Language of document : ECLI:EU:C:2012:747

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Novembru 2012 (*)

“Trasport bl-ajru – Konvenzjoni ta’ Montréal – Artikolu 22(2) – Responsabbiltà tat-trasportaturi fir-rigward tal-bagalji – Limiti f’każ ta’ distruzzjoni, ta’ telf, ta’ dannu jew ta’ dewmien tal-bagalji – Bagalji komuni ta’ diversi passiġġieri – Reġistrazzjoni ta’ bagalji minn persuna waħda f’isem passiġġieri oħra”

Fil-Kawża C‑410/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE imressqa minn Audiencia Provincial de Barcelona (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Awwissu 2011, fil-proċedura

Pedro Espada Sánchez,

Alejandra Oviedo Gonzales,

Lucía Espada Oviedo,

Pedro Espada Oviedo

vs

Iberia Líneas Aéreas de España SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, J. Malenovský, E. Juhász u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Mejju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Espada Sánchez et, minn C. Chulio Purroy u D. Miró García, avukati,

–        għal Iberia Líneas Aéreas de España SA, minn J. Fillat Boneta u M. Fillat Torné, avukati,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Pardo Quintillán u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża għandha tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli għat-trasport internazzjonali bl-ajru, konkluża f’Montréal fit-28 ta’ Mejju 1999, li ġiet iffirmata mill-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 u approvata f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montréal”).

2        Dik it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Espada Sánchez, A. Oviedo Gonzáles u ż-żewġt itfal minuri tagħhom, Lucía u Pedro, kontra l-kumpannija tal-ajru Iberia, Líneas Aéreas de España SA (iktar ’il quddiem “Iberia”), dwar dannu li rriżulta mit-telf tal-bagalji rreġistrati fl-okkażjoni ta’ trasport bl-ajru mwettaq minn dik il-kumpannija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni ta’ Montréal

3        Fit-tielet paragrafu tal-Preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, l-Istati partijiet għal din il-konvenzjoni “jirrikonoxxu l-importanza li tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru u l-bżonn għal kumpens ekwu bbażat fuq il-prinċipju ta’ restituzzjoni”.

4        Skont il-ħames paragrafu tal-imsemmi preambolu:

“[…] l-azzjoni kollettiva mill-Istat għal armozzazzjoni u kodifikazzjoni akbar ta’ ċerti regoli li jirregolaw it-trasport internazzjonali bl-ajru permezz ta’ Konvenzjoni ġdida hija l-mezz l-aktar adegwat biex jiġi akkwistat bilanċ ekwu ta’ l-interessi […]”.

5        L-Artikolu 3(3) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, intitolat “Passiġġieri u bagalji”, jipprovdi:

“It-trasportatur għandu jagħti lill-passiġġier tabella li tidentifika l-bagalja għal kull bagalja vverifikata [rreġistrata].”

6        L-Artikolu 17 ta’ dik il-Konvenzjoni, intitolat “Mewt u inġurji tal-passiġġieri – dannu lill-bagalji”, jiddikjara fil-paragrafu 2 u 4 tiegħu:

“2.      It-trasportatur huwa responsabbli għad-danni sofferti fil-każ ta’ distruzzjoni jew telf ta’ jew dannu lil bagalji kkontrollati [rreġistrati] sakemm biss il-każ li kkawża d-distruzzjoni, it-telf jew id-dannu seħħ abbord l-inġenju ta’ l-ajru jew tul kwalunkwe perijodu li fih il-bagalji kkontrollati [rreġistrati] kienu fil-kura tat-trasportatur. Madanakollu, it-trasportatur mhuwiex responsabbli jekk, u sa fejn, il-ħsara li tirriżulta mid-difett inerenti, mill-kwalità jew problema tal-bagalja. Fil-każ ta’ bagalji mhux ivverifikati [irreġistrati], inklużi oġġetti personali, it-trasportatur huwa responsabbli jekk id-dannu rriżulta mit-tort tiegħu jew tas-servjenti jew l-aġenti tiegħu.

[…]

4.      Sakemm mhux speċifikat xort’ohra, f’din il-Konvenzjoni t-terminu “bagalji” jfisser kemm bagalji kkontrollati [irreġistrati] kif ukoll bagalji mhux ikkontrollati [irreġistrati].”

7        L-Artikolu 22 tal-imsemmija Konvenzjoni li jistabbilixxi il-“limiti tar-responsabbiltà fir-rigward ta’ demwien, bagalji u merkanzija”, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi fil-paragrafu (2) tiegħu:

“Fil-trasport [Fit-trasport] ta’ bagalji, ir-responsabbiltà f’każ ta’ distruzzjoni, telf, dannu jew dewmien hija llimitata għal 1000 Dritt Speċjali tal-Ġbid [ta’ Prelevament] għal kull passiġġier sakemm il-passiġġier m’għamilx, fil-ħin meta l-bagalji vverifikati [rreġistrati] ngħataw lit-trasportatur, dikjarazzjoni speċjali ta’ interess fil-kunsinna fid-destinazzjoni u jkun ħallas somma supplimentari jekk jitlob il-każ. F’dak il-każ it-trasportatur huwa responsabbli li jħallas somma li ma teċċedix is-somma dikjarata, sakemm ma jiġix ippruvat li s-somma hija ikbar mill-interess attwali tal-passiġġier fil-kunsinna fid-destinazzjoni.”

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

8        Il-Konvenzjoni ta’ Montréal daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Ġunju 2004, għal dak li jikkonċerna l-Komunità.

9        Skont il-premessa 1 tad-Deċiżjoni 2001/539/KE:

“Huwa vantaġġuż għat-trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità Ewroprea li joperaw taħt regoli uniformi u ċari li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tagħhom għal danni u li dawn ir-regoli għandhom ikunu l-istess bħal dawk applikabbli għal trasportaturi minn pajjiżi terzi.”

10      L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97, tad-9 ta’ Ottubru 1997, dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 3, p. 489), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Mejju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 6, p. 246, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2027/97”), jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jimplimenta d-dispożizzjonijiet relevanti tal-Konvenzjoni ta’ Montreal fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru u jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet supplimentari […]”

11      L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2027/97 huwa redatt kif ġej:

“Ir-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru Komunitarju fir-rigward ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom tiġi regolata mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Montréal pertinenti għal din ir-responsabbiltà.”

12      Skont il-premessa 12 tar-Regolament Nru 889/2002, “Limiti uniformi ta’ responsabbiltà għat-telf ta’ ħsara jew qerda ta’ bagalji u għall-ħsara kkaġunata minn dewmien li japplikaw għal kull vjaġġar bit-trasportaturi Komunitarji, jiżguraw regoli sempliċi u ċari kemm għall-passiġġieri kif ukoll għal-linji ta’ l-ajru u jippermettu l-passiġġieri jistabilixxu meta assigurazzjoni addizzjonali tkun meħtieġa.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      Espada Sánchez, A. Oviedo Gonzáles u ż-żewġt itfal minuri tagħhom, fl-ewwel ta’ Awwissu 2008, kienu fuq titjira pprovduta mill-kumpannija Iberia li topera bejn Barcellona (Spanja) u Pariġi (Franza). Il-bagalji ta’ dik il-familja ta’ erba’ persuni kienu maqsuma f’żewġ bagolli. Dawn intilfu waqt it-titjira u ma nstabux.

14      Minħabba dan, l-erba’ passiġġieri talbu lil Iberia, abbażi tal-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, id-danni fl-ammont ta’ EUR 4 400, li jikkorrispondi għal 4 000 Dritt Speċjali ta’ Prelevament (iktar ’il quddiem l-“SDR”), jiġifieri SDR 1 000 għal kull passiġġier.

15      Permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, il-Juzgado Mercantil n° 2 ta’ Barcellona laqgħet parzjalment it-talba tagħhom u kkundannat lil Iberia sabiex tħallas is-somma ta’ EUR 600 flimkien mal-interessi legali.

16      Fl-istadju tal-appell minn dik is-sentenza, l-Audiencia Provincial de Barcelona kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal. F’dak ir-rigward, hija rrilevat li ma huwiex eskluż li dik id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 3(3) ta’ dik il-Konvenzjoni, tistabbilixxi li huwa biss il-passiġġier li jkun kiseb it-tabella li tidentifika l-bagalja msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni li jkollu d-dritt għal kumpens f’każ li tintilef il-bagalja.

17      F’dawk il-kundizzjonijiet l-Audiencia Provincial de Barcelona ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-limitu ta’ 1000 [SDR] għal kull passiġġier, stabbilit fl-Artikolu 22(2) tal-[Konvenzjoni ta’ Montréal], relatat mar-responsabbiltà tat-trasportatur fil-każ ta’ distruzzjoni, telf jew dannu lill-bagalji, flimkien mal-Artikolu 3(3) ta’ din l-istess konvenzjoni, għandu jiġi interpretat bħala li jirrappreżenta limitu applikabbli għal kull wieħed mill-passiġġieri meta diversi passiġġieri jivjaġġaw flimkien u jirreġistraw flimkien il-bagalji komuni tagħhom, minkejja l-fatt li n-numru ta’ bagalji rreġistrati huwa inqas min-numru effettiv ta’ passiġġieri?

2)      Jew inkella, bil-kontra ta’ dan, il-limitu ta’ kumpens stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, għal kull bagalja rreġistrata, jista’ jkun hemm biss passiġġier wieħed li jkollu d-dritt li jeżiġi l-kumpens u li, konsegwentement, il-limitu ta’ kumpens huwa stabbilit għal passiġier wieħed, anki jekk ikun paċifiku li l-bagalja mitlufa hija koperta minn skeda ta’ identifikazzjoni unika li tikkorrispondi għal iktar minn passiġġier wieħed?”

 Fuq id-domandi preliminari

18      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) ta’ din tal-aħħar, għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal kumpens u l-limitu ta’ responsabbiltà tat-trasportatur f’każ ta’ telf ta’ bagaliji japplika wkoll għall-passiġġier li jitlob il-kumpens abbażi tat-telf ta’ bagalja rreġistrata f’isem passiġġier ieħor.

19      Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2027/97 jipprovdi li r-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru Komunitarju fil-konfront tal-passiġġieri bl-ajru u l-bagalji tagħhom hija rregolata mid‑dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Montréal relatati ma’ dik ir-responsabbiltà.

20      Peress li d-dispożizzjonijiet ta’ dik il-konvenzjoni jifformaw parti integrali, sa mid-dħul fis-seħħ ta’ din tal-aħħar, mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni tagħha, b’osservanza tar-regoli ta’ interpretazzjoni tad-dritt internazzjonali ġenerali li huma imposti fuq l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, Ġabra p. I‑1289, punti 39 sa 42, u tas-6 ta’ Mejju 2010, Walz, C‑63/09, Ġabra p. I‑4239, punti 20 u 22, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21      Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li għalkemm hija la torbot lill-Unjoni u lanqas lill-Istati Membri kollha, il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar id-dritt tat-trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, tirrifletti r-regoli tad-dritt konswetudinarju internazzjonali, li, bħala tali, jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jifformaw parti mill-ordinament ġuridiku tagħha (sentenza Brita, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

22      Għalhekk, l-Artikolu 31 ta’ dik il-konvenzjoni jippreċiża li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, billi jiġi segwit is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom, u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2010, Hengartner et Gasser, C‑70/09, Ġabra p. I‑7233, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Walz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Mill-Artikolu 17(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jirriżulta essenzjalment li t-trasportatur huwa responsabbli, partikolarment, għad-danni li jirriżultaw f’każ ta’ telf ta’ bagalji. L-Artikolu 22(2) ta’ dik l-istess Konvenzjoni jipprovdi, b’mod partikolari, li, “fit-trasport ta’ bagalji, ir-responsabbiltà tat-trasportatur f’każ ta’ […] telf […] hija llimitata għal […]1000 [SDR] għal kull passiġġier”.

24      Mid-dispożizzjoni msemmija fil-punt preċedenti jirriżulta, minn naħa, li huwa d-dannu li jirriżulta f’każ ta’ telf ta’ bagalji ttrasportati li jagħti lok għar-risposabbiltà tat-trasportatur bl-ajru u, min-naħa l-oħra, li huwa l-passiġġier li għandu dritt għal kumpens għad-danni subiti, suġġett għal-limiti hemm stabbiliti.

25      Barra minn hekk, mill-Artikolu 17(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jirriżulta li t-trasportatur bl-ajru huwa responsabbli għad-danni marbuta mat-telf tal-bagalji kollha li jappartjenu lill-passiġġiera, kemm dawk li jkunu rreġistrati kif ukoll dawk li ma jkunux irreġistrati. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-użu, mingħajr preċiżjoni addizzjonali, fl-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, tat-terminu “bagaliji”, definit fl-Artikolu 17(4) ta’ dik l-istess konvenzjoni, bħala li jirreferi, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet kuntrarji, għall-“bagalji kkontrollati [irreġistrati] kif ukoll bagalji mhux ikkontrollati [irreġistrati]”.

26      Dik l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-Artikolu 3(3) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal li jistabbilixxi li “It-trasportatur għandu jagħti lill-passiggier tabella li tidentifika l-bagalja għal kull bagalja vverifikata [irreġistrata]”. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Iberia u l-Kummissjoni Ewropea, dik id-dispożizzjoni tillimita ruħha, kif isostni ġustament il-Gvern Ġermaniż, sabiex timponi fuq it-trasportatur bl-ajru obbligu ta’ identifikazzjoni tal-bagalji rreġistrati u ma tistax tippermetti li jiġi inferut li d-dritt għal kumpens f’każ ta’ telf ta’ bagalji u l-limitazzjoni marbut miegħu, imsemmija fl-Artikolu 22(2) ta’ dik il-konvenzjoni, japplika biss fir-rigward tal-passiġġieri li jkunu rreġistraw bagalja waħda jew iktar.

27      Għalhekk, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandhom jiġu interpretati fis-sens li, moqrija flimkien, it-trasportatur bl-ajru għandu jiġi kkunsidrat bħala responsabbli sabiex jikkumpensa passiġġier, f’każ ta’ telf ta’ bagalja rreġistrata f’isem passiġġier ieħor li kien fuq l-istess titjira, safejn f’dik il-bagalja mitlufa kien hemm l-oġġetti ta’ dak l-ewwel passiġġier li t-telf tagħha jikkostitwixxi danni li huwa ġarrab. Konsegwentement, ma huwiex biss il-passiġġier li jkun irreġistra b’mod individwali l-bagalja tiegħu iżda wkoll dak li l-oġġetti tiegħu jkunu jinsabu fil-bagalja rreġistrata minn passiġġier ieħor li jkun fuq l-istess titjira, li skont il-Konvenzjoni ta’ Montréal, f’każ ta’ telf ta’ dawk l-oġġetti, għandu dritt individwali għal kumpens, skont il-modalitajiet stabbiliti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 17(2) ta’ dik il-konvenzjoni, u skont il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 22(2) ta’ din tal-aħħar.

28      Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-għanijiet li wasslu għall-adozzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Montréal.

29      F’dak ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li t-tielet paragrafu tal-Preambolu tal-imsemmija konvenzjoni jirrikonoxxi “l-importanza li tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru u l-bżonn għal kumpens ekwu bbażat fuq il-prinċipju ta’ restituzzjoni”. Issa, dawk iż-żewġ għanijiet jiġu neċessarjament ikkontestati jekk il-passiġġier li l-oġġetti tiegħu jkunu jinsabu fil-bagalja rreġistrata minn passiġġier ieħor li jkun fuq l-istess titjira ma jkun jista’ jikseb, personalment, l-ebda kumpens għad-danni li jkun ġarrab f’każ ta’ telf ta’ dawn tal-aħħar.

30      Barra min hekk, fid-dawl ta’ dawk l-għanijiet, il-partijiet kontraenti għall-imsemmija konvenzjoni ddeċidew li jipprovdu għal sistema ta’ responsabbiltà stretta li timplika madankollu li jiġi ppreservat “bilanċ ekwu ta’ l-interessi”, partikolarment fir-rigward tal-interessi tat-trasportaturi bl-ajru u dawk tal-passiġġieri (ara s-sentenza Walz, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 33). Bil-għan li jiġi ppreservat tali bilanċ, il-Konvenzjoni ta’ Montréal tipprevedi, f’ċerti każijiet – partikolarment, skont l-Artikolu 22(2) ta’ din tal-aħħar, f’każ ta’ distruzzjoni, telf, dannu jew dewmien tal-bagalji –, limitazzjoni tal-obbigu ta’ responsabbiltà imposta fuq it-trasportaturi bl-ajru, u b’hekk il-limitazzjoni tal-kumpens riżultanti għandha tapplika “għal kull passiġġier” (ara s-sentenza Walz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

31      Issa, dan ma jkunx il-każ jekk l-oġġetti ta’ passiġġier li jkunu jinsabu fil-bagalja ta’ passiġġier ieħor u rreġistrata minn dan tal-aħħar kellhom jiġu esklużi mid-dritt għal kumpens previst mill-imsemmija konvenzjoni, abbażi tal-fatt li l-imsemmija bagalja ma tkunx ġiet irreġistrata minn dak l-ewwel passiġġier.

32      Barra minn hekk, ma jistax jiġi sostnut validament li r-rikonoxximent tad-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, fir-rigward ta’ passiġġier li l-oġġetti tiegħu jkunu jinsabu fil-bagalja rreġistrata minn passiġġier ieħor ikun ta’ preġudizzju għall-bilanċ ekwu tal-interessi, safejn dan ikollu bħala konsegwenza l-impożizzjoni fuq it-trasportaturi bl-ajru ta’ oneru ta’ kumpens kbir ħafna, diffiċilment identifikabbli u kalkulabbli li jista’ jikkomprometti, anki jipparalizza, l-attività ekonomika ta’ dawn tal-aħħar, u għaldaqstant ikun kuntrarju għal dik il-konvenzjoni.

33      F’dak ir-rigward, qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li tali rikonoxximent bl-ebda mod ma jostakola l-possibbiltà li t-trasportaturi bl-ajru jidentifkaw u jikkalkulaw b’mod ċar, għal kull passiġġier, l-oneru tal-kumpens li jista’ jirriżulta fil-konfront tagħhom.

34      Sussegwentement, dak l-oneru potenzjali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkomprometti jew jipparalizza l-attività ekonomika tal-imsemmija trasportaturi. Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-limitazzjonijiet tar-responsabbiltà imsemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza jaħdmu favur it-trasportaturi bl-ajru u li, fir-rigward tal-bagalji, il-limitu previst jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, livell massimu ta’ kumpens, li għaldaqstant ma jistax jiġi akkwistat bi dritt awtomatiku u fl-intier tiegħu minn kull passiġġier f’każ ta’ telf tal-bagalji tiegħu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 17(2) ta’ dik il-konvenzjoni, it-trasportatur ma huwiex responsabbli jekk u safejn id-danni jkunu jirriżultaw min-natura jew minn difett inerenti tal-bagaliji.

35      Fl-aħħar, hemm lok li jitfakkar li, għall-finijiet tal-kumpens previst fl-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, huma l-passiġġieri kkonċernati li għandhom, taħt l-istħarriġ tal-qorti nazzjonali, jistabbilixxu sal-grad rikjest mil-liġi, il-kontenut tal-bagalji mitlufa kif ukoll il-fatt li l-bagalja rreġistrata f’isem passiġġier ieħor kien fiha effettivament l-oġġetti ta’ passiġġier ieħor li kien fuq l-istess titjira. F’dak ir-rigward, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawk il-passiġġieri huma membri tal-istess familja, xtraw il-biljetti tagħhom flimkien jew anki li rreġistraw ruħhom fl-istess mument.

36      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) ta’ din tal-aħħar, għandu jiġi interpertat fis-sens li d-dritt għal kumpens u l-limitu ta’ responsabbiltà tat-trasportatur f’każ ta’ telf ta’ bagalji japplika wkoll għall‑passiġġier li jitlob dak il-kumpens abbażi tat-telf ta’ bagalja rreġistrata f’isem passiġġier ieħor ladarba dik il-bagalja jkun fiha effettivament l-oġġetti tal-ewwel passiġġier.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli għat-trasport internazzjonali bl-ajru, konkluża f’Montréal fit-28 ta’ Mejju 1999, li ġiet iffirmata mill-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 u approvata f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3), tal-imsemmija konvenzjoni, għandu jiġi interpertat fis-sens li d-dritt għal kumpens u l-limitu ta’ responsabbiltà tat-trasportatur f’każ ta’ telf ta’ bagaliji japplika wkoll għall-passiġġier li jitlob dak il-kumpens abbażi tat-telf ta’ bagalja rreġistrata f’isem passiġġier ieħor ladarba dik il-bagalja jkun fiha effettivament l-oġġetti tal-ewwel passiġġier.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.