Language of document : ECLI:EU:C:2012:217

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta’ April 2012 (*)

“Direttivi 2000/43/KE, 2000/78/KE u 2006/54/KE — Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol — Ħaddiem li jallega b’mod plawżibbli li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’avviż ta’ reklutaġġ — Dritt, għal dan il-ħaddiem, li jkollu aċċess għall-informazzjoni li tindika jekk il-persuna li timpjega rreklutatx kandidat ieħor”

Fil-Kawża C‑415/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Awwissu 2010, fil-proċeduri

Galina Meister

vs

Speech Design Carrier Systems GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas (Relatur), A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Novembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal G. Meister, minn R. Wißbar, avukat,

–        għal Speech Design Carrier Systems GmbH, minn U. Kappelhoff, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Jannar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20. Vol. 1 p. 23), tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 79) u tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, p. 23).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri bejn G. Meister u Speech Design Carrier Systems GmbH (iktar ’il quddiem “Speech Design”), dwar diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-età u l-oriġini etnika li hija tallega li kienet vittma tagħha matul proċedura ta’ reklutaġġ.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2000/43

3        Il-premessa 15 tad-Direttiva 2000/43 tistabbilixxi li “[l-]apprezzament tal-fatti li minnhom jista’ jiġi inferit illi kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta huwa materja għall-korpi kompetenti nazzjonali, ġudizzjarja jew oħra, skond ir-regoli tal-liġijiet jew il-prattika nazzjonali. Dawn ir-regoli jistgħu jipprovdu b’mod partikolari li d-diskriminazzjoni indiretta tiġi stabbilita b’kull mezz inkluż fuq il-bazi ta’ xhieda statistika”.

4        Mill-premessa 21 ta’ din id-direttiva jirriżulta li “[ir-] regoli tal-piż tal-prova jridu jiġu addattati meta jkun hemm każ prima facie ta’ diskriminazzjoni u, sabiex il-prinċipju tat-trattament ugwali jiġi applikat effettivament, il-piż tal-prova jrid imur lura għand ir-rispondent meta titressaq xiehda ta’ dan it-tip ta’ diskriminazzjoni”.

5        Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi qafas sabiex tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità, bl-għan li jseħħ fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali”.

6        L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jiddisponi:

“Fil-limiti tal-poteri mogħtija lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, f’dak li għandu x’jaqsam mas-setturi pubbliċi u privati, inklużi l-korpi pubbliċi, f’relazzjoni ma’:

a)      il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[…]”

7        L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/43 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għall-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, anki wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat”.

8        L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-piż tal-provi”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu dawn il-miżuri skond kif ikun meħtieġ, skond is-sistema ġudizzjarja nazzjonali tagħhom, sabiex jiżguraw illi, fejn persuni li jikkunsidraw lilhom infushom inġurjati għaliex ma jkunx ġie applikat għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista jiġi preżunt illi kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun ir-respondent li jrid jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali.

2.      Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta’ evidenza li huma aktar favorevoli għall-kwerelenti.

3.      Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-proċeduri kriminali.

4.      Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll ma’ kull proċedura legali skond l-Artikolu 7(2).

5.      L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafu 1 għall-proċeduri legali fejn huwa għall-qorti jew għall-korpi kompetenti li jinvestigaw il-fatti tal-każ.”

 Id-Direttiva 2000/78

9        Il-premessa 15 tad-Direttiva 2000/78 tipprovdi li “[l-]aprezzament tal-fatti li minnhom wieħed jippreżumi l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta huwa materja għall-korpi ġudizzjarji nazzjonali jew oħrajn kompetenti, skond ir-regoli tal-liġi jew il-prattika nazzjonali. Dawn ir-regoli jistgħu jipprovdu, b’mod partikolari illi d-diskriminazzjoni indiretta tiġi stabbilita b’kull mezz inkluż dak abbażi tal-prova statistika”.

10      Il-premessa 31 ta’ din id-direttiva tippreċiża li “[ir-]regoli dwar il-piż tal-prova għandhom jiġu addattati meta jkun hemm kaz prima facie ta’ diskriminazzjoni u, għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biex jiġi applikat effettivament, il-piż tal-prova għandu jiġi spustat fuq il-konvenut meta tinġjieb prova ta’ din id-diskriminazzjoni. Madankollu, il-piż ma jkunx fuq il-konvenut li jipprova illi l-attur jappartjeni għal reliġjon partikulari jew għandu konvinzjoni jew diżabilità jew età jew orjentazzjoni sesswali, partikolari”.

11      Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

12      L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

a)      il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[…]”

13      L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat.”

14      L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-piż tal-prova”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li huma neċessarji, skond is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jikkunsidraw lilhom infushom milquta ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikat lilhom, jippruvaw quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom wieħed jista’ jippresumi li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, il-prova li ma kienx hemm ksur prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament tgħaddi fuq il-konvenut.

2.      Il-paragrafu 1 m’għandux jipprevjeni l-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta’ prova li huma aktar favorevoli għal min jagħmel l-ilment.

3.      Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għall-proċeduri kriminali.

4.      Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ukoll japplikaw għal proċeduri legali mibdija skond l-Artikolu 9(2).

5.      L-Istati Membri m’humiex obbligati japplikaw il-paragrafu 1 għall-proċeduri li fihom il-qorti jew korp kompetenti jkunu obbligati jinvestigaw il-fatti tal-każ.”

 Id-Direttiva 2006/54

15      Il-premessa 30 tad-Direttiva 2006/54 hija fformulata kif ġej:

“L-adozzjoni ta’ regoli fuq id-dmir tal-prova jilgħab irwol sinifikanti sabiex jassigura li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jista’ jkun effettivament infurzat. Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Gustizzja iddeċidiet, għalhekk għandhom jittieħdu dispozizzjonijiet li jiżguraw li d-dmir tal-prova jmur fuq il-konvenut fejn ikun hemm każ prima facie ta’diskriminazzjoni, barra meta jkun hemm proċeduri fejn huwa għall-qorti jew organi nazzjonali oħra kompetenti sabiex jinvestigaw il-fatti. Huwa għalhekk neċessarju li tiċċara li l-apprezzament tal-fatti minn fejn jista jkun maħsub li kien hemm diskriminazzjoini diretta jew indiretta tibqa materja għall-organu nazzjonali relevanti bi qbil mal-prattika u l-liġi nazzjonali. Il-quddiem huwa għall-Istati Membri li jintroduċu, skond proċeduri xierqa, regoli ta’ evidenza li huma aktar favorevoli għall-atturi.”

16      Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

Għal dan il-għan, hi fiha dispożizzjonijiet biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’relazzjoni ma’:

a)      l-aċċess għall-impjiegi, inkluża l-promozzjoni, u t-taħriġ vokazzjonali;

[…]”

17      L‑Artikolu 14(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, b’relazzjoni għal:

a)      il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[…]”

18      L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2006/54 jipprovdi:

“L-Istati membri għandhom jassiguraw li wara l-użu possibli ta’ awtoritajiet kompetenti oħra, inkluż fejn iħossu li jkun xieraq proċeduri ta’ konċiljazzjoni, il-proċeduri ġudizzjarji għall-infurzar ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva jkunu disponibbli għall-persuni kollha li jqisu li sofrew danni bil-fatt li ma ġiex applikat prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tagħhom, anke wara li r-relazzjoni li fiha l-allegata diskriminazzjoni tkun seħħet, tkun spiċċat.”

19      L-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dmir tal-prova”, jaqra kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, skond is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jaħsbu li ġew ittrattati ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma ġiex applikat għalihom jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun il-konvenut li jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

2.      Il-paragrafu 1 m’għandux iwaqqaf lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta’ evidenza li huma aktar favorevoli għall-kwerelanti.

3.      L-Istati Membri m’għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafu 1 għall-proċeduri fejn hija l-qorti jew il-korp kompetenti li għandha tinvestiga l-fatti tal-każ.

4.      Paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll għal:

a)      is-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 141 tat-Trattat u, safejn hija kkonċernata d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, mid-Direttivi 92/85/KEE u 96/34/KE;

b)      kwalunkwe proċedura ċivili jew amministrattiva li tikkonċerna s-settur pubbliku jew privat li tipprovdi għal mezzi ta’ riparazzjoni taħt il-liġi nazzjonali skond il-miżuri li jissemmew f’(a) ħlief għall-proċeduri extra-ġudizzjarji ta’ natura volontarja jew li huma provduti mil-liġi nazzjonali.

5.      Dan l-Artikolu m’għandux japplika għall-proċeduri kriminali, sakemm mhux provdut mod ieħor mill-Istati Membri.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

20      L-Artikolu 1 tal-Liġi ġenerali dwar l-ugwaljanza fit-trattament (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz) tal-14 ta’ Awwissu 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1897), fil-verżjoni applikabbli għad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AGG”) huwa fformulat kif ġej:

“Din il-liġi għandha l-għan li tipprekludi jew telimina kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew fuq l-oriġini etnika, is-sess, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali”.

21      Skont l-Artikolu 3(1) tal-AGG:

“Ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta, abbażi ta’ wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1, persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli persuna oħra hija, kienet jew tista’ tkun ittrattata f’sitwazzjoni paragunabbli. Ikun hemm ukoll diskriminazzjoni diretta abbażi ta’ sess fis-sens tal-Artikolu 2(1)(1) sa (4) meta mara tkun vittma ta’ trattament inqas favorevoli minħabba li tkun tqila jew minħabba l-maternità.”

22      L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi ‘ħaddiema’ tfisser:

1.      persuni impjegati;

2.      persuni impjegati għall-finijiet ta’ taħriġ personali;

3.      il-persuni li l-istatus tagħhom, minħabba d-dipendenza ekonomika tagħhom, huwa simili għal dak tal-impjegati; jaqgħu b’mod partikolari taħt din il-kategorija l-persuni li jaħdmu mid-dar u l-persuni li l-istatus tagħhom huwa simili għal dak tal-persuni li jaħdmu mid-dar.

Huma wkoll ikkunsidrati bħala ‘ħaddiema’ l-persuni li huma kandidati għal impjieg kif ukoll dawk li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom intemmet.”

23      Skont l-Artikolu 7(1) tal-AGG, il-ħaddiema ma għandhom isofru l-ebda diskriminazzjoni għal xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1. Din il-projbizzjoni tapplika wkoll meta l-awtur tad-diskriminazzjoni sempliċement jippresupponi, meta jwettaq din id-diskriminazzjoni, li teżisti waħda mir-raġunijiet msemmija fl-Artikolu 1.

24      Skont l-Artikolu 15(2) tal-AGG:

“Għal dannu li ma huwiex dannu patrimonjali, il-ħaddiem jista’ jitlob għal ħlas ta’ somma ta’ flus xierqa. F’każ ta’ nuqqas ta’ impjieg, il-ħlas ta’ danni ma jistax jaqbeż tliet pagi ta’ xahar meta l-ħaddiem ma jkunx ġie impjegat anki f’każ ta’ għażla mhux diskriminatorja.”

25      L-Artikolu 22 tal-AGG jipprovdi:

“Meta, f’każ ta’ tilwima, parti tressaq indizji li jippermettu li ssir preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1, hija l-parti l-oħra li għandha tipprova li ma kienx hemm ksur tad-dispożizzjonijiet għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjonijiet.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

26      G. Meister twieldet fis-7 ta’ Settembru 1961 u hija ta’ oriġini Russa. Hija għandha diploma Russa fl-inġinerija tas-sistemi li ġiet irrikonoxxuta fil-Ġermanja bħala ekwivalenti għal diploma Ġermaniża mogħtija minn Fachhochschule (istitut ta’ tagħlim professjonali superjuri).

27      Speech Design ippubblikat avviż fl-istampa sabiex timpjega “żviluppatur ta’ software b’esperjenza M/R”, li G. Meister irrispondiet għalih billi kkandidat ruħha fil-5 ta’ Ottubru 2006. Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ottubru ta’ wara, Speech Design ċaħdet il-kandidatura tagħha mingħajr ma kkonvokatha għal intervista. Ftit żmien wara, kien hemm it-tieni avviż fuq l-internet minn din il-kumpannija, li l-kontenut tiegħu kien identiku għal dak tal-ewwel wieħed. Fid-19 ta’ Ottubru 2006, G. Meister reġgħet ikkandidat ruħha, iżda Speech Design reġgħet ċaħdet il-kandidatura tagħha, mingħajr ma kkonvokatha għal intervista u mingħajr ma ngħatatilha indikazzjoni dwar ir-raġunijiet ta’ din iċ-ċaħda.

28      L-ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li l-imsemmija kumpannija allegat li l-livell ta’ kwalifika ta’ G. Meister ma jikkorrispondix għal dak imfittex fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni ta’ reklutaġġ.

29      Peress li tqis li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tokkupa l-pożizzjoni inkwistjoni, G. Meister ikkunsidrat li hija sofriet trattament inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni simili, minħabba s-sess, l-età u l-oriġni etnika tagħha. Għalhekk, hija ppreżentat rikors kontra Speech Design quddiem l-Arbeitsgericht fejn talbet, l-ewwel nett, li din il-kumpannija tħallasha danni għal diskriminazzjoni fl-impjieg u, it-tieni nett, li tipproduċi l-fajl tal-kandidat magħżul, li jippermettilha li turi li hija iktar ikkwalifikata minn dan tal-aħħar.

30      Peress li r-rikors ta’ G. Meister ġie miċħud fl-ewwel istanza, hija ppreżentat appell minn din is-sentenza ta’ ċaħda quddiem il-Landesarbeitsgericht, qorti li wkoll ċaħdet it-talba tal-persuna inkwistjoni. Din ippreżentat rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesarbeitsgericht. Din il-qorti tistaqsi dwar il-punt jekk G. Meister tistax issostni dritt għall-informazzjoni abbażi tad-Direttivi 2000/43, 2000/78 kif ukoll 2006/54 u, jekk dan ikun il-każ, dwar il-konsegwenzi ta’ rifjut għal informazzjoni oppost minn Speech Design.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundespatentgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54/KE [...] u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva [...] 2000/43/KE [...] kif ukoll l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva [...] 2000/78/KE [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ħaddiem li jallega b’mod plawżibbli li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti maħruġ minn min iħaddem, jekk ma jintgħażilx, ikun jista’ jitlob lil min iħaddem li jinformah dwar jekk għażilx kandidat ieħor u, f’każ ta’ risposta fl-affermativ, fuq il-bażi ta’ liema kriterji?

2)      F’każ ta’ risposta fl-affermattiv:

Għall-ewwel domanda[, i]ċ-ċirkustanza li min iħaddem ma jikkomunikax l-informazzjoni mitluba tikkostitwixxi fatt li jippermetti li jiġi preżunt li hemm id-diskriminazzjoni allegata mill-ħaddiem?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

32      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 8(1) tad-Direttiva 2000/43, 10(1) tad-Direttiva 2000/78 u 19(1) tad-Direttiva 2006/54 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprovdu d-dritt għal ħaddiem li jallega b’mod plawżibbli li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’avviż ta’ reklutaġġ u li l-kandidatura tiegħu ma tkunx intgħażlet, li jkollu aċċess għall-informazzjoni li tindika jekk persuna li timpjega, fi tmiem il-proċedura ta’ reklutaġġ, irreklutatx kandidat ieħor u, jekk dan ikun il-każ, abbażi ta’ liema kriterji.

33      Preliminarjament, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/43, mill-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 kif ukoll mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(b) u l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2006/54 jirriżulta li dawn id-direttivi huma applikabbli għal persuna li tkun qed tfittex xogħol, inkluż f’dak li jikkonċerna l-kriterji ta’ għażla u l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ għal dan l-impjieg.

34      Dawn l-istess direttivi jipprovdu, essenzjalment, fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43, fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78 u fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54, li l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li huma neċessarji, skont is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji tagħhom, sabiex jiżguraw li, meta persuna tikkunsidra li ntlaqtet ħażin minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tipprova quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, il-prova li ma kienx hemm ksur tal-imsemmi prinċipju tgħaddi fuq il-konvenut.

35      Għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija kważi identika għal dik tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar il-piż tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 264), dispożizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tinterpreta b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Lulju 2011, Kelly (C-104/10, Ġabra p. I-6813). Fil-fatt, dan l-Artikolu 4(1), li tħassar permezz tad-Direttiva 2006/54 b’effett mill-15 ta’ Awwissu 2009, kif tħassret ukoll id-Direttiva 97/80 fit-totalità tagħha, kien jissuġġetta l-każ ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ sess għall-istess sistema ġuridika, f’dak li jikkonċerna l-oneru tal-prova, bħad-direttivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

36      Meta interpretat l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 97/80, fis-sentenza tagħha Kelly, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 30 tagħha, iddeċidiet li hija l-persuna li tħoss li sofriet dannu bin-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li għandha, l-ewwel, tistabbilixxi fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta. Huwa biss fil-każ li din il-persuna tkun stabbilixxiet dawn il-fatti li jkun jaqa’ fuq il-konvenut, sussegwentement, l-oneru tal-prova li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

37      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li hija l-qorti nazzjonali jew qorti oħra kompetenti li għandha tevalwa, skont id-dritt nazzjonali u/jew skont il-prassi nazzjonali, il-fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta (sentenza Kelly, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31), kif tipprovdi l-premessa 15 tad-Direttivi 2000/43 u 2000/78 kif ukoll il-premessa 30 tad-Direttiva 2006/54.

38      Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-Direttiva 97/80, skont l-Artikolu 1 tagħha, kienet intiża sabiex tiggarantixxi li l-miżuri adottati mill-Istati Membri għall-implementazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament jsiru iktar effettivi, sabiex il-persuni kollha li jikkunsidraw li sofrew dannu minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-konfront tagħhom ikunu jistgħu jinvokaw id-drittijiet tagħhom quddiem qorti, eventwalment, wara rikors quddiem korpi kompetenti oħrajn (sentenza Kelly, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/43, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78 u l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2006/54 jirreferu għall-istess prinċipju.

39      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 34 tas-sentenza Kelly, iċċitata iktar ’il fuq, ikkonkludiet li, għalkemm l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 97/80 ma jipprovdix dritt speċifiku favur persuna li tqis li sofriet dannu minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-konfront tagħha li jkollha aċċess għal informazzjoni sabiex tkun f’pożizzjoni li tistabbilixxi “fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta” skont din id-dispożizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li ma jistax jiġi eskluż li rifjut ta’ informazzjoni min-naħa tal-konvenut, fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ tali fatti, huwa suxxettibbli li jikkomprometti t-twettiq tal-għan intiż minn din id-direttiva u, b’mod partikolari, li jitneħħa l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni.

40      Kif tfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 97/80 tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2006/54. Madankollu, fid-dawl tal-formulazzjoni kif ukoll tal-ispirtu tal-artikoli li huma s-suġġett ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, l-ebda element ma jippermetti li wieħed jaħseb li, bl-adozzjoni tad-Direttivi 2000/43, 2000/78 u 2006/54, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jemenda s-sistema dwar l-oneru tal-prova stabbilit bl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 97/80. Konsegwentement, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jiġi żgurat li rifjut għal informazzjoni min-naħa tal-konvenut ma joħloqx il-perikolu li jiġi kompromess it-twettiq tal-għanijiet intiżi mid-Direttivi 2000/43, 2000/78 u 2006/54.

41      Skont, rispettivament, it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri, b’mod partikolari, “għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jitwettqu” u “għandhom […] joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’periklu l-kisba ta’ l-objettivi ta’ l-Unjoni”, inkluż dawk intiżi mid-direttivi (ara s-sentenzi tat-28 ta’ April 2011, El Dridi, C‑61/11 PPU, Ġabra p. I-3015, punt 56, u Kelly, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

42      Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tara li dan ir-rifjut għall-informazzjoni min-naħa ta’ Speech Design, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta għad-detriment ta’ G. Meister, ma joħloqx il-perikolu li jiġi kompromess it-twettiq tal-għanijiet intiżi mid-Direttivi 2000/43, 2000/78 u 2006/54. Hija għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ fil-kawża prinċipali, sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx biżżejjed indizji sabiex il-fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ tali diskriminazzjoni jkunu kkunsidrati bħala stabbiliti.

43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 15 tad-Direttivi 2000/43 u 2000/78 kif ukoll mill-premessa 30 tad-Direttiva 2006/54, id-dritt nazzjonali jew il-prassi nazzjonali tal-Istati Membri jistgħu jipprevedu, b’mod partikolari, li d-diskriminazzjoni indiretta tista’ tiġi stabbilita bil-mezzi kollha, inkluż abbażi ta’ data statistika.

44      Fost l-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni hemm, b’mod partikolari, il-fatt li, b’differenza minn kif kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza Kelly, iċċitata iktar ’il fuq, il-persuna li timpjega inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidher li rrifjutat lil G. Meister kull aċċess għall-informazzjoni li din tal-aħħar talbet li tiġi kkomunikata lilha.

45      Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 35 sa 37 tal-konklużjonijiet tagħha, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-fatt li Speech Design ma tikkontestax l-adegwatezza bejn il-livell ta’ kwalifika ta’ G. Meister u dak imsemmi fl-avviż ta’ reklutaġġ, kif ukoll iċ-ċirkustanza doppja li, minkejja dan il-persuna li timpjega ma kkonvokathiex għal intervista ta’ impjieg u li l-persuna kkonċernata ma ġietx invokata lanqas fil-proċedura ġdida ta’ għażla ta’ kandidati sabiex tiġi okkupata l-pożizzjoni kkonċernata.

46      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43, l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78 u l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprovdux id-dritt, għal ħaddiem li jallega b’mod plawżibbli li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’avviż ta’ reklutaġġ u li ma ntgħażilx, li jkollu aċċess għall-informazzjoni li tindika jekk persuna li timpjega, fi tmiem il-proċedura ta’ reklutaġġ, tkunx irreklutat kandidat ieħor.

47      Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li rifjut ta’ kull aċċess għall-informazzjoni min-naħa tal-konvenut jista’ jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-istabbiliment tal-fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża li għandha quddiemha, tistħarreġ jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

 Fuq it-tieni domanda

48      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità, l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol u l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprovdux id-dritt, għal ħaddiem li jallega b’mod plawżibbli li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’avviż ta’ reklutaġġ u li ma ntgħażilx, li jkollu aċċess għall-informazzjoni li tindika jekk persuna li timpjega, fi tmiem il-proċedura ta’ reklutaġġ, tkunx irreklutat kandidat ieħor.

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li rifjut ta’ kull aċċess għall-informazzjoni min-naħa tal-konvenut jista’ jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-istabbiliment tal-fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża li għandha quddiemha, tistħarreġ jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.