Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (Il-Ġermanja) fl-10 ta’ Lulju 2017 – Bundesrepublik Deutschland vs Touring Tours und Travel GmbH

(Kawża C-412/17)

Lingwa tal-kawża: il‒Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bundesrepublik Deutschland

Konvenuta: Touring Tours und Travel GmbH

Domandi preliminari

1.    L-Artikolu 67(2) kif ukoll l-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2016, dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) jipprekludu dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali ta’ Stat Membru li finalment teżiġi li l-impriżi ta’ trasport bil-karozzi tal-linji li joperaw servizzi regolari transkonfinali fi ħdan iż-żona Schengen jikkontrollaw id-dokumenti ta’ qsim ta’ fruntieri tal-passiġġieri tagħhom qabel il-qsim ta’ fruntiera interna, sabiex jipprevjenu trasport ta’ barranin li ma għandhomx passaport u permess ta’ residenza fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja?

B’mod partikolari:

a)    L-obbligu legali ġenerali jew l-obbligu impost mill-awtoritajiet fuq impriżi ta’ trasport individwali, li ma jittrasportawx barranin fit-territorju Ġermaniż mingħajr il-passaport meħtieġ jew il-permess ta’ residenza meħtieġ, li jista’ jiġi ssodisfatt biss billi jiġu kkontrollati d-dokumenti ta’ qsim ta’ fruntieri tal-passiġġieri kollha qabel il-qsim tal-fruntiera interna, jikkostitwixxi verifika fuq il-persuni fuq il-fruntieri interni fis-sens tal-Artikolu 22 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew għandu jiġi assimilat għal tali verifika?

b)     L-impożizzjoni tal-obbligi msemmija fil-punt (1) għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-Artikolu 23(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, minkejja li l-impriżi ta’ trasport ma jeżerċitawx “setgħat ta’ pulizija” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u minkejja li l-obbligu li jwettqu kontrolli li huwa impost fuqhom mill-Istat ma jawtorizzahomx formalment sabiex jeżerċitaw prerogattivi ta’ awtorità pubblika?

c)    Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 23(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-kontrolli mitluba mill-impriżi ta’ trasport jikkostitwixxu miżura illegali ta’ effett ekwivalenti għal kontrolli fuq il-fruntieri?

d)    L-impożizzjoni tal-obbligi msemmija fil-punt (1) sa fejn hija tirrigwarda impriżi ta’ trasport bil-karozzi tal-linji li joperaw servizzi regolari, għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-Artikolu 23(b) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li jipprevedi li l-assenza ta’ kontroll fuq il-fruntieri interni ma għandhiex taffettwa l-kompetenza tal-impriżi ta’ trasport li jwettqu kontrolli ta’ sigurtà fuq il-persuni fil-portijiet jew fl-ajruporti? Minn dan jirriżulta li l-kontrolli fis-sens tal-ewwel domanda mwettqa barra minn portijiet u ajruporti ma humiex permessi meta ma jikkostitwixxux kontrolli ta’ sigurtà u ma jitwettqux ukoll fuq persuni li jivvjaġġaw fi ħdan l-Istat Membru?

2.    L-Artikoli 22 u 23 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludu leġiżlazzjonijiet li jippermettu, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligu, li tiġi adottata deċiżjoni ta’ projbizzjoni taħt piena ta’ penalità kontra impriża ta’ trasport bil-karozzi tal-linji jekk, minħabba li l-kontrolli ma twettqux, barranin ġew ukoll ittrasportati fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja minkejja li ma kellhomx passaport u permess ta’ residenza?

____________