Language of document : ECLI:EU:C:2013:114

Kawża C‑483/10

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju ta’ Spanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Żvilupp ta’ ferroviji Komunitarji — Direttiva 2001/14/KE — Allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja — Impożizzjoni ta’ tariffi — Tariffi — Indipendenza tal-amministrazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-28 ta’ Frar 2013

1.        Trasport — Trasport ferrovjarju — Direttiva 2001/14 — Allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja u impożizzjoni ta’ tariffiImpożizzjoni ta’ tariffi tal-infrastruttura — Obbligi tal-Istati Membri — Portata — Determinazzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura — Esklużjoni — Kompetenza tal-amministratur tal-infrastruttura

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/14, Artikolu 4(1))

2.        Stati Membri — Obbligi — Implementazzjoni ta’ direttivi — Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Ġustifikazzjoni bbażata fuq l-ordinament intern — Inammissibbiltà

(Artikolu 258 TFUE)

3.        Trasport — Trasport ferrovjarju — Direttiva 2001/14 — Allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja u impożizzjoni ta’ tariffi — Impożizzjoni ta’ tariffi tal-infrastruttura — Obbligi tal-Istati membri — Implementazzjoni ta’ sistema ta’ titjib tal-operat — Portata

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/14, Artikolu 11(1))

4.        Trasport — Trasport ferrovjarju — Direttiva 2001/14 — Allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja u impożizzjoni ta’ tariffi — Kapaċitajiet tal-infrastruttura — Obbligi tal-Istati Membri — Stabbiliment tar-regoli speċifiċi ta’ allokazzjoni — Portata

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/14, Artikolu 14(1))

5.        Trasport — Trasport ferrovjarju — Direttiva 2001/14 — Allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja u impożizzjoni ta’ tariffi — Kapaċitajiet tal-infrastruttura — Obbligi tal-Istati Membri — Garanzija ta’ aċċess ugwali u nondiskriminatorju tal-impriżi ferrovjarji għan-netwerk ferrovjarju

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/14, premessa 11 u l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 13(2), Artikoli 14(1) u 17)

1.        Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14, dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija, l-Istati Membri għandhom jimplementaw qafas għall-impożizzjoni ta’ tariffi tal-infrastruttura ferrovjarja u huma jistgħu wkoll jistabbilixxu regoli ta’ impożizzjoni ta’ tariffi speċifiċi, filwaqt li josservaw l-indipendenza ta’ amministrazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura. Skont din id-dispożizzjoni, huwa dan tal-aħħar, minn naħa, li għandu jiddetermina t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura u, min-naħa l-oħra, li jwettaq l-irkupru tagħha.

F’dan ir-rigward, sabiex jiggarantixxi l-għan tal-indipendenza ta’ amministrazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura, dan għandu jkollu, fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ tariffi kif iddefinit mill-Istati Membri, ċertu marġni ta’ flessibbiltà għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tariffi b’mod li tippermettilu li jagħmel użu minnha bħala strument tal-amministrazzjoni.

(ara l-punti 39, 49)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 51)

3.        Mill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2001/14, dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija, jirriżulta, minn naħa, li l-Istati Membri għandhom jinkludu fis-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi tal-infrastruttura sistema ta’ titjib tal-operat intiża li tinkoraġġixxi kemm lill-impriżi ferrovjarji kif ukoll lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex itejbu s-servizzi tan-netwerk. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tip ta’ miżuri ta’ inċentiva li jistgħu jiġu implementati mill-Istati Membri, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi li jagħżlu miżuri konkreti li jifformaw parti mill-istess sistema sakemm dawn ikunu jikkostitwixxu ħaġa sħiħa koerenti u trasparenti li tista’ tiġi kklassifikata bħala sistema ta’ titjib tal-operat.

F’dan ir-rigward, is-sempliċi possibbiltà, prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, li tiġi introdotta sistema ta’ titjib tal-operat ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi implementat l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, dan l-aħħar artikolu jeżiġi li l-Istati Membri effettivament jimplementaw sistema ta’ titjib tal-operat fis-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi.

(ara l-punti 64, 66)

4.        Ir-regoli speċifiċi ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet imsemmija fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14, dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija, ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jikkonferixxu setgħa diskrezzjonali lill-korp li jikkontrolla s-suq ferrovjarju ta’ Stat Membru, għall-finijiet li jiġu attribwiti l-kapaċitajiet tal-infrastruttura.

Konsegwentement, is-sempliċi eżistenza, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tal-possibbiltà għall-imsemmi korp ta’ kontroll li jiffissa, jekk ikun xieraq, prijoritajiet ta’ allokazzjoni għat-tipi differenti ta’ servizzi fuq kull linja, meta jkun hemm sovrapożizzjoni ta’ talbiet għall-istess mogħdija tal-ferrovija f’ħin partikolari jew meta n-netwerk ikun saturat, tikkostitwixxi fiha nfisha sors ta’ inċertezza ġuridika għall-operaturi u ma tistax titqies li tosserva r-rekwiżit previst fl-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva, li jgħid li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli speċifiċi ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet.

(ara l-punti 87, 89, 90)

5.        Fid-dawl ta’ wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2001/14, dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija, li huwa dak li jiggarantixxi aċċess ugwali u nondiskriminatorju tal-impriżi ferrovjarji għan-netwerk ferrovjarju, kif jirriżulta mill-premessa 11 tal-imsemmija direttiva, il-projbizzjoni li jintużaw il-kapaċitajiet tal-infrastruttura għal żmien itwal mill-perijodu tal-iskeda tas-servizz previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva huwa intiż li jiġi evitat li impriża tibbenefika mid-dritt li tuża mogħdija tal-ferrovija b’mod indefinit. Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-istess paragrafu jipprovdi eċċezzjoni għal din il-projbizzjoni jekk kemm-il darba jkun ġie konkluż ftehim qafas bejn l-amministratur tal-infrastruttura u l-impriża ferrovjarja, skont l-Artikolu 17 tal-istess direttiva.

F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tqis il-kriterju tal-użu effettiv tan-netwerk bħala kriterju għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura fil-każ ta’ sovrapożizzjoni ta’ talbiet għall-istess mogħdija tal-ferrovija f’ħin partikolari jew meta jkun hemm saturazzjoni tan-netwerk, tmur kontra l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2001/14, sa fejn it-teħid inkunsiderazzjoni tal-użu effettiv tan-netwerk ma jkunx suġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim qafas.

Barra minn hekk, tali kriterju ta’ allokazzjoni huwa diskriminatorju sa fejn dan iwassal għaż-żamma ta’ vantaġġi għall-utenti abitwali u għall-waqfien tal-aċċess għall-mogħdijiet tal-ferrovija l-iktar attraenti għall-operaturi l-ġodda. L-imsemmi Stat Membru ma jistax jiġġustifika din in-natura diskriminatorja permezz tal-għan li għandu jintlaħaq, li huwa li jiġi ggarantit użu iktar effikaċi tal-infrastrutturi, sa fejn id-Direttiva 2001/14 tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi intiżi li jħeġġu l-użu effikaċi tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura filwaqt li jiggarantixxu aċċess xieraq u nondiskriminatorju għan-netwerk ferrovjarju.

(ara l-punti 92, 93, 95, 96, 98)