Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka) fit-8 ta’ Frar 2018 – A vs Udlændinge- og Integrationsministeriet

(Kawża C-89/18)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Østre Landsret

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A

Konvenut: Udlændinge- og Integrationsministeriet

Domandi preliminari

Fil-każ fejn “restrizzjonijiet ġodda” jkunu ġew introdotti għar-riunifikazzjoni tal-familja bejn il-konjuġi li prima facie jiksru l-klawżola ta’ sospensjoni stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni li twaqqfet bil-ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat, fit-12 ta’ Settembru 1963), u meta dawn ir-restrizzjonijiet ikunu ġġustifikati abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ “integrazzjoni b’suċċess” irrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ April 2016 fil-Kawża C-561/14 Genc 1 , ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014 fil-Kawża C-138/13, Dogan, EU:C:2014:2066 2 , regola bħal dik inkluża fil-paragrafu 9(7) tal-liġi Daniża dwar il-barranin (Udlændingeloven) — li jistabbilixxi inter alia li hija kundizzjoni ġenerali għar-riunifikazzjoni tal-familja bejn persuna li hija ċittadina ta’ pajjiż terz u li għandha permess ta’ residenza fid-Danimarka u l-konjuġi ta’ din il-persuna, li r-rabta tal-koppja mad-Danimarka tkun ikbar minn dik mat-Turkija — tista’ tiġi kkunsidrata li hija “ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali xierqa sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan leġittimu mfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex tilħqu”?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, u għalhekk ir-rekwiżit ta’ rabta għandu jitqies ġeneralment xieraq sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan tal-integrazzjoni, huwa għalhekk possibbli, mingħajr ksur tat-test tar-restrizzjoni u r-rekwiżit ta’ proporzjonalità:

(i)    li tiġi applikata prassi li abbażi tagħha, meta l-konjuġi li jkollu permess ta’ residenza fl-Istat Membru (il-persuna ta’ referenza) ikun wasal fid-Danimarka fl-età ta’ 12-13 jew wara, fl-evalwazzjoni tar-rabta tal-persuna ta’ referenza mal-Istat Membru tingħata importanza sinjifikattiva lill-elementi segwenti: jekk il-persuna kellhiex jew perijodu fit-tul ta’ residenza legali ta’ madwar 12-il sena fl-Istat Membru jew kellhiex perijodu ta’ residenza u impjieg stabbli fl-Istat Membru kkaratterizzat minn kuntatt u komunikazzjoni ta’ livell sinjifikattiv mal-kollegi u klijenti fil-lingwa tal-Istat Membru, tul perijodu ta’ mill-inqas erba’ sa’ ħames snin mingħajr interruzzjonijiet sinjifikattivi, jew li kellha perijodu ta’ residenza u impjieg stabbli fl-Istat Membru li ma kienx ikkaratterizzat minn kuntatt u komunikazzjoni ta’ livell sinjifikattiv mal-kollegi u klijenti fil-lingwa tal-Istat Membru, tul perijodu ta’ mill-inqas seba’ sa’ tmien snin mingħajr interruzzjonijiet sinjifikattivi;

(ii)    li tiġi applikata prassi li abbażi tagħha l-fatt li l-persuna ta’ referenza tkun żammet rabtiet qawwija mal-pajjiż tagħha permezz ta’ żjarat ta’ spiss jew fit-tul jiġi kkunsidrat li ma jippermettix li l-kundizzjoni tar-rabtiet tiġi ssodisfatta filwaqt li żjarat fil-qosor għall-vaganzi jew għall-istudju ma jikkostitwixxux fatturi li jipprekludu l-għoti ta’ permess;

(iii)    li tiġi applikata prassi li abbażi tagħha l-hekk imsejħa sitwazzjoni ta’ “miżżewweġ, iddivorzjat u miżżewweġ mill-ġdid” tikkostitwixxi element li jipprekludi bi kbir li r-rekwiżit ta’ rabta jkun issodisfatt?

____________

1 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ April 2016, ECLI:EU:C:2016:247

2 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2014, ECLI: EU:C:2014:2066