Language of document : ECLI:EU:C:2009:48

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RUIZ‑JARABO COLOMER

ippreżentati fit‑3 ta’ Frar 2009 1(1)

Kawża C‑440/07 P

Il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej

vs

Schneider Electric

“Appell minn sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza – Konċentrazzjoni bejn l‑impriżi – Suq tad‑distribuzzjoni tal‑elettriku – Dannu kkawżat mill‑aġir tal‑Kummissjoni fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni ta’ konċentrazzjoni bejn l‑impriżi – Kundizzjonijiet biex ikun hemm ir‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑Komunità”






Werrej


I –   Introduzzjoni

II – Il‑fatti tal‑kawża fl‑ewwel istanza

A –   Il‑proċedura amministrattiva

B –   Il‑proċedura kontenzjuża

III – Il‑kuntest ġuridiku

A –   Id‑dritt Komunitarju fuq il‑kontroll tal‑konċentrazzjonijiet

B –   Is‑sentenzi preċedenti li għandhom effett fuq din il‑kawża.

IV – Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza u s‑sentenza appellata

A –   Il‑proċedura fil‑kawża T‑351/03

B –   Kontenut essenzjali tas‑sentenza kkontestata (kawża T‑351/03)

1.     Fuq il‑ksur suffiċjentement serju

2.     Fuq ir‑rabta kawżali

3.     Id‑delimitazzjoni tad‑danni mġarrba mir‑rikorrenti

a)     Onorarji, spejjeż amministrattivi u spejjeż ġudizzjarji sostnuti minn Schneider

b)     Fuq it‑tnaqqis tal‑prezz ta’ trasferiment ta’ Legrand lil Wendel‑KKR biex seta’ jkun hemm posponiment tad‑data ta’ eżekuzzjoni tat‑trasferiment

c)     Fuq l‑evalwazzjoni tad‑dannu, l‑imputazzjoni tiegħu u l‑kalkolu tal‑interessi

V –   Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet

VI – Analiżi tal‑appell

A –   Pożizzjoni tal‑problema

B –   Fuq l‑aggravji li jirrigwardaw il‑ksur suffiċjentement serju

1.     L‑argumenti tal‑partijiet

2.     L‑ewwel aggravju: interpretazzjoni żbaljata tas‑sentenza appellata

3.     Fuq it‑tieni aggravju

C –   Fuq l‑aggravju dwar id‑dannu kkawżat lil Schneider

D –   Fuq l‑aggravji li jirrigwardaw ir‑rabta kawżali

1.     Ineżistenza ta’ rabta kawżali

a)     Fuq l‑iżnaturament tal‑fatti u tal‑provi (l‑ewwel parti tat‑tielet aggravju tal‑appell)

b)     Fuq in‑nuqqas ta’ rabta kawżali bejn l‑invaliditŕ tad‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltŕ u t‑tnaqqis tal‑prezz tat‑trasferiment ta’ Legrand mogħti lil Wendel‑KKR (it‑tieni parti tat‑tielet aggravju tal‑appell)

i)     Definizzjoni tal‑pożizzjonijiet

ii)   Il‑kunsiderazzjonijiet

2.     Fuq l‑interruzzjoni tar‑rabta kawżali (it‑tielet u l‑ħames aggravji tal‑appell)

a)     Sunt tal‑argumenti tal‑partijiet

b)     Fuq l‑ammissibbiltà ta’ wħud mill‑argumenti

c)     Fuq il‑mertu

3.     Fuq l‑aggravju bbażat fuq motivazzjoni kontradittorja

E –   Fuq is‑seba’ aggravju

VII – Id‑deċiżjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fuq il‑mertu tal‑kawża

VIII – Fuq l‑ispejjeż dwar iż‑żewġ istanzi tal‑ġudizzju

IX – Konklużjoni

I –    Introduzzjoni

1.        B’dan l‑appell, il‑Kummissjoni Ewropea qed tappella s‑sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal‑11 ta’ Lulju 2007 (2), li kienet laqgħet parzjalment rikors intiż biex tiġi ddikjarata r‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑Komunità għax ma ppermettietx konċentrazzjoni, liema intervent kien ġie annullat suċċessivament mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza.

2.        Dak li jidher rilevanti f’din il‑kawża, iktar mill‑ammont kbir li qed jintalab – madwar EUR 1 700 miljun – hija l‑influwenza eventwali tad‑deċiżjoni ta’ din il‑Qorti tal‑Ġustizzja fuq il‑politika ekonomika tal‑organu Komunitarju li jieħu ħsieb il‑kompetizzjoni fl‑Ewropa.

3.        Billi hawnhekk qed jiġi diskuss il‑ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tal‑impriżi fil‑kuntest ta’ proċedura amministrattiva u tad‑dannu kkawżat minn dan il‑ksur ta’ dritt fundamentali, għandhom jiġu osservati l‑ikbar kawtela u ċirkuspezzjoni, minħabba r‑riperkussjonijiet gravi li d‑deċiżjoni li ser tingħata jista’ jkollha kemm għall‑impriżi kif ukoll l‑istituzzjonijiet Komunitarji u forsi wkoll għal dawk nazzjonali.

II – Il‑fatti tal‑kawża fl‑ewwel istanza

4.        Il‑fatti kumplessi li taw lok għal din it‑tilwima suġġett tal‑appell (3) huma miġburin fil‑qosor fil‑paragrafi li ġejjin.

A –    Il‑proċedura amministrattiva

5.        Iż‑żewġ kumpanniji Franċiżi Schneider Electric SA (iktar ’il quddiem, “Schneider”) u Legrand SA (iktar ’il quddiem, “Legrand”) innotifikaw lill‑Kummissjoni bi proġett ta’ akkwist tal‑kontroll tat‑tieni impriża min‑naħa tal‑ewwel waħda permezz ta’ offerta pubblika ta’ skambju (iktar ’il quddiem, l‑“OPS”), skont l‑Artikolu 3(1)(b) tar‑Regolament Nru 4064/89 (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament”) (4). Schneider tipproduċi u tbiegħ tagħmir u sistemi fis‑setturi tad‑distribuzzjoni tal‑elettriku, filwaqt li Legrand tipproduċi u tbiegħ apparat tal‑elettriku ta’ tensjoni baxxa.

6.        Minħabba d‑dubji serji li dan il‑proġett kien qed iqajjem fir‑rigward tal‑kumpatibbiltà mas‑suq komuni, fit‑30 ta’ Marzu 2001 il‑Kummissjoni fetħet il‑proċedura II ta’ kontroll, bis‑saħħa tal‑Artikolu 6(1)(ċ) tar‑Regolament, u talbet informazzjoni mingħand Schneider u Legrand.

7.        Fit‑3 ta’ Awwissu 2001, il‑Kummissjoni bagħtet lil Schneider dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet fejn ġie indikat li l‑aġir ta’ din tal‑aħħar kien iwassal għall‑ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fuq ċertu numru ta’ swieq settorjali nazzjonali.

8.        Fir‑risposta tagħhom tas‑16 ta’ Awwissu għal dawn l‑oġġezzjonijiet, il‑kumpanniji msemmijin ikkontestaw id‑definizzjoni tas‑swieq adottata mill‑Kummissjoni, kif ukoll l‑analiżi tagħha tal‑impatt tal‑operazzjoni fuq dawn is‑swieq. Fid‑29 ta’ Awwissu 2001 saret laqgħa komuni bejn l‑impriżi nnotifikati u s‑servizzi tal‑Kummissjoni fejn Schneider daħlet fl‑impenn li tadotta miżuri korrettivi.

9.        Fl‑10 ta’ Ottubru 2001, il‑Kummissjoni adottat, skont l‑Artikolu 8(3) tar‑Regolament, id‑Deċiżjoni 2004/275/KE (iktar ’il quddiem, id‑“deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà”) (5), billi ddikjarat l‑operazzjoni proposta bħala inkompatibbli mas‑suq komuni. Fil‑premessi 782 u 783 ta’ din id‑deċiżjoni hemm indikat li l‑għaqda kienet toħloq pożizzjoni dominanti u kienet tostakola b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fuq xi swieq nazzjonali billi tissaħħaħ, fuq kollox, pożizzjoni dominanti f’diversi swieq settorjali Franċiżi (6). Il‑Kummissjoni ddeċidiet ukoll li l‑miżuri korrettivi proposti minn Schneider ma kinux jippermettu li jiġu solvuti problemi ta’ kompetizzjoni identifikati fid‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà.

10.      Billi Schneider, minħabba li kellha 98.1 % tal‑kapital ta’ Legrand kienet wettqet konċentrazzjoni li wara ġiet iddikjarata inkompatibbli mas‑suq komuni, il‑Kummissjoni adottat, fl‑24 ta’ Ottubru 2001, it‑tieni dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet biex tifred liż‑żewġ kumpanniji, fejn ordnat lil Schnieder, bis‑saħħa tal‑Artikolu 8(4) tar‑Regolament, teżegwixxi trasferiment tal‑ishma tagħha f’Legrand bl‑għan li ma tibqax f’pożizzjoni sinjifikattiva, biex jerġa’ jkun hemm kompetizzjoni effettiva b’livell ta’ ċertezza suffiċjenti u f’termini suffiċjentement qosra.

11.      Il‑Kummissjoni esprimiet ix‑xewqa li minnufih tħalli f’idejn mandatarju espert u indipendenti l‑amministrazzjoni tal‑ishma ta’ Schneider f’Legrand u, skont l‑Artikolu 7(4) tar‑Regolament, awtorizzat lil Schnieder, fl‑4 ta’ Diċembru 2001, teżerċita d‑dritt tal‑vot inerenti fl‑ishma tagħha fil‑kapital ta’ Legrand permezz ta’ mandatarju maħtur minn dik il‑kumpannija bil‑kundizzjonijiet stabbiliti f’kuntratt appruvat mill‑Kummissjoni.

12.      Fit‑30 ta’ Jannar 2002 il‑Kummissjoni adottat, bis‑saħħa tal‑Artikolu 8(4) tar‑Regolament, deċiżjoni (iktar ’il quddiem, id‑“deċiżjoni tas‑separazzjoni”) (7), fejn ordnat lil Schneider tiġi sseparata minn Legrand f’terminu ta’ disa’ xhur, li kien jiskadi fil‑5 ta’ Novembru 2002.

13.      Din l‑aħħar deċiżjoni kienet tipprojbixxi lil Schneider milli tagħmel separazzjoni differenti ta’ attivitajiet partikolari ta’ Legrand, kienet tissuġġetta għall‑approvazzjoni preliminari tal‑Kummissjoni x‑xerrej jew xerrejja ta’ Legrand u kienet tipprojbixxi kull trasferiment mill‑ġdid ulterjuri lil Schneider ta’ uħud mill‑attivitajiet ta’ Legrand.

B –    Il‑proċedura kontenzjuża

14.      Qabel ma ġiet adottata din l‑aħħar deċiżjoni, fit‑13 ta’ Diċembru 2001, Schneider għamlet rikors għal annullament kontra d‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal‑Komunitajiet Ewropej (kawża T‑310/01).

15.      B’atti ppreżentati fit‑18 ta’ Marzu 2002, Schneider talbet ukoll l‑annullament tad‑deċiżjoni ta’ separazzjoni (kawża T‑77/02) kif ukoll is‑sospensjoni tal‑eżekuzzjoni tagħha (kawża T‑77/02 R).

16.      Wara s‑seduta tal‑proċeduri għal miżuri provviżorji tat‑23 ta’ April 2002 fil‑kawża T‑77/02, il‑Kummissjoni estendiet sal‑5 ta’ Frar 2003 t‑terminu mogħti lil Schneider biex tissepara minn ma’ Legrand, ħlief għat‑twettiq tal‑istadji tal‑proċess ta’ separazzjoni matul il‑perijodu ta’ proroga, li kien jiddetermina l‑irtirar tat‑talba ta’ sospensjoni tal‑eżekuzzjoni min‑naħa ta’ Schneider.

17.      Schneider ippreparat it‑trasferiment ta’ Legrand, li kellu jseħħ fil‑każ li r‑rikorsi għal annullament tagħha kienu jiġu miċħudin u, fis‑26 ta’ Lulju 2002, ikkonkludiet għal dak l‑iskop kuntratt ta’ trasferiment mal‑konsorzju Wendel‑KKR, li kellu jidħol fis‑seħħ mhux iktar tard mill‑10 ta’ Diċembru 2002. Dan il‑ftehim kellu klawżola li kien jippermetti lil Schneider, f’każ ta’ annullament tad‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, li tħassar il‑kuntratt sal‑5 ta’ Diċembru 2002, bi ħlas ta’ kumpens għat‑tħassir bħala korrispettiv (ta’ EUR 180 miljun).

18.      Bis‑sentenza Schneider I (8), il‑Qorti tal‑Prim’Istanza annullat id‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, minħabba l‑preżenza ta’ żbalji ta’ analiżi u ta’ evalwazzjoni tal‑impatt tal‑operazzjoni fis‑swieq settorjali nazzjonali barra minn Franza, kif ukoll minħabba l‑ksur tad‑drittijiet ta’ difiża. Bl‑istess mod, is‑sentenza Schneider II, li ngħatat fl‑istess data tal‑ewwel waħda (9), annullat id‑deċiżjoni ta’ separazzjoni billi kkunsidratha bħala miżura ta’ applikazzjoni tad‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà. Dawn is‑sentenzi saru res iudicata billi ma ġewx appellati mill‑Kummissjoni. Biex ma nikkumplikawx iżjed l‑espożizzjoni tal‑fatti, ser nidħol fil‑fond tal‑kontenut taż‑żewġ sentenzi fit‑III taqsima ta’ dawn il‑konklużjonijiet, iddedikata lill‑kuntest leġiżlattiv ta’ din il‑kawża (10).

19.      Il‑Kummissjoni ppubblikat avviż u ffissat il‑ftuħ tat‑termini tal‑proċedura tal‑eżami tal‑operazzjoni (11) għat‑23 ta’ Ottubru 2002 skont l‑Artikolu 10(5) tar‑Regolament. Qalet ukoll li, wara analiżi preliminari fil‑proċedura I u mingħajr preġudizzju għal deċiżjoni finali, l‑operazzjoni li għamlet Schneider setgħet tidħol fil‑kuntest ta’ applikazzjoni tar‑Regolament u stiednet lil terzi interessati biex jippreżentaw l‑osservazzjonijiet eventwali tagħhom.

20.      B’dikjarazzjoni ġdida tal‑oġġezzjonijiet tat‑13 ta’ Novembru 2002 il‑Kummissjoni informat lil Schneider li l‑aġir tagħha seta’ jippreġudika l‑kompetizzjoni fis‑swieq settorjali Franċiżi, minħabba l‑ishma konsiderevoli fis‑suq ta’ Schneider u ta’ Legrand, l‑għejbien tar‑rivalità tradizzjonali, l‑importanza tat‑trade marks f’idejn l‑entità Schneider‑Legrand, il‑poter tagħha fuq il‑bejjiegħa bl‑ingrossa u l‑impossibbiltà għal kwalunkwe kompetitur li joħdilha postha minħabba l‑pressjoni kompetittiva li Legrand eżerċitat qabel l‑ewwel għaqda.

21.      Fl‑14 ta’ Novembru 2002, Schneider ippreżentat lill‑Kummissjoni miżuri korrettivi biex telimina s‑sovrapożizzjoni ta’ ċerti attivitajiet bejn il‑kumpanniji li kienu ser iwettqu l‑għaqda fis‑swieq settorjali Franċiżi kkonċernati. Abbażi ta’ dawn il‑proposti sar skambju ta’ opinjonijiet bil‑korrispondenza fejn, minn naħa, il‑Kummissjoni ċaħdet il‑miżuri korrettivi proposti minn Schneider biex ittaffi l‑effetti negattivi fuq il‑kompetizzjoni fi Franza billi kkunsidrathom insuffiċjenti, filwaqt li min‑naħa l‑oħra, Schneider esprimiet lill‑Kummissjoni d‑dubji tagħha dwar kemm kienu prattiċi u xierqa l‑miżuri proposti minn dik l‑istituzzjoni biex tiġi ggarantita ż‑żamma ta’ sitwazzjoni kompetittiva f’dak il‑pajjiż.

22.      B’ittra tat‑2 ta’ Diċembru 2002, Schneider indikat li, fl‑istat avanzat li kienet waslet il‑proċedura, l‑aġir tal‑Kummissjoni eskluda iktar diskussjonijiet fuq dan, u li, konsegwentement, biex tispiċċa l‑inċertezza li damet iktar minn sena, informat lill‑Kummissjoni bl‑intenzjoni tagħha li tbiegħ lil Legrand lil Wendel‑KKR. Dik il‑kumpannija kkonfermat din id‑deċiżjoni l‑jum ta’ wara permezz ta’ faks, u ppreċiżat li, skont id‑dispożizzjonijiet tal‑kuntratt ta’ trasferiment iċċitat, il‑bejgħ ta’ Legrand lil Wendel‑KKR kellu jseħħ fl‑10 ta’ Diċembru 2002, u din l‑operazzjoni ġiet innotifikata minn Schneider lill‑Kummissjoni fil‑11 tal‑istess xahar.

23.      Għalkemm, għall‑ewwel, il‑Kummissjoni fl‑4 ta Diċembru 2002 bdiet il‑proċedura II tal‑kontroll tal‑operazzjoni, billi ddikjarat li s‑soluzzjonijiet proposti minn Schneider ma kinux jeliminaw id‑dubji fuq il‑kompatibbiltà tal‑operazzjoni mas‑suq komuni, fit‑13 ta’ Diċembru ta’ wara l‑istess istituzzjoni informat lil Schneider bl‑għeluq, minħabba n‑nuqqas tal‑oġġett, tal‑proċedura ta’ eżami billi dik il‑kumpannija ma kinitx iktar qed tikkontrolla lil Legrand.

24.      Minn dan irriżulta l‑eżitu negattiv tar‑rikors għal annullament magħmul minn Schneider kontra d‑deċiżjoni tal‑ftuħ tal‑proċedura II u kontra d‑deċiżjoni li kollox jiġi arkivjat tat‑13 ta’ Diċembru 2002 (kawża T‑48/03) (12), u dan ġara wkoll fl‑appell ta’ dak id‑digriet li ġie miċħud b’digriet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja (13).

25.      Fil‑punt 48 ta’ dan id‑digriet, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li l‑Kummissjoni, billi għażlet li terġa’ tibda l‑proċedura I ta’ kontroll tal‑operazzjoni, kellha l‑intenzjoni li tara x’inhuma l‑konsegwenzi tas‑sentenza Schneider I, u b’hekk ħadet il‑prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi ggarantit li ma jkunx hemm ksur eventwali tad‑drittijiet tad‑difiża ta’ Schneider.

III – Il‑kuntest ġuridiku

A –    Id‑dritt Komunitarju fuq il‑kontroll tal‑konċentrazzjonijiet

26.      Skont il‑verżjoni tar‑Regolament applikabbli f’din it‑tilwima, l‑Artikolu 2(3) jistabbilixxi li għandhom jiġu ddikjarati inkompatibbli mas‑suq komuni l‑operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni nnotifikati li jostakolaw b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva, bil‑ħolqien jew bit‑tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti fis‑suq komuni jew f’parti sostanzjali tiegħu.

27.      Skont l‑Artikolu 3(1)(b) tal‑istess Regolament, ikun hemm konċentrazzjoni meta kumpannija takkwista direttament jew indirettament il‑kontroll ta’ impriża oħra permezz tal‑akkwist ta’ ishma fil‑kapital jew ta’ elementi tal‑patrimonju.

28.      L‑Artikolu 6(1)(b) ta’ din il‑liġi jippreċiża li l‑Kummissjoni tqis li huma kumpatibbli mas‑suq komuni l‑operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni nnotifikati bis‑saħħa tar‑Regolament u li, għalkemm jaqgħu taħtu, ma jqajmux dubji gravi għal dak li jirrigwarda l‑kompatibbiltà tagħha mas‑suq komuni.

29.      F’każ kuntrarju, il‑Kummissjoni tiddeċiedi li tibda l‑proċedura ċċitata ta’ kontroll (l‑hekk imsejħa deċiżjoni, “ftuħ tal‑proċedura II”), skont l‑Artikolu 6(1)(ċ).

30.      L‑Artikolu 10(1) jeżiġi li dawn id‑deċiżjonijiet jiġu adottati fit‑terminu ta’ xahar li jibda jgħodd mill‑jum ta’ wara fid‑data tan‑notifika tal‑konċentrazzjoni jew ta’ meta tiġi rċevuta l‑informazzjoni sħiħa.

31.      L‑Artikolu 8 jawtorizza lill‑Kummissjoni, fil‑paragrafi (2) u (3) li tiddeċiedi, fil‑kuntest tal‑proċedura II, fuq il‑kumpatibbiltà ta’ konċentrazzjoni, wara li l‑impriżi interessati jkunu għamlu emendi għall‑proġett ta’ għaqda nnotifikat.

32.      L‑Artikolu 10(3), jistabbilixxi terminu massimu ta’ erba’ xhur li jibda jgħodd mid‑data tal‑bidu tal‑proċedura II għall‑adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà mas‑suq komuni ta’ konċentrazzjoni.

33.      Bis‑saħħa tal‑Artikolu 8(4), jekk il‑konċentrazzjoni saret diġà, il‑Kummissjoni tista’ tordna, f’deċiżjoni adottata skont il‑paragrafu (3) jew f’deċiżjoni differenti, is‑separazzjoni tal‑impriżi jew kull miżura xierqa biex jerġa’ jkun hemm kompetizzjoni effettiva.

34.      L‑Artikolu 10(6) jintroduċi r‑regola tas‑silenzju‑kunsens tal‑amministrazzjoni, li tgħid li huma kkunsidrati bħala kumpatibbli mas‑suq komuni l‑operazzjonijiet innotifikati li fil‑konfront tagħhom il‑Kummissjoni ma tkunx bdiet il‑proċedura II fit‑terminu massimu ta’ xahar mid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet jew mill‑wasla tal‑informazzjoni sħiħa jew jekk hija ma tkunx iddeċidiet fuq il‑kompatibbiltà ta’ operazzjoni fl‑erba’ xhur wara l‑bidu tal‑proċedura II.

35.      Skont l‑Artikolu 10(5) jekk il‑qorti Komunitarja tannulla deċiżjoni tal‑Kummissjoni, it‑termini stabbiliti fir‑Regolament japplikaw mill‑ġdid mid‑data meta tkun ingħatat is‑sentenza.

36.      Skont l‑Artikolu 7(1) konċentrazzjoni m’għandhiex tidħol fis‑seħħ qabel in‑notifika tagħha jew fi żmien tliet ġimgħat wara n‑notifika tagħha lill‑Kummissjoni. Minkejja dan il‑paragrafu (3) jippermetti eċċezzjoni billi l‑ewwel paragrafu m’għandux ifixkel l‑implementazzjoni ta’ offerta pubblika ta’ akkwist jew permuta li tkun ġiet innotifikata lill‑Kummissjoni, sakemm min jeħodha ma jeżerċitax id‑drittijiet tal‑vot li jmorru mat‑titoli inkwistjoni jew li dan jagħmlu biss biex jippreserva l‑valur sħiħ ta’ dawk l‑investimenti u fuq il‑bażi ta’ deroga mogħtija mill‑Kummissjoni.

37.      L‑Artikolu 18 tar‑Regolament huwa ta’ importanza fundamentali għall‑kawża tal‑lum li fil‑paragrafu (1) tiegħu jiddisponi li, qabel ma jiġu adottati d‑deċiżjonijiet previsti, fost l‑oħrajn, mill‑Artikolu 8(3), il‑Kummissjoni għandha tagħti lill‑persuni, impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati l‑opportunità f’kull stadju tal‑proċedura sal‑konsultazzjoni tal‑Kumitat Konsultattiv, li jagħmlu l‑osservazzjonijiet tagħhom dwar l‑oġġezzjonijiet kontrihom.

38.      Fl‑aħħar, dan l‑Artikolu jispeċifika, fil‑paragrafu (3), li l‑Kummissjoni għandha tibbaża d‑deċiżjoni tagħha biss fuq l‑oġġezzjonijiet li dwarhom il‑partijiet setgħu jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom, kif ukoll li d‑drittijiet tad‑difiża għandhom jiġu mħarsa matul l‑iżvolġiment tal‑proċeduri.

B –    Is‑sentenzi preċedenti li għandhom effett fuq din il‑kawża.

39.      Schneider fetħet kawża kontra l‑Kummissjoni billi kkontestat quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza d‑deċiżjonijiet ta’ inkompatibbiltà u ta’ separazzjoni; jeħtieġ għalhekk li jinġabar fil‑qosor il‑kontenut tas‑sentenzi li annullaw dawn id‑deċiżjonijiet li saru res iudicata.

40.      Is‑sentenza Schneider I annullat id‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà billi minn naħa, kien fiha żbalji ta’ evalwazzjoni tal‑impatt tal‑operazzjoni fuq is‑swieq settorjali nazzjonali ’l barra minn Franza u, min‑naħa l‑oħra, li kienet tikser id‑drittijiet tad‑difiża, u li, għalhekk, l‑analiżi tar‑riperkussjonijiet tal‑operazzjoni fuq dawk is‑swieq u r‑rimedji proposti mill‑kumpannija kkonċernata kienet żbaljata.

41.      Fl‑appell ma jissemmewx l‑iżbalji eventwali li għandhom x’jaqsmu mal‑analiżi ekonomika, u għalhekk wieħed jista’ jeżamina biss il‑ksur tad‑drittijiet tad‑difiża. F’dan ir‑rigward, is‑sentenza Schneider I ddikjarat li kienet il‑Kummissjoni li kellha tidentifika r‑riskji għall‑kompetizzjoni inerenti fit‑tranżazzjoni biex il‑partijiet li qed jinnotifikaw ikunu jistgħu jippromwovu b’mod effiċjenti u tempestiv it‑twettiq tat‑trasferiment ta’ ishma li setgħu jagħmlu l‑operazzjoni kumpatibbli mas‑suq komuni.

42.      Is‑sentenza żiedet tgħid li d‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001 ma ttrattatx b’biżżejjed preċiżjoni l‑kwistjoni tat‑tisħiħ tal‑pożizzjoni ta’ Schneider fir‑rigward tad‑distributuri Franċiżi ta’ materjali tal‑elettriku ta’ tensjoni baxxa, li ġej mhux biss mit‑totalità tal‑bejgħ ta’ Legrand fi swieq ta’ komponenti ta’ panel boards tal‑elettriku, imma wkoll minħabba d‑dominanza ta’ Legrand fuq tagħmir elettriku ultra terminali (14).

43.      Is‑sentenza indikat ukoll li d‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet kienet telenka d‑diversi swieq settorjali nazzjonali kkonċernati mill‑operazzjoni, mingħajr ma kien hemm l‑ebda appoġġjar tal‑pożizzjonijiet tal‑partijiet li qed jinnotifikaw (15). Għalhekk il‑Kummissjoni kienet ċaħdet lill‑kumpannija Franċiża mill‑possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet u li tikkontesta l‑argument li hija saħħet il‑pożizzjoni dominanti tagħha fis‑settur tal‑komponenti għad‑distribuzzjoni u terminali minħabba l‑pożizzjoni ta’ dominanza ta’ Legrand fis‑settur tat‑tagħmir ultra terminali.

44.      Billi ma kienx possibbli li jiġu vvalutati fid‑daqs kollu tagħhom il‑problemi ta’ kompetizzjoni identifikati mill‑Kummissjoni fis‑suq Franċiż tad‑distribuzzjoni ta’ materjal elettriku ta’ tensjoni baxxa, id‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà kienet kisret id‑drittijiet tad‑difiża ta’ Schnieder. B’mod partikolari, dik il‑kumpannija kienet ġiet imċaħħda mill‑possibbiltà li tipproponi trasferiment ta’ assi ta’ daqs konsiderevoli jew miżuri oħrajn korrettivi kapaċi li jipprekludu problemi ta’ kompetizzjoni identifikati. Imbagħad hija ġiet imċaħħda mill‑possibbiltà li tikseb awtorizzazzjoni tal‑Kummissjoni, li hija irregolarità pjuttost gravi, għall‑fatt li r‑rimedji kienu l‑uniku mod biex tiġi salvata konċentrazzjoni li taqa’ fil‑kuntest ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament (16).

45.      Barra minn hekk, bis‑sentenza Schneider II, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza annullat anki d‑deċiżjoni ta’ separazzjoni, minħabba l‑konnessjoni intrinsika tagħha mad‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà.

IV – Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza u s‑sentenza appellata

A –    Il‑proċedura fil‑kawża T‑351/03

46.      Fl‑10 ta’ Ottubru 2003, Schneider għamlet rikors għal kumpens għal danni bis‑saħħa tal‑Artikolu 235 KE u tat‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 288 KE.

47.      Bl‑appoġġ tar‑Repubblika Franċiża, ir‑rikorrenti talbet lill‑Qorti tal‑Prim’Istanza, fl‑ewwel lok, biex il‑Komunità tiġi kkundannata tħallasha s‑somma ta’ EUR 1 663 734 716,76, ħlief għat‑tnaqqis sal‑ammont tal‑ispejjeż irkuprabbli stabbilit mid‑digrieti ta’ likwidazzjoni tal‑ispejjeż (17), u ħlief għal żieda minħabba, minn naħa, interessi li mmaturaw mill‑4 ta’ Diċembru 2002 sakemm isir il‑ħlas kollu, bir‑rata annwali ta’ 4 % u, min‑naħa l‑oħra, mill‑ammont tat‑taxxa li Schneider kellha tħallas fil‑mument ta’ meta jiġi rċevut, fuq l‑ammont ta’ kumpens.

48.      Ir‑rikorrenti bbażat l‑argumenti tagħha (18) fuq żewġ fatti illegali kkonstatati fis‑sentenza Schneider I fid‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, jiġifieri, minn naħa, fuq żbalji fl‑analiżi li għamlet il‑Kummissjoni dwar l‑impatt tal‑operazzjoni fis‑swieq settorjali nazzjonali ’l barra minn Franza u, min‑naħa l‑oħra, fuq il‑ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti dwar in‑nuqqas ta’ preċiżjoni fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet dwar l‑oġġezzjoni fuq l‑appoġġjar.

49.      Bħala konsegwenza diretta ta’ dawn l‑illegalitajiet, ir‑rikorrenti semmiet id‑dannu kkawżat minħabba t‑tnaqqis fil‑valur tal‑assi patrimonjali tagħha, l‑ewwel nett billi għamlet telf fil‑kontabbiltà fl‑elementi tal‑patrimonju ta’ Legrand u, fit‑tieni lok, fin‑nuqqas ta’ qligħ dovut għall‑impossibbiltà li jitwettqu sinerġiji mistennijin mill‑operazzjoni bid‑distruzzjoni konsegwenti tal‑istrateġija industrijali tal‑grupp u, fit‑tielet lok, fil‑preġudizzju għar‑reputazzjoni tar‑rikorrenti. Ir‑rikorrenti saħqet ukoll li l‑aġir ostili tal‑Kummissjoni kkontribwixxa biex jiġi aggravat id‑dannu.

50.      Flimkien ma’ dawk id‑danni, Schneider żiedet ukoll l‑ispejjeż marbutin mal‑mandatarju li intervjena fil‑kuntest tal‑proċedura amministrattiva ta’ separazzjoni, dawk li jirrigwardaw l‑eżami mill‑ġdid tal‑operazzjoni li sar l‑għada li ngħataw is‑sentenzi Schneider I u Schneider II, kif ukoll l‑ispejjeż imġarrba taħt il‑kawżi T‑310/01, T‑77/02 u T‑77/02 R, netti mill‑ispejjeż irkuprabbli minn Schneider bis‑saħħa tad‑digrieti ta’ likwidazzjoni ċċitati.

51.      Subordinatament, ir‑rikorrenti talbet dikjarazzjoni li r‑rikors kien ammissibbli u li tiġi kkonstatata r‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑Komunità. Biex tiġi ddeterminata din tal‑aħħar, ir‑rikorrenti talbet li tiġi segwita proċedura ad hoc biex jiġi kkalkulat l‑ammont tad‑dannu li hija batiet u li għandu jiġi kkumpensat, u li l‑Kummissjoni għandha tħallas l‑ispejjeż tal‑ġudizzju.

52.      Min‑naħa tagħha, il‑Kummissjoni, sostnuta mir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja, talbet lill‑Qorti tal‑Prim’Istanza tiddikjara r‑rikors parzjalment inammissibbli u totalment infondat u, konsegwentement, tikkundanna lil Schneider tbati l‑ispejjeż.

53.      Fil‑11 ta’ Diċembru 2003, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza (ir‑Raba’ Sezzjoni) adottat miżura ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura, u llimitat id‑dibattitu għall‑bidu ta’ kif qamet ir‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑Komunità u għall‑metodoloġija ta’ evalwazzjoni tad‑dannu.

B –    Kontenut essenzjali tas‑sentenza kkontestata (kawża T‑351/03)

1.      Fuq il‑ksur suffiċjentement serju

54.      Is‑sentenza Schneider I annullat id‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà minħabba l‑fatt li kienet kisret id‑drittijiet tad‑difiża tal‑kumpannija Franċiża, u kkonċentrat l‑argumenti tagħha fuq is‑soluzzjoni tal‑problema jekk kienx ksur suffiċjentement serju ta’ regola legali li tagħti drittijiet lil individwi, bl‑applikazzjoni ta’ kriterju deċiżiv f’dan ir‑rigward, kif stabbilit fil‑ġurisprudenza, fuq il‑ksur gravi u manifest min‑naħa ta’ istituzzjoni Komunitarja, tal‑limiti li hemm fuq il‑poter diskrezzjonali tagħha (19).

55.      Qabel ma jiġu eżaminati l‑elementi ta’ aggravament tad‑dannu li ġej mill‑aġir tal‑Kummissjoni matul il‑proċedura ta’ kontroll tal‑operazzjoni, is‑sentenza riedet tivverifika jekk l‑illegalitajiet tad‑deċiżjoni ċċitata kinux jirriflettu l‑kunċett ta’ ksur suffiċjentement serju.

56.      Immaterjalment min‑nuqqasijiet tal‑analiżi dwar l‑impatt ekonomiku tal‑operazzjoni bħala sors tar‑responsabbiltà Komunitarja (20), bħala elementi mhux ta’ influwenza għall‑finijiet tal‑konstatazzjoni tal‑inkompatibbiltà mas‑suq komuni (21), il‑Qorti tal‑Prim’Istanza eżaminat l‑uniku żball tad‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li, skont is‑sentenza Schneider I, setgħet ċaħdet lir‑rikorrenti mill‑possibbiltà li tikseb deċiżjoni favorevoli għall‑konċentrazzjoni, jiġifieri, in‑nuqqas ta’ qbil ikkonstatat bejn id‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001 u d‑deċiżjoni tal‑inkompatibbiltà stess fir‑rigward tal‑oġġezzjoni dwar l‑appoġġjar tal‑pożizzjonijiet tal‑partijiet.

57.      Fil‑fehma tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza, t‑tħejjija tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet kienet tikkostitwixxi ksur gravi u manifest tal‑Artikolu 18(1) u (3) tar‑Regolament, billi, kif jirriżulta mis‑sentenza Schneider I, ir‑rikorrenti ma setgħetx tkun taf li, fin‑nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ miżuri korrettivi xierqa biex jitnaqqsu jew jieqfu s‑sitwazzjonijiet ta’ appoġġjar bejn il‑pożizzjonijiet tagħha u dawk ta’ Legrand fi swieq settorjali Franċiżi, hija kienet tilfet kull opportunità li tikseb dikjarazzjoni li l‑operazzjoni kienet kompatibbli mas‑suq komuni.

58.      Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ċaħdet kemm il‑ġustifikazzjoni kif ukoll l‑ispjegazzjonijiet ibbażati fuq l‑irbit partikolari fuq is‑servizzi tal‑Kummissjoni, li wera biċ‑ċar id‑diffikultà inerenti fit‑twettiq ta’ analiżi kumplessa tas‑suq sottopost għal rabta fiż‑żmien riġida ħafna; skont il‑qorti Komunitarja tal‑ewwel istanza, dan l‑argument kien irrilevanti, billi l‑fatt li ġġenera d‑dannu ma kienx l‑analiżi tas‑swieq rilevanti li kien hemm fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet jew fid‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, imma n‑nuqqas, fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, ta’ referenza essenzjali għall‑konsegwenzi li kien ikollha u għall‑parti dispożittiva tad‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà.

59.      Din ir‑referenza ma kellha l‑ebda diffikultà teknika partikolari, billi ma kien meħtieġ l‑ebda eżami speċifiku supplimentari li ma setax isir għal raġunijiet ta’ żmien, u li n‑nuqqas tiegħu ma jistax jiġi attribwit għal problema fortuwita jew aċċidentali ta’ tħejjija li qari kumplessiv tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet kien jippermetti li jiġi kkumpensat.

60.      Minn dawn il‑kunsiderazzjonijiet, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddeduċiet li l‑ksur tad‑drittijiet ta’ difiża ta’ Schneider kien jippreżupponi ksur gravi u manifest min‑naħa tal‑Kummissjoni tal‑limiti li hija għandha u kien hemm ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad‑dritt intiża biex tagħti drittijiet lill‑individwi.

2.      Fuq ir‑rabta kawżali

61.      L‑ewwel nett, jeħtieġ li wieħed ifakkar li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza kienet adottat miżura ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura li kienet tillimita l‑argumentazzjoni fuq il‑prinċipju tal‑ħolqien tar‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑Komunità u għall‑metodoloġija ta’ evalwazzjoni tad‑dannu (22).

62.      Schneider ilmentat dwar it‑telf tal‑valur tal‑assi fil‑perijodu inkluż bejn id‑data tat‑tħabbir tal‑OPS fuq it‑titoli ta’ Legrand, f’Jannar 2001, u d‑data tal‑eżekuzzjoni tal‑kuntratt ta’ trasferiment, f’Diċembru 2002, kif imsemmi diġà iktar ’il fuq.

63.      L‑interpretazzoni li tat il‑Qorti tal‑Prim’Istanza fuq ir‑rabta kawżali kienet ibbażata fuq il‑paragun bejn is‑sitwazzjoni maħluqa, għat‑terz ikkonċernat, mill‑azzjoni illegali u s‑sitwazzjoni li kienet tinħoloq għal dan tal‑aħħar wara aġir tal‑istituzzjoni li kien jirrispetta r‑regola tad‑dritt (23). Għalhekk il‑Qorti tal‑Prim’Istanza eskludiet li l‑iżball li invalida d‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà kien ċaħħad lil Schneider mid‑dritt li tikseb deċiżjoni ta’ kompatibbiltà tal‑operazzjoni, impliċita jew espliċita, b’mod li tiġġustifika li l‑Kummissjoni tkun responsabbli għall‑impatt finanzjarju ta’ dik iċ‑ċaħda u, b’mod partikolari, tad‑dannu li ġej mill‑obbligu li tbiegħ l‑assi ta’ Legrand.

64.      Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddeċidiet li huwa diffiċli li jiġu ddeterminati n‑natura u l‑ammont tal‑bejgħ li kien ikun meħtieġ biex l‑operazzjoni ssir kompatibbli mas‑suq komuni u jinkiseb il‑kunsens tal‑Kummissjoni fit‑twettiq tagħha. Imma kien anki iktar diffiċli li jiġi kkalkulat l‑impatt li kien ikollhom fuq il‑valur totali tal‑assi li kellha l‑impriża rikorrenti t‑trasferimenti u l‑operazzjonijiet li dawk il‑miżuri korrettivi kienu jfissru.

65.      Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddeċidiet li l‑evalwazzjoni tal‑emendi tal‑parametri ekonomiċi li kienu jakkumpanjaw deċiżjoni eventwali ta’ kompatibbiltà kienet tkun inċerta wisq biex tippermetti paragun utli mal‑effetti tad‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà.

66.      Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ċaħdet ukoll l‑argument ta’ Schneider li d‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà illegali kienet għamlithielha impossibbli li twettaq is‑sinerġiji mistennija mill‑operazzjoni u kienet għaldaqstant xejnet l‑istrateġija industrijali u għamlet dannu għall‑immaġni tagħha minħabba l‑impatt negattiv fuq ir‑reputazzjoni tagħha (24).

67.      Għall‑kuntrarju, is‑sentenza kkontestata kkonfermat l‑eżistenza ta’ rabta kawżali qrib biżżejjed, għall‑finijiet tar‑rikonoxximent ta’ dritt ta’ kumpens, bejn l‑illegalità kommessa u żewġ tipi ta’ dannu li sofriet ir‑rikorrenti: l‑ewwel wieħed, li jikkorrispondi mal‑ispejjeż li għamet ir‑rikorrenti biex tipparteċipa fit‑tkomplija tal‑proċedura ta’ kontroll tal‑operazzjoni wara l‑annullament taż‑żewġ deċiżjonijiet; u t‑tieni, ikkostitwit mit‑tnaqqis tal‑prezz tat‑trasferiment li Schneider kellha tikkonċedi lix‑xerrej tal‑assi ta’ Legrand biex tikseb posponiment tal‑eżekuzzjoni ta’ dak it‑trasferiment għal data xierqa biex il‑proċeduri ġudizzjarji li kienu għaddejjin fil‑qorti Komunitarja ma jiġux preklużi mill‑iskop tagħhom qabel jiġu deċiżi.

3.      Id‑delimitazzjoni tad‑danni mġarrba mir‑rikorrenti

a)      Onorarji, spejjeż amministrattivi u spejjeż ġudizzjarji sostnuti minn Schneider

68.      Fir‑rigward tal‑ispejjeż li jirrigwardaw it‑tkomplija tal‑proċedura ta’ kontroll, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza identifikat tliet kategoriji distinti: l‑onorarji tal‑mandatarju ad hoc; l‑ispejjeż għall‑konsulenza legali, fiskali u bankarja għall‑finijiet tat‑twettiq tas‑separazzjoni tal‑impriżi, kif ukoll l‑ispejjeż magħmulin għal proċeduri ġudizzjarji fil‑livell nazzjonali u Komunitarju; u l‑ispejjeż għall‑konsulenzi u onorarji u l‑ispejjeż amministrattivi ta’ natura differenti sostnuti minn Schnieder wara s‑sentenzi Schneider I u Schneider II.

69.      Għalkemm ċaħdet il‑kumpens għall‑ewwel żewġ kategoriji ta’ spejjeż imsemmijin iktar ’il fuq (25), il‑Qorti tal‑Prim’Istanza rrikonoxxiet li l‑ispejjeż indikati f’din l‑aħħar kategorija (“spejjeż diversi”) kienu ġejjin mill‑aġir illegali tal‑Kummissjoni. Biex issostni l‑konklużjonijiet tagħha, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza għamlet l‑argumenti li ser niġbor fil‑qosor iktar ’il quddiem (26).

70.      Billi fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001, il‑Kummissjoni naqset milli tifformula l‑problema tal‑kompetizzjoni li fuqha kienet ibbażata d‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, Schnieder kienet ġiet imċaħħda mill‑possibbiltà li tesprimi ruħha fuq dan u toffri kontromiżuri xierqa u din iċ‑ċirkustanza mmotivat l‑annullament tad‑deċiżjoni inkwistjoni. It‑tkomplija tal‑proċedura kkorreġiet dan l‑iżball u ppermettiet lil din l‑impriża sabiex tinstema’ fil‑mertu tal‑ilment ikkontestat u tippreżenta, jekk ikun il‑każ, proposti ta’ miżuri intiżi biex jikkorreġu l‑effetti ta’ preġudizzju tal‑operazzjoni.

71.      Għalhekk, l‑ispiża tar‑rikorrenti għall‑parteċipazzjoni tagħha fil‑proċediment amministrattiv ta’ kontroll li kompla wara s‑sentenzi Schneider I u Schneider II ma kinitx issir kieku l‑Kummissjoni aġixxiet mill‑bidu b’mod li kien jirrispetta d‑drittijiet tad‑difiża. Għalkemm ġie ammess li kieku kellha tiddeċiedi fuq l‑kwistjoni tal‑appoġġjar, li ma kinitx imsemmija fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, Schnieder kien ikollha tbati l‑ispejjeż għall‑preparazzjoni tar‑risposti rilevanti u tal‑miżuri korrettivi eventwali, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza madankollu rrikonoxxiet li t‑tkomplija, fuq bażi legali ġdida, ta’ proċediment amministrattiv li ġie interrott għal tnax‑il xahar, kien jirrappreżenta bilfors, għall‑interlokutur tal‑Kummissjoni, piż ferm ikbar minn dak li kienet tirrappreżenta risposta għall‑istess oġġezzjoni, matul il‑proċediment inizjali ta’ kontroll, min‑naħa tal‑impriża u tal‑konsulenti tagħha li kienu diġà involuti għal kollox f’laqgħat u konsultazzjonijiet mas‑servizzi kompetenti tal‑Kummissjoni.

b)      Fuq it‑tnaqqis tal‑prezz ta’ trasferiment ta’ Legrand lil Wendel‑KKR biex seta’ jkun hemm posponiment tad‑data ta’ eżekuzzjoni tat‑trasferiment (27)

72.      Skont il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, Schneider kienet innegozjat u ffirmat kuntratt ta’ trasferiment ta’ Legrand lil Wendel‑KKR u kienet estendiet l‑eżekuzzjoni ta’ dak il‑kuntratt sal‑10 ta’ Diċembru 2002, fl‑istennija li jinqatgħu l‑kawżi li kienu għadhom pendenti T‑310/01 u T‑77/02.

73.      Li kieku ma aġixxietx b’dak il‑mod, fil‑każ ta’ sentenza ta’ ċaħda, Schneider kienet tkun fir‑riskju li tagħlaq, fi żmien qasir, in‑negozjati f’kundizzjonijiet ta’ żvantaġġ għall‑interessi tagħha minħabba l‑iskadenza tat‑terminu ta’ separazzjoni ffissat għall‑5 ta’ Frar 2003 u tal‑inċertezza fuq il‑bejgħ min‑naħa tal‑Kummissjoni ta’ posponiment ieħor ta’ dak it‑terminu.

74.      Meta jiġu kkunsidrati ż‑żewġ ċirkustanzi, id‑dewmien fil‑bejgħ ta’ Legrand dovut għax‑xewqa leġittima, min‑naħa ta’ Schneider, ta’ deċiżjoni li tiddikjara f’forma legalment korretta l‑kompatibbiltà tal‑operazzjoni mas‑suq komuni, dan kollu kien iwassal neċessarjament lill‑kumpannija Franċiża li tikkonċedi lil konsorzju Wendel‑KKR tnaqqis fil‑prezz ta’ trasferiment ta’ Legrand mqabbel mal‑prezz li hija kienet tikseb f’ċirkustanzi normali. Il‑posponiment sal‑10 ta’ Diċembru 2002 tal‑bejgħ tal‑assi ta’ Legrand kien ifisser li jingħata lill‑konsorzju Wendel‑KKR kumpens għar‑riskju ta’ deprezzament tal‑assi ta’ Legrand li Wendel‑KKR setgħet tkun esposta għalih, meta aċċettat dak il‑posponiment, anki minħabba biss l‑eventwalità ta’ varjazzjoni żvantaġġuża tal‑andament tat‑titoli industrijali matul il‑perijodu kkunsidrat.

75.      Minn dawn iċ‑ċirkustanzi kollha, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddeduċiet li l‑ksur tad‑drittijiet tad‑difiża li jħassru d‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà kienet marbuta direttament ma’ dan il‑posponiment, peress li dan kien indispensabbli biex Schneider tkun tista’ teżerċita sewwa d‑dritt tagħha li tikseb deċiżjoni legali dwar il‑kompatibbiltà mas‑suq komuni ta’ operazzjoni nnotifikata u biex tkun tista’ tinstema’ f’proċedura li toffrilha l‑garanziji meħtieġa.

c)      Fuq l‑evalwazzjoni tad‑dannu, l‑imputazzjoni tiegħu u l‑kalkolu tal‑interessi

76.      Minħabba l‑ispejjeż ikkawżati lil Schneider fil‑parteċipazzjoni tagħha fil‑proċedura amministrattiva ta’ kontroll tal‑operazzjoni, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza kkalkulat l‑ammont tal‑indennizz billi naqset mill‑kumpless tal‑ispejjeż sostnuti minn Schneider fil‑kawżi T‑310/01, T‑77/02 u T‑77/02 R l‑ispejjeż amministrattivi li l‑istess kumpannija kienet neċessarjament tagħmel biex twettaq is‑separazzjoni tal‑assi u, fl‑aħħar l‑ispejjeż li Schneider kien ikollha tagħmel minħabba l‑miżuri korrettivi tal‑appoġġjar.

77.      Il‑preġudizzju kkostitwit mit‑tnaqqis tal‑prezz ta’ trasferiment ta’ Legrand lil Wendel‑KKR, minħabba l‑posponiment, sal‑10 ta’ Diċembru 2002, tat‑twettiq tal‑bejgħ lil Legrand, huwa stmat mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza fid‑differenza li teżisti bejn il‑prezz ta’ trasferiment miftiehem bejn il‑partijiet tal‑kuntratt u dak li Schneider setgħet tikseb mix‑xerrej, fl‑aħħar tal‑ewwel proċediment ta’ kontroll tal‑operazzjoni, jiġifieri fl‑10 ta’ Ottubru 2001, kieku kisbet deċiżjoni legali fuq il‑kompatibbiltà tal‑operazzjoni.

78.      Biex jiġu kkwantifikati b’mod eżatt is‑somom dovuti mill‑Kummissjoni, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddiferiet għall‑futur għal proċedura ad hoc, fejn il‑partijiet kienu jiddeterminaw l‑ammont kumplessiv tal‑kumpens (28).

79.      Billi Schneider kienet diġà xtrat it‑titoli ta’ Legrand permezz ta’ OPS billi użat deroga mogħtija mill‑Artikolu 7(3) tar‑Regolament, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza stabbiliet li dik il‑kumpannija kienet ħadet ir‑riskju li jkollha deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà bl‑impożizzjoni konsegwenti tal‑obbligu li tissepara l‑ishma tal‑impriżi magħquda. Billi Schneider kienet taf li l‑għaqda taż‑żewġ kumpanniji kienet toħloq jew issaħħaħ il‑pożizzjoni dominanti tagħha f’sehem sostanzjali tas‑suq komuni, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddeduċiet ukoll (29) li l‑istess kumpannija kienet ikkontribwiet biex jiġrilha d‑dannu (30), fl‑ammont ta’ terz tad‑dannu li sofriet minħabba t‑tnaqqis tal‑prezz ta’ trasferiment miftiehem ma’ Wendel‑KKR.

80.      Fl‑aħħar, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza żiedet l‑interessi tal‑mora (31) sa ma jsir il‑ħlas sħiħ, li għandu jgħaddi mid‑data tal‑għoti tas‑sentenza li fiha l‑likwidazzjoni tad‑dannu.

V –    Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet

81.      L‑appell wasal fir‑reġistru tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fl‑24 ta’ Settembru 2007 (32); il‑Kummissjoni għandha seba’ aggravji u qed titlob lill‑Qorti tal‑Ġustizzja li tannulla s‑sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza fil‑kawża T‑351/03 u li l‑kumpannija Schneider tiġi kkundannata tħallas l‑ispejjeż kollha (33).

82.      Fir‑risposta, li waslet fir‑reġistru tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑31 ta’ Diċembru 2007 (34), Schneider titlob lill‑Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tiċħad l‑appell kollu kemm huwa u tikkundanna l‑Kummissjoni għall‑ispejjeż kollha.

83.      Il‑president tal‑Qorti tal‑Ġustizzja awtorizza l‑preżentazzjoni ta’ replika u kontroreplika, li ġew ippreżentati fir‑reġistru tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, rispettivament fit‑12 ta’ Marzu (35) u t‑8 ta’ Mejju (36) tal‑2008, li fihom iż‑żewġ partijiet ikkonfermaw it‑talbiet tagħhom.

84.      Fuq talba tal‑Kummissjoni, il‑kawża ġiet assenjata lill‑Awla Manja, skont it‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 44(3) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.

85.      Fis‑seduta li saret fit‑3 ta’ Diċembru 2008 intervenew ir‑rappreżentanti ta’ Schneider u tal‑Kummissjoni biex issir it‑trattazzjoni orali u biex tingħata risposta għad‑domandi li sarulhom mill‑membri tal‑Awla.

VI – Analiżi tal‑appell

A –    Pożizzjoni tal‑problema

86.      Insostenn tal‑appell tagħha, il‑Kummissjoni tibbaża fuq seba’ aggravji, uħud minnhom maqsumin f’diversi partijiet. Għalkemm l‑iżbalji imputati mir‑rikorrenti għas‑sentenza appellata huma tip ta’ żbalji komuni eżaminati f’dan il‑ġeneru ta’ proċeduri, bħaż‑żball ta’ liġi, żnaturament tal‑fatti jew in‑nuqqas ta’ motivazzjoni, jistgħu jinġabru flimkien faċilment fi tliet kategoriji, li jirreferu għad‑definizzjoni tal‑ksur bħala “suffiċjentement serju” għad‑dannu kkawżat u għar‑rabta kawżali bejn dawn iż‑żewġ elementi.

87.      Għalhekk jidhirli li huwa xieraq li niġbor fi gruppi dawn l‑aggravji skont il‑kategorija li jaqgħu taħtha u nsegwi l‑ordni ta’ analiżi l‑iktar loġika (37), billi nibda minn eżami tal‑intensità tal‑ksur, li l‑eżistenza tiegħu mhux qed tiġi ddubitata billi diġà ġie aċċertat bis‑sentenza Schneider I, biex imbagħad ngħaddi għall‑eżami tad‑dannu, li għadu kif ġie diskuss f’dan l‑appell, biex fl‑aħħar nispiċċa bil‑konnessjoni bejn l‑ewwel żewġ aspetti. L‑analiżi tiegħi għalhekk tinkludi l‑aggravji kollha li ressqet il‑Kummissjoni, kif inhu l‑kompitu tiegħi li nagħmel bħala Avukat Ġenerali.

B –    Fuq l‑aggravji li jirrigwardaw il‑ksur suffiċjentement serju

1.      L‑argumenti tal‑partijiet

88.      Il‑Kummissjoni tgħid li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza kisret il‑prinċipju tal‑awtorità tar‑res iudicata u tal‑obbligu ta’ motivazzjoni, kif ukoll li kkommettiet żbalji ta’ evalwazzjoni u żnaturament tal‑fatti, meta ddikjarat, minn naħa li, fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001, il‑Kummissjoni kienet “naqset” milli ssemmi l‑oġġezzjoni dwar l‑appoġġjar tal‑pożizzjonijiet ta’ Schneider u Legrand u, min‑naħa l‑oħra, li n‑nuqqas ta’ referenza għal din l‑oġġezzjoni “ma fiha ebda diffikultà teknika partikolari” (38).

89.      Bit‑tieni aggravju ta’ dan il‑kap, il‑Kummissjoni tgħid li s‑sentenza appellata fiha xi żbalji tad‑dritt fid‑deskrizzjoni tal‑kuntest fattwali, għar‑raġuni li ma qisitx il‑kumplessità tas‑sitwazzjonijiet irregolati (39), minbarra li kien hemm żball ta’ motivazzjoni, billi ċaħdet b’mod żbrigattiv l‑argumenti li riedu juru l‑pressjoni taż‑żmien u d‑diffikultajiet tekniċi li akkumpanjaw it‑tħejjija tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, kif il‑Kummissjoni kienet invokat fid‑difiża tagħha.

90.      Fl‑ewwel lok, Schneider tikkunsidra bħala inammissibbli l‑argument tal‑Kummissjoni fir‑rigward taż‑żewġ aggravji, u sussidjarjament, ma japplikax u infondat, għaliex jimmira biex jikseb rieżami tal‑fatti bl‑awtorità tar‑res iudicata, abbażi ta’ osservazzjonijiet li ma sarux fl‑ewwel istanza, mingħajr ma jiġi spjegat b’mod adegwat f’hiex jikkonsistu d‑diffikultajiet tekniċi ċċitati.

2.      L‑ewwel aggravju: interpretazzjoni żbaljata tas‑sentenza appellata

91.      Ħlief għal kawżi eventwali ta’ inammissibbiltà, l‑ewwel aggravju, li ż‑żewġ partijiet tiegħu ser neżaminawhom flimkien, għandu jiġi miċħud, billi jistrieħ fuq interpretazzjoni żbaljata tas‑sentenza appellata.

92.      Bl‑ewwel parti tal‑aggravju, il‑Kummissjoni tikkritika lill‑Qorti tal‑Prim’Istanza għal fatt li ddikjarat, fil‑punt 155 tas‑sentenza appellata, li l‑element li ħoloq id‑dannu lil Schneider kien l‑“ommissjoni”, fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, ta’ kwalunkwe referenza għall‑oġġezzjoni dwar l‑appoġġjar, fejn fil‑punt 445 tas‑sentenza Schneider I ġie indikat li d‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet ma ttrattatx “b’ċarezza suffiċjenti u bi preċiżjoni” il‑kwistjoni tal‑appoġġjar.

93.      Meta jitqabblu dawn iż‑żewġ sentenzi r‑rikorrenti fl‑appell tiddeduċi tliet elementi ta’ kontradizzjoni li jiġġustifikaw it‑talba tagħha li tannulla s‑sentenza appellata.

94.      Fl‑ewwel lok, ir‑rikorrenti tosserva li l‑punt 445 imsemmi tas‑sentenza Schneider I jassumi tal‑anqas formulazzjoni impliċita tal‑appoġġjar. Minn dan hija tiddeduċi li, fit‑tieni lok, dik is‑sentenza kkritikat lill‑Kummissjoni għaliex ma semmietx espliċitament dik il‑konsegwenza ekonomika negattiva, għalkemm l‑imputazzjoni fil‑konfront ta’ Schneider ta’ dik l‑oġġezzjoni tista’ tinftiehem mid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet fil‑kumpless tagħha. Fit‑tielet lok, ir‑rikorrenti tilmenta dwar il‑konsegwenzi ta’ dawn id‑differenzi evidenti bejn iż‑żewġ deċiżjonijiet billi, filwaqt li s‑sentenza Schneider I iddikjarat biss li l‑iżball li għamlet il‑Kummissjoni kien ipprekluda lill‑kumpannija kkonċernata milli tivvaluta fil‑firxa kollha tagħhom il‑problemi ta’ kompetizzjoni identifikati fis‑suq Franċiż (40), is‑sentenza appellata tikkonkludi li, minħabba din l‑ommissjoni, Schneider ma setgħetx tkun taf li, fin‑nuqqas tal‑preżentazzjoni ta’ miżuri korrettivi xierqa biex jeliminaw dawk il‑problemi, ma setgħetx tikseb dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà (41).

95.      Il‑Kummissjoni tassimila dawk id‑differenzi ma’ evalwazzjoni ġdida li kkawżat ksur tad‑dritt tad‑difiża tagħha billi l‑opinjoni tagħha fuq l‑evalwazzjoni ġdida ma ġietx eżaminata u dan iwassal għal ksur tal‑prinċipju tal‑awtorità tar‑res iudicata fir‑rigward tal‑fatti pruvati fis‑sentenza Schneider I, u tat lok għal żball ta’ klassifikazzjoni tagħhom u għal żnaturament tal‑provi.

96.      Fit‑tieni parti tal‑aggravju, il‑Kummissjoni żżid ma’ din l‑oġġezzjoni tas‑sentenza kkontestata lment dwar in‑nuqqas ta’ motivazzjoni. Hija tilmenta li s‑sentenza ċaħdet l‑argument tagħha dwar in‑natura skużabbli tan‑nuqqas ta’ referenza għall‑appoġġjar fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet minħabba limitazzjoni ta’ żmien riġida ħafna li jkun hemm fi proċedura dwar il‑konċentrazzjoni ta’ impriżi, kif ukoll minħabba l‑kumplessitajiet inerenti fit‑tħejjija tad‑dokument. Għal kuntrarju, is‑sentenza appellata tindika li r‑referenza għall‑oġġezzjoni kkontestata ma kien fiha l‑ebda diffikultà teknika partikolari, billi ma kien meħtieġ l‑ebda eżami speċifiku supplimentari li ma setax twettaq għal raġunijiet ta’ żmien, u li n‑nuqqas tagħha ma setax jiġi attribwit għal problema fortuwita jew aċċidentali (42).

97.      Minbarra l‑fatt li, kif irrilevat ġustament il‑kumpannija Franċiża fir‑risposta u fil‑kontroreplika, l‑ebda kawża invokata ma ġiet argumentata b’mod adegwat, bħal, pereżempju, l‑iżnaturament tal‑elementi ta’ prova, huwa biżżejjed biex juri li l‑ewwel aggravju kollu tar‑rikors huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas‑sentenza. Il‑Kummissjoni tagħmel eżerċizzju semantiku biex turi li l‑intensità tas‑sinjifikat tal‑kliem użat fiż‑żewġ sentenzi jirrifletti r‑rieda tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza li taggrava l‑konsegwenzi ġejjin mill‑fatti aċċertati fis‑sentenza Schneider I.

98.      Barra minn dan, l‑argumenti tal‑Kummissjoni ma japplikawx għaliex id‑differenzi grammatikali bejn is‑sentenza Schneider I u s‑sentenza appellata ma jħassrux il‑konklużjoni li t‑tħejjija tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet ma kinitx tippermetti lill‑kumpannija kkonċernata li tifhem b’mod ċar li kienet qed tiġi akkużata b’appoġġjar ta’ pożizzjonijiet dominanti invista tal‑għaqda tagħha ma’ Legrand; u dan in‑nuqqas jeżisti indipendentement miċ‑ċirkustanza li dik l‑oġġezzjoni kienet tħalliet barra jew ma kinitx ġiet indikata bil‑preċiżjoni dovuta, billi, peress li ma tgawdi prattikament mill‑ebda marġni ta’ diskrezzjoni għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal‑Artikolu 18 tar‑Regolament – kif tirrikonoxxi l‑istess Kummissjoni – is‑sempliċi ksur tiegħu jikkostitwixxi fih innifsu ksur suffiċjentement serju (43).

99.      Bl‑istess mod għandha tiġi miċħuda t‑tieni parti tal‑ewwel aġġravju dwar il‑ġustifikazzjoni tal‑preżentazzjoni żbaljata tal‑oġġezzjoni fuq l‑appoġġjar, minħabba l‑limitazzjoni ta’ żmien li kien hemm biex jiġi ttrattat każ kumpless, billi s‑sentenza appellata tesprimi b’ċarezza ikbar il‑kritika li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza għamlet fil‑konfront tal‑Kummissjoni fis‑sentenza Schneider I, fejn intweriet il‑formulazzjoni infeliċi tal‑oġġezzjoni dwar l‑appoġġjar, “ittrattat [mingħajr] ċarezza suffiċjenti” minn dik l‑istituzzjoni Komunitarja, li ma semmietux fid‑dokument inkwistjoni (44).

100. Għalkemm ma tibdilx il‑kuntest ta’ fatt, l‑interpretazzjoni tas‑sentenza Schneider I proposta mill‑konvenuta tgħinna nifhmu aħjar is‑sentenza stess, billi ssir insistenza fuq id‑dettall li l‑imperfezzjoni tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet ma kinitx attribwibbli għall‑analiżi fl‑isfond tal‑effett fuq il‑kompetizzjoni imma kienet limitata għar‑referenza, assenti jew nieqsa ta’ lment konkret, u dan l‑iżball ċaħħad lill‑kumpannija kkonċernata mill‑possibbiltà li tagħmel id‑difiża tagħha fir‑rigward ta’ dak l‑ilment. Konsegwentement, huwa loġiku li l‑ġustifikazzjonijiet tal‑Kummissjoni kienu ġew miċħudin mingħajr spjegazzjoni billi kienu jkunu utli biss kieku kkontestaw ir‑riżultati tal‑eżami mill‑angolu tal‑kompetizzjoni. Dan ma seħħx, kif jirriżulta, fost l‑oħrajn, mis‑sentenza Schneider I.

101. Ma jidhirx li hemm soluzzjoni oħra, billi l‑għaġla li biha l‑Kummissjoni hija obbligata li tibni l‑fajl li jispiċċa fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet ma teżentahiex mill‑obbligu li toqgħod attenta għall‑formulazzjoni tal‑argumenti tagħha, speċjalment dawk deċiżivi, biex tissodisfa l‑obbligu li hemm fl‑Artikolu 18 tar‑Regolament. Konsegwentement, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza setgħet raġonevolment tiddeċiedi li r‑referenza għall‑ilment ma kien ifisser l‑ebda diffikultà teknika u lanqas ma kien meħtieġ eżami speċifiku supplimentari.

102. Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, jiġi osservat li, fis‑sentenza appellata, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ma wettqitx żbalji ta’ dritt jew ta’ fatt, m’għamlitx żnaturament tal‑provi u lanqas ma naqset milli tagħti motivazzjoni u għaldaqstant nissuġġerixxi ċ‑ċaħda tal‑ewwel aggravju.

3.      Fuq it‑tieni aggravju

103. Il‑Kummissjoni tilmenta kontra s‑sentenza appellata li fiha żbalji ta’ klassifikazzjoni tal‑kuntest fattwali billi ma kkunsidratx il‑kumplessità tas‑sitwazzjonijiet li kellhom jiġu rregolati, kif ukoll żball ta’ motivazzjoni, billi ċaħdet b’mod xott l‑argumenti intiżi biex juru d‑diffikultajiet li kien hemm fit‑tħejjija tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet. Dawn l‑argumenti kienu diġà ġew invokati fir‑risposta.

104. Il‑Kummissjoni, għalkemm ammettiet li prattikament ma kellha l‑ebda marġni diskrezzjonali fl‑applikazzjoni tal‑Artikolu 18(1) u (3) tar‑Regolament, issostni li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza messha għarblet il‑kumplessità tas‑sitwazzjonijiet li kellhom jiġu rregolati, skont il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja (45).

105. Fir‑rigward tat‑tieni parti tal‑ewwel aggravju tal‑appell, il‑Kummissjoni tindika żball fid‑deskrizzjoni tal‑fatti li tirriżulta miċ‑ċaħda tal‑argument li l‑ilment tal‑appoġġjar kien jimplika kumplikazzjoni partikolari ulterjuri, marbuta mal‑analiżi trażversali tat‑tagħmir elettriku ta’ tensjoni baxxa f’kull Stat Membru, inkluż dawk settorjali. F’dan il‑kuntest il‑Kummissjoni tikkunsidra li ma jirriflettix il‑verità approċċ bħal dak adottat mis‑sentenza appellata, li, fil‑kuntest ta’ operazzjoni tant kumplessa bħall‑proċedura II tal‑eżami tal‑konċentrazzjoni ekonomika, jiżola l‑obbligu li jiġu fformulati b’mod ċar l‑oġġezzjonijiet fid‑dikjarazzjoni relattiva billi tiġi invokata s‑sempliċità ta’ din l‑operazzjoni. F’dan ir‑rigward, il‑Kummissjoni tinsiti fuq limiti ta’ żmien riġidi li kellhom dawk li ħejjew id‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001.

106. Il‑Kummissjoni tikkritika wkoll is‑sentenza appellata minħabba motivazzjoni insuffiċjenti safejn ċaħdet l‑argumenti tagħha intiżi biex juru li l‑ilment ta’ appoġġjar kien tqajjem fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet.

107. Mill‑ġdid, is‑soluzzjoni għandha tiġi minn interpretazzjoni korretta tas‑sentenza appellata, billi l‑fatt rilevanti biex tiġi vvalutata l‑“kumplessità tas‑sitwazzjonijiet li jridu jiġu affrontati” ma jikkonsistix fl‑aġir, fl‑analiżi u fl‑osservazzjonijiet ta’ natura ekonomika tal‑Kummissjoni, imma f’li jinstemgħu l‑impriżi kkonċernati.

108. Ir‑regola inkwistjoni, li għandha tiġi intepretata skont il‑gwida li jagħtu s‑sentenzi Bergaderm u Holcim, tagħti lil dawk il‑kumpanniji l‑opportunità li jinstemgħu fil‑fażijiet kollha tal‑proċedura sal‑konsultazzjoni tal‑Kumitat konsultattiv, fir‑rigward tal‑oġġezzjonijiet kollha li sarulhom (46); barra minn hekk, din ir‑regola tobbliga lill‑Kummissjoni li tibbaża d‑deċiżjonijiet ta’ inkompatibbiltà tagħha unikament fuq l‑oġġezzjonijiet li dwarhom dawk ikkonċernati setgħu jikkummentaw (47).

109. Mis‑sentenza appellata jirriżulta li l‑fatti rilevanti għall‑evalwazzjoni tal‑ksur ma kinux kumplessi u li r‑regola applikabbli ma kinitx diffiċli biex tiġi intepretata (48), u għalhekk, skont il‑ġurisprudenza kostanti ta’ din il‑Qorti tal‑Ġustizzja, billi ma kien hemm l‑ebda marġni ta’ diskrezzjoni, is‑sempliċi ksur tal‑Artikolu 18 tar‑regolament joħloq ir‑responsabbiltà tal‑Kummissjoni (49).

110. Barra minn hekk, għalkemm il‑Kummissjoni tilmenta dwar in‑natura xotta tal‑argument, il‑punti 152 u 155 tas‑sentenza appellata ċaħdu l‑argumenti dwar id‑diffikultajiet tekniċi speċjali inerenti fil‑preparazzjoni tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet; is‑sentenza tindika wkoll li n‑nuqqas tal‑ilment fuq l‑appoġġjar ma ġiex minn żball ta’ tħejjija fortuwita jew aċċidentali, li setgħet tiġi kkumpensata minn evalwazzjoni globali tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, b’referenza evidenti għall‑formulazzjoni impliċita eventwali ta’ dawn l‑ilmenti invokati mir‑rikorrenti fl‑appell.

111. Fil‑fatt, billi l‑Kummissjoni bbażat it‑tieni aggravju tal‑appell fuq il‑kumplessità ta’ fatti li ma kellhom l‑ebda rilevanza fil‑mument ta’ evalwazzjoni tar‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑Komunità u l‑klassifikazzjoni suffiċjenti tal‑ksur ikkonstatat fis‑sentenza Schneider I, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ma żbaljatx meta ċaħdet dan il‑motiv mingħajr ma pprovdiet spjegazzjonijiet fit‑tul f’dan ir‑rigward.

112. Konsegwentement, jaqa’ wkoll l‑argument dwar in‑nuqqas ta’ motivazzjoni, billi s‑sentenza appellata ma tikkritikax id‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet għall‑fatt li ma ppreżentatx b’biżżejjed preċiżjoni l‑ilment dwar l‑appoġġjar, imma li naqset baxx baxx milli ssemmi dak l‑ilment u ma ħallietx lil Schneider tifhem l‑importanza tiegħu u xejnet il‑kapaċità ta’ difiża tagħha (50). In‑nuqqas ta’ dikjarazzjoni espliċita li tenfasizza l‑importanza li l‑Kummissjoni attribwiet lil dik il‑kritika ma setgħetx tiġi ssanata billi tiġi invokata l‑kumplessità tal‑proċedura; il‑Qorti tal‑Prim’Istanza sempliċement stenniet mill‑Kummissjoni preċiżjoni ikbar fil‑preżentazzjoni bil‑miktub tal‑oġġezzjonijiet bħala kriterju indispensabbli għall‑garanzija ta’ dritt irrikonoxxut mill‑Artikolu 18 tar‑Regolament. Għaldaqstant, ma kien hemm l‑ebda nuqqas fil‑motivazzjoni.

113. Fi ftit kliem, il‑Kummissjoni ma rnexxilhiex tirribatti b’argumenti konvinċenti d‑deċiżjoni fis‑sentenza appellata dwar l‑ilment fuq ksur suffiċjentement serju li għalhekk huwa kkonfermat; għaldaqstant jeħtieġ li wieħed jipproċedi għall‑eżami tal‑element li ġej li huwa meħtieġ għad‑dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà: li seħħ id‑dannu.

C –    Fuq l‑aggravju dwar id‑dannu kkawżat lil Schneider

114. Ix‑xewqa li tiġi rrispettata l‑ordni loġika tal‑eżami tal‑elementi li jikkomponu r‑responsabbiltà mhux kuntrattwali jwassalni biex nantiċipa l‑analiżi tas‑sitt aggravju tal‑appell.

115. B’dan l‑aggravju, il‑Kummissjoni tilmenta li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddeċidiet ultra petita, inkwantu rrikonoxxiet telf finanzjarju għall‑kumpannija Franċiża li ma kienx intalab. Fil‑fatt, għalkemm din il‑kumpannija kienet talbet primarjament għall‑kumpens tad‑dannu kkawżat mit‑telf ikkaġunat mill‑obbligu li tbiegħ l‑ishma ta’ Legrand bi prezz iktar baxx minn dak tax‑xiri (51), il‑Qorti tal‑Prim’Istanza rrikonoxxiet it‑telf ġej mit‑tnaqqis tal‑prezz ta’ trasferiment li Schneider kellha tikkonċedi lix‑xerrej tal‑ishma ta’ Legrand biex tikseb posponiment tal‑eżekuzzjoni tat‑trasferiment għal data xierqa biex il‑proċeduri ġudizzjarji li kienu pendenti ma jiġux preklużi mill‑iskop tagħhom qabel ma jiġu deċiżi (52).

116. Mis‑sentenza appellata l‑Kummissjoni tara li hemm ksur tar‑regoli fuq il‑piż tal‑prova billi kien kompitu ta’ Schneider li tipprova d‑dannu, kif ukoll ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tagħha, billi ġiet imċaħħda milli tesprimi opinjoni fuq dak id‑dannu.

117. Għal raġunijiet li ser jissemmew iktar ’il quddiem, anki dan l‑aggravju għandu jiġi miċħud.

118. Fl‑ewwel lok, għal dak li jirrigwarda d‑deċiżjoni ultra petita, naqbel mal‑argument tal‑kumpannija Franċiża li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza ma ċaħditx ir‑rabta kawżali fir‑rigward tad‑danni kollha mġarrba minn Schnieder u li, konsegwentement, it‑telf finanzjarju inkwistjoni kien parti mill‑volum globali tad‑danni mitlubin. F’dan il‑kuntest wieħed għandu jammetti li s‑soluzzjoni ta’ tilwima b’deċiżjoni infra petita ma tikser l‑ebda regola proċedurali.

119. Fit‑tieni lok, ir‑riflessjoni preċedenti ssib konferma, fuq kollox, fil‑fatt li s‑sentenza appellata kellha tiddetermina biss kienx hemm dannu, mingħajr ma tidħol fil‑kwantifikazzjoni. F’dan il‑kuntest, kienet il‑Kummissjoni li kellha tibni argument kapaċi li jirribatti kull rikonoxximent ta’ obbligu ta’ kumpens min‑naħa tagħha, inkluż il‑każ ta’ kumpens ta’ daqs iżgħar fir‑rigward tat‑talba inizjali.

120. Konsegwentement, jaqgħu l‑argumenti tal‑Kummissjoni dwar il‑piż tal‑prova u tal‑ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tagħha, billi m’hemm l‑ebda deċiżjoni ultra petita, u għalhekk għandu jiġi miċħud is‑sitt aggravju tal‑Kummissjoni f’dan ir‑rikors.

D –    Fuq l‑aggravji li jirrigwardaw ir‑rabta kawżali

121. Jeħtieġ li jiġu rijordinati t‑tliet aggravji magħmulin mill‑Kummissjoni dwar l‑eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il‑ksur imwettaq u d‑dannu kkawżat lill‑impriża Franċiża, skont iċ‑ċirkustanzi li jirreferu għaċ‑ċaħda assoluta ta’ rabta tali (53), għall‑interruzzjoni tiegħu (54) jew għal argumentazzjoni kuntradittorja fil‑evalwazzjoni ta’ din ir‑rabta, li jkollu bħala korollarju l‑annullament tas‑sentenza appellata (55).

122. L‑aħħar ilment jirreferi għaż‑żewġ danni li s‑sentenza appellata rrikonoxxiet li Schneider għandha dritt ta’ kumpens għalihom, filwaqt li ż‑żewġ ilmenti l‑oħrajn jirrigwardaw biss il‑kwantifikazzjoni tat‑telf finanzjarju li diġà ssemmiet qabel.

1.      Ineżistenza ta’ rabta kawżali

a)      Fuq l‑iżnaturament tal‑fatti u tal‑provi (l‑ewwel parti tat‑tielet aggravju tal‑appell)

123. Fl‑ewwel lok, il‑Kummissjoni lmentat dwar l‑iżnaturament tal‑fatti u tal‑provi fil‑punti 305 u 309 tas‑sentenza kkontestata, dovut għal fatt li Schneider ġiet “obbligata”, bis‑saħħa tad‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, tikkonkludi kuntratt ta’ trasferiment ta’ Legrand ma’ Wendel‑KKR.

124. Skont l‑appellanti, miċ‑ċirkustanzi ta’ dan il‑każ u mill‑aġir tal‑kumpannija Franċiża kkonċernata jirriżulta li t‑terminu biex issir is‑separazzjoni, imtawwal sal‑5 ta’ Frar 2003, kien adegwat kemm għall‑iskop li jiġu estiżi n‑negozjati għall‑bejgħ ta’ Legrand kif ukoll biex tintalab proroga ġdida, kieku kienet meħtieġa, biex b’hekk tiġi aċċettata l‑offerta fformulata mill‑Kummissjoni fil‑punt 122 tad‑deċiżjoni ta’ separazzjoni.

125. Schneider issostni l‑inammissibbltà ta’ dan it‑tielet aggravju inkwantu jqiegħed fid‑dubju l‑kuntest fattwali definit fis‑sentenza kkontestata. Iżda dan l‑argument għandu jiġi miċħud peress li l‑Kummissjoni ammettiet mingħajr eżitazzjoni li kienet qed tappella d‑deċiżjoni tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza preċiżament minħabba l‑preżenza tal‑iżnaturament tal‑fatti tal‑kawża.

126. F’dan il‑kuntest, lanqas ma jidher li huwa konvinċenti r‑raġunament tal‑Kummissjoni billi ma jidhirx li kien hemm xi żnaturament. Fil‑punti kkontestati l‑Qorti tal‑Prim’Istanza llimitat ruħha biex tesponi b’mod loġiku, li Schneider kellha tittrasferixxi Legrand u din l‑idea kienet appoġġjata mill‑kunsiderazzjoni li kien impossibbli li tiġi sospiża d‑deċiżjoni ta’ separazzjoni.

127. Barra minn hekk, billi ma riditx tabbanduna l‑proġett ta’ għaqda qabel ma tasal fit‑tmiem tal‑battalja ġudizzjarja li bdiet quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, meta, fil‑frattemp, kienu għaddejjin b’mod mgħaġġel in‑negozjati max‑xerrej futur, Schneider beżgħet li tibqa’ msakkra bejn il‑qadi tal‑obbligi legali tagħha, minn naħa, u, min‑naħa l‑oħra, l‑aspettattivi ġudizzjarji msemmijin. Ma jkunx ġust li dik il‑kumpannija tiġi kkritikata għall‑attenzjoni li biha kkonformat ruħha mad‑deċiżjoni ta’ separazzjoni, meta l‑istess Kummissjoni kienet talbet il‑waqfien immedjat tal‑konċentrazzjoni ekonomika inkwistjoni (56).

128. Mhuwiex magħruf għaliex il‑Kummissjoni qed tikkontesta li s‑sentenza appellata fiha żnaturament tal‑provi, billi ma kienx hemm żnaturament tal‑fatti, għalkemm il‑partijiet ma jaqblux mal‑evalwazzjoni tal‑provi li għamlet il‑Qorti tal‑Prim’Istanza u lanqas, b’mod partikolari, tar‑responsabbiltà patrimonjali li tirriżulta lill‑istess Kummissjoni.

129. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi miċħuda l‑ewwel parti tat‑tielet aggravju tal‑appell.

b)      Fuq in‑nuqqas ta’ rabta kawżali bejn l‑invalidità tad‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà u t‑tnaqqis tal‑prezz tat‑trasferiment ta’ Legrand mogħti lil Wendel‑KKR (it‑tieni parti tat‑tielet aggravju tal‑appell)

i)      Definizzjoni tal‑pożizzjonijiet

130. Il‑Kummissjoni tgħid li d‑deċiżjoni kkontestata fiha xi konstatazzjonijiet ta’ fatt żbaljati, żnaturament tal‑fatti kif ukoll żball ta’ klassifikazzjoni legali, billi stabbiliet (57) rabta diretta bejn il‑kawża tal‑illegalità tad‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà u t‑trasferiment ta’ Legrand bi prezz orħos minn dak tal‑bejgħ definittiv, fin‑nuqqas ta’ żbalji.

131. Il‑Kummissjoni tibbaża l‑argumenti tagħha fuq tliet tipi ta’ kunsiderazzjonijiet: fl‑ewwel lok, hija tiddeduċi li l‑aħħar terminu li fih Schneider kienet impenjat ruħha li tittrasferixxi Legrand lil Wendel‑KKR, jiġifieri, fl‑10 ta’ Diċembru 2002, kien ġie ffissat fis‑26 ta’ Lulju, meta l‑impriża konvenuta ma kellhiex il‑ħtieġa li jkollha terminu. Il‑Kummissjoni ma ratx li kien hemm inkonvenjenti biex jiġi estiż it‑terminu għas‑separazzjoni għal wara l‑5 ta’ Frar 2003, skadenza li kienet ġiet stabbilita fil‑bidu. Barra minn hekk, skont il‑Kummissjoni, meta rrinunzjat għall‑applikazzjoni tal‑klawżola ta’ ħall fil‑5 ta’ Diċembru 2002, Schneider kienet konsapevoli li ma kinitx obbligata tissepara minn Legrand, għaliex fit‑22 ta’ Ottubru ta’ qabel, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza kienet annullat iż‑żewġ deċiżjonijiet inkwistjoni.

132. Fit‑tieni lok, il‑Kummissjoni ssostni li t‑trasferiment ta’ Legrand kien ġie ddeterminat esklużivament mir‑rieda ta’ Schneider li, meta aġixxiet b’dan il‑mod, irrinunzjat kemm għad‑dritt tagħha li tħassar il‑kuntratt ta’ bejgħ, kif ukoll li tikseb deċiżjoni eventwali ta’ kompatibbiltà tal‑operazzjoni mas‑suq komuni, billi, fil‑kuntest tal‑proċedura li reġgħet inbdiet mill‑Kummissjoni, setgħet ipproponiet miżuri intiżi biex tiġi solvuta l‑kwistjoni tal‑appoġġjar.

133. Fit‑tielet lok, il‑Kummissjoni tikkunsidra li n‑natura proċedurali tal‑att ta’ ksur li ġie imputat lilha jipprekludi l‑ħolqien ta’ kwalunkwe rabta kawżali bejn dan in‑nuqqas u t‑tip ta’ dannu rikonoxxut lil Schnieder mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza.

134. Min‑naħa tagħha, il‑kumpannija msemmija tiċħad l‑argumenti kollha tal‑Kummissjoni billi tikkunsidra li ma japplikawx, għaliex mhumiex maħsubin biex jikkontestaw ir‑rabta kawżali mal‑ispejjeż relattivi, b’hekk, għal dak li jirrigwarda d‑data tat‑trasferiment, il‑kumpannija msemmija tiċħad l‑argument tal‑Kummissjoni, billi, minn naħa ma tqisx il‑fatt li Wendel‑KKR aċċettat li testendi dik id‑data, massimu sal‑10 ta’ Diċembru, li Schneider ma setgħetx toġġezzjona; u min‑naħa l‑oħra, ittenni li l‑aġir ostili tal‑Kummissjoni ma ppermettiex li tiġi prevista deċiżjoni ġdida li tawtorizza l‑għaqda taż‑żewġ kumpanniji inkwistjoni.

135. Fir‑rigward tal‑jum tal‑konsenja ta’ Legrand lix‑xerrej, Schneider tindika żball tal‑Kummissjoni meta identifikat id‑data tat‑trasferiment effettiv mal‑mument meta sar id‑dannu, billi, fil‑fehma tagħha, id‑dannu ġara fl‑istess waqt li ngħatat id‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà. Din il‑kumpannija tikkontesta wkoll li n‑natura proċedurali tal‑irregolarità fl‑oriġini tal‑annullament tad‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà teskludi rabta kawżali.

ii)    Il‑kunsiderazzjonijiet

136. Dan l‑aggravju jeħtieġ eżami ddettaljat tar‑raġunament tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza għall‑finijiet tal‑evalwazzjoni tal‑eżistenza ta’ rabta kawżali.

137. Skont is‑sentenza kkontestata, il‑posponiment tat‑twettiq tal‑bejgħ ta’ Legrand fl‑istennija ta’ deċiżjoni rigward it‑tilwim li kien għadu pendenti fuq il‑kompatibbiltà tal‑operazzjoni mas‑suq komuni, kien iwassal lil Schneider li tikkonċedi lil Wendel‑KKR tnaqqis fil‑prezz ta’ trasferiment ta’ Legrand fir‑rigward tal‑prezz li l‑kumpannija kkonċernata kienet tikseb fil‑każ ta’ bejgħ definittiv, fin‑nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li kienet tidher sa mill‑bidu vvizjata minn żewġ illegalitajiet manifesti (58).

138. Is‑sentenza kkontestata mbagħad torbot dan il‑posponiment tat‑tranżazzjoni sal‑10 ta’ Diċembru 2002 mal‑kumpens tar‑riskju ta’ deprezzament tal‑ishma ta’ Legrand li kellha Wendel‑KKR, anki biss minħabba l‑eventwalità ta’ varjazzjoni żvantaġġuża tal‑andament tat‑titoli industrijali matul il‑perijodu inkluż bejn id‑data tal‑firma tal‑kuntratt ta’ trasferiment u d‑data miftiehma għat‑twettiq tiegħu (59).

139. Filwaqt li attribwiet lil Schneider ċerta responsabbiltà għall‑ħolqien tad‑dannu, is‑sentenza appellata kkundannat lill‑Kummissjoni tikkumpensa żewġ terzi tad‑dannu li sofriet Schneider li jikkorrispondi għall‑ammont tat‑tnaqqis tal‑prezz ta’ trasferiment ta’ Legrand SA li l‑istess kumpannija kellha tikkonċedi liċ‑ċessjonarju biex ikun hemm posponiment tat‑terminu għat‑twettiq effettiv tal‑bejgħ sal‑10 ta’ Diċembru 2002 (60).

140. Naqbel mal‑Kummissjoni li l‑mod li bih tpoġġiet il‑problema mhuwiex korrett. B’mod partikolari, ir‑rabta kawżali li tiskatta r‑responsabbiltà mhux kuntrattwali hija inadegwata f’dan il‑każ minħabba li hija nieqsa mill‑karatteristiċi partikolari essenzjali, jiġifieri li d‑dannu ma jirriżultax mill‑att illegali b’mod dirett, immedjat u esklużiv (61), skont relazzjoni ta’ kawża u effett (62).

141. Mingħajr dubju, is‑sentenzi ta’ inkompatibbiltà u ta’ separazzjoni wasslu lil Schneider tfittex impriża kapaċi li tbati l‑ispejjeż tal‑akkwist ta’ kumpannija tad‑dimensjonijiet ta’ Legrand. Din kienet ħidma li kienet timplika negozjati kumplessi, kif tindika Schneider fil‑kontroreplika (63).

142. F’dan is‑sens, l‑annullament tad‑deċiżjonijiet iċċitati iktar ’il fuq kien jagħmel l‑ispejjeż relatati ma’ dawn in‑negozjati inutli, billi, peress li ma ngħatatx ordni ta’ separazzjoni, Schneider ma kellhiex għalfejn tagħmel l‑ispejjeż dwar dik l‑operazzjoni. Madankollu, il‑kumpannija kkonċernata mhux qed titlob il‑kumpens għal dan it‑tip ta’ dannu u għalhekk m’hemmx għalfejn jiġi analizzat fil‑fond; iżda minkejja dan nixtieq insemmihom bħala eżempju ta’ spejjeż li huma marbutin mal‑annullament ta’ att amministrattiv tal‑Kummissjoni jew, tal‑anqas li, peress li jsiru superfluwi, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ġejjin minn dak il‑ksur.

143. Għall‑kuntrarju, għalkemm it‑tnaqqis tal‑prezz ta’ bejgħ ta’ Legrand lil Wendel‑KKR huwa l‑frott tal‑istess negozjati, dan, madankollu, ma jirriżultax mill‑invalidità tal‑att, imma mir‑rieda ħielsa ta’ Schneider li ffurmat matul in‑negozjati mal‑partijiet kontraenti l‑oħrajn. F’dan il‑kuntest, Schneider ma ħassithiex komda ħafna, minħabba l‑pressjoni li għamlitilha l‑Kummissjoni biex is‑separazzjoni tiġi eżegwita, imma dik l‑għaġla kienet wieħed biss mill‑elementi li affettwaw il‑konfigurazzjoni definittiva tal‑ftehim ma’ Wendel‑KKR.

144. Fil‑kontroreplika, Schneider tipprovdi informazzjoni li tikkontribwixxi biex tiċċara l‑kundizzjonijiet li minnhom ħareġ il‑kuntratt ta’ trasferiment ta’ Legrand, billi ġew elenkati elementi oħrajn li għamlu pressjoni kbira fuq id‑diriġenti ta’ Schneider li ġiegħluhom jittrasferixxu malajr il‑kumpannija li magħha riedu jingħaqdu, bħall‑pożizzjoni tal‑istess president ta’ Legrand (64), dik tal‑azzjonisti ta’ Schneider, tal‑analisti finanzjarji u tas‑swieq (65). Dawn id‑dikjarazzjonijiet jgħinu biex jiġi kkompletat il‑kuntest li fihom ġew iffurmati l‑akkordji bejn Schneider u Wendel‑KKR, biex b’hekk l‑obbligu li jiġu sseparati ż‑żewġ kumpanniji li kienu ngħaqdu (li fl‑aħħar ġie ddikjarat illegali) kien biss l‑isfond għas‑sitwazzjoni, mingħajr ma influwenza direttament l‑akkordji verbali, li mbagħad saru bil‑miktub minn Schneider fil‑kuntratt ta’ bejgħ ta’ Legrand. Wieħed jista’ jassumi li dawn iċ‑ċirkustanzi kollha jispjegaw b’mod adegwat l‑anzjetà ta’ Schneider li tikkonkludi n‑negozjati fis‑26 ta’ Lulju 2002.

145. Huwa normali li Schneider irriżervat id‑dritt li tħassar il‑kuntratt stipulat ma’ Wendel‑KKR skont l‑eżitu li kien ser ikollhom il‑kawżi quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza. Madankollu, ħlief għall‑elementi indikati fil‑punt preċedenti, xejn ma kien qed iġiegħel lil dik il‑kumpannija milli tikkonkludi u tipperfezzjona l‑kuntratti ta’ bejgħ sa data tant fil‑qrib, kif tissuġġerixxi sewwa l‑Kummissjoni meta ssostni li t‑terminu tal‑5 ta’ Frar mogħti lill‑istess kumpannija, minbarra li seta’ jiġi estiż, kien jidher suffiċjenti biex jinstab xerrej xieraq.

146. Is‑suspett jikber li, bl‑adozzjoni ta’ dan il‑proċess, Schneider kellha l‑intenzjoni li tagħti prijorità lit‑tranżazzjoni ma’ Wendel‑KKR, u ħalliet it‑tkomplija tal‑għaqda għal sempliċi ipoteżi. Din il‑konġettura sostnuta mill‑preżenza tal‑pressjonijiet imsemmijin, saret konkreta meta l‑kumpannija inkwistjoni, minflok ma salvat l‑operazzjoni, bit‑tkomplija tal‑fażi II tal‑proċedura ta’ kontroll min‑naħa tal‑Kummissjoni wara l‑annullament tad‑deċiżjonijiet iċċitati, ippreferiet teżegwixxi l‑ftehim konkluż mal‑kumpannija xerrejja.

147. Barra minn hekk, iċ‑ċifra ta’ EUR 180 miljun li Schneider kienet titlef meta rrinunzjat għall‑bejgħ kienet biss ir‑riżultat tal‑mod kif il‑kumpannija kienet mexxiet in‑negozjati; u t‑tnaqqis eventwali tal‑valur tal‑attivitajiet ta’ Legrand, dovuta għad‑deprezzament tat‑titoli industrijali matul il‑perijodu kkunsidrat, jidhirli li huwa argument vag u azzardat wisq biex tista’ tinħoloq rabta kawżali (66).

148. Fl‑aħħar, meta affrontat l‑isfidi li għamlu ż‑żewġ impriżi msemmijin (67), Wendel‑KKR kienet taf bil‑ħsieb ta’ Schneider għaliex kienet taf tajjeb li kien hemm il‑possibbiltà li tiġi ddikjarata l‑invalidità tad‑deċiżjonijiet ta’ kompatibbiltà u ta’ separazzjoni – fatt li loġikament kien iċaħħadha mix‑xiri ta’ Legrand. Konsegwentement, dik il‑kumpannija tat lill‑kuntratt l‑istrumenti kollha xierqa biex tkun protetta minn kwalunkwe perikolu: it‑tnaqqis tal‑prezz tal‑bejgħ u r‑remunerazzjoni ta’ EUR 180 miljun għar‑rexissjoni tal‑kuntratt, u għalhekk ittrasferiet, permezz tal‑kuntratt, ir‑riskji tagħha lill‑bejjiegħ, li aċċettahom liberament.

149. Għaldaqstant Schneider ħadet riskju serju billi għażlet li tieħu t‑triq ipprovduta mill‑Artikolu 7(3) tar‑Regolament. Dik id‑dispożizzjoni tidderoga mill‑prinċipju tal‑eżekuzzjoni tal‑konċentrazzjoni qabel ma l‑Kummissjoni tagħmel id‑dikjarazzjoni espressa jew taċita (68) tagħha. Għaldaqstant l‑imprenditur diliġenti għandu jkun jaf bil‑konsegwenzi inerenti fl‑evalwazzjoni negattiva tal‑operazzjoni min‑naħa tal‑istituzzjoni Komunitarja kompetenti, li tfisser neċessarjament l‑adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ separazzjoni, għaliex, minkejja s‑sinjifikat tal‑Artikolu 8(4) tal‑istess regolament (“Meta konċentrazzjoni tkun diġà implementata, il‑Kummissjoni tista’, […] teħtieġ li […] jiġu separati”), fiċ‑ċirkustanzi deskritti fl‑Artikolu 7(3) il‑Kummissjoni m’għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni meħtieġ biex jiġi stabbilit l‑istatus quo fis‑suq li huwa l‑għan espliċitu tad‑dispożizzjoni inkwistjoni (69).

150. Fil‑qosor, jidħlu f’din l‑isfera tar‑riskji msemmija meħudin mill‑kumpanniji li jużaw l‑eċċezzjoni taħt l‑Artikolu 7(3) l‑inċertezzi normali li jolqtu l‑għaqdiet tagħhom, għaliex jidhru faċilment prevedibbli fid‑dawl tal‑leġiżlazzjoni fuq il‑konċentrazzjonijiet (70).

151. Anki jekk l‑annullament tad‑deċiżjonijiet ta’ inkompatibbiltà u ta’ separazzjoni ma jidħolx fost l‑inċertezzi “normali” jista’ jkun iġġustifikat ir‑rikonoxximent ta’ xi dannu, pereżempju dak ġej min‑negozjati mibdija minħabba t‑trasferiment ta’ impriża, kif indikajt iktar ’il fuq; madankollu, meta l‑oriġini tal‑invalidità tkun żball proċedurali tal‑Kummissjoni, li meta jitneħħa jippermetti li terġa’ tinbeda l‑proċedura ta’ kontroll tal‑konċentrazzjoni, mhuwiex meħtieġ li jiġu rrikonoxxuti tipi oħrajn ta’ preġudizzju, billi l‑identifikazzjoni ta’ motiv tal‑annullament inkwistjoni ma jaffettwax l‑analiżi ekonomika, kif din tirriżulta mis‑sentenza appellata f’din il‑proċedura.

152. Abbażi ta’ dawn il‑premessi, il‑Kummissjoni tirrileva ġustament li l‑annullament ta’ dawn id‑deċiżjonijiet minħabba difett fil‑forma ma affettwax il‑mertu tat‑tranżazzjoni eżaminata, inkwantu, meta jiġi ssanat id‑difett dwar il‑ksur tal‑Artikolu 18 tar‑Regolament, id‑deċiżjoni li kienet tiġi adottata wara l‑ftuħ tal‑proċedura II ma kinitx predeterminata, billi setgħet tirriżulta pożittiva jew negattiva, prinċipalment skont kemm huma xierqa l‑miżuri li kienet tipproponi Schneider.

153. Billi l‑kumpannija Schneider kienet tgħabbiet kemm bl‑isfera tar‑riskji tagħha, kif ukoll, bil‑kuntratt, bl‑isfera tar‑riskji ta’ Wendel‑KKR, l‑għoti min‑naħa tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza ta’ kumpens għat‑tnaqqis tal‑prezz li l‑ewwel kumpannija kellha toffri lit‑tieni waħda biex tistenna l‑konklużjoni tal‑proċeduri li kienu pendenti, jispiċċa biex l‑impriżi li jagħżlu li jużaw il‑mezz mogħti mill‑Artikolu 7(3) tar‑regolament, jingħataw garanzija jew assigurazzjoni għall‑kategoriji kollha ta’ spejjeż supplimentari li jistgħu jinħolqu meta tinkiser regola, anki fil‑każ ta’ regoli ta’ proċedura mingħajr riperkussjoni diretta fuq in‑natura ekonomika tal‑konċentrazzjoni.

154. Fid‑dawl tal‑osservazzjonijiet li jippreċedu, inqis li huwa opportun li dan l‑aggravju jiġi milqugħ u konsegwentement tiġi annullata s‑sentenza kkontestata fil‑parti fejn irrikonoxxiet li l‑impriża Schneider ġarrbet dannu mit‑tnaqqis tal‑prezz tat‑trasferiment ta’ Legrand SA, li l‑ewwel kumpannija kellha toffri lil Wendel‑KKR biex tikkumpensaha għal posponiment tal‑bejgħ sal‑10 ta’ Diċembru 2002.

2.      Fuq l‑interruzzjoni tar‑rabta kawżali (it‑tielet u l‑ħames aggravji tal‑appell)

a)      Sunt tal‑argumenti tal‑partijiet

155. Għalkemm dak l‑argument ġie ttrattat b’mod pjuttost superfiċjali fin‑noti ppreżentati fil‑kuntest tar‑rikors inkwistjoni, il‑Kummissjoni tilmenta li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza essenzjalment ikkommettiet żball tad‑dritt minħabba l‑fatt li ma kkunsidratx li, għal diversi raġunijiet, ir‑rabta kawżali kienet ġiet interrotta minħabba l‑aġir tal‑konvenuta fl‑appell.

156. Minn naħa, fit‑tielet aggravju tagħha, il‑Kummissjoni ssostni li, minkejja n‑natura formali tal‑iżball imwettaq, kien sar indispensabbli li tiġi adottata deċiżjoni ġdida wara l‑ftuħ mill‑ġdid tal‑proċedura II li wasslet għall‑interruzzjoni tar‑rabta kawżali inkwistjoni. Min‑naħa l‑oħra, dik l‑istituzzjoni targumenta li l‑iffissar tat‑terminu tal‑bejgħ sal‑10 ta’ Diċembru 2002 u r‑rinunzja ta’ Schneider li tuża l‑klawżola ta’ riżoluzzjoni inkluża fil‑kuntratt imsemmi oriġinaw id‑dannu invokat (71).

157. Barra minn hekk, bil‑ħames aggravju, il‑Kummissjoni tenfasizza li Schneider naqset mill‑obbligi tagħha ta’ diliġenza bi tliet modi: l‑ewwel, billi ma talbitx informazzjoni iktar dettaljata mill‑Kummissjoni dwar l‑appoġġjar; it‑tieni, billi ma attivatx il‑miżuri protettivi li setgħet titlob qabel u wara s‑sentenza ta’ annullament; u t‑tielet, billi eżegwiet il‑kuntratt ta’ trasferiment ta’ Legrand f’mument meta ma kinitx iktar obbligata legalment li tissepara minn dik il‑kumpannija.

158. Madankollu Schneider, qabel ma ċaħdet dawn l‑argumenti dwar il‑mertu tas‑sentenza appellata, tinvoka l‑inammissibbiltà tal‑argumenti kollha msemmijin iktar ’il fuq esposti mill‑Kummissjoni, billi huma aggravji ġodda li dwarhom il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ma ddeċidiet xejn.

159. Għaldaqstant, billi ssuġġerejt li jiġi milqugħ l‑aggravju dwar l‑ineżistenza ta’ rabta kawżali, qed nipproponi sussidjarjament l‑osservazzjonijiet li ġejjin fil‑każ fejn il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma taqbilx mal‑opinjoni tiegħi u trid teżamina fil‑mertu l‑aggravji l‑oħrajn.

b)      Fuq l‑ammissibbiltà ta’ wħud mill‑argumenti

160. L‑eċċezzjoni tal‑inammissibbiltà li qajmet Schneider f’dan ir‑rikors tirrigwarda l‑affermazzjoni kkontenuta fit‑tielet aggravju li biha l‑Kummissjoni akkużatha b’negliġenza kif ukoll il‑ħames aggravju kollu tal‑appell, deskritt fil‑punt 167 ta’ dawn il‑konklużjonijiet; fiż‑żewġ każijiet din il‑kumpannija tibbaża l‑kritika tagħha fuq il‑fatt li dawn huma elementi ġodda fir‑rigward tad‑dibattiti tal‑ewwel istanza.

161. Fl‑ewwel lok, fir‑rigward tan‑natura innovattiva tan‑negliġenza li l‑Kummissjoni qed taddebita lil Schneider u li kkawżat id‑dannu, biżżejjed jingħad li l‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja taċċetta l‑introduzzjoni, fil‑kuntest ta’ dawn it‑tipi ta’ każijiet, ta’ argumenti li ma ġewx diskussi fl‑ewwel istanza, dejjem jekk iservu biex isaħħu motiv invokat fl‑ewwel istanza (72).

162. Fit‑tieni lok, insostenn tal‑ħames aggravju, il‑Kummissjoni tallega li, fil‑punti 326 sa 335 tas‑sentenza appellata, ġiet eżaminata l‑kwistjoni dwar l‑attribuzzjoni tar‑responsabbiltà lil Schneider għall‑ħolqien tad‑dannu, għallinqas f’ċertu grad. L‑argumenti kollha li Schneider tagħmel fuq dan id‑difett jiżviluppaw dan l‑aspett u għalhekk lanqas din il‑kritika ma tista’ tiġi milqugħa.

163. Għaldaqstant, l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà proposta minn Schneider ma tistax tiġi milqugħa u għandha tiġi miċħuda kollha kemm hija.

c)      Fuq il‑mertu

164. Il‑kriterji biex issir din l‑analiżi huma pprovduti mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja li tgħid li fir‑rigward tar‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑istituzzjonijiet Komunitarji n‑nuqqas ta’ diliġenza jew ta’ attenzjoni tal‑individwu li jitlob il‑kumpens jista’ jibdel ir‑rabta kawżali bejn l‑att illegali u d‑dannu, sakemm inaqqas (73) dik ir‑responsabbiltà, jekk mhux ineħħiha għal kollox (74). Madankollu, apparti dawn l‑aspetti ġenerali, il‑kwistjonijiet f’dan il‑qasam juru każistika inevitabbli.

165. Fir‑rigward tas‑sentenza appellata, diffiċli jinftiehem l‑ewwel argument tal‑Kummissjoni li l‑adozzjoni obbligatorja ta’ deċiżjoni ta’ kompatibbiltà wara l‑ftuħ mill‑ġdid tal‑proċedura II interrompiet ir‑rabta kawżali bejn id‑deċiżjonijiet annullati u d‑dannu kkawżat lil Schneider, jekk dik ir‑rabta kienet teżisti. Fil‑fehma tal‑Kummissjoni, id‑deċiżjoni formali ġdida kellha l‑effett li tinterrompi din ir‑rabta kawżali billi, kieku bassret il‑kompatibbiltà tal‑operazzjoni, Schneider ma kinitx tkun kostretta tbiegħ lil Legrand u, f’każ kuntrarju, id‑deċiżjoni l‑ġdida kienet timpedixxi l‑ikkawżar tad‑dannu.

166. Ma jistax jiġi aċċettat dan l‑argument tal‑Kummissjoni li, kif tgħid Schneider fil‑risposta, huwa sofiżmu. Fi kwalunkwe każ, ir‑raġunament tal‑Kummissjoni ma japplikax billi jirreferi għal ipoteżi li ma saritx konkreta wara t‑trasferiment ta’ Legrand lil Wendel‑KKR. Għaldaqstant, dan l‑argument għandu jiġi miċħud għaliex għandna niġġudikaw il‑fatti li ġraw realment u mhux dawk immaġinarji.

167. Ngħid l‑istess ħaġa għal‑ewwel punt tal‑ħames aggravju, b’referenza għan‑nuqqas ta’ diliġenza ta’ Schneider għall‑fatt li ma talbitx lill‑Kummissjoni tagħtiha spjegazzjonijiet ulterjuri dwar l‑appoġġ; b’dan l‑aġir il‑Kummissjoni trid twaħħal fil‑kumpannija Franċiża għan‑nuqqas tagħha ta’ preċiżjoni fit‑tħejjija tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet. Iżda dan il‑logħob bil‑kliem huwa evidenti wisq biex ma ssirx osservazzjoni u għalhekk għandu jiġi miċħud.

168. Fit‑tieni punt tal‑ħames motiv, b’referenza għal xi deċiżjonijiet tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza (75) il‑Kummissjoni tisħaq li r‑rabta kawżali ġiet interrotta għaliex Schneider irrinunzjat għall‑miżuri protettivi li setgħet titlob qabel jew wara s‑sentenzi ta’ annullament.

169. Madankollu mill‑fatti aċċertati (76) jirriżulta li Schneider ippreżentat, flimkien mar‑rikors għal annullament, talba għal miżuri provviżorji, biex tikseb is‑sospensjoni tal‑effetti tad‑deċiżjoni ta’ separazzjoni; barra minn hekk ir‑rinunzja suċċessiva biex titkompla l‑proċedura ċċitata hija dovuta għal żewġ fatti konkomitanti: minn naħa, l‑ammissjoni tal‑kawża T‑310/01 għall‑proċedura mħaffa; u, min‑naħa l‑oħra, l‑estensjoni sal‑5 ta’ Frar 2003 tat‑terminu ffissat mill‑Kummissjoni għas‑separazzjoni minn Legrand.

170. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li tallega l‑Kummissjoni, Schneider aġixxiet bid‑diliġenza dovuta, għax ir‑riżultat tal‑istrateġija tagħha kien kważi l‑istess bħal dak li kienet tikseb bil‑miżuri provviżorji inkwantu l‑inċertezza dwar il‑validità taż‑żewġ deċiżjonijiet ikkontestati kienet tkun irregolata malajr, u, indipendentement mill‑iżviluppi ta’ dawn il‑proċeduri, hija kienet kisbet marġni ta’ manuvra ikbar għat‑trasferiment ta’ Legrand.

171. Għaldaqstant, l‑aġir li adottat Schneider f’dawn iċ‑ċirkustanzi ma jistax jiġi kkunsidrat negliġenti, u lanqas idoneu biex jinterrompi r‑rabta kawżali inkwistjoni, u għalhekk l‑argument tal‑Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

172. Fl‑aħħar, minħabba l‑konnessjoni oġġettiva tagħhom, għandhom jiġu eżaminati flimkien it‑tielet punt tal‑ħames aggravju, li jgħid li Schneider biegħet lil Legrand meta ma kinitx obbligata iktar tissepara minn din tal‑aħħar, u l‑kritika tal‑Kummissjoni dwar l‑estensjoni tat‑terminu tal‑bejgħ sal‑10 ta’ Diċembru 2002, kif ukoll ir‑rinunzja min‑naħa ta’ Schneider li tuża klawżola ta’ rexissjoni stabbilita mill‑istess kuntratt; skont din l‑istituzzjoni Komunitarja, dawn iċ‑ċirkustanzi kollha kkontribwew biex jipprovokaw id‑dannu invokat minn Schneider, u ġiet annullata b’dan il‑mod ir‑rabta kawżali kkontestata.

173. Schneider tiddikjara li kellha tbiegħ minħabba żewġ raġunijiet: l‑ewwel, biex tissodisfa l‑obbligu li tissepara minn Legrand, u t‑tieni, wara l‑annullament tad‑deċiżjonijiet, biex tevita r‑riskju li jkollha tistenna awtorizzazzjoni billi kienet taf bil‑pożizzjoni inflessibbli tal‑Kummissjoni fit‑tieni proċedura ta’ kontroll tal‑konċentrazzjoni.

174. Għar‑raġunijiet li ser nispjega iktar ’il quddiem, kif għedt ikun opportun, subordinatament, li dawn l‑argumenti jiġu milqugħa għaliex diġà esprimejt il‑konvinzjoni li ma teżisti l‑ebda rabta kawżali.

175. Meta ġie eżegwit il‑kuntratt ta’ trasferiment ta’ Legrand fl‑10 ta’ Diċembru 2002, Schneider kienet marbuta esklużivament bil‑kuntratt tagħha, billi d‑deċiżjonijiet ta’ inkompatibbiltà u ta’ separazzjoni kienu ġew annullati mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza fit‑22 ta’ Ottubru tal‑istess sena. Anki jekk ġie kkunsidrat li dak il‑kuntratt kien ġie stipulat bl‑intenzjoni li jiġi sodisfatt l‑obbligu legali ddikjarat null, il‑bejgħ sar bħala att ta’ rieda tal‑kumpannija kkonċernata, li għaġġlet il‑konklużjoni tal‑proċedura ta’ analiżi tal‑konċentrazzjoni, billi ġew segwiti xi klawżoli li kienu l‑frott tan‑negozjati magħmulin max‑xerrej u li fuqhom il‑Kummissjoni ma kellha l‑ebda influwenza.

176. Barra minn dan, minbarra l‑fatt li Schneider setgħet allura taspira għal deċiżjoni pożittiva fl‑aħħar tal‑proċedura ta’ kontroll, billi ġietha l‑opportunità li tipproponi miżuri biex tinnewtralizza l‑appoġġjar, opportunità li kienet irrinunċjat espressament meta nfirdet minn Legrand, ma jidhirlix li dik il‑kumpannija aġixxiet b’mod diliġenti meta injorat il‑klawżola riżoluttiva.

177. F’dawn il‑kundizzjonijiet, filwaqt li jiġi ammess li Schneider riedet tikkonkludi l‑għaqda ma’ Legrand (77), kien ikun iktar loġiku li tirtira mit‑trasferiment, bl‑invokazzjoni ta’ dik il‑klawżola, biex timminimizza d‑dannu lmentat, għaliex l‑ammont ta’ EUR 180 miljun mhux paragunabbli mat‑talba għall‑kumpens fiċ‑ċifra ta’ EUR 1 700 miljun. Proċedimenti ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑Komunità għall‑valur indikat fil‑klawżola ta’ kanċellazzjoni kienu jkunu iktar raġonevoli u iktar koerenti mar‑realtà tal‑fatti.

178. Għaldaqstant nikkunsidra li meta għaddiet għall‑bejgħ mingħajr ma kienet legalment obbligata li tagħmlu, u billi ma aġixxietx bid‑diliġenza dovuta, Schneider interrompiet ir‑rabta kawżali u għalhekk nipproponi, subordinatament, li jiġi milqugħ il‑ħames aggravju.

3.      Fuq l‑aggravju bbażat fuq motivazzjoni kontradittorja

179. Bir‑raba’ aggravju l‑Kummissjoni tgħid li hemm kontradizzjoni f’din il‑linja tal‑argument tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza, billi jkun inkoerenti, minn naħa, li tiġi nnegata rabta kawżali bejn il‑ksur li ddetermina l‑annullament taż‑żewġ deċiżjonijiet inkwistjoni u d‑dannu li allegatament ġie soffert (fil‑punti 260 sa 286) u, min‑naħa l‑oħra, li din ir‑rabta tirriżulta miż‑żewġ tipi ta’ dannu li ġew irrikonoxxuti li ġarrbet Schneider (punt 288).

180. Biex tirribatti din il‑kritika, biżżejjed li wieħed jiftakar li l‑ewwel waħda miż‑żewġ analiżijiet imsemmijin mill‑Kummissjoni tirreferi għar‑rabta kawżali msemmija iktar ’il fuq dwar it‑telf totali ta’ valur tal‑attivitajiet ta’ Legrand fil‑perijodu inkluż bejn l‑akkwist u l‑bejgħ tagħha f’Diċembru 2002, filwaqt li t‑tieni analiżi tirreferi għat‑telf li, skont il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, sofriet il‑kumpannija Franċiża. Għalhekk m’hemm l‑ebda kontradizzjoni fir‑raġunament tas‑sentenza appellata u, konsegwentement, jaqa’ anki r‑raba’ aggravju

E –    Fuq is‑seba’ aggravju

181. Subordinatament, il‑Kummissjoni qed titlob l‑annullament tas‑sentenza appellata, safejn ikkonċediet lill‑Schneider l‑interessi moratorji li jibdew jgħoddu mid‑data ta’ meta mmaterjalizza d‑dannu, jiġifieri mill‑10 ta’ Diċembru 2002, sad‑data meta jkun tħallas il‑kumpens.

182. Billi qed nissuġġerixxi li tiġi annullata s‑sentenza appellata minħabba nuqqas ta’ rabta kawżali u, sussidjarjament, minħabba l‑interruzzjoni ta’ din ir‑rabta, mhuwiex meħtieġ li jiġu eżaminati l‑argumenti li fuqhom huwa bbażat is‑seba’ aggravju, li jirreferi biss għad‑dannu li fl‑analiżi tiegħi nikkunsidra bħala ineżistenti.

VII – Id‑deċiżjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fuq il‑mertu tal‑kawża

183. Skont it‑tieni sentenza tal‑Artikolu 61 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, din tista’, f’każ ta’ annullament, tiddeċiedi definittivament il‑kawża, jekk l‑istat tal‑atti jippermetti dan, jew tirrinvija l‑kwistjoni quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza biex din tiddeċidiha. Wieħed mill‑każijiet fejn tista’ tiġi applikata l‑possibbiltà li toffri din id‑dispożizzjoni huwa dak tal‑iżball in iudicando, dejjem jekk l‑espożizzjoni tal‑fatti tkun kompleta u biżżejjed għas‑sentenza definittiva u ma jkunx hemm bżonn ta’ prova. Hekk donnu għandha tiġi interpretata l‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, għalkemm, is‑soltu hija ma tesprimix il‑motivi għaliex tiddeċiedi li l‑istat tal‑fatti jippermetti li tissolva t‑tilwima (78).

184. Jidher opportun li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi fil‑mertu meta jirriżulta mill‑atti li t‑tilwima tista’ tiġi deċiża (79), skont l‑organizzazzjoni li l‑leġiżlatur Komunitarju ried jagħti lil dik l‑istituzzjoni, bħala qorti moderna ta’ kassazzjoni, li għandha poteri wesgħin biex tagħti sentenza ta’ annullament jekk tqisha xierqa (80).

185. F’dan il‑każ m’hemmx dubju li l‑kwistjoni mressqa quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja permezz tal‑appell għandha natura purament ġuridika. Għalkemm illimitat id‑dibattitu għall‑prinċipju tal‑produzzjoni tad‑dannu, mingħajr ma ddeċidiet fuq il‑kwantifikazzjoni tiegħu, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ħalliet dan il‑kompitu, ta’ kumplessità notevoli fil‑kuntest ta’ din il‑kawża, għal proċedura ulterjuri fil‑kuntest tal‑fażi tal‑eżekuzzjoni tas‑sentenza. Huwa kuntrarju għall‑prinċipju tal‑ekonomija proċedurali li l‑kawża tiġi rrinvijata lill‑Qorti tal‑Prim’Istanza sabiex hija tagħmel biss stima tal‑ammont tal‑indennizz dovut mill‑Kummissjoni. Xejn ma jimpedixxi li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tagħmel dan ix‑xogħol, kif ġara fil‑passat (81), fid‑dawl tal‑metodu indikat fis‑sentenza appellata.

VIII – Fuq l‑ispejjeż dwar iż‑żewġ istanzi tal‑ġudizzju

186. Is‑soluzzjoni li qed nipproponi ma tobbligax li Schneider tiġi kkundannata li tbati għalkollox l‑ispejjeż billi l‑Kummissjoni kienet telliefa parzjalment biss għalkemm ma kinux il‑kwistjonijiet prinċipali.

187. Billi l‑Qorti tal‑Prim’Istanza rriżervat id‑deċiżjoni fuq l‑ispejjeż tal‑proċedura, peress li qed jiġi propost li l‑kwistjoni dwar l‑evalwazzjoni tad‑dannu li Schneider sofriet dwar l‑ispejjeż li kellha ssostni għall‑parteċipazzjoni tal‑ftuħ mill‑ġdid tal‑proċedura ta’ kontroll tal‑konċentrazzjoni tiġi solvuta quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja, ikun jeħtieġ li jiġu deċiżi l‑ispejjeż relattivi kemm tal‑proċedura tal‑ewwel istanza kif ukoll tal‑appell.

188. F’dan ir‑rigward, evalwazzjoni ġusta tal‑elementi tat‑tilwima fil‑kumpless tagħhom iwassal għall‑kundanna tal‑kumpannija Schneider biex tbati żewġ terzi tal‑ispejjeż li għamlet il‑Kummissjoni Ewropea fiż‑żewġ istanzi tal‑kawża.

IX – Konklużjoni

189. Fid‑dawl tal‑osservazzjonijiet li jippreċedu, nitlob lill‑Qorti tal‑Ġustizzja sabiex:

1)         tannulla s‑sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal‑11 ta’ Lulju 2007, kawża T‑351/03, li kkundannat lill‑Komunità Ewropea li tħallas lill‑kumpannija Schneider Electric SA kumpens ta’ żewġ terzi tad‑dannu mġarrab, minħabba t‑tnaqqis tal‑prezz tat‑trasferiment ta’ Legrand SA li Schneider Electric kellha tikkonċedi lill‑konċessjonarju biex jiġi estiż it‑terminu għat‑twettiq tal‑bejgħ ta’ Legrand sal‑10 ta’ Diċembru 2002.

2)         tannulla wkoll il‑punti 5 sa 10 tad‑dispożittiv tas‑sentenza ċċitata iktar ’il fuq, li bis‑saħħa tagħhom il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ordnat perizja sabiex jiġi vvalutat l‑ammont ta’ dan id‑dannu, u attribwiet lil Schneider Electric SA il‑benefiċċju tal‑interessi moratorji.

3)         tiċħad ir‑rikors għall‑kumplament.

4)         tordna lill‑partijiet li jittrażmettu lill‑Qorti tal‑Ġustizzja f’terminu ta’ tliet xhur mill‑għoti tas‑sentenza, stima tagħhom, li jaqblu fuqha, tal‑ammont tal‑ispejjeż imġarrba minn Schneider Electric biex tipparteċipa fit‑tkomplija tal‑kontroll tal‑konċentrazzjoni wara l‑għoti tas‑sentenzi tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tat‑22 ta’ Ottubru 2002, fil‑kawżi magħquda T‑310/01 u T‑77/02, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni.

5)         fin‑nuqqas ta’ ftehim bejn il‑partijiet, tordnalhom jippreżentaw lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, fl‑istess terminu, it‑talbiet ikkwantifikati tagħhom.

6)         tikkundanna lill‑kumpannija Schneider Electric tħallas żewġ terzi tal‑ispejjeż imġarrba mill‑Kummissjoni Ewropea fil‑proċedura tal‑appell u fl‑ewwel istanza, kif ukoll tħallas l‑ispejjeż tagħha fir‑rigward taż‑żewġ istanzi tal‑kawża.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni (T‑351/03, Ġabra p. II‑2237).


3 – Punti 16 sa 78.


4 – Regolament tal‑Kunsill tal‑21 ta’ Diċembru 1989, dwar il‑kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), rettifika (ĠU 1990, L 257, p. 13) u emendat bir‑Regolament (KE) tal‑Kunsill, tat‑30 ta’ Ġunju 1997, Nru 1310 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 164)]. L‑aħħar verżjoni, ir‑Regolament (KE) tal‑Kunsill tal‑20 ta’ Jannar 2004, Nru 139 (ĠU L 24, p. 1), ma tapplikax għal din il‑kawża.


5 – Każ COMP/M.2283 – Schneider‑Legrand, fejn ġie ddikjarat li l‑operazzjoni hija inkompatibbli mas‑suq komuni (ĠU 2004, L 101, p. 1).


6 – Deskritti f’iktar dettall fil‑punti 35 u 36 tas‑sentenza appellata.


7 – Deċiżjoni tal‑Kummissjoni tat‑30 ta’ Jannar 2002, C(2002) 360 def., li tordna separazzjoni ta’ impriżi bis‑saħħa tal‑Artikolu 8(4) tar‑Regolament (KEE) Nru 4064/89 tal‑Kunsill (Każ COMP/M.2283 — Schneider vs Legrand).


8 – Sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni (T‑310/01, Ġabra p. II‑4071).


9 – Sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni (T‑77/02, Ġabra p. II‑4201).


10 – Punti 39 et seq ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


11 – Fil‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Komunitajiet Ewropej tal‑15 ta’ Novembru 2002 (C‑279 p. 22).


12 – Digriet tal‑31 ta’ Jannar 2006, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni (T‑48/03, Ġabra p. II‑111), li ddikjara bħala inammissibbli r‑rikors ta’ annullament T‑48/03, għaliex id‑deċiżjoni tal‑ftuħ tal‑proċedura II u d‑deċiżjoni ta’ għeluq ikkontestati ma kinux jikkostitwixxu atti li jippreġudikaw lil Schneider.


13 – Digriet tad‑9 ta’ Marzu 2007, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni (C‑188/06 P, Ġabra p. I‑35).


14 – Ilment dwar l‑appoġġjar tal‑pożizzjonijiet.


15 – Punti 444 u 445 tas‑sentenza Schneider I.


16 – Punti 453 sa 461 tas‑sentenza Schneider I.


17 – Digrieti tal‑20 ta’ Ottubru 2004, T‑310/01 DEP u T‑77/02 DEP, liema deċiżjonijiet għadhom ma ġewx ippubblikati fil‑Ġabra.


18 – Punti 100 sa 106 tas‑sentenza appellata.


19 – Sentenza tad‑19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni (C‑282/05 P, Ġabra p. I‑2941, punt 47, u l‑ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


20 – Soluzzjoni kkritikata minn A. Dawes/K. Peci, “‘Sorry but there’s nothing we can do to help’: Schneider II and extra‑contractual liability of the European Commission in merger cases”, f’European Competition Law Review, 2008, 29(3), paġni 151 sa 161.


21 – Punti 129 sa 138 tas‑sentenza appellata.


22 – Punt 81 tas‑sentenza appellata.


23 – Punti 263 u 264 tas‑sentenza kkontestata.


24 – Punti 260 sa 287 tas‑sentenza appellata.


25 – Fil‑punti 289 sa 292 tas‑sentenza appellata. Fl‑ewwel każ, billi l‑ispejjeż imsemmija jiġu direttament mill‑applikazzjoni tal‑Artikolu 7(4) tar‑regolament u, fit‑tieni każ, billi wieħed ma setax jippreżumi li Schneider ma setgħetx iġġorr dawk l‑ispejjeż kieku ġiet adottata deċiżjoni legali (spejjeż ta’ separazzjoni), kif ukoll għaliex kienu diġà ġew inklużi fl‑ispejjeż (spejjeż tas‑sentenzi Komunitarji), kif ukoll għaliex kienu marbutin mal‑imputazzjoni li ma kinitx ġiet rikonoxxuta bħala sors tar‑responsabbiltà tal‑Komunità (piżijiet finanzjarji dwar proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali).


26 – Punti 298 sa 302 tas‑sentenza appellata.


27 – Punti 303 sa 317 tas‑sentenza appellata.


28 – Punti 318 sa 325.


29 – Filwaqt li bbażat ruħha fuq is‑sentenza tas‑7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il‑Kummissjoni (145/83, Ġabra p. 3539, punt 54).


30 – Punti 326 sa 335.


31 – Billi jittieħdu bħala bażi għall‑kalkolu tar‑rata ta’ interessi li għandha tiġi applikata r‑rati ffissati mill‑Bank Ċentrali Ewropew għall‑operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, miżjudin b’żewġ punti, sakemm ma jaqbżux dak tal‑4 % (punti 336 sa 346 tas‑sentenza appellata).


32 – Faks tal‑21 ta’ Settembru.


33 – Għalkemm il‑formulazzjoni tal‑konklużjonijiet fir‑rikors ftit hija ċara, fil‑verità r‑rikorrenti talludi għall‑ispejjeż taż‑żewġ gradi ta’ ġudizzju.


34 – Faks tal‑21 ta’ Diċembru.


35 – Faks tal‑10 ta’ Marzu.


36 – Faks tas‑6 ta’ Mejju.


37 – Intqal li ma kienx indispensabbli li wieħed joqgħod fuq dan il‑metodu u li kien possibbli li tinbidel l‑ordni tal‑analiżi tat‑tliet komponenti tar‑responsabbiltà mhux kuntrattwali; ara M. Ruffert, “EG‑Vertrag – Art. 288”, fi Callies, Chr./M. Ruffert (editur), Kommentar des Vertrages über die Europäische Union und des Vertrages zur Gründung der Europäischen Gemeinschaft, it‑Tieni Edizzjoni, Ed. Luchterhand, Neuwied, 2002, p. 2414. Madankollu, anki jekk din l‑interpretazzjoni taġevola l‑kompitu tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, ma naħsibx li neċessarjament tidħol fix‑xogħol tal‑Avukat Ġenerali, li huwa obbligat jitkellem fuq il‑punti kollha fid‑diskussjoni.


38 – Punt 155 tas‑sentenza appellata.


39 – Sentenza Holcim, iċċitata iktar ’il fuq fil‑punt 50, u l‑ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.


40 – Punt 453 tas‑sentenza Schneider I.


41 – Punt 152 tas‑sentenza appellata.


42 – Punt 155 tas‑sentenza appellata.


43 – Sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame (kawżi magħquda C‑46/93 u C‑48/93, Ġabra p. I‑1029, punt 55); tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni (C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punt 43; iktar ’il quddiem, “Bergaderm”); tal‑10 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Camar u Tico (C‑312/00 P, Ġabra p. I‑11355, punt 54); tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs Fresh Marine (C‑472/00 P, Ġabra p. I‑7541, punt 26); tat‑12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs CEVA u Pfizer (C‑198/03 P, p. I‑6357, punt 64), u Holcim, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47). Id‑duttrina enfasizzat ir‑rwol fundamentali tal‑poter diskrezzjonali għall‑finijiet tal‑evalwazzjoni tal‑gravità tal‑ksur li jkun sar; ara C. Wilson, “The role of discretion in EC law on non‑contractual liability, fil‑Common Market Law Review, nru 42, 2005, p. 686.


44 – Punt 445 tas‑sentenza Schneider I.


45 – Sentenzi Bergaderm, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40), u Holcim, iċċitata iktar ’il fuq (punt 50).


46 – Artikolu 18(1), fl‑aħħar tar‑regolament.


47 – Artikolu 18(3) tar‑Regolament.


48 – Punti 145 u 146 tas‑sentenza appellata.


49 – F’dan is‑sens titkellem ukoll id‑duttrina; ara, pereżempju, K. Lenaerts, D. Arts, I. Maselis, Procedural Law of the European Union it‑Tieni Edizzjoni, Sweet & Maxwell, Londra, 2006, p. 395; u H. G. Schremers, D. F. Waelbroeck, Judicial Protection in the European Union, is‑Sitt Edizzjoni, Kluwer Law International, Den Haag/Londra/New York, 2001, p. 552. Fil‑ġurisprudenza huwa ammess biss li, fil‑każijiet fejn istituzzjoni jkollha marġni ta’ diskrezzjoni mnaqqas, jekk mhux ineżistenti wkoll, is‑sempliċi ksur tad‑dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed biex jipprova l‑eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju; ara, għal kollha, is‑sentenza CEVA u Pfizer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 65).


50 – Minkejja n‑natura tagħha ta’ att preparatorju, il‑ġurisprudenza tirrikonoxxi li l‑komunikazzjoni tal‑ilmenti għandha l‑funzjoni li tillimita l‑oġġett tal‑proċediment amministrattiv mibdi mill‑Kummissjoni, biex b’hekk dik l‑istituzzjoni ma tkunx tista’ tifformula oġġezzjonijiet ġodda fid‑deċiżjoni li tagħlaq il‑proċediment (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, li għadha ma ġietx ipubblikata fil‑Ġabra, punt 63); ara wkoll id‑digriet tat‑18 ta’ Ġunju 1986, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il‑Kummissjoni (kawżi magħquda 142/84 u 156/84, Ġabra p. 1899, punti 13 u 14).


51 – Punt 86 moqri flimkien mal‑punt 260 tas‑sentenza appellata.


52 – Punt 286 tas‑sentenza appellata.


53 – L‑ewwel u t‑tieni partijiet, kif ukoll l‑ewwel argument tat‑tielet parti tat‑tielet aggravju tal‑appell.


54 – L‑argumenti l‑oħrajn tat‑tielet aggravju u l‑ħames aggravju sħiħ.


55 – Ir‑raba’ aggravju tal‑appell.


56 – Punt 114 fl‑aħħar tad‑deċiżjoni tas‑separazzjoni.


57 – Fil‑punti 311 sa 316 tas‑sentenza appellata.


58 – Punt 311 tas‑sentenza appellata.


59 – Punt 312 tas‑sentenza appellata.


60 – L‑ewwel punt tad‑dispożittiv tas‑sentenza appellata.


61 – A. G. Toth, “The concepts of damage and causality as elements of non‑contractual liability”, f’T. Heukels/A. McDonnell (Edituri), The Action for Damages in Community Law, Ed. Kluwer Law International, Den Haag, Londra, Boston, 1997, p. 192.


62 – Sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1987, GAEC de la Ségaude vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (253/84, Ġabra p. 123, punt 10).


63 – Punt 99 tal‑kontroreplika.


64 – Fir‑rigward tal‑proċeduri ġudizzjarji bejn Schneider u Legrand fil‑qrati nazzjonali nirreferi għall‑punti 27, 67 u 219 et seq tas‑sentenza appellata.


65 – Punt 100 tal‑kontroreplika.


66 – Ara s‑sentenza tal‑25 ta’ Mejju 1976, Roquette vs Il‑Kummissjoni (26/74, Ġabra p. 677, punt 23) u l‑konklużjonijiet relattivi tal‑Avukat Ġenerali Trabucchi (Ġabra p. 694).


67 – Fir‑rigward tar‑responsabbiltà fuq l‑għajnuna mogħtija mill‑Istat, ara s‑sentenzi tal‑25 ta’ Mejju 1978 [kawżi magħquda 83/76, 94/76, 4/77, 15/77 u 40/77] HNL et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (Ġabra p. 1209, punt 6) u tad‑19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (kawżi magħquda C‑104/89 u C‑37/90, Ġabra p. I‑3061, punt 13). Ara wkoll, C. Koenig, “Haftung der Europäischen Gemeinschaft gem. Art. 288 II EG wegen rechtswidriger Kommissionsentscheidungen in Beihilfensachen”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, nru 7/2005, p. 205.


68 – Ablasesr‑Neuhuber, “Artikel 7. Aufschub des Vollzugs von Zusammenschlüssen”, en Loewenheim/Meessen/Riesenkampff, Kartellrecht – Band 1 Europäisches Recht – Kommentar, Ed. C. H. Beck Verlag, Munich, 2005, p. 1192.


69 – U. Immenga, T. Körber, “Fusionskontrllverordnung – Artikel 8. Entscheidungsbefugnisse der Kommission”, en Immenga/Mestmäcker, Wettbewerbsrecht – EG/Teil 2 – Kommentar zum Europäischen Kartellrecht, ir‑Raba’ Edizzjoni, Ed. C. H. Beck, Munich, 2007, p. 673.


70 – Fir‑rigward tar‑riskji inerenti fl‑attivitajiet ekonomiċi, ara s‑sentenza reċenti tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni (C‑47/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punti 59 u 93).


71 – F’dan ir‑rigward, il‑Kummissjoni tiċċita s‑sentenza tad‑19 ta’ Settembru 1985, Murri Frères vs Il‑Kummissjoni (33/82, Ġabra p. 2759, punti 37 u 38), u in extenso diversi punti tas‑sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tad‑19 ta’ Luilju 2007, FG Marine vs Il‑Kummissjoni (T‑360/04, Ġabra p. II‑92, punti 51 sa 56 u 75 sa 77).


72 – Sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni (kawżi magħquda C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 178), u tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill (C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 66).


73 – Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il‑Kummissjoni (145/83, Ġabra p. 3539, punti 53 sa 55), u tas‑27 ta’ Marzu 1990, Grifoni vs CEEA (C‑308/07, Ġabra p. I‑1203, punti 16 u 17).


74 – Pereżempju, fis‑sentenzi tal‑4 ta’ Frar 1975, Compagnie Continentale France vs Il‑Kunsill (169/73, Ġabra p. 117, punti 22 sa 32); tal‑1 ta’ Lulju 1976, Sergy vs Il‑Kummissjoni (58/75, Ġabra p.1139, punti 46 u 47); tat‑8 ta’ Ġunju 1977, Merkur vs Il‑Kummissjoni (97/76, Ġabra p. 1063, punt 9), tad‑19 ta’ Mejju 1992, Mulder et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 33).


75 – Sentenzi tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tat‑28 ta’ Jannar 1999, BAI vs Il‑Kummissjoni (T‑230/95, Ġabra p. II‑123, punt 36) u tad‑19 ta’ Lulju 2007, FG marine vs Il‑Kummissjoni (T‑360/04, Ġabra p. II‑92, punt 74).


76 – Punti 50 sa 52 tas‑sentenza appellata.


77 – Referenza għall‑punti 146 et seq ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


78 – Hija tillimita ruħha normalment sabiex tgħid biss, b’mod pjuttost lakoniku, dak li jiġri fil‑każ konkret. Sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Kunsill vs Chvatal et (kawżi magħquda C‑432/98 P u C‑433/98 P, Ġabra p. I‑8535, punt 37); tad‑9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill (C‑76/00, Ġabra p. I‑79, punt 93), u tat‑18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni (C‑326/05 P, Ġabra p. I‑6557, punt 71).


79 – J. Héron, Droit judiciaire privé, Ed. Montchrétien, Pariġi, 1991, p. 517; J. Vincent, u S. Guinchard, Procédure civile, Ed. Dalloz, Pariġi, 1994, p. 922.


80 – J. Nieva Fenoll, El recurso de casación ante el Tribunal de Justicia de las Comunidades Europeas, Ed. Bosch, Barċellona, 1998, p. 430.


81 – Sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 1979, Ireks‑Arkady vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (238/78, Ġabra p. 2955); tas‑7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq; tas‑26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il‑Kummissjoni (C‑152/88, Ġabra p. I‑2477), u tad‑19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.