Language of document : ECLI:EU:C:2016:90

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fis-17 ta’ Frar 2016 (1)

Kawża C‑572/14

Austro‑Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch‑musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH

vs

Amazon EU Sàrl,

Amazon Services Europe Sàrl,

Amazon.de GmbH,

Amazon Logistik GmbH,

Amazon Media Sàrl

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Artikolu 5(3) – Kunċett ta’ ‘delitt jew kważi delitt’ – Direttiva 2001/29/KE – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Artikolu 5(2)(b) – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Riproduzzjoni għal użu privat – Kumpens ġust – Nuqqas ta’ ħlas – Inklużjoni eventwali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz tad-digriet tat-18 ta’ Novembru 2014, li wasal għand il-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2014, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) għamlet domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), kif ukoll tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2.        Din id-domanda saret fil-kuntest ta’ kawża bejn Austro‑Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “Austro‑Mechana”) u Amazon EU Sàrl, Amazon Services Europe Sàrl, Amazon.de GmbH, Amazon Logistik GmbH u Amazon Media Sàrl (iktar ’il quddiem, flimkien, “Amazon EU et”) dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Awstrijaċi sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ kawża li permezz tagħha Austro‑Mechana tfittex li tikseb mingħand Amazon EU et il-ħlas tar-remunerazzjoni dovuta minħabba t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni għall-ewwel darba ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni fit-territorju nazzjonali, konformement mal-leġiżlazzjoni Awstrijaka.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Nru 44/2001

3.        Ir-Regolament Nru 44/2001 tħassar mill-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, p. 1). Madankollu, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 81 tiegħu, dan ir-regolament tal-aħħar japplika biss mill-10 ta’ Jannar 2015. Peress li l-proċedura fil-kawża prinċipali saret qabel din id-data, ikun xieraq li f’din il-kawża jiġi applikat ir-Regolament Nru 44/2001.

4.        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jaqa’ taħt is-Sezzjoni 1, bit-titolu “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tal-Kapitolu II tiegħu, jistabbilixxi:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5.        L-Artikolu 5(1) u (3) ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 2, bit-titolu “Ġurisdizzjoni speċjali”, tal-Kapitolu II tiegħu, huwa fformulat kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1.      (a)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt [materji kuntrattwali], fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

[...]

[...]

3.      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara [fatt dannuż] jkun twettaq jew jista’ jitwettaq.”

2.      Id-Direttiva 2001/29

6.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, bit-titolu “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

(b)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(c)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(d)      għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(e)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili jew bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.”

7.        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

[...]

(b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;

[...]”

B –    Id-dritt Awstrijak

8.        L-Artikolu 42 tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur (Urheberrechtsgesetz), tad-9 ta’ April 1936 (BGBl. 111/1936), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UrhG”), jiddisponi:

“1.      Kull persuna tista’ tagħmel kopji iżolati ta’ xogħol għall-użu personali tagħha, fuq karta jew fuq mezz simili.

2.      Kull persuna tista’ tagħmel kopji iżolati ta’ xogħol, għall-użu personali tagħha u għal skopijiet ta’ riċerka, fuq mezzi oħra li ma humiex previsti fil-paragrafu 1, sa fejn dan huwa ġġustifikat għal skopijiet mhux kummerċjali. [...]

[...]”

9.        L-Artikolu 42b tal-UrhG jipprevedi:

“1.      Jekk, minħabba n-natura ta’ xogħol imxandar, imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jew irreġistrat fuq mezz ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħsejjes prodott għal skopijiet kummerċjali, wieħed għandu jistenna li dan jiġi riprodott konformement mal-Artikolu 42(2) sa (7), permezz ta’ reġistrazzjoni fuq mezz ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħsejjes, għall-użu personali jew privat, f’dak il-każ, l-awtur għandu dritt għal remunerazzjoni ġusta (remunerazzjoni għal cassettes ġodda) meta l-mezzi ta’ reġistrazzjoni jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju nazzjonali għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas; huma meqjusa li huma mezzi ta’ reġistrazzjoni, il-mezzi ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħsejjes ġodda u tajbin għal dawn ir-riproduzzjonijiet jew mezzi oħra ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħsejjes maħsuba għal dan l-iskop.

[...]

3.      Il-persuni li ġejjin għandhom iħallsu r-remunerazzjoni:

1)      fir-rigward tar-remunerazzjoni għal cassettes ġodda u dik għall-apparat, il-persuna li, minn post li jinsab fit-territorju nazzjonali jew barra l-pajjiż, tqiegħed għall-ewwel darba fiċ-ċirkulazzjoni, għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas, mezzi ta’ reġistrazzjoni jew apparat ta’ riproduzzjoni; [...]

[...]

5.      Huma biss is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li jistgħu jasserixxu d-dritt għal remunerazzjoni previst fil-paragrafi 1 u 2.

[...]”

III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10.      Austro‑Mechana hija soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur irregolata mid-dritt Awstrijak. Din, b’mod partikolari, għandha l-għan li tiġbor ir-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b tal-UrhG. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li dan l-artikolu huwa intiż li jimplementa r-rekwiżit ta’ kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

11.      Amazon huwa grupp internazzjonali li jikkummerċjalizza kotba, mużika u prodotti oħra fuq l-internet. Fost il-ħames kumpanniji ta’ dan il-grupp imfittxija fil-proċedura prinċipali, tlieta minnhom huma kumpanniji rregolati mid-dritt Lussemburgiż li s-sede tagħhom tinsab fil-Lussemburgu u t-tnejn l-oħra huma kumpanniji rregolati mid-dritt Ġermaniż li s-sede tagħhom tinsab fil-Ġermanja. L-ebda waħda minn dawn il-kumpanniji ma għandha sede jew stabbiliment fl-Awstrija. Austro‑Mechana ssottomettiet quddiem il-qorti tar-rinviju li dawn il-kumpanniji jikkompetu fil-kummerċjalizzazzjoni għall-ewwel darba ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni fl-Awstrija, b’tali mod li huma responsabbli in solidum għall-ħlas tar-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b tal-UrhG.

12.      Austro-Mechana ddikjarat quddiem il-qorti tar-rinviju li Amazon EU et jikkummerċjalizzaw mezzi ta’ reġistrazzjoni fl-Awstrija li huma installati f’telefons ċellulari li jippermettu r-riproduzzjoni tal-mużika, kif ukoll użati biex iżidu l-memorja ta’ dawn it-telefons. F’dan ir-rigward, Austro‑Mechana talbet lil Amazon EU et iħallsuha r-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b tal-UrhG. Sabiex tiddetermina l-ammont dovut minn Amazon EU et għal din ir-remunerazzjoni, Austro‑Mechana talbet lil dawn tal-aħħar jikkomunikawlha l-informazzjoni finanzjarja rilevanti li tikkonċerna l-mezzi ta’ reġistrazzjoni li Amazon EU et ikkummerċjalizzaw fl-Awstrija mill-1 ta’ Ottubru 2010.

13.      F’dan l-istadju tal-proċedura prinċipali, il-kawża bejn il-partijiet tirrigwarda esklużivament il-kwistjoni dwar jekk il-qrati Awstrijaċi għandhomx ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja mressqa minn Austro‑Mechana bl-għan li tikseb il-ħlas tar-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b tal-UrhG mingħand Amazon EU et.

14.      Austro‑Mechana sostniet quddiem il-qorti tar-rinviju li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal kumpens ġust fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprevedi li jiġi kkumpensat il-“preġudizzju [dannu]” mġarrab mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati (iktar ’il quddiem id-“detentur”) minħabba t-twettiq ta’ riproduzzjonijiet maħsuba għal użu privat. Konsegwentement, l-azzjoni ġudizzjarja mressqa minn Austro‑Mechana hija azzjoni dwar ir-responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali li taqa’ taħt l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-qrati Awstrijaċi għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni tagħha.

15.      Amazon EU et oġġezzjonaw li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli biss meta l-azzjoni tkun tikkonċerna obbligi li jirriżultaw minn delitt jew kważi delitt. Madankollu, dan ma jkunx il-każ tal-obbligu ta’ ħlas tar-remunerazzjoni previst fl-Artikolu 42b tal-UrhG, meta dan l-obbligu jkollu l-għan li jikkumpensa lid-detenturi għall-konsegwenzi ta’ ċerti atti li huma awtorizzati mil-liġi, jiġifieri r-riproduzzjonijiet maħsuba għal użu privat, b’deroga għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tad-detenturi.

16.      Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ April 2014, il-Handelsgericht Wien (qorti kummerċjali ta’ Vjenna) segwiet l-argumenti ta’ Amazon EU et u ċaħdet l-azzjoni mressqa minn Austro‑Mechana minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali.

17.      Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Ġunju 2014, l-Oberlandesgericht Wien (qorti reġjonali superjuri ta’ Vjenna), li tiddeċiedi bħala qorti tal-appell, ikkonfermat iċ-ċaħda tal-azzjoni mressqa minn Austro‑Mechana minħabba r-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, Amazon EU et għandhom obbligu ta’ remunerazzjoni impost bil-liġi. Imbagħad, id-dannu mġarrab mid-detenturi ma huwiex ikkawżat mill-aġir ta’ Amazon EU et iżda minn dak ta’ terzi, li jużaw il-mezzi ta’ reġistrazzjoni kkummerċjalizzati minn Amazon EU et bl-għan li jagħmlu kopji privati. Fl-aħħar nett, dan l-użu tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni kkummerċjalizzati minn Amazon EU et bl-għan li jsiru kopji privati ma huwiex ipprojbit. Konsegwentement, l-azzjoni mressqa minn Austro‑Mechana ma taqax taħt l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

18.      Austro‑Mechana ppreżentat rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-digriet tal-Oberlandesgericht Wien (qorti reġjonali superjuri ta’ Vjenna).

19.      Billi qieset li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma kinitx daqstant evidenti b’tali mod li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, u fid-dawl tal-istatus tagħha ta’ qorti tal-aħħar istanza, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-obbligu ta’ ħlas ta’ ‘kumpens ġust’ fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva [2001/29/], li, skont id-dritt Awstrijak, jaqa’ fuq l-impriżi li jwettqu l-ewwel distribuzzjoni [tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni] ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni fit-territorju nazzjonali, għal finijiet kummerċjali u bi ħlas, huwa obbligu li jirriżulta minn ‘delitt jew kważi delitt’ fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 44/2001]?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2014.

21.      Austro‑Mechana, Amazon EU et, il-gvernijiet tal-Awstrija, ta’ Franza, tal-Italja u tal-Finlandja, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

22.      Fis-seduta tas-26 ta’ Novembru 2015 dehru r-rappreżentanti ta’ Austro‑Mechana u Amazon EU et, kif ukoll il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni u ppreżentaw l-argumenti tagħhom.

V –    Analiżi tad-domanda preliminari

A –    Kunsiderazzjonijiet preliminari

23.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni ġudizzjarja bl-għan li jinkiseb il-ħlas tal-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, li skont id-dritt nazzjonali huwa obbligu li jaqa’ fuq l-impriżi li jqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni għall-ewwel darba mezzi ta’ reġistrazzjoni fit-territorju nazzjonali, għal finijiet kummerċjali u bi ħlas, taqa’ taħt il-materja ta’ “delitt jew kwasi delitt” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

24.      F’dan l-istadju tal-proċedura prinċipali, il-kawża bejn il-partijiet tirrigwarda esklużivament l-applikabbiltà tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għall-azzjoni mressqa minn Austro‑Mechana fil-konfront ta’ Amazon EU et.

25.      Ħlief f’każ ta’ żball min-naħa tiegħi, l-ebda waħda mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma kkontestat il-fatt li, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli għall-azzjoni mressqa minn Austro‑Mechana fil-konfront ta’ Amazon EU et, il-qrati Awstrijaċi jkollhom ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni tagħha bħala “qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara [fatt dannuż] jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

26.      Għalhekk, in-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat għad-domanda li ġejja: l-azzjoni mressqa minn Austro‑Mechana fil-konfront ta’ Amazon EU et taqa’ taħt il-materja ta’ “delitt jew kwasi delitt” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001?

27.      Qabel ma nwieġeb għal din id-domanda, inqis utli li nispjega s-sistema tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, huwa importanti li jiġu identifikati bi preċiżjoni l-konsegwenzi legali li tkun tinvolvi d-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jimplementa din l-eċċezzjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni ġudizzjarja bbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ kumpens ġust taqax taħt il-materja ta’ “delitt jew kwasi delitt”.

B –    Is-sistema tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29

28.      L-eċċezzjoni ta’ kopja privata hija eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 li, bħala prinċipju, huwa esklużiv għad-detenturi.

29.      Skont l-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu, fil-fatt, jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għal dan id-dritt ta’ riproduzzjoni, fil-każ ta’ riproduzzjonijiet magħmula minn persuna fiżika għal użu privat u għal skopijiet li ma humiex, la direttament u lanqas indirettament, kummerċjali (iktar ’il quddiem il-“kopji għal skopijiet privati”), bil-kundizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust.

30.      F’dan l-istadju, huwa importanti li jiġu identifikati bi preċiżjoni l-konsegwenzi legali tal-istabbiliment tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata minn Stat Membru, peress li din l-eċċezzjoni ġiet stabbilita mil-leġiżlatur Awstrijak fl-Artikoli 42 u 42b tal-UrhG.

31.      Fis-sistema “ordinarja” stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, id-detenturi għandhom id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet u materjali oħra protetti mid-dritt tal-awtur jew dritt relatat, li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji previsti minn dan l-artikolu (iktar ’il quddiem ix-“xogħlijiet jew materjali protetti”). B’mod korrispondenti, l-utenti għandhom l-obbligu li joqogħdu lura milli jirriproduċu x-xogħlijiet jew il-materjali protetti mingħajr awtorizzazzjoni tad-detenturi. F’każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu, id-detentur jista’ jressaq kawża bl-għan ta’ rimedju għad-dannu reali mġarrab minħabba r-riproduzzjoni mhux awtorizzata. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali kawża taqa’ taħt l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 (2).

32.      Meta fid-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru tiġi implementata s-sistema “eċċezzjonali” prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, id-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tad-detenturi u l-obbligu korrispondenti tal-utenti li joqogħdu lura milli jirriproduċu x-xogħlijiet u l-materjali protetti jispiċċaw fir-rigward tal-kopji għal skopijiet privati. Bħalma nnotaw il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’tali sistema, jiġi rikonoxxut id-dritt tal-utenti li jagħmlu kopji għal skopijiet privati ta’ xogħlijiet jew materjali protetti, peress li dawn tal-aħħar ikunu espliċitament awtorizzati. B’mod korrispondenti, id-detenturi ma jistgħux iktar jasserixxu d-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tagħhom biex jopponu t-twettiq ta’ kopji għal skopijiet privati.

33.      Madankollu, inkambju għat-tmiem tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tad-detenturi u tal-obbligu korrispondenti tal-utenti li joqogħdu lura milli jirriproduċu x-xogħlijiet jew il-materjali protetti, l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ħoloq dritt ġdid favur id-detenturi li jeżiġi li dawn għandhom “jirċievu kumpens ġust”.

34.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ladarba hija l-persuna li, għall-użu privat tagħha, tirriproduċi xogħol mingħajr ma titlob l-awtorizzazzjoni minn qabel tad-detentur tad-drittijiet ikkonċernat, li tikkawża dannu lil dan tal-aħħar, bħala prinċipju, hija din il-persuna li għandha tirrimedja għad-dannu, billi tiffinanzja l-kumpens ġust li għandu jitħallas lil dan id-detentur (3).

35.      Għalhekk, l-istabbiliment tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 fid-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jwassal sabiex relazzjoni ġuridika tiġi ssostitwita b’oħra:

–        jispiċċaw id-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tad-detenturi u l-obbligu korrispondenti tal-utenti li joqogħdu lura milli jirriproduċu x-xogħlijiet u l-materjali protetti, f’dak li jirrigwarda l-kopji għal skopijiet privati; u

–        inkambju, jinħolqu d-dritt tad-detenturi li jirċievu kumpens ġust u l-obbligu korrispondenti, li bħala prinċipju huwa dovut mill-utenti, li jiffinanzjaw dan il-kumpens ġust.

36.      Huwa f’dan is-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kumpens ġust għandu l-għan li jikkumpensa lid-detenturi meta jsir l-ikkoppjar għal skopijiet privati tax-xogħlijiet u l-materjali protetti tagħhom, b’tali mod li dan għandu jitqies li huwa l-korrispettiv għad-dannu mġarrab mid-detenturi, li jirriżulta minn tali kopja mhux awtorizzata minn dawn tal-aħħar (4).

37.      Fis-sistema stabbilita mil-leġiżlatur Awstrijak, li hija s-suġġett tas-sentenza Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515), id-dritt tal-utenti li jagħmlu kopji għal skopijiet privati huwa stabbilit fl-Artikolu 42 tal-UrhG. L-obbligu ta’ kumpens ġust, min-naħa tiegħu, huwa implementat mill-Artikolu 42b(1) tal-UrhG, li jgħid li “l-awtur għandu dritt għal remunerazzjoni ġusta (remunerazzjoni għal cassettes ġodda)”.

38.      Madankollu jeħtieġ li nenfasizza li, fil-kuntest ta’ din is-sistema, ir-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b tal-UrhG ma titħallasx direttament lid-detenturi kkonċernati mill-utenti li jagħmlu kopji għal skopijiet privati.

39.      Minn naħa, il-kreditur tal-obbligu ta’ remunerazzjoni previst fl-Artikolu 42b tal-UrhG ma huwiex id-detentur li x-xogħol jew il-materjal protett tiegħu kien suġġett għal kopji għal skopijiet privati. Fil-fatt, skont l-Artikolu 42b(5) tal-UrhG, ir-remunerazzjoni għandha titħallas lil soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva. Huwa abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li Austro‑Mechana, soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, titlob din ir-remunerazzjoni fil-kawża prinċipali.

40.      Min-naħa l-oħra, id-debitur tal-obbligu ta’ remunerazzjoni previst fl-Artikolu 42b tal-UrhG ma huwiex l-utent li jagħmel kopji għal skopijiet privati tax-xogħol jew il-materjal protett. Fil-fatt, skont l-Artikolu 42b(3) tal-UrhG, il-persuni li għandhom iħallsu din ir-remunerazzjoni huma dawk li, għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas, iqiegħdu għall-ewwel darba fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju nazzjonali l-mezzi ta’ reġistrazzjoni. Huwa abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li Amazon EU et ġew imfittxija fil-proċedura prinċipali, minħabba l-allegata kummerċjalizzazzjoni, fl-Awstrija, ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni installati f’telefons ċellulari li jippermettu r-riproduzzjoni tal-mużika jew użati biex iżidu l-memorja ta’ tali telefons.

41.      Dan l-aspett tas-sistema Awstrijaka ġie eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515).

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li bħala prinċipju huma l-persuni li jagħmlu kopji għal skopijiet privati li għandhom jiffinanzjaw il-kumpens ġust li għandu jitħallas lid-detenturi (5).

43.      Madankollu, u skont ġurisprudenza stabbilita sew, fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi sabiex jiġu identifikati l-utenti privati kif ukoll sabiex jiġu obbligati jikkumpensaw lid-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni għad-dannu li joħolqulhom, huwa possibbli għall-Istati Membri li jistabbilixxu, għall-finijiet tal-finanzjament tal-kumpens ġust, “ħlas għal kopja privata” li ma għandux isir mill-persuni privati kkonċernati, imma minn dawk li jkollhom l-attrezzaturi, it-tagħmir u l-mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u li, għalhekk, fid-dritt jew fil-fatt, ipoġġu dawn l-attrezzaturi, it-tagħmir u l-mezzi ta’ riproduzzjoni għad-dispożizzjoni tal-persuni privati jew jagħtu lil dawn tal-aħħar servizz ta’ riproduzzjoni. Fil-kuntest ta’ tali sistema, huma l-persuni li għandhom l‑imsemmija attrezzaturi, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni li għandhom iwettqu l-ħlas għal kopja privata (6).

44.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, peress li l-imsemmija sistema tippermetti lill-persuni responsabbli għall-ħlas li jgħaddu l-ammont tal-ħlas għal kopja privata fuq il-prezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-imsemmija attrezzaturi, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni jew fil-prezz tas-servizz ta’ riproduzzjoni mogħti, ir-responsabbiltà għall-ħlas tar-remunerazzjoni hija b’mod definittiv sostnuta mill-utent privat li ħallas dan il-prezz, u dan konformement mal-“bilanċ ġust” li għandu jintlaħaq bejn l-interessi tad-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni u dawk tal-utenti tal-oġġetti protetti (7).

45.      Fir-rigward b’mod iktar speċifiku tas-sistema stabbilita mill-Artikolu 42b tal-UrhG, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-ħlas għal kopja għal skopijiet privati huwa dovut mingħand il-persuna li tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni, għal finijiet kummerċjali u bi ħlas, mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni (8).

46.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, bħala prinċipju, tali sistema tippermetti li l-persuni responsabbli għall-ħlas jgħaddu l-ammont ta’ dan il-ħlas fuq il-prezz tal-bejgħ tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni, b’tali mod li r-responsabbiltà għall-ħlas tkun, konformement mar-rekwiżit ta’ “bilanċ ġust”, sostnuta fl-aħħar mill-aħħar mill-utent privat li jħallas dan il-prezz, jekk jitqies li tali utent ikun id-destinatarju finali (9).

47.      Iċ-“ċirkwit finanzjarju” implementat mill-Artikolu 42b tal-UrhG għalhekk jinvolvi erba’ kategoriji ta’ atturi u jista’ jiġi deskritt fil-qosor kif ġej.

48.      Il-bejjiegħa li jwettqu l-ewwel kummerċjalizzazzjoni fit-territorju nazzjonali ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni użati biex isiru kopji għal skopijiet privati għandhom formalment iħallsu r-“remunerazzjoni għal cassettes ġodda”.

49.      Dawn il-bejjiegħa madankollu jistgħu jgħaddu l-ispiża ta’ din ir-remunerazzjoni fil-prezz tal-bejgħ ta’ dawn il-mezzi ta’ reġistrazzjoni, b’tali mod li l-utenti li jagħmlu l-kopji għal skopijiet privati jiffinanzjaw l-imsemmija remunerazzjoni indirettament meta jakkwistaw dawn il-mezzi.

50.      Din ir-remunerazzjoni, bl-għan li tikkumpensa għad-dannu mġarrab mid-detenturi minħabba li jsiru kopji għal skopijiet privati, għandha titħallas mill-bejjiegħ ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni lil soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, bħal Austro‑Mechana fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar b’mod partikolari għandha l-għan li tiġbor ir-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b tal-UrhG.

51.      Huwa fid-dawl ta’ dan il-kuntest regolatorju li hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-azzjoni mressqa minn Austro‑Mechana fil-konfront ta’ Amazon EU et, li għandha l-għan li tikseb il-ħlas tar-remunerazzjoni previst fl-Artikolu 42b tal-UrhG, taqax taħt l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

C –    Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001

52.      Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxija f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, quddiem il-qorti tal-post fejn seħħ jew jista’ jseħħ il-fatt dannuż.

53.      Din id-dispożizzjoni kif ukoll l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), li hija segwiet, kienu s-suġġett ta’ ġurisprudenza abbondanti (10).

54.      Din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali hija deroga għall-prinċipju fundamentali stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jgħid li, il-persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom.

55.      Sa fejn il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-post fejn seħħ jew jista’ jseħħ il-fatt dannuż tikkostitwixxi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, din għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv u ma tistax tiġi interpretata b’mod li jmur lil hinn mill-każijiet previsti b’mod espliċitu f’dan ir-regolament (11).

56.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, ikopri kull talba intiża li tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma hijiex relatata mal-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt [materji kuntrattwali]”, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-regolament (12).

57.      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, hemm lok li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk azzjoni ġudizzjarja li għandha l-għan li tikseb il-ħlas tal-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, bħal dik fil-kawża prinċipali, hijiex relatata mal-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt [materji kuntrattwali]” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 (13). Jekk dan ma huwiex il-każ, fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk tali azzjoni tistax titqies li hija talba intiża li tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut (14).

1.      L-azzjoni mressqa fil-kawża prinċipali ma hijiex marbuta mal-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt [materji kuntrattwali]” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001

58.      Skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxija f’materji kuntrattwali, quddiem il-qorti tal-post fejn twettaq jew għandu jiġi eżegwit l-obbligu f’dak il-każ.

59.      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, għalkemm l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 ma teżiġix il-konklużjoni ta’ kuntratt, din madankollu hija suġġetta għall-identifikazzjoni ta’ obbligu peress li l-ġurisdizzjoni abbażi tagħha hija stabbilita skont il-post fejn ġie jew għandu jiġi eżegwit l-obbligu li jservi bħala bażi għat-talba. Għalhekk, l-applikazzjoni għad-dispożizzjoni msemmija tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fil-qasam kuntrattwali tippresupponi d-determinazzjoni ta’ obbligu legali liberament ikkonsentit minn persuna fir-rigward ta’ oħra u li fuqu hija bbażata l-kawża tar-rikorrent (15).

60.      Fil-kawża prinċipali, l-obbligu ta’ ħlas ta’ kumpens ġust huwa stabbilit fl-Artikolu 42b tal-UrhG, li jimplementa r-rekwiżit ta’ kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. Mill-oriġini legali tiegħu jirriżulta li dan l-obbligu ta’ ħlas ma ġiex liberament ikkonsentit minn Amazon EU et fil-konfront ta’ Austro‑Mechana fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, iżda ġie impost mil-leġiżlatur Awstrijak fuq il-bejjiegħa ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni meta implementa l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

61.      Konsegwentement, azzjoni ġudizzjarja bl-għan li jinkiseb il-ħlas tal-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex marbuta mal-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt [materji kuntrattwali]” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, bħalma nnotaw ġustament Austro‑Mechana, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

2.      L-azzjoni mressqa fil-kawża prinċipali hija intiża li “tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ [konvenut]”

62.      Sabiex jiġi deċiż jekk l-azzjoni ġudizzjarja mressqa minn Austro‑Mechana taqax taħt il-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, għadu jrid jiġi ddeterminat, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jekk din tikkostitwixxix “talba intiża biex tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ [konvenut]”.

63.      Inqis, bi qbil ma’ Austro‑Mechana, mal-gvernijiet tal-Awstrija, ta’ Franza u tal-Italja kif ukoll mal-Kummissjoni, li l-azzjoni mressqa minn Austro‑Mechana hija intiża biex tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ Amazon EU et u, għaldaqstant, taqa’ taħt il-materja ta’ “delitt jew kwasi delitt” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

64.      B’mod preliminari, huwa utli li jitfakkar li, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jinkludi diversità kbira ta’ tipi ta’ responsabbiltà (16).

65.      Barra minn hekk, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jagħti l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba f’materja ta’ delitt jew kważi delitt lill-qorti tal-post fejn seħħ jew jista’ jseħħ fatt dannuż. Minn din il-formulazzjoni jista’ jiġi dedott li talba f’materja ta’ delitt jew kważi delitt għandha neċessarjament tkun ibbażata fuq “fatt dannuż”.

66.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss bil-kundizzjoni li tkun tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali bejn id-dannu u l-fatt li wassal għal dan id‑dannu (17). Din ippreċiżat ukoll li l-avveniment li ta’ lok għad-dannu u l-materjalizzazzjoni tad-dannu jirrappreżentaw l-elementi kostituttivi kollha tar-responsabbiltà (18).

67.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li “talba intiża biex tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ [konvenut]”, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandha tkun ibbażata fuq fatt dannuż, jiġifieri fatt attribwit lill-konvenut u li ġie allegat li kkawża dannu lil ħaddieħor.

68.      Ma hemmx wisq dubju, fil-fehma tiegħi, li l-azzjoni mressqa minn Austro‑Mechana fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq tali effett dannuż.

69.      Fil-fatt, l-azzjoni mressqa minn Austro‑Mechana hija bbażata fuq l-obbligu legali l-ġdid maħluq mil-leġiżlatur Awstrijak meta stabbilixxa l-eċċezzjoni ta’ kopja privata, jiġifieri l-obbligu li jitħallas kumpens ġust, imsejjaħ “remunerazzjoni għal cassettes ġodda” (19).

70.      Fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 42b tal-UrhG jimponi dan l-obbligu fuq il-bejjiegħa li jikkummerċjalizzaw għall-ewwel darba l-mezzi ta’ reġistrazzjoni użati biex isiru kopji għal skopijiet privati, bħalma ġie allegat fir-rigward ta’ Amazon EU et, u dan favur Austro‑Mechana, soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur (20).

71.      Konsegwentement, jekk jiġi stabbilit li Amazon EU et effettivament wettqu l-ewwel kummerċjalizzazzjoni ta’ tali mezzi ta’ reġistrazzjoni, in-nuqqas ta’ ħlas minn Amazon EU et tar-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b tal-UrhG jikkawża dannu lill-Austro‑Mechana fil-forma ta’ nuqqas ta’ ġbir tar-“remunerazzjoni għal cassettes ġodda”.

72.      Fil-fehma tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-“effett dannuż” li fuqu hija bbażata l-azzjoni mressqa minn Austro‑Mechana, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, jikkonsisti mill-fatt, allegat fil-konfront ta’ Amazon EU et, b’mod volontarju jew b’negliġenza, ma ħallsux ir-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b tal-UrhG, u għalhekk ikkawżaw dannu lill-Austro‑Mechana.

73.      Din l-interpretazzjoni, fil-fehma tiegħi, hija sostnuta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li tgħid li l-kumpens ġust għandu preċiżament l-għan li jikkumpensa lid-detenturi meta jsiru l-kopji għal skopijiet privati, mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom, tax-xogħlijiet u l-materjali protetti tagħhom.

74.      Il-lezzjoni meħuda minn din il-ġurisprudenza għandha sempliċement tiġi adattata għall-kuntest tal-kawża prinċipali, peress li l-Artikolu 42b tal-UrhG jipprevedi li din ir-remunerazzjoni ma għandhiex titħallas direttament lid-detenturi, iżda lil soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur bħal ma hija Austro‑Mechana. Għalhekk, id-dannu kkawżat mir-rifjut eventwali li titħallas din ir-remunerazzjoni huwa mġarrab minn Austro‑Mechana kif ukoll, għaldaqstant, indirettament mid-detenturi.

75.      Fil-fehma tiegħi, tali xenarju jaqa’ proprju fil-qalba tal-materja ta’ delitt, peress li rifjut li titħallas ir-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b tal-UrhG jikser id-dritt Awstrijak u jikkawża dannu lil Austro‑Mechana.

76.      Madankollu nqis bħala utli li nwieġeb għal ċerti argumenti mressqa minn Amazon EU et u mill-Gvern Finlandiż li jgħidu li l-azzjoni mressqa minn Austro‑Mechana ma taqax taħt l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

77.      Amazon EU et sostnew, l-ewwel nett, li l-uniku att rilevanti għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Awstrijaċi huwa l-kummerċjalizzazzjoni ta’ telefons ċellulari fit-territorju Awstrijak, li la jikkostitwixxi delitt u lanqas kważi delitt fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

78.      Konsegwentement, l-obbligu ta’ kumpens ġust jikkostitwixxi obbligu ta’ remunerazzjoni għall-atti ta’ riproduzzjoni awtorizzati mil-liġi, u mhux obbligu ta’ kumpens għall-atti kkundannati mil-liġi. Għaldaqstant, azzjoni intiża għall-ħlas ta’ dan il-kumpens ġust ma hijiex intiża li “tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ [konvenut]” fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

79.      Amazon EU et sostnew, fl-aħħar nett, li l-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma joriġinax minn ksur ta’ xi dritt tad-detenturi, peress li dawn ma għandhomx iktar id-dritt li jipprojbixxu jew jawtorizzaw il-kopji għal skopijiet privati skont l-Artikolu 42 tal-UrhG.

80.      Ċertament, ma huwiex ikkontestat li l-kummerċjalizzazzjoni tat-telefons ċellulari u l-kopji għal skopijiet privati previsti fl-Artikolu 42 tal-UrhG huma atti leċiti fit-territorju Awstrijak. Il-legalità ta’ dawn l-atti madankollu ma timplikax li l-ksur eventwali minn Amazon EU et tal-obbligu li jħallsu r-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b tal-UrhG ikun leċitu wkoll.

81.      B’mod partikolari, għalkemm Amazon EU et jinnotaw ġustament li l-obbligu li wieħed joqgħod lura milli jagħmel kopji għal skopijiet privati spiċċa, dan l-argument ma huwiex rilevanti sa fejn l-azzjoni mressqa minn Austro‑Mechana hija bbażata fuq ksur tal-obbligu legali “ta’ sostituzzjoni”, jiġifieri dak li titħallas ir-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b tal-UrhG mal-ewwel kummerċjalizzazzjoni, fl-Awstrija, ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni.

82.      Madankollu, ma nara l-ebda raġuni għalfejn għandu jiġi eskluż li l-ksur ta’ dan l-obbligu ta’ remunerazzjoni jista’ “[j]istabbilixxi r-responsabbiltà ta’ [konvenut]” u għalhekk jaqa’ taħt l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, ladarba dan jikkostitwixxi fatt dannuż fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri fatt attribwibbli lill-konvenut (Amazon EU et) u li fir-rigward tiegħu huwa allegat li kkawża dannu lil ħaddieħor (Austro‑Mechana).

83.      Konsegwentement inqis li l-argumenti invokati minn Amazon EU et ma humiex fondati.

84.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Finlandiż sostna li ma teżistix rabta kawżali bejn l-avveniment li wassal għal dannu u d-dannu li fuqu hija bbażata l-azzjoni mressqa minn Austro‑Mechana fil-kawża prinċipali, kif jeżiġi l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Skont dan il-gvern, din l-azzjoni hija intiża għall-ġbir ta’ kumpens legali mingħand impriżi li jikkummerċjalizzaw mezzi ta’ reġistrazzjoni, filwaqt li d-dannu mġarrab mid-detenturi ma huwiex ikkawżat minn dawn l-impriżi, iżda mill-fatt li individwi jużaw dawn il-mezzi biex jikkopjaw xogħlijiet jew materjali protetti.

85.      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rabta kawżali bejn ir-rifjut allegat ta’ Amazon EU et li jħallsu r-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b tal-UrhG u d-dannu allegat fil-konfront ta’ Austro‑Mechana ġiet stabbilita mil-leġiżlatur Awstrijak innifsu. L-Artikolu 42b(5) tal-UrhG fil-fatt jipprevedi li din ir-remunerazzjoni ma għandhiex titħallas direttament lid-detenturi, iżda lil soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur bħal Austro‑Mechana, b’tali mod li d-dannu kkawżat mir-rifjut eventwali li titħallas l-imsemmija remunerazzjoni jiġġarrab minn din tal-aħħar, u mhux direttament mid-detenturi.

86.      Għaldaqstant, bħalma spjegajt fil-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-“fatt dannuż” li fuqu hija bbażata l-kawża mressqa minn Austro‑Mechana jikkonsisti mill-fatt, allegat fil-konfront ta’ Amazon EU et, li ma ħallsux, b’mod volontarju jew b’negliġenza, ir-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b tal-UrhG, u għalhekk ikkawżaw dannu fil-konfront ta’ Austro-Mechana.

87.      Matul is-seduta, il-Gvern Finlandiż sostna wkoll li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jistax jiġi estiż għal atti leċiti ta’ kopji għal skopijiet privati.

88.      F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni li nirrakkomanda tikkonsisti mill-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jkoprix atti leċiti ta’ kopji privati, iżda kull ksur tal-obbligu li titħallas ir-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b tal-UrhG.

89.      Nenfasizza wkoll li din l-interpretazzjoni ma tqajjimx dubju fuq in-natura leċita tal-kopji għal skopijiet privati magħmula konformement mal-Artikolu 42 tal-UrhG. Fil-fatt, dan l-artikolu ma jissuġġettax il-legalità tal-kopji privati għall-osservanza tal-obbligu ta’ remunerazzjoni previst fl-Artikolu 42b tal-UrhG.

90.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li azzjoni ġudizzjarja li għandha l-għan li tikseb il-ħlas tal-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, bħal dik fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi “talba intiża biex tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ [konvenut]” fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

D –    Konsegwenzi prattiċi

91.      Jien ippreżentajt ir-raġunijiet għaliex inqis li azzjoni ġudizzjarja intiża għall-ksib tal-ħlas tal-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, bħal dik imressqa fil-kawża prinċipali, ma hijiex marbuta mal-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt [materji kuntrattwali]” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 (21) u tikkostitwixxi talba intiża li tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut (22). Bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tali kawża għalhekk tirrigwarda materja ta’ “delitt jew kwasi delitt” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

92.      Minn dan jirriżulta li l-qrati Awstrijaċi għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali biex jieħdu konjizzjoni ta’ jekk il-fatt dannuż seħħx jew jistax iseħħ fit-territorji tar-Repubblika tal-Awstrija, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju (23).

93.      Il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Awstrijaċi fil-kawża prinċipali hija għalhekk konformi mal-għan imfittex mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt kellha l-opportunità li tippreċiża li, f’materja ta’ delitt jew kważi delitt, il-qorti tal-post fejn seħħ jew jista’ jseħħ il-fatt dannuż hija normalment l-iktar adattata sabiex tiddeċiedi, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ viċinanza għall-kawża u ta’ faċilità tal-produzzjoni tal-provi (24).

VI – Konklużjoni

94.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domanda preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema):

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni ġudizzjarja intiża għall-ksib tal-ħlas tal-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, li skont id-dritt nazzjonali għandu jitħallas mill-impriżi li jqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni għall-ewwel darba mezzi ta’ reġistrazzjoni fit-territorju nazzjonali, għal finijiet kummerċjali u bi ħlas, taqa’ taħt il-materja ta’ “delitt jew kwasi delitt” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Pinckney (C‑170/12, EU:C:2013:635, punt 47); Hi Hotel HCF (C‑387/12, EU:C:2014:215, punt 40); u Hejduk (C‑441/13, EU:C:2015:28, punt 38).


3 –      Ara s-sentenzi Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 23); ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata); kif ukoll Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


4 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi VG Wort et (C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:426, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 50).


5 –      Sentenza Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll is-sentenzi ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 51), kif ukoll Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 22).


6 –      Sentenza Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 52), kif ukoll Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 23).


7 –      Sentenza Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 52), kif ukoll Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 53).


8 –      Sentenza Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 26).


9 –      Ibidem (C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 27).


10 –      Biex infakkar, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tapplika wkoll għal dawk tar-Regolament Nru 44/2001, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti leġiżlattivi jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti. Dan japplika għall-Artikolu 5(1)(a) u 3 ta’ dan ir-regolament fir-rigward tal-Artikolu 5(1) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell rispettivament (sentenza Brogsitter, C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Kronhofer (C‑168/02, EU:C:2004:364, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell; Pinckney (C‑170/12, EU:C:2013:635, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Hi Hotel HCF (C‑387/12, EU:C:2014:215, punt 26).


12 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Kalfelis (189/87, EU:C:1988:459, punt 17) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell; Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 20), u Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 44).


13 –      Ara l-punti 58 sa 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


14 –      Ara l-punti 62 sa 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Engler (C‑27/02, EU:C:2005:33, punti 50 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata) fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell; Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165, punti 46 u 47), kif ukoll Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 39).


16 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bier (21/76, EU:C:1976:166, punt 18) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.


17 –      Sentenzi Bier (21/76, EU:C:1976:166, punt 16) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, u DFDS Torline (C‑18/02, EU:C:2004:74, punt 32).


18 –      Sentenza Kronhofer (C‑168/02, EU:C:2004:364, punt 18).


19 –      Ara l-punti 33 sa 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20 –      Ara l-punti 38 sa 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


21 –      Ara l-punti 58 sa 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22 –      Ara l-punti 62 sa 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23 –      Bħala tfakkira, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-espressjoni “[il-]post fejn l-effett tal-ħsara [fatt dannuż] jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, jipprevedi kemm il-post fejn id-dannu kien imġarrab kif ukoll il-post fejn seħħ l-avveniment kawżali li ta lok għal dan id-dannu, b’tali mod li l-konvenut ikun jista’ jiġi mfittex, fuq għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ postijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Bier 21/76, EU:C:1976:166, punt 24 dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell; Kronhofer C‑168/02, EU:C:2004:364, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Hejduk C‑441/13, EU:C:2015:28, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Folien Fischer u Fofitec (C‑133/11, EU:C:2012:664, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Melzer (C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 27).