Language of document :

Rikors ippreżentat fl- 24 ta' Diċembru 2008 - Dole Food u Dole Germany vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-588/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Dole Food Company, Inc (Washington, l-Istati Uniti) u Dole Germany OHG (Hamburg, il-Ġermanja) (rappreżentant: J.-F. Bellis, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa imposta;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament, skont l-Artikolu 230 KE, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5955 finali, tal-15 ta' Ottubru 2008 (Każ COMP/39.188 - Banana), dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE, li ddikjarathom responsabbli li ħadu sehem fi prattika miftehma ta' koordinazzjoni tal-prezzijiet ta' referenza tal-banana importata fit-tmien Stati Membri tar-reġjun tat-Tramuntana tal-Ewropa tal-Komunità. Huwa jitolbu wkoll l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqhom.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkunsidrat li l-aġir inkwistjoni kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Ir-rikorrenti jsostnu li fil-fatt, l-aġir inkwisjtoni kien jikkonsisti esklużivament f'komunikazzjonijiet bilaterali okkażjonali bejn l-importaturi ta' banana li kienu jinvolvu diskors ġenerali rigward is-suq u ma kienx jifforma parti minn akkordju iktar vast ta' ffissar tal-prezzijiet jew ta' diviżjoni tas-suq u għaldaqstant ma kienx jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Dawn il-komunikazzjonijiet saru qabel ma ġew iffissati l-prezzijiet ta' referenza, li huwa stadju differenti ħafna min-negozjar tal-prezzijiet reali mal-klijenti. Minbarra dan, ir-rikorrenti jesponu li dawn il-komunikazzjonijiet ma kinux u ma setgħux ikunu intiżi sabiex jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq tal-banana, inkwantu l-prezzijiet ta' referenza mhumiex prezzijiet reali u ma jikkostitwixxux il-bażi għan-negozjar tal-prezzijiet reali tal-banana ħadra.

It-tieni nett, ir-rikorrenti jallegaw li l-multa imposta fuqhom hija inġustifikata, għaliex l-ammont bażiku tal-multa huwa bbażat fuq il-valur tal-bejgħ ta' oġġetti li ma jirrigwardawx l-allegat ksur. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jargumentaw li l-multa hija wkoll sproporzjonata, għaliex l-ammont bażiku tal-multa ġie ffissat b'mod żbaljat fuq il-premessa li l-aġir kien jikkonċerna l-iffissar tal-prezzijiet.

____________