Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appell de Bruxelles (il-Belġju) fit-23 ta’ Frar 2018 – Skype Communications Sàrl vs Institut belge des services postaux et des télécommunications (IBPT)

(Kawża C-142/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour d’appel de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Skype Communications Sàrl

Konvenut: Institut belge des services postaux et des télécommunications (IBPT)

Domandi preliminari

Id-definizzjoni tas-servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kif stabbilit fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2002/21/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi 1 , kif emendata, għandu jinftiehem fis-sens li servizz ta’ voice-over IP, offrut permezz ta’ softwer b’terminazzjoni fuq public switched telephone network lejn numru fiss jew mobbli ta’ pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni (fil-forma E.164) għandu jkun ikklassifikat bħala servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, minkejja l-fatt li s-servizz ta’ aċċess għall-internet li permezz tiegħu utent jaċċeddi għall-imsemmi servizz ta’ voice-over IP jikkostitwixxi diġà fih innifsu servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda filwaqt li l-fornitur tas-softwer jipprovdi dan is-servizz għal remunerazzjoni u jidħol fi ftehimiet mal-fornituri ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet debitament awtorizzati li jitrasmettu u jitterminaw sejħiet lejn il-public switched telephone network li jippermettu t-terminazzjoni tas-sejħiet lejn numru fiss jew mobbli ta’ pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni?

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, ir-risposta tibqa’ l-istess jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-funzjonalità tas-softwer li tippermetti li s-sejħiet bil-vuċi hija biss waħda mill-funzjonalitajiet tas-softwer, li jista’ jintuża mingħajr din il-funzjonalità?

Jekk l-ewwel żewġ domandi jingħataw risposta fl-affermattiv, ir-risposta għall-ewwel domanda tibqa’ l-istess jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-fornitur tas-servizz jipprevedi, fil-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu, li ma jassumix responsabbiltà lejn il-klijent aħħari għat-trasmissjoni tas-sinjali?

Jekk l-ewwel tliet mistoqsijiet jingħataw risposta fl-affermattiv, ir-risposta għall-ewwel domanda tibqa’ l-istess jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-servizz mogħti jissodisfa wkoll id-definizzjoni ta’ “servizz tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni”?

____________

1 Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)