Language of document : ECLI:EU:C:2012:95

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fis-16 ta’ Frar 2012 (1)

Kawża C‑100/11 P

Helena Rubinstein SNC

L’Oréal SA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI)

“Appell — Trade mark Komunitarja — Trade mark li għandha reputazzjoni skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 — Kundizzjonijiet għall-protezzjoni — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Regola 38 tar-Regolament Nru 2868/95 — Obbligu li d‑dokumenti insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jiġu prodotti fil-lingwa tal-proċedimenti — Deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI — Stħarriġ ġudizzjarju (Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94) — Obbligu ta’ motivazzjoni (Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94)”






1.        Il-kawża preżenti għandha bħala suġġett l-appell ippreżentat minn Helena Rubinstein SNC u L’Oréal SA (iktar ’il quddiem “Helena Rubinstein” u “L’Oréal” u, flimkien: l-“appellanti”) kontra s-sentenza li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati minn dawn tal-aħħar kontra d-deċiżjonijiet tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) li ddikjaraw l-invalidità tat-trade marks Komunitarji tagħhom BOTOLIST u BOTOCYL.

I –    Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

2.        Il-fatti u l-proċedimenti quddiem l-UASI, kif deskritti fis-sentenza appellata, huma riprodotti fil-qosor hawn taħt.

3.        Fis-6 ta’ Mejju 2002 u fid-9 ta’ Lulju 2002 rispettivament, Helena Rubinstein u L’Oréal, ippreżentaw applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-UASI skont ir‑Regolament Nru 40/94 u emendi suċċessivi (2). Huma talbu r‑reġistrazzjoni tas-sinjali verbali BOTOLIST (Helena Rubinstein) u BOTOCYL (L’Oréal) għal prodotti fil-klassi 3 skont il-Ftehim ta’ Nice (3), fosthom, b’mod partikolari, prodotti kożmetiċi bħal kremijiet, ħalibijiet, lozjonijiet, ġellijiet u terer għall-wiċċ, għall-ġisem u għall-idejn. It-trade marks Komunitarji BOTOLIST u BOTOCYL ġew irreġistrati rispettivament fid-19 ta’ Novembru 2003 u fl-14 ta’ Ottubru 2003. Fit-2 ta’ Frar 2005, Allergan, Inc. (iktar ’il quddiem: “Allergan”) ressqet quddiem l-UASI, għal kull waħda mit-trade marks imsemmija iktar ’il fuq, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq diversi trade marks preċedenti, figurattivi u verbali, Komunitarji u nazzjonali, li għandhom bħala suġġett is-sinjal BOTOX u rreġistrati bejn it-12 ta’ April 1991 u s-7 ta’ Awwissu 2003, b’mod partikolari għal prodotti fil-klassi 5 tal-Ftehim ta’ Nice, fosthom, fir-rigward ta’ dak li huwa importanti hawnhekk, prodotti farmaċewtiċi għat-trattament tat-tikmix. It-talbiet kienu bbażati fuq l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(4) u (5) tal-istess regolament. Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-28 ta’ Marzu 2007 (BOTOLIST) u tal-4 ta’ April 2007 (BOTOCYL), id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI ċaħdet it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Fl-1 ta’ Ġunju 2007, Allergan appellat minn dawn id‑deċiżjonijiet abbażi tal-Artikoli 57-62 tar-Regolament Nru 40/94. Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-28 ta’Mejju 2008 (BOTOLIST) u tal-5 ta’ Ġunju 2008 (BOTOCYL), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l‑appelli ta’ Allergan sa fejn dawn kienu bbażati fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 (iktar ’il quddiem: id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

4.        Helena Rubinstein u L’Oréal ippreżentaw rikorsi għall-annullament tal-imsemmija deċiżjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali. Insostenn tar-rikorsi tagħhom, huma invokaw żewġ motivi bbażati, l‑ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 73 tal-istess regolament. L-UASI ippreżenta risposta fiż-żewġ proċeduri, fejn talab li r-rikorsi jiġu miċħuda u li r-rikorrenti fl-ewwel istanza jiġu kkundannati għall-ispejjeż. Allergan ma kinitx parti fil-proċeduri.

5.        Il-Qorti Ġenerali għaqdet il-kawżi u, permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il-quddiem: is-“sentenza appellata”), ċaħdet iż-żewġ rikorsi u kkundannat lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż (4). Is-sentenza appellata ġiet innotifikata lir-rikorrenti fl-ewwel istanza u lill-UASI, kif ukoll lil Allergan.

II – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

6.        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Marzu 2011, Helena Rubinstein u L’Oréal appellaw mill-imsemmija sentenza. L-appell ġie innotifikat lill-UASI u lil Allergan, li fir-risposti rispettivi tagħhom, talbu li l-istess appell jiġi miċħud u li l‑appellanti jiġu kundannati għall-ispejjeż. Ir-rappreżentanti tal-appellanti u ta’ Allergan kif ukoll l-aġent tal-UASI nstemgħu waqt is‑seduta tal-11 ta’ Jannar 2012.

III – Fuq l-appell

7.        Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 40/94 flimkien mal-Artikolu 8(5) tal-istess regolament. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 115 tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 38(2) tar-Regolament Nru 2868/95. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. Fl-aħħar, ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94.

A –    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) flimkien mal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 40/94

8.        L-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Raġunijiet relattivi ta’ invalidità”, jipprovdi fil-paragrafu 1(a) li “trade mark Komunitarja għandha tiġi dikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju […] meta jkun hemm trade mark preċedenti kif imsemmi fl-Artikolu 8(2) u l-kundizzjonijiet imsemmija […] fil-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu jkunu sodisfatti.” L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Raġunijiet relattivi għal rifjut” jipprovdi fil-paragrafu 5 li, malli ssir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, “it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata t-trade mark preċedenti, meta f'każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti t-trade mark għandha reputazzjoni fil-Komunità u f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni jkun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti”.

9.        Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom l-appellanti jikkontestaw is-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali aċċertat ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti u kkonkludiet li l-użu tat-trade marks tal-appellanti mingħajr raġuni valida jikseb vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti jew jikkawża dannu lill-istess. L-aggravju huwa maqsum f’erba’ lmenti.

1.      Fuq l-ewwel ilment

a)      L-argumenti tal-partijiet u s-sentenza appellata

10.      Fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħhom, l-appellanti jsostnu li l‑Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat l-analiżi tagħha fuq żewġ trade marks preċedenti rreġistrati fir-Renju Unit li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell. Skont l-appellanti, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu biss fuq it-trade mark Komunitarja, verbali u figurattiva Nru 2015832, irreġistrata fit-12 ta’ Frar 2002 (iktar ’il quddiem: it-“trade mark Komunitarja preċedenti” jew it-“trade mark Komunitarja BOTOX”). L-UASI jinterpreta l-ilment bħala invokazzjoni ta’ żnaturament tal-fatti, li madankollu ma jirriżultax mid-dokumenti tal-fajl. Huwa jirrileva wkoll li l-appellanti ma indikawx b’liema mod l‑għażla tat-trade marks preċedenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jista’ jkollha effett fuq is-soluzzjoni tal-kawża. Skont Allergan l-ilment huwa infondat peress li mid-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq id-drittijiet kollha preċedenti invokati insostenn tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

11.      L-ilment jirrigwarda l-punti 38 sa 40 tas-sentenza appellata. B’mod preliminari, fil-punt 38 il-Qorti Ġenerali tirrileva li t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa quddiem l-UASI huma bbażati fuq ħafna trade marks, Komunitarji u nazzjonali, figurattivi u verbali li jinkludu s-sinjal BOTOX, irreġistrati, kważi kollha, qabel ma ġew ippreżentati l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade marks BOTOLIST u BOTOCYL. Hija tippreċiża li dawn it-trade marks flimkien, u mhux biss it-trade mark Komunitarja preċedenti, jikkostitwixxu d-drittijiet preċedenti invokati mill-persuna li qed titlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità. Fil-punt 39 il-Qorti Ġenerali tosserva li l‑Bord tal-Appell kien “impliċitament, iżda neċessarjament” tbiegħed mill-approċċ adottat mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li kienet ibbażat id-deċiżjonijiet tagħha fuq it-trade mark Komunitarja preċedenti biss. Skont il-Qorti Ġenerali, l-approċċ tal-Bord tal-Appell huwa spjegat mill-fatt li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, huwa ma għamel l-ebda riferiment għall-element figurattiv tat-trade mark Komunitarja preċedenti. Fil-punt 40 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li kienet ser tillimita ruħha tikkunsidra, fost id-diversi drittijiet preċedenti invokati, żewġ trade marks irreġistrati fir-Renju Unit (5) u ġġustifikat l-għażla tagħha bil-konstatazzjoni li l-parti l-kbira tal-provi prodotti minn Allergan kienu jirrigwardaw it-territorju tal-imsemmi Stat Membru.

b)      Analiżi

12.      B’mod preliminari, nosserva li d-definizzjoni tad-drittijiet preċedenti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l‑eżistenza, fil-każ preżenti, tal-kundizzjoni tar-reputazzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, ma hijiex mingħajr effett fuq l-eżitu ta’ dan l-eżami. Fil-fatt, it-trade mark Komunitarja BOTOX, li l-appellanti jaffermaw li hija l-uniku dritt preċedenti li ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell, ġiet irreġistrata ftit xhur biss qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade marks BOTOCYL u BOTOLIST (6). Il-prova li l-imsemmija trade mark kienet kisbet reputazzjoni fiż-żmien ta’ tali preżentata b’hekk tirriżulta inqas faċli milli hija għat-trade marks nazzjonali kkunsidrati mill-Qorti Ġenerali (7).

13.      B’kont ta’ dan meħud, nosserva li l-argumenti mressqa mill-appellanti fil-kuntest tal-ilment ineżami huma limitati għal affermazzjonijiet apodittiċi, nieqsa minn kull element li jippermetti li tiġi kkorroborata t-teżi, sostnuta minnhom, li l-Bord tal-Appell, bħad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, ibbaża l-analiżi tiegħu fuq it-trade mark Komunitarja preċedenti biss. Barra minn hekk, din it-teżi tidher li hija kontradetta, jew mill-inqas mhux sostnuta, mit-test tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li fihom il-Bord tal-Appell jirreferi ġenerikament għat-“trade mark BOTOX” biex jindika d-drittijiet kollha invokati minn Allergan. Fl-opinjoni tiegħi, dan jirriżulta b’mod ċar biżżejjed mill-punt 3 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li fih, wara li elenka t-trade marks Komunitarji u nazzjonali invokati minn Allergan, il-Bord tal-Appell jesponi l-argumenti mressqa minn dan tal-aħħar filwaqt li jirreferi għat-“trade mark BOTOX” bħala li tinkludi reġistrazzjonijiet nazzjonali, Komunitarji u internazzjonali (8). Iktar ’il quddiem fid-deċiżjonijiet, il‑Bord tal-Appell kostantament jirreferi għat-“trade mark BOTOX” kemm meta jsemmi l-argumenti ta’ Allergan, kif ukoll meta jkun qed jiżviluppa r-raġonament tiegħu (ara, pereżempju, il-punt 34 tad-deċiżjoni Helena Rubinstein u l-punt 35 tad-deċiżjoni L’Oréal). Barra minn hekk, fil-punt 23 tal-imsemmija deċiżjonijiet il-Bord tal-Appell isostni li “la marque contestée (…) est a comparer avec la marque BOTOX, enregistrée sous différentes versions (verbale, figurative, accompagnée de la legende ‘Botulinum Toxin’)”. Issa, affermazzjoni bħal din tmur kontra dak sostnut mill-appellanti — jiġifieri li l-Bord tal-Appell, bħad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, ħa biss inkunsiderazzjoni t‑trade mark Komunitarja Nru 2015832 — minħabba li din tal-aħħar hija trade mark kemm verbali kif ukoll figurattiva u mhux akkumpanjata minn xi frażi. F’dan il-punt tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell jirreferi b’mod ċar għad-drittijiet kollha invokati minn Allergan u mhux biss għat-trade mark indikata mill-appellanti. Fl-aħħar, kif ġie rrilevat kemm mill-UASI kif ukoll minn Allergan, il-fatt li, fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kkunsidrat l-element figurattiv tat-trade mark Komunitarja, jimmilita kontra t-teżi tal-appellanti.

14.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti nqis li l-ewwel ilment tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq it-tieni lment: ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti

15.      Permezz tat-tieni lment l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi meta kkonkludiet li kienet ġiet prodotta l‑prova tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti. Din il-kritika — li permezz ta’ argumenti konverġenti ħafna l-UASI u Allergan jikkontestaw l-ammissibbiltà jew il-fondatezza tagħha — hija eżaminata separatament iktar ’il quddiem.

a)      Fuq il-pubbliku rilevanti

16.      Fl-ewwel lok, l-appellanti jirrilevaw li, għalkemm huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-pubbliku rilevanti huwa kkostitwit mill-utenti attwali jew potenzjali tat-terapija tal-BOTOX u mill-professjonisti tas-saħħa, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti separatament għal dawn iż-żewġ kategoriji.

17.      Qabelxejn, f’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, abbażi ta’ dak li ġie kkonstatat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 26 tas-sentenza appellata, il-partijiet jaqblu fil-kunsiderazzjoni li l-pubbliku rilevanti, fil-każ preżenti, jikkonsisti mill-pubbliku ġenerali (u għalhekk mhux biss mill-utenti attwali jew potenzjali tat-trattamenti bil-BOTOX kif invokat mill-appellanti) u mill-professjonisti tas-saħħa. B’kont ta’ dan meħud, ma jidhirlix li l-kritika mressqa mill-appellanti tista’ tiġi milqugħa, primarjament minħabba l-kunsiderazzjoni ovvja, aċċettata mill-UASI u minn Allergan, li minħabba li l-kategorija tal-professjonisti tas-saħħa taqa’ taħt il-kategorija iktar ġenerali tal-pubbliku ġenerali, ma deherx li kien hemm bżonn ta’ evalwazzjoni separata tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti għaż-żewġ kategoriji. F’kull każ, bil-kontra ta’ dak li jinvokaw l-appellanti, il-Qorti Ġenerali żammet din id‑distinzjoni, fil-każ fejn, fl-evalwazzjoni tal-provi prodotti minn Allergan insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, hija eżaminat separatament dawk intiżi sabiex jipprovaw ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti mal-pubbliku ġenerali (kopertura fil-medja mill-istampa ġeneralistika) u dawk intiżi sabiex jipprovaw min-naħa l-oħra din ir-reputazzjoni f’oqsma mediċi speċjalizzati (attività promozzjonali permezz ta’ pubblikazzjoni ta’ artikoli f’rivisti speċjalizzati).

b)      Fuq it-territorju rilevanti

18.      Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata, bħad-deċiżjonijiet ikkontestati, ma fiha l-ebda konstatazzjoni dwar it‑territorju li fir-rigward tiegħu ġiet evalwata r-reputazzjoni tat-trade marks BOTOX.

19.      Anki din il-kritika hija infondata fil-fatt. Bil-kontra ta’ dak sostnut mill-appellanti, fil-punti 40 u 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ġew eżaminati fid-dawl tal-perċezzjoni tal-konsumaturi tar-Renju Unit, minħabba li dan huwa t-territorju li fir-rigward tiegħu Allergan kienet ipproduċiet l-ikbar numru ta’ provi.

c)      Fuq il-provi tar-reputazzjoni

20.      Fit-tielet lok, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet numru ta’ żbalji fl-evalwazzjoni tal-provi prodotti sabiex tiġi stabbilita r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti. Qabel ma ngħaddi biex neżamina l-ilmenti individwali, huwa utli li jiġi rrilevat li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat separatament l-imsemmija provi sabiex tirrispondi għad-diversi argumenti li permezz tagħhom l‑appellanti kienu qed jikkontestaw l-ammissibbiltà, ir-rilevanza jew il‑valur probatorju tagħhom. Madankollu, kif sostnew korrettament l‑UASI u Allergan, mill-motivi tas-sentenza appellata, jirriżulta b’mod ċar li l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti huma bbażati fuq evalwazzjoni ta’ dawn il-provi kollha, b’tali mod li, anki kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li xi wħud mill-argumenti mressqa mill-appellanti dwar waħda minn dawn il-provi jew l-oħra huma fondati, dan mhux neċessarjament jinvalida l-imsemmija konklużjonijiet, peress li għad irid jiġi determinat, fl-evalwazzjoni globali mwettqa mill-Qorti Ġenerali, il-piż tal-prova li għandha tiġi skartata. Issa fl-appell ma jsir ebda riferiment għal dan.

21.      B’kont ta’ dan meħud, għad irid jiġi osservat, b’mod preliminari, li parti kbira tal-ilmenti mressqa mill-appellanti huma intiżi, sostanzjalment, sabiex jiksbu eżami ġdid tal-provi, eżami mill-ġdid li, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tagħhom stess, ma jaqax taħt il‑ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ appell (9). Huwa għalhekk li, fl-opinjoni tiegħi, l-argumenti mressqa mill-appellanti sabiex jikkontestaw il-valur probatorju tad-data dwar il‑volum tal-bejgħ fir-Renju Unit tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti (punti 46 u 47 tas-sentenza appellata), minn naħa, u tal‑artikoli ppubblikati f’rivisti xjentifiċi (punti 48 u 49 tas-sentenza appellata) min-naħa l-oħra, huma inammissibbli.

22.      Għal dak li jirrigwarda l-prova eżaminata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 50‑54 tas-sentenza appellata, ikkostitwita minn xi artikoli ippublikati fir-rivisti Newsweek u The International Herald Tribune, l‑appellanti jsostnu li din kellha tiġi kkunsidrata, taħt piena ta’ żnaturament tagħha, flimkien ma’ elementi oħra bħal, b’mod partikolari, l-“isfera ta’ distribuzzjoni” ta’ dawn ir-rivisti. Bl-istess mod, l‑appellanti jinvokaw żnaturament tal-prova fir-rigward ta’ studju tas-suq imwettaq f’Settembru u f’Ottubru 2004 fir-Renju Unit u prodott minn Allergan bħala anness mar-rikorsi quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI. Iktar preċiżament, l-appellanti jikkontestaw ir-rilevanza ta’ dan l-istudju fin-nuqqas ta’ elementi, li kellha tressaq Allergan, dwar il‑possibbiltà tad-data inkluża fih li tipprovdi indikazzjonijiet dwar is‑sitwazzjoni eżistenti fid-data tal-preżentata tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade marks ikkontestati. Fl-aħħar, l-appellanti jinvokaw distorsjoni tal-fatti biex jikkontestaw ir-rilevanza tal-prova ikkostitwita mill-inklużjoni tal-kelma BOTOX f’diversi dizzjunarji ippublikati fir-Renju Unit, eżaminata fil-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata.

23.      Fir-rigward tal-ilmenti kollha esposti fil-paragrafu preċedenti, infakkar li, abbażi ta’ ġurisprudenza kkonsolidata, żnaturament għandu jirriżulta b’mod ċar mid-dokumenti tal-fajl, mingħajr il-bżonn ta’ evalwazzjoni ġdida tal-fatti jew tal-provi (10). Fil-każ preżenti, minflok ma jissodisfaw il-livell strett tal-prova impost sabiex tiġi stabbilita l‑eżistenza ta’ żnaturament tal-provi jew distorsjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, l-argumenti mressqa mill-appellanti fl-att tal-appell huma biss affermazzjonijiet ġeneriċi u mhux issostanzjati, tali li jqajmu dubji dwar l-ammissibbiltà tagħhom stess minħabba li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni li għandu jkun hemm fl-aggravji.

24.      Fl-aħħar, l-appellanti jikkontestaw ir-rilevanza tad-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2005 tal-United Kingdom Intellectual Property Office, mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri mressqa minn Allergan sabiex tikseb l-annullament tar-reġistrazzjoni tat-trade mark BOTOMASK għal xi kożmetiċi fir-Renju Unit. Huma jsostnu li deċiżjoni adottata fi proċeduri differenti, imressqa minn partijiet differenti, ma tistax tikkostitwixxi prova fil-kawża bejnhom u Allergan. Meta bbażat ruħha fuq din id‑deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

25.      Jidhirli li dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, għalkemm skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta bil-kontenut tad-deċiżjonijiet ta’ qrati jew korpi amministrattivi nazzjonali, jibqa’ l-fatt li, fejn tali deċiżjonijiet huma prodotti mill-partijiet, il-konstatazzjonijiet inklużi fihom jistgħu, jekk ikunu rilevanti, jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali, bħala prova li hija libera li tevalwa. F’dan ir-rigward, il-fatt li dawn huma deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest ta’ kawżi li għandhom partijiet u suġġett differenti minn dik pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali hija irrilevanti. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 58 tas-sentenza appellata, nosserva li l-appellanti ma ressqu l-ebda argument intiż sabiex jikkontestaw il-korrettezza tal-konstatazzjonijiet inklużi fid-deċiżjoni tal-United Kingdom Intellectual Property Office inkwistjoni, la quddiem l-UASI, u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kawża preżenti, l-appellanti lanqas ma jikkontestaw il-korrettezza tal-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali tat lill-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni.

d)      Konklużjoni dwar it-tieni lment

26.      Abbażi ta’ dak li għadu kif intqal, nirritjeni li t-tieni lment tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

3.      Fuq it-tielet ilment: l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks preċedenti u t-trade marks tal-appellanti

27.      Permezz tat-tielet ilment tal-ewwel aggravju, l-appellanti jikkontestaw il-konklużjoni inkluża fis-sentenza appellata, li ssostni li l‑pubbliku rilevanti jistabbilixxi rabta bejn it-trade marks preċedenti BOTOX u t-trade marks BOTOLIST u BOTOCYL li l-appellanti huma l-proprjetarji tagħhom. B’mod partikolari, din ir-rabta ma tistax tkun ibbażata fuq l-element komuni “BOT” jew “BOTO”, minħabba li dan huwa element deskrittiv li jirreferi għat-tossina tal-botulinum. Huma jinvokaw id-dritt li jinkludu dan l-element fit-trade mark tagħhom, li huwa ġeneralment użat biex jindika t-tossina inkwistjoni, mingħajr ma jiġu akkużati minħabba dan li jridu jorbtu t-trade marks tagħhom mat-trade marks ta’ Allergan.

28.      Sa fejn huma intiżi sabiex jiksbu deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-karattru allegatament deskrittiv tat-trade mark BOTOX jew tal-komponenti tagħha, l-argumenti mressqa mill-appellanti huma xorta waħda inammissibbli minħabba li jimplikaw evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn naħa l-oħra, l‑argument li l-appellanti għandhom dritt jużaw fit-trade marks tagħhom element komuni għal trade mark differenti meta dan l-element ikollu karattru deskrittiv, iqajjem punt ta’ liġi. Madankollu, dan l-argument huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-element BOT jew l-element BOTO, komuni għat-trade marks tal-appellanti u għat-trade marks preċedenti, għandu effettivament karattru deskrittiv, allegazzjoni li mhux biss ma hijiex ikkonfermata fis-sentenza appellata (11), iżda li ġiet espressament kontradetta fid-deċiżjonijiet ikkontestati (12) u li fir-rigward tagħha, kif għadu kif ġie osservat, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex terġa’ tiddiskutiha.

29.      Abbażi ta’ dak li għadu kif intqal, fl-opinjoni tiegħi anki t-tielet ilment tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

4.      Fuq ir-raba’ lment: id-dannu kkawżat lit-trade marks preċedenti

30.      Fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti fl-aħħar lok jikkontestaw il-motivi esposti fil-punti 87 u 88 tas-sentenza appellata dwar “l-effetti tal-użu” tat-trade marks ikkontestati. Qabel ma nesponi l‑kontenut ta’ din il-kritika, jaqbel li jiġu mfakkra fil-qosor il-prinċipji li fuqhom hija bbażata, fl-istat attwali tal-ġurisprudenza, il-protezzjoni tat-trade marks li għandhom reputazzjoni, b’mod partikolari fil-każ tal-hekk imsemmi “parassitiżmu”, minħabba li dan huwa l-aspett importanti fil-każ preżenti.

31.      Għal dak li jikkonċerna din il-kawża, dawn il-prinċipji ġew stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fi tliet deċiżjonijiet preliminari, suġġett tal-kawżi Intel, L’Oréal u Interflora (13), mogħtija fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(4)(a) u 5(2) tad-Direttiva 89/104, li, kif huwa magħruf, jinkludu dispożizzjonijiet simili għall-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Kif se naraw aħjar iktar ’il quddiem, il-fatti tal-kawża preżenti ma jeħtiġux li wieħed jidħol f’eżami dettaljat ta’ dawn id-deċiżjonijiet u lanqas li wieħed jidħol fil-mertu tal-għażliet li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja, għażliet li ma naqsux milli jqajmu kritika, b’mod partikolari mid-duttrina Ingliża, minħabba li ġew ikkunsidrati bħala eċċessivament favorevoli għall-propejtarji tat-trade marks b’ċerta reputazzjoni (14). Huwa biżżejjed li wieħed ifakkar, fuq pjan ġenerali, li, f’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kundizzjoni speċifika tal-protezzjoni mogħtija mill-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/104 lit-trade marks li għandhom reputazzjoni “hija kkostitwita minn użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark sussegwenti li jieħu jew jista’ jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew jippreġudikahom jew jista’ jippreġudikahom” (15). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dannu li jirriżulta minn dan għat-trade mark preċedenti huwa “l-konsegwenza ta’ ċertu grad ta’ xebh bejn [din tal-aħħar] u [t-trade mark] sussegwenti, li minħabba fih il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn iż-żewġ trade marks, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom, anki jekk ma jħawwadhomx” (16). L-eżistenza ta’ rabta bħal din fil-moħħ tal-pubbliku kkonċernat hija kundizzjoni neċessarja, imma, fiha nnifisha, ma hijiex biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li huma sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-protezzjoni mogħtija lit-trade marks li għandhom reputazzjoni (17). Barra minn hekk, jeħtieġ ukoll li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jipproduċi l-prova li l-użu tas-sinjal jew tat-trade mark preċedenti “[j]ieħu vantaġġ inġust mill-, jew [ikun] ta’ detriment għall-[karattru distintiv] jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti”. F’dan ir‑rigward, huwa ma huwiex marbut jipprova l-eżistenza ta’ ħsara effettiva u attwali iżda pjuttost “l-eżistenza ta’ elementi li jippermettu li jiġi konkluż li hemm probabbiltà serja li ħsara bħal din isseħħ fil-futur” (18). Fejn tiġi prodotta din il-prova huwa l-proprjetarju tas-sinjal jew tat-trade mark sussegwenti li għandu jistabbilixxi li teżisti raġuni valida għall-użu ta’ dan is-sinjal jew ta’ din it-trade mark (19).

32.      Iktar speċifikament, fir-rigward tal-kunċett ta’ “vantaġġ inġust miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark”, (imsejjaħ ukoll “parassitiżmu” jew “free-riding”), fis-sentenza L’Oréal, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan il-kunċett ma huwiex marbut mad-dannu subit mit-trade mark, iżda “mal-vantaġġ miksub minn terzi mill-użu ta’ sinjal identiku jew simili”. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan jinkludi, b’mod partikolari, il-każ fejn minħabba trasferiment tal-immaġni tat-trade mark jew tal-karatteristiċi tagħha lejn prodotti koperti mis-sinjal identiku jew simili, ikun hemm użu manifest minn fuq dahar trade mark magħrufa”. Minn dan jirriżulta li “l-vantaġġ miksub minn terz mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark jista’ jkun indebitu, anki jekk l-użu tas-sinjal identiku jew simili la jkun ta’ ħsara għall-karattru distintiv u lanqas għar-reputazzjoni tat-trade mark jew, b’mod iktar ġenerali, għall-proprjetarju tagħha.” (20). Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad iċċarat, sa mis-sentenza Intel, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu ta’ sinjal jiksibx vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, li jinkludu, b’mod partikolari, l-intensità tar-reputazzjoni u l-livell tal-karattru distintiv tat-trade mark, il-livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti kif ukoll in-natura u l-livell ta’ rabta tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (21). Fir-rigward tal-intensità tar-reputazzjoni u tal-livell ta’ karattru distintiv tat-trade mark, hija ppreċiżat li, iktar ma l-karattru distintiv u r-reputazzjoni ta’ din it‑trade mark ikunu kbar, iktar ikun faċli li tiġi ammessa l-eżistenza ta’ preġudizzju (22) u li, iktar ma tkun immedjata u b’saħħitha l-evokazzjoni tat-trade mark mis-sinjal, iktar huwa kbir ir-riskju li l-użu attwali jew futur tas-sinjal jikseb vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark, jew li jikkawżalhom ħsara (23). Fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni globali, tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-probabbiltà ta’ riskju ta’ dilwizzjoni jew ta’ titbigħ tat-trade mark (24). Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li meta minn tali evalwazzjoni ta’ kollox jirriżulta li “terz jipprova, permezz tal-użu ta’ sinjal simili għal trade mark magħrufa, japprofitta minn fuq dahar tali trade mark sabiex jibbenefika mis-setgħa ta’ attrazzjoni tagħha, mir-reputazzjoni tagħha u mill-prestiġju tagħha, kif ukoll sabiex juża, mingħajr ebda kumpens finanzjarju u mingħajr ma jkollu juża r-riżorsi tiegħu stess għal dan il-għan, l-isforz kummerċjali li wettaq il‑proprjetarju tat-trade mark sabiex joħloq u jżomm l-immaġni ta’ din it-trade mark, il-vantaġġ miksub minn dan l-użu għandu jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark” (25). Fis-sentenza Interflora, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-prinċipji msemmija iktar ’il fuq (26). B’mod partikolari hija sostniet li meta ma jkunx hemm “raġuni valida” skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 89/104, il-vantaġġ li għandu kif ġie deskritt għandu jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ inġust (27). Fir-rigward tal-kawża rrinvijata lilha mill-qorti tar-rinviju, li għandha bħala suġġett riklam aċċessibbli fuq l-internet abbażi ta’ kelma prinċipali li tikkorrispondi għal trade mark li għandha reputazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li meta riklam jipproponi, mingħajr ma joffri sempliċi imitazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark (28), mingħajr ma joħloq dilwizzjoni jew titbigħ u barra minn hekk mingħajr ma jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark imsemmija, alternattiva fil-konfront tal-prodotti jew tas-servizzi tal-proprjetarju tat-trade mark, dan jikkostitwixxi użu tagħha li jifforma parti, bħala prinċipju, minn kompetizzjoni b’saħħitha u leali fis-settur tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni u b’hekk hemm lok għal “raġuni valida” skont l-imsemmija dispożizzjonijiet (29).

33.      Fil-punti tas-sentenza appellata li qed jiġu kkritikati fil-kuntest tal-appell ineżami, il-Qorti Ġenerali, wara li ddefiniet bħala “konċiża” il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar l-eżistenza ta’ dannu skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 (punt 87), irrilevat li din il-kwistjoni “kienet is-suġġett ta’ żviluppi importanti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u quddiem il-Qorti Ġenerali”. Hija mbagħad ippreċiżat li Allergan “indikat li t-trade mark BOTOLIST, bħat-trade mark BOTOCYL, irreġistrati flimkien mill-grupp L’Oréal, għandhom l-intenzjoni konkreta li jiksbu vantaġġ mill-karattru distintiv u mir-reputazzjoni ta’ BOTOX fil-qasam tat-trattament tat-tikmix, bl-effett li jiġi mnaqqas il-valur ta’ din it-trade mark”. Skont il-Qorti Ġenerali, “dawn ir-riskji huma serji biżżejjed u mhux ipotetiċi biex jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94”. Waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali mbagħad fakkret li l‑appellanti għarfu li għalkemm il-prodotti tagħhom ma kienx fihom it‑tossina tal-botulinum, huma xorta waħda kellhom l-intenzjoni li jiksbu vantaġġ mill-immaġni assoċjata ma’ dan il-prodott, inkluża fit-trade mark BOTOX, trade mark unika f’dan ir-rigward (30) (punt 88).

34.      Il-punt 80 tas-sentenza appellata jikkompleta l-motivazzjoni spjegata fil-punti 87 u 88. B’mod preliminari, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-appellanti ma ressqu l-ebda element sabiex juru li kien hemm “raġuni valida” għall-użu tat-trade marks BOTOCYL u BOTOLIST u li, minħabba li dan huwa eċċezzjoni, kienu l-appellanti li kellhom jindikaw il-kontenut tiegħu. Minn issa nosserva li l-appellanti ma ressqu l-ebda kritika la kontra l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ invokazzjoni ta’ “raġuni valida” u lanqas kontra l-affermazzjoni, barra minn hekk ikkonfermata mill-ġurisprudenza (31), li kienu l-appellanti li kellhom jipproduċu tali prova (32). Bħala konsegwenza, il-kwistjoni jekk teżistix raġuni valida għall-użu tat-trade marks tal-appellanti tmur lil hinn mis-suġġett tal-proċeduri preżenti (33).

35.      Il-kritika magħmula mill-appellanti fil-kuntest tal-ilmenti ineżami tikkostitwixxi s-suġġett ta’ spjegazzjoni estremament qasira fl-appell. Sostanzjalment huma sempliċement jallegaw nuqqas ta’ provi dwar l-intenzjoni pretiża tagħhom li jiksbu vantaġġ mill-karattru distintiv u mir-reputazzjoni tat-trade mark BOTOX. Huma jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin l-affermazzjonijiet tad-difensuri tagħhom matul is-seduta u li, għalkemm it-trade marks tagħhom setgħu eventwalment jirreferu għat-tossina tal-botulinum, huma ma kellhomx l-intenzjoni li jiġu assoċjati mat-trade mark BOTOX, u lanqas setgħu jisperaw f’assoċjazzjoni bħal din, minħabba li din hija trade mark irreġistrata għal prodotti farmaċewtiċi disponibbli biss b’riċetta tat-tabib.

36.      Mill-motivi kollha tas-sentenza appellata jidher li l-eżistenza ta’ intenzjoni parassitika tirriżulta minn serje ta’ konstatazzjonijiet li jirrigwardaw, min-naħa, l-għażla tal-appellanti li jużaw fit-trade marks tagħhom prefiss li jirriproduċi kważi t-trade mark preċedenti kollha — għażla li, skont il-Qorti Ġenerali u, preċedentement il-Bord tal-Appell (34), ma tistax tiġi ġġustifikata bl-intenzjoni li jsir riferiment għat-tossina tal-botulinum li, barra minn hekk, ma tidħolx fil-kompożizzjoni tal-prodotti koperti mit-trade marks ikkontestati (35) — u min-naħa l-oħra, il-karatteristiċi tat-trade mark preċedenti, jiġifieri il-karattru distintiv kbir tagħha, dovut anki minħabba l-uniċità tagħha u r-reputazzjoni estiża tagħha. Bil-kontra ta’ dak li sostnew l-appellanti, il-Qorti Ġenerali b’hekk wettqet b’mod konkret, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq, evalwazzjoni kumplessiva tal-elementi rilevanti tal-każ preżenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-appellanti li l-aċċertament tal-eżistenza ta’ intenzjoni parassitika ma huwa sostnut minn ebda prova huwa infondat. Minħabba n-natura fattwali tagħhom (36), il-konstatazzjonijiet li fuqhom huwa bbażat dan l‑aċċertament, ma jistgħux jiġu mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja.

37.      Filwaqt li jirreferu biss għad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell, l‑appellanti jikkontestaw ir-rilevanza tar-riferiment għall-“ispeċifiċità” u għall-“uniċità” tat-trade mark BOTOX, li, fl-opinjoni tagħhom, jikkostitwixxu elementi rilevanti fil-każ ta’ dilwizzjoni tat-trade mark u mhux f’dak ta’ parassitiżmu. Jekk il-kritika għandha tiġi kkunsidrata bħala estiża għas-sentenza appellata, li fiha l-Qorti Ġenerali tirreferi wkoll għal dawn l-elementi u għar-riskju ta’ “telf ta’ valur tat-trade mark” (punt 88), hemm lok li din tiġi miċħuda. Bħalma deher iktar ’il fuq, fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha mod tippreċiża li r-riskju ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark, għalkemm ma huwiex kundizzjoni neċessarja biex ikun hemm parassitiżmu, jikkostitwixxi, fejn dan ikun preżenti, element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-aċċertament tal-eżistenza ta’ vantaġġ inġust.

38.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti nqis li anki r-raba’ lment tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

5.      Konklużjoni dwar l-ewwel aggravju

39.      Fl-opinjoni tiegħi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

B –    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 115 tar-Regolament Nru 40/94 flimkien mar-Regola 38(2) tar-Regolament Nru 2868/95 (37)

1.      Riferimenti leġiżlattivi, l-argumenti tal-partijiet u s-sentenza appellata

40.      Skont l-Artikolu 115(5) tar-Regolament 40/94, in-notifika ta’ oppożizzjoni u t-talba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandhom jiġu ppreżentati f’waħda mil-lingwi tal-UASI.

41.      Ir-Regola 38(2) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li jekk il‑provi prodotti insostenn tat-talba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma jiġux redatti fil-lingwa tal-proċedimenti, il-persuna li tressaq tali talba għandha tipprovdi t-traduzzjoni ta’ dawk il-provi f’dik il-lingwa fi żmien xahrejn wara li dawn il-provi jkunu ġew prodotti. Id‑dispożizzjonijiet li jikkonċernaw dawn il-proċedimenti ma jippreċiżawx il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ir-Regola 19(4) tar-Regolament Nru 2868/95, kif emendata bir-Regolament Nru 1041/2005 (38) tipprovdi li “l-Uffiċċju ma jiħux in konsiderazzjoni sottomissjonijiet miktuba jew dokumenti, jew partijiet minnhom, li ma ġewx sottomessi, jew li ma ġewx tradotti bil-lingwa tal proċedimenti, fil-perjodu taż-żmien stipulat mill-Uffiċċju.”

42.      L-appellanti jsostnu li, meta kkonfermat l-ammissibbiltà bħala provi ta’ xi artikoli ppublikati bl-Ingliż f’rivisti speċjalizzati u ġeneralistiċi u mhux tradotti bil-Franċiż, il-lingwa tal-proċedimenti, u meta bbażat ruħha fuq dawn id-dokumenti, il-Qorti Ġenerali kisret l‑Artikolu 115 tar-Regolament Nru 40/94 u r-Regola 38 tar-Regolament Nru 2868/95. L-UASI jirreplika li, bil-kontra ta’ dak li huwa previst fir-Regola 19 tar-Regolament Nru 2868/95, fil-każ ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ir-Regola 38(2) tal-istess regolament ma tipprevedi l-ebda sanzjoni fil-każ fejn il-persuna li qed titlob ir-revoka jew id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ma tippreżentax it-traduzzjoni fil-lingwa tal-proċedimenti tad-dokumenti prodotti bħala prova. Skont l-UASI, għaldaqstant dawn id-dokumenti huma ammissibbli, sakemm ma jkunx hemm talba, ex officio jew fuq talba ta’ parti kkonċernata, għat-traduzzjoni fi żmien stabbilit u din it-talba ma titressaqx jew ma titressaqx fit-terminu stabbilit. L-UASI, sostnut minn Allergan fuq dan il-punt, isostni wkoll li n-nuqqas tat-traduzzjonijiet inkwistjoni bl-ebda mod ma ostakola l-eżerċizzju mill-appellanti tad-drittijiet tad-difiża tagħhom la matul il-proċedura amministrattiva u lanqas quddiem il‑Qorti Ġenerali.

43.      Fil-punt 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirrileva li “l‑eżistenza nnifisha” tal-artikoli inkwistjoni “tikkostitwixxi element rilevanti sabiex tiġi stabbilita r-reputazzjoni ta’ prodotti kkumerċjalizzati bit-trade mark BOTOX mal-pubbliku ġenerali, indipendentement mill-kontenut pożittiv jew negattiv ta’ dawn l‑artikoli”. Hija tkompli billi ssostni li “il-valur probatorju ta’ dawn id‑dokumenti ma jistax jiddependi bħala tali mit-traduzzjoni tagħhom fil-lingwa tal-proċedimenti […]” u li “tali traduzzjoni […] ma tistax tintuża bħal kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ dokument prodott bħala prova.”

2.      Analiżi

44.      It-teżi tal-UASI — li madankollu ma tidħolx fil-linja ta’ raġonament tal-Qorti Ġenerali, li ma tiddeċidix dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ preżentata ta’ traduzzjoni skont ir-Regola 38 tar-Regolament Nru 2868/95, imma sostanzjalment sempliċiment issostni li, fil-każ preżenti, ma kienx hemm bżonn ta’ traduzzjoni — ma tikkonvinċinix. Huwa jargumenta favur interpretazzjoni ta’ din ir-regola argumentata a contrario tar-Regola 19 tal-istess regolament, kif emendata bir-Regolament Nru 1041/2005. Issa, jeħtieġ li wieħed ifakkar li dan l-aħħar regolament emenda wkoll ir-Regola 98 tar-Regolament Nru 2868/95, intitolat “Traduzzjonijiet”. Abbażi ta’ dan it-test ġdid ta’ din ir-regola, ħlief għal dispożizzjonijiet kuntrarji tar-Regolament Nru 40/94 jew tar-Regolament Nru 2868/95, “dokument li għalih traduzzjoni għandha tiġi ffajljata għandu jiġi meqjus li ma wasalx fl-Uffiċċju, fejn it-traduzzjoni tasal l-Uffiċċju wara li jiskadi l-perjodu relevanti għas-sottomissjoni tad-dokument oriġinali jew tat-traduzzjoni.” Għaldaqstant, anki kieku wieħed kellu jissupponi li l‑verżjoni emendata tar-Regolament Nru 2868/95 hija applikabbli għall-fatti tal-kawża, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex possibbli li, min-nuqqas fir-Regola 38 ta’ sanzjoni espressa fil-każ ta’ nuqqas ta’ preżentata tat-traduzzjoni ta’ dokument u mid-dixxiplina differenti prevista mir-Regola 19 għall-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, wieħed jiddeduċi li dan id-dokument huwa xorta waħda ammissibbli, sakemm l-UASI ma jkunx ipprovda mod ieħor. Fil-fatt din l-interpretazzjoni tmur kontra l‑imsemmija Regola 98, prevista bħala regola ta’ konklużjoni għall-każijiet ta’ preżentata tardiva ta’ traduzzjoni u applikabbli, a fortiori, fil-każ ta’ nuqqas ta’ preżentata tal-istess. Barra minn hekk jeħtieġ li wieħed ifakkar li, qabel l-emenda permezz tar-Regolament Nru 1041/2005, ir-Regola 19 kienet redatta fi kliem sostanzjalment identiku għar-Regola 38 u kienet interpretata mill-Qorti Ġenerali fis-sens li n-nuqqas ta’ preżentata ta’ traduzzjoni fil-lingwa tal-proċedimenti kienet timplika l-inammissibbiltà tad-dokument (39).

45.      Madankollu, lanqas ir-raġonament segwit fis-sentenza appellata ma jidhirli kondiviżibbli fis-sħiħ, għall-inqas meta dan jiġi applikat għall-fatti tal-każ preżenti. Fil-fatt, mingħajr ma wieħed jeskludi b’mod radikali l-ammissibbiltà ta’ provi dokumentali b’elementi verbali li ma jeħtiġux traduzzjoni jew traduzzjoni integrali, meta l-valur probatorju tagħhom ma jiddependix attwalment mill-kontenut ta’ dawn l-elementi jew dawn tal-aħħar jinftiehmu mill-ewwel, ma jidhirlix madankollu li dan huwa l-każ fil-każ ta’ artikoli ta’ gazzetta, intiżi biex juru t-tixrid ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi terapewtiċi ta’ prodott farmaċewtiku kif ukoll l-eżistenza ta’ għarfien imxerred ta’ din l-informazzjoni ma’ pubbliku speċjaliżżat u/jew mal-pubbliku ġenerali diġà f’data preċedenti għal dik tal-pubblikazzjoni tal-istess (ara punti 51 u 52 tas-sentenza appellata).

46.      Għalhekk anki kieku kellu jiġi ammess, abbażi tal-motivi li għadhom kif issemmew, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonfermat l-ammissibbiltà bħala provi tal-artikoli inkwistjoni, tali żball, sa fejn jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-provi (40), ma jistax jiġi kkontestat fil-kuntest tal-proċeduri preżenti. F’kull każ, anki jekk dan l‑iżball seta’ jiġi kkwalifikat bħala “ta’ liġi”, dan ma huwiex fih innifsu biżżejjed biex jiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata. Fil-fatt, ir-regola li l-provi insostenn tat-talbiet tal-opponenti jew tal-persuna li qed titlob ir-revoka jew id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark għandhom jiġu prodotti fil-lingwa tal-proċedimenti jew jiġu akkumpanjati minn traduzzjoni f’din il-lingwa hija ġġustifikata bil-ħtieġa li jiġi osservat il-prinċipju ta’ kontradittorju kif ukoll il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-proċedimenti inter partes (41). Issa, fil-każ preżenti, l-irregolarità mwettqa mill-Bord tal-Appell, u li ma ġietx irrilevata mill-Qorti Ġenerali, ma impedixxietx lill-appellanti milli jiddefendu ruħhom b’mod utli quddiem iż-żewġ istanzi. Fuq ammissjoni tagħhom stess, fil-fatt, huma fehmu l-kontenut tal-artikoli inkwistjoni. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, huma fehmu fis-sħiħ is-sinjifikat probatorju mogħti lill-imsemmija artikoli mill-Bord tal-Appell qabel, u wara mill-Qorti Ġenerali.

47.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

C –    Fuq it-tielet aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94

48.      Permezz tat-tielet aggravju l-appellanti sostanzjalment jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Bord tal-Appell, bi ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, li jiddefinixxi l-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-deċiżjonijiet tal-UASI.

49.      Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet ruħha mal-Bord tal-Appell meta kkunsidrat ir-reġistrazzjonijiet Brittanniċi tat-trade mark BOTOX bħala drittijiet preċedenti rilevanti. Dan l-ilment għandu jiġi miċħud minħabba li huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li, differentement mill-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Appell ibbaża l-analiżi tiegħu biss fuq waħda mit-trade marks Komunitarji ta’ Allergan (42).

50.      Fuq livell ġenerali, l-appellanti mbagħad jilmentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni awtonoma tal-provi li ssostitwixxiet l‑evalwazzjoni lakunarja tal-Bord tal-Appell. Fil-fehma tiegħi anki dan l-ilment għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, għalkemm il-motivi tas-sentenza appellata juru analiżi tal-provi prodotti minn Allergan quddiem l-istanzi tal-UASI iktar dettaljata minn dik li tirriżulta mill-motivi tad-deċiżjonijiet appellati, dan huwa dovut għall-fatt li, fl-ewwel istanza, l‑appellanti kkontestaw l-ammissibbiltà u/jew il-valur probatorju ta’ kull waħda minn dawn il-provi. Il-konklużjonijiet li tasal għalihom il-Qorti Ġenerali fit-tmiem ta’ din l-analiżi, jiġifieri li d-dokumenti analizzati juru kopertura vasta tal-medja fir-rigward tal-prodotti BOTOX, ma humiex differenti minn dawk tal-Bord tal-Appell. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, l-appellanti ma pprovawx il-fondatezza tal-affermazzjonijiet tagħhom.

51.      Fl-aħħar, b’mod iktar speċifiku, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq ċerti dokumenti — id-dikjarazzjoni ta’ direttur ta’ Allergan u studju tas-suq imettaq fl-2004 — ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell, li, skont l-appellanti, ma ttiħdux inkunsiderazzjoni minn dan tal-aħħar minħabba n-natura tardiva tagħhom. Il-Qorti Ġenerali eċċediet l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha meta kkonkludiet li l-Bord tal-Appell “impliċitament iżda neċessarjament” kien ikkunsidra dawn il-provi bħala ammissibbli.

52.      F’dan ir-rigward nosserva li, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, wara li fakkret li, skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, l‑UASI għandu marġini ta’ diskrezzjoni wiesa’ fid-deċiżjoni dwar l‑ammissibbiltà ta’ provi li ma ġewx prodotti fiż-żmien preskritt, il‑Qorti Ġenerali spjegat li, minħabba li l-Bord tal-Appell ma ddikjarax il-provi kkostitwiti mid-dokumenti msemmija iktar ’il fuq espressament inammissibbli, huwa neċessarjament, anki jekk impliċitament, ikkunsidra li kienu ammissibbli. B’hekk il-konklużjoni kkontestata mill-appellanti tirriżulta mill-applikazzjoni għall-każ konkret tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 milqugħa mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Issa, mill-argumenti tal-appellanti wieħed ma jistax jifhem b’liema mod il-Qorti Ġenerali setgħet eċċediet il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju fuq id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI previst mill-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, sempliċement billi interpretat u applikat il-liġi b’dan il-mod. Għalhekk l-ilment tal-appellanti għandu jiġi miċħud.

53.      Bil-kontra, dak li jqajjem dubji huwa l-korrettezza tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 74(2) li l-Qorti Ġenerali tasal għaliha fis-sentenza appellata. Fil-fatt, din tal-aħħar tidher li qed taqra din id‑dispożizzjoni fis-sens li hija timponi lill-istanzi tal-UASI jiddikjaraw espressament biss l-inammissibbiltà ta’ prova mhux prodotta fiż-żmien preskritt u mhux l-ammissibbiltà tagħha wkoll. Issa, interpretazzjoni bħal din tmur kontra dik adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja u li mingħajr dubju ta’ xejn tirrispetta iktar l-interessi differenti inkwistjoni fil-proċedimenti inter partes quddiem l-UASI. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Kaul, mogħtija mill-Awla Manja, indikat b’mod ċar li l-UASI għandu jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu kemm fil-każ li jiddeċiedi li ma jqisx tali prova kif ukoll fil-każ fejn, bil-kontra, jiddeċiedi li jqisha (43). Madankollu, minħabba li fl-appell tagħhom, l-appellanti ma invokawx ksur, għar-raġunijiet esposti, tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, l-iżball ta’ interpretazzjoni mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma jistax jiġi kkontestat fil-kuntest tal-proċeduri preżenti.

54.      Abbażi ta’ dan li ntqal, fl-opinjoni tiegħi, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

D –    Fuq ir-raba’ aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94

55.      Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti jallegaw ksur tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 li jipprovdi li d-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom jiġu mmotivati. Huma jsostnu li il-Qorti Ġenerali żbaljatament naqset milli tikkundanna n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati fuq żewġ punti: il-konstatazzjoni tar-reputazzjoni tat-trade marks BOTOX u dik tal-eżistenza ta’ dannu għal dawn it-trade marks minħabba l-effett tal-użu tat-trade marks tal-appellanti.

56.      Il-portata tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 tista’ tiġi ddefinita b’riferiment għall-ġurisprudenza dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. L-istess japplika għall-prinċipji applikabbli għall-verifika tal-osservanza ta’ dan l‑obbligu. B’hekk, il-motivazzjoni mitluba minn din id-dispożizzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivokabbli r-raġunament tal-awtur tal-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq l-istanzi tal-UASI għandu l-għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati jsiru jafu dwar il-ġustifikazzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet l-miżura sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u min-naħa l-oħra, lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni.

57.      Fil-punt 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ssostni lill-motivi tad-deċiżjonijiet ikkontestati jippermettu li wieħed jifhem ir‑raġunijiet li għalihom, skont il-Bord tal-Appell, it-trade mark BOTOX għandha reputazzjoni. Fl-opinjoni tiegħi, l-argumenti tal-appellanti ma jippermettux li din l-affermazzjoni tiġi invalidata. Fil-fatt mill-imsemmija deċiżjonijiet jirriżulta li l-Bord tal-Appell irritjena li t‑trade mark BOTOX kellha reputazzjoni fl-Istati Membri kollha, li din ir-reputazzjoni kienet konsegwenza mhux biss tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti BOTOX iżda anki tar-riklami indiretti ta’ dawn il-prodotti li saru permezz tal-medja, u fl-aħħar, li dawn ir-riklami kienu mezz biex il-pubbliku ġenerali jsir familjari mat-tossina tal-botulinum u mal-użu tagħha għat-trattament tat-tikmix (punt 35 tad-deċiżjoni L’Oréal u punt 34 tad-deċiżjoni Helena Rubinstein). Din il-motivazzjoni tippermetti r-rikostruzzjoni tal-linja loġika tal-Bord tal-Appell u l‑identifikazzjoni tar-raġunijiet li wassluh biex jikkonstata r‑reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Bil-kontra ta’ dak li sostnew l‑appellanti, il-Bord tal-Appell ma kienx marbut jagħti rendikont tal-eżami ta’ kull prova prodotta minn Allergan, b’mod partikolari peress li mill-motivi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-parti l-kbira ta’ dawn il-provi kienu jikkontribwixxu, flimkien, biex jattestaw l-istess fatt, jiġifieri l-korpertura fil-medja tal-prodotti BOTOX.

58.      Fil-punt 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ssostni li, minkejja li l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet appellati fuq l-effetti tal-użu tat-trade marks tal-appellanti kienet “konċiża”, din xorta waħda ppermettiet lill-appellanti jkollhom l-informazzjoni meħtieġa biex jikkonstestaw il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell fuq il-punt. F’dan ir-rigward, l-appellanti josservaw biss li dik li l-Qorti Ġenerali sejħet motivazzjoni hija biss żewġ sentenzi u jsostnu, b’mod apodittiku, li din ma tikkostitwixxix “motivazzjoni fis-sens legali”. Bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-appellanti, il-punti 42 u 43 tad-deċiżjoni Helena Rubinstein u l-punti 44 u 45 tad-deċiżjoni L’Oréal jippermettu li wieħed jifhem ir‑raġunijiet li wasslu lill-Bord tal-Appell biex, min-naħa jikkonkludi favur in-nuqqas ta’ raġuni valida għall-użu tat-trade marks tal-appellanti u, min-naħa l-oħra, biex iqis li dawn tal-aħħar kienu qed jiksbu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv tat-trade mark BOTOX.

59.      Abbażi ta’ dan li ntqal, inqis li anki r-raba’ u l-aħħar aggravju għandu jiġi miċħud.

IV – Konklużjonijiet

60.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.


1 —      Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2—      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146). Mit-13 ta’ April 2009, ir-Regolament Nru 40/94 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).


3 —      Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957.


4 —      Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Rubinstein vs UASI — Allergan (BOTOLIST) (T‑345/08 u T‑357/08, Ġabra p. II‑279).


5 —      Reġistrazzjonijiet Nru 2255853 u Nru 2255854. Dawn huma t-trade marks nazzjonali li, fost dawk invokati minn Allergan, kienu fost tal-ewwel li ġew irreġistrati, fost oħrajn, għal preparazzjonijieti farmaċewtiċi biex jintużaw fit-trattament tat-tikmix.


6 —      Ftit inqas minn tliet xhur għat-trade mark BOTOLIST u ftit iktar minn ħames xhur għat-trade mark BOTOCYL.


7 —      Irreġistrati fl-14 ta’ Diċembru 2000.


8 —      Il-partijiet rilevanti huma redatti kif ġej: “la demanderesse en nullité a expliqué que la marque BOTOX identifie un produit pharmaceutique vendu sous prescription, fabriqué à partir de la toxine botulique […]” “Elle a indique que sa marque a étéenregistrée aux États-Unis en 1991, qu’elle est utilisée dans I’Union européenne depuis 1992 et qu’elle est enregistrée dans la plupart des pays du monde […]”.


9 —      Ara s-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni (C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 52), tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni (C‑266/06 P, Ġabra p. I‑81, punt 73) u tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑419/08 P, Ġabra p. I‑2259, punt 31).


10 —      Sentenzi General Motors (punt 54), Degussa, punt 74 u Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, punt 32, iċċitati iktar ’il fuq.


11 —      L-appellanti kkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali l-analiżi tal-Bord tal-Appell sa fejn dan qabbel it-trade marks kunfliġġenti filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni l-prefiss “BOTO” u mhux is-sillaba “BOT” li għandha karattru deskrittiv għaliex tirreferi b’mod evidenti u mhux ekwivoku għall-prinċipju attiv tal-prodott farmaċewtiku kkummerċjalizzat taħt it-trade mark BOTOX (it-tossina tal-botulinum). Fil-punti 72 u 73 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument bħala infondat. B’mod partikolari hija osservat li s-sillaba “BOT” ma għandha l-ebda tifsira speċifika u li fl-analiżi tax-xebh bejn it-trade marks, l-appellanti ma invokaw l-ebda motiv li jippermetti li jiġi mifhum għaliex din kellha tiġi ppreferuta għall-prefiss “BOTO” li ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell. Il-Qorti Ġenerali żiedet li anki jekk it-trade mark BOTOX kienet oriġinarjament deskrittiva, f’kull każ din kisbet karattru distintiv permezz tal-użu, mill-inqas fir-Renju Unit.


12 —      Ara l-punt 40 tad-deċiżjoni L’Oréal u l-punt 39 tad-deċiżjoni Helena Rubinstein.


13 —      Sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation (C‑252/07, Ġabra p. I‑8823), tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et (C‑487/07, Ġabra p. I‑5185) u tat-22 ta’ Settembru 2011, Interflora et (C‑323/09 Ġabra p. I‑8625).


14 —      Ara pereżempju, D. Gangjee u R. Burrell, “Because You’re Worth it: L’Oréal and the Prohibition on Free Riding”, The Modern Law Review, Vol. 73 (2010), Nru 2, p. 282‑304.


15 —      Sentenza Intel iċċitata iktar ’il fuq, punt 26.


16 —      Idem, punt 30.


17 —      Idem, punti 31 u 32.


18 —      Idem, punti 37 u 38.


19 —      Idem, punt 39.


20 —      Sentenza L’Oréal, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 43. Dawn huma l-motivi li fuqhom tikkonċernta l-kritika li għaliha saret referenza fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 14 iktar ’il fuq.


21 —      Sentenzi Intel, iċċitati iktar ’il fuq, punti 67 sa 69, u L’Oréal,iċċitata iktar ’il fuq, punt 44.


22 —      Sentenza L’Oréal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44.


23 —      Sentenza Intel, iċċitata iktar ’il fuq, punti 67 sa 69.


24 —      Sentenza L’Oréal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45.


25 —      Sentenza L’Oréal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49.


26 —      Ara b’mod partikolari l-punti 74 u 89.


27 —      Punt 89.


28 —      Kif kien il-każ fil-kawża L’Oréal iċċitata iktar ’il fuq.


29 —      Punt 91.


30 —      Il-Qorti Ġenerali tiċċita l-punt 56 tas-sentenza Intel iċċitata iktar ’il fuq, fejn il‑Qorti tal-Ġustizzja affermat li l-karattru distintiv ta’ trade mark huwa iktar b’saħħtu iktar ma din it-trade mark tkun unika, jiġifieri, fir-rigward ta’ trade mark verbali “li l-kelma li minnha hija magħmula ma ntużatx minn ħaddieħor għal kwalunkwe prodott jew servizz ħlief mill-proprjetarju ta’ din it-trade mark għall-prodotti u servizzi li hija tikkummerċjalizza”.


31 —      Ara s-sentenza Intel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39.


32 —      Fl-ewwel istanza, l-appellanti sostnew biss li l-fajl eżaminat mill-Bord tal-Appell ma kien fih l-ebda prova tal-fatt li huma kienu aġixxew mingħajr “raġuni valida” fil-mument meta ppreżentaw l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade marks tagħhom (sentenza appellata, punt 31). Madankollu, kif irriżulta, il-ġurisprudenza indikat b’mod ċar li meta l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti rnexxilu juri r‑reputazzjoni ta’ din it-trade mark u l-eżistenza ta’ vantaġġ inġustament miksub mill-użu tas-sinjal jew tat-trade mark susegwenti, huwa l-proprjetarju ta’ din tal-aħħar li għandu jistabbilixxi l-użu tagħha għal “raġuni valida”.


33 —      Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, meta mistoqsi dwar il-punt, ir‑rappreżentant tal-appellanti spjega li huma ma kinux obbligati juru li l-użu tat-trade marks tagħhom kellu raġuni valida, minħabba li huma mill-ewwel ċaħdu li ġiet prodotta l-prova tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti.


34 —      Ara l-punti 43 u 44 rispettivament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.


35 —      Dan il-fatt, imsemmi fil-punt 88 tas-sentenza appellata, ma huwiex ikkontestat mill-appellanti.


36 —      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċiediet f’dan is-sens fis-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel (C‑48/05, Ġabra p. I‑1017, punt 36).


37 —      Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).


38 —      Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005, tad-29 ta’Ġunju 2005, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 287M, p. 12).


39 —      Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2002, Chef Revival USA vs UASI — Massagué Marín (Chef) (T‑232/00, Ġabra p. II‑2749 punti 31, 33, 36, 41 u 44); u tat-30 ta’ Ġunju 2004, GE Betz vs UASI — Atofina Chemicals (BIOMATE) (T‑107/02, Ġabra p. II‑1845, punt 72), dwar in-nuqqas ta’ preżentata tat-traduzzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni.


40 —      Dan l-iżball jikkonsisti fil-kunsiderazzjoni li l-valur probatorju tad-dokumenti inkwistjoni kien indipendenti mit-traduzzjoni tagħhom fil-lingwa tal-proċedimenti.


41 —      Ara f’dan is-sens is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Chef Revival, punt 42 u GE Betz Inc., punt 72, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39.


42 —      Ara f’dan ir-rigward l-eżami tal-ewwel ilment tal-ewwel aggravju, punti. 12 et seq., supra.


43 — Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul (C‑29/05 P, Ġabra p. I‑2213, punt 43).