Language of document : ECLI:EU:C:2017:913

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

29 ta’ Novembru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 5(2)(b) – Eċċezzjoni ta’ kopja privata – Artikolu 3(1) – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Mod tekniku speċifiku – Provvista ta’ servizz ta’ reġistrazzjoni vidjo fis-sħaba (cloud computing) ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, mingħajr il-kunsens tal-awtur ikkonċernat – Intervent attiv tal-fornitur tas-servizz fl-imsemmija reġistrazzjoni”

Fil-Kawża C‑265/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Torino (Qorti tal-ewwel istanza ta’ Torino, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

VCAST Limited

vs

RTI SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Marzu 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal VCAST Limited, minn E. Belisario, F. G. Tita, M. Ciurcina u G. Scorza, avukati,

–        għal RTI SpA, minn S. Previti, G. Rossi, V. Colarocco, F. Lepri, u A. La Rosa, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Galluzzo u R. Guizzi, avvocati dello stato,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u D. Segoin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u T. Rendas, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Malferrari u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), b’mod partikolari tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol, 25, p. 399), kif ukoll tat-Trattat TFUE.

2        Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn VCAST Limited u RTI SpA dwar il-legalità tat-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-klijenti ta’ VCAST ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni vidjo fis-sħaba ta’ programmi televiżivi mxandra, b’mod partikolari, minn RTI.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2000/31

3        Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31:

“L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.”

4        L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/31 jipprovdi li, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva ma japplikax għall-oqsma koperti fl-anness ta’ din id-direttiva, peress li l-imsemmija direttiva tkopri, b’mod partikolari, id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati.

 Id-Direttiva 2001/29

5        Skont il-premessa 1 tad-Direttiva 2001/29:

“It-Trattat jipprovdi għat-twaqqif ta’ suq intern u l-istituzzjoni ta’ sistema li jiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx inġusta. L-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati tikkontribwixxi għall-kisba ta’ dawn l-oġġettivi.”

6        Il-premessa 23 ta’ din id-direttiva tistipula:

“Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.”

7        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

(b)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(ċ)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(d)      għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(e)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

8        Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

9        L-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

[…]

(b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat”.

10      Skont l-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva:

“L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każijiet speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

 Id-dritt Taljan

11      L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ġie traspost fid-dritt Taljan bl-Artikolu 71 sexies tal-legge n. 633 – Protezione del diritto d’autore e di altri diritti connessi al suo esercizio (Liġi Nru 633, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet oħra konnessi mal-eżerċizzju tagħhom), tat-22 ta’ April 1941, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur”). Dan l-Artikolu 71 sexies, li jinsab fit-Taqsima II ta’ din il-liġi, intitlolata “Riproduzzjoni privata għal użu personali”, jistipula:

“1.      Ir-riproduzzjoni privata ta’ fonogrammi u vidjogrammi fuq kull mezz magħmula minn persuni fiżiċi għal użu personali biss għandha tkun permessa, bil-kundizzjoni li ma ssirx għal profitt jew għal għanijiet li jkunu direttament jew indirettament kummerċjali, f’konformità mal-miżuri tekniċi msemmija fl-Artikolu 102 quater.

2.      Ir-riproduzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax issir minn terzi. Il-provvista ta’ servizzi intiża għar-riproduzzjoni ta’ fonogrammi u vidjogrammi minn persuna fiżika għall-użu personali tagħha tikkostitwixxi attività ta’ riproduzzjoni rregolata mill-Artikoli 13, 72, 78a, 79 u 80.

[…]”

12      L-Artikolu 53 septies tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur jipprevedi:

“1.      L-awturi u l-produtturi ta’ fonogrammi kif ukoll il-produttur oriġinali ta’ xogħlijiet awdjoviżivi, l-artisti, il-produtturi ta’ vidjogrammi u l-aventi kawża tagħhom għandhom ikunu intitolati għal kumpens għall-ikkopjar privat ta’ fonogrammi u vidjogrammi msemmi fl-Artikolu 71 sexies. Fir-rigward ta’ apparati intiżi biss għar-reġistrazzjoni analoga jew diġitali ta’ fonogrammi jew vidjogrammi, dan il-kumpens għandu jikkonsisti f’perċentwali tal-prezz imħallas mix-xerrej finali lill-bejjiegħ bl-imnut li, fir-rigward ta’ apparati u mezzi b’għanijiet multipli, għandu jiġi kkalkolat abbażi ta’ apparat u mezzi b’karatteristiċi ekwivalenti għal dawk tal-komponent intern intiż sabiex jirreġistra jew, meta dan ma jkunx possibbli, ta’ ammont fiss għal kull apparat u mezz. Fir-rigward ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni awdjo u vidjo, bħal mezzi analogi, mezzi diġitali, memorja interna jew li tista’ titneħħa intiżi għar-reġistrazzjoni ta’ fonogrammi jew vidjogrammi, il-kumpens għandu jikkonsisti f’somma li tkun tikkorrispondi mal-kapaċità ta’ reġistrazzjoni pprovduta minn dawn il-mezzi. Fir-rigward ta’ sistemi ta’ reġistrazzjoni vidjo mill-bogħod, il-kumpens imsemmi f’dan il-paragrafu għandu jkun dovut mill-persuna li tagħti s-servizz u jkun jikkorrispondi mar-rimunerazzjoni miksuba sabiex jingħata dan is-servizz.

2.      Il-kumpens imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi ffissat, fl-osservanza tad-dritt Komunitarju u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’kull każ, id-drittijiet ta’ riproduzzjoni, permezz tad-Digriet tal-Ministru tal-Beni u tal-Attivitajiet Kulturali sabiex jiġi adottat sal-31 ta’ Diċembru 2009, wara konsultazzjoni mal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 190 u tal-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-produtturi tal-apparati u tal-mezzi msemmija fil-paragrafu 1. Għall-iffissar tal-kumpens, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri tekniċi msemmija fl-Artikolu 102 quater u l-effett differenti ta’ kkopjar diġitali b’paragun ma’ kkopjar analogu. Dan id-digriet għandu jiġi aġġornat kull tliet snin.

[…]”.

13      Skont l-Artikolu 102(5) tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur:

“1.      Il-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati kif ukoll tad-dritt previst fl-Artikolu 102bis(3), jistgħu japplikaw għax-xogħlijiet jew oġġetti protetti miżuri teknoloġiċi ta’ protezzjoni effettivi li jinkludu kull teknoloġija, kull tagħmir jew kull komponent li, fil-kors normali tal-funzjonament tiegħu, huwa intiż sabiex jipprekludi jew jillimita l-atti mhux awtorizzati mill-proprjetarji tad-drittijiet.

2.      Il-miżuri teknoloġiċi ta’ protezzjoni għandhom jitqiesu bħala effettivi meta l-użu tax-xogħol jew tal-oġġett protett ikun ikkontrollat mill-proprjetarji tad-drittijiet permezz tal-applikazzjoni ta’ tagħmir ta’ aċċess jew ta’ proċess ta’ protezzjoni, bħall-kodifikazzjoni, it-taqlib jew kwalunkwe trasformazzjoni oħra tax-xogħol jew tal-oġġett protett, jew jekk dan l-użu jkun limitat permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll tal-ikkopjar li jilħaq l-għan ta’ protezzjoni.

3.      Dan l-artikolu ma jaffettwax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-programmi tal-kompjuter previsti fit-Titolu I, Kapitolu IV, Taqsima VI.”

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      VCAST hija kumpannija rregolata taħt id-dritt Ingliż li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti tagħha, fuq l-internet, sistema ta’ reġistrazzjoni vidjo, fi spazju ta’ ħażna fis-sħaba (cloud), xandiriet ta’ korpi tat-televiżjoni Taljani mxandra b’mezzi terrestri, fosthom jinsabu dawk ta’ R.T.I.

15      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-prattika, l-utent jagħżel xandira fuq is-sit tal-internet ta’ VCAST, li tinkludi l-organizzazzjoni tal-programmi kollu tal-istazzjonijiet televiżivi inklużi fis-servizz mogħti minn din il-kumpannija. L-utent jista’ jew jindika xandira speċifika, jew ħin. Imbagħad is-sistema ġestita minn VCAST taqbad is-sinjal tat-televiżjoni bl-għajnuna tal-antenni tagħha stess u tirreġistra l-ħin tax-xandira magħżula fuq l-ispazju ta’ ħażna tad-data fis-sħaba indikata mill-utent. Dan l-ispazju ta’ ħażna jinxtara minn dan tal-aħħar minn fornitur ieħor.

16      VCAST ħarrket lil RTI quddiem l-Awla speċjalizzata fid-dritt tal-impriżi tat-Tribunale di Torino (qorti tal-prim’istanza ta’ Torino, l-Italja), li għaliha hija talbet li tikkonstata l-legalità tal-attivitajiet tagħha.

17      Matul il-proċeduri, permezz ta’ digriet proviżżorju tat-30 ta’ Ottubru 2015, dik il-qorti laqgħet parzjalment talba għal miżuri proviżorji magħmula minn RTI u pprojbixxiet lil VCAST, essenzjalment, milli tkompli bl-attivitajiet tagħha.

18      Peress li qieset li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi parzjalment mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, it-Tribunale di Torino (qorti tal-prim’istanza ta’ Torino) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil imprenditur kummerċjali milli jipprovdi lil individwi s-servizz ta’ reġistrazzjoni vidjo mill-bogħod, bil-modalità hekk imsejħa ‘cloud computing’, ta’ kopji privati ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, permezz ta’ intervent attiv fir-reġistrazzjoni min-naħa tiegħu, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari mal-Artikolu 5(2)(b) tad-[Direttiva 2001/29] (kif ukoll mad-[Direttiva 2000/31] u mat-Trattat fundatur)?

2)      Dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lil imprenditur kummerċjali jipprovdi lil individwi s-servizz ta’ reġistrazzjoni vidjo mill-bogħod, bil-modalità hekk imsejħa ‘cloud computing’, ta’ kopji privati ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, anki jekk dan ikun jimplika intervent attiv fir-reġistrazzjoni min-naħa tiegħu, anki mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, għal kumpens remuneratorju b’rata fissa favur id-detentur tad-drittijiet, li essenzjalment jiġi suġġett għal sistema ta’ liċenzja obbligatorja, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari mal-Artikolu 5(2)(b) tad-[Direttiva 2001/29] (kif ukoll mad-[Direttiva 2000/31], u mat-Trattat fundatur)?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

19      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju adottat digriet provviżorju li kien jinkludi miżuri ta’ projbizzjoni provviżorja tal-attività ta’ VCAST.

20      Minħabba f’hekk, l-imsemmija qorti għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi dwar din l-attività, peress li qieset żewġ ipoteżijiet opposti. Waħda tikkunsidra li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi tali attività, filwaqt li l-oħra tipproponi li din tal-aħħar, għall-kuntrarju, hija awtorizzata.

21      B’hekk, jista’ jiġi dedott minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li ma huwiex stabbilit li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tipprojbixxi effettivament tali attività.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tirrispondi għal dawn iż-żewġ domandi flimkien, billi tikkunsidra l-ipoteżi fejn kuntest fejn leġiżlazzjoni nazzjonali tawtorizza l-eżerċizzju ta’ attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

23      Għandu jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi tirreferi, mhux biss għad-Direttiva 2001/29, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(b) tiegħu, iżda wkoll id-Direttiva 2000/31 kif ukoll għat-“Trattat fundatur”.

24      F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 19 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2000/31 li tista’ tkun rilevanti fil-każ preżenti hija l-Artikolu 3(2) tagħha, li tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jirrestrinġu l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li ġejjin minn Stat Membru ieħor. Madankollu, skont l-Artikolu 3(3) tal-isemmija direttiva, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija projbizzjoni huma esklużi, b’mod partikolari, ir-restrizzjonijiet li ġejjin mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati.

25      Isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31 ma humiex applikabbli f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna d-drittijiet tal-awtur u l-eċċezzjonijiet għalihom.

26      Fir-rigward tad-domandi magħmula sa fejn jirrigwardaw it-“Trattat”, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta domanda tkun is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-unjoni, il-miżuri nazzjonali relatati magħha għandhom ikunu evalwati fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler, C‑324/99, EU:C:2001:682, punt 32; tal-24 ta’ Jannar 2008, Roby Profumi, C-257/06, EU:C:2008:35, punt 14, kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2009, HSBC Holdings u Vidacos Nominees, C-569/07, EU:C:2009:594, punt 26).

27      Issa, għandu jiġi rrilevat li wieħed mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2001/29 huwa, kif jidher mill-premessa 1 tiegħu, li jarmonizza l-liġijiet tal-Istati Membri dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet viċini, sabiex jikkontribwixxi għall-kisba tal-għan li jiġi stabbilit suq intern.

28      Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar id-domandi magħmula fir-rigward tat-Trattat FUE.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti nazzjonali essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2001/29, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(b) tagħha, tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, li tippermetti lil impriża kummerċjali li tipprovdi lill-individwi servizz ta’ reġistrazzjoni mil-bogħod fis-sħaba ta’ kopji privati ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur, permezz ta’ sistema informatika, li sseħħ attivament fir-reġistrazzjoni, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

30      Skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom id-dritt jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni meta inkwistjoni jkun hemm riproduzzjonijiet mwettqa fuq kull mezz minn persuna fiżika għal użu privat jew għal finijiet li la huma direttament jew indirettament kummerċjali.

31      Barra minn hekk, l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva jipprevedi li l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva, għandhom jiġu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.

32      Fir-rigward tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, hemm lok li jitfakkar li, qabel kollox, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jidderogaw minn prinċipju ġenerali stabbilit minn din l-istess direttiva għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta (sentenza tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et,C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li l-imsemmi Artikolu 5(2)(b) għandu jkun is-suġġett ta’ din l-imsemmija interpretazzjoni.

33      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li meta ssir kopja minn persuna fiżika li taġixxi f’kapaċità privata, dan għandu jitqies bħala att tali li jikkawża dannu lid-detentur tad-drittijiet ikkonċernati, peress li ssir mingħajr ma tintalab, minn qabel, l-awtorizzazzjoni ta’ dan id-detentur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C-467/08, EU:C:2010:620, punti 44 sa 46).

34      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jinftiehem fis-sens li għalkemm l-eċċezzjoni ta’ kopja privata tipprojbixxi, ċertament, lid-detentur tad-drittijiet milli juża d-dritt esklużiv tiegħu li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjonijiet fir-rigward ta’ persuni li jwettqu kopji privati tax-xogħlijiet tagħhom, din id-dispożizzjoni tipprekludi li din id-dispożizzjoni ma għandhiex tinftiehem bħala li timponi, lil hinn minn din il-limitazzjoni prevista espliċitament, fuq id-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jittolleraw ksur tad-drittijiet tiegħu li jistgħu jakkompanjaw it-twettiq ta’ kopji privati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 31)

35      Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex ikunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 5(2) (b), ma huwiex neċessarju li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkollhom tagħmir, apparat jew mezzi għar-riproduzzjoni. Jistgħu wkoll jiġu pprovduti minn terz b’sistema ta’ riproduzzjoni, li tikkostitwixxi l-premessa fattwali neċessarja sabiex dawn il-persuni fiżiċi jkunu jistgħu jiksbu kopji privati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C-467/08, EU:C:2010:620, punt 48).

36      Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq li għandu jiġi vverifikat jekk servizz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-elementi rilevanti tiegħu huma speċifikati fil-punti 14 u 15 ta’ din is-sentenza, jaqax fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.


37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-fornitur ta’ dan is-servizz ma jorganizzax biss ir-riproduzzjoni, iżda barra minn hekk jipprovdi, għall-iskop ta’ riproduzzjoni, aċċess għax-xandiriet ta’ ċerti stazzjonijiet televiżivi li jistgħu jiġu rreġistrati mill-bogħod. B’hekk, huma l-klijenti individwali li għandhom jagħżlu l-programmi li għandhom jiġu rreġistrati.

38      F’dan is-sens, is-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu funzjoni doppja, li tikkonsisti f’li jiżgura kemm ir-riproduzzjoni kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet u l-oġġetti kkonċernati minnha.

39      Issa, għalkemm l-eċċezzjoni tal-kopja privata timplika li d-detentur tad-drittijiet għandu jżomm lura milli jeżerċita d-dritt esklużiv tiegħu li jawtorizza jew jipprojbixxi kopji privati, imwettqa minn persuni fiżiċi, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta ta’ din l-eċċezzjoni jimplika li dan id-detentur ma huwiex b’hekk imċaħħad mid-dritt tiegħu li jipprojbixxi jew li jawtorizza l-aċċess għax-xogħlijiet jew għall-oġġetti, li dawn l-istess persuni jixtiequ jwettqu kopji privati.

40      Fil-fatt, mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, jirriżulta li kull komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħol jew ta’ oġġett protett, għandha tkun suġġetta għall-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, peress li jinftiehem li, kif jirriżulta mill-premessa 23 ta’ din id-direttiva, id-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku għandu jinftiehem fis-sens wiesa’ bħala li jkopri kwalunkwe trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid ta’ xogħol lill-pubbliku, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir.

41      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” jassoċja żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri “att ta’ komunikazzjoni” ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil “pubbliku” (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 37).

42      Meta dan jiġi speċifikat, għandu, fir-rigward tal-kunċett ta’ “att ta’ komunikazzjoni”, jiġi enfasizzat li dan jirrigwarda kull xandir ta’ xogħlijiet protetti, indipendentement mill-mezz jew mill-proċess tekniku użat (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 38).

43      Barra minn hekk, kull trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid ta’ xogħol li tuża mezz tekniku speċifiku għandu jkun, fil-prinċipju, awtorizzat individwalment mill-awtur tax-xogħol inkwistjoni (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 39).

44      It-tieni nett, sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jeħtieġ ulterjorment, hekk kif tfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li x-xogħlijiet protetti jiġu effettivament ikkomunikati lil “pubbliku” (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 40).

45      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “pubbliku” ikopri numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jimplika, barra minn hekk, numru pjuttost kbir ta’ persuni (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 41).

46      F’dan il-każ, il-fornitur tas-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirreġistra x-xandiriet u jagħmilhom disponibbli għall-klijenti tiegħu permezz tal-internet.

47      Fl-ewwel lok, huwa ċar li l-persuni kollha mmirati minn dan il-fornitur jikkostitwixxu “pubbliku”, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza.

48      Fit-tieni lok, it-trażmissjoni oriġinali magħmula mill-korp tax-xandir, minn naħa, u dik imwettqa mill-fornitur tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, min-naħa l-oħra, titwettaq f’kundizzjonijiet tekniċi speċifiċi, skont mod differenti ta’ trażmissjoni ta’ xogħlijiet u kull wieħed minnhom huwa maħsub għall-pubbliku tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C-607/11, EU:C:2013:147, punt 39).

49      It-trażmissjonijiet imsemmija għalhekk jikkostitwixxu komunikazzjonijiet differenti lill-pubbliku, u kull waħda minnhom għandha, għaldaqstant ikollha l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx iktar lok li jiġi eżaminat, downstream, jekk il-pubbliku mmirat minn dawn il-komunikazzjonijiet huwiex identiku jew jekk, jekk ikun il-każ, il-pubbliku mmirat mill-fornitur tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix pubbliku ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C-607/11, EU:C:2013:147, punt 39).

51      Minn dan jirriżulta li, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mid-detentur tad-drittijiet, it-twettiq ta’ kopji ta’ xogħlijiet permezz ta’ servizz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jikser id-drittijiet ta’ dan id-detentur.

52      Għaldaqstant, tali servizz ta’ reġistrazzjoni ma jistax jaqa’ fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

53      F’dawn iċ-ċirksutanzi, ma hemmx iktar lok li tiġi vverifikata l-osservanza tal-kundizzjonijiet imposta mill-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula li d-Direttiva 2001/29, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(b) tagħha, tipprekludi leġizlazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil impriża kummerċjali li tipprovdi lil individwi servizz ta’ reġistrazzjoni mill-bogħod fis-sħaba kopji privati ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, permezz ta’ sistema informatika, li tintervjeni attivament fir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-kopji, mingħajr l-awtorizazzjoni tad-detentur tad-drittijiet.

 Fuq l-ispejjeż

55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà talinformazzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(b) tiegħu, tipprekludi leġizlazzjonali, li tippermetti lil impriża kummerċjali li tipprovdi lil individwi servizz ta’ reġistrazzjoni mill-bogħod fis-sħaba kopji privati ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, permezz ta’ sistema informatika, li tintervjeni attivament fir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-kopji, mingħajr l-awtorizazzjoni tad-detentur tad-drittijiet.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.