Language of document : ECLI:EU:C:2012:809

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

NIILO JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-13 ta’ Diċembru 2012 (1)

Kawża C‑412/11

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Direttiva 91/440/KEE – Żvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità – Direttiva 2001/14/KE – Allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji – Artikolu 6(3) u Anness II tad-Direttiva 91/440 – Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 – Amministratur tal-infrastruttura – Indipendenza organizzattiva u deċiżjonali – Indipendenza fil-funzjonijiet essenzjali”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dan ir-rikors dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(3), u l-Anness II tad-Direttiva 91/440/KEE (2), kif emendata bid-Direttiva 2001/12/KE (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/440”), kif ukoll l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE (4). Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jitlob li r-rikors tal-Kummissjoni jiġi miċħud.

2.        Din il-kawża hija waħda minn għadd ta’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (5), li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fl-2010 u fl-2011, u li jirrigwardaw l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttivi 91/440 u 2001/14, li s-suġġett prinċipali tagħhom huwa l-aċċess ġust u nondiskriminatorju ta’ impriżi ferrovjarji għall-infrastruttura, jiġifieri għan-netwerk ferrovjarju. Dawn ir-rikorsi huma mingħajr preċedent, għaliex joffru lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li teżamina għall-ewwel darba l-liberalizzazzjoni tal-linji tal-ferrovija fl-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari li tinterpreta l-hekk imsejjaħ “l-ewwel pakkett ferrovjarju”.

3.        Diġà ppreżentajt fis-6 ta’ Settembru 2012, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll il-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs L-Ungerija; Il-Kummissjoni vs Spanja; Il-Kummissjoni vs L-Awstrija; u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja. Minbarra dawn il-konklużjonijiet, illum ser nippreżenta il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Polonja; Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka; Il-Kummissjoni vs Franza; u Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja. Sa fejn din il-kawża hija dwar ilmenti simili għal dawk li diġà kelli l-okkażjoni li nanalizza fil-konklużjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, se nillimita ruħi biex nirreferi għall-punti rilevanti tagħhom, mingħajr, madankollu, ma nirrepeti l-argumenti sħaħ fihom.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 91/440

4.        L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440/KEE jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu ċert li l-funzjonijiet li jiddeterminaw aċċess ekwu u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura, elenkati fl-Anness II, jkunu fdati lill-korpi jew lid-ditti li ma jipprovdux huma stess xi servizzi ta’ trasport ferrovjarju. Irrispettivament mill-istrutturi organizzattivi, irid jinwera li dan l-oġġettiv jkun inkiseb.

L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jassennjaw lill-impriżi ferrovjarji jew lil kwalunkwe korp ieħor il-ġbir tal-ħlasijiet [tariffi] u r-responsabbiltà ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-infrastruttura ferrovjarja, bħall-investiment, il-manutenzjoni u l-iffinanzjar.”

5.        L-Anness II tad-Direttiva 91/440 jelenka l-“funzjonijiet essenzjali” msemmija fl-Artikolu 6(3) tagħha:

“–      […]

–        it-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ l-allokazzjoni ta’ passaġġi [mogħdijiet] inklużi kemm id-definizzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà u l-allokazzjoni ta’ passaġġi tal-ferrovija individwali,

–        […]”

2.      Id-Direttiva 2001/14

6.        L-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2001/14 jipprvodi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu qafas għall-allokazzjoni ta’ kapaċità infrastrutturali filwaqt li jirrispettaw l-indipendenza amministrattiva stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440/KEE. Regoli speċifiċi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jiġu stabbiliti. L-amministratur infrastrutturali għandu jwettaq il-proċessi ta’ l-allokazzjoni tal-kapaċità. Partikolarment, l-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu jassigura li l-kapaċità infrastrutturali tiġi allokata fuq bażi ġusta u non-diskriminatorja u skond il-liġi Komunitarja.

2.      Meta l-amministratur ta’ l-infrastruttura, fil-forma legali, l-organizzazzjoni jew fil-funzjonijiet tiegħu ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, mhuwiex indipendenti minn kull impriża tal-ferroviji, il-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u deskritti f’dan il-Kapitolu għandhom jitwettqu minn korp ta’ allokazzjoni li huwa indipendenti fil-forma legali, l-organizzazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kull impriża tal-ferroviji.”

B –    Il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża

7.        Il-liġi tat-22 ta’ Lulju 2009 dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija (6) tipprovdi li l-Administration des Chemins de Fer (l-Amministrazzjoni tal-linji tal-ferrovija, iktar ’il quddiem l-“ALF”), reċentement stabbilita, hija responsabbli għall-funzjonijiet essenzjali ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet (allokazzjoni ta’ binarji) u ta’ tariffi.

8.        Il-liġi tal-11 ta’ Ġunju 1999 dwar l-infrastruttura tal-ferroviji kif emendata bil-liġi tat-3 ta’ Awwissu 2010 (7) tipprovdi:

“Il-missjoni ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura tal-ferroviji hija fdata lil organu ta’ allokazzjoni li l-funzjoni tiegħu hija responsabbiltà tal-Amministrazzjoni tal-Linji tal-Ferroviji.”

III – Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

9.        Fis-26 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu sabiex jikkonforma mad-direttivi tal-ewwel pakkett ferrovjarju. L-imsemmi Stat Membru wieġeb għall-ittra ta’ intimazzjoni fis-27 ta’ Awwissu 2008.

10.      Fid-9 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu fejn sostniet l-insuffiċjenza tal-miżuri adottati sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni tad-Direttivi 91/440 u 2001/14. Wara skambju ta’ ittri, il-Kummissjoni bagħtet lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali bid-data tal-25 ta’ Novembru 2010 li permezz tagħha llimitat il-proċedura għal ilment wieħed, dwar l-indipendenza tal-funzjonijiet essenzjali, fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-kuntest leġiżlattiv nazzjonali.

11.      Fit-3 ta’ Frar 2011, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu rrisponda għall-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali.

12.      Peress li ma kinitx konvinta bir-risposta u bil-provi prodotti mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta rikors fit-8 ta’ Awwissu 2011.

IV – L-argumenti tal-partijiet

13.      Il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 91/440 timponi li l-funzjonijiet ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-ferrovija, fost l-oħrajn, jiġu żgurati minn organi indipendenti. Fil-fatt, l-Anness II tad-Direttiva 91/440 jikkwalifika bħala “funzjoni essenzjali” “it-teħid ta’ deċiżjonijiet irrelatati ma’ l-allokazzjoni ta’ passaġġi inklużi kemm id-definizzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà u l-allokazzjoni ta’ passaġġi [binarji] tal-ferrovija individwali”.

14.      Skont il-Kummissjoni, għalkemm l-ALF, li hija responsabbli għall-allokazzjoni tal-binarji, hija organu indipendenti ta’ Chemins de fer luxembourgeois (iktar ’il quddiem is-“CFL”), xorta jibqa’ l-fatt li dawn tal-aħħar huma responsabbli għal ċerti funzjonijiet essenzjali fil-qasam tal-attribuzzjoni tal-binarji.

15.      Il-Kummissjoni tikkunsidra, fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Lussemburgiż, li f’każ ta’ perturbazzjoni tat-traffiku, l-allokazzjoni ta’ binarji tibqa’ responsabbiltà tas-CFL, jiġifieri responsabbiltà tad-dipartiment ta’ amministrazzjoni tan-netwerk, tagħha, mingħajr ma din il-parti tas-CFL tkun indipendenti mill-partijiet li jamministraw is-servizzi ta’ trasport bil-ferrovija.

16.      Il-Kummissjoni tqis li f’każ ta’ perturbazzjoni tat-traffiku, l-orarju normali stabbilit mill-ALF ma jistax jibqa’ jiġi osservat peress li l-ħinijiet stabbiliti fl-orarju jkunu diġà nqabżu u tkun meħtieġa allokazzjoni mill-ġdid tal-orarji għall-operaturi li jkunu qegħin jistennew li jmiss lilhom. Il-Kummissjoni tqis li tali allokazzjoni mill-ġdid tikkostitwixxi neċessarjament allokazzjoni tal-binarji. Issa, skont il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, din tista’ ssir biss mill-amministrazzjoni tat-traffiku, operat minn CFL, li għalhekk jagħti lil CFL rwol fl-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-ferrovija b’kontradizzjoni mal-eżiġenzi tad-Direttiva 2001/14.

17.      Il-Kummissjoni tqis li l-eżerċizzju tal-funzjoni essenzjali ta’ allokazzjoni tal-binarji jeħtieġ li s-CFL tkun suġġetta għall-eżiġenzi ta’ indipendenza tal-ewwel pakkett ferrovjarju. Issa, l-ebda miżura intiża sabiex tiżgura din l-indipendenza ma ġiet implementata fi ħdan CFL sabiex jiġu separati mill-perspettiva ġuridika, organizzattiva u deċiżjonali l-partijiet li huma responsabbli għall-funzjonijiet essenzjali, minn dawk li jamministraw is-servizzi ta’ trasport bil-ferrovija.

18.      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-emendi magħmula mid-document de référence (Dokument ta’ Referenza iktar ’il quddiem id-“DRR”), adottat mill-awtoritajiet Lussemburgiżi, wara t-terminu stabbilit fl-ittra motivata, ma humiex biżżejjed sabiex itemmu n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

19.      Il-Gvern Lussemburgiż iqis, fir-risposta tiegħu, li, minkejja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ kienet konformi mat-termini u l-ispirtu tad-Direttiva 2001/14, din madankollu ġiet adattata, wara l-preżentazzjoni ta’ dan ir-rikors, b’mod li ma tħalli l-ebda dubju fir-rigward ta’ eventwali nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, id-DRR ġie emendat b’mod li l-allokazzjoni mill-ġdid tal-binarji, f’każ ta’ perturbazzjoni, tkun ukoll ittrasferita lill-ALF (8). Fil-kontroreplika tiegħu, il-Gvern Lussemburgiż isostni li d-DRR reġa’ ġie emendat (b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012) u li wara dan kien jissodisfa l-eżiġenzi tal-Kummissjoni billi jipprovdi li f’każ ta’ perturbazzjoni mhux prevista, binarji ġodda jiġu allokati lill-ALF (9).

V –    Analiżi tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

20.      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkontesta l-ilment tal-Kummissjoni filwaqt li jinvoka d-dispożizzjonijiet adottati wara li skada t-terminu stabbilit fl-ittra motivata, jiġifieri l-emendi tad-DRR wara d-data ta’ skadenza tal-imsemmi terminu.

21.      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu li kien stabbilit għalih fl-opinjoni motivata, u li l-bidliet li jseħħu wara ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (10). Fl-eżami ta’ dan ir-rikors hija għalhekk il-leġiżlazzjoni fis-seħħ meta jiskadi t-terminu ta’ xaharejn, stabbilit fl-ittra motivata addizzjonali tal-25 ta’ Novembru 2010, li hija determinanti.

22.      Ir-rikors tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq żewġ elementi li diġà kelli l-okkażjoni li nanalizza fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑473/10), Il-Kummissjoni vs Franza (C‑625/10) u Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (C‑627/10).

23.      Fir-rigward tar-raġunijiet għalfejn operatur storiku, bħas-CFL, li hija impriża ferrovjarja, servizz mhux indipendenti minn din tal-aħħar, jew amministratur tal-infrastruttura li ma hijiex indipendenti minn tali impriżi, ma tistax tiġi assoċjata għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali, bħall-allokazzjoni tal-binarji, u għalhekk huwa biżżejjed li nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi ċċitati ’il fuq Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑625/10, punti 31 sa 47) u Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (C‑627/10, punti 30 sa 46).

24.      Bl-istess mod, jidher eskluż li operatur storiku bħas-CFL, li hija impriża ferrovjarja, tista’ tingħatalu s-setgħa li jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni mill-ġdid tal-binarji f’każ ta’ perturbazzjoni, mingħajr ma jillimita ruħu li tikkanċellahom, għar-raġunijiet li diġà esponejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑473/10, punti 49 sa 70) u Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (C‑627/10, punti 38 sa 46).

25.      Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’.

VI – Fuq l-ispejjeż

26.      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

27.      Peress li l-Kummissjoni talbet għall-kundanna tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-ispejjeż u peress li dan tilef fuq il-motivi tiegħu, din it-talba għandha tintlaqa’.

VII – Konklużjoni

28.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi kif ġej:

1)      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità, kif emendata bid-Direttiva 2001/12/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà, sa fejn dipartiment ta’ impriża ferrovjarja jipparteċipa għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet essenzjali bħall-allokazzjoni tal-binarji.

2)      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu huwa kkundannat għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2–      Id-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341).


3–      Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/12/KE, tas-26 ta’ Frar 2001, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 376).


4–      Id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404).


5 – Dawn huma s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑557/10, u tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑528/10), kif ukoll il-kawżi Il-Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑473/10); Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑483/10); Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑512/10); Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C‑545/10); Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑555/10); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑556/10); Il-Kummissjoni vs Franza (C‑625/10); Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (C‑627/10); u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑369/11), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


6 – Nota, A-N° 169, p. 2465.


7 – Nota, A-N° 135, p. 2194.


8 – Ir-referiment għall-verżjoni 3.0 tal-edizzjoni 2011 tad-dokument ta’ referenza tan-netwerk ġie ppubblikat fin-Nota, B-N° 84, p. 1657.


9 – Ir-referiment għall-verżjoni 2.0 tal-edizzjoni 2012 tad-dokument ta’ referenza tan-netwerk ġie ppubblikat fin-Nota, B-N° 103, p. 1985.


10 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-319/06, Ġabra p. I-4323, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑241/08, Ġabra p. I-1697, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-50/09, Ġabra p. I‑873, punt 102).