifiku li d-dritt tal-Unjoni ma jipproteġihom taħt l-ebda titolu fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (30).

40.      Għalhekk, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti taħt il-Karta tikkorrispondi għall-pożizzjoni li l-UEFA u l-FIFA ħolqu fil-fatt u fid-dritt, minn naħa, permezz ta’ arranġamenti kuntrattwali konklużi, b’mod partikolari, mal-isportivi, l-ispettaturi, il-klabbs sportivi u x-xandara u, min-naħa l-oħra, permezz ta’ kontroll tal-aċċess għall-istejdjums, li jirriżulta mill-kuntratti konklużi mal-proprjetarji tagħhom, kif ukoll ta’ kontroll tal-apparat li jappartjeni lilhom.

41.      F’dan ir-rigward, billi l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “beni” fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 hija indipendenti fil-konfront tal-kwalifikazzjonijiet formali tad-dritt intern u għandha karattru iktar wiesa’ (31), il-pożizzjoni legali tal-UEFA u tal-FIFA tista’, fil-fehma tiegħi, tiġi mqabbla għal dritt għall-proprjetà fis-sens tal-Protokoll Nru 1 (32). L-eżistenza ta’ tali pożizzjoni legali jidhirli li hija preżunta mill-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata kif ukoll mill-premessa 21 tad-Direttiva 97/36 (33). Għalhekk, limitazzjoni mill-Istat tal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom tikkostitwixxi ndħil ta’ awtorità pubblika fil-beni tagħhom (34).

42.      Konsegwentement, anki jekk, billi ammettiet mingħajr eżitazzjoni l-eżistenza tad-dritt li l-UEFA u l-FIFA invokaw il-ksur tiegħu quddiemha, il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx in-natura tiegħu b’mod korrett, xorta waħda hija kienet korretta meta ċaħdet il-pretensjonijiet tagħhom billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza dwar ir-restrizzjonijiet li jistgħu jitqiegħdu fuq l-użu tad-dritt għall-proprjetà, l-istess bħad-dritt ta’ eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika taħt id-dritt tal-Unjoni (35).

43.      Fil-fatt, fid-dawl tal-ibbilanċjar tal-interessi li jitnisslu mid-Direttiva 89/552 emendata, jidhirli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jpoġġi limitazzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq id-dritt għall-proprjetà invokat mill-UEFA u mill-FIFA kemm abbażi tad-drittijiet fundamentali ta’ ħaddieħor, bħalma huwa d-dritt għall-informazzjoni, kif ukoll taħt l-interess ġenerali. Barra minn hekk, ninnota li d-dritt rikonoxxut f’dan il-każ huwa ’l bogħod mill-kunċett essenzjali tad-dritt għall-proprjetà suġġett għall-protezzjoni kontra interventi leġiżlattivi. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki meta d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali huma rikonoxxuti, il-proprjetarji tagħhom ma jgawdux garanzija li tippermettilhom li jitolbu l-ogħla remunerazzjoni possibbli (36). Barra minn hekk, billi d-dritt li l-eżistenza tiegħu hija invokata mill-UEFA u mill-FIFA ma huwiex iddefinit la fid-dritt nazzjonali u lanqas fid-dritt tal-Unjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jiddependi, essenzjalment, fuq id-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-limiti tiegħu, bħalma huwa l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata.

44.      Konsegwentement, l-evalwazzjoni mwettqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva 89/552 emendata, fis-sens li l-esklużività tad-dritt tal-organizzatur ta’ avveniment sportiv jista’ jkun limitat, ma tikkostitwixxix, fil-fehma tiegħi, ostakolu għat-tgawdija paċifika tal-beni jew kontroll illegali fuq l-użu tagħhom, fis-sens tal-Protokoll Nru 1 (37).

45.      Għaldaqstant, l-aggravji invokati fil-kuntest ta’ dawn l-appelli għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji.

IV – L-appell fil-Kawża C‑201/11 P

A –    Fuq l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑201/11 P

46.      Bl-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-UEFA tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet li jissemmew fl-Artikolu 3a(1) u (2) tad-Direttiva 89/552 emendata. Il-UEFA ssemmi, b’mod partikolari, il-punt 94 tas-sentenza UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u targumenta li l-Qorti Ġenerali ma kinitx korretta meta ddeċidiet li l-kundizzjoni tal-proċedura ċara u trasparenti ma għandha la l-għan u lanqas l-effett li tikkostrinġi lill-awtorità nazzjonali li tikxef ir-raġunijiet li għalihom hija ma segwietx il-parir jew l-osservazzjonijiet li tressqu quddiemha waqt il-proċedura ta’ konsultazzjoni.

47.      Qabelxejn, għandu jiġi osservat li l-imsemmi punt 94 tas-sentenza UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jinsab f’raġunament żviluppat mill-Qorti Ġenerali fil-punti preċedenti, li fihom hija tipprova tikkaratterizza l-proċeduri organizzat fuq il-livell nazzjonali għall-finijiet tal-istabbiliment tal-lista nazzjonali. Għaldaqstant, hija fakkret b’mod korrett, fil-punti 90 u 91 ta’ dik is-sentenza, li tali proċeduri għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi magħrufa minn qabel mill-persuni kkonċernati, b’mod li jiġi evitat li s-setgħa diskrezzjonali li jgawdu l-Istati Membri tiġi eżerċitata arbitrarjament (38). Barra minn hekk, hija fakkret li l-eżiġenza ta’ ċarezza u ta’ trasparenza timplika l-identifikazzjoni tal-organu kompetenti u tal-kundizzjonijiet li taħthom il-persuni jistgħu jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

48.      Fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata dwar l-estent tas-setgħa tal-Kummissjoni, li jiena tajt fil-punti 14 sa 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali għandu jiġi kkonfermat.

49.      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, mingħajr ma tippreżenta argumenti preċiżi u ddettaljati dwar l-iżball li allegatament jivvizzja r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, u billi tillimita ruħha sabiex tiċċita punt iżolat tas-sentenza UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-UEFA essenzjalment tirrepeti l-kritika li hija kienet diġà qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali fl-ewwel istanza kontra d-Deċiżjoni 2007/730, billi targumenta li l-Ministru għall-Kultura, il-Media u l-Isport tar-Renju Unit ċaħad l-opinjonijiet favorevoli ta’ diversi gruppi konsultattivi fil-kuntest tal-proċedura li huwa wettaq. Barra minn hekk, il-UEFA tindika li, fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi fir-rigward tal-lista nazzjonali tar-Renju Unit.

50.      Issa appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li qed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. Ma jweġibx għal dan ir-rekwiżit l-aggravju li, mingħajr ma jinkludi argument intiż speċifikament sabiex jidentifika l-iżball li bih hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata, huwa limitat sabiex jirriproduċi l-argumenti diġà ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, tali appell jikkostitwixxi fil-verità talba intiża sabiex tikseb sempliċi eżami mill-ġdid tat-talba ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, u dan imur lil hinn mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (39). Konsegwentement, l-ewwel parti tas-sitt aggravju hija inammissibbli.

51.      Bit-tieni parti tal-ewwel aggravju li fiha żewġ ilmenti separati, il-UEFA targumenta li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta kkonfermat il-klassifikazzjoni tal-EURO bħala avveniment ta’ importanza kbira għas-soċjetà.

52.      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-sempliċi aċċenn għall-EURO fil-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 għandu l-konsegwenza li l-Kummissjoni ma kellhiex bżonn li tobbliga lill-Istati Membri li jimmotivaw speċifikament id-deċiżjoni tagħhom li jinkludu l-kompetizzjoni kollha fil-lista nazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-analiżi tagħha stess għal dik tal-Kummissjoni fuq żewġ punti li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-EURO kollu bħala avveniment ta’ importanza kbira, jiġifieri, minn naħa, il-klassifikazzjoni tal-EURO bħala avveniment uniku u, min-naħa l-oħra, l-użu tal-elementi li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni.

53.      Qabelxejn, f’dak li jikkonċerna l-aggravju dwar l-interpretazzjoni tal-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, għandu jiġi nnutat li l-argumenti tal-UEFA huma bbażati fuq qari żbaljat tas-sentenza UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

54.      Ninnota li l-Qorti Ġenerali tirreferi diversi drabi għall-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, billi tfakkar l-interpretazzjoni ta’ dik il-premessa li hija wettqet fil-punti 44 sa 53 tas-sentenza UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod korrett, l-aċċenn għall-EURO bħala eżempju fost l-avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà ma jwassalx awtomatikament għall-kompatibbiltà mad-Dritt tal-Unjoni ta’ tali iskrizzjoni fil-lista nazzjonali. A fortiori, aċċenn għall-EURO fil-premessa 18 ma jfissirx li l-partijiet kollha tal-EURO jistgħu f’kull każ jiġu inklużi fil-lista nazzjonali irrispettivament mill-interess li dik il-kompetizzjoni tqajjem fl-Istat Membru kkonċernat. Għall-kuntrarju, skont il-Qorti Ġenerali, il-premessa 18 timplika li meta l-Istat Membru jinkludi l-logħbiet tal-EURO fil-lista nazzjonali, ma huwiex obbligat li jinkludi fin-notifika tiegħu lill-Kummissjoni motivazzjoni partikolari li tikkonċerna l-karattru tiegħu “bħala avveniment ta’ importanza kbira għas-soċjetà”.

55.      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddistingwiet b’mod korrett bejn, minn naħa, in-neċessità għal iskrizzjoni tal-EURO li tosserva każ b’każ il-kundizzjonijiet tad-Direttiva 97/36, kif jissemmew b’mod partikolari fil-premessa 21 tagħha, u, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni legali tal-EURO bħala avveniment ta’ importanza kbira għas-soċjetà mil-leġiżlatur innifsu. Għalhekk, fil-punt 120 tas-sentenza UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ikkritikat mill-UEFA fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod korrett li, fin-nuqqas ta’ motivazzjoni speċifika mill-Istat Membru li tiġġustifika l-karattru bħala avveniment ta’ importanza kbira għas-soċjetà, l-iskrizzjoni tal-logħbiet tal-EURO fil-lista nazzjonali ma tistax tiġi kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel aggravju għandu jinċaħad bħala infondat.

56.      Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-aggravji allegati, il-UEFA tikkritika l-konferma tan-natura unitarja tal-EURO mill-Qorti Ġenerali fil-punt 103 tas-sentenza UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, sa fejn il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha għal dan l-għan fuq elementi fattwali kompletament ġodda li ma jissemmewx fid-Deċiżjoni 2007/730 u li hija tat fil-punti 126 sa 135 ta’ dik is-sentenza.

57.      Fil-fatt, fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel motiv imqajjem fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 103 tas-sentenza UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li l-EURO hija kompetizzjoni li tista’ raġonevolment titqies bħala avveniment uniku pjuttost milli bħala serje ta’ avvenimenti individwali maqsuma f’logħbiet ta’ diversi livelli ta’ interess. Sussegwentement, fil-punti 126 sa 135 tal-imsemmija sentenza, fejn tirrispondi għat-tielet motiv imqajjem fl-ewwel istanza, u sabiex tiċħad l-argument li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi ma kkontestatx in-natura globali tal-EURO, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq ir-riżultati ta’ studji kkummissjonati mill-UEFA.

58.      F’dan ir-rigward, infakkar li mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss hija kompetenti, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-kostatazzjonijiet tagħha tkun tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ dwar il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li tkun waslet għalihom il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ dawn il-fatti (40).

59.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni tal-każ tal-iżnaturament tal-provi li jitressqu quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (41).

60.      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, bl-argumenti tagħha li jsemmu, minn naħa, in-nuqqas ta’ natura unitarja tal-EURO u, min-naħa l-oħra, l-analiżi tal-interess li jqajmu ċerti tipi ta’ logħbiet fir-Renju Unit, il-UEFA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika l-evalwazzjoni fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali.

61.      Ninnota f’dan ir-rigward, kif iddeċidiet b’mod korrett il-Qorti Ġenerali fil-punt 103 tas-sentenza tagħha, li d-Direttiva 89/552 emendata ma tiħux pożizzjoni fuq il-kwistjoni tan-natura unitarja tal-EURO. Issa, l-eżami tan-natura ta’ avveniment sportiv ibbażat fuq it-tipi differenti ta’ manifestazzjonijiet tirrigwarda l-fatti. Billi l-ebda żnaturament tal-elementi fattwali eżaminati mill-Qorti Ġenerali ma ntweriet mill-UEFA, għandu jiġi kkunsidrat li t-tieni parti tal-ewwel aggravju huwa manifestament inammissibbli.

62.      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ewwel aggravju invokat mill-UEFA insostenn tal-appell tagħha ma jistax jintlaqa’ u, għaldaqstant, dan għandu jinċaħad fl-intier tiegħu.

B –    Fuq it-tieni aggravju fil-Kawża C‑201/11 P

63.      Bit-tieni aggravju tagħha, maqsum f’żewġ partijiet, il-UEFA tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni.

64.      Bl-ewwel parti, il-UEFA targumenta li l-Qorti Ġenerali injorat l-Artikolu 106(1) TFUE. Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma qalet xejn dwar il-kwistjoni preliminari ta’ jekk din id-dispożizzjoni hijiex applikabbli f’dan il-każ. Imbagħad, il-Qorti Ġenerali ma kinitx korretta meta kkonkludiet li l-miżuri adottati mir-Renju Unit ma kinux ekwivalenti għal għoti ta’ drittijiet speċjali lix-xandara li jużaw kanali ta’ mingħajr ħlas. Il-Qorti Ġenerali tat importanza żejda lill-fatt li, fit-teorija, il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tipprojbixxi d-drittijiet ta’ xandir esklużivi ta’ trażmissjoni mill-ġdid għax-xandara televiżivi kollha, kemm jekk dawn jużaw kanali ta’ mingħajr ħlas jew kanali bi ħlas. Fl-aħħar nett, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali tagħti interpretazzjoni ħażina tal-kunċett ta’ “drittijiet speċjali” fis-sens tal-Artikolu 106(1) TFUE, li jinkludi żewġ elementi, jiġifieri li d-dritt għandu jingħata permezz ta’ att tal-Istat Membru u li l-impriża benefiċjarja ta’ dan id-dritt ser tkun ipprivileġġjata fil-konfront tal-kompetituri tagħha.

65.      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-problema dwar l-Artikolu 106 TFUE ġiet analizzata mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ motiv imqajjem fl-ewwel istanza, b’risposta għall-ilment li jikkonċerna d-drittijiet speċjali allegatament mogħtija lill-BBC u lill-ITV. Wara li fakkret b’mod korrett, fil-punti 166 sa 168 tas-sentenza UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza applikabbli fil-qasam ta’ drittijiet speċjali u esklużivi (42), il-Qorti Ġenerali riedet turi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tar-Renju Unit ma tippreżentax il-karatteristiċi li jistgħu jwasslu għall-applikabbiltà tal-Artikolu 106 TFUE. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod partikolari, fil-punt 170 tal-istess sentenza, li “[i]l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tipprojbixxi l-esklużività lil kull xandar mhux biss fl-istadju tat-trażmissjoni [mill-ġdid], iżda wkoll fl-istadju tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ xandir [b’mod li l-ebda wieħed mix-xandara] li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dan l-Istat Membru ma jistax [jista] jikkonkludi b’mod validu kuntratt għat-trażmissjoni esklużiva [mill-ġdid] ta’ avveniment imdaħħal fil-lista”. Sussegwentement, fil-punt 171 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li “il-fatt li […] [biss] ċerti xandara […], bħall-BBC u l-ITV, [ser] jitrażmettu finalment […] l-EURO fir-Renju unit, peress li l-kompetituri tagħhom jinteressaw ruħhom biss fi trażmissjoni esklużiva […] ma huwiex ekwivalenti għal għoti ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi”.

66.      Konsegwentement, f’dak li jikkonċerna l-ilment tal-assenza tal-analiżi tal-applikabbiltà tal-Artikolu 106 TFUE, l-allegazzjonijiet tal-UEFA għandhom jinċaħdu bħala ineffettivi.

67.      It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja meta tiddeċiedi fuq appell ippreżentat kontra deċiżjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali hija limitata għall-kwistjonijiet ta’ dritt. F’lista enumerattiva tal-motivi li jistgħu jiġu invokati f’dan il-kuntest, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jippreċiża li l-appell jista’ jkun ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali (43).

68.      F’dan il-każ, ir-regola li l-ksur tagħha qiegħed jiġi invokat mill-UEFA ċertament tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni. Madankollu, il-ksur allegat huwa bbażat fuq żball preżunt dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ regola tad-dritt nazzjonali.

69.      Għal dak li jirrigwarda l-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hija kompetenti sabiex teżamina, qabelxejn, żnaturament possibbli tal-kliem tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, sussegwentement, jekk il-Qorti Ġenerali wasslitx għal konstatazzjonijiet li jmorru manifestament kontra l-kontenut tagħhom u, fl-aħħar nett, jekk il-Qorti Ġenerali tatx, fl-eżami tal-elementi kollha, lil wieħed fosthom, bl-għan li tikkonstata l-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, portata li ma kellhiex tingħata fil-konfront tal-elementi l-oħra, sakemm dan jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess (44). Billi l-ebda waħda minn dawn l-allegazzjoni ma tista’ tintlaqa’ f’dan il-każ, dan l-ilment għandu jinċaħad bħala infondat.

70.      It-tielet nett, fir-rigward tal-interpretazzjoni ħażina tal-kunċett ta’ “drittijiet speċjali” fis-sens tal-Artikolu 106 TFUE, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-argumenti li jirreferu għall-attribuzzjoni preżunta tal-privileġġi lill-BBC u lill-ITV ma kinux tqajmu quddiem il-Qorti Ġenerali u għandhom it-tendenza li jbiddlu s-suġġett tal-kawża miġjuba quddiemha. Billi t-talba tal-UEFA tikkostitwixxi għalhekk aggravju ġdid, hija għandha titqies bħala inammissibbli fil-kuntest tal-appell (45).

71.      Barra minn hekk, ninnota li sabiex tistħarreġ il-legalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, il-UEFA kien imissha tippreżenta rikors quddiem il-qorti nazzjonali, li setgħet għalhekk tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

72.      Bit-tieni parti tat-tieni aggravju, il-UEFA tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE. Hija tibbaża r-raġunament tagħha fuq il-premessa li l-Artikolu 106(1) TFUE huwa applikabbli f’dan il-każ. B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet it-tieni żball ta’ liġi billi ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri tar-Renju Unit għandhomx l-effett li jpoġġu lill-BBC u l-ITV f’pożizzjoni li huma ma setgħux jilħqu huma stess mingħajr ma jiksru l-liġi tal-kompetizzjoni jew f’pożizzjoni li tippermettilhom iktar faċilment li jiksru d-dritt tal-kompetizzjoni.

73.      Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, li biha jiena qed nipproponi li jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali ma kisritx l-Artikolu 106 TFUE, l-eżami tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju huwa superfluwu.

74.      F’dawn il-kundizzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni aggravju fl-intier tiegħu bħala parzjalment ineffettiv, parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

C –    Fuq it-tielet aggravju fil-Kawża C‑201/11 P

75.      Bit-tielet aggravju tagħha, il-UEFA tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-UEFA tikkunsidra, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-motiv tagħha li bl-ebda mod ma kien limitat għall-argument li ċerti logħbiet tal-EURO, meħuda individwalment, ma kinux avvenimenti ta’ importanza kbira.

76.      It-tieni difett li minnu ssofri l-analiżi tal-Qorti Ġenerali huwa li hija tippreżumi li, mill-fatt biss li l-EURO jista’ – ħaġa li tiċħad il-UEFA – jiġi kkunsidrat bħala avveniment uniku u li huwa, fit-totalità tiegħu, avveniment ta’ importanza kbira għas-soċjetà, l-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat aċċess wiesa’ tal-pubbliku għax-xandir televiżiv ta’ dan l-avveniment ma jistax jintlaħaq konvenjentement b’restrizzjoni inqas stretta, bħalma hija lista li fiha biss ċerti logħbiet tal-EURO magħżula.

77.      F’kull każ, anki jekk jitqies li l-EURO jista’ jiġi kkunsidrat bħala avveniment uniku ta’ importanza kbira għas-soċjetà tar-Renju Unit, il-Kummissjoni kellha twettaq eżami fid-dettall tal-kompatibbiltà tal-miżuri nnotifikati mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-kompetizzjoni.

78.      Qabelxejn, għall-motivi esposti fil-punti 14 sa 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament li l-Kummissjoni wettqet b’mod korrett l-obbligu tagħha ta’ kontroll fir-rigward tad-Deċiżjoni 2007/730. Barra minn hekk, huwa permezz ta’ evalwazzjoni esklużiva taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt, mingħajr ma tinkorri l-ilmenti infondati tal-aggravji mqajma kontra s-sentenza tagħha, li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-ġurisprudenza dwar il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

79.      Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-ewwel ilment tal-UEFA, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li tilmenta dwar l-iżnaturament tal-motiv, il-UEFA tirriproduċi l-allegazzjonijiet imqajma fl-ewwel istanza u tippreżenta osservazzjonijiet fir-rigward tas-soluzzjoni li skontha l-Qorti Ġenerali kellha tadotta fil-konfront tal-karattru diskriminatorju u sproporzjonat tal-miżuri tar-Renju Unit. Ċertament, il-UEFA tikkontesta l-punt 150 tas-sentenza UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li jirriproduċi b’mod ġenerali ħafna l-argumenti tal-UEFA. Madankollu, ladarba hija ma turix b’mod preċiż fuq liema raġunament l-iżnaturament twettaq mill-Qorti Ġenerali, dik l-affermazzjoni waħedha hija wisq ġenerika u mhux preċiża sabiex tista’ tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni ġuridika (46). Konsegwentement, billi ma humiex issostanzjati suffiċjentement, dawn l-argumenti għandhom jinċaħdu bħala inammissibbli.

80.      F’dak li jikkonċerna t-tieni lment ta’ dan l-istess aggravju tal-UEFA, ninnota li l-argumenti tal-UEFA huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, fil-punt 152 tal-imsemmija sentenza, li jikkostitwixxi l-konklużjoni li wasslet għaċ-ċaħda tal-ħames motiv imqajjem fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali kkonfermat li l-EURO jista’ validament jiġi kkunsidrat bħala avveniment uniku ta’ importanza kbira għas-soċjetà tar-Renju Unit. Madankollu, mill-qari tas-sentenza, xejn ma jippermetti li tiġi kkonstatata l-preżunzjoni allegata mill-UEFA, skont liema l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat fuq il-mod li bih għandu jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 89/552 emendata, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall-pubbliku għax-xandir ta’ tali avvenimenti. Barra minn hekk, fir-rigward tal-estent tal-eżami li għandha tagħmel il-Kummissjoni skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata, għar-raġunijiet esposti fil-punti 14 sa 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-ilmenti tal-UEFA f’dan ir-rigward għandhom jitqiesu bħala infondati.

81.      Fil-kuntest tat-tielet ilment ta’ dan l-aggravju, il-UEFA targumenta li l-Kummissjoni kienet obbligata li twettaq eżami fid-dettall tal-kompatibbiltà tal-miżuri innotifikati mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-kompetizzjoni. Fid-dawl tal-interpretazzjoni msemmija iktar ’il fuq tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta, l-allegazzjonijiet tal-UEFA għandhom jinċadu bħala infondati.

82.      Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jinċaħad fl-intier tiegħu bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

D –    Fuq ir-raba’ aggravju fil-Kawża C‑201/11 P

83.      Bir-raba’ aggravju tagħha, il-UEFA targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset, minn naħa, li l-fatt waħdu li l-EURO jista’ jiġi kkunsidrat bħala avveniment uniku ta’ importanza kbira huwa suffiċjenti sabiex il-ksur tad-drittijiet għall-proprjetà tal-UEFA għal dak li jikkonċerna kull waħda mil-logħbiet differenti tal-EURO huwa neċessarjament proporzjonat. Issa, skont il-UEFA din il-konklużjoni hija żbaljata. Fil-verità, sabiex jaġixxi b’mod proporzjonat, ir-Renju Unit kien imissu jillimita l-lista nazzjonali tiegħu għal-logħbiet l-iktar importanti tal-EURO. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet żball iktar fundamentali meta naqset milli tevalwa l-portata tar-restrizzjonijiet imposti fuq id-drittijiet għall-proprjetà tal-UEFA, liema fatt ipprekludieha milli tagħmel l-analiżi korretta tal-kwistjoni dwar jekk il-preġudizzju kkawżat bil-miżura inkwistjoni kienx sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet imfittxija. Issa, il-portata ta’ dawn ir-restrizzjonijiet kienet importanti għaliex il-miżuri tar-Renju Unit kellhom l-effett prattiku li l-uniku mod għall-UEFA sabiex tikseb kwalunkwe remunerazzjoni għad-drittijiet ta’ xandir fir-Renju Unit huwa li tipproċedi għal bejgħ bl-irkant li għalih ipparteċipa xerrej potenzjali wieħed biss, il-consortium BBC/ITV, u dan naqqas konsiderevolment ir-remunerazzjoni għall-imsemmija drittijiet.

84.      Fid-dawl tal-iżviluppi li ssemmew, minn naħa, fil-punti 28 sa 32 dwar is-suġġett tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, min-naħa l-oħra, fil-punti 33 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar is-suġġett tad-dritt għall-proprjetà, nipproponi li r-raba’ aggravju tal-UEFA jinċaħad bħala infondat.

E –    Fuq il-ħames aggravju fil-Kawża C‑201/11 P

85.      Il-ħames aggravju tal-UEFA huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, hija targumenta li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/730, meqjusa bħala suffiċjenti mill-Qorti Ġenerali, kienet ferm limitata meta mqabbla ma’ dik rikjesta mingħand il-Kummissjoni għal deċiżjonijiet ta’ natura simili. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma talbitx lill-Kummissjoni sabiex tosserva l-livell ta’ motivazzjoni rikjest fid-dawl ta’ kull wieħed mill-erba’ aggravji fuq il-mertu fl-appell. F’dan ir-rigward, il-UEFA tippreċiża liema huma l-iżbalji fil-validità tal-motivi esposti mill-Kummissjoni.

86.      Skont il-UEFA, l-imsemmija deċiżjoni għandha tiġi annullata, qabelxejn, għaliex ma fihiex motivazzjoni suffiċjenti f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-EURO bħala avveniment ta’ importanza kbira għas-soċjetà. Sussegwentement, f’dak li jikkonċerna l-motivi tad-Deċiżjoni 2007/730 dwar il-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tqis, fil-punt 71 tas-sentenza tagħha, li kien suffiċjenti li d-Deċiżjoni 2007/730 tipprovdi, mingħajr ma tindika l-motivi, li l-miżuri tar-Renju Unit “jippermettu kompetizzjoni effettiva u potenzjali għall-akkwist tad-drittijiet ta’ trażmissjoni [mill-ġdid] tal-avvenimenti inkwistjoni”.

87.      Barra minn hekk, fir-rigward tal-motivazzjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-UEFA, billi tirreferi għall-punt 70 tas-sentenza UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, tirrileva li l-Qorti Ġenerali fdat il-kompitu tal-eżami tal-proporzjonalità lill-UEFA, filwaqt li eżentat lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tibbaża ruħha fuq l-allegata sitwazzjoni pprivileġġjata li l-UEFA tgawdi mill-kwalità tagħha bħala proprjetarja tad-drittijiet sabiex tiddetermina jekk il-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni kinitx suffiċjenti.

88.      Qabelxejn, għandu jiġi osservat li l-ilmenti li saru mill-UEFA fil-kuntest ta’ dan l-aggravju jirrigwardaw l-iktar in-nuqqasijiet possibbli ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/730, li huma konfużi ma’ ċerti lmenti dwar is-sentenza UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Għalhekk, l-argumenti invokati mill-UEFA fil-kuntest ta’ din il-parti tal-ħames aggravju dwar in-nuqqasijiet tad-Deċiżjoni 2007/730 jikkostitwixxu talba għall-eżami mill-ġdid ta’ motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn l-argumenti għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala manifestament inammissibbli (47).

89.      Barra minn hekk, l-argumenti invokati mill-UEFA kontra s-sentenza UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma humiex manifestament ta’ natura li jpoġġu fid-dubju l-analiżi tal-Qorti Ġenerali, li hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni.

90.      Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtriċi tal-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (48).

91.      Issa, fid-dawl tal-argumenti esposti fil-punti 14 sa 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar in-natura limitata tal-kontroll li l-Kummissjoni teżerċita fuq id-deċiżjoniijiet tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-listi nazzjonali, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi lilha nnifisha għall-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Konsegwentement, il-grad tal-istħarriġ tagħha għandu jibqa’ limitat ukoll.

92.      Għalhekk, f’dak li jikkonċerna l-motivazzjoni tas-sentenza UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, dwar il-kompetizzjoni, fil-punti 71 sa 73 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali spjegat b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/730, li, barra minn hekk, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-UEFA, fiha referenza għall-kompatibbiltà fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, kienet suffiċjenti u setgħet tippermetti, minn naħa, lill-UEFA li tifhem ir-raġunament tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha f’dan ir-rigward (49).

93.      F’dak li jikkonċerna l-motivazzjoni tas-sentenza UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 70 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali effettivament iddeċidiet li, fir-rigward tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/730, il-UEFA kienet f’pożizzjoni li “tevalwa jekk jeżistux elementi li jistgħu [...] juru l-eventwali natura sproporzjonata [...] tal-inklużjoni tal-logħob kollu ta’ din il-kompetizzjoni fil-lista”. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dan il-paragrafu għandu jinqara fid-dawl tal-punt 62 tal-istess sentenza, fejn il-Qorti Ġenerali ċċitat b’mod korrett il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna l-estent tal-obbligu ta’ motivazzjoni, liema ġurisprudenza hija intiża sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-att adottat. Għalhekk, l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali kienet imponiet obbligu fuq il-UEFA li teżamina l-proporzjonalità hija żbaljata u għandha tinċaħad.

94.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-motivazzjoni insuffiċjenti dwar il-ksur tad-dritt għall-proprjetà, ninnota li l-Qorti Ġenerali mhux biss ammettiet, fil-fehma tiegħi faċilment wisq, li dan id-dritt tal-UEFA jintlaqat bid-Deċiżjoni 2007/730, iżda wkoll analizzat il-kompatibbiltà ta’ tali restrizzjoni fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni billi wieġbet għas-sitt motiv imqajjem fl-ewwel istanza. Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata lir-raba’ aggravju tal-appell tal-UEFA, l-eżami ta’ dan l-ilment huwa superfluwu.

95.      Għal dawn il-motivi kollha, il-ħames aggravju ma jistax jintlaqa’.

V –    L-appelli fil-Kawżi C‑204/11 P u C‑205/11 P

96.      Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑204/11 P, il-FIFA tinvoka tliet aggravji. Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑205/11 P, il-FIFA tinvoka erba’ aggravji. Ninnota li l-argumenti fformulati mill-FIFA fiż-żewġ appelli huma kważi identiċi għal xulxin u li l-ilmenti huma, fil-maġġor parti, simili ħafna. Għaldaqstant, minkejja d-diffikultajiet li tippreżenta analiżi magħquda tal-ilmenti mressqa kontra ż-żewġ sentenzi separati tal-Qorti Ġenerali, nipproponi li neżamina simultanjament l-allegazzjonijiet imqajma fil-Kawżi C‑204/11 P u C‑205/11 P.

A –    Fuq l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑204/11 P u fuq l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑205/11 P

97.      Fir-rigward, minn naħa, tas-sentenza FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑385/07), iċċitata iktar ’il fuq, li tirrigwarda d-Deċiżjoni 2007/479 dwar il-miżuri adottati mir-Renju tal-Belġju, u, min-naħa l-oħra, tas-sentenza FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑68/08), iċċitata iktar ’il fuq, li tirrigwarda d-Deċiżjoni 2007/730 dwar il-miżuri adottati mir-Renju Unit, il-FIFA tirrileva li l-motivazzjoni ta’ dawk is-sentenzi hija kontradittorja, inkoerenti u insuffiċjenti f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk it-Tazza tad-Dinja għandhiex tiġi kkunsidrata bħala avveniment uniku ta’ importanza kbira għas-soċjetà. B’diversi konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali qabelxejn tat raġunament inkoerenti f’dak li jikkonċerna n-natura vera, fil-fehma tagħha, tat-Tazza tad-Dinja. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tidher li adottat pożizzjonijiet inkoerenti u irrikonċiljabbli, minn naħa, billi kkonfermat l-eżistenza tan-natura unitarja tat-Tazza tad-Dinja bħala avveniment u, min-naħa l-oħra, billi argumentat li elementi speċifiċi jistgħu juru li dan ma huwiex il-każ.

98.      Barra minn hekk, skont il-FIFA, meta ddeċidiet li l-Istat Membru li jinnotifika ma kienx meħtieġ li jipprovdi raġunijiet speċifiċi sabiex jinkludi fuq il-lista ta’ avvenimenti tiegħu t-Tazza tad-Dinja fl-intier tagħha, il-Qorti Ġenerali pprekludiet lill-Kummissjoni milli twettaq verifika intensa u eżami fid-dettall tal-kompatibbiltà tal-miżuri innotifikati mad-dritt tal-Unjoni, kif irrikjediet is-sentenza tal-Qorti Ġenerali Infront WM vs Il‑Kummissjoni (50).

99.      Barra minn hekk, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali fiż-żewġ sentenzi FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑385/07 u T‑68/08), hija ekwivalenti għal qlib illegali tal-oneru tal-prova. Fl-aħħar nett, billi tat ir-raġunijiet li ma jissemmewx fid-Deċiżjonijiet 2007/479 u 2007/730, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju.

100. Qabelxejn, għandu jiġi osservat li, b’dawn l-aggravji, il-FIFA tikkonfondi, minn naħa, il-problema dwar l-estent tal-kontroll mill-Kummissjoni tal-listi nazzjonali skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata u dwar l-estent tal-istħarriġ ġudizzjarju rilevanti u, min-naħa l-oħra, dik dwar il-klassifikazzjoni ta’ natura unitarja tat-Tazza tad-Dinja bħala avveniment ta’ importanza kbira għas-soċjetà ta’ Stat Membru.

101. F’dak li jikkonċerna l-ewwel aspett, nirrileva li, għar-raġunijiet li jikkonċernaw l-estent tas-setgħa tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata, mogħtija fil-punti 14 sa 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l-ilmenti tal-FIFA huma infondati.

102. F’dak li jikkonċerna t-tieni aspett, għandu jiġi kkonstatat li bl-argumenti tagħha dwar in-nuqqas ta’ natura unitarja tat-Tazza tad-Dinja u l-interess li jqajmu l-logħbiet ta’ dik il-kompetizzjoni, il-FIFA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina mill-ġdid l-evalwazzjoni fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali. Issa, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fil-każ ta’ interpretazzjoni ħażina tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali (51). Dawn l-argumenti għandhom għaldaqstant jiġu kklassifikati bħala inammissibbli.

103. F’kull każ, għandu jitqies bħala ineffettiv l-ilment ibbażat fuq l-allegata kontradizzjoni tal-motivi, muri permezz ta’ diversi kwotazzjonijiet mis-sentenzi FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑385/07 u T‑68/08), u meħuda barra mill-kuntest tagħhom, għaliex is-sentenzi msemmija jesponu b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-raġunijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet issodisfat b’mod korrett l-obbligu ta’ kontroll tagħha taħt l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata.

104. Għal dawn il-motivi, għandu jinċaħad l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑204/11 P u l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑205/11 P bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

B –    Fuq it-tieni aggravju fil-Kawża C‑204/11 P u t-tielet aggravju fil-Kawża C‑205/11 P

105. Bit-tieni aggravju fil-Kawża C‑204/11 P u bit-tielet aggravju fil-Kawża C‑205/11 P, il-FIFA tilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ħażin li l-Kummissjoni kienet ipproduċiet quddiemha provi suffiċjenti u pprovdiet raġunijiet adegwati sabiex tiġġustifika l-konstatazzjonijiet tagħha li t-Tazza tad-Dinja, fl-intier tagħha, kienet ġiet ikkunsidrata b’mod korrett bħala avveniment ta’ importanza kbira għas-soċjetà. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-argument tal-FIFA dwar t-tip u d-data tad-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni meta waslet għad-Deċiżjoniijiet 2007/479 u 2007/730. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq raġunijiet li ma jidhrux fl-imsemmija deċiżjoniijiet. It-tielet nett, il-FIFA tosserva li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tagħti kwalunkwe importanza lill-prattika tal-Istati Membri l-oħra li ma inkludewx il-logħbiet “mhux primarji” tat-Tazza tad-Dinja fuq il-listi nazzjonali.

106. Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji fl-interpretazzjoni tal-kriterji li fuqhom ġiet ikkonstatata l-importanza kbira tat-Tazza tad-Dinja għas-soċjetà.

107. Qabelxejn, skont il-FIFA, il-Qorti Ġenrali wettqet żball meta approvat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li t-Tazza tad-Dinja fl-intier tagħha tissodisfa l-kriterju dwar ir-“reżonanza speċjali” tagħha fil-Belġju u fir-Renju Unit u meta qieset li l-Kummissjoni kienet immotivat suffiċjentement u b’mod korrett dik il-konstatazzjoni. Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna t-tieni kriterju msemmi fil-premessa 16 tad-Deċiżjoni 2007/479 u fil-premessa 18 tad-Deċiżjoni 2007/730, il-Qorti Ġenerali tat motivazzjoni li ma kinitx ġiet ipprovduta mill-Kummissjoni, sabiex issostni l-pożizzjoni tagħha li t-Tazza tad-Dinja, fl-intier tagħha, kienet dejjem tixxandar fuq il-kanali ta’ mingħajr ħlas. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta approvat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li skontha r-rekwiżit tal-kriterju dwar in-numru kbir ta’ telespettaturi attirati mil-logħbiet “mhux primarji” tat-Tazza tad-Dinja kien ġie ssodisfatt, u meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet immotivat suffiċjentement il-konstatazzjoni tagħha.

108. L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-ilment ta’ allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jiġi osservat li n-nuqqas ta’ indikazzjoni fuq in-natura tad-data neċessarja għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/479 tqajjem mill-FIFA fil-kuntest tas-sitt motiv tagħha fl-ewwel istanza fil-kawża FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑385/07), iċċitata iktar ’il fuq, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Ċertament, fis-sentenza fil-kawża FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑385/07), iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma kinitx irrispondiet speċifikament fuq id-data li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni. Madankollu, hija ma kinitx obbligata tagħmel dan, ladarba hija kienet spjegat, b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-motivazzjoni tagħha u bbażat ruħha fuq ir-raġunament li jissemma fil-punti 68 sa 74 tal-imsemmija sentenza sabiex tagħti risposta eżawrjenti għall-motiv imqajjem quddiemha. Dan l-ewwel ilment huwa għaldaqstant infondat.

109. Fir-rigward tas-sentenza FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑68/08), iċċitata iktar ’il fuq, huwa fil-kuntest tal-ewwel motiv imqajjem fl-ewwel istanza li l-FIFA argumentat li, meta adottat id-Deċiżjoni 2007/730, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha, bħal, b’mod partikolari, iċ-ċifri ta’ udjenzi tat-Tazzi tad-Dinja tal-1998 sa l-2002 u tal-2006, kif ukoll il-kontenut tal-korrispondenza skambjata bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Renju Unit bejn ix-xahar ta’ Awwissu 2006 u x-xahar ta’ Frar 2007. F’dan ir-rigward, ninnota li, wara li eżaminat, fid-dawl tal-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata, il-kwistjoni tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/730 fil-punti 67 sa 72 tas-sentenza FIFA vs Il‑Kummissjoni iċċitata iktar ’il fuq (T‑68/08), il-Qorti Ġenerali wieġbet għal dawn l-allegazzjonijiet fil-punti 74 u 75 ta’ dik is-sentenza. F’dan ir-rigward, hija waslet b’mod korrett għall-konsegwenzi legali tal-konstatazzjoni li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/730 hija suffiċjenti, billi ddeċidiet li għaldaqstant il-Kummissjoni ma kellhiex tiġi kkritikata talli ma inkludietx iktar elementi, inklużi dawk li ma kinux jeżistu fil-mument tal-istabbiliment tal-lista nazzjonali. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jinċaħad bħala infondat.

110. F’dak li jikkonċerna t-tieni lment, għandu jiġi osservat li, wara li pproċediet, b’mod korrett, għall-interpretazzjoni tal-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 fil-punt 71 tas-sentenza FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑385/07), iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni, tat b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-raġunijiet għalfejn il-FIFA kellha tkun kapaċi tidentifika l-motivazzjoni li fuqha kienet ibbażata l-għażla tal-Kummissjoni li tivvalida l-iskrizzjoni tal-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja fuq il-lista nazzjonali tar-Renju tal-Belġju. Meta għamlet dan, il-Qorti Ġenerali wettqet b’mod korrett l-obbligu tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju u ta’ motivazzjoni. Bl-istess mod, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, il-Qorti Ġenerali ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ stħarriġ u ta’ motivazzjoni fil-punti 69 sa 72 tas-sentenza FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑68/08), iċċitata iktar ’il fuq. Dan l-ilment għandu għaldaqstant jinċaħad bħala infondat.

111. F’dak li jikkonċerna t-tielet ilment, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, billi fl-ewwel istanza, fil-kawża FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑385/07), iċċitata iktar ’il fuq, hija ma qajmitx, fid-dettall u fil-kuntest ta’ lment preċiż, il-problema tal-komparabbiltà tal-prattiki tal-Istati Membri għall-finijiet tal-analiżi tal-legalità tad-deċiżjonijiet adottati taħt l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata, il-FIFA ma tistax validament tinvoka żball li l-Qorti Ġenerali wettqet f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, nosserva li, fil-punt 133 tas-sentenza FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑68/08), iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali wieġbet b’mod sħiħ għall-argument tal-FIFA dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-fatt li l-Istati Membri l-oħra kienu inkludew fil-listi nazzjonali prinċipalment il-logħbiet “primarji” tat-Tazza tad-Dinja. F’kull każ, fid-dawl tad-diskrezzjoni wiesgħa mogħtija lill-Istati Membri fl-eżerċizzju tal-istabbiliment tal-listi nazzjonali, għandhom jinċaħdu l-argumenti bbażati fuq il-komparabbiltà tal-prattiki tal-Istati Membri l-oħra. Dan l-ilment huwa għaldaqstant infondat.

112. Fir-rigward tar-raba’ lment, li jikkonċerna l-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-kriterju ta’ reżonanza speċjali, tal-problema tat-trażmissjoni televiżiva mill-ġdid u tal-analiżi tal-kriterju dwar in-numru kbir ta’ telespettaturi attirati mil-logħbiet “mhux primarji”, għandu jiġi kkonstatat li, bl-aggravju tagħha, il-FIFA tikkritika l-parti tal-motivazzjoni tas-sentenzi appellati li l-Qorti Ġenerali jidhirli li ppreżentat għall-finijiet ta’ kompletezza. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, sabiex tiċħad il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 emendata, fuq ir-raġunament mogħti prinċipalment fil-punti 94 sa 100 u 117 sa 119 tas-sentenza FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑385/07), iċċitata iktar ’il fuq, u fuq ir-raġunament mogħti fil-punti 112 sa 118 tas-sentenza FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑68/08), iċċitata iktar ’il fuq. Konsegwentement, l-imsemmija lmenti tal-FIFA għandhom jinċaħdu bħala ineffettivi jew, f’kull każ, bħala inammissibbli, ladarba dawn jikkonċernaw l-elementi fattwali eżaminati mill-Qorti Ġenerali, li l-iżnaturament tagħhom ma ġiex ippruvat mill-FIFA.

113. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandhom jinċaħdu t-tieni aggravju fil-Kawża C‑204/11 P u t-tielet aggravju fil-Kawża C‑205/11 P bħala parzjalment infondati, parzjalment inammissibbli u parzjalment ineffettivi.

C –    Fuq l-ewwel u t-tieni parti tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑204/11 P u fuq l-ewwel u t-tielet parti tar-raba’ aggravju fil-Kawża C‑205/11 P

114. Bl-ewwel parti tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑204/11 P, u bl-ewwel parti tar-raba’ aggravju fil-Kawża C‑205/11 P, il-FIFA tilmenta, qabelxejn, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-eżami tal-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u fuq id-dritt ta’ stabbiliment, li jirriżultaw mill-miżuri nazzjonali kkonċernati. Fil-fatt, hija ssostni li kellha tkun il-Kummissjoni u mhux il-Qorti Ġenerali li teżamina tali restrizzjonijiet.

115. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li l-għan li jiġi żgurat aċċess wiesa’ tal-pubbliku għall-avvenimenti televiżivi ta’ importanza kbira għas-soċjetà u d-dritt għall-informazzjoni jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet involuti bid-Deċiżjoniijiet 2007/479 u 2007/730. Aċċess wiesa’ tal-pubbliku ma għandux ikun aċċess illimitat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax twettaq verifika limitata tal-kompatibbiltà tal-miżuri nnotifikati mad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li hija kienet obbligata tagħmel verifika “intensa” u twettaq “eżami fid-dettall”, skont ir-rekwiżit stabbilit mis-sentenza Infront WM vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

116. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod inkorrett li l-Kummissjoni kienet immotivat suffiċjentement il-konklużjoni tagħha dwar il-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

117. Bit-tieni parti tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑204/11 P u bit-tieni parti tar-raba’ aggravju fil-Kawża C‑205/11 P, il-FIFA targumenta li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet fuq id-dritt għall-proprjetà involuti fid-Deċiżjoniijiet Nru 2007/479 u Nru 2007/730, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 emendata u t-Trattat. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet għall-proprjetà tal-FIFA kienu proporzjonati għall-finijiet tar-realizzazzjoni tal-għan imfittex.

118. Bit-tielet parti tar-raba’ aggravju fil-Kawża C‑205/11 P, il-FIFA tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi waqt l-analiżi tar-regoli tal-kompetizzjoni. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-Kummissjoni ma kellhiex twettaq analiżi iktar fid-dettall minn dik li wettqet. Min-naħa l-oħra, il-FIFA tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkonstatat li l-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit ma kinux taw lill-BBC u lill-ITV drittijiet speċjali fis-sens tal-Artikolu 106(1) TFUE. Din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet purament formali u teoretiċi.

119. L-ewwel nett, ninnota li l-maġġoranza tal-allegazzjonjiet imqajma fil-kuntest ta’ dawn l-ilmenti jistgħu jinċaħdu bħala infondati fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata, spjegati fil-punti 14 sa 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

120. Fil-fatt, fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑68/08 u T‑385/07), il-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata, billi ddeċidiet li l-Istati Membri jgawdu minn flessibbiltà kbira fl-istabbiliment tal-listi nazzjonali, b’mod li l-grad tal-kontroll mogħti lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata huwa ta’ natura limitata. Hija waslet, b’mod suffiċjenti fid-dritt, għall-konsegwenzi legali ta’ din il-konstatazzjoni, b’mod partikolari fil-punti 52, 73 sa 74 u 114 sa 115 tas-sentenza FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑385/07), iċċitata iktar ’il fuq, u fil-punti 48, 71 sa 76 u 112 tas-sentenza FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑68/08), iċċitata iktar ’il fuq.

121. Barra minn hekk, fid-dawl tal-argumenti esposti fil-punti 26 sa 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar l-istħarriġ limitat li l-Qorti Ġenerali teżerċita fuq id-deċiżjoniijiet tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi lilha nnifisha għall-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Konsegwentement, il-livell tal-istħarriġ tagħha għandu jibqa’ ristrett ukoll.

122. It-tieni nett, fir-rigward tal-eżami tal-proporzjonalità tal-listi nazzjonali mill-Kummissjoni, nammetti li l-motivazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2007/730 u 2007/479 tista’ tidher, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, superfiċjali f’dan ir-rigward. Madankollu, fid-dawl tal-punti 28 sa 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ladarba l-ibbilanċjar tal-interessi li jista’ jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-konfront tad-derogi għal-libertajiet fundamentali kien diġà twettaq mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ir-rwol tal-Kummissjoni għandu jiftiehem bħala wieħed sussidjarju u neċessarjament ristrett, fid-dawl tal-portata limitata tal-kontroll taħt l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata.

123. B’mod iktar ġenerali, naħseb li l-motivi tad-deċiżjoniijiet taħt l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata għandhom jiġu interpretati fl-intier tagħhom sabiex jiġi evitat l-iżmembrament ta’ tali atti fil-konfront ta’ kull wieħed mill-avvenimenti li Stat Membru interessat jikkunsidra li huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà. Għalhekk, il-Kummissjoni hija intitolata li timmodula l-evalwazzjoni tagħha, billi tvarja l-livell ta’ intensità tal-motivi fir-rigward tal-avvenimenti kkonċernati. Pereżempju, fir-rigward tal-avvenimenti msemmija fil-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, il-motivazzjoni tista’ tkun fil-qosor, mingħajr ir-riskju ta’ approċċ awtomatiku filwaqt li tosserva l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fir-rigward ta’ avvenimenti speċifiċi oħra, il-Kummissjoni tista’ tfittex li tipproduċi iktar elementi, filwaqt li tosserva l-limiti stabbiliti mid-Direttiva 89/552 emendata. Fl-aħħar nett, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun suffiċjenti, fl-intier tagħha, sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ hija nnifisha teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, li għandu jibqa’ limitat ukoll.

124. Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta kkonfermat il-validità, minn naħa, tad-Deċiżjoni 2007/479 fil-punti 117 sa 119 tas-sentenza FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑385/07), iċċitata iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni 2007/730 fil-punti 160 sa 164 tas-sentenza FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑68/08), iċċitati iktar ’il fuq.

125. It-tielet nett, f’dak li jikkonċerna l-ksur tad-dritt għall-proprjetà, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ssemmew fil-punti 33 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar id-dritt għall-proprjetà, nipproponi li dan l-ilment jinċaħad bħala infondat.

126. Għal dak li jirrigwarda t-tielet parti tar-raba’ aggravju fil-Kawża C‑205/11 P, biżżejjed jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-flessibbiltà li tgawdi l-Kummissjoni taħt l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod korrett fil-punt 173 tas-sentenza FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑68/08), iċċitati iktar ’il fuq, li hija ma kinitx obbligata twettaq analiżi iktar fid-dettall minn dik li wettqet. Fit-tieni lok, huwa b’evalwazzjoni indipendenti taċ-ċirkustanzi ta’ fatt, fid-dawl tad-Direttiva 89/552 emendata, li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkunsidra li l-problema tal-attribuzzjoni ta’ drittijiet speċjali ma tqumx f’dan il-każ.

127. Għal dawn il-motivi, nipproponi li l-ewwel u t-tieni parti tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑204/11 P u l-ewwel u t-tieni parti tar-raba’ aggravju fil-Kawża C‑205/11 P jinċaħdu bħala infondati.

D –    Fuq it-tieni aggravju fil-Kawża C‑205/11 P

128. B’dan l-aggravju, il-FIFA targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-iskrizzjoni tal-logħbiet “mhux primarji” tat-Tazza tad-Dinja fuq il-lista nazzjonali tar-Renju Unit kienet twettqet skont proċedura ċara u trasparenti. B’mod partikolari, il-FIFA ssostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-fatt li ċerti awtoritajiet jew certi organi konsultattivi kienu, fil-kuntest tal-attribuzzjonijiet tagħhom, issuġġerew lill-Ministru għall-Kultura, il-Media u l-Isport tar-Renju Unit l-iskrizzjoni ta’ logħbiet “primarji” biss fuq din il-lista rriżulta f’obbligu għall-Kummissjoni li tispjega għaliex il-Ministru ma wettaqx żball meta adotta pożizzjoni differenti. Hija żżid li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha d-dritt li tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li seħħew wara d-data tat-tfassil tal-lista nazzjonali nnotifikata.

129. F’dan ir-rigward nikkonstata li l-argumenti dwar il-ksur tal-kundizzjonijiet ta’ ċarezza u ta’ trasparenza waqt il-proċedura ta’ stabbiliment tal-lista nazzjonali tar-Renju Unit tqajmu mill-FIFA fil-kuntest tat-tieni motiv fl-ewwel istanza. Bi tweġiba għall-allegazzjonijiet dwar allegat żball ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni, wara li tat, fil-punti 84 sa 89 tas-sentenza FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑68/08), iċċitati iktar ’il fuq, interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta ċaħdet il-pretensjonijiet tal-FIFA fil-punt 96 ta’ dik is-sentenza. Fil-fatt, nirrileva li l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 emendata ma jistabbilixxi l-ebda konsultazzjoni obbligatorja, li għandha titwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali jew, possibbilment, mill-Kummissjoni. Għalhekk, dawn tal-aħħar ma kinux marbuta bil-pariri li ngħataw matul it-tfassil tal-lista nazzjonali u ma humiex obbligati li jwieġbu individwalment għas-suġġerimenti li jitressqu quddiemhom. Għaldaqstant, dan l-ilment huwa infondat.

VI – Konklużjoni

130. Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      L-appell fil-Kawża C‑201/11 P għandu jinċaħad. Skont l-Artikolu 138 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-UEFA għandha tiġi kkundannata tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea f’dan l-appell.

2)      L-appell fil-Kawża C‑204/11 P għandu jinċaħad. Skont l-Artikolu 138 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-FIFA għandha tiġi kkundannata tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea f’dan l-appell.

3)      L-appell fil-Kawża C‑205/11 P għandu jinċaħad. Skont l-Artikolu 138 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-FIFA għandha tiġi kkundannata tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea f’dan l-appell.

4)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll ir-Renju tal-Belġju għandhom iħallsu l-ispejjeż tagħhom, skont l-Artikolu 140 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Istati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), kif emendata mid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/552 emendata”).


3 –      T‑55/08, Ġabra p. II‑271.


4 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Ottubru 2007, dwar il-kompatibbiltà mal-liġi Komunitarja tal-miżuri meħuda mir-Renju Unit skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE (ĠU L 295, p. 12).


5 –      T‑385/07, Ġabra p. II‑205.


6 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-25 ta’ Ġunju 2007, dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Komunità tal-miżuri meħuda mill-Belġju skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE (ĠU L 180, p. 24).


7 –      T‑68/08, Ġabra p. II‑349.


8 – Ninnota, f’dan ir-rigward, li l-lista nazzjonali għar-Renju tal-Belġju fiha iktar minn 20 avveniment u li dik tar-Renju Unit fiha 19. Filwaqt li nirrikonoxxi l-karattru fakultattiv ta’ dawn il-listi, ninnota li, anki jekk kull waħda mil-listi nazzjonali fiha madwar għoxrin avveniment, il-Kummissjoni jkollha tuża mezzi amministrattivi kbar sabiex tkun tista’ teżamina fil-fond il-kontenut u l-motivazzjoni tal-listi nazzjonali tal-Istati Membri kollha.


9 – Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, minn regolamenti jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar l-eżerċizzju tal-attivitajiet tax-xandir televiżivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 97/36).


10 – Hekk kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tad-9 ta’ Frar 1995, Leclerc‑Siplec (C‑412/93, Ġabra p. I‑179, punt 28), u tad-9 ta’ Lulju 1997, De Agostini u TV‑Shop (C‑34/95 sa C‑36/95, Ġabra p. I‑3843, punt 3), l-għan ewlieni tad-Direttiva 89/552, li kienet ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 57(2) tat-Trattat KE [li sar, wara emenda, l-Artikolu 47(2) KE] u tal-Artikolu 66 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 55 KE), jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-libertà tat-trażmissjoni fix-xandir televiżiv.


11 – Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2009, UTECA (C‑222/07, Ġabra p. I‑1407, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat-22 ta’ Settembru 2011, Mesopotamia Broadcast (C‑244/10 u C‑245/10, Ġabra p. I‑8777, punt 34).


12 – Sentenza Mesopotamia Broadcast, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).


13 – “Billi avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà għandhom, għall-iskopijiet ta din id-Direttiva, jissodisfaw ċerti kriterji, jiġifieri li jkunu avvenimenti eċċezzjonali li huma ta interess għall-pubbliku inġenerali fl-Unjoni Ewropea jew fi Stat Membru partikolari jew f’parti importanti li hija komponent tad Stat Membru partikolari u li jkunu organizzati minn qabel minn organizzatur ta’ l-avvenimenti li huwa legalment intitolat li jbigħ id-drittijiet li jappartjenu għal dak l-avveniment”.


14 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni (T‑289/03, Ġabra p. II‑81, punt 220).


15 – Sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C‑505/09 P, punti 49 et seq).


16 – Dokument 1995/0074(COD‑10/06/1997). Test adottat fit-tielet qari.


17 – Rapport tat-3 ta’ Ġunju 1997 dwar il-proġett komuni, approvat mill-kumitat ta’ konċiljazzjoni, ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir televiżiv [C4‑0203/97‑95/0074(COD)] [traduzzjoni mhux uffiċjali].


18 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552 (ĠU L 332, p. 27).


19 – Ara l-Artikolu 3k tad-Direttiva 2007/65.


20 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14).


21 – Ara, b’analoġija, is-sentenza BUPA et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.


22 – Dik il-proprjetà intellettwali hija komposta prinċipalment minn trade marks ippreżentati (EURO 2012, FIFA WORLD CUP, BRAZIL 2014), minn disinni kif ukoll mid-drittijiet tal-awtur fuq xogħlijiet bħalma huma, b’mod partikolari, il-poster uffiċjali jew l-emblema uffiċjali tal-kompetizzjonijiet.


23 – Ara l-punt 174 tas-sentenza UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, u l-punti 132 u 136 tas-sentenza FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑385/07), iċċitata iktar ’il fuq.


24 – Waqt is-seduta, ir-rappreżentant tar-Renju Unit ikkonferma li organizzatur ta’ avveniment huwa d-detentur ta’ kuntratt ta’ aċċess, li jistipula kif wieħed jista’ jaċċedi għal avveniment u kif jista’ jarah, jiffilmjah eċċ. Għall-kuntrarju, fid-dritt Brittaniku, l-organizzatur ta’ avveniment sportiv ma jgawdix dritt għall-proprjetà li jiggarantilu esklużività, protett kontra terzi, f’dak li jikkonċerna l-isfruttar ta’ avveniment għal skop kummerċjali. Ara S. Gardiner, Sports Law, p. 400 et seq.


25 – Bħala eżempju, jista’ jiġi ċċitat l-Artikolu L333‑1 tal-Kodiċi Sportiv Franċiż, li jipprovdi li l-għaqdiet sportivi, u l-organizzaturi ta’ avvenimenti sportivi, huma proprjetarji tad-dritt ta’ sfruttar tal-avvenimenti jew kompetizzjonijiet sportivi li huma jorganizzaw. Madankollu, il-portata tiegħu u l-kontenut tiegħu ma humiex iddefiniti b’mod ċar. Ara A. Wise u B. Meyer, International Sports Law and Business, Kluwer 1997, p. 1811‑1830.


26 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Sky Österreich (C‑283/11, punt 28), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li jikkonċernaw madankollu l-problema distinta li tirrigwarda l-limitazzjonijiet fuq id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.


27 – Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Broniowski vs Il-Polonja, Rikors Nru 31443/96, punti 143 u 144.


28 – Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Pištorová vs Ir-Repubblika Ċeka, Rikors Nru 73578/01, punt 38.


29 – Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Draon vs Franza, Rikors Nru 1513/03, punt 65.


30 – Sentenza tal-4 octobre 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, Ġabra p. I‑9083, punti 98 u 99).


31 – Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Iatridis, Rikors Nru 31107/96, punt 54.


32 – Dan il-każ huwa komparabbli ma’ dak li hemm qbil li jissejjaħ “goodwill”, u li ġie rrikonoxxut bħala “beni” fis-sens tal-Protokoll Nru 1. Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza van Marle et, Rikors Nru 8543/79, punti 39 sa 41.


33 – Ara s-sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 103).


34 – Ara, b’analoġija, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Beyeler, Rikors Nru 33202/96, punt 98 et seq.


35 – Ara l-punti 179 u 180 tas-sentenza UEFA vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq; punti 139 u 140 tas-sentenza FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑385/07), iċċitata iktar ’il fuq, u punti 142 sa 144 tas-sentenza FIFA vs Il‑Kummissjoni (T‑68/08), iċċitata iktar ’il fuq.


36 – Ara s-sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 108).


37 – F’każ bħal dan, billi d-dritt, fih innifsu, jibqa’ f’idejn l-organizzazzjonijiet sportivi li jistgħu dejjem jassenjaw il-liċenzji jew jirrifjutaw li jagħmlu hekk, il-problema taċ-“ċaħda” tal-proprjetà ma tqumx.


38 – Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan‑Europe Communications Belgium et (C‑250/06, Ġabra p. I‑11135, punt 46).


39 – Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Evropaïki Dynamiki vs BĊE (C‑401/09 P, Ġabra p. I‑4911, punti 55 u 61).


40 – Ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni (C‑628/10 P u C‑14/11 P, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata)


41 – Sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42 – Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 166 sa 168 tal-imsemmija sentenza.


43 – Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C‑263/09 P, Ġabra p. I‑5853).


44 – Ara f’dan is-sens is-sentenza Edwin vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq.


45 – Ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Kaimer et vs Il‑Kummissjoni (C‑264/11 P, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C‑51/92 P, Ġabra p. I‑4235, punt 113).


47 –      Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni (C‑131/03 P, Ġabra p. I‑7795, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


48 – Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni (C-90/09 P, Ġabra p. I‑1, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49 – Ninnota wkoll li r-riferiment li tagħmel il-UEFA għall-punt 71 tal-imsemmija sentenza huwa inkorrett, ladarba l-Qorti Ġenerali tirreferi biss għall-premessa 20 tad-Deċiżjoni 2007/730, mingħajr ma tiġġustifika l-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mad-dritt tal-kompetizzjoni.


50 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 2005 (T‑33/01, Ġabra p. II‑5897).


51 – Sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).