Language of document : ECLI:EU:C:2010:135

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Marzu 2010 (*)

“Komunikazzjonijiet elettroniċi – Servizzi ta’ telekomunikazzjoni –Direttiva 2002/21/KE – Direttiva 2002/22/KE – Konklużjoni ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi suġġetta għall-konklużjoni ta’ kuntratt dwar il-provvista ta’ servizzi oħra – Projbizzjoni – Internet broadband”

Fil-Kawża C-522/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 34 KE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il‑Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Settembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Novembru 2008, fil-proċedura

Telekomunikacja Polska SA w Warszawie

vs

Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Telekomunikacja Polska SA w Warszawie, minn H. Romańczuk, P. Paśnik u A. Mednis, avukati,

–        għal Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej, minn D. Dziedzic-Chojnacka u H. Gruszecka, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, A. Kraińska u S. Sala, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Wils u A. Nijenhuis kif ukoll minn K. Mojzesowicz, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad‑Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”, u d-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Servizz Universali”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Telekomunikacja Polska SA w Warzawie (iktar ’il quddiem “TP”) u l-Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej (President tal-Awtorità tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, iktar ’il quddiem il-“President tal-UKE”), dwar il-projbizzjoni lil TP milli tissuġġetta l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi għall-konklużjoni mill-utent finali ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi oħra.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 Id-Direttiva Qafas u d-Direttiva Servizz Universali

3        Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva Qafas:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi kwadru armonizzat għar-regolar ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, faċilitajiet assoċjati u servizzi assoċjati. Tistipula x-xogħol ta’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji [(iktar ’il quddiem l-‘ANR’)] u tistabbilixxi settt ta’ proċeduri biex tassigura l-applikazzjoni armonizzata tal-kwadru regolatorju mal-[Unjoni].”

4        Skont l-Artikolu 2(g) tad-Direttiva Qafas, ANR hija “il-korp jew kopri fdati minn Stat Membru b’xi wieħed mix-xogħlijiet regolatorji assenjati f’din id-Direttiva jew fid-Direttivi Speċifiċi”.

5        L-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fit-twettieq tax-xogħlijiet regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, l‑[ANR] jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma mmirati lejn il-ksib tal-miri stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4. Dawk il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati ma’ dawk il-miri.

[…]

4.      L-[ANR] għandhom jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea billi fost ħwejjeġ oħra:

[…]

b)      assiguraw livell għoli ta’ protezzjoni ta’ konsumaturi meta jittrattaw mal-provdituri, b’mod partikolari billi jassiguraw id-disponibilità ta’ proċeduri sempliċi u mhux għaljin fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim mwettqa minn korp li jkun indipendenti mill-partijiet involuti;

[…]”

6        L-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas jikkonċerna l-proċedura ta’ definizzjoni tas-suq. L-Artikolu 15(3) jipprovdi:

“L-[ANR] għandhom, waqt li jagħtu l-akbar kont tar-rakkomandazzjoni u l-linji gwida, jiddefinixxu s-swieq relevanti adatti għaċ-ċirkostanzi nazzjonali, b’mod partikolari is-swieq ġeografiċi relevanti fit-territorju tagħhom, skond il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni. L-[ANR] għandhom isegwu l-proċeduri msemmija f’Artikoli 6 u 7 qabel ma jiddefinixxu swieq li jkunu differenti minn dawk definiti fir-rakkomandazzjoni.”

7        L-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas, li jirreferi għall-proċedura ta’ analiżi tas-suq, jipprovdi:

“1.      Kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni jew xi aġġornament tagħha, l-[ANR] għandhom iwettqu analiżi tas-swieq rilevanti, waqt li jagħtu l-akbar kont tal-linji gwida. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li dan l-analiżi jitwettaq, fejn xieraq, b’kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

2.      Fejn [ANR] hija meħtieġa taħt Artikoli 16, 17, 18 jew 19 tad-Direttiva [Servizz Universali], jew Artikoli 7 jew 8 tad-Direttiva 2002/19/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-Aċċess”) li jistabbilixxu jekk jimponux, iżommu, jemendaw jew jirtiraw obbigazzjonijiet fuq impriżi, għandha tistabbilixxi fuq il-bażi ta’ l-analiżi tagħha tas-suq imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan Artikolu jekk is-suq relevanti hux effettivament kompetittiv.

[…]

4.      Fejn [ANR] tistabbilixxi li suq relevanti mhux effettivament kompetittiv, gġandha tidentifika impriżi b’saħħa sinifikanti fis-suq fuq dak is-suq skond Artikolu 14 u l-awtorità nazzjonali regolatorja għandha fuq dawk l-impriżi timponi l-obbligazzjonijiet speċifiċi [regolamentari] adatti msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan Artikolu jew iżżomm jew temenda dawk l-obbligazzjonijiet fejn ġia jeżistu. .

[…]”

8        Skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva Servizz Universali:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li mpriżi maħtura, waqt li jfornu faċilitajiet u servizzi addizzjonali għal dawk imsemmija fl-Artikoli 4, 5, 6, 7, u 9(2), jistabbilixxu t-termini u l-kondizzjonijiet b’tali mod li l-abbonat ma jkunx obbligat li jħallas għal faċilitajiet jew servizzi li ma jkunux neċessarji jew li ma jkunux meħtieġa għas-servizz mitlub.”

9        L-Artikoli 17(1) u (2) tad-Direttiva Servizz Universali, intitlolati “Kontrolli regolatorji fuq servizzi bl-imnut” jipprovdu

“1.      L-istati Membri għandhom jassiguraw li, fejn:

a)      bħala riżultat ta’ l-analiżi tas-suq imwettaq skond l-Artikolu 16(3) [ANR] tistabbilixxi li suq partikolari bl-imnut identifikat skond l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) ma jkunx effettivament kompetittiv, u

b)       l-[ANR] tikkonkludi li obbligi imposti taħt id-Direttiva [ta’ Aċċess], jew l-Artikolu 19 ta’ din id-Direttiva ma jirriżultawx fil-ksib tal-miri stipulati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva [‛Qafas’],

l-[ANR] għandhom jimponu obbligi regolatorji adatti fuq l-impriżi identifikati bħala li jkollhom saħħa sinjifikanti fis-suq f’suq partikolari ta’ l-imnut skond l-Artikolu 14 tad-Direttiva [‛Qafas’].

2.      L-obbligi imposti taħt il-paragrafu 1 għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-problema identifikata u għandhom ikunu proporzjonati u ġustifikati fid-dawl tal-miri stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva [‛Qafas’]. L-obbligi imposti jistgħu jinkludu ħtiġiet li l-impriżi identifikati ma jitobux prezzijiet eċċessivi, ifixklu d-dħul fis-suq jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni billi jiffissaw prezzijiet predatorji, juri preferenza indebita għal utenti finali speċifiċi jew mingħajr raġuni jassoċċjaw servizzi. L-[ANR] jistgħu japplikaw għal dawn l-impriżi miżuri adatti ta’ limitu għall-prezz bl-imnut, miżuri biex jikkontrollaw tariffi individwali, jew miżuri biex jorjentaw tariffi lejn l-ispejjeż jew prezzijiet fi swieq komparabbli, sabiex jipproteġu l-interessi ta’ l-utent finali waqt li jippromwovu kompetizzjoni effettiva.”

10      L-Artikolu 20(1) tad-Direttiva Servizz Universali jispeċifika li, fil-kuntratti, dan japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur, u r-regoli nazzjonali b’konformità mar-regoli tal-Unjoni.

 Id-Direttiva 2005/29/KE

11      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin‑negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal‑Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, p. 22), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

d)      ‛prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ […] tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi; ;

[...]”

12      Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri la għandhom irażżnu l-libertà tal-provvista tas-servizzi u lanqas għandhom irażżnu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

13      L-Artikolu 46(2) tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet (ustawa – Prawo telekomunikacyjne), tas-16 ta’ Lulju 2004 (Dz. U. n° 171, pożizzjoni 1800), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet”), jipprovdi:

“2. Sabiex jiġi protett l-utent finali, il-President tal-[UKE] jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jissuġġetta operatur ta’ telekomunikazzjonijiet b’saħħa sinjifikattiva fis-suq bl-imnut għall-obbligi li ġejjin:

[…]

5) ma jimponix fuq l-utent finali li juża servizzi li ma humiex neċessarji għalih.

[…]”.

14      L-Artikolu 57(1) tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet jipprovdi:

“1. Min jipprovdi servizzi ma jistax jissuġġetta l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku, inkluż il-provvista ta’ konnessjoni man-network pubbliku tat-telefon, għall- :

1) konklużjoni mill-utent finali ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi oħra jew għax-xiri ta’ tagħmir mingħand fornitur partikolari.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 Diċembru 2006, il-President tal-UKE ordna lil TP sabiex ittemm il-ksur ikkonstatat, li jikkonsisti f’li l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ provvista ta’ aċċess għall-Internet broadband “neostrada tp” ikun suġġett għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizzi telefoniċi. Wara talba għal rieżami tal-każ imressaq minn TP, il-President tal-UKE, permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2007, ikkonferma d-deċiżjoni tat-28 Diċembru 2006.

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (Tribunal Amministrattiv tal-voïvodie ta’ Varsavja), TP talbet l-annullament taż-żewġ deċiżjonijiet tal‑President tal-UKE peress li ssostni li l-Artikolu 57(1)(1) tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet kien ġie applikat b’mod żbaljat, minkejja li huwa inkompatibbli mad-Direttiva Servizz Universali. Il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie ċaħad dan ir-rikors u ddeċieda li l‑President tal-UKE kien applika b’mod korrett dan l-artikolu.

17      Fit-8 ta’ Jannar 2008, TP ippreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny minn din l-aħħar deċiżjoni, li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       Id-dritt Komunitarju jippermetti lill-Istati Membri jipprojbixxu lill-operaturi kollha li jipprovdu servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet milli jissuġġettaw il-konklużjoni ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi għax-xiri ta’ servizz ieħor (bejgħ marbut) u, b’mod partikolari, miżura ta’ dan it-tip ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jitwettqu l‑għanijiet tad-direttivi tal-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet [Direttiva dwar l-Aċċess, Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l‑awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi Direttiva dwar l-Awtorizzazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337), Direttiva Qafas u Direttiva Servizz Universali]?

2)       Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-[ANR] hija kompetenti sabiex tissorvelja l-osservanza tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 57(1)(1) tal-[Liġi dwar it‑Telekomunikazzjonijiet]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

18      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk id-direttivi tal-qafas regolatorju komuni dwar it-telekomunikazzjonijiet elettroniċi għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi li l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi tkun suġġetta għall-konklużjoni mill-utent finali ta’ kuntratt dwar il-provvista ta’ servizzi oħrajn.

19      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali toriġina mill-allegazzjonijiet ta’ TP, li jgħidu li l-Artikolu 57(1)(1) tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet huwa b’mod partikolari inkonsistenti mal‑Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva Qafas kif ukoll mal-Artikoli 10 u 17 tad-Direttiva Servizz Universali. Fil-fatt, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-operaturi kollha projbizzjoni ta’ rabta tal-provvisti tagħhom ta’ servizzi, mingħajr ma ssir evalwazzjoni tal-grad ta’ kompetizzjoni fis-suq u irrispettivament mill-pożizzjoni tagħhom fih.

20      Minn dan isegwi li sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandhom jiġu intepretati d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva Qafas u tad-Direttiva Servizz Universali.

21      Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva Qafas, l-għan ta’ din id‑direttiva huwa li tistabbilixxi qafas armonizzat għar-regolazzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, faċilitajiet assoċjati u servizzi assoċjati. L-imsemmija direttiva tistipula l-inkarigu tal-ANR u tistabbilixxi serje ta’ proċeduri sabiex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju fl-Unjoni kollha. Id-Direttiva Qafas tagħti wkoll lill-ANR inkarigi speċifiċi sabiex tirregola s-swieq ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

22      Bis-saħħa tal-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas, u b’mod partikolari l-Artikolu 15(3), l-ANR għandhom, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, jiddefinixxu s-swieq rilevanti fil-qasam tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi. Skont l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, l-ANR għandhom jagħmlu analiżi tas-swieq hekk definiti u jevalwaw jekk dawn is-swieq humiex effettivament kompetittivi. Jekk suq ma huwiex effettivament kompetittiv, l-ANR ikkonċernata għandha timponi l-obbligi speċifiċi ex ante fuq l-impriżi b’saħħa sinjifikattiva fis-suq.

23      Fir-rigward tad-Direttiva Servizz Universali, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1(1) jipprovdi li, fil-kuntest tad-Direttiva Qafas, id-Direttiva Servizz Universali tikkonċerna l-provvista ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill-utenti finali. Hija għandha l-għan tiżgura d-disponibbiltà fl-Unjoni kollha ta’ servizzi aċċessibbli għall-pubbliku ta’ kwalità tajba permezz tal-kompetizzjoni u għażla effettivi u biex tittratta mal-każijiet fejn il-ħtiġiet tal-utenti finali ma jitħarsux b’mod sodisfaċenti mis-suq. Id-Direttiva Servizz Universali tistabbilixxi l-ħtiġiet tal-utenti finali u l-obbligi li jikkorrispondu fuq impriżi li jipprovdu networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku.

24      Skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva Servizz Universali, l‑Istati Membri għandhom jiżguraw li impriżi maħtura, waqt li jipprovdu faċilitajiet u servizzi addizzjonali għal dawk imsemmija fl-Artikoli 4, 5, 6, 7, u 9(2), jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet b’tali mod li l-abbonat ma jkunx obbligat iħallas għal faċilitajiet jew servizzi li ma jkunux neċessarji jew li ma jkunux meħtieġa għas-servizz mitlub.

25      L-Artikolu 17 ta’ l-imsemmija direttiva jikkonċerna l-kontrolli regolatorji fuq servizzi bl-imnut. Skont l-Artikolu 17(1), meta, bħala riżultat tal-analiżi ta’ dan is-suq, l-ANR tistabbilixxi li dan is-suq ma jkunx effettivament kompetittiv, u l-ANR tikkonkludi li obbligi imposti taħt id-Direttiva tal‑Aċċess jew l-Artikolu 19 tad-Direttiva Servizz Universali ma jirriżultawx fil-ksib tal-miri stipulati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, l‑ANR għandhom jimponu obbligi regolatorji adatti fuq l-impriżi identifikati bħala li jkollhom saħħa sinjifikattiva fis-suq.

26      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva Servizz Universali jipprovdi b’mod partikolari li l-obbligi imposti taħt l-Artikolu 17(1) jistgħu jinkludu ħtiġiet li l-impriżi identifikati ma jassoċjawx is-servizzi tagħhom b’mod irraġonevoli. B’hekk, tali dispożizzjoni tippermetti lil ANR li jkunu kkonstataw li suq ma huwiex kompetittiv, li jimponu lill‑impriżi b’saħħa sinifikattiva fis-suq l-obbligu regolatorju li ma jorbtux is-servizzi tagħhom b’mod irraġonevoli.

27      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taffettwax il-kompetenzi tal‑ANR ikkonċernata bbażati fuq id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad‑Direttiva Qafas u tad-Direttiva Servizzi Universali.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li tali leġiżlazzjoni, li tipprojbixxi b’mod ġenerali u mhux diskriminatorju l-bejgħ marbut, ma taffettwax il-kompetenzi tal-ANR ikkonċernata sabiex tagħmel id‑definizzjoni u l-analiżi tas-swieq varji ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, skont id-dispożizzjonijiet, rispettivament, tal‑Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva Qafas. Din ma taffettwax il‑kompetenza tal-imsemmija ANR li timponi l-obbligi regolatorji ex ante fuq l-impriżi b’saħħa sinifikattiva fis-suq skont l-Artikolu 16 tad‑Direttiva Qafas u l-Artikolu 17 tad-Direttiva Servizz Universali wara li twettaq analiżi ta’ suq.

29      It-tieni nett, kif enfasizzaw il-Presdient tal-UKE u l-Gvern Pollakk, il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 57(1)(1) tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet għandha l-għan ta’ protezzjoni ikbar għal konsumaturi fir‑relazzjonijiet tagħhom ma’ operaturi ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet. Għalkemm, ċertament, fit-twettiq tal-inkarigi tagħhom, l-ANR huma, skont l-Artikolu 8(4)(b) tad-Direttiva Qafas, obbligati li jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea billi jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, jibqa’ l-fatt li d-Direttiva Qafas u d-Direttiva Servizz Universali ma jipprovdux armonizzazzjoni kompleta tal-aspetti relatati mal-protezzjoni tal-konsumatur. Fil-fatt, l-Artikolu 20 tad-Direttiva Servizz Universali, li jirrelata mal-kuntratti konklużi bejn il-konsumaturi u l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jiddikjara li japplika bla ħsara għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll għal-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan is-suġġett inkonformità mad-dritt tal-Unjoni.

30      Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li tipprojbixxi lil kumpanija milli tissuġġetta l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet għall-konklużjoni mill-utent finali ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi oħra sabiex tipproteġi l-utenti finali, ma tistax tkun ipprojbita mid-Direttiva Qafas u mid-Direttiva Servizz Universali.

31      Fir-rigward tal-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva 2005/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, ħlief f’ċerti eċċezzjonijiet u mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, tipprojbixxi kull offerta konġunta magħmula minn bejjiegħ lil konsumatur (sentenza tat-23 ta’ April 2009, VTB‑VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, Ġabra p. I‑2949, punt 68).

32      F’dan il-każ, għandu jiġi speċifikat li, fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati fil-kawża prinċipali seħħew qabel id-data tal-iskadenza tat‑terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/29, din tapplika biss għall-kawża prinċipali sa minn din id-data, jiġifieri sa mit-12 ta’ Diċembru 2007.

33      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li d-Direttiva Qafas u d‑Direttiva Servizz Universali għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 57(1)(1) tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet, li tipprojbixxi li l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi tkun suġġetta għall-konklużjoni mill-utent finali ta’ kuntratt dwar il-provvista ta’ servizzi oħrajn. Madankollu, id-Direttiva 2005/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet u mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, tipprojbixxi kwalunkwe offerta konġunta magħmula minn bejjiegħ lil konsumatur.

 Fuq it-tieni domanda

34      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

35      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru), u d-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali), għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 57(1)(1) tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet, (ustawa – Prawo telekomunikacyjne), tas-16 ta’ Lulju 2004, fil‑verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi li l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi tkun suġġetta għall-konklużjoni mill-utent finali ta’ kuntratt dwar il-provvista ta’ servizzi oħrajn.

Madankollu, id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin‑negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet u mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, tipprojbixxi kwalunkwe offerta konġunta magħmula minn bejjiegħ lil konsumatur.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.