Language of document : ECLI:EU:T:2012:452

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

20 ta’ Settembru 2012 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajuna allegatament implementata minn Franza fil-forma ta’ garanzija impliċita illimitata favur La Poste li tirriżulta mill-istatus tagħha ta’ entità pubblika – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat – Vantaġġ”

Fil-Kawża T‑154/10,

Ir‑Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn E. Belliard, G. de Bergues, B. Beaupère-Manokha, J. Gstalter u S. Menez, sussegwentement minn E. Belliard, G. de Bergues, J. Gstalter u S. Menez, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u D. Grespan, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/605/UE, tas-26 ta’ Jannar 2010, dwar l-għajnuna mill-Istat C 56/07 (eks E 15/05) mogħtija minn Franza lil La Poste (ĠU L 274, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn H. Kanninen, President tal-Awla, N. Wahl (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Id-dritt nazzjonali li jirregola l-istatus ta’ La Poste

 L-istatus ta’ La Poste mill-1 ta’ Jannar 1991 u l-konsegwenzi legali tiegħu

1        Skont il-Liġi Franċiża Nru 90-568, tat-2 ta’ Lulju 1990, dwar l-organizzazzjoni tas-servizz pubbliku tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet (JORF tat-8 ta’ Lulju 1990, p. 8069), id-Direttorat Ġenerali tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet preċedenti, li sa dak iż-żmien kien jaqa’ taħt il-Ministeru responsabbli għall-posta u għat-telekomunikazzjonijiet, kien ġie ttrasformat, mill-1 ta’ Jannar 1991, f’żewġ persuni ġuridiċi awtonomi rregolati mid-dritt pubbliku: France Télécom u La Poste. Din il-liġi espressament awtorizzat lil La Poste tiżviluppa, minbarra l-funzjonijiet tagħha ta’ servizz pubbliku, ċerti attivitajiet miftuħa għall-kompetizzjoni

2        Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet tal-31 ta’ Diċembru 1990, li jagħti l-garanzija tal-Istat għal-bonds PTT u għall-bonds ta’ tfaddil PTT maħruġa qabel il-31 ta’ Diċembru 1990 (JORF tat-18 ta’ Jannar 1991, p. 917), “il-ħlas ta’ interessi, ammortizzament, primjums, kummissjonijiet, spejjeż u ammonti anċillari għall-bonds u għall-bonds ta’ tfaddil PTT maħruġa qabel il-31 ta’ Diċembru 1990 bil-għan li tingħata għajnuna għall-finanzjament tal-ispejjeż ta’ investiment tal-baġit sussidjarju tal-posta u t-telekomunikazzjonijiet, skont l-Artikolu L. 127 tal-Kodiċi tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet […], u ttrasferiti lil La Poste skont l-Artikolu 22 tal-Liġi tat-2 ta’ Lulju 1990 […], huwa ggarantit inkudizzjonalment mill-Istat”.

3        Permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Jannar 2001, il-Cour de cassation (deuxième chambre civile) (it-Tieni Awla Ċivili tal-Qorti tal-Kassazzjoni) aċċettat il-prinċipju li La Poste kellha tiġi assimilata għal entità pubblika ta’ natura industrijali u kummerċjali (iktar ’il quddiem “EPIK”).

4        Fid-dritt amministrattiv Franċiż, l-EPIK huma persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku, li għandhom personalità ġuridika separata mill-Istat, awtonomija finanzjarja kif ukoll kompetenzi ta’ attribuzzjoni speċjali, li ġeneralment jinkludu l-eżerċizzju ta’ funzjoni jew ta’ diversi funzjonijiet ta’ servizz pubbliku.

5        L-istatus tal-EPIK jimplika ċertu numru ta’ konsegwenzi legali, fosthom b’mod partikolari:

–        l-inapplikabbiltà tal-proċeduri ta’ insolvenza u ta’ falliment previsti fid-dritt ġenerali [ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 85-98, tal-25 ta’ Jannar 1985, dwar l-amministrazzjoni u l-istralċ mill-qorti tal-impriżi (JORF tas-26 ta’ Jannar 1985, p. 1097), li sar l-Artikolu L. 620-2 tal-Kodiċi Kummerċjali];

–        l-applikabbiltà tal-Liġi Nru 80-539, tas-16 ta’ Lulju 1980, dwar il-pagamenti ta’ penalità imposti fil-qasam amministrattiv u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mill-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku (JORF tas-17 ta’ Lulju 1980, p. 1799) kif ukoll l-indikazzjoni tal-Istat bħala r-responsabbli aħħari għall-irkupru tad-djun magħmula [ara l-Artikolu 1(II) tal-Liġi Nru 80/539; ir-raba’ u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 3-1 tad-Digriet Nru 81/501, tat-12 ta’ Mejju 1981, adottat għall-applikazzjoni tal-Liġi Nru 80-539 (JORF tal-14 ta’ Mejju 1981, p. 1406), u l-Artikolu 10 tad-Digriet Nru 2008-479, tal-20 ta’ Mejju 2008, (li jħassar id-Digriet Nru 81‑501), dwar l-eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji mogħtija lill-entitajiet pubbliċi].

 Bidla fl-istatus ta’ La Poste mill-1 ta’ Marzu 2010

6        Fid-29 ta’ Lulju 2009, il-Gvern Franċiż ippreżenta abbozz ta’ liġi bil-għan li La Poste tiġi ttrasformata f’kumpannija b’responsabbiltà limitata. Dan l-abbozz wassal għall-adozzjoni tal-Liġi Nru 2010‑123, tad-9 ta’ Frar 2010, dwar l-impriża pubblika La Poste u l-attivitajiet postali (JORF tal-10 ta’ Frar 2010, p. 2321), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2010. L-Artikolu 1‑2.1 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Il-persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku La Poste hija ttrasformata, mill-1 ta’ Marzu 2010, f’kumpannija b’responsabbiltà limitata msejħa La Poste. Il-kapital tal-kumpannija huwa miżmum mill-Istat, li huwa l-azzjonist maġġoritarju, u minn persuni ġuridiċi oħra rregolati mid-dritt pubbliku, bl-eċċezzjoni tal-parti tal-kapital li tista’ tinżamm mill-persunal fil-forma ta’ azzjonisti skont il-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi. Din it-trasformazzjoni ma jistax ikollha bħala konsegwenza li tintilef in-natura ta’ servizz pubbliku nazzjonali ta’ La Poste.

[…]

Din it-trasformazzjoni ma tinvolvix il-ħolqien ta’ persuna ġuridika ġdida. Il-beni, id-drittijiet, l-obbligi, il-kuntratti, il-ftehimiet u l-awtorizzazzjonijiet ta’ kull natura kollha tal-persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubblika La Poste, fi Franza u barra Franza, huma awtomatikament u mingħajr formalità mogħddija lill-kumpannija b’responsabbiltà limitata La Poste mid-data tat-trasformazzjoni. Din ma għandha ebda effett fuq dawn il-beni, drittijiet, obbligi, kuntratti, ftehimiet u awtorizzazzjonijiet u, b’mod partikolari, ma twassalx għal emenda tal-kuntratti u tal-ftehimiet attwalment fis-seħħ konklużi minn La Poste jew mill-kumpanniji li huma marbuta magħha skont l-Artikoli  L. 233‑1 sa L. 233‑4 tal-Kodiċi Kummerċjali, u lanqas għar-rexissjoni tagħhom jew, skont il-każ, għar-rimbors antiċipat tad-djun li dawn jikkonċernaw […]”

 Il-proċedura amministrattiva

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej approvat it-trasferiment tal-attivitajiet bankarji u finanzjarji ta’ La Poste lis-sussidjarja tagħha, La Banque Postale. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni enfasizzat li l-kwistjoni tal-garanzija illimitata tal-Istat favur La Poste kellha tkun is-suġġett ta’ proċedura separata.

8        Fil-21 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), informat lill-awtoritajiet Franċiżi dwar il-konklużjonijiet preliminari tagħha fir-rigward tal-eżistenza ta’ garanzija illimitata tal-Istat li tirriżulta mill-istatus ta’ La Poste u li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE u talbithom jissottomettu l-kummenti tagħhom. Billi qieset li l-allegata garanzija kienet teżisti qabel l-1 ta’ Jannar 1958, data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE fi Franza, il-Kummissjoni applikat ir-regoli proċedurali relatati mal-għajnuna eżistenti.

9        Ir-risposta tal-awtoritajiet Franċiżi għal din it-talba waslet lill-Kummissjoni fl-24 ta’ April 2006.

10      Fl-4 ta’ Ottubru 2006, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni b’mod partikolari talbet lir-Repubblika Franċiża tneħħi, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2008, il-garanzija li kienet tibbenefika minnha La Poste, minħabba l-istatus tagħha, fuq l-impenji kollha tagħha.

11      Fis-6 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni rċeviet nota mill-awtoritajiet Franċiżi li tikkontesta l-konklużjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tal-4 ta’ Ottubru 2006 u li tipproponi li tinbeda diskussjoni sabiex jitneħħew id-dubji li hija kellha fir-rigward tal-eżistenza ta’ garanzija illimitata tal-Istat Franċiż favur La Poste.

12      Fl-20 ta’ Diċembru 2006, inżammet laqgħa bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi.

13      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Jannar 2007, l-awtoritajiet Franċiżi, filwaqt li kkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, iżda b’xewqa li jikkjarifikaw il-portata tal-Liġi Nru 80-539, ippreżentaw lil din tal-aħħar abbozz ta’ emenda tad-Digriet Nru 81-501.

14      Wara eżami tal-informazzjoni u tal-preċiżjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Franċiżi fl-1 ta’ Frar u fis-16 ta’ Marzu 2007, dwar, b’mod partikolari, il-kwistjoni tal-istabbiliment eventwali tar-responsabbiltà tal-Istat f’każ ta’ attiv insuffiċjenti ta’ La Poste, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Novembru 2007, informathom dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Permezz tal-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-3 ta’ Ġunju 2008 (ĠU C 135, p. 7), il-Kummissjoni talbet lill-persuni interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura kkontestata.

15      Il-Kummissjoni ma rċevietx kummenti mingħand persuni interessati dwar din il-miżura. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Franċiżi ssottomettew kummenti permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Jannar 2008. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, wara sejħa għal offerti, fdat f’idejn espert it-twettiq ta’ studju dwar il-garanzija illimitata mogħtija mir-Repubblika Franċiża lil La Poste. Dan l-espert ippreżenta r-rapport tiegħu fis-17 ta’ Novembru 2008.

16      Wara l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-adozzjoni mill-Gvern Franċiż ta’ abbozz ta’ liġi li jikkonferma l-bidla fl-istatus ta’ La Poste, il-Kummissjoni saqsiet lir-Repubblika Franċiża, fl-20 ta’ Lulju 2009, jekk hija kinitx lesta taċċetta li tieħu impenn fir-rigward tat-trasformazzjoni ta’ La Poste f’kumpannija b’responsabbiltà limitata suġġetta għall-proċeduri ta’ amministrazzjoni u stralċ mill-qorti previsti fid-dritt ġenerali. Permezz tal-istess ittra, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Franċiżi ir-rapport tal-espert tagħha.

17      Permezz ta’ nota mibgħuta fil-31 ta’ Lulju 2009, l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni li l-Kunsill tal-Ministri Franċiż tad-29 ta’ Lulju 2009 kien adotta abbozz ta’ liġi dwar La Poste u l-attivitajiet postali, li kien jipprevedi, b’mod partikolari, it-trasformazzjoni ta’ La Poste f’kumpannija b’responsabbiltà limitata mill-1 ta’ Jannar 2010. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li kienu ser jissottomettu l-kummenti tagħhom fuq ir-rapport tal-espert tal-Kummissjoni.

18      Wara żewġ ittri ta’ tfakkira tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Settembru u tas-6 ta’ Ottubru 2009, ir-Repubblika Franċiża, permezz ta’ nota mibgħuta fis-27 ta’ Ottubru 2009, tat il-kummenti tagħha dwar ir-rapport tal-espert tal-Kummissjoni u bagħtet opinjoni redatta minn espert ieħor.

19      Emenda għall-abbozz ta’ liġi dwar La Poste u l-attivitajiet postali ġiet imressqa fil-11 ta’ Diċembru 2009, li tipposponi d-data tat-trasformazzjoni ta’ La Poste f’kumpannija b’responsabbilta limitata għal Marzu 2010.

20      Fis-26 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2010) 133 dwar l-għajnuna mill-Istat C 56/07 (eks E 15/05) mogħtija minn Franza lil La Poste (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Din id-deċiżjoni, li ġiet innotifikata lill-awtoritajiet Franċiżi fis-27 ta’ Frar 2010, ġiet ippubblikata bir-referenza 2010/605/UE fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-19 ta’ Ottubru 2010 (ĠU L 274, p. 1).

 Id-deċiżjoni kkontestata

21      Wara li fakkret l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva (premessi 1 sa 17 tad-deċiżjoni kkontestata), il-kontenut tal-miżura kkontestata (premessi 18 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll il-kummenti u l-proposti magħmula mill-awtoritajiet Franċiżi (premessi 38 sa 114 ta’ din l-istess deċiżjoni), il-Kummissjoni pproċediet għall-investigazzjoni fil-veru sens tal-kelma dwar jekk kienx hemm, l-ewwel nett, garanzija illimitata tal-Istat Franċiż favur La Poste (premessi 116 sa 255 tad-deċiżjoni kkontestata) u, it-tieni nett, vantaġġ selettiv li jirriżulta minn din l-istess garanzija (premessi 256 sa 300 tad-deċiżjoni kkontestata) li jista’ jwasal għal distorzjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ (premessa 301 ta’ din l-istess deċiżjoni) skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

22      L-ewwel nett, fir-rigward tal-eżistenza, f’dan il-każ ta’ garanzija illimitata, il-Kummissjoni, wara li eżaminat id-diversi argumenti mressqa mill-awtoritajiet Franċiżi, wasslet għall-konklużjoni li La Poste kienet tibbenefika minn tali garanzija tal-Istat Franċiż minħabba ċerti karatteristiċi li kienu intrinsikament marbuta mal-istatus tagħha ta’ entità pubblika (ara, b’mod partikolari, il-premessi 251 sa 253 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, din il-garanzija mhux biss tinduċi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat skont il-punt 2.1, tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 [KE] u 88 [KE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-2008”) (premessa 254 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda hija attribwibbli lill-Istat (ara l-premessa 255 tal-imsemmija deċiżjoni).

23      Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ garanzija illimitata tal-Istat Franċiż favur EPIK, il-Kummissjoni tenfasizza, b’mod preliminari, li La Poste ma kinitx suġġetta għad-dritt ġenerali dwar l-amministrazzjoni u l-stralċ mill-qorti ta’ impriżi f’diffikultà u li, skont ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 1.2 tal-Avviż tal-2008, il-kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli miksuba mill-impriżi li l-istatus legali tagħhom jeskludi l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ falliment jew ta’ insolvenza huma meqjusa bħala għajnuna fil-forma ta’ garanzija. Filwaqt li osservat li l-awtoritajiet Franċiżi kkontestaw il-konklużjoni li n-nuqqas ta’ applikazzjoni fir-rigward ta’ La Poste tad-dritt ġenerali fil-qasam tal-amministrazzjoni u tal-istralċ ta’ impriżi seta’ jiġi assimilat ma’ mekkaniżmu ta’ garanzija Statali favur tagħha, kemm fir-rigward tar-rimbors tal-kredituri tagħha kif ukoll fir-rigward taż-żamma tal-eżistenza tagħha fil-każ li hija ssib ruħha f’sitwazzjoni ta’ insolvenza, il-Kummissjoni eżaminat l-argumenti kollha mressqa minn dawn l-awtoritajiet (ara l-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      L-ewwel nett hija tirrileva li, kuntrarjament għal dak li ġie sostnut mill-awtoritajiet Franċiżi, id-dritt Franċiż ma kienx jeskludi l-eżistenza ta’ garanziji impliċiti u, b’mod iktar partikolari, ta’ garanzija tal-Istat favur EPIK, fatt li, fost elementi oħra, huwa kkonfermat minn nota tal-Conseil d’État Franċiż (iktar ’il quddiem il-“Conseil d’État ”) redatta fl-1995 fil-kuntest tal-kawża magħrufa bħala tal-“Crédit Lyonnais”) (ara l-premessi 120 sa 147 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Meta eżaminat, sussegwentement, il-passi ta’ kreditur ta’ La Poste għandu jieħu bil-għan li jitħallas il-kreditu tiegħu fil-każ li La Poste tkun f’diffikultà finanzjarja u ma tkunx tista’ tonora d-djun tagħha, hija kkonkludiet li:

–        l-ostakoli tradizzjonali li jipprekludu l-ħlas ta’ dejn ta’ korp irregolat mid-dritt privat ma japplikawx fir-rigward ta’ entitajiet pubbliċi (premessi 150 sa 155 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-proċedura ta’ rkupru tad-djun ta’ entitajiet pubbliċi kkundannati permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja stabbilita mil-Liġi Nru 80-539 fl-ebda każ ma kienet twassal sabiex id-dejn jiġi estint (premessi 256 sa 184 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        is-sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat fl-implementazzjoni tal-proċedura ta’ rkupru tad-djun tal-entitajiet pubbliċi kienet tippreżenta l-karatteristiċi kollha ta’ mekkaniżmu ta’ garanzija (premessi 185 sa 226 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        anki jekk ma jiksibx sodisfazzjon, il-kreditur ta’ entità pubblika seta’, skont it-teorija tal-apparenza, jinvoka l-effetti ta’ żball leġittimu li huwa kien wettaq meta sar id-dejn fir-rigward tal-fatt li dan dejjem kien ser ikun onorat (premessi 227 sa 229 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Fl-aħħar, il-Kummissjoni qieset li, anki jekk, f’terminu raġonevoli u wara l-użu tal-proċeduri ta’ rkupru li hija kienet iddeskriviet fil-premessi 150 sa 229 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kreditur ta’ entità pubblika ma jirnexxilux jikseb il-ħlas tad-dejn tiegħu, huwa xorta kellu l-garanzija li dan ma kienx ser jiġi estint, peress li, skontha, id-drittijiet u l-obbligi tal-entitajiet pubbliċi kienu dejjem ittrasferiti lill-Istat jew lil persuna ġuridika oħra rregolata mid-dritt pubbliku (premessi 230 sa 250 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      It-tieni nett, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli miksuba minn La Poste minħabba din il-garanzija illimitata kienu jikkostitwixxu vantaġġ (premessi 257 sa 229 tad-deċiżjoni kkontestata) ta’ natura selettiva (premessa 300 tad-deċiżjoni kkontestata), li jista’ jwassal għal distorzjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (premessa 301 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-eżistenza ta’ vantaġġ, il-Kummissjoni l-ewwel nett qieset li l-garanzija kkontestata kienet element essenzjali tal-għajnuna mill-Istat, li permezz tiegħu La Poste kienet tibbenefika minn kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli minn dawk li hija kienet tikseb li kieku hija kienet ġiet ikkunsidrata fuq il-merti tagħha biss. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat li l-kundizzjonijiet ta’ kreditu kienu b’mod partikolari stabbiliti abbażi tal-klassifikazzjoni finanzjarja (ara l-premessa 257 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, skont il-Kummissjoni, minn ċertu numru ta’ analiżi u ta’ metodoloġiji tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni jirriżulta li l-garanzija inkwistjoni, inkwantu element essenzjali tal-għajnuna mill-Istat favur La Poste, tinfluwenza b’mod pożittiv il-klassifikazzjoni finanzjarja ta’ din tal-aħħar u, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet ta’ kreditu li hija tista’ tikseb (premessi 258 sa 293 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni kkunsidrat li hija ma kellhiex turi, f’dan il-każ, l-effetti konkreti li din il-garanzija kellha fil-passat (premessa 298 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija ppreċiżat ukoll li, fid-dawl tan-natura illimitata tal-garanzija, ma kienx possibbli, f’dan il-każ, li jiġi kkalkolat l-ammont tal-primjum tas-suq li La Poste kellha suppost tħallas lill-Istat, fatt li renda inapplikabbli l-mekkaniżmu ta’ retroċessjoni propost mill-awtoritajiet Franċiżi (premessa 299 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      Il-Kummissjoni, definittivament, ikkonkludiet li peress li l-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE kienu ssodisfatti, il-garanzija kkontestata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont din id-dispożizzjoni (premessa 302 tad-deċiżjoni kkontestata) u li, anki emendata fis-sens issuġġerit mill-awtoritajiet Franċiżi din ma kinitx tissodisfa ebda waħda mill-kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni (premessi 303 sa 315 tal-imsemmija deċiżjoni).

30      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi kif ġej:

“L-ewwel Artikolu

Il-garanzija mingħajr limitu mogħtija minn Franza lil La Poste tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li mhijiex kompatibbli mas-suq intern. Franza għandha tneħħi din l-għajnuna sa mhux aktar tard mill- 31 ta’ Marzu 2010.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-trasformazzjoni effettiva ta’ La Poste f’kumpanija b’responsabbiltà limitata tneħħi b’hekk il-garanzija mingħajr limitu li hija tgawdi. It-tneħħija effettiva ta’ din il-garanzija mingħajr limitu sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2010 tikkostitwixxi miżura xierqa biex tiġi eliminata, skont il-liġi tal-Unjoni, l-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-ewwel Artikolu.

Artikolu 3

Fix-xahrejn ta’ wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni, Franza għandha tibgħat lill-Kummissjoni deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati sabiex tikkonforma ma’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ April 2010, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat dan ir-rikors.

32      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-19 ta’ Marzu 2012.

33      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

35      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ssostni li dan ir-rikors huwa inammissibbli, minħabba li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkawżax preġudizzju lir-Repubblika Franċiża. Hija essenzjalment issostni li din id-deċiżjoni, li tikkonċerna għajnuna eżistenti li l-awtoritajiet nazzjonali, għal raġunijiet tagħhom stess, iddeċiedew li jħassru, ma tipproduċix effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-Repubblika Franċiża. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li kull rikorrent, inkluż Stat Membru, għandu jistabbilixxi li d-deċiżjoni kkontestata għandha effett negattiv u kkaratterizzat fuq interessi veri u eżistenti, prova li f’dan il-każ hija nieqsa.

36      Il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-kunċett ta’ interess ġuridiku jirreferi għan-neċessità li kull persuna fiżika jew ġuridika li ppreżentat rikors għal annullament tiġġustifika li hija għandha interess eżistenti u attwali li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippresupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali jew, fi kliem ieħor, li r-rikors jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu. Għaldaqstant, att li jagħti sodisfazzjon totali lil din il-persuna ma jistax, min-natura tiegħu stess, jikkawżalha preġudizzju, u din il-persuna ma għandhiex interess li titlob l-annullament tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑354/05, Ġabra p. II‑471, punti 84 u 85, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Għandu jiġi enfasizzat li, l-istess bħall-Artikolu 230 KE, l-Artikolu 263 TFUE jagħmel distinzjoni ċara bejn, minn naħa, id-dritt tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jippreżentaw rikors għal annullament, u min-naħa l-oħra, dak tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, peress li t-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jagħti b’mod partikolari lil kull Stat Membru d-dritt li jikkontesta, permezz ta’ rikors għal annullament, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, mingħajr ma l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma huwa kkundizzjonat mill-ġustifikazzjoni ta’ interess ġuridiku. Għaldaqstant, Stat Membru ma għandux juri kif att tal-Kummissjoni li huwa jikkontesta jipproduċi effetti legali fir-rigward tiegħu sabiex ir-rikors tiegħu jkun ammissibbli. Madankollu, sabiex att tal-Kummissjoni jkun jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, huwa neċessarju li dan ikun intiż sabiex jipproduċi effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-27 ta’ Novembru 2001, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑208/99, Ġabra p. I‑9183, punti 22 sa 24, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, Ġabra p. I‑9639, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata), fatt li għandu jiġi ddeterminat billi jsir riferiment għas-sustanza tiegħu.

38      F’dan il-każ, ma jistax jiġi miċħud li d-deċiżjoni kkontestata, li tikkonkludi li hemm għajnuna mill-Istat favur La Poste fil-forma ta’ garanzija illimitata u tiddikjaraha inkompatibbli mas-suq komuni, hija neċessarjament intiża sabiex tipproduċi effetti legali vinkolanti u tikkostitwixxi, għaldaqstant, att li jista’ jiġi kkontestata skont l-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑279/08 P, Ġabra p. I‑7671, punti 35 sa 42).

39      Ebda wieħed mill-elementi u mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni ma jista’ jinvalida din il-konklużjoni.

40      L-ewwel nett, għalkemm huwa veru li, hekk kif invokat il-Kummissjoni, il-Gvern Franċiż, għal raġunijiet tiegħu stess u mingħajr ebda pressjoni mill-Kummissjoni, iddeċieda, hekk kif juru stqarrija għall-istampa tal-Gvern Franċiż tad-29 ta’ Lulju 2009 u abbozz ta’ liġi tal-istess ġurnata bil-għan tat-trasformazzjoni ta’ La Poste f’kumpannija b’responsabbiltà limitata (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), li jħassar il-miżura kklassifikata bħala għajnuna eżistenti mid-deċiżjoni kkontestata diversi xhur qabel l-adozzjoni ta’ din tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li r-Repubblika Franċiża kienet legalment marbuta teżegwixxi d-deċiżjoni kkontestata, deċiżjoni li l-adozzjoni tagħha tippreċedi t-trasformazzjoni tal-istatus ta’ La Poste f’kumpannija b’responsabbiltà limitata. Il-fatt, invokat mill-Kummissjoni, li seta’ kien hemm, fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, konverġenza bejn l-interessi sostnuti mill-Kummissjoni u dawk tar-Repubblika Franċiża ma jistax jimpedixxi lil din tal-aħħar milli tippreżenta rikors għal annullament intiż kontra din l-istess deċiżjoni. Hekk kif ġustament enfasizzat ir-Repubblika Franċiża, tali approċċ, li jwassal sabiex l-Istati Membri jiġu ppenalizzati skont jekk huma setgħux jew le jsibu interess speċifiku sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, huwa eminentement suġġettiv. Issa, l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk att partikolari jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, inkwantu dan jipproduċi jew huwa intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni oġġettiva tas-sustanza ta’ dan l-att.

41      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument mressaq mill-Kummissjoni li jgħid li bl-ebda mod ma ġie stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata kellha effett negattiv u kkaratterizzat fuq l-interessi veri eżistenti tar-Repubblika Franċiża, dan fir-realtà jikkonċerna l-problema tal-eżistenza ta’ interess ġuridiku, kwistjoni li ma tistax tiġi konfuża mal-kunċett ta’ att li jista’ jiġi kkontestat u li, hekk kif imfakkar fil-punt 37 iktar ’il fuq, ma għandhiex tiġi eżaminata fil-kuntest tar-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-Istati Membri.

42      It-tielet nett, il-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni hija irrilevanti f’dan il-każ.

43      Fir-rigward, qabel kollox, tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Ġunju 2000, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni (C‑147/96, Ġabra p. I‑4723), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-raġuni li kienet wasslet sabiex ir-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli kienet tinsab fil-fatt li l-ittra kkontestata kienet biss ta’ natura preparatorja u, għaldaqstant, ma setgħetx tipproduċi effetti legali u lanqas ma kienet intiża tipproduċi tali effetti. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonkludiet li din l-ittra ma kinitx tikkostitwixxi deċiżjoni definittiva ta’ natura li tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara l-punt 35 ta’ din is-sentenza).

44      Sussegwentement, fir-rigward tas-soluzzjoni stabbilita fid-digriet Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, din kienet ibbażata fuq il-fatt li l-Istat Membru rikorrenti kien talab l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati biss sa fejn huwa kien indikat fihom bħala destinatarju. Issa, enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-indikazzjoni ma kellha manifestament ebda effett ġuridiku separat. Għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ħadet ħsieb tfakkar li, sabiex att tal-Kummissjoni jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, kien neċessarju li dan kien intiż sabiex jipproduċi effetti ġuridiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-27 ta’ Settembru 1988, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, 114/86, Ġabra p. 5289, punt 12 ; tal-20 ta’ Marzu 1997, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑57/95, Ġabra p. I‑1627, punt 7, u tas-6 ta’ April 2000, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑443/97, Ġabra p. I‑2415, punti 27 u 28), anki jekk, meta Stat Membru ried jippreżenta tali rikors, dawn l-effetti ma kellhomx jipproduċu ruħhom “fir-rigward stess ta’ dan l-Istat” (punt 24 tas-sentenza).

45      Fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Ġunju 2002, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑242/00, Ġabra p. I‑5603), din tikkonċerna s-sitwazzjoni partikolari fejn kemm il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-kuntest li fih din kienet ġiet adottata kienu jindikaw li din id-deċiżjoni ma kellha la bħala suġġett u lanqas bħala effett li tiċħad impliċitament talba tal-Istat Membru kkonċernat (ara l-punt 45 tas-sentenza). Għaldaqstant, din il-ġurisprudenza bl-ebda mod ma ssostni l-pożizzjoni sostnuta mill-Kummissjoni.

46      L-istess japplika għall-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Jannar 2002, Nuove Industrie Molisane vs Il‑Kummissjoni (T‑212/00, Ġabra p. II‑347), li fil-kuntest tagħha ġie miċħud, minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku, ir-rikors ippreżentat mill-impriża benefiċjarja, jiġifieri persuna u mhux Stat Membru, ta’ għajnuna nnotifikata minħabba li din tal-aħħar kienet ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni u minħabba li, barra minn hekk, l-evalwazzjoni ta’ din il-kompatibbiltà, ma kienet, b’ebda mod, affettwat l-interessi ta’ din l-impriża.

47      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma wkoll validi fir-rigward tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-18 ta’ Marzu 2010, Centre de coordination Carrefour vs Il‑Kummissjoni (T‑94/08, Ġabra p. II‑1015) u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (T‑189/08, Ġabra p. II‑1039), li jiddikjaraw inammissibbli, minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku, rikorsi ppreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

48      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, u mingħajr ma hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-għan imfittex mir-Repubblika Franċiża, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, huwiex li jinkiseb l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkostitwixxi preċedent fl-eżami tal-istatus ta’ EPIK oħrajn, dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq il-mertu

49      Ir-Repubblika Franċiża tqajjem tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi inkwantu l-Kummissjoni ma stabbilixxietx kif meħtieġ mil-liġi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt billi qieset li La Poste, minħabba l-istatus ta’ EPIK tagħha, kienet tibbenefika minn garanzija impliċita u illimitata tad-djun tagħha mill-Istat. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-ineżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

50      L-Artikolu 107(1) TFUE jipprovdi li “[ħ]lief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

51      Skont ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 1.2 tal-Avviż tal-2008, “[i]l-Kummissjoni tikkunsidra […] bħala għajnuna fil-forma ta’ garanzija t-termini ta’ finanzjament aktar favorevoli akkwistati minn intrapriżi li l-forma legali tagħhom teskludi proċeduri ta’ falliment jew proċeduri oħra ta’ insolvenza”.

52      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha previsti f’din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti. L-ewwel nett, irid ikun hemm intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu billi jiffavorixxi lil ċerti impriżi jew lil ċerti produtturi. Ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, punti 74 u 75, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-22 ta’ Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il‑Kummissjoni, T‑34/02, Ġabra p. II‑267, punt 110).

53      L-ewwel nett, jidher li l-motivi mressqa insostenn ta’ dan ir-rikors huma essenzjalment intiżi sabiex juru li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm vantaġġ favur La Poste, vantaġġ li jirriżulta minn garanzija Statali ta’ natura impliċita u illimitata u li l-eżistenza tagħha hija wkoll iddubitata. Dawn il-motivi huma essenzjalment relatati mad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ.

54      Għalkemm ir-Repubblika Franċiża, fl-istadju tar-replika, ikkontestat ukoll il-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma jikkostitwixxix l-estenzjoni ta’ motiv imressaq preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li għandu rabta mill-qrib miegħu. Fil-fatt dan l-argument huwa relatat ma’ kundizzjoni oħra għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-4 ta’ Marzu 2009, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑424/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 103 sa 105).

55      Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni dwar it-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat għandu jiġi ddikjarat inammissibbli skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artkolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li minnhom jirriżulta li r-rikors promotur għandu jinkludi, b’mod partikolari, sunt tal-motivi invokati u li t-tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża huwa pprojbit sakemm dawn il-motivi ma humiex ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura (ara, s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-19 ta’ Settembru 2000, Dürbeck vs Il‑Kummissjoni, T‑252/97, Ġabra p. II‑3031, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      F’dan il-każ, la huwa stabbilit u lanqas allegat li l-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat huwa bbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura. Anki jekk kellu jitqies li għandu jiġi kkunsidrat li t-tressiq tardiv ta’ dan il-motiv huwa spjegat mill-għoti, wara l-preżentata tar-rikors, tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-21 ta’ Mejju 2010, Franza et vs Il‑Kummissjoni (T‑425/04, T‑444/04, T‑450/04 u T‑456/04, Ġabra. p. II‑2099), li għaliha tirreferi l-Kummissjoni fir-replika tagħha, din is-sentenza ma tistax tiġi kklassifikata bħala element ġdid ta’ natura li jiġġustifika t-tressiq tardiv ta’ dan l-argument. Fil-fatt, sentenza tal-Qorti tal-Unjoni li sempliċement ikkonfermat kundizzjoni ta’ liġi li kienet, bħala prinċipju, magħrufa mir-rikorrent meta ppreżenta r-rikors tiegħu ma tistax titqies bħala element ġdid li jippermetti t-tressiq ta’ motiv ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ April 1982, Dürbeck vs Il‑Kummissjoni, 11/81, Ġabra p. 1251, punt 17, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Diċembru 1996, Atlanta et vs KE, T‑521/93, Ġabra p. II‑1707, punt 39).

57      Meta ġiet mistoqsija fuq dan il-punt matul is-seduta, ir-Repubblika Franċiża ammettiet li l-argument tagħha kien jikkonċerna biss il-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fatt li ttieħdet nota tiegħu fil-proċess verbali tas-seduta.

58      It-tieni nett, fir-rigward tal-portata u tan-natura tal-istħarriġ ġudizzjarju, qabel kollox, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif iddefinit fit-Trattat, għandu natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju u fid-dawl kemm tal-elementi konkreti tal-kawża mressqa quddiemha kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il‑Kummissjoni, C‑83/98 P, Ġabra p. I–3271, punt 25, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10515, punt 111).

59      Sussegwentement, għandu jiġi speċifikat li l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata abbażi tal-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ kellha fil-mument meta hija adottat din id-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 16, u tal-14 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑276/02, Ġabra p. I‑8091, punt 31). Minn dan b’mod partikolari jirriżulta li, peress li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat għandu jiġi applikat għal sitwazzjoni oġġettiva evalwata fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha, huma l-evalwazzjonijiet magħmula f’din id-data li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jitwettaq dan l-istħarriġ ġudizzjarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punt 144).

60      Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li tibda tittratta r-rikors permezz tal-eżami tat-tieni motiv

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ garanzija illimitata favur La Poste

61      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika Franċiża tallega li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fl-eżami tagħha tal-kwistjoni dwar jekk kienx hemm garanzija illimitata u impliċita tal-Istat favur La Poste. Dan il-motiv jinqasam f’erba’ partijiet ibbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji, rispettivament:

–        inkwantu hija kkonkludiet li, fid-dritt Franċiż, kien jeżisti prinċipju ta’ garanzija tal-Istat impliċita li tirriżulta mill-istatus ta’ EPIK;

–        fid-determinazzjoni tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu min-nuqqas ta’ applikabbiltà fir-rigward tal-EPIK tal-proċeduri ta’ amministrazzjoni u stralċ mill-qorti previsti fid-dritt ġenerali;

–        billi assimilat il-kundizzjonjiet tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat ma’ mekkaniżmu ta’ garanzija awtomatika u illimitata tal-passiv ta’ La Poste;

–        fid-determinazzjoni tal-konsegwenzi ta’ trasferimenti eventwali tal-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ EPIK xolta.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball tal-Kummissjoni inkwantu hija kkonkludiet li, fid-dritt Franċiż, kienet teżisti garanzija tal-Istat impliċita li tirriżulta mill-istatus ta’ EPIK

62      Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball inkwantu hija kkonkludiet li, fid-dritt Franċiż, kienet teżisti garanzija tal-Istat, impliċita u illimitata, mogħtija lill-EPIK

63      Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-Repubblika Franċiża essenzjalment issostni, l-ewwel nett, li l-ġurisprudenza tal-Conseil d’État teskludi l-prinċipju stess ta’ tali garanzija, it-tieni nett, li s-silta tar-rapport annwali tal-Conseil d’État tal-1995 li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqha ma hijiex ta’ portata ġenerali u vinkolanti, fid-dawl b’mod partikolari ta’ opinjoni tal-Conseil d’État mogħtija fit-8 ta’ Settembru 2005, it-tielet nett, li d-dritt Franċiż dwar il-finanzi pubbliċi jeskludi, bħala prinċipju, kull kunċett ta’ “garanzija impliċita” u, ir-raba’ nett, li ma jeżistux miżuri ta’ natura li jipproteġu d-drittijiet tal-kredituri ta’ EPIK f’każ li l-istatus ta’ din tal-aħħar jinbidel.

64      F’dan il-każ, id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ garanzija Statali illimitata timplika eżami preċiż u ddettaljat tal-mekkaniżmi implementati mid-dritt Franċiż fil-każ li EPIK bħal La Poste ma tissodisfax l-obbligi tagħha fir-rigward tal-kredituri tagħha.

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kontenzjuż tal-għajnuna mill-Istat, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi taqa’ taħt id-diskrezzjoni totali tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, il-kwistjoni dwar jekk u sa fejn regola tad-dritt nazzjonali hija applikabbli jew le għall-każ inkwistjoni taqa’ taħt l-evalwazzjoni fattwali tal-qorti u hija suġġetta għar-regoli dwar il-produzzjoni tal-prova u dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova.

66      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jista’ jissuġġerixxi l-argument żviluppat mir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni ma kkonkludietx li, fid-dritt Franċiż, kien jeżisti prinċipju ta’ garanzija impliċita tal-Istat billi bbażat ruħha essenzjalment fuq silta minn rapport tal-Conseil d’État. Mid-deċiżjoni kkontestata bla dubju ta’ xejn jirriżulta li, sabiex tistabbilixxi li kienet teżisti garanzija Statali favur La Poste, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, eżaminat il-punt dwar jekk, hekk kif sostnew l-awtoritajiet Franċiżi, tali garanzija kinitx eskluża mid-dritt Franċiż (ara l-premessi 120 sa 136 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kkonkludiet li t-testi u l-ġurisprudenza ma kinux jippermettu li jiġi affermat li d-dritt Franċiż kien jeskludi li l-Istat jista’ jkun garanti għall-EPIK fir-rigward tal-impenji li huma kienu ħadu fir-rigward ta’ terzi.

67      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata.

68      L-ewwel nett, fir-rigward tal-punt dwar jekk il-ġurisprudenza tal-Conseil d’État teskludix il-prinċipju stess ta’ garanzija tal-Istat favur entitajiet pubbliċi, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet jirriżulta li dawn tal-aħħar ma jaqblux, essenzjalment, fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza tal-Conseil d’État (Assemblée) tal-1 ta’ April 1938, Sociétés de l’Hôtel d’Albe (Ġabra ta’ deċiżjonijiet tal-Conseil d’État, p. 341).

69      Mill-kliem ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Conseil d’État irrifjuta li jilqa’ t-talba ta’ kreditur ta’ EPIK indirizzata direttament lid-dipartimenti tal-Istat, billi indika li dan tal-aħħar ma jistax jinżamm responsabbli sabiex iħallas id-djun ta’ din l-entità. Issa, hekk kif ġustament semmiet il-Kummissjoni fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza hija differenti ħafna minn dik fejn EPIK tinsab fi stat ta’ insolvenza, li huwa l-uniku rilevanti għall-finijiet li jiġi eżaminat jekk il-garanzija tal-Istat tistax tiġi attwata. Il-fatt li, skont din is-sentenza, l-entitajiet pubbliċi, skont id-dritt Franċiż, għandhom personalità ġuridika u awtonomija finanzjarja mhux neċessarjament jimplika li l-Istat ma jistax ikun il-garanti, aħħari, għal dawn l-entitajiet. Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni kkonkludiet li mill-ġurisprudenza ma setax jiġi dedott li l-prinċipju stess ta’ garanzija tal-Istat favur EPIK kien eskluż.

70      It-tieni nett, ir-Repubblika Franċiża ssostni li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq frażi misluta mir-rapport annwali tal-Conseil d’État tal-1995, filwaqt li l-portata u l-valur vinkolanti ta’ dan ir-rapport huma dubjużi.

71      Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ għal diversi raġunijiet. Qabel kollox, u hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni, is-silta li tirreferi għaliha l-Kummissjoni (ara l-premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata), li hija stess irriżultat minn nota redatta fl-1995 fl-okkażjoni tal-ħolqien ta’ entità pubblika intiża sabiex isservi ta’ sostenn għall-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Istat Franċiż bil-għan tar-riorganizzazzjoni ta’ Crédit Lyonnais, huwa redatt fi kliem ċar. Minn dan fil-fatt jirriżulta li l-Conseil d’État b’mod ċar indika li “l-garanzija tal-Istat għal din l-entità tirriżulta, mingħajr dispożizzjoni leġiżlattiva espliċita, min-natura stess ta’ entità pubblika”. Barra minn hekk, is-silta misluta minn dan ir-rapport tikkostitwixxi biss wieħed mill-elementi konkreti prodotti mill-Kummissjoni bil-għan li turi l-eżistenza ta’ garanzija tal-Istat. B’mod partikolari mill-premessi 146 u 147 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni semmiet, insostenn tal-pożizzjoni tagħha, nota tal-Ministru tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Industrija Franċiż, tat-22 ta’ Lulju 2003, li għandha bħala suġġett “l-elenkar tal-garanziji impliċiti jew espliċiti”, kif ukoll id-dokumenti li kienu annessi magħha. Kuntrarjament għall-interpretazzjoni sostnuta mir-Repubblika Franċiża, jirriżulta li din in-nota ma tirrigwardax biss l-ipoteżi fejn ir-responsabbiltà tal-Istat Franċiż tista’ tiġi stabbilità fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist, b’mod partikolari abbażi ta’ azzjoni sabiex jiġi kkumpensat il-passiv, peress li din tirreferi b’mod espliċitu, fin-nota ta’ spjega tagħha, għall-ħolqien tal-entitajiet pubbliċi. Fl-aħħar, l-opinjoni tal-Conseil d’État, tat-8 ta’ Settembru 2005, ma kinitx ta’ natura li tinvalida l-konklużjoni li l-Kummissjoni kienet wasslet għaliha. Hekk kif parzjalment irrikonoxxiet ir-Repubblika Franċiża, din l-opinjoni, mogħtija fir-rigward tal-istabbiliment tal-Kummissjoni ta’ kontroll tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni, tal-korpi ta’ previdenza soċjali u tal-istituzzjonijiet ta’ previdenza (CCAMIP), filwaqt li tfakkar il-prinċipju li jgħid li kull persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku għandha tassumi l-konsegwenzi tal-azzjonijiet sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà li jistgħu jitressqu kontriha, ma teskludix immedjatament li tista’ teżisti garanzija tal-Istat li tista’ tiġi attwata fil-każ ta’ insolvenza ta’ entità pubblika.

72      It-tielet nett, ir-Repubblika Franċiża tallega li, wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi organika tal-1 ta’ Awwissu 2001 dwar il-Liġijiet tal-Finanzi (LOLF), ebda garanzija jew assunzjoni ta’ djun ta’ terz mill-Istat ma tista’ tiġi implementata fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tal-Liġi tal-Finanzi.

73      Dan it-teħid ta’ pożizzjoni ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, mid-Deċiżjoni tal-Conseil constitutionnel Nru 2001‑448 DC, tal-25 ta’ Lulju 2001 (Ġabra ta’ deċiżjonijiet tal-Conseil constitutionnel, p. 99), jirriżulta li l-Artikolu 61 tal-LOLF “huwa intiż sabiex jiġi żgurat li l-Parlament jiġi informat dwar il-garanziji mogħtija mill-Istat u mhux sabiex jiddikjara d-dekadenza ta’ dawk li, mogħtija fil-passat, ma kinux ġew awtorizzati fit-termini previsti”. Fin-nuqqas ta’ preċiżjoni dwar in-natura tal-garanziji li għalihom jirreferi l-Conseil constitutionnel f’din id-deċiżjoni, xejn ma kien jippermetti li jiġi konkluż li l-garanziji impliċiti li jkopru djun eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tal-LOLF (jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2005) ukoll kienu dekaduti. F’dan ir-rigward, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni indikat, fil-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-garanzija impliċita mogħtija mill-Istat lil La Poste saritx dekaduta minħabba l-LOLF jew le, kellu jsir riferiment għad-data li fiha La Poste bdiet tibbenefika minn din il-garanzija u mhux għad-dati li fihom La Poste kkuntrattat id-djun.

74      Għalkemm, hekk kif enfasizzat ir-Repubblika Franċiża, l-espert maħtur mill-awtoritajiet Franċiżi esprima dubji dwar jekk il-motivi li wasslu lill-Conseil constitutionnel sabiex jeskludi d-dekadenza tal-garanziji li kienu ngħataw mingħajr awtorizzazzjoni ta’ LOLF kinux validi kemm fir-rigward tal-krediti impliċiti kif ukoll fir-rigward tal-krediti espliċiti, din l-interpretazzjoni ma għandha ebda bażi solida fil-kliem tad-deċiżjoni tal-Conseil constitutionnel. Barra minn hekk, huwa korrettament li l-Kummissjoni indikat, fil-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kinitx marbuta bil-kwalifika fid-dritt Franċiż tal-miżura inkwistjoni bħala garanzija, u lanqas bil-fatt li din hija garanzija li taqa’ taħt l-LOLF.

75      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li n-nuqqas ta’ miżuri intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-kredituri ta’ EPIK fil-każ li dawn tal-aħħar ibiddlu l-istatus tagħhom, kif kien il-każ fil-każ tat-trasformazzjoni ta’ France Télécom, Gaz de France, Électricité de France u ta’ Aéroports de Paris f’kumpanniji b’responsabbiltà limitata, jikkostitwixxi indikazzjoni tan-nuqqas ta’ xi garanzija, dan lanqas ma huwa konvinċenti.

76      Il-fatt li l-Istat Franċiż kien iddeċieda li jagħti garanziji espliċiti f’ċerti każijiet ma jipprovax li l-għoti ta’ garanzija impliċita kienet ġiet eskluża f’dan il-każ. Barra minn hekk, il-fatt li, hekk kif jirriżulta minn diversi deċiżjonijiet tal-Conseil constitutionnel, id-dritt ta’ kreditu huwa protett kostituzjonalment fid-dritt Franċiż bl-istess mod bħad-dritt ta’ proprjetà ma huwiex ta’ natura li jinvalida din il-konklużjoni. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Conseil constitutionnel iċċitata mir-Repubblika Franċiża ma tifformax parti mill-elementi prodotti lill-Kummissjoni u, għaldaqstant, li hija kellha fil-mument li fih hija adottat id-deċiżjoni kkontestata. Minn dan jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 59 iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza tal-Conseil constitutionnel relatata mal-protezzjoni tad-dritt ta’ kreditu ma tifformax parti mill-elementi li fir-rigward tagħhom kellha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

77      Fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-Repubblika Franċiża, fir-replika tagħha, għar-rapport ta’ studju tal-Conseil d’État dwar l-entitajiet pubbliċi, adottat mis-Seduta Plenarja tal-Conseil d’État fil-15 ta’ Ottubru 2009 u li jgħid li “l-eżistenza stess ta’ garanzija mogħtija mill-Istat lill-entitajiet pubbliċi hija diskutibbli ħafna”, kif ukoll għal artiklu akkademiku ppubblikat fit-28 ta’ Ġunju 2010 wara dan ir-rapport, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-pubblikazzjonijiet, anki jekk jitqies li jistgħu jiġu invokati fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, ma jinkludu ebda element ġdid li huwa direttament rilevanti sabiex tittieħed deċiżjoni fuq il-punt dwar jekk id-dritt Franċiż jeskludix, bħala prinċipju, l-eżistenza ta’ garanzija impliċita tal-Istat favur EPIK. Fil-fatt, f’dan ir-rapport ta’ studju, il-Conseil d’État illimita ruħu li jindika evalwazzjonijiet ta’ natura ġenerali dwar il-possibbiltà li tinsab, fil-ġurisprudenza tal-Unjoni, l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat “abbażi ta’ elementi statutorji biss”. Huma hu jiddeċiedu dwar il-punt dwar jekk id-dritt tal-kompetizzjoni kienx jikkontesta l-eżistenza ta’ entitajiet pubbliċi, l-awturi ta’ dan ir-rapport illimitaw ruħhom li jindikaw li kellu “jiġi rrelattivizzat ir-riskju li r-relazzjonijiet bejn l-Istat u l-entitajiet pubbliċi tiegħu jaqgħu b’mod sistematiku taħt il-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87[KE]”. Fir-rigward tal-artiklu akkademiku tat-28 ta’ Ġunju 2010, dan jikkonċerna diskussjoni mibdija wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport ta’ studju dwar il-futur tal-entitajiet li għandhom l-istatus ta’ entità pubblika, b’mod partikolari, iżda mhux esklużivament, mil-lat tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat. Issa, fir-rigward b’mod iktar preċiż ta’ dan l-aħħar aspett, għandu jiġi rrilevat li bl-ebda mod ma huwa indirizzat punt essenzjali tar-raġunament segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-konstatazzjoni li l-entitajiet li jibbenefikaw mill-istatus ta’ entità pubblika skont id-dritt pubbliku Franċiż ma jistgħux ikunu suġġetti għall-proċeduri ta’ insolvenza u ta’ falliment previsti fid-dritt ġenerali.

78      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li huwa mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni kkonkludiet li, kuntrarjament għal dak li sostnew l-awtoritajiet Franċiżi, id-dritt Franċiż ma kienx jeskludi l-possibbiltà għall-Istat li jagħti garanzija impliċita lill-EPIK. Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt u ta’ liġi dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu min-nuqqas ta’ applikabbiltà fir-rigward ta’ La Poste tal-proċeduri ta’ amministrazzjoni u stralċ mill-qorti previsti fid-dritt ġenerali

79      Ir-Repubblika Franċiża tqis li, kuntrarjament għall-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ applikabbiltà fir-rigward ta’ La Poste tal-proċeduri previsti fid-dritt ġenerali fil-qasam tal-amministrazzjoni u tal-istralċ mill-qorti, jiġifieri l-Liġi Nru 85-98, li tikkostitwixxi biss “liġi proċedurali”, ma jfissirx li La Poste ma tistax tfalli jew issib ruħha f’sitwazzjoni ta’ insolvenza. Ir-Repubblika Franċiża tenfasizza li proċeduri speċifiċi, li bl-ebda mod ma jiggarantixxu lill-kredituri li huma ser jirkupraw il-krediti kollha tagħhom, huma applikabbli fir-rigward tal-EPIK. B’mod partikolari, il-Liġi Nru 80‑539 u t-testi adottati għall-applikazzjoni tagħha, li l-għan ewlieni tagħhom kien li jiġu rregolati s-sitwazzjonjiet li fihom entitajiet pubbliċi, minkejja li jkunu solventi, jirrifjutaw li jonoraw ċerti djun, stabbilixxew sistema ta’ mezzi ta’ eżekuzzjoni, li tagħti lill-awtorità superviżorja s-setgħa li tissostitwixxi l-eżekuttiv ta’ entità pubblika b’mod li tillibera mill-baġit ta’ din l-entità l-“krediti neċessarji”, u mhux ir-riżorsi tal-Istat, bil-għan li jiġu ssodisfatti l-kredituri potenzjali. Madankollu, din il-liġi bl-ebda mod ma tagħti lill-Istat, li rwol tiegħu jista’ jiġi assimilat ma’ dak ta’ mandatarju ad hoc, id-dritt, u inqas u inqas l-obbligu, li jillibera riżorsi tal-Istat favur eventwali kredituri ta’ entitajiet pubbliċi. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta kemm mill-Opinjoni tal-Conseil d’État Nru 381/088, tal-25 ta’ Marzu 2008, kif ukoll mill-ġurisprudenza amministrattiva Franċiża. Fl-aħħar nett, l-eżistenza tal-programmi identifikati mill-Kummissjoni fil-premessi 174 sa 178 tad-deċiżjoni kkontestata, li jippermettu ħlasijiet bil-quddiem mill-Istat lil korpi distinti li jiġġestixxu servizzi pubbliċi, ma tistax tattesta l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ garanzija impliċita.

80      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-Liġi Nru 85-98 kienet teskludi l-entitajiet pubbliċi kollha u, b’mod partikolari l-EPIK, mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, li sar l-Artikolu L. 620-2 tal-Kodiċi Kummerċjali, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sal-1 ta’ Jannar 2006, “[l]-amministrazzjoni u l-istralċ mill-qorti huma applikabbli fir-rigward ta’ kull negozjant, ta’ kull persuna rreġistrata fl-indiċi tal-kummerċ, ta’ kull bidwi u ta’ kull persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat”. Id-dispożizzjoni korrispondenti fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi, fl-istess sens li “[l]-proċedura ta’ protezzjoni hija applikabbli fir-rigward ta’ kull persuna li teżerċità attività kummerċjali jew artiġjanali, fir-rigward ta’ kull bidwi, fir-rigward ta’ kull persuna fiżika oħra li teżerċità attività professjonali għal rasha, inkluża professjoni libera suġġetta għal statut leġiżlattiv jew regolamentari jew li t-titolu tagħha huwa protett, kif ukoll fir-rigward ta’ kull persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat”. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Cour de cassation Franċiża, li r-Repubblika Franċiża rreferiet għaliha fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jirriżulta li mit-testi jemana “li l-beni li ma humiex il-proprjetà ta’ entitajiet privati huma amministrati u ttrasferiti fil-forom u skont ir-regoli speċifiċi għalihom; li fir-rigward tal-beni li huma l-proprjetà ta’ entitajiet pubbliċi, anki dawk li jeżerċitaw attività industrijali u kummerċjali, il-prinċipju ta’ immunità mis-sekwestru ta’ dawn il-beni ma jippermettix li jintużaw il-mezzi ta’ eżekuzzjoni previsti fid-dritt privat; li huwa biss il-kreditur benefiċċjarju ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret res judicata u li tikkundanna lil entità pubblika tħallas, anki provviżorjament, somma flus, li għandu jimplementa r-regoli partikolari li rriżultaw mil-Liġi [Nru 80‑539]” [ara sentenza tal-Cour de cassation (première chambre civile) (L-Ewwel Awla Ċivili tal-Qorti tal-Kassazzjoni) tal-21 ta’ Diċembru 1987, Bureau de recherches géologiques et minières (BRGM) vs Sté Llyod continental, Bullettin tas-sentenzi tal-Cour de cassation I, Nru 348, p. 249].

81      Il-partijiet ma jaqblux min-naħa l-oħra fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu min-nuqqas ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-EPIK tal-proċeduri ta’ amministrazzjoni u stralċ previsti fid-dritt ġenerali bil-għan li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ garanzija Statali favur La Poste.

82      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, skont id-deċiżjoni kkontesta (ara l-premessi 118 u 119), il-Kummissjoni qieset li, sabiex jiġi stabbilit jekk kinitx teżisti garanzija fuq ir-rimbors tal-krediti individwali, kien neċessarju, wara eżami tat-testi u tal-ġurisprudenza nazzjonali (ara l-ewwel parti tat-tieni motiv iktar ’il fuq), li jiġi analizzat jekk il-proċedura segwita minn kreditur ta’ La Poste bil-għan li l-kreditu tiegħu jitħallas, fil-każ li din kellha ssib ruħha f’diffikultà finanzjarja, hijiex paragunabbli għal dik segwita minn kreditur ta’ impriża suġġetta għad-dritt Kummerċjali. Kuntrarjament għal dak li jagħti x’jifhem l-argument tar-Repubblika Franċiża, l-approċċ tal-Kummissjoni ma kienx intiż sabiex jiġi konkluż li EPIK, minħabba li ma kinitx suġġetta għall-applikazzjoni tad-dritt ġenerali tal-amministrazzjoni u tal-istralċ mill-qorti, ma setgħetx tfalli.

83      F’dan il-każ, il-Kummissjoni wasslet għall-konklużjoni li l-kredituri tal-EPIK kienu f’sitwazzjoni iktar favorevoli mill-kredituri privati minħabba li, kuntrarjament għal dak li kien jiġri fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt ġenerali dwar l-amministrazzjoni u l-istralċ mill-qorti, il-kreditur ta’ entità pubblika ma kienx ikollu r-riskju li l-kreditu tiegħu jiġi estint minħabba l-bidu ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti (ara l-premessa 150 tad-deċiżjoni kkontestata).

84      Din il-konklużjoni għandha tiġi approvata. Fil-fatt, hekk kif ammettiet ir-Repubblika Franċiża fir-rikors, il-Liġi Nru 80/539 tipprevedi mekkaniżmu differenti minn dak stabbilit mill-proċeduri ta’ amministrazzjoni u ta’ stralċ previst fid-dritt ġenerali. Din il-liġi u t-testi adottati għall-applikazzjoni tagħha jistabbilixxu proċedura ta’ rkupru ta’ kreditu li l-bidu tagħha, kuntrarjament għal proċedura ta’ stralċ skont id-dritt ġenerali, ma jwassalx għall-estinzjoni tal-krediti, iżda l-iktar għall-posponiment tal-ħlas tiegħu. Minħabba dan, il-kredituri ta’ entitajiet pubbliċi jinsabu neċessarjament f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik tal-kredituri ta’ persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi Nru 85-98, li l-krediti tagħhom jistgħu jiġu estinti fil-każ ta’ insuffiċjenza tal-attiv tal-persuna jew tal-entità debitriċi.

85      Hekk kif jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-proċeduri applikabbli fir-rigward tal-EPIK skont il-Liġi Nru 80-539 (ara, b’mod partikolari, il-premessi 23 sa 28 tad-deċiżjoni kkontestata), f’każ ta’ insuffiċjenza tal-attiv ta’ EPIK, jew il-ħlas tal-krediti huwa ddiferrit, jew l-awtorità ta’ superviżjoni kompetenti tillibera riżorsi sabiex tonora l-krediti. Minn dan jirriżulta li l-kredituri ta’ entitajiet pubbliċi jinsabu neċessarjament f’sitwazzjoni iktar favorevoli mill-kredituri tal-entitajiet privati.

86      Barra minn hekk, għalkemm, hekk kif irrilevat ir-Repubblika Franċiża, fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni (ara b’mod partikolari l-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Liġi Nru 80-539 ma tipprevedix espliċitament li l-Istat għandu l-obbligu li jillibera riżorsi Statali għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja skont l-Artikolu 1‑II ta’ din il-liġi, huwa mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni sostniet li, ladabra r-riżorsi stess tal-entità pubblika fin-nuqqas jiġu eżawriti, probabbilment jintużaw fondi Statali sabiex jiġu onorati d-djun tal-entità pubblika debitriċi.

87      F’dan ir-rigward, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ evawlazzjoni li l-Kummissjoni rreferiet, fil-premessi 174 sa 176 tad-deċiżjoni kkontestata, għal ċerti funzjonjiet u programmi finanzjarji bil-għan li tagħti prova tal-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat li jistgħu jintużaw f’każ ta’nuqqas tal-EPIK u, għaldaqstant, li tagħti indikazzjoni tal-effettività tal-garanzija impliċita tal-Istat favur dawn l-aħħar.

88      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-konklużjonijiet esposti fil-premessi 179 u 180 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-forma ta’ indizji tal-eżistenza ta’ garanzija Statali illimitata favur EPIK, dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Liġi Nru 80‑539 għandhom jiġu approvati.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball billi assimilat il-possibbiltajiet ta’ stabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat f’każ ta’ nuqqas ta’ EPIK għal mekkaniżmu ta’ garanzija awtomatika u illimitata tal-passiv

89      Permezz tat-tielet parti tat-tieni motiv, ir-Repubblika Franċiża ssostni li, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni, il-kredituri ta’ La Poste ma jistgħux jistennew sistematikament li r-responsabbiltà tal-Istat tiġi stabbilita f’każ ta’ nuqqas min-naħa tagħha. Hija tikkontesta, b’mod partikolari, il-konklużjoni li tgħid li r-responsabbiltà tal-Istat tista’ tiġi stabbilita b’mod awtomatiku, sempliċement minħabba sitwazzjoni finanzjarja tal-entità pubblika li ma tippermettix lil din tal-aħħar tonora d-djun tagħha. Fl-opinjoni tar-Repubblika Franċiża, l-attivazzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat, li skont il-ġurisprudenza tal-Conseil d’État hija suġġetta għal kundizzjonijiet stretti, ma tistax tiġi assimilata għal mekkaniżmu ta’ garanzija awtomatika u illimitata. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat jippreżumi, minn naħa, li d-dannu subit mill-kreditur huwa ta’ natura anormali u speċjali u, min-naħa l-oħra, li teżisti rabta’ kawżali diretta bejn l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Istat u d-dannu subit.

90      Preliminarjament, għandu jitfakkar li huma biss konstatazzjonijiet oġġettivi li jwasslu għall-konklużjoni li l-Istat huwa ġuridikament obbligat jirrimborsa l-kredituri ta’ EPIK, bħal dik ikkonċernata f’dan il-każ, jippermettu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ garanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-26 ta’ Ġunju 2008, SIC vs Il‑Kummissjoni, T‑442/03, Ġabra p. II‑1161, punt 126).

91      F’dan il-każ, il-partijiet jaqblu sabiex jindikaw li bla dubju ta’ xejn jeżistu differenzi bejn, minn naħa, mekkaniżmu ta’ garanzija, li jikkonsistiti fil-fatt li tissostitwixxi, b’mod awtomatiku u indefinit, lil debitur f’każ li dan isib ruħu f’sitwazzjoni li ma jkunx jista’ jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu u, min-naħa l-oħra, sistema ta’ responsabbiltà, ibbażata fuq fatt ġeneratur direttament imputabbli lill-persuna responsabbli u li timplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni speċifika għal kull każ partikolari.

92      Fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunament tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq is-sentenza tal-Conseil d’État, tat-18 ta’ Novembru 2005, Société fermière de Campoloro et (Ġabra ta’ deċiżjonijiet tal-Conseil d’État, p. 515), li, skont il-premessa 124 ta’ din id-deċiżjoni, tistabbilixxi li s-sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat fl-implementazzjoni tal-proċedura ta’ rkupru tad-djun tal-entitajiet pubbliċi tippreżenta l-karatteristiċi kollha ta’ mekkaniżmu ta’ garanzija. Il-premessa prinċipali ta’ din is-sentenza tipprovdi kif ġej:

“Billi, permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-leġiżlatur ried jagħti lir-rappreżentant tal-Istat, f’każ li awtorità territorjali tonqos milli tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret res judicata, u wara intimazzjoni għal dan il-għan, is-setgħa li jissostitwixxi ruħu għall-korpi ta’ din l-awtorità sabiex jillibera jew joħloq ir-riżorsi li jippermettu l-eżekuzzjoni sħiħa ta’ din id-deċiżjoni ġudizzjarja; għal dan il-għan l-imsemmi rappreżentant għandu, bla ħsara għall-istħarriġ tal-qorti, jieħu, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-awtorità u tar-raġunijiet ta’ interess ġenerali, il-miżuri meħtieġa; fost dawn il-miżuri hemm il-possibbiltà li jbiegħ beni li jappartjenu għall-awtorità sakemm dawn ma humiex indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tas-servizzi pubbliċi li għalihom hija responsabbli; li, jekk il-prefett jastjeni jew jonqos li juża l-prerogattivi mogħtija lilu mil-liġi, il-kreditur tal-awtorità territorjali għandu d-dritt iressaq kawża kontra l-Istat f’każ ta’ negliġenza serja mwettqa fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ superviżjoni; li minbarra dan, fil-każ li, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-awtorità, b’mod speċjali tal-insuffiċjenza tal-attiv tagħha, jew minħabba r-raġunijiet ta’ interess ġenerali, il-prefett seta’ legalment jirrifjuta li jieħu ċerti miżuri bil-għan li jiżgura l-eżekuzzjoni sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja, id-dannu li jirriżulta minn dan għall-kreditur tal-awtorità territorjali jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi jekk dan huwa ta’ natura anormali u speċjali”.

93      Ir-raġunament tal-Kummissjoni huwa wkoll ibbażat fuq nota tal-Conseil d’État redatta fl-1995 (premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll fuq is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tas-26 ta’ Settembru 2006, Société de gestion du port de Campoloro u Société fermière de Campoloro vs Franza (Nru 57516/00) (premessi 204 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

94      Issa, huwa mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni wasslet għall-konklużjoni, essenzjalment, li r-responsabbiltà tal-Istat tista’, fid-dawl ta’ dawn is-sentenzi u ta’ din in-nota, tiġi stabbilita fil-każ li d-dispożittiv li jirriżulta mill-implementazzjoni tal-Liġi Nru 80‑539 ma jippermettix lill-kreditur ta’ EPIK, bħal La Poste f’dan il-każ, jirkupra l-kreditu tiegħu.

95      Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-Repubblika Franċiża ma huwa ta’ natura li jinvalida din il-konklużjoni.

96      L-ewwel nett, mill-ġurisprudenza tal-Conseil d’État, imfakkra fil-punt 92 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-kreditur għandu d-dritt li jressaq kawża kontra l-Istat f’każ ta’ negliġenza serja mwettqa fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ superviżjoni u wkoll id-dritt li jinvoka r-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi fil-każ li, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku inkwistjoni, b’mod partikolari tal-insuffiċjenza tal-attiv tagħha, jew minħabba raġunijiet ta’ interess ġenerali, dan il-kreditur sofra dannu anormali u speċjali li jirriżulta mir-rifjut tal-prefett li jieħu l-miżuri ta’ natura li jiggarantixxu d-drittjiet ta’ dan il-kreditur.

97      Issa, l-eżistu tal-kawża, fil-kawża dwar il-port ta’ Campoloro (Franza), kif jirriżulta mis-sentenza Société de gestion du port de Campoloro u Société fermière de Campoloro vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, kien il-fatt li, minkejja l-argumenti mressqa mir-rikorrenti, l-Istat ipproċeda sabiex jassumi l-obbligu li jiżgura l-ħlas lill-kredituri, u b’dan il-mod stabbilixxi l-idea li r-responsabbiltà tal-Istat tista’ tiġi stabbilita fl-aħħar nett. Hekk kif ġie rilevat fil-premessa 208 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, qieset li kien l-Istat li kellu jiżgura l-ħlas tal-kredituri, peress li dawn sofrew piż speċjali u enormi minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tas-somom li minnhom huma kellhom jibenefikaw.

98      It-tieni nett, fir-rigward tal-affermazzjoni li l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat jeħtieġ il-prova ta’ rabta kawżali diretta bejn l-azzjoni tal-Istat u d-dannu subit mill-kredituri, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, hekk kif irrikonoxxiet ir-Repubblika Franċiża, meta EPIK li ġiet fdata funzjoni ta’ servizz pubbliku ma tħallasx id-djun tagħha u tiġi kkundannata tħallashom permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, l-Istat huwa awtorizzat ex officio ikopri l-fondi neċessarji. Fil-każ li huwa jirrifjuta li jġiegħel lill-EPIK issostni l-krediti inkwistjoni, billi jirrikorri għall-miżuri kollha neċessarji, inkluż il-bejgħ ta’ beni, huwa jqiegħed lilu nnifsu f’sitwazzjoni ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà tiegħu. Issa, hekk kif il-Kummissjoni enfasizzzat, jidher li kien eskluż li l-Istat jkun imġiegħel jipproċedi għal bejgħ tal-beni kollha ta’ La Poste. Skont ir-rekwiżit ta’ kontinwità tas-servizz pubbliku, li fid-dritt Franċiż jikkostitwixxi prinċipju ta’ valur kostituzzjonali u li huwa impost fuq l-awtoritajiet Statali fl-implementazzjoni tal-Liġi Nru 80‑539, il-beni neċessarji għat-twettiq min EPIK ta’ funzjoni ta’ servizz pubbli ma jistgħux jiġu ttrasferiti.

99      It-tielet nett, ir-Repubblika Franċiża ssostni li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni rreferiet, minn naħa, għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem relatata man-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarja, li hija stess wasslet għal ksur tad-dritt ta’ proprjetà, b’mod partikolari għas-sentenza Société de gestion du port de Campoloro u Société fermière de Campoloro vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (ara l-premessi 204 sa 211 tad-deċiżjoni kkontestata), u, min-naħa l-oħra, għat-teorija tal-apparenza, fis-sens li l-kredituri tal-EPIK kienu ġġustifikati li jkollhom aspettattiva leġittima fl-eżistenza ta’ garanzija Statali. Għandu jiġi kkonstatat li r-rikors għal din it-teorija sar biss b’mod superfluwu. Għaldaqstant, fil-premessa 227 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li “[l]-użu tat-teorija tal-apparenza [kien] jippermetti li tiġi kkonfermata l-prova”. Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq il-fatt li t-teorija tal-apparenza ma tistax tiġi applikata fir-rigward tal-ipoteżi, bħal dik imsemmija f’dan il-każ, fejn hija kkonċernata l-kostituzzjoni ta’ krediti, għandu jiġi ddikjarat ineffettiv. Fil-fatt, motiv żbaljat ma jistax jiġġustifika l-annullament tal-att li huwa vvizzjat bih jekk dan huwa ta’ natura żejda u jekk jeżistu motivi oħra li huma biżżejjed sabiex jiġġustifikawh (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ April 2011, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni C‑321/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ trasferimenti eventwali tal-obbligi ta’ EPIK xolta

100    Ir-Repubblika Franċiża ssostni li ż-żamma eventwali ta’ ċerti krediti marbuta mal-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ La Poste ma hijiex relatata mal-istatus ta’ EPIK. Filwaqt li tirrikonoxxi li l-prinċipju ta’ kontinwità tas-servizz pubbliku jimplika, f’każ ta’ estinzjoni ta’ entità pubblika, trasferiment ta’ din il-funzjoni u tal-beni li kienu użati għat-twettiq tagħha, hija tqis li xejn ma jostakola l-estinzjoni ta’ EPIK, sakemm il-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku li hija teżerċità jistgħu jitkomplew.

101    Għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-Repubblika Franċiża, li ma huwiex ta’ natura li jinvalida l-konklużjoni li l-Kummissjoni setgħet, ġustament, tikkonkludi li kien hemm garanzija tal-Istat illimitata biss abbażi tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-ewwel tliet partijiet ta’ dan il-motiv, għandu jiġi ddikjarat ineffettiv (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 99 iktar ’il fuq).

102    F’kull każ, ir-Repubblika Franċiża espliċitament irrikonoxxiet li l-prinċipju ta’ kontinwità tas-servizz pubbliku kien jimplika, f’każ ta’ estinzjoni ta’ entità pubblika li teżerċità funzjoni ta’ servizz pubbliku (li huwa l-każ fir-rigward ta’ La Poste), trasferiment ta’ din il-funzjoni u tal-beni użati għal din il-funzjoni u, għaldaqstant, trasferiment tad-drittijiet u tal-obbligi relatati ma’ din il-funzjoni. Issa, it-trasferiment tad-drittijiet u tal-obbligi relatati ma’ funzjoni ta’ servizz pubbliku jimplika, bħala prinċipju u hekk kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, it-trasferiment fl-istess ħin tad-drittijiet u tal-obbligi tal-entità inkarigata minn din il-funzjoni.

103    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE

104    It-tielet motiv invokat mir-Repubblika Franċiża huwa maqsum f’żewġ partijiet.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkonkludiet li l-eżistenza ta’ garanzija tal-Istat, jekk din titqies stabbilita, toħloq vantaġġ favur La Poste

105    Permezz tal-ewwel parti, ir-Repubblika Franċiża tqis li, anki jekk jitqies li l-eżistenza ta’ garanzija tal-Istat illimitata favur EPIK hija stabbilita, ma ntweriex li din toħloq vantaġġ favur La Poste. Hija essenzjalment issostni li huwa abbażi tal-analiżijiet magħmula mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni, li jirriflettu direttament il-pożizzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ EPIK oħra kif ukoll ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni indirizzata lill-awtoritajiet Franċiżi fl-4 ta’ Ottubru 2006 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), li ġie deċiż li kienet teżisti garanzija u, għaldaqstant, li kien jeżisti vantaġġ favur La Poste. Għaldaqstant, huwa permezz ta’ raġunament perfettament ċirkulari li l-Kummissjoni kkonkludiet li kien jeżisti vantaġġ mogħti lil La Poste.

106    Għandu jitqies li l-għoti ta’ garanzija b’kundizzjonijiet li ma jikkorrispondux għal dawk tas-suq, bħal garanzija illimitata mogħtija mingħajr xejn inkambju, huwa, b’mod ġenerali, ta’ natura li jagħti vantaġġ lill-persuna li tibbenefika minnu, fis-sens li dan għandu bħala konsegwenza t-titjib tal-pożizzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju permezz ta’ tnaqqis tal-ispejjeż li, normalment, huma inklużi fil-baġit tiegħu. B’risposta għal domanda magħmula matul is-seduta, ir-Repubblika Franċiża ammettiet li, skont l-Avviż tal-2008, seta’ jiġi aċċettat li, meta impriża ma setgħetx tiġi suġġetta, minħabba l-istatus legali tagħha, għal proċedura ta’ falliment jew għal proċedura ekwivalenti, hija kienet f’pożizzjoni li tikseb kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli u, għaldaqstant, li tibbenefika minn vantaġġ skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

107    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sew, il-kunċett ta’ għajnuna huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju, peress li dan jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi, bħas-sussidji stess, iżda wkoll interventi tal-Istat li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment huma inklużi fil-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, C‑328/99 u C‑399/00, Ġabra p. I‑4035, punt 35; u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C‑393/04 u C‑41/05, Ġabra p. I‑5293, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk miżura Statali tikkostitwixxix għajnuna, għandu jiġi ddeterminat jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ ekonomiku li hija ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, Ġabra p. I‑3547, punt 60, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 87, u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Issa, garanzija Statali illimitata b’mod partikolari tippermetti lill-benefiċjarju tagħha jikseb kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli minn dawk li huwa kien jikseb abbażi tal-merti tiegħu biss u, għaldaqstant, tippermetti li titnaqqas il-pressjoni imposta fuq il-baġit tiegħu.

109    Għandu jiġi osservat li huwa biss bil-għan li tistabbilixxi li La Poste ibbenefikat minn kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli u, għaldaqstant, minn vantaġġ finanzjarju, li l-Kummissjoni rreferiet għall-pożizzjonijiet meħuda mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni u, b’mod iktar partikolari, għall-iktar importanti fosthom. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tenfasizza li, sa fejn Fitch u Standard & Poor’s huma żewġ aġenziji ta’ klassifikazzjoni importanti u sa fejn huwa stabbilit li s-suq jieħu inkunsiderazzjoni l-klassifikazzjoni tagħhom sabiex jevalwa l-kreditu li għandu jingħata lil impriża partikolari, klassifikazzjoni minn dawn l-aġenziji (minn waħda jew mill-oħra jew mit-tnejn) aħjar minn dik li kienet tingħata fl-assenza ta’ garanzija, tista’ tagħti vantaġġ lil La Poste, li hija ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

110    Huwa għaldaqstant b’mod żbaljat li r-Repubblika Franċiża ssostni li l-Kummissjoni pproċediet b’raġunament ċirkulari. Ir-riferiment magħmul għall-metodi ta’ klassifikazzjoni użati minn aġenziji rikonoxxuti sar biss bil-għan li jiġi kkonfermat li l-garanzija tal-Istat favur EPIK kienet ta’ natura li toħloq vantaġġ favurihom permezz ta’ kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli (ara, b’mod partikolari, l-premessa 257 tad-deċiżjoni kkontestata), u mhux li jiġi stabbilit li tali garanzija kienet teżisti.

111    F’kull każ, l-affermazzjoni li dawn il-pożizzjonijiet meħuda sempliċement jirriflettu l-avviżi tal-Kummissjoni ma hijiex fondata. B’mod partikolari, ir-Repubblika Franċiża ma wrietx li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ granzija tal-Istat mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni kien ibbażat fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/145/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2003, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza lil EDF u lis-settur tal-industriji tal-elettriku u tal-gass (ĠU 2005, L 49, p. 9). Is-sempliċi fatt li d-dokumenti maħruġa mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni li l-Kummissjoni rreferiet għalihom huma sussegwenti għal din id-deċiżjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jintwera li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-garanziji tal-Istat minn dawn l-aġenziji neċessarjament kien ibbażat fuq l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li rreferiet għal dokumenti kontemporanji tad-deċiżjoni kkontestata, iktar milli għal rapporti preċedenti sewwa għad-data ta’ adozzjoni tagħha.

112    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet motiv ma hijiex fondata.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkonkludiet li l-allegata garanzija tal-Istat setgħet tagħti vantaġġ lil La Poste minħabba l-influwenza pożittiva li din eżerċitat fuq il-klassifikazzjoni finanzjarja tagħha.

113    Permezz tat-tieni parti, ir-Repubblika Franċiża ssostni li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm vantaġġ minħabba l-influwenza pożittiva li l-garanzija setgħet teżerċità fuq il-klassifikazzjoni tagħha. L-ewwel nett, hija ssostni li l-Kummissjoni interpretat ħażin il-fatt li l-klassifikazzjoni li minnha kienet tibbenefika La Poste tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni, mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni, tal-għajnuna mill-Istat fl-intier tagħha, li jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ diversi elementi u mhux biss tal-eżistenza ta’ garanzija. It-tieni nett, hija tindika li, anki fin-nuqqas ta’ tali garanzija, il-klassifikazzjoni mogħtija lil La Poste mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni, li huma b’mod partikolari sensittivi għall-fatt li din l-impriża hija proprjetà tal-Istat, tibqa’ l-istess. L-istess bħal dawn l-aġenziji, il-Kummissjoni ma tagħmilx distinzjoni ċara bejn dak li jikkorrispondi għall-istatus ta’ La Poste u dak li jirriżulta mill-proprjetà tal-kapital tagħha.

114    L-argument tar-Repubblika Franċiża ma jistax jiġi milqugħ.

115    Qabel kollox, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma tiċħadx li, lil hinn mill-garanzija Statali li minnha tista’ eventwalment tibbenefika impriża, il-klassifikazzjoni finanzjarja tieħu inkunsiderazzjoni l-parametri kollha li jattestaw l-għajnuna mistennija mill-Istat (ara l-premessa 280 tad-deċiżjoni kkontestata).

116    Sussegwentement, ir-Repubblika Franċiża ma rnexxilhiex tinvalida l-konstatazzjoni, imwettqa abbażi ta’ dokumenti metodoloġiċi redatti mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni, li tgħid li l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni kienu, b’mod ġenerali, sensittivi għall-istatus legali tal-entitajiet ikklassifikati, f’dan il-każ il-fatt li din kienet tibbenefika mill-istatus ta’ EPIK.

117    Fid-dawl ta’ dan li ntqal iktar ’il fuq, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi inkwantu l-Kummissjoni ma stabbilixxietx skont kif meħtieġ mil-liġi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

118    Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Kummissjoni la osservat l-oneru tal-prova u lanqas il-livell ta’ prova li hija għandha fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni, bi ksur tal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza, ibbażat l-eżami tagħha fuq diversi preżunzjonijiet negattivi, konġetturi u spekulazzjonijiet u, għaldaqstant, naqset milli turi pożittivament l-eżistenza ta’ għajnuna favur La Poste. Dan huwa l-każ kemm fil-kuntest tad-dimostrazzjoni tal-eżistenza ta’ garanzija impliċita tal-Istat Franċiż favur La Poste (ara l-premessi 129, 134, 136, 152, 154, 160, 161, 165, 169, 179, 195, 202 u 251) kif ukoll fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ, u dan billi teżamina preċiżament, hekk kif teħtieġ il-ġurisprudenza, l-effetti tal-miżura kkontestata. F’dan ir-rigward ma huwiex biżżejjed li jintwera li din il-miżura “tista’” toħloq vantaġġ sabiex din tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, u b’mod partikolari bħala għajnuna eżistenti. Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Franċiża ssostni, fir-replika, li l-Kummissjoni naqset milli tipproduċi l-prova li l-allegat vantaġġ li minnu bbenefikat La Poste kien jirriżulta minn trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

119    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tissupponi li impriża bbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat billi tibbaża sempliċement ruħha fuq preżunzjoni negattiva, li hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ informazzjoni li tippermetti li tintlaħaq il-konklużjoni kuntrarja, fin-nuqqas ta’ elementi oħra ta’ natura li jistabbilixxu pożittivament l-eżistenza ta’ tali vantaġġ. F’din il-perspettiva, il-Kummissjoni hija, għall-inqas, obbligata li tiżgura ruħha li l-informazzjoni li hija għandha, għalkemm din tista’ tkun frammentarja u inkompleta, tikkostitwixxi bażi suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li impriża bbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs MTU Friedrichshafen, C‑520/07 P, Ġabra p. I‑8555, punt 56).

120    F’dan ir-rigward, in-natura tal-provi li għandhom jiġu prodotti mill-Kummissjoni tiddependi, fil-biċċa l-kbira, fuq in-natura tal-miżura Statali inkwistjoni. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-prova tal-eżistenza ta’ garanzija Statali ta’ natura impliċita, din tista’ tiġi dedotta minn serje ta’ elementi konverġenti, li għandhom ċerta affidabbiltà u koerenza, meħuda b’mod partikolari minn interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali rilevanti, u, b’mod partikolari, inferita mill-effetti ġuridiċi li l-istatus legali tal-impriża benefiċċjarja jimplika. F’dan ir-rigward, noti u ċirkulari interpretattivi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala rilevanti sabiex jintwera li Stat ta garanzija finanzjarja impliċita, li, minn natura tagħha stess, ma hijiex espliċitament stabbilita mil-liġi nazzjonali, lil impriża li għandha status partikolari.

121    F’dan il-każ, mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat pożittivament l-eżistenza ta’ garanzija illimitata tal-Istat favur La Poste. Hija ħadet inkunsiderazzjoni diversi elementi konkordanti, li kienu jikkostitwixxu bażi suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li La Poste kienet tibbenefika, minħabba l-istatus tagħha ta’ EPIK, minn garanzija impliċia u illimitata tal-Istat. Dawn l-indizji oġġettivi huma bbażati, l-ewwel nett, fuq il-fatt oġġettiv li La Poste ma kinitx suġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-dritt ġenerali dwar l-amministrazzjoni u l-istralċ ta’ impriżi f’diffikultà (premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tieni nett, fuq il-fatt li l-LiġiNru 80‑539, li għaliha kienet suġġetta La Poste, ma kinitx tipproduċi l-istess effetti bħal proċedura ta’ stralċ prevista fid-dritt ġenerali u kienet tqiegħed lill-kredituri tal-EPIK f’sitwazzjoni ħafna iktar favorevoli minn dik tal-kredituri ta’ entitajiet privati (premessi 148 sa 180 tad-deċiżjoni kkontestata) u, it-tielet nett u b’mod superfluwu, fuq il-fatt li, “fl-eventwalità improbabbli li fiha l-proċedura stabbilita mil-Liġi [Nru 80‑539] ma tippermettix li l-kreditur jitħallas lura” (premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata), dan tal-aħħar seta’, barra minn hekk, jikseb sodisfazzjoni billi jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Istat (premessi 185 sa 222 tad-deċiżjoni kkontestata).

122    Il-fatt li l-Kummissjoni qieset opportun li turi, b’risposta għall-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Franċiżi matul il-proċedura amministrattiva, li xejn, fid-dritt Franċiż, ma kien jeskludi l-eżistenza ta’ garanzija impliċita tal-Istat favur EPIK (ara l-premessi 120 sa 138 tad-deċiżjoni kkontestata), jikkostitwixxi biss il-punt ta’ tluq tar-raġunament li hija esponiet b’mod ċar fil-premessi 116 sa 225 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li l-Kummissjoni bbażat ruħha, għall-finijiet ta’ din id-dimostrazzjoni, fuq sempliċi preżunzjonijiet negattivi u fuq spekulazzjonijiet. Hekk kif isemma fil-punt 71 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni espliċitament irreferiet għan-nota tal-Conseil d’État tal-1995 (premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll għal nota tal-Ministru tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Industrija Franċiż tat-22 ta’ Lulju 2003 (premessi 146 sa 147 tad-deċiżjoni kkontestata), noti li huma miktubin bi kliem li bl-ebda mod ma huwa ambigwu.

123    Bl-istess mod, il-Kummissjoni pprovdiet biżżejjed elementi bil-għan li tistabbilixxi li din il-garanzija kienet tikkostitwixxi vantaġġ. Fir-rigward tad-dimostrazzjoni tal-effetti reali tal-miżura kkontestata, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tipproċedi għal tali dimostrazzjoni fir-rigward ta’ għajnuna diġà mogħtija [ara s-sentenza tal-qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni, C‑442/03 P u C‑471/03 P, Ġabra. p. I‑4845, punt 110, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward ma hemmx lok li ssir ebda distinzjoni bejn l-għajnuna eżistenti u l-għajnuna illegali.

124    Barra minn hekk, l-effett reali tal-vantaġġ li garanzija tal-Istat tagħti jista’ jiġi preżunt. Tali garanzija toffri lill-persuna li qed tissellef possibbilità li tibbenefika minn rata ta’ interessi iktar baxxa jew li tipprovdi inqas sigurtà. Għaldaqstant mill-ġurisprudenza jirriżulta li anki vantaġġ mogħti permezz ta’ piż potenzjali addizzjonali għall-Istat jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C‑200/97, Ġabra p. I‑7907, punt 43, u sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il‑Kummissjoni, T‑204/97 u T‑270/97, Ġabra p. II‑2267, punt 80). Dan huwa ta’ spiss il-każ fil-każ ta’ garanziji li huma ġeneralment marbuta ma’ self jew ma’ obbligu finanzjarju ieħor konkluż minn persuna li tissellef ma’ persuna li ssellef.

125    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

126    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-rikors kollu kemm hu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

127    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Wahl

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Settembru 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.