Language of document : ECLI:EU:C:2010:501

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 2010 1(1)

Kawża C‑261/09

Proċedura kriminali

kontra

Gaetano Mantello

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Stuttgart (il‑Ġermanja)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja – Prinċipju ta’ ‘ne bis in idem’ – Dritt fundamentali – Applikazzjoni meta s-sentenza definittiva ngħatat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat – Kunċett tal-‘istess atti’ –Kunċett awtonomu – Kamp ta’ applikazzjoni”





1.        Il-mandat ta’ arrest Ewropew, introdott bid-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI (2), issostitwixxa l-proċedura formali ta’ estradizzjoni bejn l-Istati Membri b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji, ibbażata fuq grad għoli ta’ fiduċja bejn dawn l-awtoritajiet. Ġustament huwa kkunsidrat bħala l-istrument ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali li jipproduċi l-aħjar riżultati.

2.        Id-Deċiżjoni Qafas telenka b’mod eżawrjenti r-raġunijiet li jistgħu jipprekludu l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Dawn il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw għall-ewwel darba l-portata tar-raġuni indikata fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas li tgħid li mandat ta’ arrest Ewropew ma għandux jiġi eżegwit meta l-persuna rikjesta kienet diġà s-suġġett ta’ sentenza definittiva għall-istess atti li, meta tkun sentenza ta’ kundanna, ġiet eżegwita, qed tiġi eżegwita jew ma tistax tiġi eżegwita iktar.

3.        Dawn il-proċedimenti joriġinaw mill-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-awtorità ġudizzjarja Taljana kontra ċittadin Taljan li joqgħod fil-Ġermanja u din l-awtorità takkużah li pparteċipa fi traffikar ta’ kokaina f’organizzazzjoni kriminali bejn il-Ġermanja u l-Italja matul perijodu ta’ diversi xhur, matul is-snin 2004 u 2005.

4.        L-Oberlandesgericht Stuttgart (il-Ġermanja) tistaqsi dwar l-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas għal din il-kawża fid-dawl tal-fatti li ġejjin. Minn naħa, il-persuna rikjesta kienet ġiet ikkundannata minn qorti Taljana għar-reat tal-pussess illegali ta’ kokaina mwettaq fit-13 ta’ Settembru 2005 u, min-naħa l-oħra, l-investigaturi Taljani diġà kellhom, fil-mument ta’ din il-kundanna, informazzjoni biżżejjed biex iħarrku lil din il-persuna bl-akkuża li pparteċipat fit-traffikar imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew, imma dan ma għamluhx biex ma jikkompromettux l-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjoni tagħhom fuq dan it-traffikar.

5.        Hija tagħmel żewġ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel waħda dwar il-kwistjoni jekk il-kunċett tal-“istess atti” li jsir riferiment għalih fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas għandux jinftiehem bħala li jirreferi għad-dritt tal-Istat Membru li joħroġ il-mandat jew għal dak tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jew inkella jekk dan għandux jiġi interpretat b’mod awtonomu. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni domanda, jekk dan il-kunċett japplikax għas-sitwazzjoni fejn l-investigaturi, meta l-persuna rikjesta kienet ġiet ikkundannata għal fatt iżolat ta’ pussess ta’ drogi narkotiċi, kellhom il-prova tal-parteċipazzjoni tagħha fi traffikar iktar estiż imma kienu ddeċidew, fl-interess tal-investigazzjoni, li ma jħarrkuhiex għal din il-parteċipazzjoni.

6.        Dawn iż-żewġ domandi jistrieħu fuq il-premessa li l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas jista’ jiġi applikat ukoll meta l-fatti msemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew huma s-suġġett ta’ sentenza definittiva fl-Istat Membru fejn inħareġ dan il-mandat.

7.        Din il-premessa hija kkontestata bil-qawwa mill-maġġoranza tal-Istati Membri li intervjenew f’din il-proċedura, u jgħidu li din tmur kontra l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li fuqu hija bbażata s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Dawn l-Istati Membri huma tal-fehma li r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni inkwistjoni tapplika biss meta l-fatti msemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew ikunu s-suġġett ta’ sentenza definittiva mogħtija fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru li joħroġ il-mandat.

8.        Qabel l-eżami tad-domandi magħmulin mill-qorti tar-rinviju, ser nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi fuq il-validità tal-premessa li fuqha huma bbażati d-domandi, mhux biss għaliex din hija kwistjoni ta’ prinċipju, iżda anki għaliex huwa probabbli ħafna li din tqum f’numru kbir ta’ każijiet.

9.        Ser nuri li, għalkemm is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew hija bbażata fuq livell għoli ta’ fiduċja reċiproka, xorta jibqa’ l-fatt li l-konsenja tal-persuna msemmija f’dan il-mandat tirriżulta minn deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (3) li għandha tittieħed b’mod li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali. Ser nesponi li l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas huwa espressjoni tal-prinċipju ne bis in idem, li huwa dritt fundamentali rrikonoxxut mill-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri kollha u sanċit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4).

10.      Niddeduċi minn dan li, għalkemm bis-saħħa tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, ma hijiex l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi li għandha tivverifika ex officio l-osservanza ta’ dan il-prinċipju, xorta jibqa’ l-fatt li ma tistax teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew jekk hija jkollha provi biżżejjed li dan il-prinċipju nkiser, u dan anki fil-każ fejn il-fatti kienu diġà s-suġġett ta’ sentenza definittiva fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat.

11.      Imbagħad ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li l-kunċett tal-“istess atti”, fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas, fin-nuqqas ta’ riferiment għad-dritt tal-Istati Membri dwar il-kontenut tiegħu, għandu, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, jiġi interpretat b’mod uniformi fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Ser insostni wkoll li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal dak imsemmi fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (5), minħabba li t-termini huma l-istess u li l-għanijiet taż-żewġ dispożizzjonijiet huma simili.

12.      Fl-aħħar nett, b’risposta għat-tieni domanda, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tgħid, fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS, li l-fatt li s-servizzi ta’ investigazzjoni kellhom, fil-mument meta ngħatat is-sentenza fir-rigward tal-persuna rikjesta għal fatt iżolat ta’ pussess illegali ta’ drogi narkotiċi, provi tal-involviment ta’ din il-persuna, matul diversi xhur, fi traffikar ta’ drogi narkotiċi fi ħdan organizzazzjoni kriminali u li huma rrinuzjaw li jħarrku din il-persuna b’din l-akkuża dakinhar għall-ħtiġiet tal-investigazzjoni, huwa irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-kunċett tal-istess atti.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-Deċiżjoni Qafas

13.      Id-Deċiżjoni Qafas għandha bħala għan li tneħħi, bejn l-Istati Membri, il-proċedura formali ta’ estradizzjoni stabbilita mid-diversi konvenzjonijiet li fihom huma parti l-Istati Membri u li tissostitwiha b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. B’mod partikolari, din għandha bħala għan it-“tneħħija tal-komplessità u potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni” u li “jiġu mibdula b’sistema ta’ moviment liberu ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tin[għ]ata’ s-sentenza kif ukoll dawk finali” (6).

14.      Id-Deċiżjoni Qafas hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li jikkostitwixxi l-“punt ta’ referenza” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja (7). Is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li waqqfet id-Deċiżjoni Qafas, tistrieħ fuq “livell għoli ta’ kunfidenza [fiduċja]” bejn l-Istati Membri (8).

15.      Madankollu, skont it-premessa 8 tad-Deċiżjoni Qafas, id-deċiżjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata għandha tieħu deċiżjoni għal dak li jirrigwarda l-konsenja ta’ din tal-aħħar.

16.      Bl-istess mod, skont il-premessa 12 tad-Deċiżjoni Qafas, din tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat UE, riflessi fil-Karta.

17.      Dawn l-objettivi tad-Deċiżjoni Qafas huma tradotti bil-mod li ġej fid-dispożizzjonijiet regolatorji.

18.      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi:

“1)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop tal-arrest u ċ-ċediment [il-konsenja] minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2)      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3)      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea.”

19.      L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas jelenka tliet raġunijiet biex, b’mod obbligatorju, ma jiġix eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew. L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas jgħid dan li ġej:

“L-awtorità ġudizzjarja [li teżegwixxi] għandha tiċħad li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

[…]

2)      jekk l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi hi informata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta’ l-istess atti previst li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ġiet mgħoddija jew qed tiġi mgħoddija bħalissa jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li jagħti s-sentenza.”

20.      L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas isemmi, f’seba’ punti, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakoltattiva ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. L-Artikolu 4(3) u (5) tad-Deċiżjoni Qafas jgħid dan li ġej:

“L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

[…]

3)      fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji [li jeżegwixxu] ddeċidew jew li ma jagħmlux prosekuzzjoni għall-offiża fuq liema l-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat jew li jwaqqfu l-proċeduri, jew fejn sentenza finali in[għ]atat fuq il-persuna rikjesta fi Stat Membru, fir-rigward ta’ l-istess atti, li ma tħallix proċeduri oħra;

[…]

5)      jekk l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi hi nfurmata li l-persuna rikjesta ġiet iġġudikata finalment minn Stat terz fir-rigward ta’ l-istess atti previst li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ġiet mgħoddija jew bħalissa qed tiġi mgħoddija jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza.”

21.      L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas jelenka l-informazzjoni obbligatorja li għandu jinkludi mandat ta’ arrest Ewropew. Minbarra l-identità tal-persuna rikjesta, il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jsemmi, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi tar-reat u l-informazzjoni fuq il-parteċipazzjoni tal-persuna rikjesta. Din l-informazzjoni għandha tiġi tradotta fil-lingwa uffiċjali tal-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi.

22.      L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas jirrigwarda d-deċiżjoni fuq il-konsenja. Dan jgħid li:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha tiddeċiedi, fil-limiti tal-ħin u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi ċeduta [kkonsenjata].

2.      Jekk l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru li joħroġ il-mandat ma huwiex suffiċjenti biex tħalli li tiddeċiedi fuq iċ-ċediment [il-konsenja], għandha titlob li l-informazzjoni meħtieġa supplementarja, partikolarment fir-rigward tal-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu tal-ħin għar-riċeviment tagħha, waqt li tittieħed in konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti tal-ħin stabbiliti fl-Artikolu 17.

3.      L-awtorità ġudizzjarja [tal-Istat Membru] li toħroġ il-mandat [(9)] tista’ fi kwalunkwe ħin tibgħat kwalunkwe informazzjoni utli addizzjonali lill-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi.”

23.      L-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas jirregola t-termini u l-proċeduri għad-deċiżjoni biex jiġi eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew. Dan jgħid li:

“1.      Mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat bħala kwistjoni ta’ urġenza.

2.      F’każijiet fejn il-persuna rikjesta tagħti kunsens għaċ-ċediment [għall-konsenja] tagħha, id-deċiżjoni finali fuq l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ għaxart ijiem wara li l-kunsens ġie mogħti.

3.      F’każijiet oħra, id-deċiżjoni finali fuq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 60-il ġurnata wara l-arrest tal-persuna rikjesta.

4.      Fejn f’każijiet speċifiċi l-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jiġi esegwit fil-limiti tal-ħin stabbiliti fil-paragrafi 2 jew 3, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi għandha tinforma immedjatament l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat ta’ dan, u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien. F’każ bħal dan, il-limiti tal-ħin jistgħu jiġu estiżi bi 30 ġurnata iżjed.

5.      Sakemm l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi ma ħaditx deċiżjoni finali fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew, għandha tassigura li l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għaċ-ċediment [għall-konsenja] effettiva tal-persuna jibqgħu milqugħa.

6.      Raġunijiet għandhom jingħataw għal kwalunkwe ċaħda għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

7.      Fejn f’ċirkostanzi eċċezzjonali Stat Membru ma jistax iħares il-limiti tal-ħin previsti f’dan l-Artikolu, għandu jinforma lil Eurojust, waqt li jagħti r-raġunijiet għad-dewmien. Barra dan, Stat Membru li esperjenza dewmien ripetut fuq il-parti ta’ Stat Membru ieħor fl-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandu jinforma lil Kunsill bl-iskop għall-istima ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru fuq il-livell ta’ l-Istati Membri.”

24.      Fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi d-drittijiet tal-persuna rikjesta. Meta din il-persuna tkun arrestata, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi, skont l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas, għandha tinfurmaha bil-kontenut tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Il-persuna arrestata tista’ taqbel mal-konsenja tagħha jew topponiha. Hija tista’ wkoll tirrinunzja jew le għar-regola tal-ispeċjalità, li tistipula li persuna kkonsenjata bis-saħħa ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax tiġi mħarrka għal reat kommess qabel il-konsenja tagħha għajr għal dak li ġiet ikkonsenjata għalih (10). Meta l-persuna arrestata ma taqbilx mal-konsenja tagħha, hija għandha d-dritt li tinstema’ mill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi (11).

B –    Il-prinċipju ta’ ne bis in idem

25.      L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas huwa espressjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

1.      Il-bażi tal-prinċipju ta’ ne bis in idem

26.      Il-prinċipju espress mill-massima Latina ne bis in idem jew non bis in idem, li tfisser “mhux darbtejn għall-istess ħaġa”, ifisser li persuna ma tistax tiġi kkundannata darbtejn għall-istess fatt.

27.      Dan il-prinċipju huwa inerenti fil-kunċett tal-Istat tad-dritt. Fil-fatt meta s-soċjetà tkun eżerċitat id-dritt leġittimu tagħha li tikkastiga l-awtur ta’ reat kontra r-regoli tagħha, hija tkun eżawriet id-dritt tagħha li tħarrku u għalhekk ma għandhiex iktar is-setgħa li tissanzjona l-persuna kkundannata diġà għal dan il-fatt. Dan il-prinċipju għalhekk ma jistax jiġi sseparat minn dak tal-awtorità tar-res judicata kif ukoll tal-proporzjonalità tal-pieni li bis-saħħa tiegħu s-sanzjoni għandha tkun proporzjonata għall-gravità tal-fatti li fir-rigward tagħhom tkun ġiet imħarrka l-persuna kkonċernata.

28.      Ikkunsidrat fil-livell tal-individwu, il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa intiż biex jiggarantixxi lill-persuna kkundannata li, meta tkun skontat il-piena tagħha, hija tkun ħallset id-“debitu tagħha” lis-soċjetà u tista’ tieħu postha lura mingħajr biża’ li terġa’ tiġi mħarrka. Għalhekk dan jirrispondi għal eżiġenza doppja ta’ ekwità u ta’ ċertezza legali.

29.      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa prinċipju antik ħafna (12). Madankollu, mhux talli baqa’ jintuża, talli ġie progressivament imseddaq u mwessa’ bl-iżvilupp tad-dritt kriminali fis-soċjetajiet moderni f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, ir-rwol tas-sanzjoni. Fil-fatt, l-iżvilupp modern tad-dritt kriminali, kondiviż mill-Istati Membri kollha, jagħmel mir-rijabilitazzjoni funzjoni fundamentali tal-piena. B’hekk, din tal-aħħar ma hijiex biss intiża biex tkun ta’ kastig u dissważiva, iżda għandha l-għan ukoll li tiffavorixxi r-riabilitazzjoni tal-ikkundannat. Din ir-riabilitazzjoni tissupponi neċessarjament li d-debitu jiġi kkunsidrat bħala mħallas b’mod definittiv u li l-persuna kkonċernata li ġiet ikkundannata definittivament ma għandha xejn iżjed x’tibża’ mil-liġi.

30.      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa sanċit f’diversi atti internazzjonali kemm fid-dritt intern tal-Istati Membri kif ukoll fi ħdan l-Unjoni.

31.      Fid-dritt intern, il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa espress fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat fit-22 ta’ Novembru 1984, għall-inqas għall-Istati Membri li aderew għalih (13). Dan l-Artikolu 4 jgħid li:

“1.      Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni tal- Istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.

[…]”

32.      Mil-lat tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-prinċipiju ta’ ne bis in idem huwa affermat fl-Artikolu 54 tal-KFS (14) fit-termini li ġejjin:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

33.      L-Artikolu 54 tal-KFS għandu bħala għan li jiġi ggarantit il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni fi ħdan l-Unjoni. Irid jevita li persuna, bil-fatt li teżerċita d-dritt tagħha ta’ moviment liberu, ma tiġix imħarrka għall-istess azzjonijiet fit-territorju ta’ diversi Stat Kontraenti (15).

34.      Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet kriminali tal-Istati Membri, l-applikazzjoni ta’ prinċipju bħal dan timplika neċessarjament li teżisti fiduċja reċiproka bejn dawn l-Istati fis-sistemi rispettivi tagħhom ta’ ġustizzja kriminali u li kull wieħed minnhom jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt kriminali fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħrajn anki jekk l-implementazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu twassal għal soluzzjoni differenti (16).

35.      Fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ġie sanċit fl-Artikolu 50 tal-Karta bħala ostakolu għal kundanna doppja kemm mill-qrati tal-istess Stat Membru kif ukoll mill-qrati tal-Istati Membri differenti, bil-kundizzjoni li s-sitwazzjoni taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni (17). Dan l-Artikolu 50 jgħid:

“L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.” (18)

2.      Il-kontenut tal-prinċipju ta’ ne bis in idem

36.      Huwa diffiċli li jiġi ddefinit il-kontenut preċiż tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, lil hinn mid-definizzjoni ġenerali ħafna msemmija iktar ’il fuq (19). Dan jista’ jvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor. Id-differenzi jistgħu jikkonċernaw iż-żewġ elementi li fuqhom tiddependi l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, jiġifieri l-bis u l-idem.

37.      Il-kunċett ta’ bis ikopri d-determinazzjoni tad-deċiżjonijiet li jistgħu jagħtu lok għall-applikazzjoni tal-prinċipju.

38.      L-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, l-Artikolu 54 tal-KFS u l-Artikolu 50 tal-Karta, isemmu, bħall-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas, sentenza definittiva li tillibera lill-akkużat jew sentenza definittiva ta’ kundanna. L-Artikolu 54 tal-KFS u l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas iżidu, madankollu, bħala kundizzjoni supplimentari fil-każ ta’ sentenza ta’ kundanna, li din ġiet eżegwita, jew qiegħda tiġi eżegwita jew li ma tistax tiġi eżegwita iktar skont il-liġi tal-Istat ta’ kundanna.

39.      Madankollu, tqum id-domanda jekk din l-aħħar kundizzjoni tkoprix il-każ ta’ maħfra u ta’ amnestija, jew ukoll jekk id-deċiżjonijiet li fuqhom tista’ tkun ibbażata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem humiex limitati biss għad-deċiżjonijiet tal-qrati jew jekk jinkludux dawk tal-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni, meta dawn itemmu definittivament il-prosekuzzjonijiet, u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet.

40.      Il-kunċett ta’ idem jirriferi għall-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati bħala li diġà ġew iġġudikati. Jista’ jirrigwarda, b’interpretazzjoni favorevoli għall-persuni, l-identiċità tal-fatti materjali biss jew inkella, f’sens iktar strett, l-identiċità tar-reati, jiġifieri ta’ dawk il-fatti koperti bil-kwalifika ġuridika tagħhom.

41.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġiet ikkonfrontata b’diversi minn dawn id-domandi fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS.

42.      Fir-rigward tal-bis, hija interpretat il-kundizzjoni li s-sanzjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Kontraenti “tkun ġiet infurzata” jew “tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata” fis-sens li hija tkopri s-sitwazzjoni li fiha l-akkużat ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija fejn l-eżekuzzjoni tagħha tkun ġiet sospiża. Madankollu dan il-kunċett ma jkoprix il-każ fejn l-akkużat tqiegħed f’kustodja u/jew f’detenzjoni provviżorja, inkluż meta, skont id-dritt tal-Istat ta’ kundanna, din iċ-ċaħda tal-libertà għandha tiġi addebitata fuq l-eżekuzzjoni ulterjuri tal-piena ta’ priġunerija (20).

43.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-prinċipju ta’ ne bis in idem japplika għal deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Kontraenti mogħtija wara l-eżerċizzju tal-azzjoni kriminali, li biha akkużat jiġi lliberat b’mod definittiv minħabba l-preskrizzjoni tar-reat li wassal għall-prosekuzzjonijiet (21).

44.      Bl-istess mod, dan il-prinċipju japplika għal deċiżjoni definittiva li tillibera lill-akużat minħabba nuqqas ta’ provi (22). Fl-aħħar nett, ikopri sentenza inkontumaċja mogħtija mill-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru barra mit-territorju kopert mill-KFS (23).

45.      Għal dak li jirrigwarda l-awtur tad-deċiżjoni li tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-prinċipju japplika wkoll għall-proċeduri ta’ estinzjoni tal-azzjoni pubblika li bihom il-prosekutur pubbliku ta’ Stat Membru jtemm, mingħajr l-intervent ta’ qorti, proċedura kriminali li tkun għaddejja f’dan l-Istat, wara li l-akkużat ikun issodisfa ċerti obbligi u, b’mod partikolari, ikun ħallas somma ta’ flus stabbilita mill-prosekutur pubbliku (24).

46.      Madankollu l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma japplikax għal deċiżjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru li tiddikjara li każ ingħalaq, wara li l-prosekutur pubbliku jkun iddeċieda li ma jmexxix l-azzjoni pubblika għall-unika raġuni li l-proċeduri kriminali kienu saru fi Stat Membru ieħor kontra l-istess akkużat u għall-istess atti, u dan fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kunsiderazzjoni tal-mertu (25).

47.      Dan il-prinċipju lanqas ma japplika f’deċiżjoni li permezz tagħha awtorità ta’ Stat Kontraenti, wara eżami fuq il-mertu tal-każ li jiġi sottomess lilha, tordna, fi stadju qabel l-inkriminazzjoni tal-persuna suspettata b’reat, is-sospensjoni tal-proċeduri kriminali, meta din id-deċiżjoni ta’ sospensjoni, skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat, ma tagħlaqx b’mod definittiv l-azzjoni pubblika u għalhekk ma tikkostitwixxix ostakolu għal proċeduri kriminali ġodda, għall-istess atti, f’dak l-Istat imsemmi (26).

48.      Fir-rigward tal-idem, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 54 tal-KFS għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kriterju rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu huwa dak tal-identiċità tal-fatti materjali, mifhum bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ fatti marbutin inseparabbilment ma’ xulxin, indipendentement mill-kwalifika ġuridika ta’ dawn il-fatti jew l-interess ġuridiku protett (27).

49.      Hija ppreċiżat, għal dak li jirrigwarda r-reati li jirrigwardaw id-drogi narkotiċi, li ma huwiex meħtieġ li l-kwantitajiet ta’ droga inkwistjoni fiż-żewġ Stati kontraenti kkonċernati jew il-persuni li allegatament ipparteċipaw fil-fatti fiż-żewġ Stati jkunu l-istess, b’mod li ma huwiex eskluż li sitwazzjoni li fiha din l-identiċità ta’ fatt hija nieqsa tikkostitwixxi ġabra ta’ fatti li, min-natura tagħhom stess, huma marbutin inseparabbilment. L-evalwazzjoni definittiva f’dan ir-rigward għandha ssir mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (28).

50.      Din il-ġurisprudenza tiddetermina biss il-portata minima tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fir-relazzjonijiet bejn l-Istati. Skont l-Artikolu 58 tal-KFS, l-Artikolu 54 tagħha ma huwiex ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali usa’ li jirrigwardaw l-effett tal-prinċipju ta’ ne bis in idem marbut mad-deċiżjonijiet ġudizzjarji meħudin barra.

51.       Fl-ordinament ġuridiku purament intern tal-Istati Membri, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tiddefinixxi l-kontenut minimu li għandu jkopri l-prinċipju ta’ ne bis in idem. Għal dak li jikkonċerna l-kunċett tal-idem, hija adottat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li wieħed għandu jikkunsidra l-fatti materjali biss, mingħajr kunsiderazzjoni tal-interess ġuridiku protett (29).

C –    Id-drittijiet nazzjonali

1.      Id-dritt Ġermaniż

52.      L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas ġie traspost fid-dritt Ġermaniż bl-Artikolu 83(1) tal-Liġi fuq l-Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali f’Materji Kriminali (Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen), tat-23 ta’ Diċembru 1982, kif emendata bil-Liġi fuq il-Mandat ta’ Arrest Ewropew (Europäisches Haftbefehlsgesetz), tal-20 ta’ Lulju 2006 (30). Dan l-artikolu, bl-isem “Kundizzjonijiet addizzjonali ta’ ammissibbiltà”, jipprovdi:

“L-estradizzjoni hija eskluża meta

1.      Il-persuna mħarrka kienet diġà suġġetta, għall-fatt stess li fuqu hija bbażata t-talba ta’ estradizzjoni, għal sentenza definittiva minn Stat Membru ieħor, bil-kundizzjoni li, fil-każ ta’ kundanna, is-sanzjoni kienet ġiet skontata jew qiegħda tiġi eżegwita jew ma tistax tiġi eżegwita iktar skont il-liġijiet tal-Istat Membru tal-kundanna […].

[…]”

2.      Id-dritt Taljan

53.      L-Artikoli 73 u 74 tad-Digriet Nru 306/90 tal-President tar-Repubblika bl-isem “test ikkonsolidat tal-liġijiet li jirregolaw id-drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi” tad-9 ta’ Ottubru 1990, jgħidu dan li ġej:

“Artikolu 73. Produzzjoni, traffikar u pussess illegali ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi

1.      Jeħel piena ta’ priġunerija minn sitt snin sa għoxrin sena u multa ta’ EUR 26 000 sa 260 000 kull min, filwaqt li jaġixxi mingħajr l-awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 17, jikkultiva, jipproduċi, jimmanifattura, jagħmel estratt minn, jirraffina, ibigħ, joffri jew ipoġġi għall-bejgħ, jittrasferixxi, jiddistribwixxi, jikkummerċjalizza, iġorr, jikseb, jibgħat, jgħaddi jew jibgħat fi tranżitu jew jikkonsenja għal kwalunkwe għan drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi […].

[…]

6.      Il-piena tiżdied jekk il-fatt jiġi kommess minn tliet persuni jew iktar, li jaġixxu flimkien.

Artikolu 74. Assoċjazzjoni li għandha bħala għan it-traffikar illegali ta’ drogi narkotiċi jew ta’ sustanzi psikotropiċi

1.      Meta tliet persuni jew iktar jassoċjaw ruħhom biex jikkommettu diversi reati previsti fl-Artikolu 73, dak li jippromwovi, jikkostitwixxi, jidderiġi, jorganizza jew jiffinanzja l-assoċjazzjoni huwa suġġett esklużivament għal piena ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn għoxrin sena.

2.      Kull min jipparteċipa fl-assoċjazzjoni jeħel piena ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn għaxar snin.

3.      Il-piena tiżdied jekk in-numru ta’ assoċjati huwa ta’ għaxra […].

[…]”

54.      Skont l-Artikolu 649 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Taljan, l-“akkużat illiberat jew ikkundannat b’sentenza jew digriet kriminali li jkunu saru irrevokabbli ma jistax jiġi suġġett għal proċedura kriminali ġdida għall-istess fatt, anki jekk dan tal-aħħar huwa kkunsidrat b’mod differenti mil-lat tal-kwalifika ġuridika tiegħu, tal-grad ta’ gravità tiegħu jew taċ-ċirkustanzi”.

55.      Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Taljan, jirriżulta, madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (Qorti suprema tal-Kassazzjoni) li l-“eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 649 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ma tistax tiġi invokata meta l-fatt li ta lok għal sentenza definittiva jirrigwarda sitwazzjoni ta’ konkors formali ta’ reati fejn l-aġir li kien diġà s-suġġett ta’ sentenza definittiva jista’ jiġi rikwalifikat bħala element ta’ fatt u kklassifikat, skont evalwazzjoni differenti, anki alternattiva, f’kategorija ta’ inkriminazzjoni usa’”.

II – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

A –    Il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni

56.      Fis-7 ta’ Novembru 2008, it-Tribunale di Catania, Sezione del Giudice per le indagini preliminari (Tribunal ta’ Catania, sezzjoni tal-qorti għall-inkjesti preliminari) ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew kontra G. Mantello, ibbażat fuq mandat ta’ arrest nazzjonali tal-5 ta’ Settembru 2008 maħruġ kontra din il-persuna kif ukoll 76 koakkużati oħrajn.

57.      Fil-mandat ta’ arrest Ewropew hemm żewġ fatti li bihom G. Mantello huwa akkużat.

58.      Minn naħa, minn ftit qabel ix-xahar ta’ Jannar 2004 sax-xahar ta’ Novembru 2005, huwa kien ipparteċipa, fi ħdan ta’ organizzazzjoni kriminali komposta mill-inqas minn għaxar persuni, fi traffikar ta’ kokaina organizzat f’Vittoria (l-Italja), fi bliet Taljani oħrajn kif ukoll fil-Ġermanja. G. Mantello mhux biss kellu r-rwol ta’ traffikant u ta’ intermedjarju, iżda kien ukoll fdat bil-ksib tal-kokaina u l-bejgħ tagħha.

59.      Min-naħa l-oħra, matul dan il-perijodu u fl-istess postijiet, waħdu jew f’kompliċità ma’ oħrajn, huwa kellu l-pussess illegali ta’ kokaina, filwaqt li żammha u wassalha, biegħha jew anki ttrasferiha lil oħrajn.

B –    Id-deċiżjoni li setgħet tostakola l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew

60.      Skont l-informazzjoni mogħtija fil-mandat ta’ arrest nazzjonali, awtoritajiet Taljani differenti investigaw mix-xahar ta’ Jannar 2004 traffikar illegali ta’ kokaina fiż-żona ta’ Vittoria. Is-smigħ tat-telefonati ta’ G. Mantello, matul il-perijodu bejn id-19 ta’ Jannar u t-13 ta’ Diċembru 2005, ikkonferma l-parteċipazzjoni tiegħu fit-traffikar. G. Mantello ġie segwit ukoll mill-investigaturi matul ċerti spostamenti tiegħu, b’mod partikolari bejn Sicilia (l-Italja) u Milan (l-Italja) fit-28 ta’ Lulju 2005 kif ukoll fit-12 ta’ Awwissu 2005, u bejn Sicilia, Esslingen (il-Ġermanja) u Catania fit-12 ta’ Settembru 2005.

61.      Matul dan l-aħħar spostament, G. Mantello xtara 150 g ta’ kokaina f’Esslingen u, meta ġie lura filgħaxija tat-13 ta’ Settembru 2005, huwa twaqqaf, kif ħareġ mill-ferrovija fl-istazzjon ta’ Catania, mill-pulizija ferrovjarja. Huwa kien qed iġorr żewġ qratas li kien fihom 9.5 g u 145.96 g ta’ kokaina rispettivament, li jikkorrispondu mal-kwantità ta’ 599 sa 719-il doża individwali.

62.      B’sentenza tat-30 ta’ Novembru 2005, it-Tribunale di Catania ikkundanna lil G. Mantello għal priġunerija ta’ tliet snin, sitt xhur u 20 ġurnata, flimkien ma’ multa fl-ammont ta’ EUR 13 000 talli f’Catania, fit-13 ta’ Settembru 2005, kien f’pussess illegali ta’ 155.46 g ta’ kokaina, intiża għall-bejgħ. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata b’sentenza tat-18 ta’ April 2006 mill-Corte d’apello di Catania (qorti tal-appell ta’ Catania).

C –    Il-proċedura quddiem l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi

63.      Meta sar jaf bil-mandat ta’ arrest Ewropew mis-sistema ta’ informazzjoni Schengen (SIS), il-Generalstaatsanwaltschaft Stuttgart (prosekutur pubbliku ta’ Stuttgart) arresta lil G. Mantello fit-3 ta’ Diċembru 2008 fid-dar tiegħu u ħarrku quddiem l-Amtsgericht Stuttgart (tribunal kantonali ta’ Stuttgart) (il-Ġermanja). Meta deher fis-seduta, G. Mantello oppona l-konsenja tiegħu lill-awtorità ġudizzjarja li ħarġet il-mandat u ma rrinunzjax għar-regola tal-ispeċjalità. Fuq talba tal-Generalstaatsanwaltschaft Stuttgart, l-Oberlandesgericht Stuttgart talbet lill-awtoritjajiet Taljani, fit-22 ta’ Jannar 2009, jipprovdulha ċerti dokumenti sabiex tiddetermina jekk il-fatt li s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2005 saret res judicata kienx jipprekludi l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

64.      Billi ma rċeviet l-ebda informazzjoni minn dawn l-awtoritajiet, l-Oberlandesgericht Stuttgart sussegwentement iddeċidiet, fl-20 ta’ Marzu 2009, li tissospendi l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u tassenja avukat lil G. Mantello ex officio.

65.      Fl-4 ta’ April 2009, il-qorti istruttorja tat-Tribunale di Catania irrispondiet li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma kienx applikabbli. Il-Generalstaatsanwaltschaft Stuttgart għalhekk talbet lill-qorti tar-rinviju biex tipproċedi għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

66.      Madankollu l-Oberlandesgericht Stuttgart tistaqsi jekk tistax topponi din l-eżekuzzjoni minħabba ċ-ċirkustanzi li ġejjin. Fil-mument tal-inkjesta li wasslet għall-kundanna ta’ G. Mantello għall-pussess ta’ dożi ta’ kokaina biex jinbiegħu, l-investigaturi diġà kellhom provi biżżejjed biex jakkużawh u jħarrkuh għall-kapi ta’ akkuża msemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew, partikolarment għat-traffikar tad-droga f’organizzazzjoni kriminali. Madankollu, fl-interess tal-inkjesta, biex ikun jista’ jitwaqqaf dan it-traffikar u jiġu arrestati l-persuni l-oħrajn involuti, dawn l-investigaturi ma kkomunikawx din l-informazzjoni u l-provi fil-pussess tagħhom lill-qorti istruttorja u lanqas, dak iż-żmien, ma talbu prosekuzzjoni ta’ dawk il-fatti.

67.      Skont il-qorti tar-rinviju, fid-dritt Ġermaniż kif interpretat mill-Bundesgerichtshof (Qorti Federali tal-Ġustizzja) (il-Ġermanja), ir-reat ta’ assoċjazzjoni illegali jista’, fil-prinċipju, ikun is-suġġett ta’ proċedimenti ulterjuri jekk, minn naħa, l-att ta’ akkuża u l-inkjesta ġudizzjarja preċedenti kellhom bħala suġġett biss atti iżolati tal-membru ta’ dik l-assoċjazzjoni u jekk, min-naħa l-oħra, l-akkużat ma jkunx kiseb aspettattiva leġittima li l-proċedura preċedenti kienet tinkludi l-atti kollha magħmulin fi ħdan l-assoċjazzjoni. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li jkun neċessarju wkoll li, fil-mument tad-deċiżjoni ġudizzjarja fuq il-fatt iżolat, l-investigaturi ma kinux jafu li kien hemm reati individwali oħrajn u reat ta’ assoċjazzjoni, u dan ma kienx preċiżament il-każ tal-awtoritajiet ta’ investigazzjoni fl-Italja.

68.      Barra minn hekk, din il-qorti tosserva li, fil-kawża prinċipali, ma hemmx element transnazzjonali billi l-idem potenzjali huwa kkostitwit minn deċiżjoni ġudizzjarja li ġejja mill-Istat Membru li joħroġ il-mandat stess u mhux minn Stat Membru ieħor. Hija tenfasizza, barra minn dan, li l-kunċett tal-“istess atti” li hemm fid-Deċiżjoni Qafas għadu ma ġiex interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dik il-qorti qed tistaqsi, f’dan ir-rigward, jekk il-ġurisprudenza żviluppata fil-kuntest tal-KFS tistax tiġi trasposta f’dak tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

III – Id-domandi preliminari

69.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Oberlandesgericht Stuttgart iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kwistjoni ta’ jekk ikunx hemm “l-istess atti” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-[Deċiżjoni Qafas] għandha tiġi evalwata:

a)      skont id-dritt tal-Istat Membru li joħroġ il-mandat jew

b)      skont id-dritt tal-Istat Membru li jeżegwixxi l-mandat jew

ċ)      billi tingħata lill-kunċett tal-‛istess atti’ interpretazzjoni awtonoma, speċifika għall-Unjoni Ewropea?

2)      F’sitwazzjoni fejn, meta ngħatat is-sentenza ta’ kundanna għal importazzjoni illeċita ta’ drogi narkotiċi, l-awtoritajiet ta’ investigazzjoni kellhom informazzjoni u provi li jqanqlu suspett ta’ parteċipazzjoni f’organizzazzjoni li għandha bħala għan it-traffikar ta’ drogi narkotiċi, iżda, fl-interess tal-investigazzjoni, għażlu li ma jissottomettux din l-informazzjoni u provi lill-qorti u li ma jagħtux bidu għall-proċeduri ta’ prosekuzzjoni fuq din il-bażi, l-imsemmija importazzjoni illeċita tikkostitwixxi ‛l-istess att’, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas, bħall-parteċipazzjoni f’tali organizzazzjoni?”

IV – Analiżi

70.      Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tal-Oberlandesgericht Stuttgart huwa ammissibbli fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 35 UE. Fil-fatt mill-informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-1 ta’ Mejju 1999 (31), jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 35(2) UE li biha hija aċċettat il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 35(3)(b) UE, jiġifieri fuq id-domandi magħmulin mill-qrati kollha tagħha.

71.      Qabel l-eżami tad-domandi li għamlet il-qorti tar-rinviju, jidher neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas tapplikax meta s-sentenza definittiva li tista’ tiġġustifika l-applikazzjoni tagħha kienet ingħatat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat.

A –    Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas meta l-fatti msemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew kienu s-suġġett ta’ sentenza definittiva fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat

72.      Diversi Stati Membri li intervjenew f’din il-proċedura jsostnu li r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja  prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas ma hijiex applikabbli f’dan il-każ (32). Huma sostnew, biex iseddqu dan l-argument, li l-prinċipju ne bis in idem jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u li l-awtoritjajiet ġudizzjarji li joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew huma obbligati li jiżguraw l-osservanza tiegħu. Huma jenfasizzaw li dawn l-awtoritajiet huma fl-aħjar pożizzjoni biex jivverifikaw li l-persuna li fil-konfront tagħha nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew ma kinitx is-suġġett ta’ sentenza ta’ kundanna fl-Istat tagħhom għall-istess atti.

73.      Skont il-Gvernijiet ta’ dawn l-Istati Membri, l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas, f’każ bħal dan, tmur, għalhekk, kontra l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u tal-grad għoli ta’ fiduċja li l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi għandu jkollha lejn l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat.

74.      Skont il-Gvern Taljan, l-evalwazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat, li tgħid li l-prinċipju ne bis in idem ma huwiex applikabbli, hija vinkolanti għall-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi.

75.      Il-Gvern Spanjol jenfasizza li l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat b’mod strett, hekk kif jirriżulta mill-motivi tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg (33). Isostni, bħall-Gvern Ċek, li l-prinċipju ne bis in idem, taħt l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas, huwa neċessarjament transnazzjonali, l-istess bħal dak kopert mill-Artikolu 54 tal-KFS. Il-Gvern Spanjol isostni, minbarra hekk, li ksur eventwali tal-prinċipju ne bis in idem jitwettaq mhux fil-konsenja, imma fil-mument meta l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat, jekk ikun il-każ, wara li tkun semgħet il-persuna rikjesta, tipproċedi minkejja dan biex tinvestigaha.

76.      Jiena ma nikkondividix il-pożizzjoni li jiddefendu dawn il-Gvernijiet għaliex din tmur, fil-fehma tiegħi, kontra s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew kif ġie ddefinit mid-Deċiżjoni Qafas u minħabba l-fatt li l-Artikolu 3(2) tagħha huwa espressjoni ta’ dritt fundamentali.

77.      Għalhekk, għalkemm is-sistema tad-Deċiżjoni Qafas hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jassimila mandat ta’ arrest Ewropew ma’ mandat ta’ arrest nazzjonali, li l-eżekuzzjoni tiegħu taqa’ direttament taħt il-kompetenza tal-forzi tal-pulizija tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Huwa stabbilixxa li l-mandat ta’ arrest Ewropew jistrieħ fuq il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri kkonċernati u li l-konsenja tal-persuna rikjesta għandha tagħti lok għal deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi, li tista’ topponih għal waħda mir-raġunijiet elenkati fid-Deċiżjoni Qafas.

78.      Billi għamel mir-raġuni fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja għalkemm l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat suppost tkun ivverifikat hija stess li l-fatti li bihom hija akkużata l-persuna kkonċernata ma kinux is-suġġett ta’ sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried espressament, minn naħa, li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jikkostitwixxi mhux biss ostakolu għal sentenza ġdida fir-rigward tal-persuna kkonċernata, iżda wkoll ostakolu għall-konsenja tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-osservanza ta’ dan il-prinċipju ma titħalliex għall-kunsiderazzjoni biss tal-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat, iżda tkun iggarantita wkoll mill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi.

79.      Għal dan l-iskop, id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi sensiela ta’ regoli li jippermettu lill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi li tiżgura b’mod konkret l-osservanza ta’ dan il-prinċipju. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-mandat ta’ arrest Ewropew jinkludi informazzjoni utli għal dak li jirrigwarda l-fatti li bihom tista’ tiġi akkużata l-persuna rikjesta. Huwa stabbilit ukoll li l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi għandha tagħti smigħ lil din il-persuna. Fl-aħħar nett, din l-awtorità tista’, jekk ikun il-każ, titlob lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat l-informazzjoni kollha supplimentari meħtieġa fir-rigward tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja.

80.      Nifhem sew, f’dan l-istadju tal-analiżi, l-argument tal-Gvernijiet li jgħid li l-kontroll doppju stabbilit minn din is-sistema jkun utli biss meta l-persuna rikjesta tkun ġiet iġġudikata diġà fi Stat Membru ieħor li ma jkunx l-Istat Membru li joħroġ il-mandat. Fil-fatt, l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat, li forsi ma kellhiex il-possibbiltà li tisma’ l-persuna rikjesta, tista’, fin-nuqqas ta’ reġistru ġudizzjarju Ewropew li jiċċentralizza l-kundanni kollha mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri kollha, leġittimament ma’ tkunx taf li l-każ diġà ġie deċiż fi Stat Membru ieħor. Madankollu riskju bħal dan ma jeżistix għal dak li jirrigwarda deċiżjoni mogħtija fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat, a fortiori meta, bħal f’dan il-każ, is-sentenza definittiva invokata mill-persuna rikjesta u l-mandat ta’ arrest Ewropew ikunu nħarġu mill-istess qorti.

81.      Ma nemminx li dan l-argument jista’ jiġġustifika l-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas fil-każ ta’ sentenza definittiva mogħtija mill-Istat Membru li joħroġ il-mandat.

82.      Ċertament, bis-saħħa tal-grad għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm fir-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji li jeżegwixxu u li joħorġu l-mandat, tal-ewwel ma humiex obbligati li jfittxu ex officio jekk teżistix diġà jew le sentenza fir-rigward tal-fatti msemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat jew fi Stat Membru ieħor. L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas ma jimponix dawn il-verifiki a priori, billi jistabbilixxi li japplika “jekk l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi hi informata” li l-persuna rikjesta kienet diġà s-suġġett ta’ sentenza definittiva għall-istess atti.

83.      Il-kwistjoni li tinqala’ hija dwar jekk ir-reazzjoni ta’ din l-awtorità ġudizzjarja, meta hija jkollha din l-informazzjoni, għandhiex tkun differenti skont jekk is-sentenza definittiva ngħatatx fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat jew fi Stat Membru ieħor.

84.      Ma naħsibx li huwa hekk għar-raġunijiet li ġejjin. Minn naħa, kif il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej enfasizzat, l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas u s-sistema maħsuba biex tiżgura l-osservanza tagħha ma humiex limitati għall-każ fejn il-fatti msemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew kienu s-suġġett ta’ sentenza definittiva fi Stat Membru li ma kienx dak li ħareġ il-mandat.

85.      Min-naħa l-oħra, id-dritt fundamentali li trid tipproteġi din id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas għandu l-istess valur fiż-żewġ każijiet.

86.      Wieħed irid jiftakar li l-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa dritt fundamentali, li jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri kollha, bħala prinċipju inerenti fil-kunċett tal-Istat tad-dritt, u li ġie sanċit espressament fil-Karta.

87.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri, meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, għandhom jagħmlu dan b’rispett lejn id-drittijiet fundamentali (34). Din il-ġurisprudenza ma hijiex limitata għall-atti adottati fil-kuntest tat-Trattat KE. Hija tapplika għall-atti kollha adottati fi ħdan l-Unjoni (35), għaliex skont l-Artikolu 6 UE, l-Unjoni hija bbażata fuq il-prinċipju tal-Istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali, hekk kif inhuma ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri.

88.      Għaldaqstant, hekk kif il-legalità ta’ att adottat fil-kuntest tat-tielet pilastru bħad-Deċiżjoni Qafas tista’ tiġi mistħarrġa fid-dawl tad-drittijiet fundamentali (36), l-azzjoni tal-Istati Membri, meta jimplementaw att bħal dan, għandha tkun konformi ma’ dawn l-istess drittijiet. L-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tinsab għalhekk taħt dan l-obbligu hawnhekk meta hija fdata bl-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, kif inhu msemmi espressament fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas.

89.      Meta stabbilixxa li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jikkostitwixxi raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja u mhux biss ostakolu għal proċess fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni u ried jipprevjeni l-effetti li jippreġudikaw il-libertajiet individwali li toħloq l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew bi ksur ta’ dan il-prinċipju.

90.      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandu bħala konsegwenza l-arrest tal-persuna rikjesta, imbagħad, jekk ikun il-każ, id-detenzjoni tagħha fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni matul perijodu li jista’ jdum sa 60 jum jekk il-persuna rikjesta ma taqbilx mal-konsenja tagħha u, fl-aħħar, it-trasferiment tagħha bil-forza fi Stat Membru ieħor, għand l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat. Fid-dawl tal-effetti ta’ dawn il-miżuri fuq il-libertajiet individwali, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra bir-raġun li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti integrali mill-prosekuzzjonijiet li tagħmel l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat.

91.      Barra minn hekk, is-sitwazzjoni fejn tkun ingħatat sentenza fuq il-fatti msemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat ma tikkostitwixxix sitwazzjoni purament interna, li l-konformità tagħha mad-drittijiet fundamentali għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tad-dritt ta’ dak l-Istat Membru, taħt il-kontroll tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

92.      Fil-fatt, mill-mument meta l-persuna rikjesta ssir suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, is-sitwazzjoni tagħha hija koperta mid-dritt tal-Unjoni u l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat għandha tkun konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt li jinkwadraw l-azzjoni tal-Unjoni kif ukoll dik tal-Istati Membri meta jimplementaw dan id-dritt.

93.      Dwar il-kunsiderazzjoni tal-kwistjoni jekk l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas huwiex applikabbli jew le, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi ma tivverifikax jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem kif inhu definit fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru li joħroġ il-mandat ġiex osservat sewwa mill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat, imma tikkontrolla l-osservanza tal-prinċipju msemmi f’dik id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif inhu definit mill-Qorti tal-Ġustizzja.

94.      Fl-aħħar nett, l-effetti dannużi għall-persuna rikjesta tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew bi ksur ta’ dan il-prinċipju għandhom l-istess gravità, sew jekk il-fatti jkunu ġew deċiżi fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat sew jekk fi Stat Membru ieħor.

95.      L-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi għandha b’hekk tapplika r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas jekk jiġri, straordinarjament, li l-fatti msemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew kienu diġà s-suġġett ta’ sentenza definittiva fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat, jew ukoll jekk, wara li tkun irċeviet informazzjoni f’dan is-sens u tkun għamlet domandi lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat biex tivverifika l-eżattezza tagħha, hija ma tirċivix risposta sodisfaċenti mingħandha.

96.      Minn dan isegwi li, f’din il-kawża, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi Ġermaniża, wara li l-persuna rikjesta qaltilha li diġà kienet is-suġġett ta’ sentenza fl-Italja fir-rigward tal-fatti msemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mit-Tribunale ta’ Catania, ġustament staqsiet lill-awtoritajiet Taljani dwar l-eżistenza u l-kontenut ta’ din is-sentenza biex tevalwa jekk, fid-dawl tagħha, ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas kinitx applikabbli jew le.

97.      Imbagħad, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi Ġermaniża, billi kellha dubji fuq il-portata tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u billi l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ppreċiżatx it-tifsira tal-kunċett l-“istess atti” li hemm f’din id-dispożizzjoni, adixxiet b’mod leġittimu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

98.      Id-domandi preliminari tagħha, intiżi biex jiġu ppreċiżati l-kriterji li abbażi tagħhom għandu jiġi evalwat dan il-kunċett, huma rilevanti ħafna għall-eżitu tal-kawża prinċipali u għalhekk huma ammissibbli.

B –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

99.      Bl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett tal-“istess atti” imsemmi f’din id-dispożizzjoni għandu jiġi evalwat b’riferiment għad-dritt tal-Istat Membru li joħroġ il-mandat jew b’riferiment għad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew inkella jekk huwiex kunċett awtonomu, speċifiku għall-Unjoni.

100. Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-kunċett inkwistjoni għandu jiġi ddeterminat b’mod konformi mad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

101. Fl-ewwel lok, skont dan il-Gvern, l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi implementat bħar-raġunijiet l-oħrajn għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni stabbiliti f’dan l-artikolu, li jirreferu għad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (37).

102. Fit-tieni lok, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-kwistjoni tal-grad ta’ konverġenza bejn il-fatti kkonċernati u l-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ prosekuzzjonijiet fir-rigward tar-reati kollha magħrufa fiż-żmien meta nbdew proċeduri fir-rigward ta’ dawk ir-reati biss parzjalment jikkostitwixxix abbuż tal-proċedura jew ksur tad-drittijiet tad-difiża, taqa’ taħt id-dritt kriminali sostantiv ta’ kull Stat Membru.

103. Għalhekk l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas għandu preċiżament bħala għan li japplika meta l-Istat ta’ eżekuzzjoni jagħti lill-prinċipju ta’ ne bis in idem portata usa’ minn dik tal-Istat Membru li joħroġ il-mandat. Li kieku dan ma kienx il-każ u li kieku l-kunċett tal-istess atti kellu jingħata definizzjoni awtonoma u uniformi, kien ikun improbabbli, ibda biex, li l-Istat Membru li joħroġ il-mandat ikun ħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew.

104. Jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni. Jiena tal-fehma, bħall-Gvernijiet l-oħrajn tal-Istati Membri li intervenew fil-kuntest ta’ din il-proċedura kif ukoll il-Kummissjoni, li għandha tingħata attenzjoni għall-fatt li l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas, b’differenza mill-Artikolu 3(1) u (3) tagħha, jirriferi mhux għad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni biex jiġi ddeterminat il-kontenut tiegħu, iżda biss għad-dritt tal-Istat Membru ta’ kundanna u għal dak li jikkonċerna biss il-kwistjoni partikolari jekk is-sentenza definittiva, meta jkun hemm sentenza ta’ kundanna, ma tkunx tista’ tiġi eżegwita iktar.

105. Għalhekk jiena naqbel mal-pożizzjoni difiża minn dawn il-partijiet intervenjenti l-oħrajn fejn jgħidu li għandha tiġi applikata l-ġurisprudenza stabbilita li bis-saħħa tagħha meta dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju jew tal-Unjoni ma jkun fiha l-ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandha tingħata, fl-Istati Membri kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija filwaqt li jitqies il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan tal-leġiżlazzjoni li għaliha tappartjeni (38). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà applikat din il-ġurisprudenza, għal dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni Qafas, għall-interpretazzjoni tat-termini “toqgħod” u “resident[i]” li jinsabu fl-Artikolu 4(6) tagħha (39).

106. L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas għalhekk għandu jiġi interpretat, fil-fehma tiegħi, fis-sens li l-kunċett tal-“istess atti” imsemmi f’din id-dispożizzjoni jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.

107. Il-gvernijiet kif ukoll il-Kummissjoni li jiddefendu dan l-argument qed jipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tmur lil hinn fir-risposta tagħha u tiddeċiedi li dan il-kunċett għandu jingħata l-istess interpretazzjoni bħall-kunċett tal-“istess azzjonijiet” imsemmi fl-Artikolu 54 KFS. Jiena naqbel mal-pożizzjoni tagħhom.

108. Fil-fatt huwa neċessarju li jiġi ppreċiżat il-kontenut tal-kunċett tal-“istess atti” imsemmi fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas biex tingħata risposta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju. Jiena naqbel ukoll mar-raġunijiet li jagħtu l-partijiet intervenjenti biex isir riferiment għall-Artikolu 54 tal-KFS.

109. Fl-ewwel lok, il-kunċetti huma espressi f’termini identiċi, fil-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi. Ċertament, dan ma huwiex il-każ fil-lingwa Ġermaniża, għaliex l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas isemmi l-kunċett ta’ “derselben Handlung ” filwaqt li l-Artikolu 54 tal-KFS jirriferi għal dak ta’ “derselben Tat”. Madankollu, il-Gvern Ġermaniż jindika huwa stess fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub li din id-differenza terminoloġika ma għandhiex tikkostitwixxi ostakolu biex dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni jingħataw l-istess interpretazzjoni.

110. Kif isostni dan il-Gvern, din l-istess interpretazzjoni hija ġġustifikata l-iktar, fit-tieni lok, mill-fatt li l-għanijiet taż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni huma l-istess.

111. Fil-fatt, l-Artikolu 54 tal-KFS, kif rajna, għandu l-għan li jevita li persuna, minħabba l-fatt li hija teżerċita d-dritt tagħha ta’ moviment liberu, tiġi mħarrka għall-istess atti fit-territorju ta’ diversi Stati kontraenti (40). Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, l-Artikolu 54 tal-KFS, jekk wieħed jissupponi li l-fatti li bihom ġie akkużat G. Mantello fil-mandat ta’ arrest Ewropew kienu s-suġġett ta’ sentenza definittiva fl-Italja, jipprekludi b’hekk li huwa jerġa’ jiġi ġġudikat mill-ġdid għall-istess atti fil-Ġermanja.

112. L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas jikkostitwixxi speċi ta’ strument kumplementari tal-Artikolu 54 tal-KFS fir-rigward tar-Repubblika Taljana. Meta tipprojbixxi lill-awtoritajiet ġudizzjarji milli jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra G. Mantello, din l-aħħar dispożizzjoni għandha wkoll bħala għan li tipprevjeni li s-soġġorn tal-persuna kkonċernata fil-Ġermanja jew fi Stat Membru ieħor tiġi ostakolata meta l-fatti koperti minn dan il-mandat ikunu diġà s-suġġett ta’ sentenza definittiva.

113. Il-prinċipju ta’ ne bis in idem imsemmi fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas għalhekk għandu l-istess għan tal-Artikolu 54 tal-KFS. Din l-aħħar dispożizzjoni għandha bħala għan li tiggarantixxi li persuna ġġudikata diġà, tista’ tiċċaqlaq liberament mingħajr ma jkollha għalfejn tibża’ minn prosekuzzjonijiet kriminali ġodda għall-istess atti fl-Istat Membru fejn hija tmur  (41). L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas għandu l-għan, min-naħa tiegħu, li jipprevjeni li s-soġġorn ta’ din il-persuna f’dan l-Istat jiġi ddisturbat b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn Stat Membru ieħor.

114. Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda billi tgħid li l-kunċett tal-“istess atti” imsemmi fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat bħall-kunċett tal-“istess azzjonijiet” imsemmi fl-Artikolu 54 tal-KFS.

C –    Fuq it-tieni domanda preliminari

115. Bit-tieni domanda preliminari, l-Oberlandesgericht Stuttgart trid tkun taf jekk il-fatt li l-investigaturi Taljani, meta G. Mantello, fit-30 ta’ Novembru 2005, kien tħarrek għall-pussess ta’ kokaina fit-13 ta’ Settembru 2005 biex ibigħha, diġà kellhom provi tal-parteċipazzjoni tiegħu, matul diversi xhur, fi traffikar ta’ drogi narkotiċi bejn il-Ġermanja u l-Italja, huwiex rilevanti biex jiġi evalwat jekk il-konsenja ta’ din il-persuna għandhiex tiġi miċħuda taħt l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas.

116. Il-qorti tar-rinviju b’hekk tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-investigaturi, fil-mument meta persuna ġiet imħarrka u kkundannata għal fatt iżolat ta’ pussess ta’ drogi narkotiċi, diġà kellhom provi tal-parteċipazzjoni ta’ din il-persuna, matul diversi xhur, f’assoċjazzjoni kriminali intiża għat-traffikar ta’ drogi narkotiċi iżda ma kinux żvelaw dan lill-qorti kompetenti fl-interess tal-investigazzjoni, jiġġustifikax li jiġi kkunsidrat li din il-parteċipazzjoni f’assoċjazzjoni kriminali u l-pussess iżolat ta’ drogi narkotiċi jikkostitwixxu l-istess atti.

117. Il-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda għaliex ċirkustanza bħal din, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħha, tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, twassal għall-estinzjoni tal-azzjoni pubblika għal dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni f’assoċjazzjoni kriminali.

118. Jiena tal-fehma, bħall-Gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni li intervjenew f’din il-proċedura, li ċirkustanza bħal din ma hijiex rilevanti u ma tiġġustifikax li jiġi kkunsidrat li fatt iżolat ta’ pussess ta’ drogi narkotiċi u l-parteċipazzjoni matul diversi xhur fi traffikar ta’ drogi narkotiċi jikkostitwixxu l-“istess atti”, kif dan il-kunċett ġie ddefinit fil-kuntest tal-Artikolu 54 tal-KFS.

119. Fil-fatt rajna li skont ġurisprudenza stabbilita, il-kriterju rilevanti biex jiġi evalwat l-element idem huwa dak tal-identiċità tal-fatti materjali, mifhum bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ fatti marbutin inseparabbilment ma’ xulxin, indipendentement mill-kwalifika ġuridika ta’ dawn il-fatti jew mill-interess ġuridiku protett (42). Din l-interpretazzjoni tipproteġi l-aspettattivi leġittimi ta’ persuna kkundannata diġà u li teżerċita d-dritt tagħha għall-moviment liberu, li ma tiġix imħarrka mill-ġdid għall-istess atti minħabba l-fatt li dawn ikunu kisru regola kriminali differenti f’kull Stat Membru u jistgħu jkunu suġġetti għal kwalifika differenti.

120. Skont is-sentenza Kraaijenbrink (43), is-sempliċi fatt li l-qorti adita bit-tieni proċedura tikkonstata li l-persuna li allegatament wettqet dawn l-azzjonijiet aġixxiet bl-istess intenzjoni kriminali ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-fatti jagħmlu parti mill-istess ġabra ta’ azzjonijiet inseparabbilment marbuta, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS (44).

121. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-kunsiderazzjoni tal-kunċett tal-“istess atti” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas għandha ssir, għalhekk, abbażi ta’ paragun tal-fatti oġġettivament allegati matul l-ewwel proċedura ma’ dawk imsemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew. Għandu jiġi ddeterminat jekk, matul l-ewwel proċedura, kinitx diġà ngħatat sentenza fil-konfront tal-persuna kkonċernata fir-rigward tal-fatti msemmijin fil-mandat ta’ arrest Ewropew.

122. Minn naħa, isegwi li l-mument li fih il-fatti msemmijin fil-mandat ta’ arrest Ewropew ikunu ġew skoperti mill-investigaturi ma huwiex rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk humiex marbutin inseparabbilment mal-fatti li fir-rigward tagħhom diġà ngħatat sentenza.

123. Min-naħa l-oħra jirriżulta li, f’dan il-paragun, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi m’għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni elementi suġġettivi. Għalhekk, din l-awtorità, hekk kif m’għandhiex tqis l-intenzjoni kriminali tal-persuna rikjesta, lanqas ma għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-istrateġija tas-servizzi ta’ investigazzjoni.

124. Barra minn hekk, kif qalet il-Kummissjoni, il-kwistjoni ta’ liema huma l-possibbiltajiet li għandhom dawn is-servizzi biex imexxu b’mod effiċjenti l-investigazzjonijiet miftuħin f’każijiet diffiċli u ta’ portata kbira, bħal dawk li għandhom x’jaqsmu mal-kriminalità organizzata, taqa’ taħt ir-regoli ta’ proċedura kriminali tal-Istat Membru tagħhom u din ma hijiex rilevanti biex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ identiċità ta’ fatti fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas.

125. Peress li l-kunċett tal-istess atti jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li sitwazzjoni simili twassal, jekk ikun il-każ, fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għal estinzjoni tal-azzjoni kriminali abbażi tad-dritt intern ma jistax jiġġustifika evalwazzjoni differenti.

126. Fid-dawl tal-ġurisprudenza fuq il-portata tal-prinċipju ne bis in idem fil-kuntest tal-Artikolu 54 tal-KFS, dan il-prinċipju għalhekk ma jistax jinftiehem fis-sens li jobbliga lis-servizzi ta’ investigazzjoni li, mill-ewwel akkuża, iħarrku lill-persuna kkonċernata għall-fatti kollha li tista’ tiġi akkużata bihom u li jissottomettuhom għall-kunsiderazzjoni tal-qorti.

127. Għaldaqstant, il-fatt li s-servizzi ta’ investigazzjoni, fil-mument meta l-persuna rikjesta ġiet imħarrka u kkundannata għal fatt iżolat ta’ pussess illegali ta’ drogi narkotiċi, kellhom elementi li jippruvaw il-parteċipazzjoni ta’ din il-persuna matul diversi xhur fi traffikar ta’ drogi narkotiċi imma għażlu li ma jagħmlux prosekuzzjoni u jiżvelaw dan lill-qorti kompetenti sabiex ma jikkompromettux l-iżvolġiment xieraq tal-investigazzjoni u biex ikun jista’ jinħatt in-netwerk kollu kemm hu, ma jistax jiġġustifika li dawn l-aħħar fatti jiġu kkunsidrati li jiffurmaw mal-ewwel fatt ġabra ta’ azzjonijiet inseparabbilment marbuta taħt l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas.

128. Barra minn hekk, kif qal il-Gvern Franċiż, il-fatt li l-awtorità tal-pulizija għażlet, matul il-proċeduri li wasslu għas-sentenza ta’ kundanna fit-30 ta’ Novembru 2005, li ma tħarrikx lill-persuna kkonċernata wkoll għall-fatti msemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew biex ma tagħmilx ħsara għall-iżvolġiment tal-investigazzjoni ma jistax jiġi assimilat ma’ “sentenza definittiva” fir-rigward ta’ dawn il-fatti, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas.

129. Fil-fatt, fid-dawl tal-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett fil-kuntest tal-Artikolu 54 tal-KFS, li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Gözütok u Brügge, Miraglia kif ukoll Turansky, għandu jiġi deċiż li l-qorti adita bl-ewwel kawża u l-prosekuzzjoni pubblika ma kinux ġew informati bil-fatti inkwistjoni u li, għaldaqstant, ma taw lok għal ebda kunsiderazzjoni fil-mertu min-naħa ta’ awtorità msejħa biex tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali fl-ordinament ġuridiku kkonċernat. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-awtorità tal-puliżija li ma tistitwixxix proċeduri ma temmitx l-azzjoni pubblika f’dan l-ordinament ġuridiku.

130. F’din il-kawża, il-fatt li s-servizzi ta’ investigazzjoni Taljani, meta G. Mantello kien ġie ġġudikat fix-xahar ta’ Novembru 2005 mit-Tribunale di Catania talli kellu fil-pussess tiegħu u ġarr, f’Catania, fit-13 ta’ Settembru 2005, 155.46 g ta’ kokaina biex ibigħha, kellhom provi tal-parteċipazzjoni tiegħu, mix-xahar ta’ Jannar 2004 sax-xahar ta’ Novembru 2005, f’organizzazzjoni kriminali li kellha bħala għan it‑traffikar ta’ kokaina, ma jipprekludix li huwa jiġi kkonsenjat lill-awtorità ġudizzjarja Taljana bis-saħħa ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-parteċipazzjoni tiegħu f’din l-assoċjazzjoni.

131. Ċertament huwa obbligu tal-awtorità ġudizzjarja Taljana li teskludi mill-proċeduri ġodda magħmula kontra G. Mantello l-fatti li għalihom diġà ġie ġġudikat b’mod definittiv. Madankollu, l-osservanza ta’ dan l-obbligu hija r-responsabbiltà tagħha u mhux tal-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi. Bis-saħħa tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li huwa sottointiż fis-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi, mill-mument fejn setgħet tivverifika li l-fatti msemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew ma humiex inseparabbli mill-fatti deċiżi diġà, tkun issodisfat l-obbligi tagħha ta’ stħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u għandha tiddeċiedi dwar il-konsenja tal-persuna rikjesta.

132. Għalhekk nipproponi li r-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju hi li l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jinftiehem fis-sens li l-fatt li l-investigaturi, fil-mument meta persuna ġiet imħarrka u kkundannata għal fatt iżolat ta’ pussess ta’ drogi narkotiċi, diġà kellhom provi tal-parteċipazzjoni ta’ din il-persuna, matul diversi xhur, f’assoċjazzjoni kriminali intiża għat-traffikar ta’ drogi narkotiċi iżda ma kinux żvelaw dan lill-qorti kompetenti fl-interess tal-investigazzjoni, ma jiġġustifikax li jiġi kkunsidrat li din il-parteċipazzjoni f’assoċjazzjoni kriminali u l-pussess iżolat ta’ drogi narkotiċi jikkostitwixxu l-“istess atti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

V –    Konklużjoni

133. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi bil-mod li ġej id-domandi preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Stuttgart:

“1)      L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett tal-“istess atti” imsemmi f’din id-dispożizzjoni jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.

Dan il-kunċett għandu l-istess tifsira bħall-kunċett tal-“istess azzjonijiet” imsemmi fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990.

2)      Il-fatt li l-investigaturi, fil-mument meta persuna ġiet imħarrka u kkundannata għal fatt iżolat ta’ pussess ta’ drogi narkotiċi, diġà kellhom provi tal-parteċipazzjoni ta’ din il-persuna, matul diversi xhur, f’assoċjazzjoni kriminali intiża għat-traffikar ta’ drogi narkotiċi iżda ma kinux żvelaw dan lill-qorti kompetenti fl-interess tal-investigazzjoni, ma jiġġustifikax li jiġi kkunsidrat li din il-parteċipazzjoni f’assoċjazzjoni kriminali u l-pussess iżolat ta’ drogi narkotiċi jikkostitwixxu l-“istess atti” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).


3 – Iktar ’il quddiem l-“awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi”.


4 – Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


5 – Konvenzjoni tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2 p. 9), iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 (iktar ’il quddiem il-“KFS”).


6 – Il-premessa 5 tad-Deċiżjoni Qafas.


7 – Il-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas.


8 – Il-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas.


9 –      Iktar ’il quddiem l-“awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat”.


10 – Artikoli 13(1) u 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas.


11 – Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Qafas.


12 – Għalhekk, wieħed jista’ jgħid li dan kien diġà inerenti fil-lex talionis, li kienet l-ewwel jew waħda mill-ewwel limitazzjonijiet tad-dritt li jingħata kastig billi kienet tillimita s-sanzjoni għall-ħsara kkawżata mill-awtur tal-ksur. Ara, ukoll, eżempji ċċitati mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et (C‑467/04, Ġabra p. I‑9199).


13 – Skont l-informazzjoni li tidher fuq is-sit tal-internet tal-Kunsill tal-Ewropa, fit-18 ta’ Marzu 2010, l-Istati Membri kollha ffirmaw dan il-protokoll, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq. Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kinux għadhom irratifikaw dan il-protokoll.


14 – L-Artikolu 54 tal-KFS jorbot lis-27 Stat Membru, inkluż ir-Renju Unit u l-Irlanda [ara d-Deċiżjonijiet 2000/365/KE tal-Kunsill, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 178), u 2002/192/KE tal-Kunsill, tat-28 ta’ Frar 2002, rigward it-talba tal-Irlanda biex tiehu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 211)].


15 – Sentenzi tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge (C‑187/01 u C‑385/01, Ġabra p. I‑1345, punt 38), u tal-11 ta’ Diċembru 2008, Bourquain (C‑297/07, Ġabra p. I‑9425, punt 41).


16 – Sentenza Gözütok u Brügge, iċċitata iktar ’il fuq (punt 33).


17 – Kif inhu indikat fid-dikjarazzjoni fuq il-Karta, mehmuża bħala anness mat-Trattati, din ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.


18 –      Skont it-Trattat ta’ Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, il-Karta kisbet valur vinkolanti, għaliex, taħt l-Artikolu 6(1) TUE, hija issa għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati.


19 – A.Weyembergh, “Le principe ne bis in idem: pierre d’achoppement de l’espace pénal européen?”, Cahiers de droit européen, 2004, numri 3-4, p. 337.


20 – Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Kretzinger (C‑288/05, Ġabra p. I‑6441).


21 – Sentenza Gasparini et, iċċitata iktar ’il fuq.


22 – Sentenza tat-28 ta’ Settembru 2006, Van Straaten (C‑150/05, Ġabra p. I‑9327).


23 – Sentenza Bourquain, iċċitata iktar ’il fuq.


24 – Sentenza Gözütok u Brügge, iċċitata iktar ’il fuq.


25 – Sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, Miraglia (C‑469/03, Ġabra p. I‑2009).


26 – Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Turansky (C‑491/07, Ġabra p. I‑11039).


27 – Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Van Esbroeck (C‑436/04, Ġabra p. I‑2333).


28 – Sentenza Van Straaten, iċċitata iktar ’il fuq.


29 – Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Biedem, sentenza Sergueï Zolotoukhine vs Ir-Russja, tal-10 ta’ Frar 2009.


30 – BGBl. 2006 I, p. 1721.


31 – ĠU L 114, p. 56.


32 – Dawn huma r-Repubblika Ċeka, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika tal-Polonja.


33 – C‑123/08, Ġabra p I-9621 (punti 57 sa 59).


34 – Sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf (5/88, Ġabra p. 2609, punt 19), u tal-4 ta’ Ġunju 2009, JK Otsa Talu (C‑241/07, Ġabra p. I-4323,, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35 – Ara, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-qafas tat-Trattat KEEA, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ (C‑115/08, Ġabra p. I-10265, punt 91).


36 – Sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C‑303/05, Ġabra p. I‑3633, punt 45).


37 – L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas jistabbilixxi li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tiġi rrifjutata jekk il-ksur li fuqu huwa bbażat dan il-mandat huwa kopert b’amnestija fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni meta dan kellu kompetenza biex iħarrek lill-persuna kkonċernata għal dan il-ksur skont il-liġi kriminali tiegħu. L-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tiġi miċħuda jekk il-persuna li hija s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax, minħabba l-età tagħha, tinstab kriminalment ħatja għall-atti li fuqhom il-mandat ta’ arrest hu bbażat taħt il-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.


38 – Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Österreichischer Rundfunk (C‑195/06, Ġabra p. I‑8817, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39 – Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski (C‑66/08, Ġabra p. I‑6041, punt 42).


40 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Gözütok u Brügge (punt 38); Gasparini et (punt 27), kif ukoll Van Straaten (punt 57).


41 – Ara s-sentenza Gasparini et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27).


42 – Sentenza Kretzinger, iċċitata iktar ’il fuq (punt 34).


43 – Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007 (C‑367/05, Ġabra p. I‑6619).


44 – Punt 29.