OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentata fl-14 ta’ Mejju 2014 1(1)
Kawża C‑146/14 PPU
Direktor na Direktsia «Migratsia» pri Ministerstvo na vatreshnite raboti
vs
Bashir Mohamed Ali Mahdi
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija)]
“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva dwar ir-ritorn — Tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment — Detenzjoni amministrattiva — Estensjoni ta’ tali detenzjoni — Ammissibbiltà possibbli ta’ qbiż tat-tul massimu ta’ detenzjoni, ibbażat fuq l-assenza ta’ dokumenti ta’ identità — Ostakoli għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija — Perspettiva raġonevoli ta’ tneħħija — Rifjut tal-ambaxxata tal-pajjiż tal-oriġini tal-persuna kkonċernata li toħroġ id-dokument meħtieġ għall-vjaġġ tar-ritorn — Obbligu possibbli tal-Istat Membru kkonċernat li joħroġ dokument temporanju dwar l-istatus tal-persuna”
Introduzzjoni
1. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija, għar-raba’ darba (2), mitluba titratta proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98), normalment magħrufa bl-isem “Direttiva dwar ir-ritorn”.
2. F’din l-opinjoni, ser nagħmel diversi drabi riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”). Din l-għażla hija dovuta għall-fatt li d-Direttiva 2008/115 ġustament hija intiża li tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB fil-qasam tad-detenzjoni (3). Din il-ġurisprudenza taqa’ taħt l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li jikkorrispondi għall-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). L-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tistipula li, sa fejn din tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittjiet iggarantiti mill-KEDB, is-sens tagħhom u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk mogħtija mill-KEDB. F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 7 tal-Karta u l-Artikolu 8(1) tal-KEDB, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li “[g]ħandu għaldaqstant jingħata lill-Artikolu 7 tal-Karta l-istess sens u l-istess portata bħal dawk mogħtija lill-Artikolu 8(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem” (4).
3. Fl-opinjoni tiegħi, l-istess jgħodd għall-Artikolu 6 tal-Karta u l-Artikolu 5 tal-KEDB (5).
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Karta
4. Skont l-Artikolu 6 tal-Karta, “[k]ull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà”.
5. L-Artikolu 47 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali” jipprevedi:
“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.
Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.”
Id-Direttiva 2008/115
6. Il-premessi 6, 12 u 16 tad-Direttiva 2008/15 jipprovdu:
“(6) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tmiem ta’ soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitwettaq permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti. Skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi ta’ l-UE, deċiżjonijiet meħuda skond din id-Direttiva għandhom jiġu adottati fuq bażi ta’ każ b’każ u abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li jimplika li l-konsiderazzjoni għandha tmur lil hinn mis-sempliċi fatt ta’ soġġorn illegali. Meta jużaw forom standard għal deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, jiġifieri deċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet li jipprojbixxu d-dħul u deċiżjonijiet dwar it-tneħħija, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw dak il-prinċipju u jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha ta’ din id-Direttiva.
[…]
(12) Għandha tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li għadhom ma jistgħux jiġu mneħħija. Il-kondizzjonijiet bażiċi tagħhom ta’ sussistenza għandhom jiġu definiti skond il-leġislazzjoni nazzjonali. Sabiex ikunu jistgħu jippruvaw is-sitwazzjoni speċifika tagħhom f’każ ta’ kontrolli jew verifiki amministrattivi, dawn il-persuni għandhom jiġu pprovduti b’konferma bil-miktub dwar is-sitwazzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom igawdu diskrezzjoni wiesgħa dwar il-forma u l-format tal-konferma bil-miktub u għandhom ukoll ikunu jistgħu jinkluduha f’deċiżjonijiet relatati mar-ritorn adottati taħt din id-Direttiva.
[…]
(16) L-użu tad-detenzjoni għall-fini ta’ tneħħija għandu jkun limitat u soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti. Id-detenzjoni hija ġustifikata biss biex jiġi ppreparat r-ritorn jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija u jekk l-applikazzjoni ta’ miżuri anqas koerżivi ma tkunx suffiċjenti.”
7. L-għan tad-Direttiva 2008/115 huwa ddefinit fl-Artikolu 1 tagħha kif ġej:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”
8. L-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2008/115 jiddefinixxi “riskju ta’ ħarba” bħala “l-eżistenza ta’ raġunijiet f’każ individwali li huma bbażati fuq kriterji oġġettivi definiti bil-liġi nazzjonali biex wieħed jemmen li ċittadin ta’ pajjiż terz li hu soġġett għal proċeduri ta’ ritorn jista’ jaħrab”.
9. L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Detenzjoni”, jistabbilixxi:
“1. Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:
a) jkun hemm riskju ta’ ħarba jew
b) iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.
Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.
2. Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji.
Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata bil-miktub bir-raġunijiet fil-fatt u fid-dritt.
Meta d-detenzjoni tkun ġiet ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom:
a) jew jipprovdu reviżjoni ġudizzjarja rapida tal-legalità tad-detenzjoni li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun mill-bidu tad-detenzjoni,
b) jew jagħtu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat id-dritt li jieħu proċedimenti li permezz tagħhom il-legalità tad-detenzjoni għandha tkun soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja rapida li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun wara l-bidu tal-proċedimenti rilevanti. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat dwar il-possibbiltà li jieħu tali proċedimenti.
Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jiġi rilaxxat minnufih jekk id-detenzjoni ma tkunx legali.
3. F’kull każ, id-detenzjoni għandha tiġi riveduta f’intervalli raġonevoli ta’ żmien jew b’applikazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio. Fil-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla, ir-reviżjonijiet għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja.
4. Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.
5. Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.
6. L-Istati Membri jistgħu ma jestendux il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:
a) nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew
b) dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.”
Il-KEDB
10. L-Artikolu 5 tal-KEDB, sa fejn rilevanti għall-finijiet tal-kawża preżenti, jipprovdi:
“1. Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-persuna. Ħadd ma għandu jiġi pprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skont il-proċedura preskritta bil-liġi:
[…]
f) l-arrest jew id-detenzjoni skont il-liġi ta’ persuna biex jiġi evitat li tidħol mingħajr awtorità fil-pajjiż jew ta’ persuna li kontra tagħha tkun qed tittieħed azzjoni għad-deportazzjoni jew għall-estradizzjoni.
[…]
4. Kull min ikun ipprivat mil-libertà tiegħu b’arrest jew detenzjoni jkollu dritt li jagħmel proċeduri biex il-legalità tad-detenzjoni tiegħu tiġi deċiża malajr minn qorti u l-libertà tiegħu tiġi ordnata jekk id-detenzjoni ma tkunx skont il-liġi.
[…]”
Id-dritt Bulgaru
Il-liġi dwar il-barranin
11. L-Artikolu 41(1) tal-Liġi dwar il-Barranin fir-Repubblika tal-Bulgarija (Zakon za chuzhdentsite v Republika Bălgaria, DV Nru 153, tat-23 ta’ Diċembru 2013), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża (DV Nru 108 tas-17 ta’ Diċembru 2013, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”) jipprevedi li miżura amministrattiva koersiva ta’ “deportazzjoni fil-fruntiera” tista’ tiġi imposta meta “ma jkunx possibbli għall-barrani li jagħti prova li d-dħul tiegħu fit-territorju kien legali”.
12. L-Artikolu 42h(1), (3) u (4) tal-Liġi dwar il-Barranin, fil-formulazzjoni tiegħu applikabbli għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, moqri flimkien mal-punt 22 tal-Artikolu 10(1) ta’ din il-Liġi, jipprevedi li miżura amministrattiva koersiva ta’ “projbizzjoni ta’ dħul” tista’ tiġi imposta meta jkun jidher li d-dħul tal-barrani fit-territorju huwa intiż għall-użu tal-pajjiż bħala punt ta’ passaġġ bl-għan li jemigra lejn pajjiżi terzi oħra.
13. Skont l-Artikolu 44(5) tal-Liġi dwar il-Barranin, “[m]eta jkunu jeżistu ostakoli li jxekklu lill-barrani milli jitlaq immedjatament mit-territorju jew li jidħol f’pajjiż ieħor, l-imsemmi barrani huwa obbligat, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità li tkun ħadet il-miżura amministrattiva koersiva, li jippreżenta ruħu, kull ġimgħa, quddiem it-taqsima lokali tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni, skont il-modalitajiet previsti permezz tad-digriet ta’ implementazzjoni tal-preżenti liġi, sakemm l-ostakoli għall-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ deportazzjoni fil-fruntiera jew ta’ tkeċċija ma jkunux tneħħew, u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri intiżi għat-tneħħija imminenti tiegħu”.
14. Skont l-Artikolu 44(6) ta’ dik il-liġi:
“Meta miżura amministrattiva koersiva tittieħed skont il-punti (2) u (3) tal-Artikolu 39a(1), kontra barrani li l-identità tiegħu ma setgħetx tiġi stabbilita, meta dan tal-aħħar ixekkel l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-imsemmija miżura, jew meta hemm riskju ta’ ħarba, l-awtorità li ħadet id-deċiżjoni tista’ wkoll tagħti deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni kontra l-barrani, fil-bini ta’ ċentru ta’ detenzjoni amministrattiva ta’ barranin, bl-għan li jipprepara ruħu għad-deportazzjoni tiegħu fil-fruntiera tar-Repubblika tal-Bulgarija jew it-tkeċċija tiegħu.”
15. Skont l-Artikolu 44(8) ta’ din l-istess liġi:
“Id-detenzjoni amministrattiva sseħħ meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 6 jiġu ssodisfatti, u din ma għandhiex taqbeż is-sitt xhur. L-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu (1) jivverifikaw ex officio darba kull xahar, flimkien mad-Direttur tad-Direttorat “Migratsia”, li l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tqegħid taħt detenzjoni huma ssodisfatti. B’mod eċċezzjonali, meta l-persuna tirrifjuta li tikkoopera mal-awtoritajiet kopetenti, u meta jkun hemm dewmien fil-ksib tad-dokumenti meħtieġa għad-deportazzjoni fil-fruntiera jew għat-tkeċċija, it-tul tad-detenzjoni jista’ jiġi estiż għal 12-il xahar. Meta, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża, jiġi kkonstatat li ma għadhomx jeżistu perspettivi raġonevoli ta’ tneħħija tal-barrani minħabba raġunijiet ġuridiċi jew tekniċi, il-persuna kkonċernata tiġi rilaxxata immedjatament.”
16. Skont l-Artikolu 46a(1) tal-Liġi dwar il-Barranin, “[i]d-deċiżjoni ta’ tqegħid f’ċentru ta’ detenzjoni amministrattiva tista’ tiġi kkontestata, skont il-modalitajiet previsti mill-Kodiċi ta’ Proċedura Aministrattiva [Administrativnoprotsesualen kodeks, iktar ’il quddiem l-“APK”], fi żmien 14-il jum mit-tqegħid effettiv”.
17. L-Artikolu 46a(2) ta’ dik il-liġi jipprovdi li l-qorti adita għandha tiddeċiedi dwar dan l-appell f’seduta pubblika, mingħajr ma l-persuna kkonċernata tkun obbligata tidher, u li d-deċiżjoni ġudizzjarja tista’ hija stess tkun suġġetta għal appell.
18. Skont l-Artikolu 46a(3) tal-istess liġi, “[k]ull sitt xhur, id-Direttur taċ-ċentru ta’ detenzjoni amministrattiva ta’ ċittadini barranin għandu jippreżenta lista tal-barranin li ssoġġornaw hemmhekk għal iktar minn sitt xhur minħabba ostakoli għat-tneħħija tagħhom mit-territorju. L-imsemmija lista tiġi kkomunikata lill-qorti amministrattiva li taħtha jaqa’ ċ-ċentru ta’ detenzjoni amministrattiva”.
19. L-Artikolu 46a(4) tal-Liġi dwar il-Barranin jipprovdi:
“Fi tmiem kull perijodu ta’ sitt xhur ta’ tqegħid f’ċentru ta’ detenzjoni t-tribunal jordna ex officio, jew saħansitra fuq it-talba tal-barrani kkonċernat, in camera, l-estensjoni tad-detenzjoni, miżuri li jissostitwixxuha jew saħansitra r-rilaxx. Id-digriet tal-qorti jista’ jkun appellat skont il-modalitajiet previsti [mill-APK].”
20. Skont il-punt 4c tal-paragrafu (1) tad-dispożizzjonijiet addizzjonali tal-Liġi dwar il-Barranin, l-eżistenza ta’ “riskju ta’ ħarba ta’ barrani li huwa suġġett għal miżura amministrattiva koersiva” tiġi stabbilita meta, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi fattwali, tkun teżisti raġuni plawżibbli li wieħed jissuspetta li din il-persuna tista’ tevadi mill-eżekuzzjoni tal-miżura ordnata. Jistgħu jikkostitwixxu elementi f’dan is-sens il-fatt li l-persuna ma tkunx tista’ tinsab fid-domiċilju ddikjarat, l-eżistenza ta’ ksur preċedenti tal-ordni pubbliku, l-eżistenza ta’ kundanni preċedenti tal-persuna, minkejja r-riabilitazzjoni tagħha, il-fatt li hija ma telqitx mill-pajjiż fi żmien li ngħatalha sabiex tkun tista’ titlaq b’mod volontarju, li hija wriet b’mod ċar biżżejjed li hija ma kinitx ser tikkonforma mal-miżura imposta fuqha, li hija għandha fil-pussess tagħha dokumenti foloz, jew saħansitra ma għandha ebda dokument, li hija pproduċiet informazzjoni żbaljata, li fil-passat hija diġà ħarbet u li hija ma kkonformatx ma projbizzjoni ta’ dħul.
L-APK
21. L-Artikolu 128(1) tal-APK, intitolat “Ġurisdizzjoni ratione materiae” jipprevedi:
“Jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tat-tribunal amministrattivi l-kawżi kollha li jikkonċernaw talbiet intiżi:
1. għall-adozzjoni, l-emenda, l-annullament jew id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ att amministrattiv;
[…]
3. Il-protezzjoni ġudizzjarja kontra l-atti u ommissjonijiet tal-amministrazzjoni li huma nieqsa minn bażi legali.”
22. Skont l-Artikolu 168(1) tal-APK, intitolat “Suġġett tal-istħarriġ ġudizzjarju”:
“Il-qorti ma għandhiex tillimita ruħha li teżamina biss il-motivi invokati mir-rikorrent, iżda hija obbligata, abbażi tal-provi prodotti mill-partijiet, li tistħarreġ il-legalità tal-att amministrattiv ikkontestat fir-rigward ta’ kull waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 146.”
23. Skont l-Artikolu 170(1) tal-APK, intitolat “Oneru tal-prova”, “l-awtorità amministrattiva u l-persuni li għalihom huwa favorevoli l-att amministrattiv ikkontestat għandhom jagħtu prova tal-eżistenza tar-raġunijiet ta’ fatt indikati fl-att u l-eżekuzzjoni tar-rekwiżiti legali għall-adozzjoni tiegħu.”
24. L-Artikolu 173(1) tal-APK, intitolat “Setgħa tal-qorti mal-għoti tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità jew tal-annullament tal-att amministrattiv”, jipprovdi:
“Meta l-kwistjoni ma tkunx suġġetta għall-evalwazzjoni tal-awtorità amministrattiva, il-qorti adita għandha tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża wara li tkun jew iddikjarat l-invalidità jew inkella tkun annullat l-att amministrattiv.”
Il-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
25. Fid-9 ta’ Awwissu 2013, Bashir Mohamed Ali Mahdi twaqqaf mal-fruntiera ta’ Bregovo (il-Bulgarija) filwaqt li kien qiegħed jipprova jaħrab mill-Bulgarija sabiex imur is-Serbja. Huwa kellu fuqu dokumenti ta’ identità u ppreżenta ruħu bl-isem ta’ Bashir Mohamed Ali Mahdi, imwieled fil-5 ta’ Novembru 1974 fis-Sudan u ċittadin ta’ dak l-Istat.
26. Fl-istess jum, ittieħdu tliet miżuri amministrattivi kontra Bashir Mohamed Ali Mahdi mid-Direttur tal-punt ta’ kontroll tal-punt ta’ kontroll tal-fruntiera Bulgara, jiġifieri miżura ta’ “deportazzjoni ta’ barrani fil-fruntiera”, miżura ta’ “projbizzjoni ta’ dħul ta’ barrani fil-Bulgarija” u deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni amministrattiva, b’eżekuzzjoni tal-ewwel żewġ miżuri.
27. Fl-10 ta’ Awwissu 2013, Bashir Mohamed Ali Mahdi tqiegħed fiċ-ċentru speċjali ta’ tqegħid temporanju tal-barranin tad-Direktsia «Migratsia» pri Ministerstvo na vătreshnite raboti (Direttorat tal-migrazzjoni fi ħdan il-Ministeru tal-Intern), stabbilit f’Busmantsi (il-Bulgarija), li jinsab fid-distrett ta’ Sofia (il-Bulgarija), skont id-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni amministrattiva.
28. Fit-12 ta’ Awwissu 2013, Bashir Mohamed Ali Mahdi ffirma, quddiem l-awtoritajiet amministrattivi Bulgari, dikjarazzjoni tal-kunsens tiegħu għar-ritorn volontarju tiegħu lejn is-Sudan.
29. Fit-13 ta’ Awwissu 2013, id-Direktor na Direktsia «Migratsia» pri Ministerstvo na vatreshnite raboti (Direttur tal-Migrazzjoni fi ħdan il-Minsiteru tal-Intern, iktar ’il quddiem id-“Direktor”) bagħat ittra lill-ambaxxata tar-Repubblika tas-Sudan, fejn informaha bil-miżuri meħuda kontra Bashir Mohamed Ali Mahdi u t-tqegħid taħt detenzjoni tiegħu. Huwa indika wkoll li kien neċessarju li d-dipartiment konsulari fi ħdan din l-istess ambaxxata jikkonferma l-identità ta’ Bashir Mohamed Ali Mahdi u joħroġlu tip ta’ konferma minflok passaport sabiex dan ikun jista’ jitlaq mill-Bulgarija u jirritorna lejn is-Sudan.
30. F’data mhux speċifikata mill-qorti tar-rinviju bejn it-13 u s-16 ta’ Awwissu 2013, Bashir Mohamed Ali Mahdi ddikjara b’mod orali quddiem l-awtoritajiet amministrattivi Bulgari li huwa ma xtaqx jirritorna lejn is-Sudan b’mod volontarju. Mill-proċess jirriżulta li din id-dikjarazzjoni kienet saret wara laqgħa ma’ rappreżentant tal-ambaxxata tar-Repubblika tas-Sudan, li kkonferma l-identità ta’ Bashir Mohamed Ali Mahdi filwaqt li rrifjuta li joħroġlu dokument ta’ identità li jippermettilu jivvjaġġa barra mill-pajjiż. Dan ir-rifjut kien apparentement ibbażat fuq il-fatt li Bashir Mohamed Ali Mahdi ma xtaqx jirritorna lejn is-Sudan. Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika tal-Bulgarija kkonfermat li ma ħadet ebda azzjoni wara dan ir-rifjut.
31. Fis-16 ta’ Awwissu 2013, is-Sinjura Ruseva, ċittadina Bulgara li r-rabtiet tagħha ma’ Bashir Mohamed Ali Mahdi ma humiex ippreċiżati b’mod ieħor, talbet lid-Direktor sabiex Bashir Mohamed Ali Mahdi jingħata ħelsien mill-arrest taħt garanzija u annettiet dikjarazzjoni notarili li tiżgura l-akkomodazzjoni u l-manteniment ta’ Bashir Mohamed Ali Mahdi. Hija indikat ukoll indirizz.
32. Wara din it-talba, fis-26 ta’ Awwissu 2013, l-awtoritajiet Bulgari wettqu verifika fid-domiċilju ta’ Ruseva. Huma kkonstataw li dan kien post ta’ erba’ kmamar, fejn Bashir Mohamed Ali Mahdi kellu kamra tas-sodda minnhom.
33. Fis-27 ta’ Awwissu 2013, id-Direktor ippropona lill-kap tiegħu, billi bbaża ruħu fuq id-dikjarazzjoni ta’ Ruseva u fuq il-verifikazzjoni mwettqa, it-tħassir tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni amministrattiva. Id-Direktor ippropona wkoll l-adozzjoni ta’ miżura inqas koersiva kontra Bashir Mohamed Ali Mahdi, jiġifieri deċiżjoni ta’ “preżentazzjoni mensili quddiem it-taqsima lokali tal-Ministeru tal-Affarijiet Interni tal-post ta’ residenza”, sa ma jintemmu l-ostakoli għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fir-rigward tiegħu.
34. Fid-9 ta’ Settembru 2013, id-Direktor tal-punt ta’ kontroll tal-fruntiera, permezz ta’ ittra indirizzata lill-istess kap, indika li d-deċiżjoni ma kellhiex titħassar għar-raġunijiet li ġejjin, jiġifieri li Bashir Mohamed Ali Mahdi ma daħalx fil-Bulgarija b’mod legali, huwa ma għandux titolu ta’ soġġorn sabiex jgħix fil-Bulgarija, fir-rigward tiegħu ġie rrifjutat l-istatus ta’ refuġjat mill-Aġenzija Nazzjonali tar-Refuġjati fid-29 ta’ Diċembru 2012 u huwa wettaq reat kriminali meta qasam il-fruntiera nazzjonali bejn il-Bulgarija u s-Serbja minn postijiet li ma humiex previsti għal dan l-għan.
35. Skont il-qorti tar-rinviju, la d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni amministrattiva, la r-rifjut li dan it-tqegħid jitħassar u li jiġi ssostitwit b’miżura inqas koersiva, u lanqas id-deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti ta’ status ta’ refuġjat ma ġew ikkontestati.
36. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali ġiet ippreżentata quddiem il-qorti tar-rinviju permezz tal-preżentata ta’ ittra tad-Direktor. Dan talab lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi ex officio, abbażi tal-Artikolu 46a(3) u (4) tal-Liġi dwar il-Barranin, dwar iż-żamma tad-detenzjoni ta’ Bashir Mohamed Ali Mahdi.
37. Huwa f’dan il-kuntest li l-Administrativen sad Sofia-grad (il-qorti amministrattiva ta’ Sofia, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja l-erba’ domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 15(3) u (6) tad-[Direttiva 2008/115], moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 47 tal-[Karta], dwar id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
a) jekk, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, awtorità amministrattiva tkun obbligata tirrevedi kull xahar iż-żamma f’detenzjoni amministrattiva, mingħajr ma tkun espliċitament obbligata tadotta att amministrattiv, u jekk din l-awtorità nazzjonali tkun obbligata tipproduċi ex officio quddiem il-qorti l-lista taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li nżammu f’detenzjoni għal żmien itwal mit-tul legali tad-detenzjoni inizjali, minħabba li jkun hemm ostakoli għat-tneħħija tagħhom, l-imsemmija awtorità amministrattiva tkun obbligata tadotta, fid-data meta tintemm id-detenzjoni prevista mid-deċiżjoni individwali ta’ detenzjoni inizjali, att espliċitu sabiex tiġi rriveduta d-detenzjoni fid-dawl tar-raġunijiet għall-estensjoni tat-tul tad-detenzjoni previsti mid-dritt tal-Unjoni, jew tkun obbligata tordna li l-persuna kkonċernata tinħeles mid-detenzjoni?
b) jekk, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, il-qorti adita jkollha s-setgħa li tordna l-estensjoni tad-detenzjoni amministrattiva, li tissostitwixxiha b’miżura inqas oneruża għal-libertà jew li tordna li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jinħeles mid-detenzjoni, fejn din is-setgħa tiġi eżerċitata wara li jintemm it-tul massimu tad-detenzjoni inizjali bil-għan tat-tneħħija skont l-imsemmi dritt nazzjonali, l-imsemmija qorti tkun obbligata teżerċita, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, stħarriġ tal-legalità ta’ att ta’ reviżjoni tad-detenzjoni li jindika raġunijiet ta’ dritt u ta’ fatt dwar il-ħtieġa li tiġi estiża d-detenzjoni u dwar it-tul tagħha, filwaqt li tiddeċiedi fil-mertu sabiex tordna l-estensjoni tad-detenzjoni, miżuri li jissostitwixxu d-detenzjoni jew li l-persuna kkonċernata tinħeles mid-detenzjoni?
c) jekk att ta’ reviżjoni tad-detenzjoni amministrattiva jindika biss ir-raġunijiet għaliex ma huwiex possibbli li tiġi eżegwita d-deċiżjoni ta’ tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-qorti adita li teżerċita stħarriġ tal-legalità ta’ dan l-att fid-dawl tar-raġunijiet għall-estensjoni tat-tul tad-detenzjoni previsti mid-dritt tal-Unjoni, u, filwaqt li tibbaża ruħha biss fuq fatti u provi prodotti mill-awtorità amministrattiva, kif ukoll fuq oġġezzjonijiet u fatti ppreżentati miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li tiddeċiedi fil-mertu billi tagħti deċiżjoni li tordna l-estensjoni tad-detenzjoni, miżuri li jissostitwixxu d-detenzjoni jew li l-persuna kkonċernata tinħeles mid-detenzjoni?
2) F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 15(1) u (6) tad-[Direttiva 2008/115], għandu jiġi interpretat fis-sens li r-raġuni awtonoma għall-estensjoni tad-detenzjoni [, jiġifieri] li “il-persuna ma għandhiex dokumenti ta’ identità”, prevista mid-dritt nazzjonali inkwistjoni, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni minħabba li tkopri ż-żewġ każijiet imsemmija [fl-imsemmi Artikolu 15(6)], sa fejn, skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, jista’ jiġi kkunsidrat li, f’tali sitwazzjoni, hemm raġuni plawżibbli sabiex wieħed jissuspetta li l-imsemmija persuna tista’ tevita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija, raġuni li timplika riskju ta’ ħarba fis-sens tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni?
3) F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 15(1)(a) u (b) u (6) tad-[Direttiva 2008/115], moqri flimkien mal-premessi 2 u 13 tad-Direttiva, dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jiġi leġittimament konkluż li hemm riskju ta’ ħarba għar-raġuni li l-persuna inkwistjoni ma għandhiex dokumenti ta’ identità, qasmet il-fruntiera nazzjonali b’mod illegali u ddikjarat li ma tixtieqx tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, minkejja li preċedentement imliet dikjarazzjoni ta’ ritorn volontarju lejn il-pajjiż tagħha u indikat l-identità tagħha b’mod eżatt, ċirkustanzi li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “riskju ta’ ħarba” tad-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ ritorn fis-sens tad-[Direttiva 2008/115] li, fid-dritt nazzjonali, huwa ddefinit bħala raġuni plawżibbli li wieħed jissuspetta li l-imsemmija persuna tista’ tevita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn fuq il-bażi ta’ punti ta’ fatt?
4) F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 15(1)(a) u (b), (4) u (6) tad-[Direttiva 2008/115], moqri flimkien mal-premessi 2 u 13 tad-Direttiva, dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
a) iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jikkooperax għall-finijiet tal-preparazzjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn lejn l-Istat ta’ oriġini tiegħu jekk jiddikjara oralment, quddiem uffiċjal tal-ambaxxata tal-Istat inkwistjoni, li ma jixtieqx jirritorna lejn il-[pajjiż] ta’ oriġini tiegħu, minkejja li preċedentement mela dikjarazzjoni ta’ ritorn volontarju u indika l-identità tiegħu b’mod eżatt, u fis-sens li jkun hemm dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiż terz u li jeżisti prospett raġonevoli ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, sa fejn, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ambaxxata tal-pajjiż inkwistjoni ma toħroġx id-dokument meħtieġ għall-vjaġġ ta’ ritorn tal-persuna kkonċernata sal-pajjiż ta’ oriġini tagħha, minkejja li tkun ikkonfermat l-identità tal-persuna?
b) fil-każ li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jinħeles mid-detenzjoni minħabba l-assenza ta’ prospett raġonevoli ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija, peress li l-imsemmi ċittadin ma jkollux dokumenti ta’ identità, ikun qasam il-fruntiera nazzjonali b’mod illegali u ddikjara li ma jixtieqx jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, u meta, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ambaxxata tal-pajjiż inkwistjoni ma toħroġx id-dokument meħtieġ għall-vjaġġ ta’ ritorn tal-persuna kkonċernata sal-pajjiż ta’ oriġini tagħha, minkejja li tkun ikkonfermat l-identità tal-persuna, għandu jitqies li l-Istat Membru inkwistjoni huwa obbligat joħroġ dokument temporanju dwar l-istatus tal-persuna?”
Fuq il-proċedura b’urġenza
38. Permezz ta’ digriet separat tat-28 ta’ Marzu 2014, l-Administrativen sad Sofia-grad talbet li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti jiġi sottomess għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari msemmija fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
39. It-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fit-8 ta’ April 2014, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza.
Analiżi
Osservazzjoni preliminari
40. Fid-dawl tal-formulazzjoni u tan-natura tad-domandi magħmula, qabelxejn għandu jitfakkar li peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TUE, sabiex tapplika r-regoli tal-Unjoni f’każ partikolari u, għaldaqstant, sabiex tikklassifika dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali fir-rigward ta’ din ir-regola (6).
41. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-koperazzjoni ġudizzjarja stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, u abbażi tal-elementi tal-proċess, tipprovdi lil qorti nazzjonali bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (7). Huwa f’dan l-ispirtu li ser niddiskuti d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.
Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari
42. Fl-opinjoni tiegħi, id-domandi huma kollha ammissibbli, inkluża l-aħħar waħda li tirrigwarda l-possibbiltà li Bashir Mohamed Ali Mahdi jinħeles. Din id-domanda ma tikkostitwixxix domanda ipotetika fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (8). Għall-kuntrarju, hija taqa’ fil-loġika tad-domandi preċedenti u tikkostitwixxi konsegwenza tagħhom. Il-qorti tar-rinviju għandha tkun f’pożizzjoni li tiggwida lill-amministrazzjoni fl-ipoteżi fejn Bashir Mohamed Ali Mahdi jinħeles. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena ser neżamina d-domandi fl-ordni li fiha huma saru.
Fuq il-mertu tad-domandi preliminari
43. Il-qorti tar-rinviju tagħmel sensiela ta’ domandi proċedurali u sostantivi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115.
Is-sistema ta’ detenzjoni stabbilita bid-Direttiva 2008/115
44. Sabiex tingħata risposta utli għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandha tiġi spjegata fil-qosor is-sistema ta’ tqegħid taħt detenzjoni, kif ukoll ir-reviżjoni u l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, stabbilita bl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115.
45. Fil-kliem tal-premessa (2) tagħha, id-Direttiva 2008/115 tfittex it-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn tal-persuni kkonċernati b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali tagħhom u tad-dinjità tagħhom. Din hija intiża li tiżgura l-bilanċ bejn id-drittijiet u l-interessi tal-Istati Membri dwar il-kontroll tad-dħul, tas-soġġorn u tat-tneħħija tal-barranin (9) u d-drittijiet individwali tal-persuni kkonċernati. F’dak li jikkonċerna lil dawn tal-aħħar, id-Direttiva 2008/115 hija intiża li tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB fil-qasam tad-dritt għal-libertà (10). L-istess japplika għall-“Għoxrin linja gwida dwar ir-ritorn furzat”, adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fl-4 ta’ Mejju 2005 (11), li għalihom id-Direttiva 2008/115 tagħmel riferiment fil-premessa (3) tagħha. L-Artikolu 15 ta’ dik id-direttiva kien, fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv (12), wieħed mill-artikoli l-iktar diskussi bejn l-istituzzjonijiet politiċi tal-Unjoni (13).
46. Il-prinċipju sottostanti l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 huwa li huwa biss l-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ ritorn u ta’ tneħħija li jiġġustifika ċ-ċaħda ta’ libertà u li, jekk il-proċeduri ma jitwettqux bid-diliġenza meħtieġa, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni (14).
47. Mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li detenzjoni għandha biss tintuża bħala l-aħħar rimedju, fin-nuqqas ta’ miżuri inqas koersivi, u li, fi kwalunkwe każ, detenzjoni tista’ tiġi deċiża biss jew jekk jeżisti riskju ta’ ħarba, jew jekk iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija. Id-detenzjoni għal raġunijiet ta’ tkeċċija la għandha natura punittiva (15) u lanqas kriminali u ma tikkostitwixxix piena ta’ priġunerija (16). L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 jeħtieġ interpretazzjoni stretta, fejn id-detenzjoni furzata tikkostitwixxi, bħala ċaħda ta’ libertà, eċċezzjoni għad-dritt fundamentali tal-libertà individwali (17).
48. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li d-detenzjoni ta’ persuna li kontrieha inbdiet proċedura ta’ tkeċċija ma tiġix estiża għal perijodu mhux raġonevoli, jiġifieri ma taqbiżx iż-żmien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit (18). Dan il-prinċipju jinsab fl-Artikolu 15(5) tad-Direttiva 2008/115, li jipprevedi barra minn hekk li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur (19).
49. Bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet inizjali ta’ detenzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 ikunu għadhom issodisfatti, Stat Membru jista’, b’mod eċċezzjonali, jestendi l-perijodu ta’ detenzjoni inizjali massimu jekk, minkejja l-isforzi raġonevoli tiegħu kollha, huwa probabbli li l-operazzjoni ta’ tneħħija ddum iktar u jekk waħda mill-kundizzjonijiet addizzjonali previsti fl-Artikolu 15(6) ta’ din id-Direttiva tkun issodisfatta, jiġifieri nuqqas ta’ kooperazzjoni taċ-ċittadin tal-pajjiż terz jew dewmien sostnut għall-ksib tad-dokumenti neċessarji mingħand il-pajjiż terz. Dawn il-kundizzjonijiet addizzjonali huma eżawrjenti. L-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115 għandu, bħall-Artikolu 15(1) ta’ dik id-Direttiva, jiġi interpretat b’mod strett.
50. Fi kwalunkwe mument, jekk il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni ma jibqgħux issodisfatti, skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115, il-persuna kkonċernata għandha immedjatament tiġi rilaxxata.
51. Id-Direttiva 2008/115 tipprevedi, fl-Artikolu 15(2) tagħha, stħarriġ ġudizzjarju f’dak li jikkonċerna d-detenzjonijiet ordnati mill-awtoritajiet amministrattivi. B’hekk, l-Istati Membri huma obbligati jew li jipprevedu stħarriġ ġudizzjarju mħaffef tal-legalità tad-detenzjoni bl-iktar mod mgħaġġel possibbli mill-bidu tad-detenzjoni, jew jagħti liċ-ċittadin ikkonċernat tal-pajjiż terz id-dritt li jagħti bidu għal proċedura li permezz tagħha jsir stħarriġ ġudizzjarju mħaffef tal-legalità, liema stħarriġ għandu jseħħ l-iktar malajr possibbli sa mit-tnehdija tal-proċedura inkwistjoni. Permezz ta’ din il-ħtieġa, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni wkoll li jieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti EDB dwar id-detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija (20) kif ukoll il-Linja Gwida Nru 9 dwar ir-ritorn furzat (21).
52. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija ppreċiżat li għażlet it-tieni possibbiltà prevista fl-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2008/115, permezz tal-Artikolu 46a(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Barranin.
53. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115, f’kull każ, għandha ssir reviżjoni tad-detenzjoni “f’intervalli raġonevoli ta’ żmien” jew fuq talba tal-persuna kkonċernata, jew ex officio.
54. Skont ir-Repubblika tal-Bulgarija, dawn ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/115 huma trasposti bl-Artikoli 44(8) u 46a(3) u (4) tal-Liġi dwar il-Barranin.
55. Fl-aħħar nett, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) ta’ dik id-direttiva, “[f]il-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla”, ir-reviżjonijiet għandhom b’mod obbligatorju jkunu suġġetti għal stħarriġ minn awtorità ġudizzjarja.
56. Mill-proċess jirriżulta li r-Repubblika tal-Bulgarija ttrasponiet dan l-obbligu permezz tal-Artikolu 46a(3) u (4) tal-Liġi dwar il-Barranin.
Fuq il-punt (a) tal-ewwel domanda
57. Permezz tal-punt (a) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115 jeħtieġx li reviżjoni ta’ detenzjoni għandha titwettaq b’att apposta, jiġifieri jekk tali reviżjoni għandhiex tikkonkludi, permezz ta’ att apposta, kemm li d-detenzjoni tal-persuna kkonċernata hija mtawla, kif ukoll li din tal-aħħar hija rilaxxata. Il-qorti tar-rinviju b’hekk tixtieq issir taf l-obbligi tal-awtorità amministrattiva nazzjonali li teżerċita l-kontroll perjodiku tal-legalità tad-detenzjoni.
58. Mill-proċess jirriżulta li, skont id-dritt Bulgaru, l-awtorità amministrattiva li teżerċita dan il-kontroll ma hijiex obbligata tadotta att bil-miktub espliċitu f’dak li jikkonċerna l-estensjoni tal-miżura, la meta din teżerċita kontrolli mensili obbligatorji (22) u lanqas qabel ma hija tibgħat il-proċess lill-qorti fil-kuntest ta’ talba għal estensjoni tal-miżura għal iktar minn perijodu ta’ sitt xhur (23).
59. It-tieni sentenza tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115 tippreċiża li d-detenzjoni għandha tiġi ordnata bil-miktub, u għandhom jiġu indikati r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi. Għall-kuntrarju, hija la tippreċiża liema awtorità għandha twettaq ir-reviżjoni u lanqas liema forma din ir-reviżjoni għandha tieħu.
60. Fl-opinjoni tiegħi, il-frażi “reviżjoni” tfisser li l-istanza ta’ reviżjoni għandha tanalizza jekk ir-raġunijiet inizjali ta’ detenzjoni previsti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 għadhomx validi. F’kull każ individwali, hija għandha tivverifika b’attenzjoni jekk (għadux) jeżisti riskju ta’ ħarba jew jekk il-persuna kkonċernata hijiex qiegħda tevita jew ixxekkel il-preparazzjoni tar-ritorn jew tal-proċedura ta’ tneħħija. Hija għandha wkoll tivverifika jekk għandhomx jittieħdu miżuri inqas koersivi.
61. F’dak li jirrigwarda estensjoni eċċezzjonali ta’ iktar mill-perijodu msemmi fl-Artikolu 15(5) tad-Direttiva 2008/115, l-istanza ta’ reviżjoni għandha wkoll tiżgura li waħda mill-kundizzjonijiet addizzjonali previsti fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115 hija ssodisfatta.
62. Kwalunkwe reviżjoni għandha tippermetti lil awtorità ġudizzjarja li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha skont l-Artikolu 15(2) jew (3) ta’ dik id-Direttiva sabiex tiggarantixxi rimedju lill-persuna kkonċernata, skont l-Artikolu 47 tal-Karta (24).
63. X’inhi l-konsegwenza ta’ dawn ir-rekwiżiti f’dak li jikkonċerna l-forma ta’ reviżjoni?
64. F’dan il-punt, nipproponi li ssir differenzazzjoni bejn, minn naħa, r-reviżjonijiet “f’intervalli raġonevoli ta’ żmien”, imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115, u, min-naħa l-oħra, ir-reviżjonijiet “fil-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla”, imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) ta’ dik id-Direttiva.
65. Ir-reviżjonijiet f’intervalli raġonevoli, imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115 jitwettqu matul il-perijodu stabbilit bid-deċiżjoni ta’ detenzjoni inizjali. Issa, att ġdid jidher superfluwu jekk id-detenzjoni ma tittawwalx għal iktar mit-tul inizjali u jekk ir-raġunijiet ma nbidlux.
66. Ir-reviżjonijiet f’każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla, imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) ta’ dik id-direttiva, huma, skont il-qari li jiena għamilt ta’ din id-dispożizzjoni, imwettqa bl-għan li tinkiseb estensjoni tad-detenzjoni inizjali, li din l-estensjoni tibda matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 15(5) tad-Direttiva 2008/115 (25) jew mal-iskadenza ta’ dan il-perijodu (26). F’dawn il-każijiet, għandha tiġi adottata deċiżjoni ġdida bl-istess forma tad-deċiżjoni inizjali u li għaldaqstant tissodisfa r-rekwiżiti formali tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(2) ta’ dik id-Direttiva. Dan ir-rekwiżit formali huwa meħtieġ sabiex jippermetti stħarriġ ġudizzjarju ulterjuri.
67. Minn dan isegwi li jaqbel li r-risposta għall-punt (a) tal-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115 għandu jkun interpretat fis-sens li f’sitwazzjoni fejn it-tul inizjali ta’ detenzjoni skada, l-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi dwar l-estensjoni ta’ detenzjoni inizjali permezz ta’ deċiżjoni bil-miktub, filwaqt li tindika r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi.
Fuq il-punti (b) u (c) tal-ewwel domanda
68. Permezz tal-punti (b) u (c) tal-ewwel domanda tagħha, biż-żewġ komponenti ta’ din id-domanda għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk din għandhiex tiddeċiedi fuq il-mertu meta hija teżerċita stħarriġ fuq att ta’ reviżjoni jew meta hija tiddeċiedi li ttawwal id-detenzjoni u fuq liema elementi fattwali hija tista’ tibbaża ruħha. B’hekk il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf in-natura u l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju obbligatorju bl-għan ta’ estensjoni tal-miżura meta t-tul massimu inizjalment stabbilit għad-detenzjoni skada.
69. Minn din id-domanda preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tidher inċerta fir-rigward tar-rwol tagħha fil-kuntest ta’ stħarriġ ta’ reviżjoni skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115.
70. In-natura ta’ stħarriġ ġudizzjarju tinvolvi li għandu jkun possibbli għall-awtorità ġudizzjarja li tivverifika jekk ir-raġunijiet li fuqhom ġiet ibbażata d-deċiżjoni ta’ detenzjoni għadhomx validi u, jekk ikun il-każ, jekk il-kundizzjonijiet għall-estensjoni tad-detenzjoni humiex issodisfatti. Għall-finijiet tal-osservanza tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-qorti nazzjonali għandu jkollha ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tad-deċiżjoni dwar il-mertu. Konsegwentement, hija għandu jkollha l-possibbiltà li tiddeċiedi dwar l-estensjoni tad-detenzjoni, dwar is-sostituzzjoni għad-detenzjoni b’miżura inqas koersiva jew dwar ir-rilaxx tal-persuna kkonċernata.
71. Fl-opinjoni tiegħi, id-Direttiva 2008/115 ma tipprekludix, fiha nfisha, sitwazzjoni fejn tkun l-awtorità ġudizzjarja stess li tiddeċiedi dwar l-estensjoni tad-detenzjoni, sakemm din għandha l-elementi kollha msemmija iktar ’il fuq.
72. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 huwa inkondizzjonali u preċiż biżżejjed sabiex ma jeħtieġx elementi oħra partikolari sabiex jippermetti l-implementazzjoni mill-Istati Membri (27). Għalhekk, dan jista’ jiġi applikat direttament mill-qorti tar-rinviju favur individwu.
73. Skont l-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2008/115, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, l-awtorità ġudizzjarja għandha tkun kompetenti, jekk ikun hemm bżonn, li tistaqsi lill-awtorità amministrattiva sabiex tipprovdilha l-elementi kollha li jikkonċernaw kull fajl individwali u li titlob liċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu.
74. Għall-kuntrarju, ċerti miżuri, bħal dawk tal-koordinazzjoni mat-trasportaturi u l-korrispondenza mal-awtoritajiet tal-pajjiż terz, jaqgħu taħt il-funzjonijiet ta’ awtorità amministrattiva u mhux taħt dawk tal-qorti tar-rinviju.
75. Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha tassumi ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-mertu. B’hekk, dejjem jekk hija tista’ tapplika direttament l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, din hija obbligata li eventwalment twarrab dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali li għandhom l-effett li jxekkluha milli tassumi tali ġurisdizzjoni sħiħa. F’dan ir-rigward, jiena nfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li qorti nazzjonali għandha l-obbligu tapplika b’mod sħiħ id-dritt tal-Unjoni u tipproteġi d-drittijiet li dan jagħti lill-individwi, billi tħalli mhux applikata kull dispożizzjoni possibbilment kuntrarja għal-liġi nazzjonali (28).
76. Bħala eżempju, minkejja li l-proċedura prevista fl-Artikolu 46a(4) tal-Liġi dwar il-Barranin kienet tfisser, skont id-dritt nazzjonali, li l-persuna kkonċernata hija mxekkla milli tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni ta’ detenzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha twarrab tali ostakolu u tistieden lill-persuna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.
77. B’hekk jien nipproponi li r-risposta għall-punti (b) u (c) tal-ewwel domanda tkun li, fil-kuntest tal-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2008/115, kull deċiżjoni li tikkonċerna l-estensjoni ta’ detenzjoni meħuda mill-awtorità amministrattiva nazzjonali għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju li għandu jitwettaq bl-għan li tiġi ggarantita l-osservanza tad-dritt tal-persuna kkonċernata għal rimedju effettiv, previst fl-Artikolu 47 tal-Karta. Kull awtorità ġudizzjarja li twettaq tali stħarriġ ġudizzjarju jew li tiddeċiedi dwar l-estensjoni ta’ detenzjoni għandha tkun tista’ taġixxi b’ġurisdizzjoni sħiħa u tiddeċiedi fuq il-mertu, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha u l-kunsiderazzjonijiet konkreti kollha mqajma matul il-proċedura fil-kawża prinċipali, u tieħu d-deċiżjoni tagħha b’evalwazzjoni kemm tal-fatti u tal-provi invokati mill-awtorità amministrattiva kif ukoll l-oġġezzjonijiet u l-fatti ppreżentati miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Għandu jkun possibbli għaliha li tiddeċiedi dwar is-sostituzzjoni għad-detenzjoni ta’ miżura inqas koersiva jew dwar ir-rilaxx tal-persuna kkonċernata.
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
78. Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15(1) u (6) tad-Direttiva jipprekludix prassi nazzjonali fejn perijodu inizjali ta’ detenzjoni ta’ sitt xhur jista’ jittawwal għar-raġuni awtonoma li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat ma għandux dokumenti ta’ identità u jekk, f’kuntest fattwali bħal dak fil-kawża prinċipali, jeżistix riskju ta’ ħarba skont l-Artikolu 15(1) u (6) ta’ dik id-direttiva.
79. Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-raġuni li l-persuna kkonċernata ma għandhiex dokumenti ta’ identità ma tinsabx fost ir-raġunijiet dwar id-deċiżjoni inizjali ta’ detenzjoni, imsemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115, u lanqas fost dawk dwar l-estensjoni tal-perijodu ta’ detenzjoni, imsemmija fl-Artikolu 15(6) ta’ dik id-direttiva.
80. F’dan il-kuntest, infakkar li huwa biss fl-ipoteżi fejn hemm riskju li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tar-ritorn fil-forma ta’ tneħħija tista’ tiġi kompromessa mill-aġir taċ-ċittadin tal-pajjiż terz li dan jista’ jibqa’ mċaħħad mil-libertà permezz ta’ detenzjoni (29).
81. Il-fatt li din il-persuna ma għandhiex dokumenti jikkostitwixxi, evidentement, wieħed mill-elementi li l-qorti tar-rinviju tieħu inkunsiderazzjoni meta din tistabbilixxi jekk jeżistix riskju ta’ ħarba jew jekk il-persuna kkonċernata tevitax jew ixxekkilx il-preparazzjoni tar-ritorn jew tal-proċedura ta’ tneħħija. Il-punt 4c tal-paragrafu (1) tad-dispożizzjonijiet addizzjonali tal-Liġi dwar il-Baranin ukoll jidher li jirrifletti din il-ħtieġa.
82. Barra minn hekk, nixtieq infakkar li l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2008/115 jiddefinixxi “riskju ta’ ħarba” bħala l-“l-eżistenza ta’ raġunijiet f’każ individwali li huma bbażati fuq kriterji oġġettivi definiti bil-liġi nazzjonali biex wieħed jemmen li ċittadin ta’ pajjiż terz li hu soġġett għal proċeduri ta’ ritorn jista’ jaħrab”.
83. Fil-kuntest tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 (30), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull evalwazzjoni li tikkonċerna riskju ta’ ħarba għandha tkun ibbażata fuq eżami individwali tal-każ tal-persuna kkonċernata (31). Tali eżami ppersonalizzat tan-neċessità li persuna tiċċaħħad mil-libertà tagħha sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija tagħmel parti wkoll minn protezzjoni iktar wiesgħa kontra l-arbitrarjetà (32).
84. Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għat-tieni u t-tielet domandi tkun li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprekludi t-tqegħid taħt detenzjoni minħabba s-sempliċi raġuni li ċittadin ta’ pajjiż terz ma għandux dokumenti ta’ identità. Tali element jista’, madankollu, jittieħed inkunsiderazzjoni bħala wieħed mill-elementi rilevanti għall-finijiet li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba fis-sens tal-istess paragrafu.
Fuq il-punt (a) tar-raba’ domanda
85. Permezz tal-punt (a) tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-awtoritajiet Bulgari jistgħux itawlu d-detenzjoni taċ-ċittadin tal-pajjiż terz, dan tal-aħħar ta prova ta’ “nuqqas ta’ kooperazzjoni” u/jew minħabba “[kien hemm] dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja [mill-pajjiż terz]” skont l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115.
86. Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għall-punt (a) tar-raba’ domanda jirriżulta direttament mill-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115. Dan il-paragrafu huwa intiż li jirregola sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru li jwettaq l-operazzjoni ta’ tneħħija għandu jkun wettaq l-isforzi raġonevoli kollha, jiġifieri l-azzjonijiet kollha li huwa għandu jwettaq, qabel ma jikkunsidra l-estensjoni ta’ detenzjoni. Jekk, minkejja dan, huwa probabbli li l-operazzjoni ta’ tneħħija ddum iktar (minħabba nuqqas ta’ kooperazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, jew dewmien għall-ksib, mingħand il-pajjiż terz, tad-dokumenti neċessarji), huwa jista’, b’mod eċċezzjonali, itawwal il-perijodu ta’ detenzjoni iktar mill-perijodu msemmi fl-Artikolu 15(5) tad-Direttiva 2008/115.
87. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali fir-rigward ta’ dik id-dispożizzjoni.
88. F’dan il-kuntest, anki fl-ipoteżi fejn il-fatti fil-kawża prinċipali deskritti mill-qorti tar-rinviju jindikaw nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa ta’ Bashir Mohamed Ali Mahdi u/jew dewmien sabiex jinkisbu d-dokumenti neċessarji min-naħa tas-Sudan, l-awtoritajiet Bulgari għandhom iwettqu “l-isforzi raġonevoli kollha”, kif meħtieġ mill-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115.
89. Matul il-perijodu ta’ detenzjoni kollu, huma għandhom b’mod attiv u kontinwu u mhux interrott ikomplu bil-proċeduri sabiex jinkiseb, min-naħa tal-ambaxxata, il-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u huma obbligati jinnegozjaw l-ammissjoni ta’ Bashir Mohamed Ali Mahdi fis-Sudan fl-iqsar żmien possibbli. Nixtieq intenni li d-detenzjoni hija biss immotivata mit-tneħħija u li hija ma għandhiex natura punittiva.
90. Il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB tikkonferma tali analiżi. Fil-fatt, din il-Qorti kkontatat ksur tad-dritt għal-libertà mwettaq mir-Repubblika tal-Bulgarija f’każ fejn, matul perijodu ta’ 18-il xahar, kulma għamlu l-awtoritajiet Bulgari kien li kitbu tliet darbiet lill-ambaxxata tal-pajjiż terz ikkonċernat sabiex titlob li lir-rikorrent jinħariġlu dokument tal-ivvjaġġar. Skont il-Qorti EDB, dawn it-tliet ittri ma kinux biżżejjed sabiex jintwera li l-awtoritajiet Bulgari segwew il-każ b’mod attiv jew li huma għamlu sforzi sabiex jinnegozjaw trasferiment imħaffef jew l-ammissjoni tar-rikorrent f’pajjiż terz (33).
91. Fl-aħħar nett, jidher li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-Repubblika tal-Bulgarija ttrasponiet id-dispożizzjoni dwar id-detenzjoni massima, fl-Artikolu 44(8) tal-Liġi dwar il-Barranin, fis-sens li “t-tul tad-detenzjoni jista’ jiġi estiż sa 12-il xahar” (34). Fl-eventwalità fejn dan ifisser li b’hekk hija għażlet li tillimita l-perijodu ta’ detenzjoni totali għal tnax-il xahar u li ma eżawrixxietx iż-żmien massimu permess mill-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 (35), hija ma tistax tapplika din id-dispożizzjoni b’mod li jippermettilha testendi ż-żmien ta’ detenzjoni iktar minn total ta’ tnax-il xahar. Fil-fatt, Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjoni ta’ direttiva kontra individwu (36).
92. Għaldaqstant, ir-risposta għall-punt (a) tar-raba’ domanda għandha tkun li, skont l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jtawlu l-perijodu ta’ detenzjoni għal iktar mill-perijodu msemmi fl-Artikolu 15(5) ta’ din id-direttiva biss jekk l-operazzjoni ta’ tneħħija ddum iktar minħabba elementi fattwali li ma humiex ikkawżati minnhom. Anki fl-ipoteżi fejn il-fatti tal-proċedura fil-kawża prinċipali jindikaw nuqqas ta’ kooperazzjoni taċ-ċittadin tal-pajjiż terz u/jew dewmien għall-ksib tad-dokumenti neċessarji mingħand il-pajjiż terz, Stat Membru huwa obbligat iwettaq b’mod attiv u b’mod kontinwu u mhux interrott l-isforzi tiegħu bil-għan tal-eżekuzzjoni tal-operazzjoni ta’ tneħħija.
Fuq il-punt (b) tar-raba’ domanda
93. Permezz ta’ din l-aħħar domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lil-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fl-eventwalità fejn iċ-ċittadin tal-Istat terz jingħata l-libertà u fejn l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat jibqgħu ma joħorġux dokument ta’ identifikazzjoni, l-Istat Membru huwa obbligat joħroġ dokument temporanju dwar l-istatus tal-imsemmi ċittadin.
94. Hekk kif il-Kummissjoni enfasizzat fl-osservazzjonijiet tagħha, ma teżistix armonizzazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz b’soġġorn irregolari li fir-rigward tagħhom id-dispożittiv ta’ tneħħija ma jistax jiġi eżegwit. B’mod partikolari, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002, tat-13 ta’ Ġunju 2002, li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiz terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 3) japplika biss, skont l-Artikolu 1(2) tiegħu, għas-soġġorni legali.
95. Li kieku l-awtoritajiet Bulgari jiddeċiedu li Bashir Mohamed Ali Mahdi ma għadx għandu jirritorna lejn is-Sudan, huma jkunu liberi, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115, li jagħtuh titolu ta’ soġġorn jew kull awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet karitatevoli, umanitarji jew oħrajn.
96. Fl-assenza ta’ tali deċiżjoni, jiena nqis li obbligu għall-Istati Membri li jipprovdu lill-persuna kkonċernata konferma bil-miktub tas-sitwazzjoni tagħha jirriżulta mil-loġika stess tad-Direttiva 2008/115. Tali dokument ikun jippermetti li jiġi evitat li dik il-persuna terġa’ titwaqqaf mill-awtoritajiet Bulgari jekk dan jerġa’ jintalab jagħti prova tas-sitwazzjoni partikolari tiegħu matul verifika jew kontroll amministrattiv.
97. Għaldaqstant, jiena nipproponi li r-risposta għall-punt (b) tar-raba’ domanda tkun li l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 għandu jkun interpretat fid-dawl tal-premessa (12) tagħha fis-sens li jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi rilaxxat, l-Istat Membru għandu joħroġlu konferma bil-miktub tas-sitwazzjoni tiegħu sabiex huwa jkun jista’ jagħti prova tas-sitwazzjoni partikolari tiegħu fil-każ ta’ kontroll amministrattiv jew ta’ verifika.
Konklużjoni
98. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Administrativen sad Sofia-grad kif ġej:
1) L-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi dwar l-estensjoni ta’ detenzjoni inizjali permezz ta’ att individwali apposta.
2) Fil-kuntest tal-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2008/115, kull deċiżjoni li tikkonċerna l-estensjoni ta’ detenzjoni meħuda mill-awtorità amministrattiva nazzjonali għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju li għandu jitwettaq bl-għan li tiġi ggarantita l-osservanza tad-dritt tal-persuna kkonċernata għal rimedju effettiv, previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Kull awtorità ġudizzjarja li twettaq tali stħarriġ ġudizzjarju jew li tiddeċiedi dwar l-estensjoni ta’ detenzjoni għandha tkun tista’ taġixxi b’ġurisdizzjoni sħiħa u tiddeċiedi fuq il-mertu, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha u l-kunsiderazzjonijiet konkreti kollha mqajma matul il-proċedura fil-kawża prinċipali, u tieħu d-deċiżjoni tagħha b’evalwazzjoni kemm tal-fatti u tal-provi invokati mill-awtorità amministrattiva kif ukoll l-oġġezzjonijiet u l-fatti ppreżentati miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Għandu jkun possibbli għaliha li tiddeċiedi dwar is-sostituzzjoni għad-detenzjoni ta’ miżura inqas koersiva jew dwar ir-rilaxx tal-persuna kkonċernata.
3) L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprekludi t-tqegħid taħt detenzjoni minħabba s-sempliċi raġuni li ċittadin ta’ pajjiż terz ma għandux dokumenti ta’ identità. Tali element jista’, madankollu, jittieħed inkunsiderazzjoni bħala wieħed mill-elementi rilevanti għall-finijiet li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba fis-sens tal-istess paragrafu.
4) Skont l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jtawlu l-perijodu ta’ detenzjoni għal iktar mill-perijodu msemmi fl-Artikolu 15(5) ta’ din id-direttiva biss jekk l-operazzjoni ta’ tneħħija ddum iktar minħabba elementi fattwali li ma humiex ikkawżati minnhom. Anki fl-ipoteżi fejn il-fatti tal-proċedura fil-kawża prinċipali jindikaw nuqqas ta’ kooperazzjoni taċ-ċittadin tal-pajjiż terz u/jew dewmien għall-ksib tad-dokumenti neċessarji mingħand il-pajjiż terz, Stat Membru huwa obbligat iwettaq b’mod attiv u b’mod kontinwu u mhux interrott l-isforzi tiegħu bil-għan tal-eżekuzzjoni tal-operazzjoni ta’ tneħħija.
5) Fil-każ fejn, skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi rilaxxat, l-Istat Membru għandu joħroġlu konferma bil-miktub tas-sitwazzjoni tiegħu sabiex huwa jkun jista’ jagħti prova tas-sitwazzjoni partikolari tiegħu fil-każ ta’ kontroll amministrattiv jew ta’ verifika.