Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia de Reus (Spanja) fit-30 ta’ Mejju 2018 – Jaime Cardus Suárez vs Catalunya Caixa S.A.

(Kawża C-352/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia de Reus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Jaime Cardus Suárez

Konvenuta: Catalunya Caixa S.A.

Domandi preliminari

1)     1.1 L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali li tinkludi indiċi uffiċjali, l-IRPH, irregolat minn dispożizzjoni legali, ma hijiex suġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, anki meta dan l-indiċi ma jkunx applikabbli b’mod obbligatorju indipendentement mill-għażla tiegħu [mill-partijiet], u ma jkunx ta’ natura supplimentari f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet?

    1.2 L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali li tinkludi indiċi uffiċjali, l-IRPH, anki jekk dan huwa rregolat minn dispożizzjoni legali, hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, meta din il-klawżola kuntrattwali tbiddel it-termini tad-dispożizzjoni amministrattiva li tiddefinixxi l-indiċi IRPH, fir-rigward tal-marġni negattiv li għandu jiġi applikat meta dan l-indiċi jintuża bħala rata kuntrattwali bil-għan li r-RPA tat-tranżazzjoni ipotekarja tiġi allinjata ma’ dik tas-suq, fatt li jippermetti li jiġi preżunt li kien hemm tibdil fil-bilanċ kuntrattwali stabbilit mil-leġiżlatur nazzjonali?

2)     2.1     Il-fatt li l-indiċi ta’ riferiment, IRPH, li jkun inserit minn bejjiegħ jew fornitur fi klawżola ta’ kuntratt ta’ self, ikun irregolat minn dispożizzjonijiet legali jew regolatorji, jeskludi l-obbligu tal-qorti li tivverifika jekk il-konsumatur effettivament irċeviex l-elementi kollha li jistgħu jinċidu fuq dan l-indiċi u fuq il-portata tal-impenn tiegħu, sabiex tiddetermina jekk il-klawżola ġietx redatta f’lingwaġġ sempliċi u ċar fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13?

2.2     Hija kuntrarja għad-Direttiva 93/13, dik il-ġurisprudenza li tqis li l-obbligu ta’ trasparenza jkun issodisfatt permezz ta’ sempliċi riferiment għal indiċi uffiċjali fil-klawżola redatta minn qabel, mingħajr ma tkun tista’ tiġi mitluba informazzjoni oħra f’dan ir-rigward mingħand il-bejjiegħ jew il-fornitur li jkun ifformula l-klawżola minn qabel, jew inkella, għall-kuntrarju, sabiex jiġi osservat dan l-obbligu ta’ trasparenza, huwa neċessarju li l-bejjiegħ jew fornitur li jkun inserixxa l-klawżola, li dan jittrażmetti l-informazzjoni marbuta mal-konfigurazzjoni, mal-portata u mal-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu ta’ dan l-indiċi ta’ riferiment?

2.3    L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-omissjoni tal-informazzjoni lill-konsumatur dwar il-konfigurazzjoni, il-funzjonament u l-evoluzzjoni passata u futura prevedibbli tal-IRPH, tal-inqas fuq perijodu ta’ żmien qasir jew medju, b’kont meħud tal-konoxxenzi tal-bejjiegħ jew tal-fornitur dwar dawn l-elementi fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, tippermetti li jitqies li l-klawżola li ssemmi dan l-indiċi ma hijiex redatta f’lingwaġġ sempliċi u ċar fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13?

2.4    L-obbligu ta’ trasparenza tal-klawżola previst mill-Artikolu 4(2) tad-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jirrikjedi li l-konsumatur għandu jiġi informat bid-dispożizzjonijiet regolatorji li jirregolaw l-indiċi ta’ riferiment u l-kontenut tiegħu, sa fejn din hija informazzjoni rilevanti li tippremettilu jifhem l-importanza ekonomika u legali tal-klawżola li tinkludi dan l-indiċi?

2.5    Ir-reklamar u l-informazzjoni pprovduti mill-bejjiegħ jew mill-fornitur li jkun inserixxa l-klawżola, li jistgħu iqarrqu lill-konsumatur fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self li jaħmel riferriment għall-IRPH, jistgħu jikkostitwixxu element li fuqu l-qorti tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tan-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali, konformement mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13?

3)     3.1     Fil-każ li tiġi ddeterminata n-natura inġusta tal-klawżola, b’tali mod li s-self ikollu jiġi rrimborsat mingħajr interessi, il-fatt li minħabba n-nullità u l-eliminazzjoni tal-klawżola tal-interessi varjabbli, tkun ixxejnet ir-raġuni għall-konklużjoni tal-kuntratt mill-perspettiva esklużiva tal-entità bankarja, għandu jippermetti l-possibbiltà li jinbidel il-kuntratt billi jiġi emendat il-kontenut tal-klawżola inġusta, bl-applikazzjoni ta’ kwalunkwe indiċi ta’ riferiment ieħor li jkun jissostitwixxi l-indiċi li jkun ġie ddikjarat null? F’dan il-każ, din l-interpretazzjoni u integrazzjoni tal-kuntratt ikunu jmorru kontra l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13?

____________

1  Direttiva tal-kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288)