Language of document : ECLI:EU:T:2011:361

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Lulju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Ksur uniku – Prova tal-eżistenza tal-akkordju – Multi – Gravità u tul tal-ksur – Ċirkustanzi aggravanti”

Fil-Kawża T‑59/07,

Polimeri Europa SpA, stabbilita fi Brindisi (l-Italja), irrappreżentata minn M. Siragusa u F. Moretti, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, G. Conte u V. Bottka, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni), jew, sussidjarjament, għall-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuq Polimeri Europa SpA,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Dehousse (Relatur), li qed jaġixxi bħala President, I. Wiszniewska-Białecka u N. Wahl, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006 (Każ COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni, iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) meta pparteċipaw f’akkordju fis-suq tal-prodotti msemmija iktar ’il fuq.

2        L-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huma:

–        Bayer AG, stabbilita f’Leverkusen (il-Ġermanja);

–        The Dow Chemical Company, stabbilita f’Midland, Michigan (l-Istati Uniti) (iktar ’il quddiem “Dow Chemical”);

–        Dow Deutschland Inc., stabbilita f’Schwalbach (il-Ġermanja);

–        Dow Deutschland Anlagengesellschaft mbH (li kienet Dow Deutschland GmbH & Co. OHG), stabbilita f’Schwalbach;

–        Dow Europe, stabbilita f’Horgen (l-Isvizzera);

–        Eni SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja);

–        Polimeri Europa SpA, stabbilita fi Brindisi (l-Italja) (iktar ’il quddiem “Polimeri”);

–        Shell Petroleum NV, stabbilita f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi);

–        Shell Nederland BV, stabbilita f’Den Haag;

–        Shell Nederland Chemie BV, stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi);

–        Unipetrol a.s., stabbilita fi Praga (ir-Repubblika Ċeka);

–        Kaučuk a.s., stabbilita fi Kralupy nad Vltavou (ir-Repubblika Ċeka);

–        Trade-Stomil sp. z o.o., stabbilita f’Łódź (il-Polonja) (iktar ’il quddiem “Stomil”).

3        Dow Deutschland, Dow Deutschland Anlagengesellschaft u Dow Europe huma kkontrollati kompletament, direttament jew indirettament, minn Dow Chemical (iktar ’il quddiem, flimkien, “Dow”) (premessi 16 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        L-attività ta’ Eni fir-rigward tal-prodotti kkonċernati inizjalment kienet żgurata minn EniChem Elastomeri Srl, li hija kkontrollata indirettament minn Eni, permezz tas-sussidjarja tagħha EniChem SpA (iktar ’il quddiem “EniChem SpA”). Fl-1 ta’ Novembru 1997, EniChem Elastomeri ġiet amalgamata ma’ EniChem SpA. Eni kienet tikkontrolla 99.97 % minn EniChem SpA. Fl-1 ta’ Jannar 2002, EniChem SpA ttrasferiet l-attività kimika strateġika tagħha (inkluża l-attività marbuta mal-gomma butadiene u mal-gomma styrene-butadiene maħduma bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni) lis-sussidjarja tagħha, Polimeri, li hija 100 % proprjetà tagħha. Eni bdiet tikkontrolla direttament u kompletament lil Polimeri mill-21 ta’ Ottubru 2002. B’effett mill-1 ta’ Mejju 2003, EniChem SpA biddlet isimha għal Syndial SpA (premessi 26 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tuża l-isem “EniChem” b’riferiment għal kull kumpannija proprjetà ta’ Eni (iktar ’il quddiem “EniChem”) (premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Shell Nederland Chemie hija sussidjarja ta’ Shell Nederland, li min-naħa tagħha hija kkontrollata totalment minn Shell Petroleum (iktar ’il quddiem, flimkien, “Shell”) (premessi 38 sa 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Kaučuk inħolqot fl-1997, wara l-amalgamazzjoni bejn Kaučuk Group a.s. u Chemopetrol Group a.s. Fil-21 ta’ Lulju 1997, Unipetrol akkwistat l-attiv, drittijiet u obbligi kollha tal-impriżi li amalgamaw. Unipetrol iżżomm 100 % mill-ishma ta’ Kaučuk (premessi 45 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, skont id-deċiżjoni kkontestata, Tavorex s.r.o. (iktar ’il quddiem “Tavorex”), stabbilita fir-Repubblika Ċeka, irrappreżentat lil Kaučuk (u lill-predeċessur tagħha Kaučuk Group) fl-esportazzjoni li saret mill-1991 sat-28 ta’ Frar 2003. Dejjem skont id-deċiżjoni kkontestata, sa mill-1996, Tavorex irrappreżentat lil Kaučuk fil-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Skont id-deċiżjoni kkontestata, Stomil irrappreżentat lill-produttriċi Pollakka Chemical Company Dwory S.A. (iktar ’il quddiem “Dwory”) fl-attivitajiet tagħha ta’ esportazzjoni għal madwar 30 sena, sa mill-inqas is-sena 2001. Dejjem skont id-deċiżjoni kkontestata, Stomil irrappreżentat lil Dwory, bejn l-1997 u l-2000, fil-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Il-perijodu kkunsidrat għat-tul tal-ksur japplika mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Bayer, Eni u Polimeri), mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999 (għal Shell Petroleum, Shell Nederland u Shell Nederland Chemie), mill-1 ta’ Lulju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Dow Chemical), mill-1 ta’ Lulju 1996 sas-27 Novembru 2001 (għal Dow Deutschland), mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Unipetrol u Kaučuk), mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-22 ta’ Frar 2000 (għal Stomil), mit-22 ta’ Frar 2001 sat-28 ta’ Frar 2002 (għal Dow Deutschland Anlagengesellschaft) u mis-26 ta’ Novembru 2001 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal-Dow Europe) (premessi 476 sa 485 u l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Il-gomma butadiene (iktar ’il quddiem il-“GB”) u l-gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni (iktar ’il quddiem il-“GSB”) huma gomom sintetiċi li jintużaw essenzjalment fil-produzzjoni ta’ tajers. Dawn iż-żewġ prodotti huma reċiprokament sostitwibbli u jistgħu jiġu ssostitwiti wkoll b’gomom sintetiċi oħra kif ukoll b’gomma naturali (premessi 3 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Minbarra l-produtturi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, hemm produtturi oħra li jinsabu fl-Asja u fil-Lvant tal-Ewropa li biegħu kwantitajiet limitati ta’ GB u GSB fit-territorju taż-ŻEE. Barra minn hekk, parti kbira mill-GB hija prodotta direttament mill-produtturi l-kbar tat-tajers (premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Fl-20 ta’ Diċembru 2002, Bayer ikkuntattjat lid-dipartimenti tal-Kummissjoni u esprimiet xewqitha li tikkoopera skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni”), fir-rigward tal-GB u tal-GSB. Għal dak li jirrigwarda l-GSB, Bayer ipprovdiet dikjarazzjoni orali li tiddeskrivi kif jaħdem l-akkordju. Din id-dikjarazzjoni orali ġiet irrekordjata fuq kasett (premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Fl-14 ta’ Jannar 2003, Bayer ipprovdiet dikjarazzjoni orali li tiddeskrivi kif jaħdem l-akkordju għal dak li jirrigwarda l-GB. Din id-dikjarazzjoni orali ġiet irrekordjata fuq kasett. Bayer ipprovdiet ukoll il-minuti tal-laqgħat tal-kumitat GB tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fil-5 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni nnotifikat lil Bayer bid-deċiżjoni tagħha li tagħtiha l-immunità kundizzjonali mill-multi (premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Fis-27 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni għamlet żjara ta’ verifika, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 85 [81 KE] u 86 [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) fil-bini ta’ Dow Deutschland & Co. (premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Bejn ix-xahar ta’ Settembru 2003 u x-xahar ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni bagħtet lill-impriżi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata diversi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Fis-16 ta’ Ottubru 2003, Dow Deutschland u Dow Deutschland & Co. iltaqgħu mad-dipartimenti tal-Kummissjoni u esprimew xewqithom li jikkooperaw skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni. F’dik il-laqgħa, saret preżentazzjoni orali ta’ kif jaħdem l-akkordju għal GB u għal GSB. Din il-preżentazzjoni orali ġiet irrekordjata. Infetaħ ukoll fajl li fih iddaħlu dokumenti li jirrigwardaw l-akkordju (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fl-4 ta’ Marzu 2005, Dow Deutschland ġiet informata bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkonċedilha tnaqqis fil-multa ta’ bejn wieħed u ieħor 30 sa 50 % (premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fis-7 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura u bagħtet l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata – ħlief għal Unipetrol – kif ukoll lil Dwory. L-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet adottata wkoll fil-konfront ta’ Tavorex, iżda ma ġietx notifikata lilha, inkwantu Tavorex kienet ilha falluta mix-xahar ta’ Ottubru 2004. Il-proċedura li kienet tikkonċernaha għaldaqstant ingħalqet (premessi 49 u 74 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      L-impriżi kkonċernati ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar din l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Huma kellhom ukoll aċċess għall-fajl, fil-forma ta’ CD-ROM, u għad-dikjarazzjonijiet orali u għad-dokumenti relatati magħhom fl-uffiċċji tal-Kummissjoni (premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fit-3 ta’ Novembru 2005, il-Manufacture française des pneumatiques Michelin (iktar ’il quddiem “Michelin”) talbet li tintervjeni. Hija ppreżentat kummenti bil-miktub fit-13 ta’ Jannar 2006 (premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fis-6 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward l-impriżi kkonċernati ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub (premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Fit-12 ta’ Mejju 2006, Michelin ressqet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Fit-22 ta’ Ġunju 2006, l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, ħlief għal Stomil, kif ukoll Michelin, ħadu sehem fis-seduta quddiem il-Kummissjoni (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Fin-nuqqas ta’ provi suffiċjenti dwar il-parteċipazzjoni ta’ Dwory fl-akkordju, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura fil-konfront tagħha (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tagħlaq il-proċedura fil-konfront ta’ Syndial (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Barra minn hekk, għalkemm inizjalment kienu ntużaw żewġ numri ta’ każijiet differenti (wieħed għall-GB u l-ieħor għall-GSB) (COMP/E-1/38.637 u COMP/E-1/38.638), il-Kummissjoni użat, wara l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, numru uniku (COMP/F/38.638) (premessi 90 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Fid-29 ta’ Novembru 2006, il-proċedura amministrattiva wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mill-Kummissjoni.

27      Skont l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE, billi pparteċipaw, fil-perijodi indikati, fi ftehim wieħed u kontinwu li fil-kuntest tiegħu huma ftehmu li jiffissaw il-miri ta’ prezzijiet, li jaqsmu l-klijenti permezz ta’ ftehim ta’ nuqqas ta’ aggressjoni u jiskambjaw informazzjoni sensittiva dwar prezzijiet, kompetituri u klijenti fis-setturi tal-GB u tal-GSB:

a)      Bayer, mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002;

b)      Dow Chemical, mill-1 ta’ Lulju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002; Dow Deutschland, mill-1 ta’ Lulju 1996 sas-27 ta’ Novembru 2001; Dow Deutschland Anlagengesellschaft, mit-22 ta’ Frar 2001 sat-28 ta’ Frar 2002; Dow Europe, mis-26 ta’ Novembru 2001 sat-28 ta’ Novembru 2002;

ċ)      Eni, mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002; Polimeri, mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002;

d)      Shell Petroleum, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999; Shell Nederland, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999; Shell Nederland Chemie, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999;

e)      Unipetrol, mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-28 ta’ Novembru 2002; Kaučuk, mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-28 ta’ Novembru 2002;

f)      Stomil, mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-22 ta’ Frar 2000.

28      Abbażi tal-konstatazzjonijiet fattwali u tal-evalwazzjonijiet legali mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq l-impriżi kkonċernati multi li l-ammont tagħhom ġie kkalkulat skont il-metodoloġija esposta fil-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), kif ukoll fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni.

29      L-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jimponi l-multi li ġejjin:

a)      Bayer: EUR 0;

b)      Dow Chemical: EUR 64 575 miljun, li minnhom:

i)       EUR 60.27 miljun, in solidum ma’ Dow Deutschland;

ii)      EUR 47 355 miljun, in solidum ma’ Dow Deutschland Anlagengesellschaft u Dow Europe;

ċ)      Eni u Polimeri, in solidum: EUR 272.25 miljun;

d)      Shell Petroleum, Shell Nederland u Shell Nederland Chemie, in solidum: EUR 160 875 miljun;

e)      Unipetrol u Kaučuk, in solidum: EUR 17.55 miljun;

f)      Stomil: EUR 3.8 miljun.

30      L-Artikolu 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jordna lill-impriżi elenkati fl-Artikolu 1 li immedjatament itemmu l-ksur deskritt f’dan l-istess artikolu, jekk huma ma għamlux dan diġà, u li ma jirrepetu l-ebda att jew aġir deskritt fl-Artikolu 1 kif ukoll kwalunkwe miżura li jkollha għan jew effett ekwivalenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’ Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) fl-20 ta’ Frar 2007, Polimeri ppreżentat din il-kawża.

32      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ April 2009, N. Wahl ġie nominat biex jikkompleta l-Awla sussegwentement għall-impediment ta’ wieħed mill-membri tagħha.

33      Abbażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L‑Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

34      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din stiednet lill-partijiet iwieġbu għal ċerti mistoqsijiet u biex jipprovdulha ċerti dokumenti. Il-partijiet wieġbu għal dawn it-talbiet fit-termini mogħtija.

35      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Ottubru 2009.

36      Polimeri titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tistabbilixi l-miżuri istruttorji mitluba;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, kollha jew parzjalment, bil-konsegwenzi li dan jinvolvi għall-ammont tal-multa;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multa;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37      Il‑Kummissjoni titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikors;

–        tikkundanna lil Polimeri għall-ispejjeż.

 Id-dritt

38      Insostenn tat-talbiet tagħha, Polimeri essenzjalment tinvoka sittax-il motiv li jirrigwardaw difetti proċedurali, il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll l-iffissar tal-ammont tal-multa.

I –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

A –  Fuq il-motivi li jirrigwardaw id-difetti proċedurali

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-użu mhux xieraq tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

39      Polimeri ssostni li “90 %” mid-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Bayer u ta’ Dow. Id-deċiżjoni kkontestata tirreferi fil-parti l-kbira tagħha għal dikjarazzjonijiet orali. Il-provi prodotti huma, fuq kollox, ftit wisq u huma miftuħin għal diversi interpretazzjonijiet.

40      L-għan tad-dikjarazzjonijiet orali huwa li jippermettu lill-Kummissjoni tibda l-investigazzjoni. Issa, f’dan il-każ, dawn id-dikjarazzjonijiet servew bħala strumenti biex jiġu kkonstatati l-fatti, li ssostitwew xi ftit jew wisq l-investigazzjoni nfisha, u bħala mezzi ta’ pressjoni fuq l-impriżi li kkollaboraw mal-Kummissjoni.

41      B’mod partikolari, l-ewwel nett, Polimeri tirrileva li d-dikjarazzjoni ta’ Bayer tal-20 ta’ Diċembru 2002 serviet biex saret żjara ta’ verifika waħda biss, f’dan il-każ għand Dow. Ebda impriża oħra msemmija minn Bayer fl-ewwel dikjarazzjoni tagħha ma kienet ġiet spezzjonata.

42      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-provi prodotti, dawn huma fqar wisq u ekwivoċi. Dawn id-dokumenti jistgħu jiġu interpretati bħala provi dwar l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva, jew ukoll ftehim, iżda jistgħu jirriflettu biss l-informazzjoni dwar il-prezzijiet tas-suq, magħrufin f’kull settur, u minn sorsi oħra.

43      Polimeri ssemmi, b’mod partikolari, xi noti meħudin minn wieħed mill-parteċipanti f’laqgħa li nżammet f’Düsseldorf (il-Ġermanja) fil-21 ta’ Frar 1996, li huma mehmuża mar-rikors tagħha. Il-Kummissjoni inizjalment użat dawn id-dokumenti bħala prova ta’ ftehim dwar il-prezzijiet, qabel ma kkonkludiet li l-laqgħa msemmija ma kinitx tagħmel parti mil-laqgħat preżunti tal-akkordju u rtirat id-dokumenti inkwistjoni mill-provi tagħha. Issa, dawn id-dokumenti huma daqstant, jew anki iktar dettaljati mid-dokumenti l-oħra redatti minn din l-istess parteċipanta tant li l-Kummissjoni kklassifikathom bħala prova tal-ftehim illegali.

44      F’dan il-kuntest, l-impriżi spiċċaw biex żiedu, fid-dikjarazzjonijiet tagħhom, dettalji li ma jistgħux jiġu ppruvati. L-ewwel effett diżastruż ta’ din l-istrateġija jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet magħmulin fit-tieni serje ta’ intervisti. Polimeri tenfasizza għalhekk li, fil-laqgħa tat-12 ta’ Diċembru 2005 mal-impjegati ta’ Dow (N. u F.), il-Kummissjoni staqsiet xi mistoqsijiet ad hoc biex tipprova tisforza lil dawn il-persuni biex jagħmlu dikjarazzjonijiet “oġġettivi” dwar il-laqgħat preżunti li jifformaw l-akkordju, iżda wkoll fuq iż-żidiet possibbli tal-prezz li huma s-suġġett tal-allegati ftehim. Il-Kummissjoni waslet ukoll sabiex tipprovdi hija stess l-informazzjoni dwar iż-żidiet possibbli fil-prezzijiet u, meta hija ma kisbitx ir-riżultati mixtieqa, il-Kummissjoni naqset milli ssemmihom fid-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, il-premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata turi l-fatt li Dow kienet “sfurzata” biex tixhed. Id-dikjarazzjoni ta’ Dow tas-17 ta’ Novembru 2005 turi wkoll li hija bidlet il-verżjoni tal-fatti tagħha wara li saret taf bid-dikjarazzjonijiet ta’ Bayer. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma tirriflettix id-dikjarazzjonijiet ta’ Dow. Fl-istess sens, id-dikjarazzjoni ta’ Bayer tas-6 ta’ Diċembru 2005, li tikkonċerna l-laqgħa miżmuma f’Düsseldorf fil-21 ta’ Frar 1996 (ara l-punt 43 iktar ’il fuq), turi l-fatt li din il-kumpannija waslet biex tinkrimina lilha nfisha b’atti li hija ma wettqitx.

45      Fit-tielet lok, Polimeri tindika li l-uniku riferiment leġiżlattiv għall-istatus tad-dikjarazzjonijiet miġburin bis-saħħa tas-setgħat investigattivi tal-Kummissjoni jinsab fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003. Issa, f’dan il-każ huwa stabbilit li l-Kummissjoni ma tistax tuża d-dikjarazzjonijiet orali magħmulin mill-impriżi fil-kuntest ta’ talba għal immunità bħala prova deċiżiva tal-eżistenza ta’ akkordju. Dan jirriżulta mill-fatt li dawn id-dikjarazzjonijiet isiru, mill-impriżi, għall-benefiċċju tagħhom. Sa fejn, skont Polimeri, il-Kummissjoni tat piż kbir lill-imsemmija dikjarazzjonijiet (Polimeri tenfasizza b’mod partikolari li, mill-ħmistax-il laqgħa msemmija mill-Kummissjoni li suppost inżammu bejn il-kompetituri, huma biss erbgħa minnhom li hemm prova tal-eżistenza tagħhom ukoll bil-miktub), l-affermazzjoni li biha “r-rifjut totali [ta’ Syndial u ta’ Polimeri] li jammettu l-parteċipazzjoni tagħhom (fl-akkordju jew fl-aġir speċifiku) ma tistax, minnha nfisha tisboq il-provi li għandha l-Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 327 tad-deċiżjoni kkontestata) tirrifletti sistema fejn il-prosekuzzjoni, li taġixxi wkoll ta’ ġudikant, tapprofitta mis-setgħat tagħha b’impunità.

46      Il-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni fil-premessi 203 sa 205 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex f’dan is-sens. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat għalhekk li d-dikjarazzjoni ta’ impriża li tkun akkużata bil-parteċipazzjoni f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn numru ta’ impriżi oħra akkużati, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn provi oħrajn (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501). Dan l-approċċ kien ġie kkonfermat fl-appell mill-Qorti tal-Ġustizzja.

47      Polimeri żżid tgħid li l-argumenti li hija tressaq ma jikkonċernawx il-“mertu tal-kawża”, kif tindika l-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha. Għal Polimeri, l-ilmenti tagħha jikkonċernaw il-ksur tad-dritt tad-difiża kkaġunat mill-inverżjoni tal-oneru tal-prova li tirriżulta mill-użu għal kollox uniku tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi li talbu li jiġu adottati miżuri ta’ klemenza. Polimeri tirrileva li l-Kummissjoni twieġeb għall-argumenti tagħha, fil-kuntest tat-tmien motiv, billi tinvoka l-ġurisprudenza dwar l-oneru tal-prova. Madankollu, il-ġurisprudenza invokata f’dan ir-rigward ma hijiex rilevanti, peress li fil-kawżi li l-Kummissjoni ssemmi, l-involviment tal-impriżi kien ikkorroborat minn provi ddokumentati. F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata fiha parti ġenerali, li hija biss taħlita ta’ dikjarazzjonijiet.

48      Il-Kummissjoni ssostni li l-ilmenti magħmula minn Polimeri jirrigwardaw il-prova tal-ksur, u għaldaqstant il-mertu tal-kawża, u mhux l-allegati difetti proċedurali. Il-Kummissjoni tirreferi għaldaqstant għall-parti mir-risposta li tirrigwarda l-allegati żbalji fl-evalwazzjoni tal-provi li jirrigwardaw l-eżistenza tal-akkordju.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

49      Preliminarjament, għandu jiġi kkunsidrat li, anki jekk ċerti argumenti żviluppati fil-kuntest tal-ewwel motiv jirrigwardaw il-prova tal-ksur u għaldaqstant huma ineffettivi fil-kuntest tal-motivi li jirrigwardaw il-vizzji proċedurali li suppost ivvizzjaw l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, Polimeri tikkontesta wkoll, b’mod ġenerali, l-użu li għamlet il-Kummissjoni mid-dikjarazzjonijiet tal-impriżi bħala provi. F’dan ir-rigward, Polimeri essenzjalment issostni li d-dikjarazzjonijiet tal-impriżi ngħataw importanza kbira wisq, u dan għad-dannu tal-provi ddokumentati, u li l-imsemmija dikjarazzjonijiet ma humiex affidabbli.

50      Għandu jitfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tkun ikkonstatat u għandha tistabbilixxi l-provi li huma kapaċi juru, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58 u tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 86). Għalhekk, jeħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konsistenti biex ikollha l-konvinzjoni ċerta li l-ksur seħħ (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T-62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Barra minn hekk, huwa normali li l-attivitajiet li jinkludu prattiki u ftehim antikompetittivi jsiru bil-moħbi, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom titnaqqas għall-minimu. Isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn l-operaturi, normalment dawn ikunu biss frammentati u mferrxa, b’tali mod li spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jinġabru permezz ta’ deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji, li, kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punti 55 sa 57, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C-403/04 P u C-405/04 P, Ġabra p. I-729, punt 51).

52      F’dan il-kuntest, ebda dispożizzjoni u ebda prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ma jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tipprevalixxi ruħha minn dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra akkużati sabiex tużahom kontra impriża. Kieku dan ma kienx il-każ, l-oneru tal-prova ta’ aġir li jmur kontra l-Artikoli 81 KE u 82 KE, li jaqa’ fuq il-Kummissjoni, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li ngħatatilha mit-Trattat KE (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “PVC II”, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 512, u JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 192).

53      Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet magħmula għan-nom tal-impriżi għandhom valur probatorju mhux negliġibbli, u dan peress li jinvolvu riskji ġuridiċi u ekonomiċi kunsiderevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punti 205 u 211, u Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 103).

54      Ċertament id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li pparteċipat f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi oħra akkużati b’parteċipazzjoni fl-istess akkordju, ma tistax tkun ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar jekk ma tkunx ikkorroborata minn provi oħra (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 219).

55      Madankollu, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq diversi dikjarazzjonijiet ta’ impriżi li huma simili, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet ta’ Bayer, ta’ Dow u ta’ Shell, b’mod li d-dikjarazzjonijiet jikkorroboraw lil xulxin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, kawżi magħquda T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 168). Barra minn hekk, huwa paċifiku li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata wkoll fuq provi dokumentati, partikolarment fuq noti miktubin bl-idejn li ttieħdu fil-laqgħat. Il-fatt li Polimeri tikkontesta l-valur probatorju ta’ dawn id-dokumenti ma jistax jaffettwa d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-proċedura li ġiet segwita mill-Kummissjoni.

56      Fid-dawl ta’ dawn il-punti, ma hemm xejn li jwassal biex id-deċiżjoni kkontestata tiġi kkunsidrata li hija vvizzjata b’difetti proċedurali li jaffettwaw il-legalità tagħha.

57      L-argumenti l-oħra mressqa minn Polimeri ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni.

58      Għal dak li jirrigwarda l-fatt li ġie allegat li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq dikjarazzjonijiet magħmulin fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li ebda dispożizzjoni ma tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tuża tali dikjarazzjonijiet biex turi l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni. Fit-tieni lok, tali dikjarazzjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala neqsin minn valur probatorju, peress li d-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi ta’ min għamilhom għandhom, bħala regola, jiġu kkunsidrati bħala prova partikolarment affidabbli (sentenza Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 166). Fit-tielet lok, għalkemm ġeneralment ix-xhieda mogħtija b’mod volontarju mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali tiġi ttrattata b’ċertu suspett, meta titqies il-possibbiltà li dawn il-parteċipanti jkollhom it-tendenza li jnaqqsu l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u li jżidu dak ta’ oħrajn, xorta jibqa’ l-fatt li, l-argument ta’ Polimeri ma jikkorrispondix għal-loġika inerenti tal-proċedura prevista mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni. Fil-fatt, il-fatt li persuna titob biex tibbenefika mill-applikazzjoni ta’ dan l-avviż bil-għan li jinkiseb tnaqqis tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv biex jiġu ppreżentati provi li joħolqu distorsjoni fir-rigward tal-aġir reali tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju. Kull tentattiv biex il-Kummissjoni titwassal tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni ta’ min qed jagħmel it-talba u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li dan jibbenefika b’mod sħiħ mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II-4441, punt 70). B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-fatt li persuna tammetti li twettaq ksur u li tammetti għalhekk l-eżistenza ta’ fatti li jmorru lil hinn minn dawk li l-eżistenza tagħhom setgħet tiġi dedotta b’mod dirett mid-dokumenti inkwistjoni jimplika a priori , fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari li jindikaw il-kuntrarju, li din il-persuna ddeċidiet li tgħid il-verità (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 212).

59      Għal dak li jirrigwarda l-fatt li ċerti impriżi kkonċernati kienu “sfurzati” jagħmlu dikjarazzjonijiet, Polimeri tinvoka, fil-fatt, ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Għandu jitfakkar li, f’dan ir-rigward, fost il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi, hemm b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu jintrabat l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 1992, La Cinq vs Il‑Kummissjoni, T-44/90, Ġabra p. II-1, punt 86, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II-881, punt 129). Issa, ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni jekk jiġi ppruvat li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, din id-deċiżjoni kellha kontenut differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġutsizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 91; ara wkoll is-sentenza Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 283). F’dan il-każ, Polimeri ma pproduċietx din il-prova. Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jippreżumi li l-ksur allegat tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jwassal lill-Qorti Ġenerali biex tiskarta d-dikjarazzjonijiet tal-impriżi msemmija minn Polimeri, dan ma jaffettwax l-elementi l-oħra li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni waslet biex tikkonkludi li ma kienx hemm ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni.

60      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ewwel motiv imqajjem minn Polimeri għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq it-trażmissjoni inġustifikata tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

a)     L-argumenti tal-partijiet

61      Polimeri tenfasizza li t-trażmissjoni ta’ iktar oġġeżżjonijiet lill-partijiet ikkonċernati issir meħtieġa biss fil-każ fejn ir-riżultat tal-investigazzjoni jwassal lill-Kummissjoni biex takkuża lill-impriżi b’atti ġodda jew biex tbiddel b’mod sostanzjali l-provi tal-ksur ikkonstatat.

62      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ġġustifikat it-trażmissjoni ta’ dikjarazzjoni ġdida tal-oġġezzjonijiet minħabba l-provi probatorji ġodda numerużi li ġew skoperti waqt l-investigazzjonijiet addizzjonali li seħħew wara li ġew irċevuti l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet ikkonċernati fuq l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Hija llimitat ruħha biex tiġbor dikjarazzjonijiet ġodda tal-istess kumpanniji u spiss tal-istess persuni, fir-rigward tal-avvenimenti li diġà kienu s-suġġett ta’ diversi dikjarazzjonijiet.

63      L-uniku veru element ġdid huwa t-talba għal intervent li għamlet Michelin fit-3 ta’ Novembru 2005, li ġiet ikkonkretizzata permezz ta’ osservazzjonijiet li ġew ippreżentati fit-13 ta’ Jannar 2006 u t-trażmissjoni ta’ data dwar il-prezzijiet imħallsa lill-fornituri tagħha matul il-perijodu ta’ riferiment. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta minn Michelin ma ntużatx mill-Kummissjoni.

64      Għaldaqstant id-dikjarazzjoni l-ġdida tal-oġġezzjonijiet ma hija ġġustifikata minn ebda element ġdid u ma tidhirx li hija legali fid-dawl tal-ġurisprudenza. Iktar minn hekk, hija ġabet dewmien sinjifikattiv matul il-proċedura u żiedet l-isforzi li kellhom jagħmlu l-impriżi biex jiddefendu ruħhom.

65      Barra minn hekk, il-funzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet żnaturata peress li ntużat biex tingħata tweġiba għall-argumenti mressqa mill-impriżi. Barra minn hekk, it-tweġibiet ta’ Syndial u ta’ Polimeri ntużaw mill-Kummissjoni bħala strument biex tirfina t-teżi tagħha, fejn l-elementi kollha li setgħu jnaqqru minn din tal-aħħar ġew deliberatament skartati. Polimeri tindika, f’dan ir-rigward, li mill-analiżi kwantitattiva eżatta tal-varjazzjonijiet tal-prezzijiet tneħħa kull riferiment kwantitattiv fuq ir-relazzjoni bejn is-suq totali tal-prodott jew prodotti u s-suq ipotetikament ikkontrollat bl-allegat akkordju kif ukoll il-konstatazzjoni fundamentali tas-sostitwibbiltà bejn il-gomma naturali u l-gomma sintetika.

66      Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata ddaħħal tibdil enormi f’dak li jikkonċerna l-kwantifikazzjoni tas-suq tal-prodotti kkonċernati, meta pparagunata mat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dan is-suq kien ġie stmat, fl-2001, bħala li jammonta għal EUR 820 miljun fit-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fl-ammont ta’ EUR 550 miljun fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 66). Din id-diskrepanza ta’ iktar minn 30 %, li ma ssib ebda spjegazzjoni, iġġib effetti negattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi. Hija tbiddel ir-relazzjoni bejn is-suq kopert mill-parteċipanti fl-akkordju allegat u s-suq “mhux affettwat”. Hija tbiddel ukoll il-pożizzjoni tal-impriżi fis-suq u għaldaqstant il-kapaċità ipotetika ta’ kull waħda minn dawn biex taffettwa d-dinamika tal-kompetizzjoni. Peress li dawn l-elementi huma ġodda, Polimeri tinvoka l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha peress li hija ma setgħetx tinvoka l-argumenti tagħha f’dan ir-rigward.

67      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud. Hija essenzjalment tikkunsidra li t-trażmissjoni tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’dan il-każ ma turi ebda illegalità.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

68      Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija dokument ta’ natura proċedurali u preparatorja li, bil-għan li tiżgura l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża, tillimita l-intenzjoni tal-proċedura amministrattiva mibdija mill-Kummissjoni, billi tipprojbixxi lil din tal-aħħar milli tikkunsidra oġġezzjonijiet oħra fid-deċiżjoni tagħha li ttemm il-proċedura kkonċernata (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 1986, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il‑Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 1899, punti 13 u 14; ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 63).

69      Barra minn hekk, it-tfassil ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mill-Kummissjoni fl-ebda każ ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala prova tal-preżunzjoni tal-ħtija tal-impriża kkonċernata. Fil-każ kuntrarju, il-ftuħ ta’ kwalunkwe proċedura f’dan il-qasam jista’ potenzjalment jippreġudika l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il‑Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punt 99).

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tfassil, f’dan il-każ, tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jistax iwassal, minnu nnifsu, biex tiġi kkonstatata xi irregolarità kwalunkwe.

71      Sa fejn l-argumenti ta’ Polimeri jistgħu jinftehmu li jinvokaw, fil-fatt, ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, għandu jitfakkar li tali ksur, kieku nstab li kien, jista’ jikkostitwixxi motiv ta’ annullament fil-każ biss ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur, meta jkun stabbilit li l-ksur ta’ dan il-prinċipju jikser id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Barra minn dan il-każ speċifiku, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli ma għandu ebda effett fuq il-validità tal-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektronisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punti 42 sa 44; ara wkoll, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2001, Sodima vs Il‑Kummissjoni, T‑62/99, Ġabra p. II‑655, punt 94, u tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, T‑5/00 u T‑6/00, Ġabra p. II‑5761, punt 74).

72      Issa, fi kwalunkwe każ, l-argument imressaq minn Polimeri għandu jitqies bħala ġenerali u ma huwiex tali li jistabbilixxi r-realtà ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, ħaġa li għandha tiġi eżaminata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 59 u Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 228).

73      Fir-rigward tal-fatt li t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tinvolvi tibdil meta pparagunata mal-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandu jitfakkar li huwa inerenti għal dan l-att proċedurali li jkun provviżorju u li jkun jista’ jiġi emendat matul l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel sussegwentement abbażi tal-osservazzjonijiet li jkunu ġew ippreżentati lilha bħala tweġiba mill-partijiet kif ukoll abbażi ta’ konstatazzjonijiet fattwali oħra. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministattiva kollha kemm sabiex tabbanduna oġġezzjonijiet li jkunu infondati kif ukoll biex tiżviluppa u tikkompleta kemm fil-fatt kif ukoll fil-liġi l-argument tagħha insostenn tal-oġġezzjonijiet li hija tqis (ara s-sentenza Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, punt 68 iktar ’il fuq, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, jekk il-Kummissjoni hija ġġustifikata tbiddel, kemm fil-fatt u kif ukoll fil-liġi, l-argument tagħha bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali tagħha, hija ġġustifikata a fortiori li tagħmel dan bejn żewġ dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet.

74      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ddaħħal tibdil f’dak li jikkonċerna l-kwantifikazzjoni tas-suq tal-prodotti kkonċernati, l-argumenti ta’ Polimeri ma jissostanzjawx il-motiv tagħha. Fil-fatt, bit-tieni motiv tagħha, Polimeri tikkontesta t-trażmissjoni min-naħa tal-Kummissjoni, tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Issa, permezz tal-argumenti tagħha, Polimeri tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni ma tagħthiex possibbiltajiet oħra biex tiddefendi ruħha matul il-proċedura amministrattiva. L-argumenti ta’ Polimeri f’dan ir-rigward huma għaldaqstant ineffettivi.

75      Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta’ penali, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi osservat anki jekk jirrigwarda proċedura ta’ natura amministrattiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffman-Laroche vs Il‑Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 9, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Arbed vs Il‑Kummissjoni, C-176/99 P, Ġabra p. I-10687, punt 19; sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 32). Dan il-prinċipju jeħtieġ b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni li timponi sanzjoni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tinkludi l-elementi essenzjali meqjusa kontriha, bħall-fatti allegati, il-klassifikazzjoni li tingħatalhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f’pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha b’mod effettiv fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mressqa kontriha (ara s-sentenzi Arbed vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 421).

76      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, it-tnaqqis tal-valur tas-suq tal-GB u tal-GSB ma tqiesx, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala li jikkostitwixxi element kontra l-impriżi kkonċernati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Polimeri ma jista’ jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 73 iktar ’il fuq, huwa inerenti għan-natura tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li din tkun provviżorja u li tkun tista’ tiġi emendata kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt. Dan ma jipprekludix, minn daqshekk, lil Polimeri milli tikkontesta, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-kwantifikazzjoni tal-valur tas-suq inkwistjoni fil-kuntest tar-raba’ u tal-għaxar motivi ta’ dan ir-rikors.

77      Fid-dawl ta’ dawn il-punti, it-tieni motiv imqajjem minn Polimeri għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Polimeri

a)     L-argumenti tal-partijiet

78      Polimeri tirrileva li l-Kummissjoni teskludi, fid-deċiżjoni kkontestata, kull imputabbiltà diretta fir-rigward ta’ Syndial minkejja li, min-naħa l-oħra, hija kienet indirizzatilha kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata).

79      Minn dan jirriżulta li għalkemm Polimeri ma ħadmitx, matul il-perijodu bejn l-20 ta’ Mejju 1996 sal-1 ta’ Jannar 2002, fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-prodotti kkonċernati, billi hija saret iċ-ċessjonarja fl-attivitajiet li jinvolvu l-GB u l-GSB mill-1 ta’ Jannar 2002 biss, il-Kummissjoni tattribwixxilha r-responsabbiltà għal perijodu ta’ kważi seba’ snin (mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002) (premessa 373 tad-deċiżjoni kkontestata).

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, Polimeri ma kellhiex l-okkażjoni li twieġeb għall-evalwazzjoni legali ġdida li saret dwar ir-responsabbiltà tagħha. Teżisti differenza bejn il-fatt li jattribwixxulha responsabbiltà in solidum mal-kumpannija li materjalment wettqet l-atti li jikkostitwixxu l-ksur u l-fatt li tingħata r-responsabbiltà esklużiva għall-istess ksur fir-rigward tal-perijodu kollu kopert mill-allegat akkordju. L-esklużjoni ta’ Syndial minn fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kellha għaldaqstant impatt kbir fuq il-pożizzjoni ta’ Polimeri u fuq l-istrateġija difensiva.

81      Il-Kummissjoni titlob biex il-motiv jiġi miċħud. Hija tirrileva li, b’kuntrast ma’ dak li qegħda tipprova tgħid Polimeri, hija kienet ingħatatilha, fiż-żewġ dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet, responsabbiltà li tkopri t-tul kollu tal-akkordju. Il-fatt li l-imsemmija responsabbiltà tista’ tingħata wkoll lil Syndial fuq bażi in solidum ma setax jaffettwa l-linja ta’ difiża ta’ Polimeri. Barra minn hekk, din tal-aħħar ma tindikax kif ir-responsabbiltà in solidum ta’ Syndial setgħat twassal għal riżultat differenti fil-proċedura.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

82      Għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tielet motiv tagħha, Polimeri tinvoka fil-fatt il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, billi l-Kummissjoni ma ħallithiex tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-esklużjoni potenzjali ta’ Syndial minn fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

83      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi u għal pagamenti ta’ penalità, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi osservat, anki jekk il-proċedura tkun waħda ta’ natura amministrattiva. Dan il-prinċipju jeħtieġ b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni li timponi sanzjoni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tinkludi l-elementi essenzjali meqjusa kontriha, bħall-akkużi, il-klassifikazzjoni li tingħatalhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f’pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha b’mod effettiv fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mressqa kontriha (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 74 u 75 iktar ’il fuq).

84      It-tielet motiv ta’ Polimeri huwa bbażat fuq il-premessa li, fid-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà ta’ EniChem SpA (li saret Syndial), għall-perijodu mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-1 ta’ Jannar 2002, filwaqt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat biss ir-responsabbiltà ta’ Polimeri, inkluż għall-perijodu msemmi iktar ’il fuq li matulu hija ma ħadmitx fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-prodotti kkonċernati.

85      Issa, l-ewwel nett, it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tipprovdi li, fid-dawl b’mod partikolari tat-trasferiment tal-attivitajiet li seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002 bejn EniChem SpA u Polimeri u tal-fatt li dawn iż-żewġ kumpanniji jappartjenu lill-istess impriża, Polimeri għandha titqies bħala li hija responsabbli mill-ksur għall-perijodu bejn l-20 ta’ Mejju 1996 u t-28 ta’ Novembru 2002. Minn dan jirriżulta li t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-istess bħad-deċiżjoni kkontestata (premessi 365 sa 373), tikkonstata r-responsabbiltà ta’ Polimeri għall-perijodu kollu tal-ksur, inkluż dak għall-fatti mwettqa minn EniChem SpA qabel l-1 ta’ Jannar 2002.

86      Sussegwentement, it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tippreċiża li, sa fejn EniChem SpA kienet tikkontrolla 100 % mill-kapital ta’ Polimeri bejn l-1 ta’ Jannar u l-20 ta’ Novembru 2002, Syndial għandha tinżamm responsabbli, in solidum, għall-ksur ta’ Polimeri għal dan il-perijodu. Minn dan jirriżulta li t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkonstata r-responsabbiltà ta’ Syndial għal perijodu limitat biss, fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent ta’ Polimeri bejn l-1 ta’ Jannar u l-20 ta’ Ottubru 2002, u mhux għall-perijodu tal-ksur kollu.

87      Minn dan jirriżulta li l-premessa ta’ Polimeri hija żbaljata.

88      Fin-nuqqas ta’ argumenti iktar iddettaljati, l-argument ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Polimeri f’dan ir-rigward għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

89      Għal dak li jirrigwarda l-argument imressaq minn Polimeri waqt is-seduta, fejn issostni li l-esklużjoni ta’ Syndial minn fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ppermettiet lill-Kummissjoni “biex tevita” l-limitu tal-multa ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, u jekk wieħed jippreżumi li dan l-argument huwa ammissibbli minkejja li tressaq tardivament, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument jingħaqad mal-argumenti mressqa fil-kuntest tas-sittax-il motiv. Issa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 313 sa 316 iktar ’il quddiem, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

90      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tielet motiv imqajjem minn Polimeri għandu jiġi miċħud bħala infondat.

B –  Fuq il-motivi dwar il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata

1.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq definizzjoni żbaljata tas-suq ikkonċernat

a)     L-argumenti tal-partijiet

91      Polimeri ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għaqqdet iż-żewġ kawżi dwar il-GB u l-GSB, minkejja li dawn kienu separati matul l-investigazzjoni. L-eżami ta’ dan is-settur komuni ipotetiku huwa limitat għat-tfassil ta’ tabella (tabella 3 tad-deċiżjoni kkontestata), mingħajr ebda kummenti ta’ spjegazzjoni. Polimeri tenfasizza li, fil-kuntest tal-proċeduri dwar konċentrazzjoni, il-Kummissjoni kienet dejjem attenta li tagħmel distinzjoni bejn iż-żewġ swieq distinti. F’dan il-każ, Polimeri ssostni li ma humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet, la mill-perspettiva teknika u kummerċjali u lanqas mill-perspettiva tas-sistema tal-kompetizzjoni, biex din ir-rabta tkun iġġustifikata.

92      Fl-ewwel lok, Polimeri tindika li l-GB tikkompeti mal-gomma naturali. Hija tintuża fit-tajers għall-vetturi kummerċjali, ħfief u tqal, prinċipalment għaż-żona laterali tat-tajer. Filwaqt li tipprovdi analiżi f’dan ir-rigward, Polimeri ssostni li s-suq tal-GB jinkludi s-suq tal-GB magħqud ma’ parti minn dak tal-gomma naturali. F’dan il-kuntest, sehem Polimeri mis-suq qatt ma qabeż il-11.8 % bejn l-1996 u l-2002. Polimeri tenfasizza li, fit-tabella 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni neħħiet kull riferiment għall-ishma mis-suq, għas-suq totali ta’ GB u għal parti minn dan is-suq mhux kopert mill-impriżi kkonċernati. Din id-data, għalkemm tista’ tiġi kkontestata skont Polimeri, reġgħet iddaħħlet fit-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, fid-deċiżjoni kkontestata, ma kienx hemm riferiment għas-setgħa tal-preżunt akkordju li jinfluwenza s-suq, u lanqas għas-setgħa ta’ kull wieħed mill-parteċipanti. Polimeri żżid tgħid li t-tibdil magħmul mill-Kummissjoni huwa intiż li jelimina elementi li juru n-natura kontestabbli tal-analiżi tagħha, bħalma huwa l-livell ta’ kopertura tas-suq irrappreżentat mill-impriżi kkonċernati, li kien ħafna inqas minn dak imsemmi inizjalment fit-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

93      Fit-tieni lok, Polimeri tenfasizza li l-GSB hija l-gomma għall-użu ġenerali, li tadatta ruħha għal diversi applikazzjonijiet mingħajr ma tkun eċċellenti f’xi wieħed minnhom. Is-settur fejn tintuża l-iktar huwa l-produzzjoni tal-wiċċ imfellel ta’ barra tat-tajers. Madankollu, ma jeżistix settur fejn il-GSB hija teknikament insostitwibbli. Filwaqt li tipprovdi xi analiżi f’dan ir-rigward, Polimeri ssostni li s-suq tal-GSB jinkludi s-suq tal-GSB magħdud ma’ parti minn dak tal-gomma naturali. F’dan il-kuntest, is-sehem mis-suq ta’ Polimeri qatt ma qabeż it-13.8 % bejn l-1996 u l-2002. Hemm ukoll, l-ishma mis-suq fir-rigward tal-GSB kien tneħħew, fid-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll kull riferiment għas-suq totali u l-kwantifikazzjoni tal-bejgħ minn produtturi oħra. Polimeri tenfasizza li, fir-rigward tal-bejgħ minn produtturi oħra, hija kkontestat l-informazzjoni li nstabet inizjalment fit-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

94      Fit-tielet lok, filwaqt li tikkunsidra li s-swieq tal-GB u tal-GSB ma kellhomx jingħaddu flimkien, Polimeri tenfasizza li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, biddlet radikalment il-valorizzazzjoni tas-suq magħqud. Polimeri tirrileva li l-valorizzazzjoni tas-suq globali, fit-tabella 3 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ħafna iktar inferjuri minn dik tat-tabella bl-istess għan li tinsab fit-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, minkejja li l-ammonti ta’ dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati huma l-istess. Din id-differenza toħroġ mill-bejgħ ta’ GB u ta’ GSB attribwiti lill-produtturi l-oħra. Għaldaqstant, mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata, l-allegat akkordju jidher li jikkontrolla 90 % mis-suq, filwaqt li, fit-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huwa ma jirrappreżenta biss kważi60 % mis-suq. Polimeri żżid tgħid li, kieku kellha tiġi kkunsidrata l-preżenza tal-impriżi kkonċernati fis-suq tal-gomma naturali, li jikkompetu mal-GB u mal-GSB, iż-żona ta’ influwenza tinżel għal livelli ħafna inqas minn 50 %.

95      Fir-raba’ lok, fir-rigward tat-talba, Polimeri tindika li l-GB u l-GSB ma jintużawx esklużivament, kif tallega l-Kummissjoni, fil-produzzjoni tat-tajers, anki jekk dan l-użu huwa ikbar (bejn 60 % u 70 %). Id-differenzi kbar fl-użu li jeżistu bejn il-GB u l-GSB, mhux fil-kamp tal-produzzjoni tat-tajers, jikkorroboraw il-fatt li jkun żbaljat li jingħaqdu ż-żewġ prodotti f’suq jew settur magħqud. Fir-rigward tat-tajers, ħames produtturi kbar jassorbu l-volumi ta’ GB u ta’ GSB ddestinati għal dan l-użu. Madankollu, ebda minn dawn il-klijenti l-kbar ma jixtri mingħand produttur wieħed tal-gomma sintetika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi hija stess li ħafna produtturi tat-tajers għandhom il-produzzjoni tagħhom stess tal-gomom sintetiċi u jixtru ħafna gomma naturali wkoll. Minn dan isegwi li s-setgħa kuntrattwali tal-produtturi ta’ tajers hija sinjifikattiva meta pparagunata ma’ dik tal-produtturi tal-gomma u li l-grad ta’ trasparenza tas-suq mibni mill-produtturi ta’ tajers, fil-fażi ta’ negozjar, huwa għoli. Dawn l-elementi juru li l-eżistenza ta’ ftehim bejn il-produtturi ma hijiex wisq kredibbli. Barra minn hekk, perċentwali kbir mill-kuntratti (bejn 40 % u 60 %) huwa bbażat fuq “formola ta’ prezz” li fiha riferiment għall-prezz tal-materja prima. Dan ineħħi kull sinjifikat effettiv u kull effett mid-diskussjonijiet trimestrali fuq il-prezzijiet bejn il-kompetituri.

96      Polimeri tgħid ukoll li l-Kummissjoni, fl-iskritturi tagħha, tiċċita b’mod mhux komplet id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Frar 2006, Adriatica di Navigazione vs Il‑Kummissjoni (C‑111/04 P, Ġabra p. I-22). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 32 tad-digriet imsemmi, li l-“Qorti Ġenerali aċċettat li d-definizzjoni konfuża u mhux kompleta tas-suq rilevanti [setgħat] twassal għal żball fl-assenjazzjoni tar-responsabbiltajiet”. F’dan il-każ, is-suq meqjus ippermetta lill-Kummissjoni biex tikklassifika bħala illegali aġir assolutament newtrali. B’mod partikolari, ma teżistix, minnha nfisha, kawża li tirrigwarda l-GB.

97      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud. Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-kontestazzjoni tad-definizzjoni tas-suq inkwistjoni hija ineffettiva għal dak li jirrigwarda l-eżistenza tal-akkordju.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

98      Il-Kummissjoni tippreċiża, fid-deċiżjoni kkontestata, li inizjalment ngħataw żewġ numri ta’ kawżi. L-ewwel waħda kienet tikkonċerna t-talba għal immunità, ippreżentata minn Bayer, dwar il-GB. It-tieni waħda kienet tikkonċerna t-talba għal immunità, li ġiet ippreżentata wkoll minn Bayer, fir-rigward tal-GSB. L-investigazzjoni, madankollu, saret f’daqqa u l-parti l-kbira tal-atti ta’ proċedura (b’mod partikolari ż-żewġ dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet) kienu jkopru ż-żewġ setturi. Wara l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, intuża numru wieħed biss ta’ kawża. Fiż-żewġ dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet, kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li l-prattiki inkwistjoni kienu jikkostitwixxu ksur wieħed kontinwu (premessi 90 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

99      Permezz tal-argumenti tagħha, Polimeri fil-fatt tressaq żewġ ilmenti kontra d-deċiżjoni kkontestata. Fl-ewwel lok, hija tikkunsidra li l-Kummissjoni ma kellhiex tgħaqqad iż-żewġ proċeduri inizjali li jirrigwardaw il-GB u l-GSB. Fit-tieni lok, hija tikkontesta d-definizzjoni settorali tas-suq, kif ikkunsidrata mill-Kummissjoni.

100    Għal dak li jirrigwarda l-ewwel ilment imqajjem minn Polimeri, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha dritt tifred kif ukoll tgħaqqad il-proċeduri minħabba raġunijiet oġġettivi (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, T-30/05, Ġabra p. II-107, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li t-tgħaqqid taż-żewġ proċeduri inizjali ma sarx għal raġunijiet oġġettivi. B’mod partikolari, ma jistax jiġi kkontestat li l-GB u l-GSB jappartjenu lill-istess settur ta’ attività, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-karatteristiċi fiżiċi u l-użi ta’ dawn iż-żewġ prodotti. Sussegwentement, mid-deċiżjoni kkontestata u mid-dikjarazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati jirriżulta li xi wħud mil-laqgħat illeċiti inkwistjoni kienu jirrigwardaw kemm il-GB u kif ukoll il-GSB. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti ta’ Polimeri ma jistgħux jaffettwaw l-għażla li għamlet il-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, anki jekk il-ksur inkwistjoni jista’ jitqies bħala li jkopri, fil-verità, żewġ ksur distinti, il-fatt li dak il-ksur jiġi kkonstatat f’diversi deċiżjonijiet jew f’deċiżjoni waħda ma huwiex importanti peress li huwa paċifiku, f’dan il-każ, li l-ksur inkwistjoni ma huwiex preskritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63, u tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, T-101/05 u T-111/05, Ġabra p. II-4949, punt 158). B’mod partikolari, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li, minħabba t-tgħaqqid tal-kawżi, il-Kummissjoni attribwixxiet b’mod żbaljat ksur lil Polimeri. Barra minn hekk, il-ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar minn din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jista’ wkoll jikkostitwixxi fih innifsu u meħud waħdu, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu, bħal f’dan il-każ, fi pjan ġenerali, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fit-totalità tiegħu (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 258).

101    Għal dak li jirrigwarda t-tieni ilment imqajjem minn Polimeri, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kontestazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni hija ineffettiva fil-kuntest tar-raba’ motiv, peress li ma tistax twassal biex turi minnha nfisha li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE ma humiex issodisfatti. Polimeri ma tistax għaldaqstant tiddeduċi minn dan li hija ma pparteċipatx fl-akkordju (ara, f’dan is-sens, id-digriet Adriatica di Navigazione vs Il‑Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 30; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 172). B’mod partikolari, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li, minħabba d-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, il-Kummissjoni attribwixxiet b’mod żbaljat ksur lil Polimeri. Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni kkontestata tikkonstata b’mod ċar ir-responsabbiltà ta’ Polimeri għal dak li jirrigwarda kemm il-GB u kif ukoll il-GSB. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur uniku għal dawn iż-żewġ prodotti ma jistax iwassal biex Polimeri tiġi akkużata bi ksur li għalih hija ma għandhiex tinżamm responsabbli. Dan ma jipprekludix madankollu lil Polimeri milli tikkontesta d-definizzjoni tas-suq inkwistjoni fil-kuntest tal-għaxar motiv, dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

102    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-raba motiv imqajjem minn Polimeri għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.     Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq iċ-ċaqliq fil-prezzijiet matul il-perijodu kkunsidrat

a)     L-argumenti tal-partijiet

103    Polimeri tindika li l-Kummissjoni kienet żviluppat, fl-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, analiżi taċ-ċaqliq fil-prezzijiet fis-swieq tal-GB u tal-GSB. Issa, fit-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u wara d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rtirat il-parti li tirrigwarda il-“provi ekonomiċi” tal-ksur. Għaldaqstant kien hemm rikonoxximent impliċitu tal-fatt li l-allegat ksur ma kellu ebda effett konkret. Polimeri tenfasizza li l-irtirar sar wara analiżi dettaljata, li ġiet ipprovduta minn Syndial matul il-proċedura amministrattiva, li hija hemżet mar-rikors. Din l-analiżi turi li l-prezzijiet mitluba ma kienux isegwu xi loġika ta’ kontroll u ta’ allinjament u li l-allegat koordinament tal-prezzijiet, jekk jirriżulta, jikkostitwixxi fil-verità r-reazzjoni tal-produtturi għall-ispiża tal-materja prima u l-iżvilupp tas-suq.

104    L-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, fil-premessi 275 sa 280 tad-deċiżjoni kkontestata, bi tweġiba għall-analiżi pprovduta minn Syndial, ma tikkonvinċix. Polimeri, li tispjega l-kalkolu taċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq ikkonċernat, tikkunsidra li d-diskrepanzi fil-livelli ta’ prezzijiet bejn l-impriżi kienu kbar wisq biex jiġu kklassifikati li għandhom “grad ta’ korrelazzjoni għoli”. Polimeri ssostni, pereżempju, li ż-żieda fil-prezzijiet ta’ EniChem SpA kienet ta’ iktar minn 30 % ogħla minn dik tal-prezzijiet ta’ Shell bejn l-ewwel trimester tas-sena 1992 u t-tielet trimester tas-sena 1995. Għal dak li jirrigwarda l-kritika tal-Kummissjoni fejn tgħid li l-analiżi tattribwixxi b’mod arbitrarju lill-prodotti kollha valur inizjali ta’ prezz effettiv identiku, Polimeri tippreċiża li din l-analiżi turi, min-naħa l-oħra, l-effett tal-varjazzjonijiet fuq il-prezz inizjali ta’ kull wieħed mill-produtturi, indipendentement mill-valur assolut inizjali. Polimeri ammettiet madankollu li, għall-produtturi li għalihom is-serje sħiħa tal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet ma kinitx disponibbli (jiġifieri Bayer, Dwory u Kaučuk), il-punt ta’ tluq tas-serje kien ġie stabbilit fid-dawl ta’ varjazzjoni kumulattiva tal-prezz daqs dik ta’ EniChem SpA. Madankollu, fi kwalunkwe każ, dan ma jirrigwardax l-attribuzzjoni ta’ prezz effettiv lill-produttur u kull għażla oħra kienet twassal għall-istess riżultat. Fl-aħħar nett, Polimeri tenfasizza li hija qatt ma affermat li l-ispiża tal-butadiene hija l-uniku fattur li jiddetermina l-prezz finali tal-GB u tal-GSB, minkejja li dan il-fattur għandu effett predominanti.

105    Polimeri żżid tgħid – u dan il-kumment japplika wkoll għas-sitt motiv – li n-nuqqas ta’ turija tal-effetti tal-allegat akkordju jikkostitwixxi nuqqas fl-istruttorja u jkompli jnaqqas, barra minn hekk, il-valur tal-provi miġbura. Polimeri tenfasizza wkoll li, fis-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, magħrufa bħala “Siment” (T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 245), il-Qorti Ġenerali, filwaqt li tagħmel riferiment għas-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni (T‑30/91, Ġabra p. II‑1775), u ICI vs Il‑Kummissjoni (T‑36/91, Ġabra p. II‑1847), ikkonstatat li, f’dawn is-sentenzi, “minħabba d-djgħufija tal-provi ddokumentati [...], il-Qorti Ġenerali [kienet] ikkunsidrat li l-Kummissjoni, biex tipprova b’mod suffiċjenti skont id-dritt il-prattika miftehma li biha kienu akkużati ICI u Solvay, kellha tagħmel, sa mill-istadju ta[d-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet], evalwazzjoni ekonomika globali u fil-fond, b’mod partikolari tas-suq inkwistjoni kif ukoll tal-kobor u tal-aġir tal-impriżi li joperaw fuq dak is-suq”.

106    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud. Hija tfakkar li ma jeħtieġx li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti ta’ ftehim għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, jekk l-istess ftehim għandu bħala għan ir-restrizzjoni, prevenzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni żżid tgħid li filwaqt li dan il-kumment japplika wkoll għas-sitt motiv, l-eżistenza ta’ akkordju tirriżulta b’mod inkonfutabbli minn serje ta’ elementi preċiżi u konkordanti li ġew esposti b’mod ċar fid-deċiżjoni kkontestata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

107    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, bl-argumenti tagħha, Polimeri tikkontesta l-konstatazzjoni li saret mill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ akkordju bejn l-impriżi kkonċernati. Polimeri tikkunsidra, essenzjalment, li l-prezzijiet mitluba ma kinux isegwu xi koordinament, imma kienu jirriżultaw, b’mod partikolari, miċ-ċaqliq fl-ispejjeż tal-materja prima u mill-evoluzzjoni tas-suq.

108    Skont ġurisprudenza stabbilità, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim huwa superfluwu meta jidher li għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 50 iktar ’il fuq, punti 122 u 123; tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 491, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il Kummissjoni, C‑ 407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 84). Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ftehim ta’ tip antikompetittiv li jimmanifestaw ruħhom, bħal f’dan il-każ partikolari, matul il-laqgħat ta’ impriżi kompetituri, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ksur tal-Artikolu 81(1) KE jseħħ meta dawn il-laqgħat għandhom bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u b’hekk bil-għan li jorganizzaw artifiċjalment il-funzjonament tas-suq (sentenzi Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 508 u 509; Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 47, u Dalmine vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84). Fil-każ bħal dan, huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata ħadet sehem f’laqgħat li fihom ġew konklużi ftehim ta’ natura antikompetittiva, sabiex jiġi ppruvat is-sehem tal-imsemmija impriża fl-akkordju. Meta jiġi stabbilit is-sehem f’dawn il-laqgħat, hija din l-impriża li għandha tipproduċi provi tali li jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat ma kellha ebda spirtu antikompetittiv, billi turi li kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qiegħda tieħu sehem f’dawn il-laqgħat b’perspettiva differenti minn tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 155; Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 81, u Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 47).

109    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-prova tal-ftehim bejn l-impriżi ma tirriżultax mis-sempliċi konstatazzjoni ta’ paralleliżmu fl-aġir fis-suq, imma minn provi li minnhom jirriżulta li l-prattiki inkwistjoni kienu r-riżultat ta’ ftehim. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ispjegazzjoni alternattiva mogħtija minn Polimeri fir-rigward tal-prezzijiet mitluba ma hijiex tali li tippreġudika l-konstatazzjoni li għamlet il-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ akkordju bejn l-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II, punt 52 iktar ’il fuq, punti 727 u 728).

110    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-ħames motiv imqajjem minn Polimeri għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3.     Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-provvista tal-klijenti prinċipali

a)     L-argumenti tal-partijiet

111    Skont Polimeri, huwa diffiċli li jinftiehmu l-portata u l-impatt tal-intervent ta’ Michelin. Din tal-aħħar lanqas ma ppruvat turi li l-paralleliżmu fil-prezzijiet li ġie osservat fl-1995 kompla fis-snin sussegwenti. Barra minn hekk, Polimeri tindika li Michelin kienet tixtri mingħand erba’ produtturi għall-GB u mingħand sitt produtturi fir-rigward tal-GSB. Minn analiżi indirizzata lill-Kummissjoni jirriżulta li matul il-proċedura amministrattiva l-kunsinni magħmula minn EniChem SpA ma setgħux jifformaw parti minn pjan ta’ tqassim jew ta’ “konkordja”. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-varjazzjonijiet fil-volumi attribwiti lil kull wieħed mill-produtturi tat-tajers matul il-perijodu bejn l-1997 sal-2003.

112    Il-Kummissjoni titlob biex dan il-motiv jiġi miċħud. Hija tfakkar li ma kienx meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tal-ftehim, peress li l-għan tal-istess ftehim kien li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

113    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, bl-argumenti tagħha, Polimeri tikkontesta l-konstatazzjoni li għamlet il-Kummissjoni, dwar l-eżistenza ta’ akkordju bejn l-impriżi kkonċernati. Polimeri ssostni, essenzjalment, li l-provvista tal-klijenti prinċipali ma kinitx issegwi xi koordinazzjoni, u dan kif juru l-varjazzjonijiet fil-volumi mibjugħa.

114    Issa, f’dan il-każ, għal raġunijiet identiċi għal dawk irrilevati fil-kuntest tal-ħames motiv, fil-punti 107 sa 109 iktar ’il fuq, l-argumenti mressqa minn Polimeri ma humiex tali li jaffettwaw il-konstatazzjoni li għamlet il-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ akkordju bejn l-impriżi kkonċernati.

115    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, is-sitt motiv imqajjem minn Polimeri għandu jiġi miċħud bħala infondat.

4.     Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni illegali tal-ksur lil Polimeri

a)     L-argumenti tal-partijiet

116    Polimeri ssostni li, kieku kellha tiġi kkonstatata l-parteċipazzjoni tagħha, ħaġa li hija tikkontesta, il-Kummissjoni kellha tiddistingwi r-responsabbiltajiet ta’ Syndial u tagħha stess skont il-perijodi rispettivi li fihom huma mexxew l-attivitajiet li jirrigwardaw il-GB u l-GSB (jiġifieri mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Diċembru 2001 għal Syndial u mill-1 ta’ Jannar 2002 sat-28 ta’ Novembru 2002 għal Polimeri). Hija tirreferi f’dan ir-rigward għall-prinċipju li joħroġ mill-ġurisprudenza fejn ġie stabbilit li, bħala prinċipju, huwa obbligu tal‑persuna fiżika jew ġuridika li mexxiet lill‑impriża inkwistjoni fil‑mument meta jitwettaq il‑ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, li twieġeb għal dan il‑ksur, anki jekk, fil‑ġurnata tal‑adozzjoni tad‑deċiżjoni li kkonstatat il‑ksur, it‑tmexxija tal‑impriża titqiegħed taħt ir‑responsabbiltà ta’ persuna oħra (sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il‑Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I-9693, punti 77 sa 82 u Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punt 38). Il-Kummissjoni tirrikonoxxi dan il-prinċipju fil-premessa 337 tad-deċiżjoni kkontestata. Polimeri tenfasizza madankollu li, fil-premessa sussegwenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tattribwilha r-responsabbiltà kollha tal-ksur, inkluż għall-perijodu li fih Syndial kienet attiva fis-setturi inkwistjoni, u teħles lil din tal-aħħar minn kull responsabbiltà.

117    Il-Kummissjoni tiġġustifika l-għażla tagħha, fil-premessi 367 sa 369 tad-deċiżjoni kkontestata, billi tinvoka l-kriterju tal-kontinwità ekonomika u billi tagħmel riferiment għas-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq. Madankollu, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll ċerti rabtiet strutturali li jeżistu bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju, jiġifieri kontroll ta’ 50 % ta’ wieħed fuq l-ieħor. Polimeri żżid tgħid li, f’din il-kawża, il-kumpannija ċessjonarja, Aalborg, kienet biss inħolqot ad hoc għall-ksur, sabiex tirċievi x-xogħol tal-kumpannija parent fil-qasam tas-siment. F’dan il-każ, Polimeri kienet ilha teżisti bħala kumpannija mill-1995 u, fiż-żmien meta l-produtturi tal-GB u tal-GSB kienu qegħdin jikkonkludu (skont il-Kummissjoni) ftehim antikompetittivi, hija kienet okkupata bil-polyethylene (u mhux mill-lastku) b’mod għal kollox regolari. Jekk il-kriterju tal-“istess entità ekonomika” jintuża mingħajr ħsieb, sabiex ir-responsabbiltà tal-impriża ċedenti liċ-ċessjonarja tiġi ttrasferita, dan jirriskja li jwassal biex jinkiser b’mod assurd, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fis-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑133). Il-Kummissjoni, jekk tkun tixtieq tittrasferixxi r-responsabbiltà, għandha tindika fatturi oħra. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, fl-ewwel lok, li ċ-ċessjoni tal-attivitajiet li seħħet fl-1 ta’ Jannar 2002 involviet it-trasferiment lil Polimeri tal-attivitajiet prinċipali u tal-persunal ta’ Syndial, fit-tieni lok, li, fil-mument tat-trasferiment tal-attivitajiet, id-dħul mill-bejgħ korrispondenti ta’ Syndial kien naqas u għaldaqstant kien hemm riskju serju li Syndial ma jibqax ikollha attiv biżżejjed biex tħallas il-multa u, fit-tielet lok li, wara t-trasferiment, Polimeri pparteċipat fil-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika permezz tal-istess persuna li tappartjeni lill-persunal ta’ EniChem SpA. F’dan il-każ, l-ewwel u t-tielet argument ma humiex rilevanti biex jiġġustifikaw it-trasferiment tar-responsabbiltà. Polimeri tirrileva, f’dan ir-rigward, li dawn l-elementi huma preżenti wkoll fir-relazzjonijiet bejn Dow u Shell u ma wasslux biex Dow tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq minn Shell qabel it-trasferiment tal-attività. Għal dak li jirrigwarda t-tieni argument invokat mill-Kummissjoni, dan ma huwiex rilevanti mill-aspett legali, ħlief biex juri li l-kumpannija kienet f’sitwazzjoni ta’ falliment, ħaġa li ma tapplikax għal Syndial, li għadha teżisti sal-lum. Barra minn hekk, dan l-argument tant huwa inqas kredibbli li l-Kummissjoni attribwixxiet, f’dan il-każ, responsabbiltà in solidum biex tevita kull riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas. Polimeri żżid tgħid li l-kontroll ta’ EniChem SpA fuq Polimeri matul l-għaxar xhur wara t-trasferiment tal-attivitajiet kien biss soluzzjoni provviżorja, qabel ma l-kontroll jibda jiġi eżerċitat mill-kumpannija holding.

118    Polimeri tikkonkludi għaldaqstant li l-kriterju tal-kontinwità ekonomika ġie applikat f’dan il-każ bi ksur tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni, b’mod li ma huwiex konformi mal-ġurisprudenza Komunitarja, mingħajr motivazzjoni suffiċjenti u b’mod diskriminatorju.

119    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud. Hija ssostni, b’mod partikolari, li kienet teżisti kontinwità ekonomika bejn il-kumpannija ċedenti involuta fl-akkordju (EniChem SpA/Syndial) u l-kumpannija ċessjonarja (Polimeri).

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

120    Kif tfakkar fil-punt 4 iktar ’il fuq, l-attività ta’ Eni fir-rigward tal-prodotti kkonċernati kienet inizjalment żgurata permezz ta’ EniChem Elastomeri, li hija indirettament ikkontrollata minn Eni permezz tas-sussidjarja tagħha EniChem SpA. Fl-1 ta’ Novembru 1997, EniChem Elastomeri ġiet amalgamata f’EniChem SpA. Eni kienet tikkontrolla 99.97 % ta’ EniChem SpA. Fl-1 ta’ Jannar 2002, EniChem SpA ttrasferixxiet l-attività kimika strateġika tagħha (inkluż l-attività marbuta mal-prodotti inkwistjoni) lis-sussidjarja tagħha Polimeri, li tagħha kienet azzjonista bil-100 %. Eni ilha tikkontrolla direttament u kompletament lil Polimeri mill-21 ta’ Ottubru 2002. B’effett mill-1 ta’ Mejju 2003, EniChem SpA biddlet isimha għal Syndial (premessi 26 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

121    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li jeżistu rabtiet strutturali bejn EniChem SpA (li saret Syndial) u Polimeri, inkwantu dawn il-kumpanniji jappartjenu lill-istess impriża. Fil-każ partikolari, hija tikkonkludi li r-responsabbiltà ta’ Polimeri għall-ksur imwettaq minn Syndial għandha tibqa’ tissussisti, minkejja li din l-aħħar kumpannija tkompli teżisti (premessi 338, 368 u 369 tad-deċiżjoni kkontestata).

122    Il-Kummissjoni żżid tgħid li r-responsabbiltà ta’ Polimeri hija kkorroborata wkoll bil-fatt, l-ewwel nett, li EniChem SpA kienet l-unika azzjonista ta’ Polimeri qabel u wara t-trasferiment tal-attivitajiet inkwistjoni u li l-imsemmi trasferiment ma wassal għal ebda ħlas effettiv. Sussegwentement, il-kapital u d-dħul mill-bejgħ ta’ EniChem SpA tnaqqas kunsiderevolment wara dan it-trasferiment u l-attività ta’ din il-kumpannija ġiet limitata. Fl-aħħar nett, l-impjegat li kien ipparteċipa fil-ksur għal EniChem SpA kompla jipparteċipa fl-imsemmi ksur għal Polimeri (premessi 369 sa 373 tad-deċiżjoni kkontestata).

123    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta entità li teżerċita attività ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 145; u Cascades vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 78; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, Ġabra p. I‑10893, punt 39).

124    Madankollu, meta żewġ entitajiet jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika, il-fatt li l-entità li wettqet il-ksur għadha teżisti ma jimpedixxix, fih innifsu, li tiġi ssanzjonata l-entità li lilha hija ttrasferiet l-attivitajiet ekonomiċi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punti 355 sa 358) u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 132).

125    B’mod partikolari, tali applikazzjoni tas-sanzjoni hija ammissibbli meta dawn l-entitajiet kienu taħt il-kontroll tal-istess persuna u, fid-dawl tar-rabtiet stretti li jgħaqqduhom fuq il-livell ekonomiku u organizzattiv, applikaw fil-biċċa l-kbira l-istess direttivi kummerċjali (sentenza ETI et, punt 123 iktar ’il fuq, punt 49).

126    F’dan il-każ, huwa paċifiku li, waqt l-aġir ta’ ksur tagħhom, EniChem SpA u Polimeri kienu, direttament jew indirettament, kompletament miżmuma mill-istess kumpannija, jiġifieri Eni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipju tar-responsabbiltà personali ma jipprekludix li s-sanzjoni għal ksur imwettaq l-ewwel minn EniChem SpA u tkompla, sussegwentement, minn Polimeri tkun imposta kollha kemm hi fuq din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ETI et, punt 123 iktar ’il fuq, punt 51).

127    L-argumenti l-oħra mressqa minn Polimeri ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni.

128    B’mod partikolari, fir-rigward tal-fatt li l-elementi mressqa mill-Kummissjoni, kif riprodotti fil-punt 122 iktar ’il fuq, ma humiex rilevanti, għandu jiġi rrilevat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni fejn issostni li Polimeri għandha tinżamm responsabbli għall-aġir ta’ EniChem SpA (li saret Syndial) hija bbażata fuq il-fatt li t-trasferiment tal-attivitajiet inkwistjoni seħħ bejn żewġ kumpanniji li huma tal-istess impriża. L-elementi l-oħra mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, kif riprodotti fil-punt 122 iktar ’il fuq, ma jagħmlux ħlief jikkorroboraw il-konklużjoni tal-Kummissjoni, kif jindika l-użu tal-avverbju “ukoll” fil-premessa 369 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li l-elementi mressqa mill-Kummissjoni ma humiex rilevanti, din il-konstatazzjoni ma tistax tippreġudika l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward.

129    Fi kwalunkwe każ, l-elementi mressqa mill-Kummissjoni, li ma humiex ikkontestati minn Polimeri mill-aspett fattwali, huma rilevanti. Fil-fatt, dawn l-elementi juru l-fatt li sanzjoni imposta fuq impriża li tkompli teżisti legalment, iżda li ma tibqax teżerċita attività ekonomika, tirriskja li ma jkollhiex effett dissważiv u li, jekk ebda possibbiltà oħra ta’ impożizzjoni tas-sanzjoni fuq entità oħra għajr fuq dik li wettqet il-ksur ma tkun prevista, l-impriżi jkunu jistgħu jaħarbu sanzjonijiet bis-sempliċi fatt li l-identità tagħhom tiġi mmodifikata wara ristrutturazzjonijiet, ċessjonijiet jew tibdil legali jew organizzattiv ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ETI et, punt 123 iktar ’il fuq, punti 40 u 41).

130    Fl-aħħar nett, sa fejn bl-argumenti tagħha Polimeri tinvoka n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni identifikat b’mod ċar, fil-premessi msemmija fil-punti 120 sa 122 iktar ’il fuq, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tikkonstata r-responsabbiltà ta’ Polimeri f’dan il-każ.

131    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, is-seba’ motiv imqajjem minn Polimeri għandu jiġi miċħud bħala infondat.

5.     Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-konstatazzjoni infondata dwar l-eżistenza ta’ akkordju

a)     L-argumenti tal-partijiet

 Osservazzjonijiet preliminari

132    It-tmien motiv imqajjem minn Polimeri jinqasam formalment f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, Polimeri tikkontesta s-sorsi tal-provi użati mill-Kummissjoni. Fil-kuntest tat-tieni parti, Polimeri tikkontesta l-parti tad-deċiżjoni kkontestata bit-titolu “Preżentazzjoni ġenerali tal-akkordju”.

133    Għal dak li jirrigwarda l-parti tad-deċiżjoni kkontestata bit-titolu “Laqgħat tal-akkordju”, Polimeri tirreferi għal tliet annessi li hemżet mar-rikors u li fuqhom hija ssostni, b’kuntrast mal-Kummissjoni, li huma ammissibbli. Mill-ġurisprudenza msemmija mill-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha jista’ jiġi dedott li l-eventwali inammissibbiltà ta’ xi anness għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-espożizzjoni u l-formulazzjoni adegwata, fir-rikors, tal-motiv li għalih jirreferi l-anness imsemmi. Ir-riferiment ġenerali għal anness wieħed jew diversi annessi għandu jitqies bħala inammissibbli meta l-bażi legali (il-motiv) li għaliha jirreferu l-elementi msemmija fl-anness ma jkunux ifformulati b’mod adegwat fir-rikors. F’dan il-każ, Polimeri semmiet b’mod speċifiku, fl-ewwel lok, il-kontenut tad-diversi annessi fir-rikors u, fit-tieni lok, semmiet wieħed minnhom, b’mod iktar preċiż, fir-rikors imsemmi. Ma’ dan jiżdied il-fatt li t-test stess tal-annessi jagħmel diversi riferimenti għal ċerti partijiet tar-rikors u għal annessi oħra u li magħhom ġiet ippreżentata traduzzjoni bil-Franċiż. Għaldaqstant, l-annessi inkwistjoni għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali għal motiv imniżżel fir-rikors.

 Fuq l-ewwel parti tat-tmien motiv, li jikkonċerna s-sorsi tal-provi

134    Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-impriżi li talbu l-immunità jew tnaqqis fil-multa, Polimeri tirrileva li l-kuntest fattwali deskritt mill-Kummissjoni huwa differenti, f’diversi partijiet, mill-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tal-impjegati. Polimeri, fir-rigward tal-impjegati inkwistjoni, tindika li jeżistu diverġenzi mhux biss bejn il-kumpanniji differenti, iżda wkoll, fi ħdan l-istess kumpannija. Polimeri żżid tgħid li l-kontradizzjonijiet li hija ssemmi jidhru f’diversi partijiet tar-rikors. L-ilment tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, fejn issostni li l-argumenti ta’ Polimeri la fihom indikazzjoni u lanqas prova, huma purament formali.

135    Fit-tieni lok, fir-rigward tan-noti miktubin bl-idejn ta’ N. (Dow) li nġabru matul iż-żjara ta’ verifika, dawn jirrappreżentaw l-unika vera bażi dokumentata li tista’ tippreżenta l-Kummissjoni insostenn tal-akkużi tagħha.

136    Polimeri tirrileva b’mod partikolari li, fuq din il-bażi, fil-premessa 202 tad-deċiżjoni kkontestata jingħad, fir-rigward tal-allegata laqgħa illeċita bejn il-kompetituri tas-16 ta’ Novembru 1999 fi Frankfurt (il-Ġermanja) li: “Wara l-laqgħa tas-16 ta’ Novembru 1999 u l-ikla, is-Sinjuri [P., F., N., V., L., L. u T.] iltaqgħu fil-bar Casablanca fil-lukanda Meridien”. F’dan il-każ, il-fajl tal-investigazzjoni juri li, fil-ħin indikat, P. ma kienx għadu fi Frankfurt. Polimeri tehmeż, fl-anness, kopja tad-dokumenti tal-fajl tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, Polimeri tipproduċi provi li juru li L. (EniChem) kien diġà rritorna f’Milano (l-Italja). Hija għandha wkoll dubji fir-rigward tal-preżenza ta’ F., u dan minħabba ħlas li sar fil-lukanda, permezz tal-karta ta’ kreditu, fis-16 ta’ Novembru 1999. Polimeri żżid tgħid li wieħed mid-dokumenti mehmuża mar-risposta (jiġifieri rċevuta tal-lukanda mogħtija lil P) għandu jiġi skartat minn fost il-provi kontriha. Fil-fatt, għalkemm id-dokument inkwistjoni kien jagħmel parti mill-fajl tal-investigazzjoni, dan ma ntużax bħala prova, kemm fid-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, Polimeri ma setgħetx tiżviluppa osservazzjonijiet f’dan ir-rigward. L-istess japplika għall-fatt li l-Kummissjoni, fl-iskritturi tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, biddlet id-data tal-laqgħa uffiċjali u indikat il-15 ta’ Novembru 1999. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tispjegax kif il-laqgħa uffiċjali setgħat tinżamm fil-15 ta’ Novembru 1999 filgħaxija, meta l-ewwel parti tan-noti miktubin bl-idejn ta’ N. jibdew bil-laqgħa uffiċjali (li nżammet fis-16 ta’ Novembru 1999). Id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata għaldaqstant b’nuqqas fl-istruttorja, iżda wkoll b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Il-verżjoni l-ġdida tal-fatti ppreżentata mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha għandha għaldaqstant tiġi ddikjarata inammissibbli. B’kuntrast ma’ dak li tidher li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, Polimeri tenfasizza wkoll li hija dejjem ikkontestat li pparteċipat fil-laqgħa inkwistjoni.

137    Fl-aħħar nett, żewġ noti oħra miktubin bl-idejn ta’ N., li ntużaw inizjalment bħala provi tal-akkordju [għal-laqgħat li nżammu fil-21 ta’ Frar 1996 f’Düsseldorf u fit-30 ta’ Novembru u fl-1 ta’ Diċembru 1998 fi Brussell (il-Belġju)], tilfu l-istatus tagħhom bħala prova. Polimeri tikkonkludi minn dan li minn ħames noti miktubin bl-idejn ta’ N., tal-inqas tlieta minnhom ma għandhomx x’jaqsmu mal-laqgħat illeċiti. Il-Qorti Ġenerali għandha għaldaqstant tagħmel eżami wiesa’ u dettaljat tat-tifsira u interpretazzjoni tan-noti miktubin bl-idejn ta’ N. u tipproċedi, jekk ikun il-każ, b’verifiki addizzjonali ta’ dawn, b’mod partikolari biex tistabbilixxi kif u f’liema forma dawn in-noti waslu għand il-Kummissjoni.

138    Polimeri żżid li, b’kuntrast ma’ dak li tindika l-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha, hija semmiet diversi drabi, fir-rikors, elementi li jqajmu dubji fir-rigward tal-valur probatorju tan-noti miktubin bl-idejn ta’ N., u mhux biss dawk li jikkonċernaw il-laqgħa tas-16 ta’ Novembru 1999. Barra minn hekk, hija tenfasizza li, skont il-ġurisprudenza, jekk il-ġudikant ikollu xi dubju, dan għandu jibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 177).

139    Fit-tielet lok, fil-kuntest tar-replika, Polimeri ssostni, fir-rigward tal-GB u tal-GSB, li l-provi dwar l-allegati laqgħat tal-akkordju huma ineżistenti. Polimeri tikkummenta, f’dan ir-rigward, għal kull waħda mil-laqgħat inkwistjoni (għall-perijodu bejn l-1996 u l-2002). Polimeri tindika wkoll li l-espożizzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt kienet diġà saret fir-rikors.

 Fuq it-tieni parti tat-tmien motiv, li tikkonċerna l-preżentazzjoni ġenerali tal-akkordju

140    Preliminarjament, Polimeri tindika li l-parti tad-deċiżjoni kkontestata bit-titolu “Preżentazzjoni ġenerali tal-akkordju” hija ġabra ta’ dikjarazzjonijiet, fejn l-aspetti verament rilevanti huma ftit. Polimeri tenfasizza għaldaqstant li l-affermazzjoni ta’ W. (Bayer), riprodotta fil-premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn tgħid li L. (EniChem) u W. kienu talbu lil N. (Dow) biex ma jieħux iktar noti fuq id-diskussjonijiet uffiċjali, ma hijiex kredibbli. B’mod partikolari, Polimeri tirrileva li din l-affermazzjoni hija miċħuda minn L. u ma hijiex ikkonfermata minn N. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ W. tikkonċerna n-noti meħudin bl-idejn ta’ N. dwar il-laqgħat tal-21 ta’ Frar 1996. Fl-aħħar nett, hemm inkoerenza bejn l-allegat mument li fih N. intalab biex ma jibqax jieħu n-noti u l-mument effettiv li fih huwa mexa ma’ din it-talba. Polimeri ssostni wkoll li l-akkuża li l-Kummissjoni tixtieq tikkonferma l-bażi tagħha ġejja biss minn din id-dikjarazzjoni.

141    Fuq il-mertu, Polimeri tagħmel distinzjoni bejn il-ftehim fuq il-prezzijiet, il-ftehim fuq it-tqassim tas-suq, l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva, is-sorveljar tal-ftehim u l-kuntest fattwali ġenerali deskritt minn N.

–       Dwar il-ftehim fuq il-prezzijiet

142    Għal dak li jirrigwarda l-GB, Polimeri tenfasizza li d-dikjarazzjonijiet ta’ W. (Bayer), riprodotti fil-premessi 105 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata, huma vagi u, fi kwalunkwe każ, mhux plawsibbli. Hija tikkontesta, f’dan ir-rigward, ir-riferimenti li għamlet il-Kummissjoni, fl-iskritturi tagħha, għal premessi oħra tad-deċiżjoni kkontestata u tagħmel riferiment, fir-rigward ta’ dawn il-premessi, għal diversi punti tar-rikors jew tal-annessi tiegħu. Polimeri tindika wkoll li ċerti premessi msemmija mill-Kummissjoni ma jirrigwardawx il-GB.

143    Barra minn hekk, l-affermazzjoni li D. (EniChem) talab lil Bayer – permezz ta’ theddid – biex iżżid il-prezzijiet (premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata) ma hijiex kredibbli fid-dawl tal-fatt li Bayer kienet l-iktar operatur sinjifikattiv fis-suq. Bayer, wara kollox, ċaħdet id-dikjarazzjonijiet tal-impjegat tagħha stess. Il-Kummissjoni ma tistax għaldaqstant tikkontradixxi dan il-fatt b’sempliċi opinjoni li hija tagħti fl-iskritturi tagħha. Polimeri tindika wkoll li f’dik il-parti tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx hemm indikazzjoni speċifika oħra dwar ftehim ipotetiċi fuq il-prezz tal-GB. Barra minn hekk, ma teżisti ebda dokumentazzjoni bil-miktub fuq id-diskussjonijiet illeċiti ipotetiċi dwar il-GB. Fl-aħħar nett, Polimeri tenfasizza li l-analiżi tal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet fl-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet turi b’mod ċar, bl-għajnuna tal-informazzjoni pprovduta mill-produtturi kollha, li ma kienx hemm progress sinkronizzat fil-prezzijiet, li kien hemm kemm żidiet kif ukoll tnaqqis fil-prezzijiet, li l-progress fil-prezzijiet kien jirrifletti, b’ċerta dewmien fiż-żmien, iż-żieda jew it-tnaqqis fl-ispiża tal-materja prima u li l-prezzijiet tad-diversi prodotti kienu dejjem differenti ħafna bejniethom.

144    Għal dak li jirrigwarda l-GSB, Bayer tafferma li D. (EniChem) u de J. (Shell) kienu l-atturi l-iktar attivi fil-ftehim (premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, dawn iż-żewġ persuni dejjem ċaħdu bil-qawwa li ħadu sehem fil-ftehim antikompetittivi. Id-dikjarazzjoni msemmija fil-premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata, li ġiet invokata mill-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha, ma hijiex rilevanti peress li din saret b’mod personali minn V. (Shell). Hija ma tistax tippreġudika d-dikjarazzjoni ta’ de J. Il-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq id-dikjarazzjonijiet tal-impriżi kooperanti u ta’ Shell, mingħajr ma tipproduċi prova jew ħjiel ieħor. Għal dak li jirrigwarda Shell, din irrikonoxxiet mingħajr ebda riżerva, fl-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim dwar il-prezzijiet, minkejja li de J. ċaħad kategorikament din it-teżi. Polimeri ssostni madankollu li l-konfessjonijiet sussegwenti ta’ Shell għandhom valur probatorju biss fir-rigward tal-kumpannija li hija l-awtriċi tagħhom, u dan peress li saru wara l-ewwel att ta’ akkuża u ma humiex ikkorroborati minn dokumenti rilevanti oħra. Polimeri tikkontesta, f’dan ir-rigward, ir-riferimenti li għamlet il-Kummissjoni, fl-iskritturi tagħha, għall-premessi l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata. Polimeri tagħmel riferiment, fir-rigward ta’ dawn il-premessi, għal diversi punti tar-rikors jew tal-annessi tiegħu.

145    Barra minn hekk, il-pożizzjoni ta’ Bayer, kif rapportata fil-premessi 110 u 114 tad-deċiżjoni kkontestata, ma hijiex konformi mad-dikjarazzjonijiet ta’ ċerti impjegati tagħha, f’dan il-każ O. u Ü.. Polimeri tirreferi, f’dan ir-rigward, għal ċerti dokumenti tal-fajl tal-investigazzjoni. Għal dak li jirrigwarda lil O., Polimeri tirrileva li, b’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha, dan ipparteċipa f’laqgħa tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika fit-2 u fit-3 ta’ Settembru 1996, laqgħa li ssemmiet fost il-“laqgħat tal-akkordju”. Barra minn hekk, ma jistax jiġi immaġinat li xi uffiċjali ta’ Bayer ikkonkludew ftehim mingħajr ma’ O., li kienet il-persuna b’responsabbiltà kummerċjali għal din il-kumpannija, kienet ġiet infurmata. Ir-reviżjoni sussegwenti li saret ma hijiex rilevanti, peress li hija bbażata fuq verżjonijiet ġodda tal-fatti li joħorġu mill-konversazzjonijiet ma’ W., li qatt ma kien responsabbli għall-GSB fi ħdan Bayer. Polimeri tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni semmiet id-dikjarazzjonijiet tal-persuni l-iktar li kkooperaw. Ma teżisti ebda prova li l-impriżi kkonċernati kkonkludew ftehim ta’ żieda fil-prezzijiet, u lanqas li huma ppjanaw u ħolqu mekkaniżmu komuni li jippermetti prattika miftiehma sistematika fuq il-prezzijiet tal-GSB. Polimeri tfakkar, f’dan ir-rigward, il-kritika li saret kontra n-noti miktubin bl-idejn ta’ N. Fl-aħħar nett, l-analiżi tal-varjazzjonijiet tal-prezzijiet fir-rigward tal-GSB tagħti l-istess riżultati bħal dawk tal-GB, li ġiet eżaminata qabel.

146    Polimeri ssostni wkoll li l-prova li l-ftehim inkwistjoni ma kellux effett hija rilevanti, u dan b’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha. Dan huwa l-unika mod għal Polimeri biex turi n-nuqqas ta’ bażi tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet, li huma kkonfermati bi provi oħra.

–       Fuq il-ftehim dwar it-tqassim tas-suq

147    Preliminarjament, Polimeri ssostni li ma jirriżultax ċar mid-deċiżjoni kkontestata jekk l-allegati ftehim dwar it-tqassim tas-suq jikkonċernawx biss il-GSB jew ukoll il-GB. Polimeri tirrileva, f’dan ir-rigward, kontradizzjoni li teżisti bejn il-premessi 124 u 301 tad-deċiżjoni kkontestata.

148    Għal dak li jirrigwarda l-GB, Polimeri tenfasizza li hija biss waħda mid-dikjarazzjonijiet riprodotti fit-taqsima dwar il-ftehim għat-tqassim tas-suq (jiġifieri dik ta’ W. ta’ Bayer) li tikkonċerna speċifikament dan il-prodott (premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, fid-dawl tal-premessi 56 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata, Polimeri tiddikjara li għandha dubji dwar il-kapaċità tal-produtturi li jaqsmu l-klijenti (f’dan il-każ il-produtturi tat-tajers) tad-daqs ta’ dawk imsemmija mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba speċifikazzjonijiet tekniċi, mhux il-produtturi kollha ġew approvati minn kull klijent. Ebda dokument ma juri l-allegati ftehim fuq it-tqassim tas-suq. Polimeri ssostni, barra minn hekk, li l-provvisti ta’ EniChem SpA lill-produtturi tat-tajers imsemmija mill-Kummissjoni (60 sa 65 % tal-produzzjoni tal-GB minn EniChem SpA) kienu jvarjaw kostantement. Dan huwa inkompatibbli mal-idea li kellu jinżamm l-istatus quo, tal-inqas f’dak li jirrigwarda lil Polimeri. Barra minn hekk, EniChem SpA biegħet il-bqija mill-produzzjoni tagħha ta’ GB (jiġifieri 35 sa 40 %) lil klijenti li ma humiex produtturi ta’ tajers, li ma humiex klijenti komuni. Polimeri tenfasizza li, b’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha, hija ma tallegax li ma kellhiex interess kummerċjali biex jiġu konklużi ftehim antikompetittivi.

149    Għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni ta’ V. (Shell), riprodotta fil-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn jingħad li L. (EniChem) ordnalu li jżomm ’il bogħod mis-suq tal-appoġġi tat-twapet fir-Renju Unit, din ma hijiex kredibbli. Polimeri tenfasizza, f’dan ir-rigward, l-evoluzzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ Shell, il-fatt li L. jiċħad kategorikament li kellu konversazzjoni ta’ dan it-tip u l-fatt li s-suq tal-appoġġi tat-twapet ma tidħolx fih il-GB.

150    Għal dak li jirrigwarda l-GSB, Polimeri tirrileva li, skont id-dikjarazzjoni ta’ P. (Bayer), li beda xogħolu fl-1999 (għaldaqstant mingħajr ebda indikazzjoni li tirrigwarda s-snin preċedenti), riprodotta fil-premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata, dan jiċħad li kien hemm ftehim biex jiġu ffriżati l-kapaċitajiet jew l-ishma mis-suq u jafferma li d-deċiżjoni biex ma jkunx hemm kompetizzjoni aggressiva kienet tħalliet għad-diskrezzjoni tal-impriżi. Din ix-xhieda turi kollox ħlief il-prova tal-eżistenza tal-ftehim. Dan huwa kkonfermat bil-fatt li l-kwantitajiet ta’ GSB mibjugħa minn EniChem SpA lill-klijenti prinċipali kienu dejjem ivarjaw. L-argument tal-Kummissjoni li l-pożizzjoni ta’ Polimeri kienet ibbażata fuq żball ta’ traduzzjoni, bit-Taljan, tad-dikjarazzjoni ta’ P., għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha l-possibbiltà li tikkoreġi dan l-iżball fit-traduzzjoni biex tippermetti lil Polimeri teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha. Fi kwalunkwe każ, id-dikjarazzjoni inkwistjoni, anki fil-lingwa oriġinali tagħha (il-Ġermaniż), hija ambigwa. Polimeri tikkontesta wkoll ir-riferimenti magħmula mill-Kummissjoni, fl-iskritturi tagħha, għal premessi oħra fid-deċiżjoni kkontestata, li suppost għandhom juru l-eżistenza ta’ akkordju li jikkonċerna l-GSB għas-snin ta’ qabel l-1999.

151    Għal dak li jirrigwarda l-affermazzjoni ta’ Dow, riprodotta fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn jingħad li “huma assiguraw lil EniChem [SpA] li huma ma kinux ser jattakkaw il-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ Michelin jew ta’ Bridgestone” [traduzzjoni mhux uffiċjali], din ma tirreferix għal perijodu speċifiku u għaldaqstant tikkuntrasta mal-varjazzjonijiet fil-kwantitajiet ipprovduti minn EniChem SpA matul il-perijodu inkwistjoni kollu. Għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni ta’ Bayer, riprodotta fil-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn jingħad li, waqt ċerti laqgħat, Dow u EniChem SpA akkużaw lil xulxin li serqu xi klijenti lil xulxin, din tidher li hija l-aħjar prova tal-eżistenza ta’ livell għoli ta’ kompetizzjoni fis-suq, tal-inqas fir-relazzjonijiet bejn EniChem SpA u Dow.

–       Fuq l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva

152    Għal dak li jirrigwarda l-GB, Polimeri ssemmi l-premessi 120, 128 u 132 tad-deċiżjoni kkontestata u essenzjalment tikkunsidra, li d-dikjarazzjonijiet li jinsabu hemmhekk ma humiex kredibbli (premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata) jew ma humiex ikkorroborati minn provi (premessi 120 u 128 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment għal informazzjoni li hija parzjalment pubblika, ħaġa li l-Kummissjoni tammetti fil-premessa 329 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant hija tirrikonoxxi wkoll, b’mod impliċitu, in-nuqqas ta’ bażi tal-ilment dwar l-iskambju ta’ informazzjoni.

153    Fir-rigward tal-GSB, il-premessi 131 sa 133 tad-deċiżjoni kkontestata ma jsemmu ebda akkuża speċifika. Polimeri tirreferi għaldaqstant għal dak li ngħad fir-rigward tal-GB.

154    Polimeri żżid tgħid li, b’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni, hija kkontestat, fir-rikors, id-dokumenti li jirrigwardaw il-laqgħat tal-20 ta’ Mejju 1996 f’Milano u tal-15 u 16 ta’ Novembru 1999 fi Frankfurt. Barra minn hekk, skont Polimeri l-informazzjoni inkwistjoni tirrappreżenta kważi esklużivament informazzjoni pubblika.

–       Fuq it-tkomplija tal-ftehim

155    Fil-premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi l-kuntatti telefoniċi bilaterali li saru mill-kompetituri bejn laqgħa u oħra. Skont Polimeri, il-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tiddeskrivi l-allegat mekkaniżmu ta’ tkomplija tal-ftehim tal-akkordju tinvolvi deskrizzjoni frammentata ħafna tal-avvenimenti. Għaldaqstant, ma hemm ebda prova tal-eżistenza ta’ rieda komuni tal-impriżi kollha involuti biex jimplementaw bejniethom mekkaniżmu ta’ kontroll fuq l-allegati ftehim. Polimeri tfakkar ukoll fil-ġurisprudenza li tgħid li għandu jiġi stabbilit il-fatt li l-impriża inkwistjoni kienet taf bl-aġir illeċitu tal-parteċipanti l-oħra, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih u li hija kienet lesta taċċetta r-riskju tiegħu (sentenza Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq). Din il-prova trid tkun ibbażata, mhux fuq il-bażi ta’ preżunzjoni ta’ ħtija, iżda fuq il-bażi ta’ provi ddokumentati diretti (sentenza Siment, punt 105 iktar ’il fuq).

156    Fir-rigward tal-GB, Polimeri ssemmi l-premessi 137, 138, 143 u 144 tad-deċiżjoni kkontestata u ssostni, essenzjalment, li d-dikjarazzjonijiet li hemm riprodotti fihom ma humiex dettaljati (bil-perijodu, prodott, klijenti) u, minħabba f’dan, għandhom valur probatorju dgħajef. B’mod iktar speċifiku, għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni ta’ F. (Dow), riprodotta fil-premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata, Polimeri tirrileva li dikjarazzjoni oħra ta’ Dow, li tinsab fil-fajl, issemmi kwistjoni bejn Dow u EniChem SpA, fl-istess perijodu, li tirrigwarda l-ksur tas-sigrieti kummerċjali minn Karbochem (impriża proprjetà ta’ Dow). Din il-kwistjoni, li ġiet solvuta permezz ta’ transazzjoni, kellha bżonn li jsiru kuntatti ripetuti bejn iż-żewġ impriżi. Għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni ta’ W. (Dow), riprodotta fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata, din taqa’ b’mod mhux mistenni fost l-affermazzjonijiet li jikkonċernaw il-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika u, b’mod partikolari, dik tax-xahar ta’ Novembru 2001.

157    Fir-rigward tal-GSB, Polimeri ssemmi d-dikjarazzjoni ta’ F. (Bayer) li tgħid li L. (EniChem) kien ikkuntattjaha madwar darbtejn f’sena wara l-ewwel laqgħa tagħhom li saret fi Frar 1999 (premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont Polimeri, dawn il-kuntatti ntrabtu ma’ kuntratt ta’ provvista bejn EniChem SpA u Bayer, li jirrigwarda prodott speċifiku li ma jaqax fil-kategorija tal-GSB, fis-sens strett tagħha. Polimeri pprovdiet, f’dan ir-rigward, dokument li juri l-bejgħ lil Bayer tal-prodott inkwistjoni fl-1999 u tirreferi għal dikjarazzjoni li tinsab fil-fajl tal-investigazzjoni. Id-dikjarazzjonijiet ta’ Bayer ittieħdu barra mill-kuntest tagħhom u ġew iċċitati bħala estratti, apposta. Barra minn hekk, F. ma kienx responsabbli direttament għall-attività marbuta mal-GSB. F. ikkonferma wkoll li l-konversazzjonijiet inkwistjoni ma setgħux ikun fihom il-ftehim fuq il-prezzijiet.

–       Fuq il-kuntest fattwali ġenerali deskritt minn N.

158    Polimeri tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti Ġenerali fuq dikjarazzjoni ta’ N. (Dow), li saret waqt diskussjoni li nżammet fit-13 ta’ Diċembru 2005, li ma ġġeddidx fid-deċiżjoni kkontestata. Din id-dikjarazzjoni, li hija tiċċita b’mod komplet, hija partikolarment sinjifikattiva. Hija turi li l-kuntatti li seħħew b’mod parallel mal-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika kienu biss mumenti inevitabbli u naturali ta’ laqgħat bejn l-operaturi fis-settur, li ddiskutew diversi kwistjonijiet, abbażi, fil-parti l-kbira, ta’ informazzjoni pubblika, mingħajr ebda rieda kollużiva. Huwa possibbli li, f’dan il-kuntest jinħolqu sitwazzjonijiet fortuwiti, li wieħed jista’ jikklassifika bħala fil-“limiti”. Iżda hemm differenza kbira bejn din is-sitwazzjoni u akkordju, li l-Kummissjoni ma ppruvatx permezz ta’ provi f’dan ir-rigward. Polimeri żżid tgħid li l-Kummissjoni injorat volontarjament id-differenza essenzjali li teżisti bejn it-tqassim ta’ informazzjoni pubblika u l-konklużjoni ta’ akkordju fuq il-prezzijiet ta’ prodott partikolari. Polimeri tenfasizza wkoll li d-dikjarazzjoni ta’ N. tikkonferma li ma kienx hemm viżjoni komuni, mhux biss fuq l-iżvilupp fil-prezzijiet tal-materja prima, iżda wkoll fuq l-għan aħħari mfittex mill-kumpanniji.

159    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud. Preliminarjament, il-Kummissjoni ssostni li, fl-annessi A 23 sa A 25 tar-rikors, Polimeri tressaq diversi lmenti u argumenti li ma jidhrux fit-test tar-rikors. B’dan il-mod, Polimeri tikser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura. Mill-bqija, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li hija ma wettqitx żball meta kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur fir-rigward ta’ Polimeri.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

160    Għandu jitfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tkun ikkonstatat u għandha tistabbilixxi l-provi li huma kapaċi juru, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur. Għalhekk, jeħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u li jikkonfermaw biex ikollha l-konvinzjoni ċerta li l-ksur seħħ (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 iktar ’il fuq). Għandu jitfakkar li sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huwa suffiċjenti li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 112, u tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il‑Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 86; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punt 256). L-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-qorti għandha tkun għall-benefiċċju tal-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Il-qorti ma tistax għaldaqstant tikkonkludi li l-Kummissjoni pprovat l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni, suffiċjentement skont il-liġi, jekk ikun għadu jippersisti dubju fil-ħsieb tagħha dwar din il-kwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T-38/02, Ġabra p. II-4407, punt 215).

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerta argumenti mressqa minn Polimeri fil-kuntest tat-tmien motiv

161    Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u taqsira tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ikun ammissibbli, jeħtieġ li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Għalkemm it-test proprju tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u komplut, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi f’dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa n-nuqqas tal-elementi essenzjali tal-argumenti ta’ liġi li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1992, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C-52/90, Ġabra p. I‑2187, punt 17 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T-201/04, Ġabra p. II-3601, punt 94). Barra minn hekk, ma huwiex id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li fuqhom hija tista’ tikkunsidra li huwa bbażat ir-rikors, peress li l-funzjoni tal-annessi hija waħda purament probatorja u strumentali (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 1997, Cipeke vs Il‑Kummissjoni, T-84/96, Ġabra p. II-2081, punt 34, u tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il‑Kummissjoni, T-231/99, Ġabra p. II‑2085, punt 154).

162    Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta tiġi invokata oġġezzjoni insostenn ta’ motiv (ara f’dan is-sens is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II‑1989, punt 333).

163    F’dan il-każ, Polimeri ssostni li: “[M]inħabba n-numru strettament limitat ta’ paġni li dan ir-rikors irid ikollu, ir-rikorrenti ser tressaq l-argumenti tagħha fuq il-parti ‘Preżentazzjoni ġenerali tal-akkordju’, filwaqt li tirriżerva l-osservazzjonijiet tagħha speċifikament fuq il-parti ‘Laqgħat tal-akkordju’ fl-anness [A] 23, l-anness [A] 24 u l-anness [A] 25 [tar-rikors]”.

164    Għaldaqstant, fil-korp tar-rikors, Polimeri tressaq oġġezzjoni li tikkonċerna l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li għandha t-titolu “Preżentazzjoni ġenerali tal-akkordju” (jiġifieri t-taqsima 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata). L-oġġezzjoni li tirrigwarda l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li għandha t-titolu “Laqgħat tal-akkordju” (jiġifieri t-taqsima 4.3 tal-istess deċiżjoni kkontestata) hija espliċita, kemm fid-dritt u fil-fatt, fl-annessi A 23 sa A 25 tar-rikors biss.

165    B’mod iktar preċiż, l-uniċi elementi pprovduti minn Polimeri fil-korp tar-rikors, li jikkonċerna l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li għandha t-titolu “Laqgħat tal-akkordju”, huma li ġejjin:

“Għal dak li jikkonċerna l-perijodu ta’ bejn l-1996 sal-2000 (fl-anness [A] 23 [tar-rikors], Polimeri ssostni li huwa impossibbli li jingħad li kien hemm xi forma ta’ akkordju bejn kompetituri fuq il-prezzijiet kemm tal-GSB u kif ukoll tal-GB. Fil-ftit każijiet fejn id-dokumenti annessi jsemmu l-laqgħat li ma humiex il-laqgħat uffiċjali, dokumenti li jikkonċernaw fil-parti l-kbira tagħhom il-GSB, xejn, imma verament xejn, ma jippermetti li jiġi konkluż li l-politika kummerċjali tal-impriżi kienet koordinata b’xi mod.

Fir-rigward tas-sena 2001, Polimeri turi, fl-anness [A] 24 [tar-rikors], li din hija sena assolutament irrilevanti mill-aspett ta’ antitrust, kemm f’dak li jikkonċerna l-GB kif ukoll f’dak li jikkonċerna l-GSB, b’mod li kemm jekk il-Kummissjoni kellha tqis bħala stabbilita l-eżistenza ta’ akkordju [fir-rigward] ta’ EniChem, quod non, din għandha titqies dejjem bħala li ntemmet mhux iktar tard mis-sena 2000.

Fl-aħħar nett, fl-2002 (anness [A] 25 [tar-rikors]), kif tammetti l-Kummissjoni stess, il-GB ma hijiex milquta b’ebda oġġezzjoni. Għal dak li jikkonċerna l-GSB, ebda attività illeċita ma ntweriet [fir-rigward] ta’ Polimeri” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

166    In-noti ta’ qiegħ il-paġna jsemmu l-postijiet u d-dati tal-laqgħat ikkonċernati.

167    Barra minn hekk, it-tmien motiv imqajjem minn Polimeri fir-rikors huwa maqsum f’żewġ partijiet, ħlief għall-parti intitolata “Introduzzjoni”. Dawn iż-żewġ partijiet, bit-titolu “[G]ħal dak li jikkonċerna s-sorsi tal-provi” u “Għal dak li jikkonċerna l-preżentazzjoni ġenerali tal-akkordju”, jirrigwardaw partijiet speċifiċi tad-deċiżjoni kkontestata li għandhom l-istess titolu. It-tmien motiv imqajjem minn Polimeri fir-rikors imkien ma fih parti intitolata “Għal dak li jikkonċerna l-laqgħat tal-akkordju”.

168    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-oġġezzjoni ta’ Polimeri kontra l-parti tad-deċiżjoni kkontestata intitolata “Laqgħat tal-akkordju” (jiġifieri t-taqsima 4.3 ta’ din tal-aħħar), li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi tagħha jissemmew biss fl-annessi A 23 sa A 25 tar-rikors, ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.

169    Polimeri ma tistax tikkumpensa għal din l-insuffiċjenza billi tintroduċi, fl-istadju tar-replika, ċerta informazzjoni fattwali jew legali li tirrigwarda l-“Laqgħat tal-akkordju” u billi tirreferi għall-annessi A 23 sa A 25 tar-rikors jew billi tipprovdi annessi ġodda mar-replika. Fil-fatt, fl-eżami tal-konformità tar-rikors mar-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-kontenut tar-replika ma huwiex, bħala ipoteżi, rilevanti. B’mod partikolari, l-ammissibbiltà, ammessa mill-ġurisprudenza (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il‑Kummissjoni, T‑106/95, Ġabra p. II-229, punt 125, u tat-28 ta’ Jannar 1999, BAI vs Il‑Kummissjoni, T-14/96, Ġabra p. II-139, punt 66), tal-motivi u tal-argumenti mressqa fir-replika bħala estensjoni tal-motivi li jinsabu fir-rikors ma tistax tiġi invokata bl-għan li tikkumpensa nuqqas, li sar fil-preżentata tar-rikors, għar-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ħlief biex iċċaħħad lil din id-dispożizzjoni tal-aħħar minn kull portata (digriet tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2008, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑144/04, Ġabra p. II-761, punt 30; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Marzu 1993, Blackman vs Il‑Parlament, T‑33/89 u T‑74/89, Ġabra p. II‑249, punt 65, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il‑Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 25).

170    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-motiv ta’ Polimeri, inkwantu jikkonċerna t-taqsima 4.3 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Laqgħat tal-akkordju”, huwa inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Mo och Domsjö vs Il‑Kummissjoni, punt 162 iktar ’il fuq, punt 334; tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il‑Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punt 210, u tat-30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑340/03, Ġabra p. II‑107, punt 168).

 Fuq l-ewwel parti tat-tmien motiv, dwar is-sorsi tal-provi

171    Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-impriżi li talbu l-immunità jew tnaqqis fil-multa, l-argumenti ta’ Polimeri tressqu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, b’mod ġenerali, mingħajr ma hija tipprovdi indikazzjoni preċiża biżżejjed. Dawn l-argumenti ma jistgħux, għaldaqstant, jippreġudikaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward. Jekk wieħed jippreżumi li l-argumenti ta’ Polimeri huma intiżi li jikkontestaw il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi li saru fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawk li ngħataw fil-kuntest tal-ewwel motiv (ara l-punt 58 iktar ’il fuq).

172    Fit-tieni lok, fir-rigward tan-noti miktubin bl-idejn ta’ N. (Dow), għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li Polimeri tikkontesta biss, fil-parti tar-rikors dwar is-“sorsi tal-provi”, dawk li jirrigwardaw il-laqgħa illeċita tal-15 u tas-16 ta’ Novembru 1999 fi Frankfurt (premessa 201 tad-deċiżjoni kkontestata). Polimeri ma tikkontestax in-noti miktubin bl-idejn ta’ N. dwar il-laqgħa illeċita tal-25 u tas-26 ta’ Frar 1997 fi Vjenna (l-Awstrija) (premessa 173 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, Polimeri ma tikkontestax, f’dik il-parti tar-rikors, in-noti miktubin bl-idejn ta’ N. dwar il-laqgħa illeċita tal-20 u tal-21 ta’ Mejju 1996 f’Milano (premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-fatt li Polimeri setgħet tikkontesta l-valur probatorju ta’ dawn in-noti msemmija l-aħħar, f’partijiet oħra fir-rikors, u b’mod partikolari fil-kuntest tat-tlettax-il motiv, ma jistax ibiddel din il-konklużjoni. Fi kwalunkwe każ, għar-raġunijiet li ser jiġu esposti fil-kuntest ta’ din tal-aħħar, Polimeri ma ressqitx argumenti tali li jikkontestaw il-valur probatorju tal-imsemmija noti. Għaldaqstant, anki jekk wieħed jippreżumi li jista’ jkun hemm dubju dwar il-valur probatorju tan-noti miktubin bl-idejn ta’ N. dwar il-laqgħa illeċita tal-15 u tas-16 ta’ Novembru 1999 fi Frankfurt jew li d-deċiżjoni kkontestata għandha nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward, kif issostni Polimeri, dan ma jistax jivvizzja l-valur probatorju tan-noti l-oħra miktubin bl-idejn imsemmija preċedentement.

173    Sussegwentement, it-tmien motiv ta’ Polimeri jagħmel parti mill-motivi dwar il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata u mhux mill-motivi dwar l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa. It-tmien motiv ta’ Polimeri huwa intiż għaldaqstant biex il-Qorti Ġenerali tikkonstata n-nuqqas ta’ ksur min-naħa ta’ Polimeri. F’dan il-każ, anki jekk wieħed jippreżumi li l-Qorti Ġenerali tasal biex tiskarta l-valur probatorju tan-noti miktubin bl-idejn ta’ N. dwar il-laqgħa illeċita tal-15 u tas-16 ta’ Novembru 1999 fi Frankfurt jew biex tikkunsidra li Polimeri ma pparteċipatx fil-laqgħa msemmija, dan ma jwassalx biex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ ksur min-naħa ta’ din l-impriża. Fil-fatt, il-konstatazzjoni tal-ksur hija bbażata fuq provi oħrajn, b’mod partikolari fuq id-dikjarazzjonijiet tal-impriżi li jikkorroboraw dikjarazzjonijiet oħra tal-istess natura, fuq noti miktubin bl-idejn ta’ laqgħat illeċiti oħra u fuq dokumenti miġbura waqt l-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, fil-każ ta’ ftehim li jsiru matul laqgħat bejn impriżi kompetituri, ikun hemm ksur ta’ din ir-regola ta’ kompetizzjoni meta dawn il-laqgħat ikollhom għan antikompetittiv u għaldaqstant ikunu intiżi sabiex jorganizzaw b’mod artifiċjali l-funzjonament tas-suq. F’każ bħal dan, ir-responsabbiltà ta’ impriża partikolari għall-ksur hija validament stabbilita meta din tkun ipparteċipat f’dawn il-laqgħat waqt li kienet taf x’kien l-iskop tagħhom, anki jekk sussegwentement hija ma tkunx implementat xi waħda jew oħra mill-miżuri li jinftehmu matulhom. Il-parteċipazzjoni bejn wieħed u ieħor frekwenti tal-impriża fil-laqgħat kif ukoll l-implementazzjoni bejn wieħed u ieħor sħiħa tal-miżuri miftiehma ma għandhomx konsegwenzi fuq l-eżistenza tar-responsabbiltà tagħha, iżda fuq il-portata ta’ din ir-responsabbiltà u għalhekk fuq l-ammont tas-sanzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 145).

174    Minn dan jirriżulta li l-argumenti mressqa minn Polimeri li jikkonċernaw is-sorsi tal-provi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tmien motiv, li jikkonċerna l-preżentazzjoni ġenerali tal-akkordju

175    Preliminarjament, fir-rigward tal-kritika magħmula minn Polimeri kontra l-affermazzjoni ta’ W. (Bayer), riprodotta fil-premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn jingħad li L. (EniChem) u W. kienu talbu lil N. (Dow) biex ma jieħux iktar noti fuq id-diskussjonijiet uffiċjali, għandu jiġi kkunsidrat li, anki jekk wieħed jippreżumi li l-kritika ta’ Polimeri tista’ tintlaqa’ u li l-affermazzjoni ta’ W. tiġi skartata, dan il-fatt ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dan ma jippreġudikax id-dikjarazzjonijiet l-oħra ta’ Bayer, peress li dawn huma kkonfermati minn Dow jew Shell, jew huma kkorroborati bi provi dokumentati. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni msemmija iktar ’il fuq ta’ W. ippermettiet lill-Kummissjoni biex tindika għaliex, fil-fehma tagħha, in-noti miktubin bl-idejn li jikkonċernaw il-laqgħat illegali ma setgħux jinstabu fir-rigward tas-snin 2000 u 2001 (premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata). Din l-ispjegazzjoni ma taffettwax il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni tinqeda wkoll bid-dikjarazzjoni ta’ W. fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata, meta hija tiddeskrivi r-rwol ta’ kull impriża involuta fl-akkordju. Madankollu, ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni dan il-fatt biex evalwat il-gravità tal-ksur fir-rigward ta’ Polimeri. Fi kwalunkwe każ, għalkemm żball tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward seta’ jkollu effett fuq l-ammont tal-multa ta’ Polimeri, huwa ma jistax ikollu effett fuq il-konstatazzjoni tal-ksur.

176    Preliminarjament ukoll, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti ta’ Polimeri ser jiġu analizzati billi ssir distinzjoni bejn il-GB u l-GSB, minkejja li Polimeri ma setgħetx turi li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta qieset il-ksur preżenti bħala uniku (ara, f’dan ir-rigward, ir-raba’ motiv iktar ’il fuq).

–       Fuq il-ftehim dwar il-prezzijiet

177    Fir-rigward tal-GB, u għal dak li jirrigwarda l-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta’ W. (Bayer), riprodotti fil-premessi 105 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata huma vagi, għandu jitfakkar li, fil-prattika, il-Kummissjoni hija ta’ spiss obbligata tipprova l-eżistenza ta’ ksur f’ċirkustanzi ftit adattati għal dan il-kompitu, inkwantu jistgħu jgħaddu numru ta’ snin miż-żmien tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur u li diversi mill-impriżi li jkunu s-suġġett tal-investigazzjoni ma jkunux ikkooperaw b’mod attiv magħha. F’dan il-kuntest, ikun wisq faċli għal impriża li tkun ħatja ta’ ksur li tevita l-piena jekk hija tkun tista’ tressaq argument dwar in-natura vaga tal-informazzjoni ppreżentata fir-rigward tal-funzjonament ta’ ftehim illegali f’sitwazzjoni fejn l-eżistenza tal-ftehim u l-iskop antikompetittiv tiegħu jkunu madankollu pprovati b’mod suffiċjenti. L-impriżi jistgħu jiddefendu rwieħhom effettivament f’sitwazzjoni bħal din sakemm ikollhom il-possibbiltà li jeżaminaw il-provi kollha prodotti kontrihom mill-Kummissjoni (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 203). Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Polimeri ma humiex tali li jippreġudikaw id-dikjarazzjonijiet ta’ W. riprodotti fil-premessi 105 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata, li huma, barra minn hekk, ikkorroborati mid-dikjarazzjonijiet ta’ Dow u ta’ Shell u minn provi ddokumentati.

178    Għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni ta’ W. riprodotta fil-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata, din issemmiet mill-Kummissjoni bil-għan li tistabbilixxi l-istorja tar-relazzjonijiet bejn l-impriżi kkonċernati. B’mod iktar partikolari, id-dikjarazzjoni inkwistjoni tikkonċerna s-sena 1995, jiġifieri perijodu li fih il-Kummissjoni ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Polimeri huma ineffettivi għall-finijiet li jiġi kkonstatat li ma kienx hemm ksur f’dan il-każ.

179    Fir-rigward tal-GSB, u għal dak li jirrigwarda l-fatt li de J. (Shell) dejjem ċaħad li ħa sehem fil-ftehim inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li Shell tammetti b’mod espliċitu li pparteċipat fi ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet bejn it-30 ta’ Awwissu 1995 u l-31 ta’ Mejju 1999 (premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata). B’kuntrast għal dak li tidher li qiegħda tissuġġerixxi Polimeri, din id-dikjarazzjoni saret għan-nom ta’ Shell u mhux għan-nom ta’ V. personalment. Issa, it-tweġibiet mogħtija għan-nom ta’ impriża, bħala tali, għandhom iktar kredibbiltà minn dik li jista’ jkollha t-tweġiba mogħtija minn membru tal-persunal tagħha, tkun xi tkun l-esperjenza jew l-opinjoni personali ta’ dan tal-aħħar (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punt 45 u JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 205). Fir-rigward tal-fatt li d-dikjarazzjonijiet tal-impriżi għandhom valur probatorju biss fil-konfront tal-kumpannija li hija l-awtriċi tagħhom, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li d-dikjarazzjonijiet ta’ Shell huma kkorroborati mhux biss mid-dikjarazzjonijiet ta’ Bayer u ta’ Dow, iżda wkoll mid-dokumenti msemmija mill-Kummissjoni.

180    Għal dak li jirrigwarda l-fatt li d-dikjarazzjoni ta’ Bayer, riprodotta fil-premessi 110 u 114 tad-deċiżjoni kkontestata, tikkontradixxi l-pożizzjoni espressa minn uħud mill-impjegati tagħha, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni ta’ Bayer hija intiża li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ftehim dwar il-prezzijiet tal-GSB bejn ix-xahar ta’ Settembru 1996 u 1999. Issa, kif tfakkar fil-punt preċedenti, it-tweġibiet mogħtija għan-nom ta’ impriża, bħala tali, għandhom iktar kredibbiltà minn dik li tista’ jkollha t-tweġiba mogħtija minn membru tal-persunal tagħha, indipendentement mill-esperjenza jew l-opinjoni personali ta’ dan tal-aħħar. Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet tal-impjegati ta’ Bayer ma jistgħux ikollhom iktar valur probatorju minn dik ta’ din il-kumpannija. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ Bayer hija kkorroborata mid-dikjarazzjonijiet ta’ Dow u ta’ Shell u minn diversi provi ddokumentati.

181    Għal dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, l-analiżi tal-prezzijiet proposti minn Polimeri, fir-rigward kemm tal-GSB kif ukoll tal-GB, il-prova tal-prattika miftiehma bejn l-impriżi ma tirriżultax mis-sempliċi konstatazzjoni li kien hemm paralleliżmu fl-aġir fis-suq, iżda minn dokumenti li minnhom jirriżulta li l-prattiki kienu r-riżultat ta’ prattika miftiehma. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ispjegazzjoni mogħtija minn Polimeri fir-rigward tal-prezzijiet applikati ma hijiex tali li tippreġudika l-konstatazzjoni li għamlet il-Kummissjoni, dwar l-eżistenza ta’ akkordju bejn l-impriżi kkonċernati.

182    Għal dawn ir-raġunijiet, l-argumenti ta’ Polimeri ma humiex tali li jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ftehim dwar il-prezzijiet.

–       Dwar il-ftehim fuq it-tqassim tas-suq

183    Fir-rigward tal-GB, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li Polimeri tindika li hija biss id-dikjarazzjoni ta’ Bayer riprodotta fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna l-ftehim fuq it-tqassim tas-suq. Issa, il-premessa ta’ Polimeri hija żbaljata. Fil-fatt, il-konklużjoni tal-Kummissjoni hija bbażata wkoll fuq dikjarazzjoni ta’ Dow, riprodotta fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, li “tkopri kemm il-GB kif ukoll il-GSB”. F’din id-dikjarazzjoni, Dow tippreċiża b’mod partikolari li d-diskussjonijiet bilaterali bejn il-produtturi kienu jirrigwardaw speċifikament il-klijenti. B’mod partikolari, Dow tirrileva li l-produtturi kienu żguraw lil EniChem SpA li ma kinux ser jattakkaw il-pożizzjoni tagħha fil-konfront ta’ Michelin jew Bridgestone. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ Shell, riprodotta fil-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata, issemmi diskussjoni bejn W. (Bayer) u V. (Shell) li tikkonċerna l-bejgħ ta’ GB lil “BP”. Il-fatt li L. (EniChem) jiċħad li pparteċipa f’din id-diskussjoni jew li l-GB ma tikkonċernax is-suq tat-twapet ma jistax jippreġudika din id-dikjarazzjoni, tal-inqas fir-rigward tal-kuntatt bilaterali bejn Bayer u Shell. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ Bayer, riprodotta fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ġietx ikkontestata minn Polimeri b’mod formali, hija espliċita fir-rigward tal-ftehim fuq it-tqassim tas-suq bejn il-kompetituri għar-rigward tal-GB. Bayer tindika hemmhekk fil-fatt li, “anki għall-GB”, inftiehem li ma jittieħdux klijenti tal-kompetituri l-oħra. Minn dan jirriżulta li t-tqassim tas-suq li jikkonċerna l-GB huwa kkonfermat mid-dikjarazzjonijiet li ngħataw minn tlieta mill-impriżi kkonċernati, jiġifieri Bayer, Dow u Shell. Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward, li d-dikjarazzjonijiet magħmula għan-nom tal-impriżi għandhom valur probatorju kunsiderevoli, u dan peress li dawn iwasslu għal riskji legali u ekonomiċi kunsiderevoli. Dan il-valur probatorju huwa partikolarment għoli meta, kif inhu l-każ hawnhekk, id-dikjarazzjonijiet tal-impriżi jikkorroboraw dikjarazzjonijiet oħra tal-istess natura.

184    Fit-tieni lok, ċerti dikjarazzjonijiet ta’ impriżi, anki jekk ma jirrigwardawx b’mod speċifiku l-GB, isemmu t-tqassim tas-suq. L-istess jingħad għad-dikjarazzjoni ta’ Shell, fil-premessi 120 u 128 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll għad-dikjarazzjoni ta’ Bayer, fil-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata.

185    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-fatt li t-tqassim tas-suq tal-GB huwa improbabbli minħabba s-saħħa kummerċjali tal-klijenti jew iċ-ċaqliq fil-bejgħ ta’ EniChem SpA, għandu jitfakkar li, fil-każ ta’ ftehim li jsiru matul laqgħat bejn impriżi kompetituri, ikun hemm ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni meta dawn il-laqgħat ikollhom għan antikompetittiv u għaldaqstant ikunu intiżi sabiex jorganizzaw b’mod artifiċjali l-funzjonament tas-suq. F’każ bħal dan, ir-responsabbiltà għall-ksur ta’ impriża partikolari hija validament stabbilita meta din tkun ipparteċipat f’dawn il-laqgħat waqt li kienet taf x’kien l-iskop tagħhom, anki jekk sussegwentement hija ma tkunx implementat xi waħda jew oħra mill-miżuri li jinftehmu matulhom. Il-parteċipazzjoni bejn wieħed u ieħor frekwenti tal-impriża fil-laqgħat kif ukoll l-implementazzjoni bejn wieħed u ieħor sħiħa tal-miżuri miftiehma ma għandhomx konsegwenzi fuq l-eżistenza tar-responsabbiltà tagħha, iżda fuq il-portata ta’ din ir-responsabbiltà u għalhekk fuq l-ammont tas-sanzjoni (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 173 iktar ’il fuq).

186    Fir-rigward tal-GSB, u għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni ta’ Bayer riprodotta fil-premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argumenti ta’ Polimeri huma bbażati, effettivament, fuq żball fit-traduzzjoni, għat-Taljan, tad-dikjarazzjoni ta’ P. li saret bil-Ġermaniż. Madankollu, minkejja l-isfortuna ta’ dan l-iżball fit-traduzzjoni, dan ma huwiex tali li jippreġudika d-dikjarazzjoni ta’ P., u lanqas il-valur probatorju tagħha. Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-verżjoni oriġinali tad-dikjarazzjoni ta’ P. hija riprodotta f’nota ta’ qiegħ il-paġna tad-deċiżjoni kkontestata, indipendentment mill-verżjoni lingwistika tagħha. Barra minn hekk, dan l-iżball fit-traduzzjoni ma jistax jaffettwa d-drittijiet tad-difiża ta’ Polimeri quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn hija kienet f’pożizzjoni li tressaq l-argumenti tagħha, f’dan ir-rigward, fl-istadju tar-replika. Fl-aħħar nett, anki jekk wieħed jippreżumi li t-traduzzjoni pprovduta mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali għandha tiġi skartata, kif issostni Polimeri, dan ma jaffettwax il-verżjoni oriġinali tad-dikjarazzjoni ta’ P., riprodotta fid-deċiżjoni kkontestata, li ġiet innotifikata lil Polimeri. Il-Qorti Ġenerali għandha għaldaqstant kull fakultà li tirreferi għal din il-verżjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, mill-verżjoni oriġinali tad-dikjarazzjoni ta’ P. jirriżulta li, anki jekk dan jindika li ma kien ġie konkluż ebda ftehim intiż li jiffriża l-ishma mis-suq jew il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni, xorta waħda kien maħsub li ebda impriża involuta ma kellha toħloq dannu lill-oħrajn u li huma kienu wkoll miftehma li ma jikkompetux b’mod aggressiv mal-klijenti prinċipali tal-partijiet l-oħra. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-impriżi kkonċernati kellhom il-ħsieb li ma jikkompetux b’mod aggressiv fir-rigward tal-klijenti.

187    Għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni ta’ Dow, riprodotta fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, din tikkorrobora d-dikjarazzjoni ta’ Bayer li tgħid li l-impriżi kkonċernati kellhom il-ħsieb li ma jikkompetux b’mod aggressiv. Il-fatt li Polimieri tikkontesta b’mod speċifiku l-affermazzjoni li l-produtturi kienu żguraw lil EniChem SpA li ma kinux ser jattakkaw il-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ Michelin u ta’ Bridgestone, b’mod partikolari peress li l-bejgħ ta’ EniChem SpA kien varja, ma jaffettwax il-konstatazzjoni li d-dikjarazzjoni ta’ Dow tikkorrobora dik ta’ Bayer. Barra minn hekk, fil-każ tal-ftehim li jsiru matul laqgħat bejn impriżi kompetituri, ikun hemm ksur tal-Artikolu 81 KE meta dawn il-laqgħat ikollhom skop antikompetittiv u għaldaqstant ikunu intiżi sabiex jorganizzaw artifiċjalment il-funzjonament tas-suq. F’każ bħal dan, ir-responsabbiltà għall-ksur ta’ impriża partikolari hija validament stabbilita meta din tkun ipparteċipat f’dawn il-laqgħat waqt li kienet taf x’kien l-iskop tagħhom, anki jekk sussegwentement hija ma tkunx implementat xi waħda jew oħra mill-miżuri li jkunu nftehmu matul dawn il-laqgħat. Il-parteċipazzjoni bejn wieħed u ieħor frekwenti tal-impriża fil-laqgħat kif ukoll l-implementazzjoni bejn wieħed u ieħor sħiħa tal-miżuri miftiehma ma għandhomx konsegwenzi fuq l-eżistenza tar-responsabbiltà tagħha, iżda fuq il-portata ta’ din ir-responsabbiltà u għalhekk fuq l-ammont tas-sanzjoni (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 173 iktar ’il fuq).

188    Għal dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni ta’ Bayer riprodotta fil-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-impriżi kkonċernati (f’dan il-każ Dow u EniChem SpA) akkużaw lil xulxin, fil-kuntest ta’ laqgħat komuni mal-impriżi l-oħra, li ħadu klijenti ta’ xulxin jew ishma mis-suq huwa indikazzjoni li l-impriżi kellhom il-ħsieb li ma jikkompetux b’mod aggressiv, u mhux bil-kontra.

189    Il-ħsieb li ma jikkompetux b’mod aggressiv li kellhom l-impriżi kkonċernati huwa kkonfermat ukoll mid-dikjarazzjonijiet ta’ Shell, riprodotti fil-premessi 120 u 128 tad-deċiżjoni kkontestata, u minn dik ta’ Bayer, riprodotta fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, ċerti provi dokumentati juru tal-inqas li ġiet skambjata informazzjoni li tikkonċerna lill-klijenti tal-impriżi kkonċernati. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, min-noti miktubin bl-idejn ta’ N. (Bayer) li ttieħdu fil-laqgħa illeċita tal-20 u 21 ta’ Mejju 1996 f’Milano.

190    Għal dawn ir-raġunijiet, l-argumenti ta’ Polimeri ma humiex tali li jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ftehim fuq it-tqassim tas-suq.

–       Fuq l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva

191    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward li, fid-dawl tal-konklużjonijiet dwar il-ftehim fuq il-prezzijiet kif ukoll fuq it-tqassim tas-suq, l-impriżi kkonċernati bilfors skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva, jiġifieri, tal-inqas, informazzjoni fuq il-prezzijiet jew fuq il-klijenti.

192    Għal dawn ir-raġunijiet, l-argumenti ta’ Polimeri ma humiex tali li jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva.

–       Fuq is-sorveljar tal-ftehim

193    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, li Polimeri tikkritika ċerti premessi tad-deċiżjoni kkontestata, dwar is-sorveljar tal-ftehim f’dak li jikkonċernaw b’mod speċifiku lil EniChem SpA. Polimeri ma tikkontestax il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata li jinvolvu impriżi oħra. Issa, impriża tista’ tinżamm responsabbli għall-akkordju komprensiv anki jekk jiġi stabbilit li ma pparteċipatx direttament ħlief f’xi wieħed jew iktar mill-elementi li jikkostitwixxuh peress li, min-naħa, hija kienet taf, jew kellha neċessarjament tkun taf, li l-kollużjoni li fiha kienet qiegħda tipparteċipa, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-laqgħat regolari organizzati matul diversi snin, kienet tagħmel parti minn pjan sħiħ intiż sabiex ifixkel l-andament normali tal-kompetizzjoni, u min-naħa l-oħra, li dan il-pjan kien ikopri l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju (sentenzi PVC II, punt 52 iktar ’il fuq, punt 773, u JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 370). Bl-istess mod, il-fatt li diversi impriżi kellhom rwoli differenti sabiex jintlaħaq għan komuni ma jeliminax il-fatt li l-għan antikompetittiv u, għaldaqstant, il-ksur kien l-istess wieħed, sakemm kull impriża tkun ikkontribwixxiet, fil-livell tagħha, sabiex dan l-għan komuni jintlaħaq (sentenza JFE Engineering et vs Il Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 370). Peress li diġà ġie konkluż li Polimeri kienet ipparteċipat fi ftehim fuq il-prezzijiet u fuq it-tqassim tas-suq, l-argumenti ta’ Polimeri dwar il-parteċipazzjoni personali tagħha fis-sorveljar tal-ftehim ma humiex tali li jippreġudikaw il-konstatazzjoni ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni f’dak li jikkonċernaha.

194    Fi kwalunkwe każ, għal dak li jirrigwarda l-GB u d-dikjarazzjonijiet ta’ Bayer u ta’ Dow riprodotti fil-premessi 137, 138 u 143 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkunsidrat li, għalkemm l-avvenimenti marbutin magħhom ma humiex datati b’mod preċiż, huma biżżejjed dettaljati (ismijiet tal-impriżi, jew tal-impjegati kkonċernati jew il-ġerarkija tagħhom, ismijiet tal-klijenti jew tal-prodott, firxa ta’ dati). Xejn ma jwassal biex ipoġġi fid-dubju l-valur probatorju tagħhom kif tagħmel, b’mod ġenerali, Polimeri. B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ Dow riprodotta fil-premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata, anki jekk issemmi l-isem ta’ Karbochem (impriża li dak iż-żmien kienet proprjetà ta’ Dow), hija ma ssemmix il-kwistjoni msemmija minn Polimeri fl-iskritturi tagħha. Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni ta’ Dow issemmi b’mod espliċitu l-kuntatti bilaterali intiżi għaż-żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ ta’ Karbochem lil Pirelli. Għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni ta’ W. (Dow) riprodotta fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata, ikun wisq faċli għal impriża li tkun ħatja ta’ ksur li tevita kull sanzjoni jekk hija tkun tista’ ġġib argument dwar in-natura vaga tal-informazzjoni prodotta fir-rigward tal-funzjonament ta’ akkordju illegali f’sitwazzjoni fejn l-eżistenza tal-akkordju u l-għan antikompetittiv tiegħu jkunu madankollu pprovati b’mod suffiċjenti. Fi kwalunkwe każ, id-dikjarazzjoni msemmija tieħu l-istess linja bħad-dikjarazzjoni ta’ F. (Dow), riprodotta fil-premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata, li, min-naħa tagħha, hija ddettaljata. Id-dikjarazzjoni riprodotta fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata hija intiża li turi li impjegat ieħor ta’ Dow kien ġie kkuntattjat minn EniChem SpA għall-istess raġunijiet (jiġifieri l-prezzijiet tal-bejgħ effettivi). Barra minn hekk, anki jekk jiġi kkunsidrat li din il-laqgħa ma seħħitx, dan ma jxejjinx il-valur probatorju tal-elementi l-oħra li jinsabu fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sorveljar tal-ftehim, li l-parti l-kbira tagħhom ma ġietx ikkontestata minn Polimeri.

195    Għal dak li jirrigwarda l-GSB, Polimeri tikkontesta biss id-dikjarazzjoni ta’ Bayer riprodotta fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata. Għal Polimeri, il-kuntatti inkwistjoni huma marbutin ma’ kuntratt ta’ provvista li jirrigwarda prodott li ma jaqax fil-kategorija tal-GSB. Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ Bayer tirrigwarda b’mod speċifiku d-diskussjonijiet fuq il-GSB (suq, prezz tal-materja prima, eċċ). Għaldaqstant, il-fatt li ġie allegat minn Polimeri ma huwiex tali li jiġġustifika l-kuntatti bilaterali msemmija fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata.

196    Għal dawn ir-raġunijiet, l-argumenti ta’ Polimeri ma humiex tali li jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sorveljar tal-ftehim.

–       Fuq il-kuntest fattwali deskritt minn N.

197    Fid-dawl tal-elementi rrilevati preċedentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-kuntatti bejn l-impriżi kkonċernati barra mil-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika kienu kollox ħlief “inevitabbli u naturali”, kif issostni Polimeri.

198    Barra minn hekk, b’mod ċar mid-dikjarazzjonijiet ta’ Dow (jiġifieri l-prinċipal ta’ N.) jirriżulta li din il-kumpannija tammetti espressament li kienet ipparteċipat fil-konklużjoni ta’ ftehim li jmorru kontra r-regoli tal-kompetizzjoni. Id-dikjarazzjoni ta’ N. li ssemmiet minn Polimeri fl-iskritturi tagħha ma tistax, għaldaqstant, ikollha iktar valur probatorju minn dik magħmula mill-kumpannija li timpjegah. Fil-fatt, ir-risposti mogħtija għan-nom ta’ impriża, bħala tali, għandhom iktar kredibbiltà minn dik li jista’ jkollha r-risposta mogħtija minn membru tal-persunal tagħha, tkun xi tkun l-esperjenza jew l-opinjoni personali ta’ dan tal-aħħar (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 179 iktar ’il fuq).

199    Għal dawn ir-raġunijiet, l-argumenti ta’ Polimeri ma humiex tali li jikkontestaw il-konstatazzjoni li saret f’dan il-każ dwar il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

200    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tmien motiv imqajjem minn Polimeri għandu jiġi miċħud bħala infondat.

6.     Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq il-konstatazzjoni infondata dwar il-parteċipazzjoni ta’ Polimeri fl-allegat akkordju

a)     L-argumenti tal-partijiet

201    Fl-ewwel lok, Polimeri tirrileva li l-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata, li tindika li d-diskussjonijiet saru fi ħdan l-akkordju minħabba l-pressjoni ta’ EniChem SpA, tirreferi hija stess għall-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata. Polimeri ssostni li din tirreferi għal perijodu – is-sena 1995 – li ġie eskluż mill-akkuża. L-istess kumment għandu japplika għall-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonċernaw il-GSB u r-riferiment li sar għall-premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn din tal-aħħar tirreferi għal laqgħa li nżammet fix-xahar ta’ Awwissu 1995. Barra minn hekk, huwa assurd li jkun hemm akkordju meta f’dan il-perijodu l-prezzijiet komplew jogħlew b’mod spontanju.

202    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fejn instab li Bayer u Dow kienu jikkunsidraw li EniChem SpA kellha rwol minn ta’ quddiem fi ħdan l-akkordju, ma kienx ikun realistiku li wieħed jistenna li dawn iż-żewġ impriżi, kapijiet fis-suq (waħda għal GB u l-oħra għal GSB), jirrikonoxxu lilhom infushom bħala l-promuturi tal-akkordju. Il-premessa 150 tad-deċiżjoni kkontestata hija wkoll interessanti, fis-sens li Dow tidentifika lil Bayer bħala waħda miż-żewġ kumpannija li kienu jmexxu d-diskussjonijiet fuq il-prezzijiet fir-rigward tal-GB, waqt li Bayer tiċħad kull responsabbiltà f’dan ir-rigward.

203    Fit-tielet lok, Polimeri tindika li hija diġà esprimiet ruħha fuq ix-xhieda sussegwenti ta’ Shell, li ġiet ikkonfermata biss a posteriori mill-memorji vagi ta’ W. (Bayer), li ddeskriva l-laqgħa tad-19 u tal-20 ta’ Frar 1998 ma’ L. (EniChem), u tirreferi għal anness mar-rikors.

204    Fir-raba’ lok, għal dak li jirrigwarda l-affermazzjoni li L. (EniChem) ċempel “’l hemm u ’l hawn” biex jikkoordina l-attivitajiet tal-akkordju, din toħroġ mill-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Madankollu, it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata jgħidu bil-kontra. Polimeri tirrileva wkoll li l-Kummissjoni ssemmi l-fatt li L. intervjena biex jikkonvinċi lil N. (Dow) biex jieqaf jieħu n-noti fil-laqgħat tal-akkordju, iżda ma ssemmix, fil-premessa 150 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li W. (Bayer) għamel l-istess ħaġa. Fi kwalunkwe każ, din l-affermazzjoni hija infondata.

205    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt, li ssemma mill-Kummissjoni, li EniChem kienet, fl-1998, 2000 u 2001, l-ikbar fornitur tal-GB u tal-GSB flimkien, dan ma huwiex eżatt. EniChem kienet tmexxi s-suq tal-GSB fl-1998 biss. Bayer dejjem kienet tmexxi s-suq għall-GB. Dow mexxiet is-suq għall-GSB tal-inqas mis-sena 2000 (jiġifieri mill-mument li hija xtrat sehem Shell).

206    Għaldaqstant, l-elementi ċċitati fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata biex jiġi ppruvat ir-rwol importanti ta’ EniChem SpA fl-akkordju preżunt huma infondati.

207    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud. Hija tosserva li hija ma kintx obbligata turi li EniChem SpA/Polimeri kellhom rwol importanti fl-akkordju inkwistjoni, iżda kellha sempliċement turi li din l-impriża kienet ipparteċipat fih. L-analiżi tal-ilmenti dwar l-żbalji preżunti fl-evalwazzjoni tal-provi li jikkonċernaw l-eżistenza tal-akkordju (ara t-tmien motiv iktar ’il fuq) turi ċar li Polimeri ma pprovatx in-natura infondata tad-diversi provi li jikkonfermaw l-eżistenza ta’ ksur wieħed u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u l-parteċipazzjoni ta’ EniChem SpA/Polimeri fil-ksur imsemmi.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

208    Permezz tad-disa’ motiv tagħha, Polimeri ssostni li l-elementi ċċitati fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata biex jintwera r-rwol kbir ta’ EniChem SpA fl-akkordju preżunt huma infondati.

209    Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li d-disa’ motiv tressaq minn Polimeri fil-kuntest tal-motivi li jirrigwardaw il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata u mhux fil-kuntest tal-motivi li jirrigwardaw l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa.

210    Issa, għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tat-tmien motiv, il-Kummissjoni kkonstatat ġustament il-parteċipazzjoni ta’ EniChem SpA fil-ksur inkwistjoni. Għaldaqstant, anki jekk wieħed jippreżumi li l-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tar-rwol allegatament sinjifikattiv li kellha EniChem SpA fl-akkordju, l-argumenti mressqa fil-kuntest tad-disa’ motiv ma humiex tali li jippreġudikaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-ksur fir-rigward ta’ Polimeri.

211    Għandu jiġi rrilevat madankollu li Polimeri indikat, waqt is-seduta, li d-disa’ motiv kien jikkonċerna wkoll l-ammont tal-multa. Għandu jiġi kkunsidrat, f’dan ir-rigward, li fid-dawl tal-kliem użati fl-iskritturi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, u b’mod partikolari dawk tar-rikors, l-argument imressaq minn Polimeri waqt is-seduta jikkostitwixxi motiv ġdid li bħala tali għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni r-rwol allegatament sinjifikattiv ta’ EniChem SpA fl-akkordju għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq Polimeri.

212    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, id-disa’ motiv imqajjem minn Polimeri għandu jiġi miċħud bħala infondat.

C –  Fuq il-motivi li jirrigwardaw l-iffissar tal-ammont tal-multa

1.     1. Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni infondata tal-gravità tal-ksur

a)     L-argumenti tal-partijiet

213    Fl-ewwel lok, għal Polimeri, l-analiżi li saret fil-kuntest tal-motivi li jirrigwardaw il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi li l-aġir ikkontestat ma setax jiġi kklassifikat bħala gravi ħafna minnu nnfisu, peress li l-kelma “akkordju” ma setgħetx tapplika fis-sitwazzjoni ta’ dan il-każ. Kieku l-Qorti Ġenerali kellha tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, hija jkollha tieħu inkunsiderazzjoni, madankollu, il-fatt li fuq iż-żewġ prodotti li fil-konfront tagħhom ittieħdet id-deċiżjoni kkontestata, tal-inqas wieħed minnhom – il-GB – qatt ma kien is-suġġett ta’ ebda forma ta’ kollużjoni.

214    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-allegat akkordju fis-suq, sa fejn dan seta’ jiġi kkalkolat. Issa, kif jirriżulta mill-premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma għamlitx din l-analizi. Hija llimitat ruħha biex issostni li l-ksur inkwistjoni, minnu nnifsu, kien serju ħafna (premessa 464 tad-deċiżjoni kkontestata). Polimeri tikkontesta dan l-approċċ u tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni (T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punti 223, 243 sa 254). B’mod partikolari, Polimeri ssostni li, jekk jiġi ppruvat li l-akkordju ma kellux effett, il-Kummissjoni jkollha tistabbilixxi l-ammont tal-multa f’livell orħos minn dak li kien jiġi stabbilit kieku ma jkunx hemm din il-konstatazzjoni. Polimeri tenfasizza b’mod partikolari li, jekk effett reali fis-suq huwa fattur li għandu jiġi evalwat biex eventwalment tiżdied il-multa, in-nuqqas ta’ effetti dannużi fis-setturi kkonċernati jista’ biss jiġġustifika tnaqqis tas-sanzjoni. In-nuqqas ta’ analiżi tal-effetti tal-allegat akkordju ma huwiex minħabba l-impossibbiltà oġġettiva ta’ evalwazzjoni, iżda minħabba l-inkapaċità tal-Kummissjoni li tagħmel tali analiżi jew minħabba tentattiv ħażin min-naħa tagħha li taħbi informazzjoni fundamentali għall-prova u għall-kwantifikazzjoni tal-multa. Il-fatt li l-Kummissjoni introduċiet fl-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-analiżi tal-prezzijiet, imbagħad irtiratha, jikkonferma din il-konklużjoni.

215    Fit-tielet lok, Polimeri tosserva li l-istudji li hija għamlet, mingħajr ħafna diffikultà minkejja n-nuqqas ta’ informazzjoni effettiva (jiġifieri bbażati biss fuq informazzjoni dwar il-prezzijiet li l-partijiet ipprovdew lill-Kummissjoni) juru li l-allegat ksur ma kellu ebda effett fuq iċ-ċaqliq fil-prezzijiet. Dawn żdiedu biss minħabba li għolew il-prezzijiet tal-materja prima. Barra minn hekk, anki fil-każ li hu kkontestat fejn il-ftehim sporadiċi dwar it-tqassim tas-suq fil-fatt kienu jeżistu, dawn ma kien ikollhom ebda effett fuq il-klijenti, peress li dawn l-istess klijenti kienu jkomplu jixtru mingħand min iridu u meta jkunu jridu. Polimeri tirreferi wkoll għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/210/KE, tal-14 ta’ Ottubru 1998, dwar proċedura skont l-Artikolu [81] KE (Kawża IV/F-3/33.708 – British Sugar plc, Każ IV/F-3/33.709 – Tate & Lyle plc, Każ IV/F-3/33.710 – Napier Brown & Company Ltd, Każ IV/F-3/33.711 – James Budgett Sugars Ltd) (ĠU 1999, L 76, p. 1), fejn il-Kummissjoni eskludiet l-eżistenza ta’ ksur serju ħafna, sa fejn l-effetti tal-ksur ma kinux intwerewx.

216    Fir-raba’ lok, Polimeri tfakkar il-pożizzjoni tagħha fejn tgħid li l-Kummissjoni naqqset il-valur totali tas-suq biex iġġiegħel lil wieħed jemmen li l-akkordju kien ikopri iktar minn 80 % mill-bejgħ tal-GB u tal-GSB. Din il-konklużjoni ma hijiex fondata. Barra minn hekk, Polimeri wriet li l-allegat akkordju ma kien qatt implika iktar minn terz tas-suq tal-GB/gomma naturali, u lanqas iktar min-nofs is-suq tal-GSB/gomma naturali. Polimeri tirreferi fl-aħħar nett għas-sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 214 iktar ’il fuq, fejn il-Qorti Ġenerali naqqset il-multa bi 15 % peress li “skond il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni nnifisha, is-sehem mis-suq tal-membri fl-akkordju kien naqas progressivament, mad-dħul ta’ Monsanto fis-suq, biex laħaq 60% lejn it-tmiem tal-ksur”.

217    Fil-ħames lok, Polimeri tindika li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur kellha ssir billi ssir distinzjoni bejn iż-żewġ swieq inkwistjoni. Madankollu, anki jekk dawn jiġu analizzati b’mod konġunt, dawn iż-żewġ swieq ma tantx huma importanti. Il-Qorti Ġenerali indikat, f’dan ir-rigward, li l-kalkolu tal-ammonti bażiċi tal-multa skont id-daqs tas-suq jikkostitwixxi prattika raġonevoli u koerenti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497). Barra minn hekk, il-multa ta’ Polimeri titla’ għal kważi nofs il-valur tas-suq għas-sena 2001 (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan l-approċċ ma huwiex raġonevoli u jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Polimeri żżid tgħid li, peress li dan japplika wkoll fil-kuntest tal-aggravant għar-reċidivi, il-Kummissjoni ma tistax taqbad mal-fatt li fir-rikors hija ma kkontestatx l-involviment ta’ Eni fl-akkordju. Fil-fatt, hija Eni, u mhux Polimeri li għandha tikkontesta dan il-fatt.

218    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud. Hija ssostni, essenzjalment, li ma wettqitx żball fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

219    Il-gravità tal-ksur għandha tkun stabbilita abbażi ta’ numru kbir ta’ elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom obbligatorjament jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenzi Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 465, u Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 173 iktar ’il fuq, punt 241).

220    Fost l-elementi ta’ natura li jidħu fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur hemm l-aġir ta’ kull impriża, ir-rwol li kull waħda minnhom kellha fil-konklużjoni tal-akkordju, il-profitt li huma setgħu jieħdu minnu, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Komunità (ara s-sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata).

221    Barra minn hekk, il-linji gwida jipprevedu, b’mod partikolari, li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura nfisha tal-ksur, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq meta dan jista’ jkun ikkalkolat u d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat. Il-ksur huwa għalhekk ikklassifikat fi tliet kategoriji, li jippermettu li ssir distinzjoni bejn il-ksur ftit serju, il-ksur serju u l-ksur serju ħafna (l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-punt 1 A  tal-linji gwida).

222    F’dan il-każ, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat, l-ewwel nett, li l-impriżi kkonċernati kienu kkonkludew ftehim li jirrigwardaw il-miri ta’ prezzijiet kif ukoll it-tqassim tas-suq u kienu skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva. Għall-Kummissjoni, dawn il-prattiki huma, min-natura tagħhom, ksur serju ħafna (premessa 461 u l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat li ma kienx possibbli li tqis l-effett konkret tal-akkordju fis-suq taż-ŻEE. Il-Kummissjoni żiedet tgħid ukoll li, anki jekk ma kienx possibbli li tqis l-impatt konkret tal-akkordju, il-ftehim inkwistjoni kienu ġew implementati mill-impriżi kkonċernati u, għaldaqstant, kellhom effett fis-suq. Il-Kummissjoni kkonkludiet billi ppreċiżat li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impatt fis-suq biex tistabbilixxi l-ammont tal-multi (premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni rrilevat li l-ksur kien ikopri t-territorju kollu taż-ŻEE (premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata). Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur inkwistjoni seta’ jiġi kklassifikat bħala serju ħafna (premessa 464 tad-deċiżjoni kkontestata).

223    Wara dan, il-Kummissjoni ttrattat b’mod differenti lill-impriżi kkonċernati skont id-dħul mill-bejgħ akkumulat tagħhom ta’ GB u GSB għas-sena 2001, li hija l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, ħlief għal Shell (sena 1998, peress li Shell biegħet l-attività tagħha fl-1999) u Stomil (sena 1999, peress li Stomil temmet il-ksur fl-2000). Il-Kummissjoni kklassifikat lill-impriżi kkonċernati f’ħames kategoriji, fejn EniChem kienet fl-ewwel waħda (multa f’ammont inizjali ta’ EUR 55 miljun) (premessa 465 sa 473 tad-deċiżjoni kkontestata).

224    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, bl-argumenti tagħha Polimeri ssostni li l-akkordju ma kellu ebda effett fis-suq.

225    Issa, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-kuntest tat-tmien motiv, il-Kummissjoni kkonkludiet ġustament li l-impriżi kkonċernati kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE fir-rigward tal-GB u tal-GSB. F’dan ir-rigward, mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna fil-linji gwida jirriżulta li ftehim jew prattiki miftiehma li jirrigwardaw b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, l-iffissar ta’ miri ta’ prezzijiet jew it-tqassim ta’ ishma mis-suq jistgħu, abbażi biss tan-natura tagħhom stess, jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna”, mingħajr ma jeħtieġ li l-Kummissjoni turi effett konkret tal-ksur fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C-534/07 P, Ġabra p. I–7415, punt 75; ara wkoll, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il‑Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 178 u Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 345). Bl-istess mod, hija ġurisprudenza stabbilita li l-akkordji orizzontali fil-qasam tal-prezzijiet jagħmlu parti mill-ksur l-iktar serju tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni u, għaldaqstant, waħedhom jistgħu jiġu kklassifikati bħala serji ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il‑Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 103, u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 160 iktar ’il fuq, punt 147).

226    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat li l-prattiki inkwistjoni kienu, min-natura tagħhom, ksur serju ħafna.

227    Fir-rigward tal-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, u billi Polimeri tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kunsiderazzjonijiet li wasslu għad-Deċiżjoni 1999/210 (ara l-punt 215 iktar ’il fuq), li ssemmew minn Polimeri fl-iskritturi tagħha, huma differenti minn dawk ta’ dan il-każ. B’mod partikolari, id-Deċiżjoni 1999/210 kienet tenfasizza li s-suq ġeografiku inkwistjoni kien limitat għal Gran Brittanja (premessa 193 tad-Deċiżjoni 1999/210). Għaldaqstant ma jistax jiġi dedott mid-Deċiżjoni 1999/210 li l-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm ksur serju, u mhux serju ħafna, mill-fatt biss li l-effetti tal-ksur ma kinux ġew ipprovati, kif sostanzjalment issostni Polimeri. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur wieħed u kontinwu li fil-kuntest tiegħu l-impriżi kkonċernati ftiehmu, b’mod partikolari, li jaqsmu l-klijenti. Dan il-fatt ma kienx issemma fid-Deċiżjoni 1999/210.

228    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-argumenti mressqa minn Polimeri fir-rigward tal-fatt li l-akkordju ma kellux effett fuq is-swieq ikkonċernati għandhom jiġu miċħuda.

229    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fatt li ntqal li l-Kummissjoni stabbilixxiet, b’mod żbaljat, il-valur totali tas-suq inkwistjoni, għandu jitfakkar l-ewwel nett li d-daqs tas-suq jista’ jkun fost dawk l-elementi rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-gravità tal-ksur (ara, f’dan is-sens, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 132, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniel Midlands vs Il‑Kummissjoni, T‑329/01, Ġabra, p. II-3255, punt 102). Imbagħad, mid-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni wara mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 66 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn jingħad li l-bejgħ tal-GB u tal-GSB mill-produtturi barra mill-akkordju fl-2001 kien jammonta għal “tal-inqas EUR 70 miljun”, ma hijiex żbaljata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball fid-deċiżjoni kkontestata meta stmat is-suq ikkonċernat fl-2001 f’ammont minn “tal-inqas” EUR 550 miljun (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata). Fi kwalunkwe każ, kif ġustament innutat il-Kummissjoni, ma hemm xejn x’jippermetti li jiġi kkunsidrat li żball fejn dan l-ammont tbaxxa kien ta’ dannu għal Polimeri.

230    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-gomma naturali, li tista’ tiġi ssostitwita mill-GB u mill-GSB, biex tistabbilixxi l-valur tas-suq inkwistjoni u, konsegwentement, l-ishma mis-suq tal-impriżi kkonċernati, għandu jiġi rrilevat li l-akkordju ma kienx jirrigwarda dan il-prodott. Issa, l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, u b’mod partikolari l-kapaċità ekonomika effettiva tal-atturi li joħolqu dannu lill-operaturi l-oħra (ir-raba’ paragrafu tal-punt 1 A, tal-linji gwida), ma tistax issir b’riferiment għal prodotti li ma humiex dawk li jkunu kienu s-suġġett tal-akkordju (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Diċembru 2005, Brouwerij Haacht vs Il‑Kummissjoni, T‑48/02, Ġabra p. II‑5259, punt 59).

231    Fir-raba’ lok, għal dak li jirrigwarda l-argumenti mressqa sussidjarjament minn Polimeri, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs tas-suq inkwistjoni kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (jiġifieri l-ammont ta’ EUR 550 miljun għas-sena 2001 għat-territorju taż-ŻEE), għandu jiġi kkunsidrat li għalkemm dan l-element jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biex tiġi stabbilità l-gravità tal-ksur, hemm elementi rilevanti oħrajn li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 132, u Archer Daniels Midlands vs Il‑Kummissjoni, punt 229 iktar ’il fuq, punt 102). F’dan il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ksur inkwistjoni huwa intrinsikament serju ħafna u jkopri t-territorju kollu taż-ŻEE. B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li l-impriżi kkonċernati ftiehmu li jiffissaw il-miri tal-prezzijiet, li jaqsmu l-klijenti permezz ta’ ftehim li ma jidħlux f’kompetizzjoni aggressiva u li jiskambjaw informazzjoni sensittiva dwar il-prezzijiet, dwar il-kompetituri u l-klijenti. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-punt 1 A tal-linji gwida, l-ammont maħsub tal-multa għal ksur serju ħafna huwa ogħla minn EUR 20 miljun. Imbagħad, għandu jiġi rrilevat li l-bejgħ ta’ EniChem għall-prodotti inkwistjoni, fl-2001, jitla’ għal ammont ta’ iktar minn EUR 164 miljun (premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, Polimeri ma tikkontestax li l-ammont tal-multa stabbilita ma jaqbiżx il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq fis-sena kummerċjali preċedenti, kif previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fejn dan il-limitu huwa intiż li jevita li l-impriża kkonċernata titpoġġa fl-impossibbiltà li tħallas il-multa inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 119). Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa fl-ammont ta’ EUR 55 miljun ma jistax ikun ippreġudikat mill-argumenti mressqa minn Polimeri.

232    Fir-rigward tal-isproporzjonalità msemmija bejn l-ammont finali tal-multa imposta fuq Eni u fuq Polimeri in solidum (jiġifieri EUR 272.25 miljun) u d-daqs tas-suq inkwistjoni għas-sena 2001 (jiġifieri EUR 550 miljun), għandu jitfakkar li fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ kull multa, il-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il‑Kummissjoni, C‑283/98 P, Ġabra p. I‑9855, punt 47, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-5 ta’ Diċembru 2006, Westfalen Gassen Nederland vs Il‑Kummissjoni, T‑303/02, Ġabra p. II‑4567, punt 151). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, l-ammont tal-multa huwa ddeterminat abbażi tal-gravità tal-ksur u t-tul tiegħu. Barra minn hekk, l-imsemmi ammont huwa r-riżultat ta’ sensiela ta’ evalwazzjonijiet ta’ ammonti magħmula mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-linji gwida. Id-determinazzjoni ta’ dan l-ammont hija, b’mod partikolari, ir-riżultat ta’ diversi ċirkustanzi relatati mal-aġir individwali tal-impriża inkwistjoni, bħall-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il‑Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punti 82 u 85). Ma jistax jiġi dedott minn dan il-kuntest ġuridiku li l-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm proporzjonalità bejn l-ammont totali tal-multa, hekk ikkalkolati, u l-volum totali tas-suq tal-prodott ikkonċernat fiż-ŻEE, matul sena partikolari tal-ksur (f’dan il-każ is-sena 2001), fid-dawl tal-fatt li l-ksur dam għaddej għal iktar minn sitt snin u li l-ammonti tal-multi jiddependu wkoll fuq ċirkustanzi oħra marbuta mal-aġir individwali tal-impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar i’il fuq, punt 342). Minn dan jirriżulta li l-argument ta’ Polimeri f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

233    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-għaxar motiv imqajjem minn Polimeri għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.     2. Fuq il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni illegali ta’ trattament differenti

a)     L-argumenti tal-partijiet

234    Polimeri tenfasizza li d-daqs speċifiku tal-impriżi kien ġie stabbilit billi ġie pparagunat il-bejgħ ta’ GB u tal-GSB flimkien mal-valur totali tal-bejgħ fl-2001. Issa, dan l-aħħar valur diffiċilment huwa vverifikat, billi tnaqqas sew bejn it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, peress li l-bejgħ taż-żewġ prodotti ngħadd flimkien, huwa żbaljat li Polimeri ġiet indikata li hija ta’ daqs speċifiku meta hija qatt ma kellha dak id-daqs, peress li hija dejjem kienet wara Bayer fir-rigward tal-GB u kienet qabel Dow għas-sena 1998 biss. Kieku ż-żewġt iswieq ġew mifruda, ir-riżultat kien ikun differenti. Polimeri tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-linji gwida jipprovdu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-“impatt reali tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kull impriża fil-kompetizzjoni”. Dan jimplika li jiġu identifikati qabel xejn is-swieq ikkonċernati bil-ksur. Anki jekk jiġi deċiż li ż-żewġ swieq jingħaqdu flimkien, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-ambjent kompetittiv tagħhom, u b’mod partikolari tal-gomma naturali. Fl-aħħar nett, l-ammont inizjali tal-multa għal Polimeri huwa ta’ 33 % tal-valur konġunt tal-bejgħ tagħha. Fid-dawl tal-fatt li d-daqs attribwit lil Polimeri ma huwiex iġġustifikat, dan l-ammont huwa eċċessiv.

235    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud. Hija tosserva b’mod partikolari li, skont il-kliem tal-punt 1 A tal-linji gwida, il-kriterju eżaminat huwa intiż li jqassam l-ammont bażiku tal-multa bejn l-impriżi li jipparteċipaw fl-akkordju kkonstatat u mhux biex jevalwa l-effett tal-akkordju (kollu kemm hu) fis-suq inkwistjoni (billi jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll is-sostitut potenzjali).

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

236    Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-parti l-kbira tal-argumenti mqajma minn Polimeri huma ripetizzjoni ta’ dawk żviluppati fil-kuntest tar-raba’ u l-għaxar motiv. Għaldaqstant, għall-istess raġunijiet li ssemmew fil-punti 100, 101, 229 u 230 iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda ukoll l-argumenti ta’ Polimeri f’dan ir-rigward.

237    Għal dak li jirrigwarda l-fatt li l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq EniChem (jiġifieri EUR 55 miljun) huwa ekwivalenti għal 33 % tal-valur konġunt tal-bejgħ tagħha fis-suq inkwistjoni għas-sena 2001 (jiġifieri EUR 164.90 miljun), għandu jiġi kkunsidrat li, għall-istess raġunijiet li ssemmew fil-punt 231 iktar ’il fuq, l-iffissar ta’ ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 55 miljun ma jistax jiġi kkontestat mill-argumenti mressqa minn Polimeri.

238    Fid-dawl ta’ dawn il-punti, il-ħdax-il motiv imqajjem minn Polimeri għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3.     3. Fuq it-tnax-il motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni illegali ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv

a)     L-argumenti tal-partijiet

239    Fl-ewwel lok, Polimeri ssostni li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Il-premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata tindika fil-fatt li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv ġie stabbilit, b’mod partikolari, fid-dawl taċ-“ċirkustanzi tal-każ”. Dawn iċ-ċirkustanzi la ġew deskritti u lanqas analizzati. Il-Qorti Ġenerali diġà enfasizzat il-ħtieġa li l-elementi bażiċi biex jiġi ffissat l-ammont tal-multi għandhom jiġu indikati fil-korp tad-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Buchmann vs Il‑Kummissjoni, T‑295/94, Ġabra p. II-813, punt 173). Għal Polimeri, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni fl-iffissar tar-rata taż-żieda minħabba l-effett dissważiv (sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 214 iktar ’il fuq, punt 317) ma huwiex assolut. Id-definizzjoni li l-Kummissjoni tagħti ta’ dawn iċ-“ċirkustanzi”, fir-risposta, hija dubjuża, u fi kwalunkwe każ, tardiva. Il-Kummissjoni kisret għaldaqstant, id-drittijiet tad-difiża ta’ Polimeri, li ma kellhiex l-okkażjoni li tiddiskuti element fundamentali tad-definizzjoni tal-multa.

240    Fit-tieni lok, Polimeri ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. Mill-premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni użat id-dħul mill-bejgħ tal-grupp li jappartjenu għalih l-impriżi implikati fil-ksur. Issa, id-differenza tad-dħul mill-bejgħ bejn Eni u Bayer, li hija ta’ EUR 46 355 biljun, u dik ta’ bejn Shell u Eni, li hija ta’ 3.7 darbiet iktar, jiġifieri EUR 172.81 biljun, waslet għal żieda fil-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 0.5 u 1 rispettivament. Mingħajr ma ssostni li jrid ikun hemm relazzjoni preċiża ta’ proporzjonalità bejn id-dħul mill-bejgħ u l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni, Polimeri ssostni li hija kienet, inġustament, is-suġġett ta’ metodu ta’ kalkolu wisq penalizzanti għaliha. Polimeri tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 214 iktar ’il fuq, u żżid li l-eżistenza ta’ limitu (jiġifieri koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ tlieta), li ma huwiex barra minn hekk previst fil-leġiżlazzjoni, ma għandux tal-inqas jiżvantaġġaha. Polimeri żżid tgħid li hija ma tifhimx għaliex il-Kummissjoni kkalkolat iż-żieda tal-multa b’għan dissważiv abbażi ta’ ċifri ta’ dħul mill-bejgħ li jirrappreżentaw, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, l-ammonti li jirriżultaw mill-bejgħ ta’ prodotti u mill-provvista ta’ servizzi. Barra minn hekk, il-fatt li jintuża d-dħul mill-bejgħ ta’ Eni biex jiġi stabbilit il-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ Polimeri huwa sproporzjonat, peress li hija ser tkun obbligata in solidum biex tħallas multa li ġiet irdoppjata minħabba d-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija parent.

241    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud. Hija tikkunsidra, essenzjalment, li ma wettqitx żball fl-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

242    Il-linji gwida jipprovdu li, apparti n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fis-suq u d-daqs ġeografiku tas-suq, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur biex joħolqu dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiggarantixxi effett suffiċjentement dissważiv (ir-raba’ paragrafu tal-Punt 1 A tal-linji gwida).

243    Is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li, intenzjonalment jew b’negliġenza, iwettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE tikkostitwixxi waħda mis-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni bl-għan li jippermettilha li twettaq il-missjoni ta’ sorveljenza li jagħtiha d-dritt Komunitarju, missjoni li tinkludi l-obbligu li ssegwi politika ġenerali bl-għan li tapplika fir-rigward tal-kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u torjenta f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi. Konsegwentement, sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur bl-għan li jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tiżgura n-natura dissważiva tal-azzjoni tagħha, b’mod speċjali għat-tipi ta’ ksur b’mod partikolari dannużi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 231 iktar ’il fuq, punti 105 u 106; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il‑Kummissjoni, T-31/99, Ġabra p. II-1881, punt 166, u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 160 iktar ’il fuq, punt 169).

244    Dan jitlob li l-ammont tal-multa jiġi aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt mixtieq fuq l-impriża li fuqha din tiġi imposta, u dan sabiex il-multa ma ssirx bla effett, jew għall-kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont ir-rekwiżiti bbażati, minn naħa, fuq il-ħtieġa li tiżgura l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Impriża ta’ daqs kbir, li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi finanzjarji kunsiderevoli meta pparagunata ma’ dawk tal-membri l-oħra tal-akkordju, tista’ timmobilizza iktar faċilment il-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-multa tagħha, li jiġġustifika, bil-għan li jiżgura li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti, l-impożizzjoni, b’mod partikolari bl-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni, ta’ multa proporzjonalment iktar għolja minn dik li jissanzjona l-istess ksur imwettaq minn impriża li ma jkollhiex dawn ir-riżorsi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punti 241 u 243; ara wkoll is-sentenzi ABB Asea Brown Boveri vs Il‑Kummissjoni, punt 243 iktar ’il fuq, punt 170, u BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 217 iktar ’il fuq, punt 235).

245    Għandu jingħad ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, b’mod partikolari, ir-rilevanza tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ kull impriża li tipparteċipa fl-akkordju sabiex jiffissa l-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il‑Kummissjoni, C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punti 85 u 86, u tal-14 ta’ Lulju 2005, Acerinox vs Il‑Kummissjoni, C-57/02 P, Ġabra p. I‑6689, punti 74 u 75); ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il‑Kummissjoni, C‑289/04 P, Ġabra p. I‑5859, punt 17).

246    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-għan ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tfittex fl-iffissar tal-ammont ta’ multa huwa intiż li jiżgura li l-impriżi josservaw r-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat għat-tmexxija tan-negozju tagħhom fi ħdan il-Komunità jew fiż-ŻEE. Minn dan isegwi li l-fattur ta’ dissważjoni li jista’ jiġi inkluż fil-kalkolu tal-multa għandu jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, u mhux biss is-sitwazzjoni partikolari tal-impriża kkonċernata. Dan il-prinċipju japplika, b’mod partikolari, meta l-Kummissjoni tkun stabbilixxiet “multiplikatur ta’ dissważjoni” li bih tkun żdiedet il-multa imposta fuq impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Showa Denko vs Il-Kummissjoni, punt 245 iktar ’il fuq, punti 23 u 24).

247    F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat li, fi ħdan il-kategorija tal-ksur serju ħafna, l-iskala ta’ sanzjonijiet kienet tippermetti li jiġi stabbilit l-ammont tal-multi f’livell li jiżgura n-natura suffiċjentement dissważiva, u dan filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-daqs ta’ kull impriża. Filwaqt li bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ dinji tal-impriżi kkonċernati, li sar fis-sena 2005, il-Kummissjoni rrilevat li kien hemm differenza kbira fid-daqs bejn Kaučuk (EUR 2 718 biljun ta’ dħul mill-bejgħ) u Stomil (EUR 38 miljun ta’ dħul mill-bejgħ), min-naħa waħda, u l-impriżi kkonċernati l-oħra, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari Bayer (EUR 27 383 biljun ta’ dħul mill-bejgħ), jiġifieri l-ewwel waħda mill-impriżi ta’ daqs kbir imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Abbażi ta’ dan, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kellu jiġi impost ebda koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv fuq Kaučuk u Stomil u, fir-rigward ta’ Bayer, kien xieraq li jiġi applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.5. Fl-aħħar nett, dejjem abbażi ta’ dan u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni imponiet koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.75 lil Dow (EUR 37 221 biljun ta’ dħul mill-bejgħ), ta’ 2 lil EniChem (EUR 73 738 biljun ta’ dħul mill-bejgħ) u ta’ 3 lil Shell (EUR 246 549 biljun ta’ dħul mill-bejgħ) (premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata).

248    Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni allegat minn Polimeri, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma jeħtieġx li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, billi l-kwistjoni dwar jekk din tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tal-att ikkonċernat, iżda wkoll tal-kuntest li fih dan l-att ġie adottat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63). Ir-rekwiżiti tal-formalità sostanzjali li tikkostitwixxi dan l-obbligu ta’ motivazzjoni huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur (sentenzi Sarrió vs Il‑Kummissjoni, punt 245 iktar ’il fuq, punt 73, u Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 463).

249    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni indikat li, biex tiżgura li l-multa tkun ta’ natura suffiċjentement dissważiva, hija tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs ta’ kull impriża. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni użat id-dħul mill-bejgħ globali magħmul fis-sena 2005 mill-impriżi kkonċernati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet paragun bejn id-daqs tad-diversi impriżi għall-finijiet tal-iffissar tal-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv. B’mod iktar speċifiku, fir-rigward ta’ EniChem, il-Kummissjoni tindika li d-dħul mill-bejgħ globali ta’ din l-impriża jirrappreżenta kważi d-doppju ta’ dak ta’ Dow. Minn dan jirriżulta li l-elementi li ppermettew lill-Kummissjoni tiffissa l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għal EniChem joħroġ ċar mid-deċiżjoni kkontestata.

250    Il-fatt li l-Kummissjoni semmiet ukoll iċ-“ċirkustanzi tal-każ” ma jistax jippreġudika din il-konklużjoni. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni semmiet espliċitament elementi oħra li ma humiex id-dħul mill-bejgħ globali u d-daqs relattiv tal-impriżi kkonċernati biex tistabbilixxi l-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv, ħaġa li l-Kummissjoni kkonfermat, wara kollox, waqt is-seduta. Barra minn hekk, l-espressjoni “ċirkustanzi tal-każ” tista’ tinftiehem bħala li tirreferi, ġustament, għad-dħul mill-bejgħ globali u d-daqs relattiv tal-impriżi kkonċernati. F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata hija motivata biżżejjed biex tippermetti lill-Qorti Ġenerali li tistħarreġ il-legalità tagħha u biex tippermetti lil Polimeri teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha.

251    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv użati mill-Kummissjoni ġew stabbiliti skont id-daqs relattiv tal-impriżi kkonċernati. Issa, Polimeri ma tikkontestax id-dħul mill-bejgħ imsemmi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, Polimeri ma tikkontestax li EniChem kienet, fl-2005, impriża ta’ daqs ikbar minn Bayer u Dow, u iżgħar minn Shell. Għaldaqstant, huwa koerenti u oġġettivament iġġustifikat li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ EniChem ikun ikbar minn dak ta’ Bayer u ta’ Dow, u iżgħar minn dak ta’ Shell. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-dħul mill-bejgħ dinji tas-sena 2005 kien ta’ EUR 27 383 biljun għal Bayer, ta’ EUR 37 221 biljun għal Dow (jiġifieri 35.93 % iktar minn ta’ Bayer) u ta’ EUR 73 738 biljun għal EniChem (jiġifieri 169.28 % iktar minn Bayer u 98.11 % iktar minn Dow). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ EniChem żdied b’14.28 % meta pparagunat ma’ dak ta’ Dow (2 meta pparagunat ma’ 1.75), fejn dan tal-aħħar stess kien żdied b’16.66 % meta pparagunat ma’ dak ta’ Bayer (1.75 meta pparagunat ma’ 1.5), ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni setgħet, abbażi ta’ dan, tistabbilixxi koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni terġa’ ikbar għal EniChem. Mill-bqija, u peress li, permezz tal-argumenti tagħha, Polimeri qegħda titlob lill-Qorti Ġenerali tivverifika l-legalità tal-ammonti tal-multi ffissati għall-impriżi kbar li magħhom ir-rikorrenti qegħda tipparaguna l-multa li ġiet imposta fuqha, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni stabbilit għal Shell, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni stabbilit għal EniChem ġie kkalkulat abbażi tal-koeffiċjent stabbilit għal Dow u mhux abbażi tal-koeffiċjent stabbilit għal Shell. L-argumenti ta’ Polimeri huma għaldaqstant ineffettivi f’dan ir-rigward. Iktar minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali meta tiġi biex tistabbilixxi l-ammont tal-multa u ma hijiex obbligata tapplika formula matematika preċiża (ara s-sentenza Hoek Loos vs Il‑Kummissjoni, punt 232 iktar ’il fuq, punt 68, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħadet inkunsiderazzjoni d-differenza fil-kapaċità ekonomika tal-impriżi kkonċernati biex għażlet il-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni li hija applikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑175/05, Ġabra p. II-184, punt 155). Fir-rigward tas-sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 214 iktar ’il fuq, imsemmija minn Polimeri, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, f’dik il-kawża, il-Kummissjoni kienet applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv identiku għal dak ta’ impriżi li juru diskrepanza kbira fid-dħul mill-bejgħ. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 214 iktar ’il fuq, ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ din il-kawża. Għal dak li jirrigwarda l-argument imressaq minn Polimeri waqt is-seduta, fejn issostni li s-sitwazzjoni ta’ Eni hija differenti minn dik ta’ Shell u ta’ Dow, fis-sens li l-kumpanniji holding ta’ dawn l-aħħar impriżi setgħu kienu informati bl-akkordju, u dan b’kuntrast mas-sitwazzjoni ta’ Eni, u jekk wieħed jippreżumi li dan l-argument huwa ammissibbli minkejja t-tardività tiegħu u li jista’ jaffettwa l-iffissar tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kumpanniji holding ta’ Shell u ta’ Dow ma nżammux responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħhom stess fil-ksur. Dawn il-kumpanniji, l-istess bħal Eni, inżammu responsabbli minħabba l-kontroll li huma kellhom fuq is-sussidjarji tagħhom li pparteċipaw direttament fil-ksur. L-argument ta’ Polimeri għandu, konsegwentement, jiġi miċħud.

252    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, Polimeri ma tipproduċi ebda prova li tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni użat kontra EniChem huwa sproporzjonat meta pparagunat mal-gravità tal-ksur u mal-għan imfittex biex jiżgura li l-multi jkunu dissważivi.

253    Fir-rigward tal-fatt li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni li ġie applikat huwa sproporzjonat peress li Polimeri nżammet responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ multa li ġiet irdoppjata minħabba d-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija parent tagħha, għandu jitfakkar l-ewwel nett li l-Kummissjoni ma twettaqx żball ta’ liġi meta, biex tiżgura li l-multi jkollhom natura dissważiva, tibbaża ruħha fuq id-daqs tar-riżorsi tal-grupp ta’ impriżi kollu kemm hu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Akzo Nobel vs Il‑Kummissjoni, T‑330/01, Ġabra p. II‑3389, punt 120). Imbagħad, il-fatt li multa tiġi imposta in solidum fuq diversi kumpanniji minħabba li huma jikkostitwixxu impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE ma jfissirx li, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-limitu previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-obbligu ta’ kull waħda minnhom huwa limitat għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ li hija tagħmel matul l-aħħar sena finanzjarja. Fil-fatt, il-limitu ta’ 10 %, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkalkulat abbażi tad-dħul mill-bejgħ konġunt tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika unika li topera bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, peress li huwa biss id-dħul mill-bejgħ konġunt tal-kumpanniji li jikkostitwixxu l-impriża li jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tal-impriża inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il‑Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punti 528 u 529) u tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T-112/05, Ġabra p. II-5049, punt 90). Polimeri ma tindikax li kien inqabeż il-limitu ta’ 10 %, ikkalkulat abbażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat ta’ Polimeri u ta’ Eni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li Polimeri tinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ multa li ġiet irdoppjata minħabba d-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija parent tagħha ma jwassalx, minnu nnifsu, u fin-nuqqas ta’ argumenti oħra iktar sostanzjati, biex il-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni applikat f’dan il-każ jitqies li huwa sproporzjonat.

254    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tnax-il motiv imqajjem minn Polimeri għandu jiġi miċħud bħala infondat.

4.     4. Fuq it-tlettax-il motiv, ibbażat fuq determinazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur għal Polimeri

a)     L-argumenti tal-partijiet

255    Fil-premessa 478 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li Polimeri pparteċipat fl-allegat ksur għall-perijodu bejn l-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002.

256    Fir-rigward tal-perijodu bejn l-20 ta’ Mejju 1996 u l-31 ta’ Diċembru 2001, Polimeri tirrileva l-ewwel nett li d-determinazzjoni tad-data tal-bidu tal-ksur ma kinitx ċerta (Polimeri tirreferi, b’mod partikolari, għall-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u mbagħad għat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u fl-aħħar nett, għad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, għal dak li jikkonċerna d-data tal-20 ta’ Mejju 1996, Polimeri tenfasizza, fl-ewwel lok, li din id-data ma ssemmiet minn ebda waħda mid-dikjaranti bħala d-data tal-bidu tal-allegat akkordju. Fit-tieni lok, in-noti miktubin bl-idejn ta’ N. (Dow) dwar din il-laqgħa jixbhu lil dawk ta’ laqgħa preċedenti bid-data tax-xahar ta’ Frar 1996. Dawn in-noti, għaldaqstant, ma għandhomx valur probatorju. Polimeri tenfasizza, f’dan ir-rigward, b’kuntrast għal dak li ssostni l-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha, li hija kkontestat il-valur probatorju ta’ dawn in-noti. Fit-tielet lok, fost il-parteċipanti f’dik il-laqgħa jissemmew impjegati ta’ Bayer u ta’ Shell (O. u de J.) li dejjem ċaħdu li pparteċipaw fi ftehim jew f’diskussjonijiet antikompetittivi. Dan jikkorrispondi wkoll għal perijodu li fih Bayer kienet iddikjarat li hija ma setgħetx tgħid jekk kienx hemm ftehim bejn ix-xahar ta’ Mejju u tmiem ix-xahar ta’ Novembru 1996 f’dak li jikkonċerna l-GSB. Għal dak li jikkonċerna l-GB, Polimeri tenfasizza li l-Kummissjoni stess ma sabet ebda ftehim illegali qabel il-laqgħa tal-4 ta’ Settembru 1997. Għaldaqstant ma kien hemm ebda indikazzjoni ta’ ċirkustanzi li juru li l-impriżi kkonċernati, f’dik l-okkażjoni, taw bidu għal akkordju.

257    Fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u t-28 ta’ Novembru 2002, Polimeri tirrileva, għal dak li jirrigwarda l-GB, li l-31 ta’ Awwissu 2001 hija d-data tal-aħħar laqgħa antikompetittiva li kkonstatat il-Kummissjoni għal dan il-prodott. Din l-aħħar affermazzjoni hija, wara kollox, infondata. Polimeri tirrileva, f’dan ir-rigward, li d-dikjarazzjonijiet ta’ W. (Bayer) li jinsabu fil-premessa 229 tad-deċiżjoni kkontestata ma jirreferux espliċitament għal din il-laqgħa. B’għarfien ta’ dan, il-Kummissjoni neħħiet il-kliem li inizjalment kienu jinsabu fit-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Iktar minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 229 tad-deċiżjoni kkontestata, ċerti parteċipanti f’din il-laqgħa (G., suċċessur ta’ W.) ċaħdu formalment li pparteċipaw fi ftehim antikompetittivi. Fir-rigward tal-GSB, l-ebda mill-avvenimenti jew dokumenti ċċitati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għas-sena 2002 ma tikkorrobora t-teżi li l-allegat akkordju ġie segwit matul dik is-sena. Polimeri tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-analiżi tagħha fil-kuntest tat-tmien u d-disa’ motivi. Fir-rigward tal-affermazzjonijiet ta’ Bayer riprodotti fil-premessi 240 u 247 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn ġew ikkontestati minn N. u W. u minn I. ta’ Dow (Polimeri tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni organizzat it-tieni serje ta’ konsultazzjonijiet mal-impjegati ta’ Dow, bil-għan li tikseb verżjoni ta’ fatti li taqbel iktar ma’ dik ta’ Bayer. Madankollu, id-dikjarazzjonijiet ta’ wieħed mill-impjegati ta’ Dow (W.), riprodotti fil-premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata, huma biss ipotetiċi. Fi kwalunkwe każ, dawn ma jwasslux biex isostnu l-konklużjoni tal-Kummissjoni li Bayer u Dow jindikaw it-tnejn li huma li l-aħħar laqgħa tal-akkordju nżammet fit-2 ta’ Settembru 2002 (premessa 443 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, Polimeri tistaqsi fuq il-fatt li, wara li nsistiet tant fuq il-laqgħa tat-2 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni stabbilixxiet tmiem il-ksur bħala li kien fit-28 u 29 ta’ Novembru 2002, dati ta’ laqgħa li għaliha Polimeri ma pparteċipatx. Dwar il-posta elettronika ta’ P. (Bayer) imsemmija fil-premessa 241 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha, Polimeri żżid tgħid li hija pproduċiet provi li jikkontradixxu f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fl-anness tar-rikors. Dawn il-provi kienu diġà ġew ipprovduti lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva.

258    Bħala konklużjoni, Polimeri tikkunsidra li, kieku l-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, dan il-ksur, għal dak li jirrigwarda l-GSB, beda wara l-20 ta’ Mejju 1996 u spiċċa qabel it-2 ta’ Settembru 2002 u, għal dak li jirrigwarda l-GB, għandu jitqies li beda wara l-4 ta’ Settembru 1997 u spiċċa qabel il-31 ta’ Awwissu 2001. Konsegwentement, il-multa għandha titnaqqas.

259    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud. Hija tenfasizza, b’mod partikolari, li hija adottat approċċ prudenti fir-rigward tad-data tal-bidu tal-ksur. Dwar id-data tat-tmiem tal-ksur, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li hija setgħet tikkunsidra li l-ksur ikkonstatat f’dan il-każ dam sal-laqgħa tat-28 u 29 ta’ Novembru 2002, li fiha l-membri tal-akkordju jidhru li waslu għad-deċiżjoni konġunta li jtemmu l-istess ksur.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

260    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li hi r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tipproduċi prova mhux biss dwar l-eżistenza tal-akkordju, imma wkoll tat-tul ta’ żmienu (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, T-43/92, Ġabra p. II-441, punt 79; tat-13 ta’ Diċembru 2001, Acerinox vs Il‑Kummissjoni, T-48/98, Ġabra p. II-3859, punt 55, u tad-29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il‑Kummissjoni, T-62/02, Ġabra p. II‑5057, punt 36). Biex jiġi kkalkolat it-tul ta’ żmien ta’ ksur li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, għandu jiġi ddeterminat it-tul ta’ żmien li matulu eżista dan il-ftehim, jiġifieri l-perijodu li ddekorra bejn id-data tal-konklużjoni tiegħu u d-data li fih intemmet (sentenzi Brasserie nationale et vs Il‑Kummissjoni, punt 225 iktar ’il fuq, punt 185, u Westfalen Gassen Nederland vs Il‑Kummissjoni, punt 232 iktar ’il fuq, punt 138). Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, għall-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi (sentenzi Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79, u Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 51).

261    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li Polimeri għandha tinżamm responsabbli tal-ksur għall-perijodu bejn l-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002 (premessa 478 tad-deċiżjoni kkontestata).

262    Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda d-data tal-bidu tal-ksur li ġiet ikkonstatata fir-rigward ta’ Polimeri, din tikkorrispondi għad-data tal-ewwel laqgħa illeċita kkonstatata mid-deċiżjoni kkontestata, li nżammet f’Milano (barra mil-laqgħa tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika) bejn ir-rappreżentanti ta’ Bayer, EniChem SpA, Shell u Buna Sow Leuna Olefinverbund (iktar ’il quddiem “BSL”, li sussegwentement bdiet tiġi kkontrollata minn Dow) (premessi 161 u 162 tad-deċiżjoni kkontestata).

263    Il-prova dwar il-fatt li nżammet laqgħa illeċita tirriżulta, min-naħa waħda, min-noti miktubin bl-idejn ta’ impjegat ta’ BSL ta’ dak iż-żmien, li imbagħad sar impjegat ta’ Dow (li huwa N., premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata), u min-naħa l-oħra, minn dikjarazzjoni ta’ Dow (premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata).

264    Fir-rigward tan-noti ta’ N., Polimeri tikkontesta l-valur probatorju tagħhom peress li dawn in-noti u dawk ta’ laqgħa preċedenti bid-data tax-xahar ta’ Frar 1996 “jixxiebhu”. Polimeri tirreferi, fil-fatt, għal noti miktubin bl-idejn bid-data tal-21 ta’ Frar 1996. Dawn in-noti, fl-aħħar mill-aħħar, ma ntużawx mill-Kummissjoni bħala provi kontriha.

265    Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-valur probatorju tan-noti miktubin bl-idejn ta’ N. dwar il-laqgħa illeċita tal-20 ta’ Mejju 1996 ma jistax jiddgħajjef bil-fatt li noti simili miktubin bl-idejn (jiġifieri li fihom ukoll informazzjoni fuq is-suq) ma tqisux mill-Kummissjoni bħala provi kontra l-kumpannija. Wieħed għandu jistaqsi biss dwar il-kwistjoni dwar jekk in-noti miktubin bl-idejn inkwistjoni humiex tali li jikkostitwixxu prova li tippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ laqgħa illeċita bejn l-impriżi kkonċernati.

266    F’dan ir-rigward, Polimeri ma tikkontestax formalment li wieħed mir-rappreżentanti tagħha seta’ ltaqa’ ma’ xi rappreżentanti ta’ Bayer, ta’ Shell u ta’ BSL, fl-20 ta’ Mejju 1996, f’Milano. Sussegwentement, hija ma tikkontestax li, fuq il-mertu, in-noti miktubin bl-idejn ta’ N. juru li ġiet skambjata informazzjoni sensittiva bejn l-impriżi. Għaldaqstant, f’dawn in-noti hemm informazzjoni li tikkonċerna l-ħażna ta’ GSB ta’ Bayer. Bl-istess mod, tidher ukoll lista ta’ prezzijiet relatata ma’ Shell. Barra minn hekk, parti min-noti miktubin bl-idejn turi li Eni “kienet ser tkeċċi” xi persunal “fi tmiem is-sena”, ħaġa li tagħti lil wieħed x’jifhem, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, li waqt dik il-laqgħa kien hemm preżenti rappreżentant ta’ din l-impriża. Fl-aħħar nett, in-noti miktubin bl-idejn ta’ N. għandhom id-data tal-20 ta’ Mejju 1996 u r-riferiment għal “Milano ESRA”. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkunsidrat li n-noti miktubin bl-idejn inkwistjoni huma tali li jikkostitwixxu prova li tippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ laqgħa illeċita bejn l-impriżi kkonċernati f’Milano fl-20 ta’ Mejju 1996.

267    Barra minn hekk, in-noti miktubin bl-idejn ta’ N. ġew ikkonfermati minn Dow f’dikjarazzjoni ta’ impriża. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li d-dikjarazzjonijiet magħmula għan-nom tal-impriżi għandhom valur probatorju kunsiderevoli, peress li jinvolvu riskji legali u ekonomiċi kunsiderevoli (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq). Dow tindika f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, li ċerti prezzijiet imsemmija fin-noti miktubin bl-idejn ta’ N. kienu miri ta’ prezzijiet għall-GSB (premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata).

268    Iktar minn hekk, id-dikjarazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati l-oħra, b’mod partikolari Bayer u Shell, isaħħu l-provi msemmija iktar ’il fuq.

269    B’mod partikolari, Bayer tiddikjara li B., li huwa wieħed mill-persuni li kienu preżenti fil-laqgħa illeċita tal-20 ta’ Mejju 1996, ipparteċipa “f’isem Bayer” fi ftehim antikompetittivi li jikkonċernaw il-GSB bejn nofs is-sena 1995 jew tmiemha u “nofs Mejju 1996” (premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-riferiment għal “nofs Mejju” jikkorrobora l-prova dwar l-eżistenza ta’ laqgħa illeċita fl-20 ta’ Mejju 1996. Il-fatt li Bayer setgħat tiddikjara, kif irrilevat Polimeri, li “Bayer ma setgħetx tgħid jekk kienx hemm ftehim bejn [ix-xahar ta’] Mejju u tmiem [ix-xahar] ta’ Novembru 1996 f’dak li jikkonċerna l-GSB” ma jwassalx biex jikkontradixxi d-dikjarazzjoni preċiża ta’ Bayer dwar ir-rwol ta’ B. sa nofs Mejju 1996. Din id-dikjarazzjoni tista’ tfisser li, wara din id-data (nofs Mejju 1996) u sa tmiem ix-xahar ta’ Novembru 1996, Bayer ma sabitx ħjiel ta’ ftehim antikompetittivi bejn l-impriżi kkonċernati.

270    Min-naħa tagħha, Shell tiddikjara li r-rappreżentanti tagħha pparteċipaw f’akkordju dwar il-prezzijiet bejn it-30 ta’ Awwissu 1995 u l-31 ta’ Mejju 1999. B’mod partikolari, Shell tikkonferma l-parti fattwali tal-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, parti li kien fiha sunt tal-laqgħa illeċita tal-20 ta’ Mejju 1996 u li wriet in-noti miktubin bl-idejn ta’ N., kif ukoll l-interpretazzjoni mogħtija minn Dow. Il-fatt li de J., li rrappreżenta lil Shell f’ċerti laqgħat, u b’mod partikolari dik tal-20 ta’ Mejju 1996, ma ammettiex li l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tiddeskrivi sew il-kuntatti li kienu saru bejn il-kompetituri (premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata) ma jistax jippreġudika d-dikjarazzjoni ta’ impriża li saret minn Shell. Fil-fatt, it-tweġibiet mogħtija f’isem impriża bħala tali huma iktar kredibbli minn tweġiba mogħtija minn membru tal-persunal tagħha indipendentement mill-esperjenza jew l-opinjoni personali ta’ dan tal-aħħar.

271    Fir-rigward ta’ O. (Bayer), imsemmi minn Polimeri fl-iskritturi tagħha, il-Kummissjoni tirrileva ġustament li huwa ma pparteċipax fil-laqgħa illeċita tal-20 ta’ Mejju 1996.

272    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-argument ta’ Polimeri li jgħid li l-Kummissjoni ma żvelat ebda ftehim illegali fir-rigward tal-GB qabel il-laqgħa tal-4 ta’ Settembru 1997, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li xi att wieħed jew diversi atti minn dik is-serje ta’ atti jew minn dak l-aġir kontinwu jkunu jistgħu wkoll jikkostitwixxi minnhom infushom u waħedhom ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Meta d-diversi azzjonijiet jifformaw, bħal f’dan il-każ, parti minn pjan sħiħ, minħabba l-għan identiku tagħhom li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, il-Kummissjoni jkollha d-dritt tattribwixxi r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur meħud kollu kemm hu (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 100 iktar ’il fuq). Għalkemm il-Kummissjoni tista’ legalment tikkonkludi li l-manifestazzjonijiet differenti kienu jiffurmaw parti minn ksur uniku minħabba li dawn kienu jifformaw parti minn pjan sħiħ intiż sabiex joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-fatt li n-numru u l-intensità tal-prattiki kollużorji jkunu jvarjaw skont is-suq ikkonċernat ma jfissirx li l-ksur ma kienx jirrigwarda s-swieq fejn il-prattiki kienu inqas intensi u inqas numerużi. Fil-fatt, ikun artifiċjali li aġir kontinwu, ikkaratterizzat minn skop wieħed, jiġi diviż f’diversi ċirkustanzi ta’ ksur distinti minħabba li l-prattiki kollużorji kienu jvarjaw skont is-suq ikkonċernat.

273    Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat li Polimeri kellha tinżamm responsabbli għall-ksur għall-perijodu li beda mill-20 ta’ Mejju 1996.

274    Fit-tieni lok, għal dik li hija d-data tat-tmiem il-ksur ikkonstatat fir-rigward ta’ Polimeri, jiġifieri t-28 ta’ Novembru 2002 (premessa 447 tad-deċiżjoni kkontestata), din tikkorrispondi għall-aħħar laqgħa illeċita msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li nżammet f’Londra (ir-Renju Unit), barra mil-laqgħa tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika, bejn ir-rappreżentanti ta’ Bayer, ta’ Dow, ta’ Dwory u ta’ Kaučuk (permezz ta’ Tavorex) fit-28 u 29 ta’ Novembru 2002. Skont id-dikjarazzjoni ta’ Bayer, hija informat lil Dow u Dwory li ma kienx għad hemm lok li jitkomplew il-ftehim inkwistjoni (premessi 246 sa 248 tad-deċiżjoni kkontestata).

275    Fir-rigward tas-separazzjoni magħmula minn Polimeri fl-argumenti tagħha bejn il-GB u l-GSB, huwa biżżejjed li jitfakkar li jkun artifiċjali li aġir kontinwu, ikkaratterizzat minn skop wieħed, jiġi diviż f’diversi ksur distinti minħabba li l-prattiki miftiehma kienu jvarjaw skont is-suq ikkonċernat.

276    Fir-rigward tal-fatt li l-akkordju ma ġiex segwit fl-2002, id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata li kien hemm laqgħa illeċita fuq il-GSB fit-2 u 3 ta’ Settembru 2002 fi Praga. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni hija bbażata, qabelxejn, fuq dikjarazzjoni ta’ Bayer, li tindika li kien ġie konkluż ftehim fuq il-prezzijiet bejn Bayer, Dow Polimeri, Dwory u Kaučuk (permezz ta’ Tavorex). Il-konklużjoni tal-Kummissjoni hija bbażata, sussegwentement, fuq il-konferma li saret minn Dow fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ Bayer, li saret wara li nqrat l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. B’kuntrast mal-affermazzjonijiet ta’ Polimeri, il-Kummissjoni ma organizzatx it-tieni serje ta’ konsultazzjonijiet mal-impjegati ta’ Dow. Kif tindika ċar il-premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata, Dow iddeċidiet hija stess, wara li rċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, biex terġa’ tisma’ lill-impjegati tagħha fuq l-akkużi u għaldaqstant kienet hi li pprovdiet lill-Kummissjoni dikjarazzjoni ażjendali ġdida. Dow tammetti hemmhekk li, wara d-dikjarazzjonijiet ġodda tal-impjegati tagħha, huwa ċertament possibbli li l-akkordju ntemm biss fit-28 ta’ Novembru 2002 u għaldaqstant, tammetti impliċitament li l-laqgħa tat-2 u 3 ta’ Settembru 2002 tagħmel parti mil-laqgħat illeċiti. Anki jekk id-dikjarazzjoni ta’ Dow ma tikkostitwixxix ammissjoni espressa tal-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħa illeċita fit-2 u 3 ta’ Settembru 2002, hija ssaħħaħ id-dikjarazzjoni ta’ Bayer iktar milli tikkontestaha. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fl-aħħar nett fuq provi ddokumentati li huma żewġ messaġġi ta’ posta elettronika, mibgħuta fl-4 u t-12 ta’ Settembru 2002, internament f’Bayer, li jipprevedu żidiet fil-prezzijiet tal-GSB. Polimeri tindika li hija kkontestat il-valur probatorju ta’ dawn il-messaġġi ta’ posta elettronika fil-kuntest tal-Anness A 25 tar-rikors. Issa, għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tat-tmien motiv, l-argumenti mressqa minn Polimeri f’dan l-anness għandhom jiġu skartati. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-argumenti ta’ Polimeri ma humiex tali li jippreġudikaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fejn din ikkonstatat li l-akkordju ġie segwit fl-2002.

277    Fir-rigward tal-fatt li Polimeri ma assistietx għal-laqgħa tat-28 u tad-29 ta’ Novembru 2002, dan il-fatt huwa irrilevanti għall-finijiet biex tiġi stabbilita d-data tat-tmiem tal-ksur. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tikkonstatax l-eżistenza ta’ ftehim illegali fit-28 u d-29 ta’ Novembru 2002, iżda biss ir-rieda tal-parteċipanti f’din il-laqgħa biex itemmu l-akkordju.

278    Minn dan kollu jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li Polimeri kellha tinżamm responsabbli tal-ksur għal perijodu li ntemm fit-28 ta’ Novembru 2002.

279    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tlettax-il motiv imqajjem minn Polimeri għandu jiġi miċħud bħala infondat.

5.     5. Fuq l-erbatax-il motiv, ibbażat fuq iż-żieda mhux ġustifikata tal-ammont bażiku tal-multa minħabba reċidiva

a)     L-argumenti tal-partijiet

 L-argumenti ta’ Polimeri

280    Fl-ewwel lok, Polimeri ssostni li l-kundizzjoni li l-impriżi jridu jkunu jixxiebhu ma hijiex sodisfatta.

281    Polimeri tirrileva, f’dan ir-rigward, li, skont il-Kummissjoni, il-kundizzjoni fundamentali biex tkun tista’ tapplika r-regola tar-reċidiva hija li jridu jkunu twettqu diversi ksur mill-istess impriża, kunċett li, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, ifisser “entità [...] ekonomika [...] magħmula [...] minn numru ta’ elementi materjali u umani” (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 50 iktar ’il fuq). Issa, f’dan il-każ, iż-żieda fil-multa ġiet applikata b’mod żbaljat fir-rigward ta’ ksur, li ġie ssanzjonat fl-1986 u fl-1988, li kienet ipparteċipat fih impriża kompletament differenti minn Polimeri. Skont il-linji gwida, is-sistema tar-reċidiva tapplika biss meta jkun hemm żewġ azzjonijiet jew iktar, li jixxiebhu bejniethom, isiru mill-istess impriża. Il-Kummissjoni tidher li qegħda tħawwad il-kunċett ta’ impriża – li huwa l-uniku kunċett rilevanti hawnhekk – ma’ dak tal-persuna ġuridika. Ma huwiex possibbli li lil Eni, jiġi attribwit lilha, b’mod retroattiv, aġir li ma huwiex tagħha.

282    Iktar minn hekk, iż-żewġ setturi sanzjonati qabel (PVC u polypropylene) ma jappartjenux għall-attività li taħtha jaqgħu l-elastomeri, qatt ma ġew ittrasferiti minn EniChem SpA għal Polimeri u qatt ma ġew ikkummerċjalizzati mill-istess Polimeri. Dawn is-setturi ġew ittrasferiti lil kumpanniji terzi, fl-1983 (għall- polypropylene) u fl-1986 (għall-PVC) rispettivament, qabel id-deċiżjonijiet rispettivi tal-ksur, jiġifieri madwar 18 u 15-il sena qabel ma Polimeri ssuċċediet lil EniChem SpA fil-kummerċjalizzazzjoni tal-GB u l-GSB.

283    Barra minn hekk, hemm kontradizzjoni bejn l-applikazzjoni tar-regola ta’ reċidiva u l-għażla biex jintuża koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ Eni u mhux fuq dak ta’ Polimeri. Skont Polimeri, jekk id-dħul mill-bejgħ rilevanti għall-effett dissważiv huwa dak ta’ Eni, il-Kummissjoni ma setgħetx iżżid il-multa minħabba r-reċidiva, inkwantu din ma kinitx tikkonċerna lil Eni.

284    Fit-tieni lok, Polimeri ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ proporzjonalità. Polimeri tirrileva, f’dan ir-rigward, li r-reċidiva fil-każ ta’ ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni ma hi prevista fl-ebda test ta’ natura leġiżlattiva, billi l-linji gwida huma biss sempliċi atti ta’ awtoregolazzjoni. F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet li fuqhom hija bbażata r-reċidiva jmorru lura 18 u 20 sena qabel id-deċiżjoni kkontestata. Issa, l-istituzzjoni tar-reċidiva għandha tkun suġġetta għal ċerti limiti ta’ żmien. Polimeri tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331), fejn perijodu ta’ għaxar snin bejn żewġ ksur deher li ttieħed bħala limitu. Polimeri żżid li l-ordinamenti ġuridiċi tas-27 Stati Membri jissuġġettaw l-implementazzjoni tar-reċidiva għall-kundizzjoni li l-intervall ta’ żmien bejn il-ksur ġdid u l-ksur preċedenti jkun inqas minn jew ta’ ħames snin. Ikun wara kollox paradoss li l-prosekuzzjoni ta’ ksur imwettaq iktar minn ħames snin qabel jitqies mhux xieraq jew inutli, peress li preskritt, u fl-istess ħin li dan ikun irid jittieħed inkunsiderazzjoni għar-reċidiva ta’ ksur li jmur lura għal iktar minn għaxar snin qabel ma jkun inbeda l-ksur il-ġdid.

285    Polimeri tikkonkludi li, fi kwalunkwe każ, żieda ta’ 50% hija assolutament sproporzjonata u inaċċettabbli, peress li hija bbażata wkoll fuq ammont bażiku tal-multa kkalkulat b’riferiment għal impriża – Eni – li ma kienet qatt akkużata b’ebda ksur. Polimeri tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 160 iktar ’il fuq, stmat li minħabba ċ-ċirkustanzi aggravanti, kellha tiffissa ż-żieda globali tal-ammont bażiku tal-multa għal 40 %, u dan fid-dawl taż-żewġ ksur preċedenti. Ir-rata taż-żieda ta’ 50 % ma hijiex ir-regola, kif tafferma l-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha.

 L-argumenti tal-Kummissjoni

286    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-fatt li l-kundizzjoni ta’ xebh tal-impriża ma hijiex sodisfatta, il-Kummissjoni tosserva li Polimeri ma tikkontestax l-imputabbiltà tal-ksur lil Eni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li l-kwistjoni tar-reċidiva ġiet ittrattata fit-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Polimeri ma ressqitx ilmenti f’dan ir-rigward.

287    Peress li d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jirrikonoxxi li kumpanniji differenti li jappartjenu lill-istess grupp jikkostitwixxu entità ekonomika waħda, il-Kummissjoni setgħet, kieku riedet, timponi l-multa lill-istess kumpannija parent fid-deċiżjonijiet preċedenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet legalment tikkunsidra, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-istess impriża kienet diġà ġiet issanzjonata għall-istess tip ta’ ksur (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il‑Kummissjoni, T-203/01, Ġabra p. II‑4071). Hija tenfasizza li, fis-sentenza Michelin vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali approvat l-applikazzjoni taż-żieda tal-multa minħabba reċidiva lil kumpannija oħra tal-grupp, b’mod iktar preċiż lil kumpannija sister ta’ dik li kienet ġiet issanzjonata preċedentement.

288    Il-kunċett ta’ reċidiva ma jimplikax neċessarjament il-konstatazzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja preċedenti, iżda biss dik ta’ ksur preċedenti (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 160 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, ma tagħmilx differenza li l-Kummissjoni ma imponietx multa lil Eni bħala tali fid-deċiżjonijiet preċedenti. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjonijiet preċedenti kienu kompletament ikkontrollati minn Eni huwa deċiżiv. Ma jistax jiġi aċċettat li l-kumpanniji tal-grupp, li jkunu jikkostitwixxu l-istess impriża, ma jiġux ikklassifikati bħala reċidivi sempliċement minħabba l-istruttura organizzattiva tal-grupp innifsu jew tar-ristrutturazzjoni tiegħu.

289    Il-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ reċidiva jagħmlu parti mis-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni u din tal-aħħar ma tistax tkun marbuta minn terminu ta’ preskrizzjoni eventwali għal tali konstatazzjoni (sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 284 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, il-ksur li jirrigwarda l-polypropylene u l-PVC ġie kkonstatat permezz tad-deċiżjonijiet adottati fl-1986 u l-1994 rispettivament [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 86/398/KEE, tat-23 ta’ April 1986, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (Każ IV/31.149 Polypropylene) (ĠU L 230, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Polypropylene”), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, 94/599/KE, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (Każ IV/31.865 – PVC) (ĠU L 239, p. 14, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni PVC II”). Huwa perfettament loġiku, normali u xieraq li dawn il-preċedenti jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-każ ta’ ksur ġdid li jitwettaq wara l-1996.

290    Barra min hekk, ma huwiex importanti li l-ksur preċedenti kien jikkonċerna s-setturi distinti tal-PVC u tal-polypropylene (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 160 iktar ’il fuq) jew li dawn l-attivitajiet ikunu fil-frattemp ġew ittrasferiti lil terzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Cascades vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq).

291    Fl-aħħar nett, ma hemm ebda kontradizzjoni bejn, min-naħa waħda, il-fatt li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni jiġi stabbilit skont id-dħul mill-bejgħ ta’ Eni, li hija l-kumpannija ewlenija tal-grupp, u min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-reċidiva marbuta mal-ksur ikkonstatati permezz ta’ deċiżjonijiet indirizzati lil kumpanniji oħra tal-grupp, iżda li għalihom Eni kienet ukoll responsabbli.

292    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità, is-sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 284 iktar ’il fuq, affermat mill-ġdid li r-reċidiva eventwali tidher fost l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati waqt l-analiżi tal-gravità tal-ksur skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u li, f’dan il-kuntest, ir-rikorrenti hija dejjem f’pożizzjoni li tipprevedi l-konsegwenzi legali tal-aġir tagħha. L-istess japplika fir-rigward tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Is-sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 284 iktar ’il fuq, ċaħdet ukoll il-motivi bbażati fuq l-eventwali terminu ta’ preskrizzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatt li ż-żieda fl-ammont bażiku tal-multa ta’ 50 % huwa sproporzjonat, billi Eni qatt ma kienet akkużata b’ebda ksur, il-Kummissjoni tfakkar li kien perfettament leġittimu li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ Eni. Għal dik li hi r-rata taż-żieda li ġiet applikata, il-Kummissjoni wriet ċerta ħniena, billi din ir-rata tiġi applikata ġeneralment għall-impriżi reċidivi wara ksur wieħed preċedenti. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 160 iktar ’il fuq, li tistabbilixxi r-rata taż-żieda tal-multa għal 40 % jirriżulta miċ-ċirkustanzi tal-każ.

b)     b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

293    Il-punt 2 tal-linji gwida jsemmi, bħala eżempju taċ-ċirkustanzi aggravanti, il-“ksur ripetut ta’ l-istess tip magħmul mill-istess impriża(/i)”.

294    Il‑kunċett ta’ reċidiva, hekk kif jinftiehem f’ċertu numru ta’ ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, jimplika li persuna tkun wettqet ksur mill‑ġdid wara li kienet ġiet issanzjonata għal ksur li jixxiebah (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347, punt 617, u Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 287 iktar ’il fuq, punt 284).

295    Ir-reċidiva eventwali tidher fost l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati waqt l-analiżi tal-gravità tal-ksur inkwistjoni (sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 91, u tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 284 iktar ’il fuq, punt 26).

296    F’dan il-każ, il-Kummissjoni tirrileva, fid-deċiżjoni kkontestata, li EniChem kienet diġà destinatarja ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ akkordju (jiġifieri d-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II). Dan juri li l-ewwel multi ma kinux suffiċjenti biex din l-impriża tbiddel l-aġir tagħha. Minn dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li din ir-reċidiva tikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti li tiġġustifika żieda ta’ 50 % fl-ammont bażiku tal-multa (premessa 487 tad-deċiżjoni kkontestata).

297    Polimeri ssemmi, b’mod partikolari, il-fatt li la hi u lanqas Eni ma kienu d-destinatarji tad-deċiżjonijiet preċedenti msemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

298    Mill-imsemmija deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, il-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 81 KE, għall-finijiet tal-applikazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-reċidiva, ħaġa li l-Kummissjoni tikkonferma fl-iskritturi tagħha. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni kkunsidrat, essenzjalment, li l-istess impriża kienet irrepetiet aġir illegali, u dan anki jekk il-persuni ġuridiċi involuti fil-ksur inkwistjoni ma kinux identiċi. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-kunċett ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 81 KE, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija komposta minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C-97/08 P, Ġabra p. I-8237, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li, meta l-Kummissjoni tkun trid tinvoka l-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 81 KE, hija għandha tipproduċi provi dettaljati u preċiżi li jikkorroboraw l-asserzjoni tagħha.

299    Issa, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni tagħmel riferiment, fil-premessa 487 tad-deċiżjoni kkontestata, għal “EniChem”, b’mod ġenerali, fejn din il-kelma tinsab iddefinita, fil-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala “kull kumpannija proprjetà ta’ Eni SpA”. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-kelma użata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-reċidiva, hija relattivament impreċiża, tal-inqas fir-rigward tal-persuni ġuridiċi li jikkostitwixxu l-entità ekonomika destinatarja tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II. Barra minn hekk, anki jekk wieħed jippreżumi li l-persuni ġuridiċi inkwistjoni huma dawk imsemmija fil-premessi 26 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi enfasizzat li l-kumpannija li hija destinatarja tad-Deċiżjoni Polypropylene, jiġifieri Anic, ma hijiex waħda mill-persuni ġuridiċi msemmija fil-premessi msemmija. Barra minn hekk, il-premessi 26 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata huma intiżi essenzjalment biex jiddeskrivu l-evoluzzjoni tal-kumpanniji proprjetà ta’ Eni matul il-ksur, li seħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II. Dawn il-premessi ma humiex, għaldaqstant, tali li jagħtu informazzjoni ddettaljata u preċiża biżżejjed tal-kumpanniji li kienu proprjetà ta’ Eni qabel il-ksur sanzjonat permezz tad-deċiżjoni kkontestata.

300    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tirreferi, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 262 tad-deċiżjoni kkontestata, għad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II, fejn indikat li “Eni” kienet involuta fid-deċiżjonijiet imsemmija. Għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-kelma “Eni” ma ġietx iddefinita bil-miktub fid-deċiżjoni kkontestata, u dan b’kuntrast ma’ dak li sar fir-rigward tal-kelma “EniChem”. B’mod partikolari, mill-premessi 26 sa 36 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tirreferi għall-kumpannija Eni, bħala l-kumpannija parent tal-kumpanniji l-oħrajn, hija tuża l-kelma “Eni SpA”.

301    Fit-tielet lok, anki jekk wieħed jippreżumi li bl-użu tal-kelma “Eni” fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 262 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għall-kumpanniji li jagħmlu parti mill-“impriża” fis-sens tal-Artikolu 81 KE, kif ikkostitwita mill-persuni ġuridiċi kkontrollati minn Eni, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova ddettaljata u preċiża f’dan ir-rigward fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni tillimita ruħha biex tirrileva, fl-iskritturi tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li Eni kienet tikkontrolla “kompletament” lill-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II. Issa, apparti l-fatt li din l-affermazzjoni ma hijiex ikkorroborata minn ebda prova, din ma reġgħetx issemmiet fid-deċiżjoni kkontestata.

302    Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ ineżami, l-iżvilupp tal-istruttura u tal-kontroll tal-kumpanniji kkonċernati huwa partikolarment kumpless. B’mod iktar preċiż, id-deċiżjoni Polypropylene kienet indirizzata lil Anic, mingħajr ma jidher isem Eni fid-deċiżjoni msemmija. Fir-rigward tad-deċiżjoni PVC II, il-Kummissjoni ssemmi fiha, fil-premessa 8, il-fatt li Anic kienet “saret” EniChem SpA u, fil-premessa 43, il-fatt li dan l-iżvilupp kien seħħ minħabba “diversi organizzazzjoni mill-ġdid”, mingħajr preċiżazzjonijiet oħra. Iktar minn hekk, anki hemmhekk, isem Eni ma kienx jidher f’din id-deċiżjoni. Għandu jingħad ukoll li, f’din il-kawża, l-attività ta’ Eni fir-rigward tal-prodotti kkonċernati kienet inizjalment żgurata minn EniChem Elastomeri (qabel ma din l-aħħar kumpannija amalgamat f’EniChem SpA fl-1997, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni PVC II) u li l-attivitajiet ta’ EniChem SpA ġew sussegwentement ittrasferiti lil Polimeri, ħaġa li tkompli żżid mal-kumplessità tal-iżvilupp strutturali tal-impriżi kkonċernati. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kellha tkun partikolarment preċiża u tipproduċi l-provi kollha meħtieġa biex tqis lill-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u l-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II bħala li kienu jifformaw l-istess “impriża” fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

303    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma pproduċietx provi dettaljati u preċiżi biżżejjed li jippermettu li jiġġustifikaw li l-istess “impriża”, fis-sens tal-Artikolu 81 KE, kienet irrepetiet xi aġir illegali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-erbatax-il motiv għandu jintlaqa’ u konsegwentement, l-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat, inkwantu jistabbilixxi l-ammont tal-multa imposta fuq Polimeri fl-ammont ta’ EUR 272.25 miljun.

6.     6. Fuq il-ħmistax-il motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti

a)     L-argumenti tal-partijiet

304    Filwaqt li jitfakkar li, fil-fehma tagħha, l-allegat akkordju, jekk jiġi preżunt li ġie stabbilit, ma ġiex implementat, Polimeri ssostni li l-Kummissjoni, b’mod illegali, naqset milli tapplika fil-konfront tagħha ċ-ċirkustanza attenwanti tan-“nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim jew pratti[k]i [i]lleċiti” (it-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida). Il-fatt li impriża tipparteċipa f’laqgħat jew f’kuntatti oħra mal-kompetituri tagħha stess ma jfissirx li dak li eventwalment ġie diskuss ikun ġie effettivament implementat. F’dan il-każ, Polimeri wriet li l-ftehim inkwistjoni, jekk jittieħdu li ġew stabbiliti, ma ġewx implementati.

305    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud. Hija ssostni, essenzjalment, li l-fatti tal-każ ma kinux jippermettu li jingħata l-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti invokata minn Polimeri.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

306    Skont it-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, in-“nuqqas ta’ implimentazzjoni fil-prattika tal-ftehim jew pratti[k]i [i]lleċiti” jista’ wkoll jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti. Madankollu, il-fatt li impriża, li l-parteċipazzjoni tagħha fi prattika miftiehma mal-kompetituri tagħha hija stabbilita, ma ġabitx ruħha fis-suq b’mod konformi mal-aġir miftiehem mal-kompetituri tagħha ma jikkostitwixxix neċessarjament element li għandu jiġi kkunsidrat, bħala ċirkustanza attenwanti, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta (sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 490).

307    Fil-fatt, impriża li ssegwi, minkejja l-prattika miftiehma mal-kompetituri tagħha, politika bejn wieħed u ieħor indipendenti fis-suq tista’ sempliċement tipprova tuża l-akkordju għal vantaġġ tagħha (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, T-327/94, Ġabra p. II-1373, punt 142, u Cascades vs Il‑Kummissjoni, T-308/94, Ġabra p. II-925, punt 230) u impriża li ma tiddistakkax ruħha mill-konklużjonijiet ta’ laqgħa li għaliha tkun ipparteċipat iżżomm, bħala prinċipju, ir-responsabbiltà sħiħa tagħha minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju (ara s-sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 491, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija obbligata li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza attenwanti minħabba n-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ akkordju biss jekk l-impriża li tinvoka din iċ-ċirkustanza tista’ turi li hija, b’mod ċar u kunsiderevoli, opponiet l-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju, sal-punt li tkun fixklet it-tħaddim tiegħu stess u li hija ma tkunx tat l-impressjoni li aderixxiet mal-akkordju u minħabba f’hekk, tkun ħeġġet lill-impriżi l-oħra sabiex jimplementaw l-akkordju inkwistjoni. Fil-fatt, ikun wisq faċli għall-impriżi li jimminimizzaw ir-riskju li jkollhom iħallsu multa ħarxa jekk huma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn akkordju illegali u jibbenefikaw sussegwentement minn tnaqqis tal-multa minħabba li huma kellhom biss rwol limitat fl-implementazzjoni tal-ksur, meta l-aġir tagħhom ikun ħeġġeġ lill-impriżi l-oħra sabiex jaġixxu b’mod aktar ta’ ħsara għall-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punti 277 sa 279, u Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 491).

308    F’dan il-każ, Polimeri ma tressaq ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li hija b’mod ċar u kunsiderevoli, opponiet l-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju, sal-punt li fixklet it-tħaddim stess tiegħu u li hija ma tatx l-impressjoni li aderixxiet mal-akkordju u minħabba f’hekk, ħeġġet lill-impriżi l-oħra sabiex jimplementaw l-akkordju inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minħabba f’hekk, ma setgħet tingħatalha ebda ċirkustanza attenwanti mill-Kummissjoni.

309    Barra minn hekk, it-turija ta’ nuqqas ta’ effetti fis-suq, anki li kieku din it-turija saret, hija irrilevanti, billi hija ma tipprova bl-ebda mod in-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-ftehim (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 160 iktar ’il fuq, punt 389).

310    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-ħmistax-il motiv imressaq minn Polimeri għandu jiġi miċħud bħala infondat.

7.     7. Fuq is-sittax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ

a)     L-argumenti tal-partijiet

311    Filwaqt li tfakkar li hija tikkritika l-fatt li Syndial ġiet eskluża mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, Polimeri ssostni li l-Kummissjoni ntrabtet tillimita l-multa imposta fuq Syndial/Polimeri għall-ammont ta’ EUR 86 miljun, fejn id-dħul mill-bejgħ ta’ Syndial fl-2005 kien ta’ EUR 860 miljun. Skont Polimeri, fil-kuntest ta’ multa waħda u in solidum, din għandha tosserva l-limitu tal-iżgħar impriża. Fil-każ kuntrarju, il-ħlas komplet tal-multa ma jkunx jista’ jintalab mill-impriżi kollha. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kellha timponi żewġ multi distinti, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ż-żmien li fih l-impriżi kkonċernati kienu mexxew l-attività marbuta mal-prodotti.

312    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud. Fil-fehma tagħha, kieku Syndial kienet destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 seta’ jipprekludi lill-Kummissjoni, f’ċerti ċirkustanzi, milli taqbeż l-ammont ta’ EUR 86 miljun fil-każ tal-multa li kienet ġiet imposta fuq Syndial, iżda żgur mhux fil-każ li jirrigwarda lil Polimeri.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

313    Il-fatt li multa tiġi imposta in solidum fuq diversi kumpanniji minħabba li huma jikkostitwixxu impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE ma jfissirx li, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-limitu previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-obbligu ta’ kull waħda minnhom huwa limitat għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ li hija tkun għamlet matul l-aħħar sena finanzjarja. Fil-fatt, il-limitu ta’ 10 %, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkalkulat abbażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika waħda li taġixxi bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, peress li huwa biss id-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji li jikkostitwixxu l-impriża li jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tal-impriża inkwistjoni (sentenzi HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 253 iktar ’il fuq, punti 528 u 529 u tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 253 iktar ’il fuq, punt 90).

314    Għaldaqstant, anki jekk wieħed jippreżumi li Syndial kienet destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-multa li għall-ħlas tagħha Polimeri kienet tkun responsabbli in solidum ma kellux ikun limitat għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Syndial. Minn dan jirriżulta li l-argumenti ta’ Polimeri huma ineffettivi.

315    Barra minn hekk, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Polimeri fejn tgħid li l-Kummissjoni kellha timponi żewġ multi distinti, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ż-żmien li fih l-impriżi kkonċernati mexxew l-attività marbuta mal-prodotti. Fil-fatt, il-multa imposta fuq Polimeri tirrifletti l-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur kif ukoll ir-responsabbiltà tagħha għall-ksur imwettaq minn EniChem SpA (li saret Syndial). Il-multa msemmija ma hijiex limitata għaldaqstant għaż-żmien li matulu Polimeri mexxiet l-attività marbuta mal-prodotti inkwistjoni. Anki jekk wieħed jippreżumi li, bl-argumenti tagħha, Polimeri tikkontesta fil-fatt ir-responsabbiltà li ġiet ikkonstatata fil-konfront tagħha fir-rigward tal-ksur imwettaq minn EniChem SpA (li saret Syndial), l-argumenti msemmija għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet esposti fil-punti 120 sa 131 iktar ’il fuq.

316    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, is-sittax-il motiv imqajjem minn Polimeri għandu jiġi miċħud bħala infondat.

317    Minn dawn l-argumenti kollha jirriżulta li l-erbatax-il motiv għandu jintlaqa’ u, konsegwentement, għandu jiġi annullat l-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jistabbilixxi l-ammont tal-multa imposta fuq Polimeri għal EUR 272.25 miljun, u l-kumplament tat-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

D –  Fuq il-miżuri struttorji

318    Peress li Polimeri jidhrilha li l-provi prodotti mill-Kummissjoni insostenn tal-akkuża tagħha huma limitati u ekwivoki, hija titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tipproċedi għas-smigħ ta’ diversi impjegati ta’ Bayer, ta’ Dow u ta’ Shell.

319    Il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess u li ma hemmx lok, konsegwentement, li tipproċedi għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba minn Polimeri.

II –  Fuq it-talbiet għat-tibdil fl-ammont tal-multa

320    Qabelxejn, għar-raġunijiet esposti fil-punti 298 sa 303 iktar ’il fuq, jeħtieġ li l-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, tibdel l-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata, u dan peress li l-Kummissjoni, biex waslet għall-ammont ta’ EUR 272.25 miljun, ikkonstatat b’mod żbaljat, fil-konfront ta’ Polimeri, iċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva.

321    Hemm lok, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, sabiex l-ammont tal-multa jiġi stabbilit b’mod xieraq, li l-metodu ta’ kalkolu applikat mill-Kummissjoni jinżamm l-istess għall-bqija.

322    L-ammont finali tal-multa imposta fuq Polimeri huwa stabbilit, għaldaqstant, fl-ammont ta’ EUR 181.5 miljun.

 Fuq l-ispejjeż

323    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(ċ) tad-Deċiżjoni tal-Kumissjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.638 - Gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni), huwa annullat sa fejn jistabbilixxi l-ammont tal-multa imposta fuq Polimeri Europa SpA għal EUR 272.25 miljun.

2)      L-ammont tal-multa imposta fuq Polimeri Europa huwa ffissat għal EUR 181.5 miljun.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Wahl

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Lulju 2011.


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

A –  Fuq il-motivi li jirrigwardaw id-difetti proċedurali

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-użu mhux xieraq tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq it-trażmissjoni inġustifikata tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Polimeri

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

B –  Fuq il-motivi dwar il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata

1.  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq definizzjoni żbaljata tas-suq ikkonċernat

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq iċ-ċaqliq fil-prezzijiet matul il-perijodu kkunsidrat

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-provvista tal-klijenti prinċipali

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

4.  Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni illegali tal-ksur lil Polimeri

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

5.  Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-konstatazzjoni infondata dwar l-eżistenza ta’ akkordju

a)  L-argumenti tal-partijiet

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-ewwel parti tat-tmien motiv, li jikkonċerna s-sorsi tal-provi

Fuq it-tieni parti tat-tmien motiv, li tikkonċerna l-preżentazzjoni ġenerali tal-akkordju

–  Dwar il-ftehim fuq il-prezzijiet

–  Fuq il-ftehim dwar it-tqassim tas-suq

–  Fuq l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva

–  Fuq it-tkomplija tal-ftehim

–  Fuq il-kuntest fattwali ġenerali deskritt minn N.

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerta argumenti mressqa minn Polimeri fil-kuntest tat-tmien motiv

Fuq l-ewwel parti tat-tmien motiv, dwar is-sorsi tal-provi

Fuq it-tieni parti tat-tmien motiv, li jikkonċerna l-preżentazzjoni ġenerali tal-akkordju

–  Fuq il-ftehim dwar il-prezzijiet

–  Dwar il-ftehim fuq it-tqassim tas-suq

–  Fuq l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva

–  Fuq is-sorveljar tal-ftehim

–  Fuq il-kuntest fattwali deskritt minn N.

6.  Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq il-konstatazzjoni infondata dwar il-parteċipazzjoni ta’ Polimeri fl-allegat akkordju

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

C –  Fuq il-motivi li jirrigwardaw l-iffissar tal-ammont tal-multa

1.  Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni infondata tal-gravitŕ tal-ksur

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni illegali ta’ trattament differenti

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq it-tnax-il motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni illegali ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

4.  Fuq it-tlettax-il motiv, ibbażat fuq determinazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur għal Polimeri

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

5.  Fuq l-erbatax-il motiv, ibbażat fuq iż-żieda mhux ġustifikata tal-ammont bażiku tal-multa minħabba reċidiva

a)  L-argumenti tal-partijiet

L-argumenti ta’ Polimeri

L-argumenti tal-Kummissjoni

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

6.  Fuq il-ħmistax-il motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

7.  Fuq is-sittax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

D –  Fuq il-miżuri struttorji

II –  Fuq it-talbiet għat-tibdil fl-ammont tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.