Language of document : ECLI:EU:C:2013:720

Kawżi magħquda C‑199/12 sa C‑201/12

Minister voor Immigratie en Asiel
vs

X
u
Y

u

Z
vs
Minister voor Immigratie en Asiel

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Direttiva 2004/83/KE — Livelli stabbiliti minimi dwar il-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja — Artikolu 10(1)(d) — Sħubija fi grupp soċjali partikolari — Orjentazzjoni sesswali — Raġuni għall-persekuzzjoni — Artikolu 9(1) — Kunċett ta’ ‘atti ta’ ta’ persekuzzjoni’ — Biża’ fondat li jiġi ppersegwitat minħabba s-sħubija fi grupp soċjali partikolari — Atti suffiċjentement serji sabiex ikunu ta’ bażi għal tali biża’ — Leġiżlazzjoni li tikkriminalizza atti omosesswali — Artikolu 4 — Evalwazzjoni individwali tal-fatti u taċ-ċirkustanzi”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-7 ta’ Novembru 2013

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2004/83 — Kundizzjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat — Riskju ta’ persekuzzjoni — Raġunijiet tal-persekuzzjoni — Kunċett ta’ grupp soċjali partikolari — Persuni li għandhom bħala karatteristika komuni orjentazzjoni sesswali — Inklużjoni — Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikolu 10(1)(d))

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2004/83 — Kundizzjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat — Riskju ta’ persekuzzjoni — Kunċett ta’ att ta’ persekuzzjoni — Piena ta’ priġunerija li tissanzjona atti omosesswali — Sanzjoni sproporzjonata jew diskriminatorja — Inklużjoni — Evalwazzjoni individwali tal-fatti u taċ-ċirkustanzi

(Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikoli 4(3)(a) u 9(1) u (2)(ċ))

3.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2004/83 — Kundizzjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat — Riskju ta’ persekuzzjoni — Atti omosesswali ssanzjonati minn piena ta’ priġunerija — Obbligu għall-applikant għal ażil li jaħbi l-orjentazzjoni sesswali tiegħu — Assenza

(Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikolu 9(1) u 10(1)(d))

1.        L-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2004/83, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni kriminali, li hija intiża speċifikament għall-persuni omosesswali, tippermetti li tikkonstata li dawn il-persuni għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jiffurmaw grupp soċjali partikolari.

L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva, li jiddefinixxi dak li jikkostitwixxi grupp soċjali partikolari, li s-sħubija fih tista’ tagħti lok għal biża’ reali ta’ persekuzzjoni, jirrikjedi, b’mod partikolari, li żewġ kundizzjonijiet kumulattivi huma ssodisfatti. Minn naħa, il-membri tal-grupp għandhom jaqsmu karatteristika intrinsika jew sfond komuni li ma jistax jinbidel, jew jaqsmu wkoll karatteristika jew twemmin li tant huwa fundamentali għall-identità li persuna ma għandhiex tkun obbligata tirrinunzjah. Min-naħa l-oħra, dan il-grupp għandu jkollu l-identità tiegħu proprja fil-pajjiż terz inkwistjoni peress li huwa pperċepit bħala li huwa differenti mis-soċjetà ta’ madwaru.

Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, huwa paċifiku li l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna tikkostitwixxi karatteristika li tant hija fundamentali għall-identità tagħha li ma għandhiex tkun obbligata li tirrinunzja għaliha. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2004/83, li minnha jirriżulta li, skont il-kundizzjonijiet li jipprevalu fil-pajjiż ta’ oriġini, grupp soċjali partikolari jista’ jkun grupp li l-membri tiegħu għandhom bħala karatteristika komuni orjentazzjoni sesswali. It-tieni kundizzjoni timplika li, fil-pajjiż ta’ oriġini kkonċernat, il-grupp li l-membri tiegħu għandhom l-istess orjentazzjoni sesswali għandu l-identità proprja tiegħu peress li huwa pperċepit mis-soċjetà ta’ madwaru bħala li huwa differenti.

(ara l-punti 44-47, 49 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2004/83, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, moqri flimkien mal-Artikolu 9(2)(ċ) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi kriminalizzazzjoni ta’ atti omosesswali ma tikkostitwixxix, bħala tali, att ta’ persekuzzjoni. Għall-kuntrarju, piena ta’ priġunerija li tissanzjona atti omosesswali u li hija effettivament applikata fil-pajjiż ta’ oriġini li jkun adotta tali leġiżlazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala sanzjoni sproporzjonata jew diskriminatorja, u għaldaqstant tikkostitwixxi att ta’ persekuzzjoni.

Meta applikant għal ażil jibbaża ruħu fuq l-eżistenza fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ta’ leġiżlazzjoni li tikkriminalizza atti omosesswali, huma l-awtoritajiet nazzjonali li jagħmlu, fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet tagħhom tal-fatti u taċ-ċirkustanzi skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva, eżami tal-fatti kollha rilevanti rigward dan il-pajjiż ta’ oriġini, inklużi l-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż ta’ oriġini u l-mod kif dawn huma applikati, kif huwa previst fl-Artikolu 4(3)(a) ta’ din id-direttiva. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, huma, b’mod partikolari, l-imsemmija awtoritajiet li għandhom jiddeterminaw jekk, fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, il-piena ta’ priġunerija prevista minn tali leġiżlazzjoni hijiex applikata fil-prattika. Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiddeċiedu jekk hemmx lok li jiġi kkunsidrat li, effettivament, applikant għal ażil għandu biża’ fondat li, ladarba jirritorna lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ikun ippersegwitat.

(ara l-punti 58-61 u d-dispożittiv 2)

3.        L-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2004/83, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, moqri flimkien mal-Artikolu 2(ċ), għandu jiġi interpretat fis-sens li huma biss l-atti omosesswali kriminali taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Meta jevalwaw applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat, l-awtoritajiet ma jistgħux raġonevolment jistennew li, sabiex jevita r-riskju ta’ persekuzzjoni, l-applikant għal ażil jaħbi l-omosesswalità tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew irażżan l-espressjoni tal-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

F’dan ir-rigward, il-fatt li jkun rikjest mill-membri ta’ grupp soċjali li għandhom l-istess orjentazzjoni sesswali li huma jaħbu din l-orjentazzjoni jmur kontra r-rikonoxximent stess ta’ karatteristika li tant hija fundamentali għall-identità li ma għandhiex tiġi rikjesta mill-persuni kkonċernati li jirrinunzjaw għaliha. Minn dan isegwi li l-persuna kkonċernata għandha tingħata l-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva meta jkun stabbilit li, ladarba tirritorna lura f’pajjiżha, l-omosesswalità tagħha se tesponiha għal riskju reali ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva, peress li l-fatt li hija setgħet tevita r-riskju billi trażżan l-espressjoni tal-orjentazzjoni sesswali tagħha iktar minn persuna eterosesswali ma għandux, f’dan ir-rigward, jittieħed inkunsiderazzjoni.

(ara l-punti 70, 75, 76 u d-dispożittiv 3)