Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta’ Awwissu 2017 minn Guardian Europe Sàrl mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) fis-7 ta’ Ġunju 2017 fil-Kawża T-673/15, Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea

(Kawża C-479/17 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Guardian Europe Sàrl (rappreżentanti: C. O’Daly, Solicitor, F. Louis, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata (1) mill-Qorti tal-Ġustiżżja tal-Unjoni Ewropea u (2) mill-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

1)    tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-punt 3 tad-dispożittiv ċaħad parti mit-talba għad-danni ta’ Guardian Europe abbażi tal-Artikolu 268 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

2    tiddeċiedi li l-l-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha tista’ tiddeċiedi fuq il-mertu t-talbiet għad-danni tal-appellanti u konsegwentement

a)    tordna lill-Unjoni, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tikkumpensa lil Guardian Europe għad-danni kkawżati b’riżultat tan-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tgħati deċiżjoni f’terminu raġonevoli, skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamental, li jammontaw għas-sommom li ġejjin: (i) telf ta’ opportunità/telf ta’ qliegħ ta’ EUR 1 388 000; (ii) spejjeż addizzjonali ta’ garanzija ta’ EUR 143 675.78, u (iii) telf mhux pekunjarju espress f’perċentwali xierqa tal-multa imposta fuq Guardian fid-deċiżjoni;

b)    tordna lill-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tikkumpensa lil Guardian għad-danni kkawżati minħabba l-ksur, mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jammontaw għas-sommom li ġejjin: (i) telf ta’ opportunità/telf ta’ qliegħ ta’ EUR 7 712 000; u (ii) telf mhux pekunjarju espress f’perċentwali xierqa tal-multa imposta fuq Guardian fid-deċiżjoni;

ċ)    tagħti interessi kompensatorji fuq l-ammonti, fil-każ tas-subparagrafu (a), (mis-27 ta’ Lulju 2010 sad-data ta’ meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dan l-appell) u, fil-każ tas-subparagrafu (b), (mid-19 ta’ Novembru 2010 sad-data ta’ meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dan l-appell), bir-rata annwali ta’ inflazzjoni ddeterminata, għall-perijodu inkwistjoni, mill-Eurostat għall-Istat Membru (il-Lussemburgu) fejn hija stabbilita Guardian Europe;

d)    tagħti interessi moratorji fuq l-ammonti msemmija fis-subparagrafi (a) u (b), mid-data ta’ meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dan l-appell sal-ħlas sħiħ, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, miżjuda b’żewġ punti perċentwali;

3)    sa fejn ikun rilevanti, alternattivament għall-paragrafu 2(a) jew għall-paragrafu 2(b), tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu; u

4)    tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż ta’ dan l-appell u għal dawk sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fis-sentenza tagħha l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u naqset milli tapplika l-kunċett ta’ “impriża” fid-dritt tal-Unjoni meta kkonkludiet li Guardian Europe ma sofriet ebda telf ta’ profitti minħabba n-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tgħati deċiżjoni fi żmien raġonevoli fil-Kawża T-82/08, Guardian Industries Corp. u Guardian Europe Sàrl vs Il-Kummissjoni;

Fis-sentenza tagħha l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, naqset milli tapplika l-kunċett ta’ “impriża” fid-dritt tal-Unjoni u waslet għal konklużjonijiet sostanzjalment ineżatti, din l-ineżattezza tirriżulta mid-dokumenti sottomessi lill-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li Guardian Europe sostniet biss 82 % mit-telf relatat mal-ispejjeż tal-garanzija pagabbli matul il-perjodu tad-dewmien mhux raġonevoli tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-82/08, Guardian Industries Corp. u Guardian Europe Sàrl vs Il-Kummissjoni;

Fis-sentenza tagħha l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, meta kkonkludiet li Guardian Europe ma sofrietx dannu morali minħabba n-nuqqas ta’ deċiżjoni fi żmien raġonevoli fil-Kawża T-82/08, Guardian Industries Corp. u Guardian Europe Sàrl vs Il-Kummissjoni;

Fis-sentenza tagħha l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u naqset milli tapplika l-kunċett ta’ “impriża” fid-dritt tal-Unjoni meta ddeċidiet li l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C (2007) 5791 finali 1 - Ħġieġ ċatt, u fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-82/08, Guardian Industries Corp. u Guardian Europe Sàrl vs Il-Kummissjoni, ma kkawżax telf ta’ profitti għal Guardian Europe;

Fis-sentenza tagħha l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE meta ddeċidiet li l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C (2007) 5791 finali - Ħġieġ ċatt, u fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-82/08, Guardian Industries Corp. u Guardian Europe Sàrl vs Il-Kummissjoni, ma kkawżax telf mhux materjali għal Guardian Europe; u

Fis-sentenza tagħha l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE meta ddeċidiet li hija biss deċiżjoni minn qorti tal-aħħar istanza – u għalhekk mhux il-Qorti Ġenerali – tista’ tgħati lok għal responsabbiltà għal danni minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C (2007) 5791 finali, tat-28 ta’ Novembru 2007, dwar proċediment skond l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/39165 – Ħġieġ Ċatt).