Language of document : ECLI:EU:C:2011:45

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

 CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fit-3 ta’ Frar 2011 (1)

Kawża C‑446/09

Koninklijke Philips Electronics NV

vs

Lucheng Meijing Industrial Company Ltd

Far East Sourcing Ltd

Röhlig Hong Kong Ltd

Röhlig Belgium NV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (il-Belġju)]

Kawża C‑495/09

Nokia Corporation

vs

Her Majesty's Commissioners of Revenue and Customs

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal of England and Wales (ir-Renju Unit)]

“Merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern – Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali – Regolament (KE) Nru 3295/94 u r-Regolament (KE) Nru 1383/2003 – Trattament ta’ merkanzija fi tranżitu daqslikieku kienet merkanzija prodotta fit-territorju tal-Unjoni (‘finzjoni tal-produzzjoni’) – Kundizzjonijiet li jirregolaw l-azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana f’każijiet fejn il-merkanzija fi tranżitu hi ffalsifikata jew pirata – Suspettat ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali”





Werrej

I –   Introduzzjoni

II – Il-kuntest ġuridiku

A –   Ir-Regolament Nru 3295/94 

B –   Ir-Regolament Nru 1383/2003

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

A –   Il-kawża Philips

B –   Il-kawża Nokia

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V –   Osservazzjoni preliminari: similaritajiet u differenzi bejn il-kawżi Nokia u Philips

VI – Analiżi tad-domandi preliminari għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Philips

A –   “Il-finzjoni tal-produzzjoni” ma tistax tigi inferita mill-kliem tad-dispożizzjoni li fuqha hija bbażata

B –   L-interpretazzjoni proposta minn Philips tmur lil hinn mill-għanijiet tar-regolament dwar id-dwana

C –   Fl-analiżi finali, il-ġurisprudenza preċedenti ma tappoġġax “il-finzjoni tal-produzzjoni”

D –   Konklużjoni

VII – Analiżi tad-domanda preliminari fil-kawża Nokia

A –   Kunsiderazzjonijiet preliminari

B –   L-Artikoli 1,4 u 9 jintroduċu kriterju speċifiku li jiġġustifika t-teħid ta’ azzjoni:

C –   L-awtoritajiet tad-dwana ma jistgħux jantiċipaw x’sejra tkun id-deċiżjoni dwar is-sustanza

D –   Rekwiżiti eċċessivi ta’ provi jistgħu jġibu fix-xejn il-qasam tal-applikazzjoni tar-Regolament

E –   Ir-Regolament jintroduċi l-kriterju tas-‘suspett’

VIII – Konklużjoni

A –   Għad-domanda preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (Kawża Ċ‑446/09)

B –   Għad-domanda mressqa mill-Court of Appeal of England and Wales (Kawża Ċ-495/09)

C –   Merkanzija mhux Komunitarja li jkollha trade mark Komunitarju suġġetta għas-sorveljanza doganali fi Stat Membru u li hija fi tranżitu minn pajjiż terz għal ieħor tista’ tinqabad mill-awtoritajiet tad-dwana jekk ikun hemm raġuni suffiċjenti fuq suspett illi dik il-merkanzija hija falza u li, b’mod partikolari, li ser titqiegħed fis-suq tal-Unjoni Ewropea, jew b’mod konformi ma’ proċedura tad-dwana jew permezz ta’ diverżjoni illegali.


1.        F’dawn iż-żewġ kawżi magħquda, żewġ qrati nazzjonali ressqu domanda preliminari kull waħda dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tirregola l-azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana kontra ksur possibbli tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

2.        B’mod iżjed speċifiku, iż-żewġ kawżi jikkonċernaw merkanzija allegatament falsifikata jew pirata li kienet fis-sitwazzjoni tad-dwana ta’ “transitu estern”, aspett tal-arranġamenti tas-sospensjoni tad-dazju tad-dwana li, skont l-Artikolu 91(1)(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2), jippermetti “l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta’ [...] merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra jew għal miżuri ta’ politika kummerċjali”. Skont il-ġurisprudenza, “tranżitu estern” hu bbażat fuq finzjoni legali, peress li l-proċedura sħiħa tiżvolġi daqslikieku l-merkanzija mhux tal-Komunità qatt ma kienet daħlet fit-territorju ta’ Stat Membru (3).

3.        Fl-ewwel kawża, Koninklijke Philips Electronics NV vs Lucheng Meijing Industrial Company Ltd et, C-446-09 (iktar ’il quddiem “Philips”), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qalet li, bħala parti mill-finzjoni legali li hija s-sitwazzjoni ta’ tranżitu estern, finzjoni legali oħra – l-hekk imsejħa ‘finzjoni tal-produzzjoni’ – tapplika, skont hi, li merkanzija mhux tal-Komunità tiġi ttrattata daqslikieku ġiet immanifatturata fl-Istat Membru li fih tinsab u tiġi, għaldaqstant, suġġetta għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fis-seħħ f’dak l-Istat Membru. Dan għaldaqstant jevita l-oneru li jiġi ppruvat li l-oġġetti kkonċernati jiġu nnegozjati fl-Unjoni, kundizzjoni li, bħala prinċipju, hija inevitabbli għall-finijiet tal-kisba tal-protezzjoni tal-forom kollha ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali.

4.        Fit-tieni kawża, Nokia Corporation vs Her Majesty’s Commissioners of Revenue et, C-495/09 (iktar ’il quddiem “Nokia”), l-awtoritajiet tad-dwana tar-Renju Unit ċaħdu l-applikazzjoni għall-qbid ta’ xi merkanzija li dehret li hi ffalsifikata, u argumentaw li d-destinazzjoni tagħha kienet il-Kolombja u li ma kienx hemm provi li kienet se tiġi mxerrda fis-suq tal-Unjoni Ewropea. Il-qorti li għamlet id-domanda preliminari titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tgħid jekk din hijiex kwistjoni li hija essenzjali li għandha tiġi stabbilita sabiex il-merkanzija tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “pirata” għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni tad-dwana u, fil-qosor, sabiex l-awtoritajiet tad-dwana jkunu jistgħu jżommu dawn l-oġġetti.

5.        Għaldaqstant, dawn il-kawżi magħquda se jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina jekk ir-regolamenti tad-dwana kellhomx effett dwar ir-regoli sostantivi li jirregolaw il-proprjetà intellettwali fil-kuntest tal-merkanzija fi tranżitu jew le u kif ukoll l-azzjoni li jistgħu jieħdu l-awtoritajiet tad-dwana b’rabta mal-merkanzija fi tranżitu, fuq sfond ta’ ġurisprudenza pjuttost konfuża.

I –    Il-kuntest ġuridiku

6.        Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw il-leġiżlazzjoni li tirregola l-azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana kontra ksur possibbli tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

7.        B’mod partikolari, il-kawża Philips tikkonċerna r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, li jistabbilixxi miżuri dwar id-dħul, l-esportazzjoni, l-esportazzjoni mill-ġdid mill-Komunità ta’ merkanzija li tikser ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (iktar ’il quddiem “ir-Regolament tad-Dwana” l-antik jew “ir-Regolament tal-1994”) (4). Min-naħa l-oħra, fis-sentenza C‑495/09 Nokia, il-leġiżlazzjoni applikabbli hija r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, tat-22 ta’ Lulju 2003, li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanziji suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet (“Ir-Regolament tad-Dwana l-antik jew ir-Regolament tad-Dwana l-ġdid” jew “ir-Regolament tal-2003”) (5), li ħassar u ssostitwixxa r-regolament preċedenti.

8.        Iż-żewġ regolamenti ġew adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 133 KE (6), relatat mal-politika kummerċjali komuni, li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi: ‘Il-politika kummerċjali komuni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi, partikolarment fir-rigward ta’ tibdil fit-tariffi, il-konklużjoni ta’ ftehim dwar tariffi u kummerċ, il-kisba ta’ uniformità f’miżuri ta’ liberalizzazzjoni, il-politika ta’ l-esportazzjoni u miżuri biex jipproteġu l-kummerċ bħal dawk li jittieħdu f’każi ta’dumping u fil-każ ta’ sussidji’ (7).

9.        Kemm ir-regolamenti tad-dwana antiki u ġodda jiddefinixxu l-ambitu tagħhom billi jagħmlu riferiment għas-sitwazzjonijiet tad-dwana differenti applikabbli għal merkanzija li fil-konfront tagħha tista’ tittieħed azzjoni u billi jiġi definit, għal dawn il-finijiet, il-kunċett ta’ ‘merkanzija li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali’.

10.      Iż-żewġ regolamenti jipprovdu għal azzjoni inizjali minn qabel mill-awtoritajiet tad-dwana (l-Artikolu 4 taż-żewġ regolamenti), segwiti minn opportunità għad-detentur tad-dritt li jissottometti applikazzjoni għal azzjoni (l-Artikolu 3 tar-regolament l-antik u l-Artikolu 5 tar-regolament il-ġdid), l-aċċettanza tal-applikazzjoni, l-adozzjoni tal-miżuri xierqa u, skont xi jkun il-każ, il-bidu tal-proċeduri sostantivi quddiem l-awtorità kompetenti.

A –    Ir-Regolament Nru 3295/94 (8)

11.      L-Artikolu 1 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament:

“1. Dan ir-Regolament jippreskrivi:

a)      il-kondizzjonijiet li fuqhom l-awtoritajiet tad-dwana għandhom jieħdu azzjoni fejn l-oġġetti suspettati li huma l-oġġetti riferiti fil-paragrafu 2(a) ikunu:

– iddaħħlu għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, l-esportazzjoni jew l-esportazzjoni mill-ġdid, bi qbil ma’ l-Artikolu 61 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru li jistabbilixxi l-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunità,

–      instabu waqt tfitxija ta’ l-oġġetti taħt is-sorveljanza tad-dwana fit-tifsira ta’ l-Artikolu 37 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tqiegħdu taħt proċedura sospensiva fit-tifsira ta’ l-Artikolu 84(1)(a) ta’ dan ir-Regolament, ġew esportati mill-ġdid soġġetti għan-notifika jew imqiegħda f’żona ħielsa jew f’maħżen ħieles fit-tifsira ta’ l-Artikolu 166 miġjub fih; u

b) il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti rigward dawn l-oġġetti fejn ikun ġie stabbilit illi huma tassew l-oġġetti riferiti fil-paragrafu (2)(a).

2. Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

a)      ‘oġġetti li jiksru d-dritt tal-proprjetà intellettwali’ tfisser:

–        ‘oġġetti falzifikati’, jiġifieri:

–        l-oġġetti, inklużi l-pakkeġġ tagħhom, li mingħajr awtorizzazzjoni jġorru trade mark li hija identika mat-trade mark validament reġistrata rigward l-istess tip ta’ oġġetti, jew li ma jistgħux jingħarfu fl-aspetti essenzjali tagħhom minn din it-trade mark, u li għalhekk jiksru d-drittijiet tal-possessur tat-trade mark msemmija skond il-liġi tal-Komunità jew il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn issir l-applikazzjoni għal azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana,

–        ‘oġġetti pirati’, jiġifieri: oġġetti li huma jew fihom ġo fihom kopji magħmula mingħajr il-kunsens tal-possessur tad-dritt ta’ l-awtur jew drittijiet viċini, jew tal-possessur tad-dritt tad-disinn, sewwa jekk reġistrati skond il-liġi nazzjonali u sewwa jekk le, jew ta’ persuna awtorizzata kif mistħoqq minn dan il-possessur fil-pajjiż tal-produzzjoni, il-fatt li jiġu magġhmula’ dawn il-kopji jikser id-dritt imsemmi skond il-liġi tal-Komunità jew il-liġi ta’ Stat Membru li fih issir l-applikazzjoni għal azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana.

[…]”.

12.      Skont l-Artikolu 6:

“1. Jekk l-uffiċċju tad-dwana fejn tkun intbagħtet id-deċiżjoni li tilqa’ l-applikazzjoni tad-detentur ta’ dritt skond l-Artikolu 5 ikun sodisfatt, wara li jkun ikkonsulta lill-applikant jekk ikun hemm bżonn, li l-oġġetti li jaqgħu taħt waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1)(a) jaqblu mad-deskrizzjoni ta’ l-oġġetti riferiti fl-Artikolu 1(2)(a) li jkunu jinsabu f’dik id-deċisjoni, huwa għandu jew jissospendi ir-rilaxx ta’ l-oġġetti jew iżommhom. […]

2. Il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-oġġetti jitpoġġew f’waħda mis-sitwazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1(1)(a) għandha tapplika fir-rigward ta’:

a) riferenza lill-awtorità kompetenti sabiex din tieħu deċiżjoni sostantiva u notifikazzjoni immedjata lis-servizz ta’ dwana jew uffiċċju msemmi fil-paragrafu 1 dwar dik ir-riferenza, sakemm ir-riferenza ma tkunx saret minn dak is-servizz jew uffiċċju;

b) it-teħid tad-deċisjoni li għandha tittieħed minn dik l-awtorità. Fin-nuqqas ta’ regoli Komunitarji f’dan ir-rigward, il-kriterji li għandhom jintużaw sakemm tintlaħaq dik id-deċiżjoni għandhom ikunu l-istess bħal dawk użati biex jiġi stabbilit jekk l-oġġetti mmanufatturati fl-Istat Membru konċernat jiksrux id-drittijiet tad-detentur. […]”

B –    Ir-Regolament Nru 1383/2003

13.      L-Artikolu 1 jipprovdi dan li ġej:

“1. Dan ir-Regolament jistipula l-kondizzjonijiet għall-azzjoni mill-awtoritajiet doganali fejn il-merkanzija tkun suspettata li tikser id-dritt ta’ proprjetà intellettwali fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

a) fejn jiddaħħlu għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni ħielsa, esportazzjoni jew esportazzjoni mill-ġdid skond l-Artikolu 61 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità;

b) fejn dawn jinstabu matul verifiki fuq merkanzija li tidħol jew tħalli t-territorju doganali tal-Komunità skond l-artikoli 37 u 183 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, jitqedħdu taħt proċedura sospensiva skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 84(1)(a) ta’ dak ir-Regolament, ikunu fil-proċess li jiġu esportati mill-ġdid suġġetti għan-notifikazzjoni taħt l-Artikolu 182(2) ta’ dak ir-Regolament jew jitqegħdu f’żiona ħielsa jew magazzinaġġ ħieles skond l-Artikolu 166 ta’ dak ir-Regolament.

2. Dan ir-Regolament jiffissa ukoll il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti fejn il-merkanzija msemmija fil-paragrafu 1 tinstab li tkun tikser id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.”

14.      L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1383/2003 jiddefinixxi “merkanzija li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali” għall-finijiet tar-regolament:

“a) ‘merkanzija falza’ jiġifieri:

i) merkanzija, inkluż pakkeġġar, li ikun jġorru mingħajr awtorizzazzjoni trejdmark identika għal trejdmark validament reġistrata fir-rigward ta’ l-istess tip ta’ merkanzija, jew li ma tkunx tista’ tiġi distinta fl-aspetti essenzali tagħha minn dik il-trejdmark, u li b’hekk tikser id-drittijiet tad-detentur tal-trejdmark taħt il-liġi tal-Komunità, kif hemm provvidiment dwar dan fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar il-marki tal-kummerċ tal-Komunità jew il-liġi ta’ l-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għall-azzjoni issir mill-awtoritajiet doganali, […]

b) ‘merkanzija kkupjata’ […]”.

15.      L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1383/2003 jirregola l-kundizzjonijiet għal azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana. L-Artikolu 9(1) jipprovdi dan li ġej: “Fejn uffiċċju doganali li lilu tkun intbgaħtet mid-detentur tad-dritt id-deċiżjoni li tingħata applikazzjoni skond l-Artikolu 8 ikunu sodisfatt, wara li jikkonsulta ma’ l-applikant fejn meħtieġ, li merkanzija f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ikunu suspettati li jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali kopert b’dik id-deċiżjoni, huwa għandu jissospendi r-rilaxx tal-merkanzija u iżommha. […]”

16.      Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1383/2003, “[i]l-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-merkanzija tkun mqegħda f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tgħodd meta jiġi deċiż jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali ikunx inkiser taħt il-liġi nazzjonali. […]”

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

A –    Il-kawża Philips

17.      Fis-7 ta’ Novembru 2002, l-Antwerpse Opsporingsinspectie van de Administratie der Douane en Accijnzen (Spettorat tal-investigazzjonijiet ta’ Antwerp tal-Amministrazzjoni Belġjana tad-Dwana u d-Dazju) żammet konsenja ta’ shavers minn Shanghai. Il-merkanzija kienet issuspettata li tikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ Koninklijke Philips Electronics NV (“Philips”), b’mod partikolari r-reġistrazzjonijiet tad-disinn internazzjonali għal shavers li ġew irreġistrati fir-rigward (inter alia) tal-Benelux mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) taħt in-numri DM-034.562, fid-9 ta’ Ġunju 1995, u DM-045.971, fid-29 ta’ Lulju 1998, flimkien mad-drittijiet tal-awtur fid-dehra esterna tax-shavers.

18.      Fit-12 ta’ Novembru 2002, ir-rikorrenti ssottomettiet applikazzjoni ġenerali għal azzjoni quddiem is-Centrale Administratie der Douane en Accijnzen te Brussel (Amministrazzjoni Ċentrali tad-Dwana u d-Dazju, Brussell). Din l-applikazzjoni ġiet aċċettata fit-13 ta’ Novembru 2002.

19.      L-awtoritajiet tad-dwana mbagħad bagħtu lil Philips ritratt tal-‘Golden Shaver’ u informawha li l-kumpanniji li ġejjin kienu involuti fil-manifattura jew il-kummerċ tax-shavers miżmuma: Lucheng Meijing Industrial Company Ltd, fabbrikant Ċiniż tax-shavers; Far East Sourcing Ltd, stabbilita f’Hong Kong, li tibgħat il-merkanzija bil-baħar; Röhlig Hong Kong Ltd, il-burdnara għall-merkanzija f’Hong Kong, li taġixxi fuq l-istruzzjonijiet tad-dikjarant jew id-destinatarju tal-merkanzija; Röhlig Belgium NV, il-burdnara fil-Belġju, li taġixxi fuq l-istruzzjonijiet tad-dikjarant jew id-destinatarju tal-merkanzija.

20.      Fid-dikjarazzjoni tad-dwana maħruġa mir-rappreżentant ta’ Röhlig Belgium NV, imfassla f’Antwerp fid-29 ta’ Marzu 2003, il-merkanzija ġiet iddikjarata taħt l-arranġamenti tal-importazzjoni temporanji mingħajr ma ġie ddikjarat il-pajjiż tad-destinazzjoni. Qabel, meta l-merkanzija waslet f’Antwerpen, kienet saret dikjarazzjoni sommarja fir-rigward tal-merkanzija skont l-Artikolu 49 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

21.      Fil-11 ta’ Diċembru 2002, Philips fetħet kawża quddiem ir-Rechtbank van eerste aanleg te Anwerpen (Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Antwerpen) fejn talbet deċiżjoni li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħha kienu ġew miksura. Ir-rikorrenti allegat li, skont l-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 3295/94, ir-Rechtbank għandha tuża bħala l-punt tat-tluq tagħha l-finzjoni li x-shavers miżmuma kienu ġew immanifatturati fil-Belġju u b’hekk kellha tapplika l-liġi Belġjana għall-finijiet li jiġi stabbilit il-ksur.

22.      Qabel ma tiddeċiedi dwar il-merti tal-kawża, ir-Rechtbank ressqet id-domanda preliminari li ġejja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 3295/94 huwa regola tad-dritt Komunitarju uniformi li torbot lill-qorti tal-Istat Membru adita, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament, mid-detentur tad-dritt, u din ir-regola timplika li, sabiex tiddeċiedi, il-qorti ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-istatus doganali ta’ importazzjoni temporanja jew l-istatus doganali ta’ tranżitu u li dik il-qorti għandha tapplika l-finzjoni li l-oġġetti kienu manifatturati f’dan l-Istat Membru u li, għalhekk, dik il-qorti għandha tiddeċiedi billi tapplika d-dritt ta’ dan l-Istat Membru għall-kwistjoni ta’ jekk l-oġġetti kkonċernati jippreġudikawx id-dritt intellettwali inkwistjoni?”

B –    Il-kawża Nokia

23.      F’Lulju 2008, Her Majesty’s Commissioners of Revenue and Customs (l-awtoritajiet tad-dwana tar-Renju Unit; iktar ’il quddiem l-“HMRC”) waqfet u spezzjonat fl-Ajruport ta’ Heathrow konsenja ta’ merkanzija li kienet ġiet minn Hong Kong u li kienet destinata għall-Kolombja, li tikkonsisti f’madwar 400 telefown ċellulari, batteriji, manwali, kaxex u kitts tal-“hands free”, li kollha kienu jġorru t-trade mark “Nokia”.

24.      Fit-30 ta’ Lulju 2008, l-HMRC bagħtet lil Nokia Corporation (iktar ’il quddiem “Nokia”) ittra akkumpanjata minn kampjuni ta’ din il-merkanzija. Wara li spezzjonat il-kampjuni, Nokia nnotifikat lill-HMRC li l-merkanzija kienet iffalsifikata u staqsiet jekk l-HMRC kellhiex l-intenzjoni li żżommha.

25.      Fis-6 ta’ Awwissu 2008, l-HMRC tat tweġiba u qalet li, wara li ħadet parir legali, ma kinitx ċerta dwar kif il-merkanzija setgħet tkun “falsifikata” fi ħdan it-tifsir tal-Artikolu 2(1)(a)(i) tar-Regolament Nru 1383/2003 fin-nuqqas ta’ kwalunkwe provi li dawn setgħu ġew iddevjati lejn is-suq tal-Unjoni Ewropea. L-HMRC għaldaqstant ikkonkludiet li, fin-nuqqas ta’ tali provi, ma kienx legali li s-sid jiġi mċaħħad mill-merkanzija tiegħu.

26.      Fl-20 ta’ Awwissu 2008, Nokia ressqet talba lill-HMRC, fejn talbitha l-ismijiet u l-indirizzi tal-kunsinnatarju u d-destinatarju flimkien ma’ kwalunkwe dokumenti rilevanti oħra relatati mal-konsenja fil-pussess tal-HMRC. Minkejja li dawn id-dokumenti ntbgħatu lilha, Nokia ma rnexxiliex tidentifika l-kunsinnatarju jew id-destinatarju tal-merkanzija, u kkonkludiet li t-tnejn kienu ħadu passi biex jaħbu l-identità tagħhom.

27.      Wara li ntbagħtet ittra formali oħra lill-HMRC, Nokia tat bidu għal passi legali fil-31 ta’ Ottubru 2008.

28.      F’sentenza tad-29 ta’ Lulju 2009, l-Imħallef Kitchin, li kien qed jippresjedi l-High Court of Justice (England & Wales) (Chancery Division), iddeċieda li r-Regolament Nru 1383/2003 ma jintitolax jew jirrekjiedi lill-awtoritajiet tad-dwana li jżommu jew li jaqbdu oġġetti ffalsifikati fi tranżitu meta ma kienx hemm provi li l-oġġetti kienu se jiġu ddevjati fis-suq tal-Istati Membri għax din il-merkanzija ma kinitx “merkanzija falsifikata” taħt l-Artikolu 2(1)(a)(i) tar-Regolament Nru 1383/2003.

29.      Ġie ppreżentat appell kontra d-deċiżjoni tal-Imħallef Kitchin quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (iktar ’il quddiem “il-Qorti tal-Appell”), li, fid-dawl tal-kawża Philips u l-fehmiet diverġenti adottati mill-qrati differenti tal-Istati Membri, u meta wieħed iqis il-bżonn għal interpretazzjoni sistematika u uniformi tar-regolament, ressqet id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Tista’ merkanzija mhux tal-Komunità li jkollha trade mark Komunitarja u li hija suġġetta għal sorveljanza doganali fi Stat Membru, u li tkun fi tranżitu minn Stat Membru terz għal Stat Membru terz ieħor tikkostitwixxi ‘merkanzija falza’ fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament 1383/2003 KE, jekk ma jkunx hemm evidenza li tindika li din il-merkanzija ser titqiegħed fis-suq fil-Komunità Ewropea, jew skont proċedura doganali jew permezz ta’ devjazzjoni illegali?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30.      Id-domanda preliminari ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Novembru 2009. Id-domanda preliminari f’Nokia ġiet irċevuta fir-Reġistru fit-2 ta’ Diċembru 2009.

31.      Fil-kawża Philips, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti (Philips), mill-Far East Sourcing, mill-Gvernijiet tal-Belġju, tar-Renju Unit u tal-Italja, u mill-Kummissjoni, u, fil-kawża Nokia, mir-rikorrenti (Nokia), mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trade marks, mill-Gvernijiet tar-Renju Unit, tal-Portugall, tar-Repubblika Ċeka, tal-Finlandja u tal-Italja, u mill-Kummissjoni.

32.      Fis-seduti, li seħħew fit-18 ta’ Novembru 2010, fil-kawża Philips ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali, mir-rikorrenti, minn Far East Sourcing, mill-Gvernijiet tal-Belġju, tar-Renju Unit u tal-Italja, u mill-Kummissjoni, u, fil-kawża Nokia, mill-applikant, mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trade marks, mill-Gvernijiet tar-Renju Unit, tal-Portugall, tar-Repubblika Ċeka, tal-Finlandja u tal-Italja, u mill-Kummissjoni.

33.      Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Jannar 2011, iż-żewġ kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-konklużjonijiet u s-sentenza.

IV – Osservazzjoni preliminari: similaritajiet u differenzi bejn il-kawżi Nokia u Philips

34.      Minkejja s-similaritajiet kollha bejn dawn il-kawżi magħquda, huwa essenzjali mill-bidu li tiġi identifikata d-differenza ewlenija bejniethom sabiex in-natura speċifika ta’ kull każ tkun ċara.

35.      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-kuntest ġuridiku huwa differenti, b’konsegwenza tal-iżviluppi li seħħew fil-leġiżlazzjoni tad-dwana tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, f’Philips, il-fatti huma rregolati mir-Regolament Nru 3295/94 l-antik, filwaqt li, f’Nokia, ir-Regolament Nru 1383/2003 l-ġdid huwa applikabbli. Barra minn hekk, id-domandi preliminari jirreferu għal artikoli mhux identiċi ta’ dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet.

36.      It-tieni nett, il-kawżi jvarjaw f’termini tat-tip tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni: dritt tal-awtur u disinni rreġistrati f’Philips (9), u d-drittijiet għal trade mark f’Nokia (10).

37.      Madankollu, l-iżjed differenza importanti bejn iż-żewġ kawżi tinstab fil-materja tal-proċeduri li fihom kull domanda preliminari ġiet ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari. Fiż-żewġ kawżi, il-fatti jikkonċernaw iż-żamma mill-awtoritajiet tad-dwana tal-merkanzija fi tranżitu, iżda filwaqt li l-kawża prinċipali f’Nokia, it-tieni kawża quddiem il-Qorti, hija bbażata fuq il-legalità tal-azzjonijiet quddiem l-awtoritajiet tad-dwana tar-Renju Unit, li ssospendew iż-żamma tal-merkanzija fuq il-bażi li ma kienx hemm ksur ‘attwali’ jew ‘reali’ tat-trade mark allegata, l-ewwel kawża, Philips, ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fi stadju sussegwenti u li hija kwalitattivament differenti, li fiha, wara li ttieħdet azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana Belġjani b’rabta mal-merkanzija fi tranżitu, id-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali allegatament ippreżenta rikors quddiem il-qorti għal deċiżjoni li dan il-ksur kien fil-fatt sar flimkien mal-konsegwenzi xierqa.

38.      Din il-kjarifika hija dejjem iżjed adatta minħabba li numru ta’ osservazzjonijiet ippreżentati fil-kawżi preżenti jixhdu ċertu ammont ta’ konfużjoni bejn dawk iż-żewġ aspetti tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għal din ir-raġuni, jiena tal-opinjoni li huwa meħtieġ, fil-kuntest ta’ dawn ir-rimarki preliminari, li niġbed l-attenzjoni għat-tliet passi suċċessivi li, skont ir-regolamenti kkonċernati, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jieħdu meta possibbilment kien hemm ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali fir-rigward tal-merkanzija fi tranżitu.

39.      L-ewwel stadju ‘preparatorju’ jibda meta, fid-dawl ta’ ‘raġunijiet suffiċjenti għal suspettar’ ta’ ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet tad-dwana jadottaw ‘miżuri preċedenti’ li jikkonsistu fis-sospensjoni tar-rilaxx tal-oġġetti jew iż-żamma tagħhom, fiż-żewġ kawżi għal perijodu ta’ tliet ijiem ta’ xogħol (11).

40.      It-tieni stadju jibda meta, fuq talba tad-detentur tad-dritt li jkun allegatament inkiser (12), u meta dawk is-suspetti jippersistu, l-awtoritajiet tad-dwana jikkonfermaw li jkunu ssospendew ir-rilaxx tal-merkanzija jew li żammewha (13). Dan għadu xorta waħda stadju amministrattiv, interim iżda jirrapreżenta azzjoni pjuttost iżjed ‘stabbli’ mill-istadju preċedenti.

41.      Minn dan il-mument, fit-tielet u l-aħħar stadju, jistgħu jqumu dawn is-sitwazzjonijiet: (a) is-sid tal-merkanzija maqbuda jabbandunaha, f’liema każ tkun tista’ tiġi meqruda taħt il-kontroll tad-dwana (14);  b) fi żmien 10 ijiem min-notifika tal-azzjoni fit-tieni stadju, id-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali allegatament miksur japplika lill-‘awtorità kompetenti’ (normalment qorti) għal determinazzjoni fil-proċeduri sostantivi li jkun seħħ tali ksur (15); jew c) id-detentur tad-dritt ma jieħu l-ebda azzjoni fi żmien dak il-perjodu ta’ 10 ijiem (jiġifieri, jekk ma jseħħux la (a) u lanqas (b)), f’liema każ isir ir-rilaxx tal-merkanzija, jew iż-żamma tagħha tiġi fi tmiemha (16).

42.      Fil-qosor, u sabiex wieħed ikun konċiż kemm jista’ jkun possibbli, fil-kawża Nokia, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, għall-finijiet taż-żamma tal-merkanzija f’dak li ddeskrivejtu bħala “it-tieni stadju”, l-awtoritajiet tad-dwana jrid ikollhom xi prova li dik il-merkanzija ser tiġi nnegozjata fis-suq tal-Unjoni Ewropea b’xi mod jew ieħor, filwaqt li, f’Philips, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunsiderazzjoni hijiex essenzjali sabiex issir deċiżjoni, waqt kwalunkwe proċedura sostantiva li tista’ sseħħ fl-aħħar tat-“tielet stadju”, dwar jekk dritt tal-proprjetà intellettwali jkunx ġie miksur.

43.      Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu dik id-differenza essenzjali sabiex il-qrati nazzjonali jingħataw risposta utli. Il-karatteristiċi differenti taż-żewġ kawżi jagħmluha rakkomandabbli li tingħata risposta separata għad-domandi preliminari fl-ordni numerika, minkejja li dan jaqleb l-ordni kronoloġika taż-żewġ metodi ta’ protezzjoni kontra merkanzija ffalsifikata jew pirata.

V –    Analiżi tad-domandi preliminari għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Philips

44.      Ir-Rechtbank van eerste aanleg te Anwerpen (iktar ’il quddiem “ir-Rechtbank”) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proċedura għall-verifika ta’ jekk kienx hemm ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali meta l-merkanzija kkonċernata tkun ġiet maqbuda waqt li kienet fi tranżitu.

45.      Kif diġà għedt, lil hinn mill-imġiba tal-awtoritajiet tad-dwana kkonċernati, il-kwistjoni f’din l-ewwel kawża hija d-determinazzjoni, f’dan il-każ minn qorti, li kien hemm ksur reali u attwali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu (17).

46.      Iżjed speċifikament, ir-Rechtbank tistaqsi jekk jirriżultax mill-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 3295/94 li l-evalwazzjoni għandha ssir mingħajr ma tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni tad-dwana tal-merkanzija u, b’mod iżjed partikolari, billi tiġi applikata l-finzjoni, li hija allegata li toħroġ minn dan l-artikolu, li l-merkanzija kkonċernata kienet ġiet immanifatturata fl-Istat Membru li fih tinstab (18).

47.      Il-qorti tar-rinviju għaldaqstant tistaqsi b’mod ċar dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni Ewropea ta’ dik li qed issir magħrufa bħala “il-finzjoni tal-produzzjoni”, li l-iżjed konsegwenza importanti tagħha hija l-possibbiltà li jiġi deċiż li merkanzija mhux Komunitarja fi tranżitu tkun kisret dritt ta’ proprjetà intellettwali bl-istess mod daqslikieku kienet merkanzija li kienet ġiet immanifatturata illegalment fl-Istat Membru li fih hija fi tranżitu, irrispettivament minn jekk dik il-merkanzija hijiex iddestinata għas-suq tal-Unjoni Ewropea jew le (19).

48.      Il-konformità fuq din il-finzjoni legali, li hija fil-qalba tad-domanda, tagħmilha possibbli, fuq kollox, li tiġi mwarrba l-kundizzjoni “milli jużaw fil-kummerċ” li hija stabbilita fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 40/94, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 98/71, bħala rekwiżit sabiex jiġi stabbilit il-ksur ta’ trade mark Komunitarju, trade mark nazzjonali jew drittijiet tad-disinn, rispettivament.

49.      L-għan speċifiku tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huwa li jagħti lid-detentur ta’ trade mark jew disinn id-dritt esklużiv li juża dik it-trade mark jew disinn u li jipprojbixxi lil terzi partijiet milli jużawha fil-kors tan-negozju tagħhom. B’dak il-mod, il-liġi sostantiva tistabbilixxi konnessjoni bejn il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-eżistenza tal-kummerċ fl-oġġetti jew is-servizzi kkonċernati.

50.      Qabel ma ngħaddi sabiex nindirizza dik l-interpretazzjoni proposta tal-Artikolu 6(2)(b), huwa xieraq li jiġi indikat kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tiċċara li t-tranżitu fih innifsu, ma jinvolvi l-ebda kummerċjalizzazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni u għaldaqstant, ma jiksirx is-suġġett speċifiku tat-trade mark (20).

51.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi konkluż li l-merkanzija fi tranżitu tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali, huwa essenzjali li jiġi stabbilit li dawn għandhom jiġu nnegozjati fit-territorju fejn dak id-dritt huwa protett. L-applikazzjoni tal-hekk imsejħa “finzjoni tal-produzzjoni” tkun tfisser li r-Regolamenti tad-Dwana kienu żiedu l-protezzjoni ta’ dawk id-drittijiet fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-liġi sostantiva msemmija iktar ’il fuq, billi tippermetti protezzjoni mhux assoċjata man-negozjar “attwali” jew l-“użu tul il-kors tan-negozju” fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

52.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, huwa diffiċli li wieħed jargumenta, kif tagħmel Philips fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, li din il-“finzjoni tal-produzzjoni” ma hijiex kriterju ġdid għad-definizzjoni ta’ ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali u li ma tibdilx il-liġi sostantiva li tirregola dawn id-drittijiet (21).

53.      Kif se naraw iktar ’il quddiem, jiena tal-opinjoni li l-interpretazzjoni bbażata fuq il-“finzjoni tal-produzzjoni” ma tistax tiġi inferita mill-kliem tal-artikoli invokati insostenn tagħha, din tmur lil hinn mill-għanijiet tar-Regolament tad-Dwana u hija konfliġġenti mal-ġurisprudenza eżistenti f’dak ir-rigward.

A –    “Il-finzjoni tal-produzzjoni” ma tistax tigi inferita mill-kliem tad-dispożizzjoni li fuqha hija bbażata

54.      Fl-ewwel lok, jiena tal-opinjoni li l-hekk imsejħa “finzjoni tal-produzzjoni” ma tistax tiġi msejsa mill-kliem tal-Artikolu 6(2) (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94, li jkun utli li wieħed jerġa’ jaqrahom: “Il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-oġġetti jitpoġġew f’waħda mis-sitwazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1(1) (a) għandha tapplika fir-rigward ta’: […] (b) it-teħid tad-deċiżjoni li għandha tittieħed minn dik l-awtorità. Fin-nuqqas ta’ regoli Komunitarji f’dan ir-rigward, il-kriterji li għandhom jintużaw sakemm tintlaħaq dik id-deċiżjoni għandhom ikunu l-istess bħal dawk użati biex jiġi stabbilit jekk l-oġġetti mmanifatturati fl-Istat Membru konċernat jiksrux id-drittijiet tad-detentur. Għandhom jingħataw raġunijiet għad-deċiżjonijiet meħudin mill-awtorità kompetenti”.

55.      L-ewwel nett, il-fatt illi, skont din id-dispożizzjoni, “l-awtorità kompetenti”, meta tieħu d-deċiżjoni sostantiva tagħha dwar il-kwistjoni, għandha tuża l-istess kriterji bħal dawk użati sabiex jiġi stabbilit jekk il-merkanzija mmanifatturata fl-Istat Membru kkonċernat tiksirx id-drittijiet tad-detentur bl-ebda mod ma tfisser illi merkanzija li ġejja minn pajjiżi terzi għandha titqies bħallikieku kienet merkanzija mmanifatturata illegalment fl-Istat ikkonċernat.

56.      Kuntrarjament, il-qari bir-reqqa tat-test juri li, kif issuġġerew ir-Renju Unit u l-Kummissjoni, li b’dak il-kliem il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ried li, “fin-nuqqas ta’ regoli Komunitarji f’dan ir-rigward”, jistabbilixxi sussidjarjament regola ta’ konflitt tal-liġijiet biex ikun jista’ jiġi stabbilit liema regola sostantiva għandha tapplika l-awtorità kompetenti (f’dan il-każ, il-Qorti Belġjana), sabiex tagħti deċiżjoni u b’hekk tivverifika jekk hemmx ksur tal-proprjetà intellettwali. Dik il-kjarifika hija indispensabbli (kif tenfasizza l-Kummissjoni, hemm 27 skema leġiżlattiva nazzjonali differenti li jistgħu japplikaw fiċ-ċirkustanzi tal-każ) u tikkostitwixxi applikazzjoni naturali tal-prinċipju ta’ territorjalità li jirregola dawk id-drittijiet (22).

57.      Barra minn hekk, b’dan il-mod tagħmel sens il-formulazzjoni tan-natura sussidjarja tad-dispożizzjoni (“fin-nuqqas ta’ regoli Komunitarji f’dan ir-rigward”). Li kieku kellu jiġi aċċettat illi l-Artikolu 6 introduċa l-hekk imsejħa “finzjoni tal-produzzjoni”, ikun ifisser illi tiġi eskluża l-applikazzjoni tiegħu, pereżempju, għal trade marks Komunitarji rregolati bir-Regolament Nru 40/94, li b’hekk jagħtihom livell ta’ protezzjoni iktar baxx minn dak mogħti lil drittijiet oħra ta’ proprjetà intellettwali?

58.      Din il-konklużjoni toħroġ mill-Artikolu 10 tar-Regolament ġdid Nru 1383/2003, li fil-parti l-kbira tiegħu jirrepeti l-kontenut tal-Artikolu 6(2) (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94. L-Artikolu 10, fi kliem iktar ċar, jgħid illi “il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-merkanzija tkun mqegħda f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tgħodd meta jiġi deċiż jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali ikunx inkiser taħt il-liġi nazzjonali.” Din id-dispożizzjoni tar-regolament il-ġdid għaldaqstant abbandunat l-espressjoni li tirreferi għall-“produzzjoni” u assumiet b’mod iktar ċar in-natura ta’ regola ta’ konflitt tal-liġijiet (23).

B –    L-interpretazzjoni proposta minn Philips tmur lil hinn mill-għanijiet tar-regolament dwar id-dwana

59.      Fit-tieni lok, jidher ċar illi l-applikazzjoni tal-“finzjoni tal-produzzjoni” għal merkanzija ta’ dan it-tip tinkludi l-possibbiltà li jiġi pprojbit it-tqegħid tagħha taħt proċedura sospensiva (ħżin jew transport temporanju) tkun xi tkun id-destinazzjoni intiża tagħha, u din hija konsegwenza li kjarament tmur lil hinn mill-għanijiet tal-liġi dwar id-dwana tal-Unjoni Ewropea.

60.      Skont it-tieni premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94, l-għan ta’ dawk id-dispożizzjonijiet stabbiliti hemmhekk huwa li “oġġetti ffalzifikati u oġġetti pirati [...] għandhom kemm jista’ jkun ma jitħallewx jitpoġġew fuq is-suq u għandhom jiġu adottati miżuri b’dan il-għan sabiex iwaqqfu effettivament din l-attività illegali mingħajr ma jxekklu il-libertà tan-negozju leġittimu”, billi l-kummerċ ta’ din il-merkanzija “jikkawża ħsara konsiderevoli lill-manufatturi u lin-negozjanti li jirrispettaw il-liġi u lil detenturi ta’ drittijiet ta’ l-awtur u ta’ drittijiet viċini u jqarraq bil-konsumaturi” (24).

61.      It-tieni premessa għaldaqstant tirrifletti x-xewqa tal-leġiżlatur Komunitarju li trendi kompatibbli l-kontenut tar-regoli tad-dwana mar-regoli ordinarji għall-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali bbażati fuq, kif rajna, “eżerċizzju tal-kummerċ”.

62.      Fil-fatt, l-iskop huwa li merkanzija ffalsifikata u merkanzija pirata ma jitħallewx jiddaħħlu fis-suq tal-Unjoni Ewropea, mhux li jiġi pprojbit l-importazzjoni tagħhom qabel ma tkun magħrufa d-destinazzjoni tagħhom. L-għoti ta’ dan id-dritt lid-detentur tad-dritt allegatament miksur isarraf fi xkiel għall-libertà tan-negozju leġittimu li r-Regolament jgħid li jippriżerva f’kull każ, u jestendi l-kontenut tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

63.      Ċertament, il-kontenut tat-tielet premessa tar-Regolament tal-1994 ma jistax jiġi injorat (“sakemm oġġetti ffalzifikati jew pirati u prodotti simili jiġu importati minn pajjiżi terzi, huwa importanti li jinżammu milli jiġu rilaxxati għal ċirkolazjoni libera fil-Komunità jew milli jitħallew jiddaħlu għal proċedura sospensiva”) (25). Madankollu, it-tielet premessa, b’mod partikolari l-aħħar parti, ma tistax tinftiehem mingħajr it-tieni premessa, riprodotta iktar ’il fuq. Jekk tinqara flimkien mat-tieni premessa, tirreferi b’mod ċar għall-projbizzjoni li tista’ tiġi imposta mill-awtorità kompetenti jekk fl-aħħar din tidentifika l-eżistenza ta’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, wara li tkun sabet illi l-merkanzija fil-fatt tkun ser tinbiegħ fl-Unjoni Ewropea. Hekk biss tista’ tinftiehem l-eżistenza ta’ proċedura ta’ azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana, li, kif turi din it-tielet premessa, hija intiża “sabiex dawn ikunu jistgħu jiżguraraw li din il-projbizzjoni tkun tista’ tiġi nforzata sew”.

64.      Philips u l-Gvernijiet tal-Belġju u tal-Italja sostnew illi “il-finzjoni tal-produzzjoni” hija meħtieġa sabiex tiżgura l-applikazzjoni tar-Regolament tal-1994 (u tar-Regolament il-ġdid tal-2003) għal oġġetti tal-esportazzjoni, inklużi fl-Artikolu 1; fil-qosor, sabiex l-awtoritajiet tad-dwana jkunu jistgħu jieħdu azzjoni f’każijiet ta’ din ix-xorta. Madankollu, kif diġà indikajt, argument bħal dan huwa frott ta’ konfużjoni tal-kundizzjonijiet li jridu jintlaħqu sabiex awtorità kompetenti tkun tista’ ssib ksur definittiv tal-proprjetà intellettwali.

65.      Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f’moħħu illi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali hija bbażata fuq il-prinċipju tat-territorjalità. Bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, id-detenturi jistgħu jipprojbixxu l-użu mhux awtorizzat tad-dritt tagħhom f’dawk l-Istati biss fejn dan id-dritt huwa protett (26). Peress li t-trasport ma jammontax għal “eżerċizzju fil-kummerċ”, ir-rikors għal “finzjoni tal-produzzjoni” jikkostitwixxi eċċezzjoni sinjifikattiva għal dan il-prinċipju ta’ territorjalità li, minn dan l-aspett ukoll, imur lil hinn mill-għanijiet tar-Regolament dwar id-dwana (27).

C –    Fl-analiżi finali, il-ġurisprudenza preċedenti ma tappoġġax “il-finzjoni tal-produzzjoni”

66.      Ir-risposta li beħsiebni nagħti għad-domanda fil-kawża Philips tkun kompluta jekk wieħed jagħti attenzjoni speċjali lill-ġurisprudenza iktar reċenti dwar is-suġġett, spiss invokata minn parti jew oħra, skont l-interessi varji tagħhom. Billi nantiċipa sa ċertu punt il-konklużjoni ta’ din is-sezzjoni, inqis illi l-hekk imsejħa “finzjoni tal-produzzjoni” ma taqbilx ma’ deċiżjonijiet iktar reċenti f’dan il-qasam, essenzjalment irrappreżentati minn Class International (28) u s-Sentenza Ċ‑281/05 Montex Holdings (29).

67.      Fl-2005, fis-sentenza Class International, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat illi d-Direttiva 89/104 u r-Regolament 40/94 għandhom jiġu interpretati b’tali mod li jfissru illi proprjetarju ta’ trade mark ma jistax jopponi s-sempliċi dħul fil-Komunità, taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern jew il-proċedura ta’ magażinaġġ tad-dwana, ta’ oġġetti oriġinali li jkollhom dik il-marka li tkun għadha ma tpoġġietx fis-suq fil-Komunità minn dak il-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu. F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-proprjetarju tat-trade mark irid jipprova l-fatti li jħalluh jeżerċita d-dritt ta’ projbizzjoni, billi jipprova jew ir-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-oġġetti bil-marka tiegħu iżda mhux tal-Komunità jew l-offerta jew il-bejgħ tal-oġġetti li neċessarjament iġġib magħha t-tqegħid tagħhom fis-suq ġewwa l-Komunità.

68.      Din it-tweġiba qablet b’mod konsistenti ma’ Rioglass u Transremar, fejn ġie stabbilit illi s-sempliċi trasport ta’ merkanzija ma jfissirx illi din tqiegħdet fis-suq bil-għan illi tikseb il-protezzjoni mogħtija mir-regoli sostantivi dwar it-trade marks.

69.      Sena wara, ġie stabbilit f’Montex illi l-Artikolu 5(1) u (3) tad-Direttiva 89/104/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sid ta’ trade mark ma jistax jipprojbixxi t-tranżitu fi Stat Membru, li fih din it-trade mark hija protetta, ta’ prodotti li għandhom trade mark u mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern għal destinazzjoni ta’ Stat Membru ieħor li fih tali protezzjoni ma teżistix, jekk dawk l-oġġetti huma “s-suġġett ta’ att ta’ terz magħmul meta huma jitqiegħdu taħt il-proċedura ta tranżitu estern u li neċessarjament jimplika t-tqegħid fis-suq tagħhom fl-imsemmi Stat Membru ta’ tranżitu”.

70.      Biex nikkonkludi, fiż-żewġ sentenzi, b’mod inekwivoku jingħad illi “l-eżerċizzju tal-kummerċ” jikkostitwixxi rekwiżit essenzjali għall-attivazzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, mingħajr lok għall-argument tal-“finzjoni tal-produzzjoni”. Huwa veru illi dawn huma sentenzi mogħtija b’interpretazzjoni tar-regoli sostantivi li jirregolaw it-trade marks (Direttiva 89/104/KEE u r-Regolament Nru 40/94) li ma jikkonċernawx ir-regoli dwar l-azzjoni tad-dwana. Madankollu wieħed għandu jżomm f’moħħu illi d-dispożizzjonijiet ta’ dawk ir-regolamenti li l-interpretazzjoni tagħhom hija hawnhekk ikkonċernata, jaqgħu, b’mod eċċezzjonali, fi ħdan l-iskop ratione materiae ta’ dawk id-drittijiet.

71.      F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għall-paragrafu 40 tas-sentenza Montex, fejn jingħad speċifikament illi “l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 3295/94 ma tistabbilixxi kriterju ġdid sabiex jivverifika l-eżistenza ta’ ħsara għad-dritt tat-trade marks jew sabiex jiddetermina jekk kienx hemm użu tat-trade mark li jista’ jiġi pprojbit minħabba l-fatt li jippreġudika dan id-dritt”. Fid-dawl ta’ din il-kjarifika fil-ġurisprudenza, ma hemmx lok fir-Regolament dwar id-dwana għal “finzjoni tal-produzzjoni” li fuqha qed jibbażaw, li kif għedt, tinvolvi definizzjoni mill-ġdid tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

72.      Madankollu, teżisti ġurisprudenza preċedenti li tirreferi speċifikament għar-regolamenti dwar id-dwana, li l-inkompatibbiltà tagħha ma’ Class International u Montex bażikament ma tistax tiġi miċħuda, li fuqha bbażaw ħafna dawk li, f’din il-kawża, appoġġjaw il-proposta tal-“finzjoni tal-produzzjoni”. Dawn huma, b’mod partikolari, Polo vs Lauren (30) fl-2009, u Rolex (31) fl-2004.

73.      Fil-fatt, kemm fil-kawża Polo vs Lauren u fil-kawża Rolex, il-Qorti tal-Ġustizzja iddikjarat illi r-Regolament dwar id-dwana tal-1994 kien japplika għall-merkanzija mhux Komunitarja fi tranżitu lejn pajjiż terz, mingħajr riferiment partikolari għal xi ħtieġa li jiġi ppruvat li kienu maħsuba għas-suq Komunitarju. Skont dawk it-termini, id-differenzi ċari bejn iż-żewġ settijiet ta’ sentenzi juru għaliex ġew spiss ikkritikati bħala kontradittorji (32).

74.      Fl-ewwel lok, irid jingħad f’dan ir-rigward illi l-Qorti tal-Ġustizzja hija konxja ta’ din l-inkompatibbiltà, u għal din ir-raġuni ħadet ħsieb tiċċara illi Class International u Montex ma humiex ikkontestati mill-ġurisprudenza preċedenti (33).

75.      Fit-tieni lok, irid jiġi kkunsidrat il-fatt illi ċ-ċentru tal-attenzjoni taż-żewġ sentenzi preċedenti kien dar fuq domandi bħall-validità tar-Regolament tad-Dwana u l-bażi legali tiegħu (f’Polo vs Lauren) u jekk kinitx teżisti lex previa kriminali (f’Rolex), u b’hekk l-analiżi tad-domanda dwar jekk id-destinazzjoni tal-merkanzija kinitx ġewwa l-Unjoni Ewropea baqgħet relattivament sekondarja.

76.      Finalment, irid jiġi enfasizzat illi Polo vs Lauren tagħti importanza kbira lill-periklu tad-dħul b’mod frawdolenti ta’ merkanzija falza fis-suq tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk jiġi dedott illi dak it-tranżitu jista’ “jkollu effett dirett fuq is-suq intern” (34).

77.      Minkejja dawn iċ-ċirkustanzi kollha, irid jingħad illi hemm ċerta inkonsistenza bejn iż-żewġ gruppi ta’ sentenzi. Sa fejn wieħed jipprova jagħti rilevanza għal din l-inkompatibbiltà, nahseb illi l-pożizzjoni ta’ din il-Qorti hija riflessa b’mod mill-iktar preċiż fl-aħħar żewġ sentenzi (Class International u Montex).

78.      Fi kwalunkwe każ, u fil-fehma tiegħi, il-konfużjoni maħluqa minħabba l-interpretazzjoni ta’ dan il-grupp ta’ sentenzi hija dovuta l-iktar għall-fatt illi l-Qorti tal-Ġustizzja, sa llum, adottat it-tweġibiet tagħha skont ir-regola tal-liġi f’kull waħda mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, mingħajr ma neċessarjament qieset is-suġġett tal-każ li ta lok għaliha.

79.      L-isfida fil-kawżi attwalment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija li tiċċara taħt liema ċirkustanzi għandha tapplika kull waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet, u sabiex tispjega l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinqabeż il-limitu li lil hinn minnu azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana, fuq naħa waħda, u sejba (normalment legali) ta’ ksur ta’ dritt, min-naħa l-oħra, huma ġġustifikati (35).

D –    Konklużjoni

80.      Ikkunsidrat dan kollu, nipproponi li nagħti risposta għad-domanda magħmula mir-Rechtbank illi l-Artikolu 6(2) (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94 ma għandux jiġi interpretat fis-sens illi l-awtorità (f’dan il-każ, legali) tal-Istat Membru interpellata, skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, mid-detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, tista’ tinjora l-istatus ta’ dħul temporanju jew ta’ tranżitu tal-merkanzija kkonċernata, jew, għaldaqstant li jfisser illi dik l-awtorità tista’ tapplika l-finzjoni illi dik il-merkanzija kienet immanifatturata fl-istess Stat Membru sabiex jiġi deċiż, skont il-liġi ta’ dak l-Istat, jekk dik il-merkanzija tiksirx id-dritt ta’ proprjetà intellettwali kkonċernat jew le.

VI – Analiżi tad-domanda preliminari fil-kawża Nokia

A –    Kunsiderazzjonijiet preliminari

81.      Kif ġie indikat, fil-kawża Nokia, b’differenza mill-każ li għadna kif eżaminajna, il-Qorti tal-Appell tistaqsi fil-kuntest ta’ proċeduri li jirrigwardaw il-legalità ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet tad-dwana tar-Renju Unit li qed jiċħdu l-applikazzjoni tal-kawza Nokia għall-qbid ta’ ċerta merkanzija fi tranżitu.

82.      F’termini formali, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija mressqa bħala domanda għall-interpretazzjoni tat-terminu “merkanzija falza” li jinsab fl-Artikolu 2 (1) (a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003: “merkanzija, inkluż pakkeġġar, li jkunu jġorru mingħajr awtorizazzjoni trejdmark identika għal trejdmark validament reġistrata fir-rigward ta’ l-istess tip ta’ merkanzija, jew li ma tkunx tista’ tiġi distinta fl-aspetti essenzjali tagħha minn dik il-trejdmark, u li b’hekk tikser id-drittijiet tad-detentur tat-trejdmark taħt il-liġi tal-Komunità, kif hemm provvidiment dwar dan fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94[…..] jew il-liġi tal-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għall-azzjoni issir mill-awtoritajiet doganali”.

83.      Skont dawk it-termini, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li trid tara jekk dik id-dispożizzjoni toħloqx tifsira awtonoma ta’ merkanzija falza, li ma hijiex konnessa mal-liġi sostantiva fuq azzjoni tal-awtoritajiet tad-dwana.

84.      Jidhirli illi r-riferiment fid-dispożizzjoni kkonċernata għar-regoli sostantivi fuq it-trade marks, għalkemm introdotta mill-espressjoni “għaldaqstant” (36), ma għandiex eċċezzjonijiet u, b’konsegwenza ta’ dan, it-teorija tat-“tifsira awtonoma”, proposta minn ċerti partijiet, ma tistax tiġi aċċettata. Għalhekk, jekk se jkun hemm “trade mark falsifikata” għall-finijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, għandu jiġi ppruvat illi l-merkanzija kkonċernata kienet maħsuba għas-suq tal-Unjoni Ewropea. Jekk le, il-merkanzija fi tranżitu ma tissodisfax il-kundizzjoni tal-“użu tal-kummerċ” stabbilita kemm fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, kif ukoll fil-liġijiet nazzjonali dwar it-trade marks.

85.      Kif rajna fil-każ preċedenti, dak ir-rekwiżit huwa indispensabbli meta jrid jiġi stabbilit – legalment jew xort’oħra – jekk kienx hemm ksur tad-dritt għat-trade mark fil-kawża prinċipali. Dan il-każ jikkonċerna l-kwistjoni jekk dik il-prova hijiex meħtieġa wkoll fl-istadju ta’ preparazzjoni tal-azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana.

86.      Dan huwa l-kriterju li fuqu jibbażaw ruħhom l-awtoritajiet Ingliżi, abbażi tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, sabiex jirrifjutaw li jieħdu passi fir-rigward ta’ merkanzija fi tranżitu, fuq il-bazi li ma kienx hemm provi tajba illi l-merkanzija kinitx maħsuba għas-suq tal-Unjoni Ewropea.

87.      Madankollu, jekk din hija kwistjoni li jiġi ċċarat x’inhi “merkanzija falza” għall-finijiet tar-regolament jew, li fi kliem ieħor li jfissru l-istess ħaġa, liema huma l-kundizzjonijiet li jridu jintlaħqu sabiex l-awtoritajiet tad-dwana jkunu jistgħu jieħdu azzjoni, huwa evidenti illi l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, li huwa l-qofol tad-domanda preliminari, ma jistax jiġi analizzat waħdu.

88.      Kuntrarjament, jiena tal-opinjoni li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod partikolari l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, li jispjega l-ambitu tiegħu, kif ukoll l-Artikoli 4 u 9, li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet għall-azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana. Kif ser naraw iktar ’il quddiem, dawn id-dispożizzjonijiet kollha jużaw il-kliem “suspettati”, “jissusspettaw” jew “suspetti” bħala kriterju għal din l-azzjoni (37).

89.      Barra minn hekk, interpretazzjoni estensiva u iżolata tal-Artikolu 2, użata bħala l-unika dispożizzjoni ta’ riferiment sabiex titqies jekk l-awtoritajiet tad-dwana jistgħux jieħdu azzjoni, ftit li xejn taqbel mal-għanijiet tar-regolament jew mas-setgħat li dan jagħti lil dawk l-awtoritajiet, kif ukoll mal-ġurisprudenza f’dan il-qasam (38).

B –    L-Artikoli 1,4 u 9 jintroduċu kriterju speċifiku li jiġġustifika t-teħid ta’ azzjoni:

90.      B’differenza mill-Artikolu 2, li sempliċement ifisser x’jikkostitwixxi “għall-finijiet ta’ dan ir-regolament” ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali minn merkanzija, l-Artikoli 1, 4 u 9 jirreferu speċifikament għall-possibbiltà ta’ azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana meta jissuspettaw illi l-merkanzija kkonċernata, tkun xi tkun is-sitwazzjoni tad-dwana tagħha, kisret jew ser tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali.

91.      Kif indikat iktar ’il fuq, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94 preċedenti) jagħmlu distinzjoni ċara bejn l-istadju ta’ azzjoni meħuda mill-awtoritajiet tad-dwana u l-istadju ta’ sejbien attwali tal-ksur. Dawk tal-ewwel huwa tipikament amministrattiv u preventiv, filwaqt li dan tal-aħħar huwa normalment legali u f’kull każ jinvolvi deċiżjoni fuq is-sustanza tal-każ, ġeneralment definittiva.

92.      Madankollu, bl-istess mod illi r-regolament jassenja d-deċiżjoni f’kull wieħed minn dawk l-istadji lil awtoritajiet differenti, fl-istess ħin jissuġġetta d-deċiżjoni għal kundizzjonijiet differenti, b’dawk l-iktar stretti fil-każ tad-deċiżjoni dwar is-sustanza, għaliex hija biss tista’ twassal għall-projbizzjoni tal-użu tat-trade mark ikkonċernat matul il-kummerċ fl-Unjoni Ewropea (39). B’kuntrast, il-miżuri li jridu jiġu adottati mill-awtoritajiet tad-dwana huma proviżorji u ta’ prevenzjoni, u allura jagħmel sens illi l-limitu li lil hinn minnu tista’ tittieħed azzjoni għandu jkun ifissat f’livell iktar baxx.

93.      Hekk biss jista’ jiġi spjegat għaliex l-Artikolu 5(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, li jirregola b’mod eżawrjenti l-kontenut tal-applikazzjoni għall-azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana, jeħtieġ biss illi l-applikazzjoni għandha jkun fiha “l-informazzjoni kollha meħtieġa biex il-merkanzija inkwistjoni tkun tista’ tiġi rikonoxxuta faċilment mill-awtoritajiet tad-dwana” u, b’mod partikolari, “kull informazzjoni speċifika li d-detentur tad-dritt jista’ jkollu dwar it-tip jew ix-xejra tal-frodi” (40).

94.      Fl-istess ħin, din id-dispożizzjoni teħtieġ ukoll mill-applikant “prova li l-applikant iżomm id-dritt għall-merkanzija inkwistjoni”, kif ukoll li jagħmel dikjarazzjoni fejn jaċċetta r-responsabbiltà lejn il-persuni involuti fil-każ li l-proċedura ma titkompliex minħabba att jew ommissjoni mid-detentur tad-dritt jew fil-każ li l-merkanzija inkwistjoni sussegwentement tinsab li ma tkunx kisret dritt ta’ proprjetà intellettwali. (Artikolu 6(1)). “Il-lokalità[….]tad-destinazzjoni maħsuba” tal-merkanzija, bħal informazzjoni dwar “id-data skedata tal-wasla jew tat-tluq tal-merkanzija”, pereżempju, trid tingħata biss fl-applikazzjoni “permezz ta’ indikazzjoni jew fejn magħruf” [lid-detentur tad-dritt].

95.      Għaldaqstant, il-punt huwa li jiġi identifikat il-lok fejn tinsab il-merkanzija ssuspettata u sabiex jiġi żgurat illi l-applikazzjoni hija serja sa ċertu punt, u mhux, naturalment, li jinstab illi d-dritt ikkonċernat ġie miksur. Li kieku l-leġiżlatura riedet teżiġi, f’dan l-istadju preliminari, provi konvinċenti tal-ksur tad-dritt (anki jekk ikun hemm biss potenzjal), kienet tgħid hekk speċifikament.

C –    L-awtoritajiet tad-dwana ma jistgħux jantiċipaw x’sejra tkun id-deċiżjoni dwar is-sustanza

96.      Barra minn hekk, huwa ċar illi ma huwiex kompitu tal-awtoritajiet tad-dwana li jiddeċiedu definittivament jekk kienx hemm ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Li kieku kellu jiġi inferit mill-Artikolu 2 illi r-Regolament jirrikjedi l-istess livell ta’ provi ta’ ksur ta’ drittijiet għaż-żamma tal-merkanzija taħt kontroll tad-dwana bħal dik meħtieġa għat-tneħħija tagħha mill-kummerċ jew il-qerda tagħha, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet tad-dwana f’ċertu mod tispiċċa tantiċipa r-riżultat tal-proċedura dwar is-sustanza, li jista’ jagħti każ li ssir iktar tard u d-deċiżjoni tista’ tittieħed minn awtorità oħra.

97.      Fil-qosor, kontroll preventiv ma jistax jiddependi fuq sejba konklużiva ta’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali. Peress li huwa miżura preventiva, huwa proviżorju fin-natura tiegħu (mhux iktar minn 10 ijiem) u huwa naturali li jiġi adottat abbażi ta’ informazzjoni proviżorja u “suspetti” (41).

D –    Rekwiżiti eċċessivi ta’ provi jistgħu jġibu fix-xejn il-qasam tal-applikazzjoni tar-Regolament

98.      Rekwiżiti ta’ din ix-xorta dwar il-provi jistgħu, fil-prattika, jipprekludu kwalunkwe azzjoni preventiva fir-rigward ta’ merkanzija fi tranżitu estern, anki jekk huma speċifikament inklużi fl-ambitu tar-Regolament tal-2003.

99.      It-tibdil fil-liġi dwar id-dwana joffri l-iktar prova ċara tal-importanza li tagħti l-leġiżlatura sabiex tkopri s-sitwazzjonijiet kollha tad-dwana fejn tista’ tinstab merkanzija ffalsifikata jew pirata (42). Għalhekk, l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 fl-ambitu tiegħu jinkludi kemm merkanzija li tiddaħħal għar-rilaxx f’ċirkulazzjoni ħielsa, esportazzjoni jew importazzjoni mill-ġdid, u merkanzija li tidħol jew tħalli t-territorju tad-dwana tal-Komunità, fil-proċess li tiġi esportata mill-ġdid suġġetta għan-notifika, li tqiegħdet f’żona ħielsa jew magażinaġġ ħieles jew li tqiegħdet taħt proċedura sospensiva. Skont l-Artikolu 84(1)(a) tal-Kodiċi Komunitarju dwar id-Dwana, din il-proċedura sospensiva tinkludi, fost l-oħrajn, tranżitu estern, magażinaġġ tad-dwana u importazzjoni temporanja.

100. Arranġamenti tad-dwana ta’ dan it-tip jistgħu jintużaw b’mod frawdolenti sabiex bihom tiddaħħal merkanzija bil-ħsieb li tiġi mibjugħa illegalment fl-Unjoni Ewropea, għaliex ma hemm xejn li jobbliga lill-kunsinnatarju, mill-bidu, sabiex jiddikjara d-destinazzjoni tagħhom jew anki jikxef l-identità tiegħu.

101. Meta wieħed iqis id-diffikultajiet maħluqa minn sitwazzjonijiet bħal dawk f’dak li għandu x’jaqsam mal-provi, jekk suspetti ta’ illegalità ma jkunux biżżejjed biex jagħtu lok għal azzjoni preventiva mill-awtoritajiet tad-dwana, il-firxa li biha l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 jispjega l-ambitu tiegħu tkun għalxejn, u żżid l-inċidenza ta’ abbużi mill-proċeduri sospensivi sabiex jevitaw li tinqabad il-merkanzija.

E –    Ir-Regolament jintroduċi l-kriterju tas-‘suspett’

102. Ikkunsidrat dan kollu, naħseb illi d-definizzjoni ta’ “merkanzija falza” fl-Artikolu 2(1) (a) tar-Regolament tal-2003 hija maħsuba sabiex tgħin l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament u għandha tiġi interpretata b’mod illi tgħin l-applikazzjoni xierqa tagħhom.

103. Kif wieħed jista’ jara mit-titolu tiegħu, ir-Regolament jikkonċerna kemm “azzjoni doganali kontra merkanzija suspettata li tikser ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali” u “il-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li tinstab li tkun kisret dawk id-drittijiet”.

104. Dwar dan tal-aħħar, ikun meħtieġ li jiġi kkonstatat illi l-merkanzija hija fil-fatt “falza” jew “ikkuppjata” skont it-tifsira tal-Artikolu 2. Għal dan il-għan, kif diġà kelli l-okkażjoni li nikkonkludi f’dak li jikkonċerna l-kawża Philips, wieħed irid jirreferi għall-kriterji stabbiliti fil-liġi sostantiva dwar it-trade marks u drittijiet oħra ta’ proprjetà intellettwali. Ir-riferiment għal din tal-aħħar li tinsab fl-Artikolu 2 trid tiġi mifhuma b’dak il-għan.

105. Min-naħa l-oħra, sabiex l-awtoritajiet tad-dwana jkunu jistgħu jaqbdu ċerta merkanzija, l-eżistenza ta’ “suspett” hija biżżejjed sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 2, inklużi dawk stabbiliti fil-liġi sostantiva li jagħmel riferiment għaliha dan l-artikolu. Ir-Regolament ma jeħtieġ xejn iktar, u lanqas il-ġurisprudenza.

106. Il-problema issa hija li kunċett ta’ “suspett” f’dan il-kuntest huwa marbut minnu nnifsu mal-fatti. Ma hemmx dubju illi “suspett” ma jistax jinftiehem illi jfisser sejbiet li wieħed ma jistax jikkontesta, iżda li dak il-kriterju jrid jinżamm milli jwassal għall-użu ta’ diskrezzjoni totali mill-awtoritajiet tad-dwana fl-azzjoni tagħhom (43).

107. Għal din ir-raġuni, naħseb illi, sabiex l-awtoritajiet tad-dwana jkunu jistgħu jaqbdu merkanzija fi tranżitu suġġetta għall-kontroll tagħhom b’mod legali, iridu mill-inqas ikollhom “il-bidu ta’ provi”, jiġifieri, provi illi dik il-merkanzija tista’ fil-fatt tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali.

108. Fil-każ speċifiku ta’ merkanzija fi tranżitu, l-iktar ħaġa diffiċli li trid tiġi ppruvata f’dan l-istadju hija, ovvjament, id-destinazzjoni tal-merkanzija.

109. Għal dan il-għan, meta jkunu qed jiġu vverifikati dawk is-“suspetti” irid jiġi kkunsidrat il-periklu ppreżentat mid-dħul frawdolenti ta’ merkanzija fl-Unjoni Ewropea. Minkejja l-prekawzjonijiet meħuda mis-sistema ta’ sorveljanza Komunitarja, dan il-periklu jeżisti, kif ma għandux jintesa wkoll illi, anki jekk il-proċedura ta’ tranżitu estern innifisha hija bbażata fuq finzjoni legali, il-merkanzija fiżikament tinstab fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

110. Għalhekk, bis-saħħa ta’ din il-finzjoni, merkanzija inkluża fil-proċedura ta’ tranżitu estern ma hijiex suġġetta għat-taxxa fuq l-importazzjoni jew għal miżuri oħra tal-politika kummerċjali, daqslikieku ma ddaħħlitx fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, kif inhu kjarament stabbilit f’Polo vs Lauren, dak it-tranżitu “mhuwiex kompletament innokwu fuq is-suq intern” (44). Fil-qosor, hija kwistjoni ta’ kemm huwa kbir dak il-periklu li jagħmlu possibbli li ċerta merkanzija tiġi kklassifikata bħala “suspettata” li kisret dritt ta’ proprjetà intellettwali.

111. F’dawk it-termini u mingħajr ebda pretensjoni ta’ lista eżawrjenti, ċirkustanzi bħaż-żmien eċċessiv tat-tranżitu, it-tip u n-numru tal-mezzi tat-trasport użati, id-diffikultà kbira jew żgħira tal-identifikazzjoni tal-kunsinnatarju tal-merkanzija jew tan-nuqqas ta’ informazzjoni dwar id-destinazzjoni fiżika tagħhom jew tad-destinatarju, jistgħu, f’każijiet partikolari, iwasslu għal suspett fondat li l-merkanzija minnha nnifisha tidher “falza” jew “ikkuppjata” ser jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni Ewropea.

112. Biex nikkonkludi, nipproponi li nagħti risposta lill-Court of Appeal of England and Wales illi merkanzija mhux Komunitarja li għandha trade mark Komunitarju suġġetta għas-sorveljanza tad-dwana fi Stat Membru u li qiegħda fi tranżitu minn pajjiż terz għall-ieħor tista’ tinqabad minn dawk l-awtoritajiet tad-dwana jekk ikun hemm raġunijiet suffiċjenti biex ikun hemm suspett illi l-merkanzija hija falza u, b’mod partikolari, li ser titqiegħed fis-suq tal-Unjoni Ewropea, jew b’mod konformi ma’ proċedura tad-dwana jew permezz ta’ diverżjoni illegali.

VII – Konklużjoni

113. Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

A –    Għad-domanda preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (Kawża Ċ‑446/09)

“L-Artikolu 6(2) (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, li jistabbilixxi miżuri li jipprojbixxu r-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera, l-esportazzjoni, l-esportazzjoni mill-ġdid jew dħul għal proċedura sospensiva ta’ oġġetti ffalsifikati jew pirati ma għandux jiġi interpretat illi jfisser illi l-awtorità legali tal-Istat Membru interpellata, skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, mid-detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, tista’ tinjora l-istatus ta’ dħul temporanju jew ta’ tranżitu tal-merkanzija kkonċernata, jew, għaldaqstant li jfisser illi dik l-awtorità tista’ tapplika l-finzjoni illi dik il-merkanzija kienet immanifatturata fl-istess Stat Membru sabiex jiġi deċiż, skont il-liġi ta’ dak l-Istat, jekk dik il-merkanzija tiksirx id-dritt ta’ proprjetà intellettwali kkonċernat jew le.”

B –    Għad-domanda mressqa mill-Court of Appeal of England and Wales (Kawża Ċ-495/09)


 “Merkanzija mhux Komunitarja li jkollha trade mark Komunitarju suġġetta għas-sorveljanza doganali fi Stat Membru u li hija fi tranżitu minn pajjiż terz għal ieħor tista’ tinqabad mill-awtoritajiet tad-dwana jekk ikun hemm raġuni suffiċjenti fuq suspett illi dik il-merkanzija hija falza u li, b’mod partikolari, li ser titqiegħed fis-suq tal-Unjoni Ewropea, jew b’mod konformi ma’ proċedura tad-dwana jew permezz ta’ diverżjoni illegali.”



1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).


3 – Sentenza tas-6 ta’ April 2000, Polo vs Lauren (C‑383/98, Ġabra p. I‑2519, punt 34).


4 – ĠU L 341, p. 8. Regolament emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 241/1999, tal-25 ta’ Jannar 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 148).


5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 469.


6 – Qabel it-Trattat ta’ Amsterdam, Artikolu 113 tat-Trattat KE. Ir-Regolament tal-1994 jirreferi għal dik is-sistema ta’ numri filwaqt li r-Regolament tal-2003 jikkwota l-Artikolu 133 KE.


7 – L-Artikolu 207 TFUE l-ġdid, li essenzjalment jirriproduċi l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, jirreferi speċifikament għall-‘aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali’.


8 – Kif emendat bir-Regolament Nru 241/99.


9 – Irregolati bid-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120) u l-leġiżlazzjoni applikabbli li tittrasponieha.


10 – Irregolati bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trademark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146) u l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trade marks li ġiet armonizzata bl-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).


11 – L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3295/94 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1383/2003.


12 – Din l-applikazzjoni għal azzjoni hi rregolata mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3295/94 u l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 1383/2003.


13 – L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 3295/94 u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1383/2003.


14 – L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1383/2003. Ir-Regolament tal-1994 ma jipprovdix għal din il-proċedura ‘simplifikata’.


15 – L-Artikoli 6(2) u 7(1) tar-Regolament Nru 3295/94 u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1383/2003. Jekk, f’dawk il-proċeduri sostantivi, jinstab li kien hemm ksur, il-merkanzija tista’ tkun suġġetta għall-miżuri ‘definittivi’ provduti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3295/94 u l-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament Nru 1383/2003: projbizzjoni tad-dħul fit-territorju tad-dwana tal-Komunità, projbizzjoni tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa, projbizzjoni tal-esportazzjoni, eċċ., flimkien mal-qerda tal-merkanzija jew it-tneħħija tagħhom mill-kanali kummerċjali mingħajr kumpens u li l-persuni kkonċernati jiġu mċaħħda minn kwalunkwe qligħ ekonomiku mit-tranżazzjoni.


16 – L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 3295/94 u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1383/2003.


17Inter alia, il-qerda tal-merkanzija kkonċernata jew it-tneħħija tagħha barra l-kanali kummerċjali mingħajr l-ebda tip ta’ kumpens (Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 3295/94 u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1383/2003).


18 – Kif rajna, minbarra dak li ssemma, id-domanda preliminari mir-Rechtbank tibda billi ssaqsi jekk l-artikolu kkonċernat huwiex ‘regola uniformi ta’ liġi Komunitarja’. Fil-qafas ta’ dawn it-termini, id-domanda bilkemm tirrikjedi risposta ħlief li r-regolament huwa, bħala tali, dispożizzjoni obbligatorja fl-elementi kollha tiegħu u li għandu effett dirett fl-Unjoni.


19 – Din il-“finzjoni tal-produzzjoni” tidher li ġiet applikata għall-ewwel darba f’każ ta’ patent mill-Hoge Raad der Nederlanden fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Marzu 2004 (LJN AO 0903, Philips v Postec and Princo), u ġiet sussegwentement adottata mill-president tar-Rechtbank Den Haag f’deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2008 u mir-Rechtbank van eerste aanleg te Anwerpen innifisha f’sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008. Numru ta’ kittieba akkademiċi jidhru li aċċettaw il-finzjoni, bħal F. Eijsvogels, “Some remarks on Montex Holdings Ltd. v Diesel Spa”, Boek9.nl, 24 November 2006, http://www.boek9.nl/default.aspX?id=2968 u A. Puts “Goods in transit”, 194 Trademark World, 22-23 (Frar 2007).


20 – Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Rioglass u Transremar (C-115/02, Ġabra, p. I‑12705, punt 27). B’differenza mill-kawżi preżenti, din is-sentenza kienet tikkonċerna merkanzija li kienet ġiet legalment immanifatturata fi Stat Membru ieħor, kienet fi tranżitu minn Stat Membru ieħor u kienet iddestinata għal Stat Membru terz, u minn dan irriżulta li t-tilwima kienet tikkonċerna minn jekk kienx possibbli jew le li wieħed joqgħod fuq il-moviment liberu tal-merkanzija kontra azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana. Minkejja din id-differenza fundamentali, il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti f’din is-sentenza li jikkonċernaw in-natura tal-merkanzija tal-Komunità fi tranżitu huma applikabbli b’mod sħiħ għal sitwazzjoni fejn il-merkanzija mhux tal-Komunità tkun fi tranżitu. Kif qal l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza Class International (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2005, C‑405/03, Ġabra, p. I‑8735) (li se nerġa’ nirreferi għaliha iktar ’il quddiem), “jista’ jkun mifhum li jekk il-Qorti kienet tal-fehma li fir-rigward tal-merkanzija fiċ-ċirkolazzjoni libera fil-Komunità, tapplika a fortiori għal merkanzija mhux tal-Komunità li fir-rigward tagħhom il-formalitajiet tal-importazzjoni ma ġewx kompluti” (punt 32).


21 – Kieku l-leġiżlatura tal-Komunità riedet li tiddefinixxi mill-ġdid dawn ir-regoli sostantivi li jirregolaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fir-Regolamenti tad-Dwana, billi tagħti lid-detenturi ta’ dawn id-drittijiet setgħat li jmorru lil hinn minn dawk stabbiliti fil-liġi sostantiva msemmija fiha, kienet tistrieħ fuq l-Artikoli 100 A KE fin-numerazzjoni suċċessiva tat-Trattat ta’ Amsterdam; (issa l-Artikoli 114 TFUE u 352 TFUE), li jikkonċernaw il-funzjonament tas-suq intern u l-bażi legali ordinarja għal dispożizzjonijiet sostantivi dwar drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.


22 – F’dan is-sens, ara s-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 1992, Exportur (C‑3/91, Ġabra p. I‑5529, punt 12), u s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danziger (C‑9/93, Ġabra p. I‑2789, punt 22).


23 – Fir-regolament il-ġdid, l-uniku riferiment li hemm għall-kriterju tal-produzzjoni jinsab fit-tmien premessa. Minkejja dan, l-aħħar parti ta’ din il-premessa għandha kjarament il-karattru ta’ test fuq il-konflitt ta’ liġijiet: “Dan ir-Regolament ma jaffetwax id-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-kompetenza tal-qrati jew ta’ proċeduri ġudizzjarji.” Fil-fehma tiegħi, għad li dawk iż-żewġ paragrafi qegħdin fl-istess premessa, dan għaliex għandhom l-istess għan: biex jiċċaraw ir-regoli applikabbli għall-proċedura fir-rigward ta’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali. Iktar minn hekk, huwa improbabbli li regola daqstant importanti għandha jkollha tiġi dedotta mill-preambolu. B’sostenn ta’ dan, ara J. K. van Hezewijk, “Montex and Rolex – Irreconciliable differences? A call for a better definition of counterfeit goods”, International review of intellectual property and competition law, Vol. 39 (2008), Nru 7, p. 779.


24 – Enfasi miżjuda minni. Għal dan il-għan, ara t-tieni premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003.


25 – Enfasi miżjuda minni.


26 – IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger, punt 22. Ara wkoll il-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża tal-14 ta’ Settembru 2010, (C‑96/09 P, Anheuser-Busch, punt 106 et seq)


27 – Philips ikkwotat il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar reazzjoni tad-Dwana għall-aħħar żviluppi fil-kuntrabandu u l-piraterija tal-11 ta’ Ottubru 2005 [COM(2005) 479 finali, p. 8, Anness III.1], li jgħid illi “Il-liġi Ewropea dwar id-Dwana f’dan il-qasam hija meqjusa bħala waħda mill-iktar b’saħħithom fid-dinja […] B’kontrolli fuq iċ-ċaqliq kollu tal-merkanzija, speċjalment waqt it-trasport, id-dwana tħares mhux biss lill-UE iżda wkoll postijiet oħra fid-dinja u b’mod partikolari l-inqas pajjiżi żviluppati li spiss jispiċċaw fil-mira tal-frodisti”. Madankollu, il-fatt huwa li la l-ġurisprudenza u lanqas il-liġi fis-seħħ ma jippermettu interpretazzjoni fis-sens illi protezzjoni strettament Ewropea tista’ tiġi estiża lil pajjiżi terzi billi jiġu estiżi l-miżuri adottati mal-fruntiera. F’dan ir-rigward, ara H. Große Ruse-Khan u T. Jaeger, “Policing patents worldwide? EC border measures against transiting generic drugs under EC and WTO intellectual property regimes”, International review of intellectual property and competition law, Vol. 40 (2009), Nru 5, p. 502-538.


28 – Iċċitata iktar ’il fuq.


29 – Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Montex Holdings (C‑281/05, Ġabra p. I‑10881, iktar ’il quddiem is-“sentenza Montex”.


30 – Iċċitata iktar ’il fuq.


31 – Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Criminal proceedings against X (C-60/02, Ġabra p. I‑651, iktar ’il quddiem is-“sentenza Rolex”).


32 – O. Vrins u M. Schneider, “Trademark use in transit: EU-phony or cacophony?” Journal of IP Law and Practice, 2005, Vol. 1, Nru 1, p. 45 u 46.


33 – F’dak ir-rigward, ara, b’mod partikolari, Montex, punti 35 sa 40, u l-punti 38 sa 45 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro tal-4 ta’ Lulju 2006 f’dak il-każ, fejn il-problema hija esposta f’iktar dettall u, fejn hu possibbli, b’mod iktar ċar. Ma tissemmiex b’mod speċifiku l-kwistjoni fis-sentenza Class International, probabbli għaliex ir-regolament dwar id-dwana (Artikolu 1(4) tar-Regolment Nru 3295/94, u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1383/2003) sempliċement ma kienx japplika għall-każ li kien jittratta l-importazzjoni parallela ta’ oġġetti oriġinali. Madankollu, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’dak il-każ fil-fatt jirreferi għal Polo vs Lauren, u jagħmilha ċara illi din is-sentenza ġiet mogħtija f’kuntest differenti (punt 34).


34 – Punt 34 ta’ Polo vs Lauren, iċċitata iktar ’il fuq.


35 – Kif ser nispjega fl-analiżi tiegħi tal-kawża Nokia, jidher biċ-ċar illi ma jistax ikun hemm l-istess livell, u wkoll illi l-prevenzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana jistgħu jkunu ibbażati fuq il-bidu ta’ provi, bejn wieħed u ieħor assodati, iżda ma huwiex meħtieġ li jintwera illi l-merkanzija ser tinbiegħ fl-Unjoni Ewropea, għaliex hekk tkun qed tiġi preżunta s-sejba kważi definittiva ta’ ksur, li hija meħtieġa biss f’każijiet bħal dak attwali (Philips).


36 – “Por tanto”, fil-verżjoni Spanjola; “de ce fait”, f’dik Franċiża; “og som derved”, f’dik Daniża; “und damit”, f’dik Ġermaniża; “e che pertanto”, f’dik Taljana; “die zodoende”, f’dik Olandiża; “por ese motivo”, f’dik Portugiża; “ja joka siten”, f’dik Finlandiża; “och som därigenom”, f’dik Svediża.


37 – ‘Raġuni suffiċjenti li jissuspettaw’, fl-Artikolu 4; ‘fejn uffiċċju tad-dwana […] ikun sodisfatt […] li merkanzija […] tkun suspettata’, fl-Artikolu 9.


38 – Madankollu, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament tal-2003, ma huwiex neċessarju illi jkun hemm rikors, kif suġġerit mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trade Mark, għal “finzjoni tal-produzzjoni”, li iktar kmieni kelli ċ-ċans li nanalizza b’rabta mas-sentenza C‑446/09 u li jidhirli li ma jreġiex inqas f’dan il-kuntest. Fil-fatt, l-unika dispożizzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 li tista’ sservi ta’ bażi għal din il-finzjoni huwa l-Artikolu 10, regola ta’ konflitt tal-liġijiet illi wkoll, kif jista’ jiġi dedott mit-titolu tal-Kapitolu III, japplika għad-deċiżjoni fuq is-sustanza u mhux għall-kundizzjonijiet li jirregolaw azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana li huma kkontestati f’din il-kawża.


39 – F’dan ir-rigward, Vrins u Schneider jenfasizzaw illi l-għan tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-2003 ma għandux jiġi konfuż ma’ dak tal-Artikolu 16 tal-istess regolament: “filwaqt li tal-ewwel jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana fejn merkanzija hija suspettata illi qed tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali, tal-aħħar tistabbilixxi illi, kif il-merkanzija tinstab li kisret dak id-dritt, sussegwentement għal intervent tad-dwana skont l-Artikolu 9 u fl-aħħar tal-proċeduri imsemmija fl-Artikolu 13, ma jistgħux jinħelsu mid-dwana, jew imqiegħda fis-suq jew sempliċement meħlusa għal ċirkulazzjoni” (O. Vrins u M. Schneider, Enforcement of intellectual property rights through border measures. Law and practice in the EU, Oxford University Press, 2006, p. 73).


40 – Enfasi miżjuda minni.


41 – Kif f’dan l-istadju ma jistgħux jintalbu provi inkontestabbli tad-destinazzjoni tal-merkanzija, hekk allura jidher illi l-awtoritajiet tad-dwana ma għandhomx għalfejn, f’dan ir-rigward, jaraw jekk intlaħqux kundizzjonijiet oħra, kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi sostantiva dwar il-protezzjoni tad-dritt, li kultant jeħtieġu analiżi fattwali u legali ta’ ċerta kumplessità. Nistgħu naħsbu, pereżempju, fl-assessjar tal-“possibbiltà ta’ konfużjoni”, li qiegħda fil-liġi sostantiva tat-trade marks, iżda mhux fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, probabbli sabiex ittaffi għall-awtoritajiet tad-dwana, l-ammont ta’ xogħol li jkun jinvolvi assessjar f’dak l-istadju. Fir-rigward ta’ kif inhi differenti t-tifsira ta’ merkanzija falza fil-liġi tad-dwana minn dik fil-liġi sostantiva dwar it-trade marks, ara J.K. Hezewijk, op. cit. p. 785 et seq; u O. Vrins u M. Schneider, op. cit., p. 97.


42 – B’konnessjoni ma’ dan, ara F. Lois Bastida, “El Reglamento (CE) nº 1383/2003, de lucha contra la piratería en materia de propiedad intelectual”, Actas de derecho industrial y derecho de autor, T. XXIV (2003), p. 1228.


43 – Xi kultant il-liġi tad-dwana nnifisha żżid tippreċiża dak ir-riferiment għal suspett: pereżempju, l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-2003 jirreferi għal “raġuni suffiċjenti li jissuspettaw”, u l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-1994 jirreferi għal sitwazzjoni fejn “ikun ċar għall-uffiċċju tad-dwana li l-oġġetti ikunu ffalzifikati jew pirati”. Iż-żewġ dispożizzjonijiet jirreferu għall-ewwel azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana, qabel l-applikazzjoni tad-detentur tad-dritt.


44 – Paragrafu 34. Għalhekk l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer qal illi “mhemmx bżonn illi din il-finzjoni tiġi estiża iktar milli hemm bżonn” (konklużjonijiet f’Polo vs Lauren, punt 21). Jiena tal-opinjoni madankollu, li dak il-fatt ma jistax iwassal għas-sostituzzjoni ta’ dik il-finzjoni bit-tixbiħ ta’ merkanzija fi tranżitu ma’ merkanzija meħlusa għal ċirkulazzjoni ħielsa jew immanifatturata fl-Unjoni Ewropea.