Language of document : ECLI:EU:C:2011:772

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

24 ta’ Novembru 2011 (*)

“Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati –Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘komunikazzjoni ta’ xogħol lill-pubbliku preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni’– Komunikazzjoni ta’ xogħlijiet mużikali fil-preżenza ta’ pubbliku, mingħajr ħlas lis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awturi tar-remunerazzjoni li tikkorrispondi għal dawn id-drittijiet – Konklużjoni ta’ kuntratti ta’ trasferiment ta’ drittijiet patrimonjali mal-awturi tax-xogħlijiet – Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/29”

Fil-Kawża C‑283/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2010, fil-proċedura

Circul Globus Bucureşti (Circ & Variete Globus Bucureşti)

vs

Uniunea Compozitorilor şi Muzicologilor din România – Asociaţia pentru Drepturi de Autor – (UCMR – ADA).

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Uniunea Compozitorilor şi Muzicologilor din România – Asociaţia pentru Drepturi de Autor (UCMR – ADA), minn A. Roată-Palade, avukat,

–        għall-Gvern Rumen, minn A. Popescu, bħala aġent, kif ukoll minn A. Wellman u A. Borobeică, konsulenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u I. V. Rogalski, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Uniunea Compozitorilor şi Muzicologilor din România – Asociaţia pentru Drepturi de Autor (UCMR – ADA) (iktar ’il quddiem “UCMR – ADA”) u s-Circul Globus Bucureşti, attwalment Circ & Variete Globus Bucureşti (iktar ’il quddiem iċ-“ċirku Globus”) dwar l-allegat ksur, minn din tal-aħħar, tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali amministrati minn UCMR – ADA.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Skont l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni tax-xogħlijiet letterarji u artistiċi (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”):

“1.      L-awturi ta’ xogħlijiet drammatiċi, drammatiko-mużikali u mużikali jiddisponu minn dritt esklużiv li jawtorizzaw:

i)      ir-rapprezentazzjoni u l-eżekuzzjoni pubblika tax-xogħlijiet tagħhom, inklużi r-rapprezentazzjoni u l-eżekuzzjoni pubblika b’kull mezz jew proċess;

ii)      it-trażmissjoni pubblika b’kull mezz tar-rapprezentazzjoni u tal-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom.

2.      L-istess drittijiet għandhom jingħataw lill-awturi ta’ xogħlijiet drammatiċi jew drammatiko-mużikali matul it-tul kollu tad-drittijiet tagħhom fuq ix-xogħol oriġinali, għal dak li jikkonċerna t-traduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Id-dritt tal-Unjoni

4        Skont il-premessi 2 u 5 tad-Direttiva 2001/29:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew, meta ltaqa’ f’Korfu fl-24 u l-25 ta’ Ġunju 1994, enfasizza l-ħtieġa li jifforma qafas legali ġenerali u flessibbli f’livell tal-Komunità sabiex jinkoraġġixxi l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni fl-Ewropa. Dan jeħtieġ, fost affarijiet oħra, l-eżistenza ta’ suq intern għal prodotti u servizzi ġodda. Leġislazzjoni importanti mill-Komunità diġà teżisti, jew l-adozzjoni tagħha miexja ’l quddiem sewwa. Id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għandhom rwol importanti f’dan il-kuntest għax dawn jipproteġu u jistimulaw l-iżvilupp u l-kummerċ ta’ prodotti u servizzi ġodda u l-ħolqien u l-isfruttar tal-kontenut kreattiv tagħhom.

[…]

(5)      L-iżvilupp teknoloġiku kabbar u ddiversifika l-gwidi tal-kreazzjoni, il-produzzjoni u l-isfruttament. Filwaqt li m’huma meħtieġa l-ebda kunċetti ġodda għall-protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, il-liġi preżenti dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għandha tiġi adottata u miżjuda biex tirreaġixxi b’mod adekwat għar-realtajiet ekonomiċi bħal forom ġodda ta’ sfruttament.”

5        Il-premessa 18 tad-Direttiva 2001/29 hija fformulata kif ġej:

“Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti fl-Istati Membri rigward l-immaniġġjar tad-drittijiet bħal liċenzji kollettivi estiżi.”

6        Skont il-premessi 23 u 24 ta’ din id-direttiva:

“(23) Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt tal-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.

(24) Id-dritt li jagħmel disponibbli lill-pubbliku s-suġġett imsemmi fl-Artikolu 3(2) għandu jiftiehem li jirregola l-atti kollha li jagħmlu disponibbli dan is-suġġett lill-membri tal-pubbliku li ma jkunx preżenti fejn joriġina l-att li jagħmel disponibbli, u li ma jirregola ebda atti oħra.”

7        L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

 Id-dritt nazzjonali

8        L-Artikolu 15(1) tal-Liġi Nru 8/1996 dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (legea Nru 8/1996 privind drepturile de autor şi drepturile conexe), kif emendat bil-liġi Nru 285/2004 (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar id-drittijiet tal-awtur”) jipprovdi:

“Kull komunikazzjoni ta’ xogħol, li ssir direttament jew permezz ta’ mezzi tekniċi, f’post miftuħ għall-pubbliku jew fi kwalunkwe post ieħor fejn jinġemgħu numru ta’ persuni li jmorru lil hinn miċ-ċirku normali ta’ membri ta’ familja u ta’ konoxxenzi tagħha, inkluża r-rappreżentanza xenika, ir-reċitazzjoni jew kull mezz ieħor ta’ eżekuzzjoni diretta tax-xogħol fil-pubbliku, l-espożizzjoni fil-pubbliku ta’ xogħlijiet ta’ arti plastika, ta’ arti applikata, ta’ xogħlijiet fotografiċi jew arkitettoniċi, il-wiri fil-pubbliku ta’ xogħlijiet ċinematografiċi u ta’ xogħlijiet oħra awdjoviżivi inklużi xogħlijiet ta’ arti diġitali, il-preżentazzjoni ta’ xogħlijiet f’post pubbliku permezz ta’ reġistrazzjonijiet audjo jew awdjoviżivi, kif ukoll il-preżentazzjoni f’post pubbliku, b’kull mezz, ta’ xogħol imxandar, għandha titqies li hija pubblika. Bl-istess mod, kull komunikazzjoni, sew bil-fil sew mingħajr fil, li titwettaq permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, inkluż l-internet jew netwerks oħra ta’ informazzjoni, b’mod li kull membru tal-pubbliku jkun jista’ jkollu aċċess għal dan ix-xogħol minn post jew f’ħin li jagħżel individwalment, għandha titqies li hija pubblika.[…]”

9        Skont l-Artikolu 123(1) tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur:

“Il-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet li huma rrikonoxxuti lilhom bis-saħħa ta’ din il-liġi, personalment jew, fuq il-bażi ta’ mandat, permezz ta’ soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva, taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi preżenti.”

10      L-Artikolu 123a(1)(e) u (2) tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur jiddikjara:

“1.      L-amministrazzjoni kollettiva hija obbligatorja għall eżerċizzju tad-drittijiet li ġejjin:

[…]

(e)      id-dritt ta’ komunikazzjoni fil-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali, ħlief il-wiri pubbliku ta’ xogħlijiet ċinematografiċi;

[…]

2.      Għall-kategoriji ta’ drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1, is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva għandhom ukoll jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet li ma kinux iddelegawlhom il-mandat.

[…]”

11      Skont l-Artikolu 130(1) tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva għandhom l-obbligu:

“a)      li jagħtu awtorizzazzjonijiet mhux esklużivi lill-utenti li jagħmlu talba f’dan is-sens qabel ma jagħmlu użu mix-xogħol protett, bi ħlas, permezz ta’ liċenzja mhux esklużiva, li ssir bil-miktub;

b)      li jelaboraw metodologiji għas-setturi ta’ attività tagħhom, li jinkludu d-drittijiet patrimonjali xierqa, li għandhom jiġu nnegozjati mal-utenti għall-ħlas tal-imsemmija drittijiet, fil-każ ta’ xogħlijiet fejn is-sistema ta’ sfruttament tagħhom tagħmilha impossibili li tingħata awtorizzazzjoni individuali mid-detenturi tad-drittijiet;

[…]

e)      li jiġbru s-somom dovuti mill-utenti u li jqassmuhom bejn id-detenturi tad-drittijiet skont id-dispożizzjonijiet statutorji;

[…]

h)      li jitolbu lill-utenti jew lill-intermedjarji tagħhom jittrażmettu l-informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa biex jiġu kkalkolati l-ammonti totali li għandhom jinġabru, kif ukoll informazzjoni rigward ix-xogħlijiet li ntużaw, flimkien mal-ismijiet tad-detenturi tad-drittijiet, sabiex jitqassmu, […]”

12      L-Artikolu 131a(1)(e) u (4) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1.      Il-metodoloġiji huma nnegozjati mis-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva u mir-rappreżentanti msemmija fl-Artikolu 131(2)(b), abbażi tal-kriterji prinċipali li ġejjin:

[…]

e)       il-proporzjon ta’ użu li l-utent iħallas permezz ta’ kuntratti diretti mad-detenturi tad-drittijiet

[…]

4.       Fil-każ fejn l-amministrazzjoni kollettiva hija obbligatorja skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 123a, in-negozjati rigward il-metodoloġija ma għandhomx jieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji msemmija fil-paragrafu 1(c) u (e), peress li r-repertorji huma meqjusa li huma repertorji estiżi”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      UCMR – ADA hija soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fis-settur mużikali.

14      Bejn Mejju 2004 u Settembru 2007, iċ-ċirku Globus, bħala organizzatur ta’ spettakli taċ-ċirku u tal-kabaret, ikkomunika lill-pubbliku xogħlijiet mużikali bi skop ta’ lukru mingħajr ma kiseb il-liċenzja “mhux esklużiva” ta’ UCMR – ADA u mingħajr ma ħallas lil din tal-aħħar ir-remunerazzjoni li tikkorrispondi għad-drittijiet patrimonjali tal-awtur.

15      Peress li ċ-ċirku Globus ippreġudika d-drittijiet tagħha, UCMR – ADA ressqet azzjoni quddiem it-Tribunalul Bucureşti (qorti distrettwali ta’ Bukarest). Insostenn tar-rikors tagħha, hija sostniet li, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, l-eżeċizzju tad-dritt għall-komunikazzjoni ta’ xogħlijiet mużikali lill-pubbliku huwa suġġett għall-amministrazzjoni kollettiva obbligatorja.

16      Iċ-ċirku Globus, min-naħa tiegħu, irrisponda li kien ikkonkluda, mal-kompożituri tax-xogħlijiet mużikali li ntużaw waqt l-ispettakli li kien organizza, kuntratt ta’ trasferiment ta’ drittijiet patrimonjali tal-awturi, u li huwa kien ħallashom ir-remunerazzjoni xierqa għal dan l-użu. Fil-fatt, peress li d-detenturi tad-drittijiet kienu għażlu, skont l-Artikolu 123(1) tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, l-amministrazzjoni individwali tad-drittijiet tagħhom, is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva ma kinitx legalment iġġustifikata li titlob remunerazzjonijiet.

17      Ir-Raba’ Awla Ċivili tat-Tribunalul Bucureşti laqgħat parzjalment ir-rikors ippreżentat quddiemha billi obbligat liċ-ċirku Globus iħallas is-somom dovuti għall-komunikazzjoni, bi skop ta’ lukru, bejn Mejju 2004 u Settembru 2007, ta’ xogħlijiet mużikali lill-pubbliku kif ukoll il-penalitajiet moratorji korrispondenti. L-appell ippreżentat miċ-ċirku Globus ġie miċħud mill-Curtea de Apel Bucureşti (qorti tal-Appell ta’ Bukarest).

18      Dawn iż-żewġ qrati sostnew, fid-dritt, li l-Artikolu 123a(1)(e) tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur jipprovdi espressament li l-eżerċizzju tad-dritt li jiġu kkomunikati xogħlijiet mużikali lill-pubbliku huwa obbligatorjament amministrat b’mod kollettiv. Barra minn hekk, il-konvenut kien obbligat iħallas lir-rikorrenti r-remunerazzjoni kkalkolata skont il-metodoloġija nnegozjata mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntratti konklużi bejn il-konvenut u l-kompożituri għad-diversi spettakli organizzati bejn l-2004 u l-2007.

19      Iċ-ċirku Globus għalhekk ressaq appell quddiem l-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (qorti ta’ Kassazzjoni) mid-deċiżjoni tal-Curtea de Apel Bucureşti, li fiha, b’mod partikolari, sostna li d-Direttiva 2001/29 ma kinitx ġiet trasposta korrettament fid-dritt intern. Skont iċ-ċirku Globus, anki jekk, fil-premessi 23 u 24 ta’ din id-direttiva, id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku kien iddefinit b’mod ċar, f’sens wiesa’, bħala li jkopri kull komunikazzjoni lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni, l-Artikolu 123a tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur ma kienx ġie emendat u baqa’ jeżiġi amministrazzjoni kollettiva tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali, mingħajr ma stabbilixxa distinzjoni bejn il-komunikazzjoni diretta u l-komunikazzjoni indiretta.

20      Għalhekk, kienet żdiedet limitazzjoni supplimentari, meta mqabbla ma’ dawk previsti mid-Direttiva 2001/29, għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Fil-fatt, bejn l-awturi ta’ xogħlijiet mużikali u l-organizzaturi ta’ spettakli, tintervjeni s-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, li jfisser, għall-awtur, il-ħlas ta’ kommissjoni imposta mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva u, għall-utent, ħlas doppju għaliex, minkejja li jikseb id-drittijiet patrimonjali tal-awturi, ikun obbligat iħallashom mill-ġdid permezz tas-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva.

21      Bħala risposta għal dawn l-affermazzjonijiet, UCMR – ADA tirrispondi li ma hemm l-ebda diverġenza bejn id-dritt intern u d-Direttiva 2001/29 għaliex l-atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali speċifiċi tas-soċjetà tal-informazzjoni jaqgħu biss taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fir-rigward tad-dritt ta’ komunikazzjoni diretta lill-pubbliku li din il-kawża tittratta, il-premessa 18 tad-Direttiva 2001/29 ħalliet lill-Istati Membri jagħmlu l-leġiżlazzjoni, u l-leġiżlatur Rumen għażel sistema ta’ amministrazzjoni kollettiva obbligatorja.

22      Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tosserva li, anki jekk l-awtur tax-xogħlijiet mużikali użati ma huwiex membru tas-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, l-utent huwa obbligat jikseb liċenzja mhux esklużiva u li jħallas remunerazzjoni lis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, u dan skont l-Artikolu 123a(2) tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, li jipprevedi li, għall-kategoriji tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva jirrappreżentaw ukoll lid-detenturi tad-drittijiet li ma kinux tawhom mandat.

23      Barra minn hekk, din il-liġi ma fiha l-ebda dispożizzjoni li tagħti l-opportunità lil dawn id-detenturi jeskludu xogħolhom mill-amministrazzjoni kollettiva, possibbiltà li hija, pereżempju, prevista espressament fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol, 1, p 134) fil-każ tad-dritt ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita.

24      Il-qorti tar-rinviju min dan tikkonkludi li leġiżlazzjoni bħal din tidher li tikkostitwixxi restrizzjoni eċċessiva għal-libertà kuntrattwali u ma tikkorrispondix għall-għan doppju tal-amministrazzjoni kollettiva obbligatorja li huwa li tagħti l-opportunità li jsir użu mix-xogħlijiet kif ukoll li l-awturi jiġu rremunerati.

25      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk tali amministrazzjoni kollettiva obbligatorja hijiex konformi mhux biss mal-għan tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, iżda wkoll mal-għan imfittex mid-Direttiva 2001/29, li tipprova żżomm bilanċ ġust bejn id-drittijiet tal-awturi u dawk tal-utenti.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1)      “L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE […], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‛trażmissjoni [komunikazzjoni] lill-pubbliku’ jfisser:

a)      biss it-trażmissjoni lill-pubbliku li mhuwiex preżenti fil-post tal-oriġini tat-trażmissjoni, jew

b)      kull trażmissjoni ta’ xogħol imwettqa direttament, f’post miftuħ lill-pubbliku, permezz ta’ kull forma ta’ eżekuzzjoni pubblika jew preżentazzjoni diretta tax-xogħol?

2)      Fil-każ li r-risposta korretta għall-ewwel domanda hija (a), dan ifisser li l-atti ta’ trażmissjoni, li jissemmew fil-punt (b), li permezz tagħhom ix-xogħlijiet li huma trażmessi direttament lill-pubbliku, ma jaqgħux taħt il kamp tad-direttiva jew ma jikkostitwixxux trażmissjoni tax-xogħol lill pubbliku, iżda pjuttost l-eżekuzzjoni pubblika ta’ xogħol, fis-sens tal Artikolu 11(1)(i) tal-Konvenzjoni ta’ Bern […]?

3)      Fil-każ li r-risposta korretta għall-ewwel domanda hija (b), l-Artikolu 3(1) tad-direttiva jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu, permezz tal-liġi, amministrazzjoni kollettiva obbligatorja tad-dritt tat-trażmissjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali, indipendentement mill-mezz ta’ trażmissjoni użat, anki jekk huwa possibbli li dan id-dritt jiġi amministrat individwalment mill-awturi, mingħajr il-possibbiltà, għall-awturi, li jeskludu x-xogħlijiet tagħhom mill-amministrazzjoni kollettiva?”

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

27      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kawża prinċipali tirrigwarda fatti li seħħew bejn Mejju 2004 u Settembru 2007, filwaqt li r-Rumanija saret membru tal-Unjoni Europea biss fl-1 ta’ Jannar 2007.

28      F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni biss f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tagħhom fi Stat Membru ġdid mid-data tal-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Ynos, C‑302/04, Ġabra p. I‑371, punt 36, kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2007, Telefónica O2 Czech Republic, C‑64/06, Ġabra p. I‑4887, punt 23).

29      Peress li l-fatti tal-kawża prinċipali seħħew parzjalment wara l-imsemmija data ta’ adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2010, CIBA, C‑96/08, Ġabra p. I‑2911, punt 15).

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

30      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2001/29, u b’mod iktar partikolari, l-Artikolu 3(1) tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tirreferi biss għall-komunikazzjoni lill-pubbliku li ma huwiex preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni, jew għal kull komunikazzjoni ta’ xogħol imwettqa direttament, f’post miftuħ għall-pubbliku, permezz ta’ kull forma ta’ eżekuzzjoni pubblika jew preżentazzjoni diretta tax-xogħol.

31      Għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u lanqas xi dispożizzjoni oħra tagħha ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”.

32      F’sitwazzjoni bħal din, għall-interpretazzjoni ta’ kunċett tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li wieħed jieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni fejn dan il-kunċett jidher, iżda l-kuntest li fih jinsab u l-għanijiet imfittxija tal-leġiżlazzjoni li tagħha dan il-kunċett huwa parti.

33      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kuntest, għandu jiġi rrilevat li t-tieni frażi tal-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29 tiddikjara li d-dritt għall-komunikazzjoni lill-pubbliku “għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni”.

34      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, Ġabra p. I‑0000), iċċarat l-iskop tal-imsemmija premessa u, b’mod iktar partikolari, tat-tieni frażi tagħha.

35      Il-Qorti għalhekk fakkret, filwaqt li bbażat ruħha fuq l-oriġini tad-Direttiva 2001/29, u b’mod iktar partikolari, il-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 48/2000, adottata mill-Kunsill fit-28 ta’ Settembru 2000 bil-ħsieb li tiġi adottata d-Direttiva 2001/29 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), li l-premessa 23 ta’ din id-direttiva ssegwi l-proposta tal-Parlament Ewropew li xtaq jippreċiża, fiha, li l-komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-imsemmija direttiva ma tkoprix “ir-rappreżentazzjonijiet jew eżekuzzjonijiet diretti”, kunċett li jirreferi għal dak tar-“rappreżentazzjoni u l-eżekuzzjoni pubblika” previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Berna, peress li dan l-aħħar kunċett jinkludi l-interpretazzjoni tax-xogħlijiet quddiem il-pubbliku li jkun f’kuntatt fiżiku u dirett mal-awtur jew l-eżekutur ta’ dawn ix-xogħlijiet (ara s-sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 201).

36      Għalhekk, sabiex tali rappreżentazzjoni u eżekuzzjoni pubblika diretta tiġi eskluża mill-portata tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fil-kuntest tad-Direttiva 2001/29, l-imsemmija premessa ppreċiżat li l-komunikazzjoni lill-pubbliku tkopri kull komunikazzjoni lill-pubbliku mhux preżenti fil-post tal-oriġini tal-komunikazzjoni (ara s-sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 202).

37      Issa, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ix-xogħlijiet mużikali kkomunikati lill-pubbliku, fil-kuntest ta’ spettakli taċ-ċirku u tal-kabaret, jiġu eżegwiti direttament, tali element ta’ kuntatt fiżiku u dirett jeżisti, b’mod li l-pubbliku huwa, kuntrarjament għall-eżiġenzi tat-tieni frażi tal-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29, preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni.

38      Fir-rigward, barra minn hekk, tal-għan tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi rrilevat li mill-premessi 2 u 5 tad-Direttiva jirriżulta li hija tfittex toħloq qafas legali ġenerali u flessibbli fil-livell tal-Unjoni sabiex tinkoraġġixxi l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni u sabiex tadegwa u tikkomplementa r-regoli attwali fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni teknoloġika li wasslet għal forom ġodda ta’ sfruttament tax-xogħlijiet protetti.

39      Min dan jirriżulta li l-armonizzazzjoni mixtieqa mid-Direttiva 2001/29, li tirreferi għaliha l-ewwel frażi tal-premessa 23, ma hijiex intiża għall-forom “tradizzjonali” ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, bħar-rappreżentazzjoni jew l-eżekuzzjoni diretta ta’ xogħol.

40      Dan huwa barra minn hekk sostnut mit-tielet u mir-raba’ frażijiet tal-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29, li fihom huwa ddikjarat li d-dritt ta’ komunikazzjoni fil-pubbliku jkopri kull att ta’ trażmissjoni jew ta’ trażmissjoni mill-ġdid ta’ xogħol fil-pubbliku, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir, u ma jkopri l-ebda att ieħor. B’hekk, dan id-dritt ma jkoprix atti li ma jinvolvux “trażmissjoni” jew “trażmissjoni mill-ġdid” ta’ xogħol, bħalma huma l-atti ta’ rappreżentazzjoni jew ta’ eżekuzzjoni diretti ta’ xogħol.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta lill-ewwel żewġ domandi li d-Direttiva 2001/29 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) tagħha, għandha tiġu interpretata fis-sens li tirreferi biss għall-komunikazzjoni lill-pubbliku li ma jkunx preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni, b’esklużjoni ta’ kull komunikazzjoni ta’ xogħol li titwettaq direttament, f’post miftuħ għall-pubbliku, permezz ta’ kull forma pubblika ta’ eżekuzzjoni jew ta’ preżentazzjoni diretta tax-xogħol.

 Fuq it-tielet domanda

42      Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

43      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjez sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva 2001/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tirreferi biss għall-komunikazzjoni lill-pubbliku li ma jkunx preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni, b’esklużjoni ta’ kull komunikazzjoni ta’ xogħol li titwettaq direttament, f’post miftuħ għall-pubbliku, permezz ta’ kull forma pubblika ta’ eżekuzzjoni jew ta’ preżentazzjoni diretta tax-xogħol.

Firem


* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.