Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta’ Ġunju 2015 minn Sea Handling SpA, in liquidazione, li kienet Sea Handling SpA, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-25 ta’ Marzu 2015 fil-Kawża T-456/13, Sea Handling vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-271/15 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Sea Handling SpA, in liquidazione, li kienet Sea Handling SpA (rappreżentanti: B. Nascimbene u M. Merola, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ Marzu 2015, fil-kawża T-455/13;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, Ref. Ares(2013)2028929, tat-12 ta’ Ġunju 2013 li ċaħdet it-talba ta’ SEA Handling intiża li tikseb l-aċċess għal ċerti dokumenti dwar il-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat SA. 21420 – L-Italja vs SEA Handling;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel motiv: żball ta’ liġi, motivazzjoni kunfliġġenti u insuffiċjenti tas-sentenza kkontestata, fl-evalwazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-iskop ta’ investigazzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 1 .

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tirrikorri għall-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità f’talba ta’ aċċess għal dokumenti speċifiċi. L-interpretazzjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-iskop ta’ investigazzjoni, prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, iddaħħal restrizzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti li (i) hija disproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u (ii) ma hijiex motivata b’mod adegwat.

Bl-ewwel ilment, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali ma tistax tawtorizza lill-Kummissjoni biex topponi għall-preżunzjoni ġenerali għal talba ta’ aċċess għad-dokumenti fi proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat li tidentifika d-dokumenti mitluba b’mod preċiż u ddettaljat. Dan iktar u iktar meta, f’kuntest bħal dak f’din il-kawża, sfortunatament ikkaratterizzat minn ksur ta’ proċedura imputabbli lill-Kummissjoni, tali approċċ iwassal biex ibiddel il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità f’waħda inkonfutabbli, mingħajr il-possibbiltà ta’ kontestazzjoni mill-persuna li titlob l-aċċess għad-dokumenti, bi ksur tal-kontenut tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

Bit-tieni lment, l-appellanti targumenta li s-sentenza kkontestata ma hijiex motivata b’mod tajjeb, peress li ma tindikax għal liema motivi l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li huwa possibbli li jiġi applikat il-prinċipju ġuridiku msemmi fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Illmenau, Kawża C-139/07 P, EU:C:2010:376, għal każijiet ikkaratterizzati minn talba ta’ aċċess mhux għall-fajl kollu iżda għal dokumenti individwali, imsemmija preċiżament.

It-tieni motiv: żball ta’ liġi tas-sentenza appellata sa fejn din teskludi l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali għad-dokumenti.Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali kienet tiġġustifika r-rifjut li jiġu żvelati d-dokumenti mitluba, u b’hekk tippermetti lill-Kummissjoni biex ma tagħtix aċċess parzjali għalihom. F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet li kienu, fil-passat, wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrifjuta l-aċċess parzjali għal dokumenti koperti mill-preżunzjonijiet ġenerali ta’ kunfidenzjalità, ma kinux issodisfatti u għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx leġittimament tirrifjuta l-aċċess parzjali għar-raġuni biss li d-dokumenti kienu jagħmlu parti minn fajl amministrattiv fi proċedura ta’ stħarriġ ta’ għajnuniet mill-Istat.It-tielet motiv: żball ta’ liġi tas-sentenza kkontestata sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ssodisfatx l-obbligu tagħha li teżamina d-dokumenti li huma s-suġġett tar-rifjut ta’ aċċess.Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn ma ssodisfatx l-obbligu tagħha li teżamina d-dokumenti li huma s-suġġett tar-rifjut ta’ aċċess, billi kkunsidrat li tista’ tistħarreġ l-approċċ tal-Kummissjoni mingħajr ma tikkonsulta d-dokumenti inkwistjoni.Ir-raba’ motiv: kontradizzjoni u żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ma tatx l-importanza mistħoqqa għall-irregularitajiet ta’ proċedura mwettqa fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.Is-sentenza kkontest

ata hija vvizjata bi żball ta’ liġi sa fejn ċaħdet li l-iżbalji proċedurali mwettqa mill-Kummissjoni kellhom konsegwenzi fuq il-kapaċità tal-appellanti li tasserixxi l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-applikabbiltà tal-preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità f’dan il-każ. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-iżbalji inkwistjoni kienu kkompromettew id-drittijiet proċedurali tal-appellanti, u b’hekk essenzjalment biddlu l-preżunzjoni ġenerali ta’ preġudizzju għall-iskop ta’ investigazzjoni, li hija preżunzjoni relattiva, fi preżunzjoni inkonfutabbli.Il-ħames motiv: żball ta’ liġi f’dak li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eżistenza ta’ interess pubbliku

superjuri.Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta affermat li ma kien jeżisti ebda interess pubbliku superjuri li seta’ jopponi l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) t

ar-Regolament Nru 1049/2001, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni, kif kellha tagħmel, l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti dwar dan il-punt.

____________

1 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal

-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).