Language of document : ECLI:EU:C:2012:523

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2012 (1)

Kawża C‑473/10

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Ungerija

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Direttiva 91/440/KEE – Żvilupp ta’ linji tal-ferrovija Komunitarji – Direttiva 2001/14/KE – Allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja – Artikolu 6(3) u Anness II tad-Direttiva 91/440 – Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14 – Amministratur tal-infrastruttura – Indipendenza tal-allokazzjoni tal-linji ferrovjarji – Indipendenza tal-impożizzjoni ta’ tariffi – Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14 – Bilanċ finanzjarju tal-amministratur tal-infrastruttura u miżuri ta’ inċentiv għat-tnaqqis tal-ispejjeż u tat-tariffi – Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14 – Iffissar ta’ tariffi fuq il-bażi tal-ispejjeż diretti”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonstata li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440/KEE (2), kif emendata bid-Direttiva 2001/12/KE (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/440”), kif ukoll l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 14(2), l-Artikolu 6(1) u (2), l-Artikolu 7(3), l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14/KE (4), kif emendata bid-Direttiva 2004/49/KE (5) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/14”). L-Ungerija titlob li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni jiġi miċħud.

2.        Din il-kawża hija waħda minn għadd ta’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (6) li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fl-2010 u fl-2011, u li jirrigwardaw l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttivi 91/440 u 2001/14, li s-suġġett prinċipali tagħhom huwa l-aċċess ġust u nondiskriminatorju ta’ impriżi ferrovjarji għall-infrastruttura, jiġifieri għan-netwerk ferrovjarju. Dawn ir-rikorsi huma mingħajr preċedent, għaliex joffru lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità għall-ewwel darba li tesprimi l-pożizzjoni tagħha dwar il-liberalizzazzjoni tal-linji tal-ferrovija fl-Unjoni Ewropea u b’mod patikolari li tinterpreta l-hekk imsejjaħ “l-ewwel pakkett ferrovjarju”.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu ċert li l-funzjonijiet li jiddeterminaw aċċess ekwu u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura, elenkati fl-Anness II, jkunu fdati lill-korpi jew lid-ditti li ma jipprovdux huma stess xi servizzi ta’ trasport ferrovjarju. Irrispettivament mill-istrutturi organizzattivi, irid jinwera li dan l-oġġettiv jkun inkiseb.

L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jassennjaw lill-impriżi ferrovjarji jew lil kwalunkwe korp ieħor il-ġbir tal-ħlasijiet [tariffi] u r-responsabbiltà ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-infrastruttura ferrovjarja, bħall-investiment, il-manutenzjoni u l-iffinanzjar.”

4.        Il-lista ta’ funzjonijiet essenzjali msemmija fl-istess Artikolu 6(3), li tinsab fl-Anness II tad-Direttiva 91/440 hija fformulata hekk:

“–      preparazzjoni u teħid tad-deċiżjonjiet relatati ma’ l-illiċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji inklużi l-għoti ta’ liċenzi individwali,

it-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ l-allokazzjoni ta’ passaġġi [mogħdijiet] inklużi kemm id-definizzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà u l-allokazzjoni ta’ passaġġi tal-ferrovija individwali,

–        it-teħid ta’ deċiżjonijiet marbuta ma’ l-iċċarġjar [impożizzjoni ta’ tariffi] ta’ l-infrastruttura,

–        l-osservanza tas-sorveljanza ta’ l-obbligi tas-servizz pubbliku meħtieġa fil-provvista ta’ċerti servizzi.”

5.        Skont id-definizzjonijiet mogħtija mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/14, għall-finijiet tal-imsemmija direttiva, it-termini li ġejjin għandhom dawn it-tifsiriet:

“a)       ‘allokazzjoni’ tfisser l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ l-infrastruttura tal-ferroviji minn amministratur ta’ l-infrastruttura;

[…]

g)      ‘kapaċità’ infrastrutturali’ tfisser il-potenzjali li jiġu skedati t-toroq tal-ferroviji mitluba għal element ta’ l-infrastruttura għal ċertu perjodu;

h)       ‘amministratur infrastrutturali’ ifisser kull korp jew impriża responsabbli b’mod partikolari biex tiġi stabbilita u mantnuta infrastruttura tal-ferrovija. Dan jista’ jinkludi wkoll l-amministrazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll u sigurtà ta’ l-infrastruttura. Il-funzjonijiet ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura f’ network jew parti minn network jistgħu jiġu allokati għal korpi jew impriżi differenti;

i)       ‘network’ ifisser l-infrastruttura tal-ferroviji sħiħa fil-proprjetà ta’ u/jew amministrata minn amministratur ta’ l-infrastruttura; […]


k)       ‘impriża tal-ferroviji’ tfisser kull impriża pubblika jew privata, liċenzjata skond il-leġislazzjoni Komunitarja applikabbli, li n-negozju kummerċjali tagħha huwa li tipprovdi s-servizzi għat-trasport ta’ merkanzija u/jew passiġġieri bil-ferrovija bi ħtieġa li l-impriża għandha tassigura trazzjoni; dan jinkludi wkoll impriżi li jipprovdu trazzjoni biss;

l)       ‘mogħdija tal-ferrovija’ tfisser il-kapaċità infrastrutturali meħtieġa sabiex titmexxa ferrovija bejn żewġ postijiet f’ terminu determinat;

m)       ‘skeda tax-xogħol’ tfisser id-data li tiddefinixxi l-movimenti kollha ppjanati tal-ferrovija u tar-rolling-stock li jseħħu fuq l-infrastruttura rilevanti tul il-perjodu li għalih huwa fis-seħħ.”

6.        L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi:

“1. […] Id-determinazzjoni tal-piż [tat-tariffa] għall-użu ta’ l-infrastruttura u l-ġbir ta’ dan il-piż [din it-tariffa] għandhom jitwettqu mill-amministratur ta’ l-infrastruttura.

2.       Meta l-amministratur ta’ l-infrastruttura, fil-forma legali, l-organizzazzjoni jew fil-funzjonijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, mhuwiex indipendenti minn kull impriża tal-ferroviji, il-funzjonijiet, deskritti f’ dan il-Kapitolu, ta’ xort’ oħra mill-ġbir tal-piżijiet [tat-tariffi] għandhom jitwettqu minn korp tal-piżijiet [ta’ impożizzjoni ta’ tariffi] li hu indipendenti fil-forma legali, fl-organizzazzjoni u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kull impriża tal-ferroviji.”

7.        L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi:

“Impriżi tal-ferroviji għandhom, fuq bażi mhux diskriminatorja, ikunu intitolati għall-pakkett miinimu ta’ aċċess u aċċess għall-binarji għal faċilitajiet tas-servizzi deskritti fl-Anness II. Il-provvista tas-servizzi msemmija fl-Anness II, il-punt 2, għandha tiġi provduta f’ mod mhux diskriminatorju u talbiet mill-impriżi tal-ferroviji jistgħu jiġu miċħuda biss jekk jeżistu alternattivi viabbli fil-kunduzzjonijiet tas-suq. Jekk is-servizzi mhumiex offruti minn amministratur ta’ l-infrastruttura wieħed, il-fornitur ta’ l-infrastruttura ewlenija għandu juża l-isforzi kollha raġonevoli biex jiffaċilita l-fornitura ta’ dawn is-servizzi.”

8.        Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/14:

“ 1.      L-Istati Membri għandhom jistabilixxu kundizzjonijiet, inlużi meta approprjat ħlasijiet bil-quddiem, biex jaċċertaw li, taħt kundizzjonijiet normali tal-kummerċ u f’terminu raġonevoli, il-kontijiet ta’ amministratur ta’ l-infrastruttura għandhom għall-inqas jibbilanċjaw dħul minn piżijiet [tariffi] ta’ l-infrastruttura, iż-żejjed minn attivitajiet kummerċjali oħrajn u fondi mill-Istat fuq naħa waħda, u spejjeż infrastrutturali oħrajn fuq l-oħra.

[…]

2.      Amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom, b’konsiderazzjoni xierqa għas-sigurtà u għall-manutenzjoni u t-titjib tal-kwalità tas-servizz ta’ l-infrastruttura, jingħataw inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura ta’ l-infrastruttura u l-livell ta’ piżijiet [tariffi] ta’ l-aċċess.

3.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-disposizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 tiġi implimentata, jew permezz ta’ ftehim kontrattwali bejn l-awtorità kompetenti u l-amministraturtitur ta’ l-infrastruttura li jkopri terminu ta’ mhux inqas minn tliet snin li jipprovdi għal fondi mill-Istat jew permezz ta’ l-istabbiliment ta’ miżuri regolatorji xierqa b’ poteri adegwat[i].”


9.        L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi:

“Bla ħsara għall-paragrafi 4 jew 5 jew għall-Artikolu 8, il-piżijiet [tariffi] għall-pakkett minimu ta’ l-aċċess u aċċess għall-binarju għal faċilitajiet tas-servizzi għandhom jiġu stabbiliti a bażi ta’ l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija.”

10.      L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi skont kif ġej:

“Sabiex ikun hemm rkupru sħiħ ta’ l-ispejjeż magmula mill-amministratur ta’ l-infrastruttura, Stat Membru jista’, jekk is-suq jiflaħ dan, jimponi mark-ups fuq bażi ta’ prinċcipji effiċjenti, trasparenti u non-diskriminatorji, waqt li jiggarantixxu kompetitività ottima partikolarment ta’ merkanzija internazzjonali bil-ferrovija.

Iżda l-livell tal-piżijiet [tat-tariffi] m’għandux jeskludi l-użu ta’ infrastruttura minn taqsimiet tas-suq li jistgħu iħallsu għall-inqas l-ispejjeż magħmula direttament b’riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija, u rata tar-ritorn li jiflaħ għaliha s-suq.”

11.      L-Artikolu 13(2) tal-ewwel subparagrafu tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi:

“Id-dritt ta’ l-użu ta’ kapaċità speċifika infrastrutturali fil-forma ta’ mogħdija tal-ferrovija jista’ jingħata lil applikanti għal terminu massimu ta’ perjodu wieħed kalendarju ta’ ħidma.”

12.      L-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi:

“ […]L-amministratur infrastrutturali għandu jwettaq il-proċessi ta’ l-allokazzjoni tal-kapaċità. […]

Meta l-amministratur ta’ l-infrastruttura, fil-forma legali, l-organizzazzjoni jew fil-funzjonijiet tiegħu ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, mhuwiex indipendenti minn kull impriża tal-ferroviji, il-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u deskritti f’dan il-Kapitolu għandhom jitwettqu minn korp ta’ allokazzjoni li huwa indipendenti fil-forma legali, l-organizzazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kull impriża tal-ferroviji.”

13.      Skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2001/14:

“1.       F’każ ta’ disturbanza għall-movimenti tal-ferroviji kkawżati minn ħsarat tekniċi jew inċidenti, l-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu jieħu l-passi kollha neċessarji biex iraġġa’ lura s-sitwazzjoni normali. Għal dak l-iskop, għandu jfassal pjan ta’ kontinġenza li jelenka l-korpi pubbliċi varji li għandhom jiġu informati fil-każ ta’ inċidenti serji jew disturbi serji għall-movimenti tal-ferroviji.

2.       F’emerġenza u meta assolutament neċessarju minħabba ħsara li trendi l-infrastruttura temporanjament mhux utilizzabbli, it-toroq allokati jistgħu jiġu rtirati mingħajr twissija għal kemm ikun meħtieġ biex tissewwa s-sistema.

L-amministratur ta’ l-infrastruttura jista’, jekk iqis dan neċesarju, jeħtieġ lill-impriżi tal-ferroviji biex jagħmlu disponibbli lilu r-riżorsi li huwa jħoss huma l-aktar approprjati biex jirrestawraw is-sitwazzjoni normali mill-aktar fis possibbli.

3.       L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu lill-impriżi tal-ferroviji li jiġu involuti fl-assigurazzjoni ta’ l-infurzar u l-monitoraġġ tal-konformità proprja dwar l-istandards u r-regoli tas-sigurtà.”

14.      Il-punt 1 tal-Anness II tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi skont kif ġej:

“1.       Il-pakkett ta’ aċċess minimu għandu jkun jikkonsisti:

a)       fl-immaniġġar ta’ talbiet għall-kapaċità infrastrutturali;

b)       fid-dritt li tintuża l-kapaċità allokata;

c)       fl-użu ta’ running track points u ġonot;

d)       fil-kontroll tal-ferrovija inkluż is-senjalar, ir-regolament, id-dispaċċ, u l-komunikazzjoni u d-dispożizzjoni ta’ infrmazzjoni dwar il-moviment tal-ferrovija;

e)       l-informazzjoni oħra kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni jew l-operazzjoni tas-servizz li għalih ingħatat il-kapaċità.”

B –    Id-dritt nazzjonali

15.      Il-Liġi XCV. tal-1993 dwar il-linji tal-ferroviji stabbilixxiet, fl-2004, korp mill-impriżi ferrovjarji, il-Vasúti Pályakapacitás-elosztó Szervezet (iktar ’il quddiem il-“VPE”).

16.      Skont l-Artikolu 62 tal-Liġi CLXXXIII. tal-2005 dwar it-trasport permezz tal-linji tal-ferrovija (2005 évi CLXXXIII. törvény a vasúti közlekedésről (7), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-linji tal-ferrovija”), il-funzjonijiet ta’ allokazzjoni tal-mogħdijiet u ta’ stabbiliment tal-ħlasijiet jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-VPE.

17.      L-Artikolu 28(1) tal-imsemmija liġi dwar il-linji tal-ferrovija jipprovdi:

“F’isem l-Istat, il-ministru jintrabat kuntrattwalment – bi qbil mal-Ministru responsabbli għall-baġit – biex jiffinanzja l-ispejjeż rikonoxxuti bħala ġustifikati fil-qafas tal-amministrazzjoni tan-netwerk mill-impriża ferrovjarja responsabbli għall-amministrazzjoni tan-netwerk ferrovjarju nazzjonali u mid-dipendenzi tiegħu, kif ukoll il-linji tal-ferrovija reġjonali u d-dipendenzi tagħhom, li ma humiex koperti mit-tariffa għall-aċċess għan-netwerk jew mill-operazzjonijiet l-oħrajn ta’ din l-impriża. It-termini tal-imsemmi kuntratt għandhom jiġu ffissati b’mod li jinkoraġġixxu lill-amminsitratur tan-netwerk li jnaqqas l-ispejjeż amministrattivi tiegħu kif ukoll it-tariffi għall-aċċess għan-netwerk, mingħajr ħsara għas-sigurtà tat-trasport jew il-kwalità tas-servizz.”

18.      L-Artikolu 31(2)(b) ta’ din l-istess liġi jipprovdi li “fl-interess tas-sigurtà tat-traffiku ferrovjarju […], l-amministratur tal-infrastruttura – sakemm tkun spiċċat is-sitwazzjoni ta’ periklu – għandu d-dritt li jagħlaq il-linji tal-ferrovija, jew il-partijiet tal-linja tal-ferrovija li jkunu mhedda bil-periklu, kif ukoll li jneħħi l-mogħdijiet ferrovjarji mogħtija fuq il-partijiet ikkonċernati, billi jinforma, meta dan l-għeluq ikun jaffettwa intersezzjoni, lill-amministrazzjoni inkarigata mir-rotta kkonċernata […]”.

19.      L-Artikolu 55(8) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija jipprovdi:

“Jekk, skont kull previżjoni, it-tariffi għall-aċċess għan-netwerk ma jkunux ikopru l-ispejjeż u n-nefqiet kollha ġġustifikati tal-amministratur tal-infrastruttura li huma aċċessibbli liberament, it-tariffa abbażi tas-servizzi ddefiniti fl-Artikolu 54(1) u (3) sa (5), tista’ tkun suġġetta għal żieda ġenerali li ma tistax tkun aktar minn dak li huwa meħtieġ biex jiġu koperti l-ispejjeż u n-nefqiet kollha ġġustifikati, liema żieda tieħu f’kunsiderazzjoni ż-żidiet fil-produttività miksuba mill-impriżi ferrovjarji, ir-rekwiżit ta’ użu effikaċi tal-infrastruttura, tal-kompetittività tat-tranżitu ferrovjarju internazzjonali, tal-prinċipju ta’ trasparenza u tat-trattament ugwali.”

20.      Ir-Regolament Nru 83/2007 (X.6) GKM-PM jirrigwarda l-qafas tas-sistema ta’ tariffi għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja u r-regoli fundamentali tal-istabbiliment tat-tariffa għall-aċċess għall-infrastruttura (8).

21.      Ir-Regolament Nru 101/2007 (XII.22) GKM dwar il-modalitajiet tal-aċċess miftuħ għall-infrastrutturi ferrovjarji (9) jipprovdi fl-Artikolu 23(1) tiegħu:

“Meta amministratur ta’ infrastruttura jkun neħħa mogħdija ferrovjarja skont l-Artikolu 31(2)(b) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija, il-korp responsabbli għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet għandu joffri, fuq talba tal-persuna kkonċernata, mogħdija ferrovjarja oħra magħżula fost il-kapaċitajiet disponibbli.”

22.      Il-VPE jippubblika kull sena regolament dwar l-operat tan-netwerk (Hálózati Üzletszabályzat). Ir-Regolament dwar l-operat tan-netwerk 2009-2010 jipprovdi fil-Punt 4.3(9):

“[Il-VPE] għandu jinforma bid-deċiżjonijiet tiegħu ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet lill-benefiċjarji kkonċernati, lill-amministraturi tal-infrastruttura u lill-korp li jamministra l-linji tal-ferrovija.”

23.      Fil-Punt 4.8.1, bit-titolu “Linji gwida dwar l-istabbiliment mill-ġdid taċ-ċirkulazzjoni normali”, dan l-istess regolament jipprovdi:

“a)       F’każ ta’ devjazzjoni mill-programm u mill-iskeda normali, it-tmexxija tas-servizzi operattivi tal-amministratur tal-infrastruttura hija obbligata li tieħu miżuri xierqa sabiex ittemm it-tfixkil u tistabbilixxi mill-ġdid it-traffiku skont il-programm u l-iskeda. […]

b)       Il-benefiċjarji tal-aċċess għan-netwerk għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom b’mod permanenti persuna ta’ kuntatt li hija awtorizzata biex tieħu deċiżjonijiet jew inkella direttur tagħhom stess, li d-direttur tal-amministratur tal-infrastruttura għandu jinforma f’każ ta’ tfixkil jew periklu u li l-bżonnijiet tiegħu jittieħdu f’kunsiderazzjonijiet għall-finijiet tal-istabbiliment mill-ġdid ta’ kundizzjonijiet normali ta’ ħidma.

c)       Forza maġġuri u ċirkustanzi straordinarji imprevedibbli oħrajn:

–        L-amministratur tal-infrastrutura huwa obbligat, f’każ ta’ tfixkil għaċ-ċirkulazzjoni ferrovjarja kkawżata minn ħsarat tekniċi jew inċidenti, li jagħmel dak kollu li hu meħtieġ sabiex jistabbilixxi mill-ġdid kundizzjonijiet normali t’a użu. Għal dan il-għan huwa għandu jfassal pjan ta’ urġenza, li jinkludi l-korpi li għandhom jiġu informati f’każ ta’ inċidenti serji jew tfixkil serju li jinqalgħu għaċ-ċirkulazzjoni ferrovjarja.

–        Fuq talba tal-amministratur tan-netwerk, il-benefiċjarju tal-aċċess għan-netwerk huwa obbligat, bi ħlas, li jipprovdi l-mezzi meqjusa l-iktar adatti għall-finijiet tal-istabbiliment mill-ġdid fil-pront ta’ kundizzjonijiet normali ta’ ħidma.

–        L-amministratur tal-infrastruttura jista’ f’każ ta’ periklu li jrendi momentarjament inutilizzabbli n-netwerk ferrovjarju u waqt li jinforma lill-partijiet ikkonċernati, li jneħħi l-mogħdijiet tal-ferrovija allokati għat-tul ta’ żmien meħtieġ sabiex is-sitwazzjoni terġa’ tinġieb lura għan-normal. Fuq talba tal-parti kkonċernata, [il-VPE] toffrilha, għal dak it-tul ta’ żmien, mogħdija ferrovjarja oħra magħżula fost il-kapaċitajiet disponibbli.”

III – Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.      B’ittra tas-26 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni intimat lill-Ungerija biex tippreżentalha l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440, kif ukoll taħt l-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14, u dawk taħt l-Artikoli 3,  6(1), 6(2) sa (5), 7(3), 8, 11 u 30(3) ta’ din l-istess direttiva. Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Awwissu 2008, l-Ungerija rrispondiet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni. Din l-ittra kienet issupplimentata minn ittri oħrajn, b’mod partikolari dik tal-10 ta’ Ġunju 2009.

25.      B’ittra tat-8 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata fejn hija kkonstatat li l-Ungerija ma ssodisfatx l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440, u taħt l-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14, u lanqas taħt l-Artikoli 6(1), 6(2), 7(3), 8(1) u 11 tal-istess direttiva. Il-Kummissjoni talbitha biex tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika tagħha. B’ittra tas-16 ta’ Diċembru 2009, l-Ungerija rrispondiet għall-opinjoni motivata u kkontestat l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-Kummissjoni.

26.      Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta tal-Ungerija, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors, li wasal għand il-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Settembru 2010.

27.      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2011, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Polonja ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Ungerija. B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ April 2011, ir-Repubblika Taljana ġiet ammessa biex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Ungerija fuq il-bażi tal-Artikolu 93(7) tar-Regoli tal-Proċedura.

28.      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni ħabbret li hija kienet qiegħda tirrinunzja għas-sitt ilment tar-rikors tagħha, ibbażat fuq l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2001/14, dwar l-istabbiliment ta’ sistema ta’ titjib tas-servizzi tan-netwerk ferrovjarju.

29.      Il-Kummissjoni, l-Ungerija, ir-Repubblika Taljana kif ukoll ir-Repubblika tal-Polonja kienu rrappreżentati matul is-seduta li saret fit-23 ta’ Mejju 2012.

IV – Il-motivi u l-argumenti tal-partijiet

A –    Fuq l-ewwel ilment dwar l-indipendenza tal-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija

1.      Argumenti tal-partijiet

30.      Il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, impriża ferrovjarja ma tistax tieħu deċiżjoni dwar l-allokazzjonijiet tal-mogħdijiet tal-ferrovija, peress li l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija hija funzjoni essenzjali sabiex tiggarantixxi aċċess ekwu u nondiskriminatorju għall-infrastruttura li tissemma fl-Anness II tad-Direttiva 91/440 u li għaliha huwa applikabbli r-rekwiżit ta’ indipendenza. L-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura b’hekk għandha taqa’ taħt il-kompetenza ta’ organu ta’ allokazzjoni indipendenti.

31.      L-amministrazzjoni tat-traffiku hija parti mill-allokazzjoni tal-mogħdija tal-ferrovija u għandha titwettaq fl-Ungerija mill-VPE, li huwa organu mill-’ impriżi ferrovjarji, u mhux minn MÁV Zrt. u GySEV Zrt. li huma l-amministraturi tal-infrastruttura, iżda wkoll impriżi ferrovjarji.

32.      Hija tindika, minn naħa, li l-amministratur tat-traffiku għandu jkun aġġornat bid-deċiżjonijiet tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet sabiex ikun jista’ jwettaq din il-ġestjoni. Għalkemm, fl-Ungerija, l-amministraturi tal-infrastruttura, MÁV Zrt. u GySEV Zrt., huma informati, b’mod konformi mar-regolament operattiv, dwar kull deċiżjoni ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet fir-rigward tal-kompetituri tagħhom, huma essenzjalment isiru parti involuta f’dan il-proċess ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet.

33.      Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, l-amministrazzjoni tat-traffiku timplika, fil-każ ta’ tfixkil fis-servizz jew ta’ periklu, li l-amministratur tat-traffiku jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kundizzjonijiet normali tat-traffiku. F’każ bħal dan, l-amministratur tat-traffiku ma jkollux għażla oħra għajr li jinjora l-iskeda deċiża qabel biex jalloka mill-ġdid il-mogħdijiet tal-ferrovija u l-kapaċità tan-netwerk disponibbli. Fl-Ungerija, hija r-responsabbiltà taż-żewġ amministraturi tal-infrastruttura li jieħdu l-miżuri intiżi biex jiġi rrimedjat tfixkil filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet tal-impriżi ferrovjarji.

34.      Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li, f’sitwazzjoni ordinarja, l-amministratur tat-traffiku jillimita ruħu li jeżegwixxi d-deċiżjonijiet meħuda mill-VPE, jorganizza ċ-ċirkulazzjoni tal-vaguni tal-merkanzija skont l-iskedi u ma għandux influwenza fuq id-deċiżjonijiet ta’ tqassim tal-kapaċitajiet jew tal-allokazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-fatt li dan l-amministratur jintervjeni lokalment sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid it-traffiku fil-każ ta’ periklu jew tfixkil jimplika, skont il-Kummissjoni, li huwa jieħu deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet tal-ferrovija u li huwa għandu marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. It-tneħħija ta’ mogħdija tal-ferrovija b’hekk hija wkoll intervent li hija funzjoni essenzjali li tolqot l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija fis-sens tal-Anness II tad-Direttiva 91/440.

35.      Il-Kummissjoni tqis li impriża ferrovjarja li tieħu ħsieb l-amministrazzjoni tat-traffiku tikseb minnha vantaġġ kompetittiv inkwantu, biex tkun tista’ twettaq il-kompiti inerenti għall-imsemmija amministrazzjoni, din l-impriża għandha neċessarjament ikollha tagħrif dettaljat dwar is-servizzi offruti mill-impriżi ferrovjarji, il-volum tas-servizzi u l-iskedi. Ikun kontra l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 u l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 jekk impriża ferrovjarja, tkun liema tkun, tkun tista’ jkollha tagħrif, permezz tal-attività ta’ amministrazzjoni tat-traffiku, dwar l-operat tal-infrastruttura mill-kompetituri tagħha jew jekk tkun tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tieħu deċiżjonijiet b’konsegwenza ta’ dan dwar l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija jew it-tqassim tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura. Il-Kummissjoni tiddikjara wkoll li, fit-twettiq tal-iskedi, l-amministratur tat-traffiku dejjem ikollu influwenza de facto fuq it-traffiku u li l-kompetituri jkunu jafu biss l-iskedi ppubblikati u jinjoraw il-movimenti ferrovjarji reali.

36.      Rigward ir-relazzjoni bejn l-amministrazzjoni tat-traffiku u l-amministrazzjoni tal-infrastruttura, il-Kummissjoni tfakkar li r-rekwiżit ta’ indipendenza li għalih hija suġġetta l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija japplika wkoll meta din l-allokazzjoni sseħħ fil-qafas tal-amministrazzjoni tat-traffiku. Din tal-aħħar tinkludi għadd kbir ta’ kompiti li b’mod ċar ma humiex relatati mal-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija, bħall-manutenzjoni, il-kostruzzjoni ta’ mogħdijiet u investimenti oħrajn, li minnhom jinkarigaw ruħhom l-impriżi ferrovjarji.

37.      Il-Gvern Ungeriż isostni li, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, jitqiesu bħala funzjonijiet essenzjali l-attivitajiet imsemmija espressament fl-Anness II tal-imsemmija direttiva. It-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jiddefinixxi b’mod mhux eżawrjenti l-funzjonijiet li, għalkemm jistgħu jkunu attivitajiet fis-sens tal-Anness II jew jaqgħu taħt dawn tal-aħħar, jistgħu jitwettqu wkoll minn impriżi ferrovjarji.

38.      Il-leġiżlazzjoni Ungeriża ma tippermettix lill-amministratur tat-traffiku li jipproċedi għad-distribuzzjoni mill-ġdid tal-mogħdijiet tal-ferrovija, anki fil-każ ta’ periklu jew tfixkil. Huwa fil-kompetenza esklużiva ta’ VPE, bħala organiżmu indipendenti, li jalloka l-mogħdijiet tal-ferrovija u li jqassam il-kapaċitajiet tal-infrastruttura.

39.      Fil-fatt, minn naħa, il-missjoni essenzjali tal-amministratur tat-traffiku hija li jeżegwixxi d-deċiżjonijiet ta’ tqassim tal-kapaċitajiet u ta’ allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija adottati minn VPE. L-amministratur tat-traffiku m’għandux is-setgħa li jieħu deċiżjonijiet f’dan il-qasam u ma jistax jikkontrolla l-mogħdijiet tal-ferrovija attribwiti u lanqas il-kapaċitajiet. Fil-kuntest tas-servizz ta’ għassa ta’ 24 siegħa, VPE tinsab f’pożizzjoni li tirċievi u li tipproċessa t-talbiet għal mogħdijiet tal-ferrovija f’kull ħin tal-ġurnata.

40.      Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ periklu jew tfixkil fis-servizz, l-amministratur tat-traffiku lanqas ma jkollu s-setgħa li jqassam il-kapaċitajiet. F’każ bħal dan, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid ċirkulazzjoni normali, dak l-amministratur ikun f’pożizzjoni li jintervjeni immedjatament u jadotta miżuri li jiggarantixxu kemm jista’ jkun malajr l-użu ta’ massimu ta’ mogħdijiet tal-ferrovija u ta’ kapaċitajiet fost dawk allokati minn VPE.

41.      Madankollu, fil-każ ta’ mogħdijiet tal-ferrovija li ma jkunux jistgħu jitqiegħu f’servizz minkejja l-miżuri adottati, l-amministratur tal-infrastruttura jista’ jannulla mogħdija, liema dritt huwa pprovdut ukoll fl-Artikolu 14(8) tar-Regolament 913/2010 f’ċerti każijiet. Il-Gvern Ungeriż jippreċiża li l-possibbiltà għall-amministratur tat-traffiku li jneħħi l-mogħdijiet tal-ferrovija hija miftuħa biss meta parti minn dik il-mogħdija momentarjament ma tkunx tista’ tintuża u ċ-ċirkulazzjoni tkun bi kwalunkwe mod impossibbli. B’hekk din ma hijiex deċiżjoni diskrezzjonarja ta’ projbizzjoni li tintuża mogħdija, iżda għeluq temporanju ta’ parti minn mogħdija tal-ferrovija għal raġunijiet ta’ sigurtà li matulu VPE ikollha tipprovdi mogħdija ferrovjarja oħra għad-dispożizzjoni tal-impriża ferrovjarja kkonċernata.

42.      Skont il-Gvern Ungeriż, l-istabbiliment mill-ġdid taċ-ċirkulazzjoni normali tal-ferroviji li jinvolvi miżuri ta’ natura teknika u ta’ sigurtà ferrovjarja, minn naħa, u l-allokazzjoni mill-ġdid tal-mogħdijiet tal-ferrovija li għandha tiġi eżegwita minn VPE, min-naħa l-oħra, huma żewġ attivitajiet differenti.

43.      Minn dan isegwi, skont l-awtoritajiet Ungeriżi, li l-amministratur tat-traffiku ma għandu ebda influwenza fuq l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija, għaliex dan iseħħ fi stadju upstream tat-tqegħid f’ċirkulazzjoni. L-amministratur tal-infrastruttura għandu l-obbligu li jikkonkludi kuntratt li huwa konformi mal-mogħdija allokata mal-benefiċjarju tad-dritt ta’ aċċess u li jippermetti ċ-ċirkulazzjoni tal-ferrovija skont il-mogħdija allokata, taħt piena għall-amministratur tal-infrastruttura li jbati l-konsegwenzi ġuridiċi previsti mill-kuntratt. Għaldaqstant, il-fatt li tittieħed konjizzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet wara li dawn ikunu ġew adottati ma huwiex ekwivalenti għal teħid ta’ deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija.

44.      Il-Gvern Ungeriż iqis li l-amministrazzjoni tat-traffiku taqa’ taħt l-amministrazzjoni tal-infrastruttura, b’mod li ma huwiex realistiku li ssir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ attivitajiet inkwantu dan imur kontra l-applikazzjoni prattika tagħha. Ir-relazzjoni stretta bejn l-amministrazzjoni tat-traffiku u l-amministrazzjoni tal-infrastruttura hija, barra minn hekk, indikata mid-Direttiva 91/440 li l-Artikolu 3 tagħha jipprovdi li tista’ tagħmel parti mill-missjonijiet tal-amministratur tal-infrastruttura l-amministrazzjoni tas-sistemi ta’ regolazzjoni u ta’ sigurtà.

45.      Il-Gvern Ungeriż jikkontesta li l-amministratur tal-infrastruttura, fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ ġestjoni tat-traffiku, jikseb vantaġġ kompetittiv inkwantu ma jipproċedi għal ebda allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija anki fil-każ ta’ tfixkil jew periklu meta huwa ma jkunx jista’ jieħu konjizzjoni tal-informazzjoni msemmija mill-Kummissjoni ħlief wara li d-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija jkunu diġà ġew adottati mill-VPE. Huwa jaqbel mal-Kummissjoni li l-amministratur tat-traffiku għandu neċessarjament ikollu għarfien dettaljat tas-servizzi offruti mill-impriżi ferrovjarji, tal-volum tas-servizzi u tal-iskedi.

46.      Il-Gvern Pollakk isostni l-argument tal-Gvern Ungeriż li l-intervent eventwali tal-amministratur tat-traffiku fil-każ ta’ tfixkil tat-traffiku jew periklu ma jimplika ebda allokazzjoni ġdida tal-mogħdijiet tal-ferrovija. Dan jikkonsisti fl-adozzjoni ta’ reazzjoni ad hoc, li għaliha tkun ippreparata biss l-entità li tieħu ħsieb l-amministrazzjoni ta’ kuljum tat-traffiku ferrovjarju.

47.      Il-Gvern Pollakk ifakkar ukoll li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 jeżiġi biss li jintlaħaq l-għan ta’ aċċess ekwu u nondiskriminatorju għall-infrastruttura. Il-premessa 11 tad-Direttiva 2001/14 tirreferi għal dan l-għan. Skont il-Gvern Pollakk, il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda argument ta’ fatt jew ta’ liġi li juri li l-Ungerija ma kisbitx dan l-għan.

48.      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tal-Polonja, il-Kummissjoni tikkonstata li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-korp li jalloka l-mogħdijiet tal-ferrovija ma huwiex osservat mil-leġiżlazzjoni Ungeriża, huwa inutli li jiġu ċċitati każijiet ta’ abbuż konkreti min-naħa tal-amministraturi tal-infrastruttura inkwantu dan ir-rekwiżit huwa intiż preċiżament biex jiżgura li, permezz tal-implementazzjoni ta’ strutturi adegwati, l-għan stabbilit jista’ b’mod ġenerali jintlaħaq.

2.      Eżami tal-ewwel ilment

a)      Osservazzjonijiet preliminari

49.      Id-Direttiva 91/440, fil-verżjoni oriġinali tagħha, bdiet il-liberalizzazzjoni tat-trasport ferrovjarju billi stabbilixxiet dritt ta’ aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja favur l-impriżi tat-trasport. L-istabbiliment ta’ dan id-dritt ta’ aċċess kien akkumpanjat minn prinċipju ta’ separazzjoni bejn l-amministrazzjoni tal-infrastruttura u l-attività relatata mas-servizzi tat-trasport. Madankollu, l-imsemmi prinċipju ta’ separazzjoni ma kienx jirrigwarda l-istrutturi, iżda l-funzjonijiet, b’mod iktar preċiż il-funzjoni ta’ kontabbiltà. Huwa indikat biss fuq bażi opzjonali li din is-seperazzjoni tista’ tinkiseb permezz tal-ħolqien ta’ taqsimiet ta’ korpi distinti fi ħdan l-istess impriża jew billi l-infrastruttura tkun immexxija minn entità separata. B’hekk ma tqajmux dubji dwar mudell nazzjonali integrat.

50.      Id-Direttivi 95/18/KE u 95/19/KE (10), kif ukoll dawk tal-ewwel pakkett ferrovjarju, madankollu kellhom l-għan li jimplementaw id-dritt ta’ aċċess billi jipprovdu għall-ħolqien ta’ liċenzji għall-impriżi tat-trasport u regoli għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet u l-impożizzjoni ta’ tariffi. Sabiex jiġi żgurat aċċess nondiskriminatorju, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 stabbilixxa l-prinċipju ta’ indipendenza tal-korp inkarigat mill-funzjonijiet essenzjali, li issa huma elenkati fl-Anness II tal-imsemmija direttiva.

51.      Dan jikkonsisti fil-ħruġ ta’ liċenzji lill-impriżi ferrovjarji, it-tqassim tal-kapaċitajiet, l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija individwali, l-iffissar tat-tariffa li għandu jsir mill-impriżi tat-trasport kif ukoll il-kontroll tal-osservanza tal-obbligi ta’ servizz pubbliku. L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 u l-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14 jirreferu rispettivament għall-indipendenza ta’ “awtorità jew impriża” li tamministra l-aċċess għan-netwerk, ta’ “korp għall-impożizzjoni ta' tariffi” u ta’ “korp għall-allokazzjoni” tal-kapaċitajiet.

52.      L-imsemmija funzjonijiet essenzjali jikkorrispondu għall-funzjonijiet li fi kwalunkwe każ ma jistgħux jiġu eżerċitati minn impriża tat-trasport ferrovjarju. Dawn il-funzjonijiet jistgħu, min-naħa l-oħra, jiġu eżerċitati jew mill-amministratur, jekk ikun indipendenti minn kull impriża ferrovjarja, b’mod partikolari mill-operatur storiku, jew, f’każ kuntrarju, minn “korp”. Id-deċiżjonijiet kollha tal-korpi inkarigati minn funzjonijiet essenzjali jistgħu jkunu suġġetti għal rikors quddiem korp ta’ kontroll indipendenti stabbilit mill-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14.

53.      Il-funzjoni essenzjali ta’ tqassim u ta’ allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija titwettaq fl-Ungerija minn VPE, li hija korp indipendenti mill-impriżi ferrovjarji. Min-naħa l-oħra, MÁV Zrt. u GySEV Zrt., li huma l-amministraturi tal-infrastruttura, huma wkoll impriżi ferrovjarji. Fil-qalba tal-ewwel ilment tal-Kummissjoni b’hekk insibu l-kwistjoni dwar jekk l-amministrazzjoni tat-traffiku taqax taħt il-kunċett ta’ amministrazzjoni tal-infrastruttura u, f’każ affermattiv, jekk din tinkludix it-tqassim u l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija u għandhiex, għaldaqstant, tiġi rriżervata għal korp mill-’ impriżi ferrovjarji. Sabiex tkun tista’ tingħata risposta għal dawn id-domandi jeħtieġ li tiġi kkjarifikata t-tifsira preċiża tal-kunċetti ta’ “funzjoni essenzjali” u ta’ “mogħdija”.

b)      Funzjoni essenzjali u mogħdija

54.      Skont l-Anness II tad-Direttiva 91/440, fost il-funzjonijiet essenzjali msemmija fl-Artikolu 6(3), insibu dik ta’ “preparazzjoni u teħid tad-deċiżjonjiet” relatati mal-ħruġ ta’ liċenzji lill-impriżi ferrovjarji, dik ta’ “teħid ta’ deċiżjonijiet” relatati mal-allokazzjoni ta’ mogħdijiet tal-ferrovija, inkluża “l-allokazzjoni” ta’ mogħdijiet tal-ferrovija individwali, dik tat-“teħid ta’ deċiżjonijiet” dwar l-impożizzjoni ta’ tariffi għall-infrastruttura, u dik tal-“osservanza” tas-sorveljanza tal-obbligi tas-servizz pubbliku meħtieġa fil-provvista ta’ ċerti servizzi. Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ferrovjarju, funzjoni essenzjali tikkonsisti f’attivitajiet ta’ natura amministrattiva jew kważi amministrattiva, bħat-tħejjija u l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet jew il-kontroll tal-osservanza tal-obbligi.

55.      Min-naħa l-oħra, skont il-punt 1 tal-Anness II tad-Direttiva 2001/14, is-servizzi minimi kollha li l-amministratur tal-infrastruttura għandu jipprovdi lill-impriżi ferrovjarji jinkludu, inter alia, skont il-paragrafu (d), ir-regolazzjoni taċ-ċirkulazzjoni tal-ferroviji li tinkludi s-sinjalazzjoni, ir-regolazzjoni, id-dispatching, kif ukoll il-komunikazzjoni u l-għoti ta’ informazzjoni dwar iċ-ċirkulazzjoni tal-ferroviji u, taħt (e), kull informazzjoni oħra neċessarja għall-implementazjoni jew it-tħaddim tas-servizz li għalih ikunu ġew allokati l-kapaċitajiet. Dawn b’hekk huma provvisti ta’ servizz li, fil-fehma tiegħi, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju.

56.      Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/14, “mogħdija tal-ferrovija” tfisser il-kapacità infrastrutturali meħtieġa sabiex titmexxa ferrovija bejn żewġ postijiet f’mument partikolari. L-allokazzjoni ta’ mogħdija tal-ferrovija permezz tal-inklużjoni tagħha fl-iskeda jew b’deċiżjoni ad hoc b’mod konformi mal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/14 tikkostitwixxi għall-impriża ferrovjarja dritt li tuża kapaċitajiet partikolari tal-infrastruttura. Ġuridikament, dan jikkorrispondi għall-għoti ta’ liċenzja jew ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva jew kważi amministrativa. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 13(2), li jipprovdi għad-“dritt ta’ l-użu ta’ kapaċità specifika infrastrutturali fil-forma ta’ mogħdija tal-ferrovija”.

57.      Bħal kull dritt ieħor, id-dritijiet fil-forma ta’ mogħdijiet tal-ferrovija wkoll jistgħu jiġu eżerċitati mit-titolari tagħhom billi jiġu eżerċitati l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak id-dritt. Fir-rigward tal-mogħdijiet tal-ferrovija, l-eżerċizzju jikkonsisti fl-użu tal-parti mil-linji tal-ferrovija inkwistjoni fil-mument kopert mill-mogħdija tal-ferrovija. Għandu jingħad ukoll li n-nuqqas ta’ użu ta’ mogħdija jista’, skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2001/14, iwassal għall-obbligu li din tiġi rrinunzjata.

58.      Fuq il-bażi ta’ dawn ir-riflessjonijiet, jidhirli li l-amministrazzjoni tat-traffiku tikkonsisti f’servizzi inklużi fil-kamp ta’ amministrazzjoni tal-infrastruttura. Effettivament, skont l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2001/14, l-amministrazzjoni tal-infrastruttura “tista’ tinkludi wkoll l-amministrazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll u sigurtà ta’ l-infrastruttura”.

59.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-attivitajiet ta’ amministrazzjoni tat-traffiku jinkludu mhux l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet tal-ferrovija, iżda biss l-implementazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet jew permezz tal-adozzjoni tal-iskedi, jew inkella permezz tal-allokazzjoni ta’ mogħdijiet tal-ferrovija ad hoc. L-amministrazzjoni tat-traffiku ferrovjarju tirrappreżenta attività fattwali li tiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv, b’mod għalkollox sigur, tad-drittijiet li jintużaw kapaċitajiet tan-netwerk fil-forma ta’ mogħdijiet tal-ferrovija. Fi kliem ieħor, meta l-amministratur tan-netwerk jagħti d-dawl l-aħdar lil ferrovija, din il-miżura ma tikkostitwixxix dritt għal mogħdija. Bl-istess mod, sinjal aħmar mill-amministratur tan-netwerk ma huwiex ekwivalenti għal rinuzja tal-mogħdija tal-ferrrovija. B’hekk għandha tiġi evitata kull konfużjoni bejn l-eżistenza ta’ drittijiet u l-eżerċizzju tagħhom, inkwantu s-sistemi stabbiliti għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni tad-diversi forom ta’ traffiku permezz tal-għoti ta’ drittijiet jinsabu f’livell kompletament differenti mill-kontroll ta’ kuljum tal-eżerċizju ta’ tali drittijiet mill-awtoritajiet kompetenti, bħall-pulizija, il-pilotaġġ jew l-amministrazzjoni tat-traffiku ferrovjarju.

60.      Minn dan isegwi li l-amministrazzjoni tat-traffiku ma timplikax teħid ta’ deċiżjoni fis-sens tal-lista ta’ funzjonijiet essenzjali. Peress li, kif jirriżulta mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, l-Istati Membri jistgħu jafdaw lill-impriżi ferrovjarji jew lil kull entità oħra bir-responsabbiltà għall-amministrazzjoni tal-infrastruttura lil hinn mill-funzjonijiet essenzjali, l-amministrazzjoni tat-traffiku b’hekk tista’ tiġi fdata lil impriżi ferrovjarji bħal MÁV Zrt. u GySEV Zrt.

61.      Din il-konklużjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni litterali u sistematika tad-Direttivi 91/440 u 2001/14. Ma’ din wieħed għandu jżid li ma huwiex faċilment konċepibbli li l-leġiżlatur xjentament naqas milli jsemmi kwistjoni daqstant importanti bħall-amministrazzjoni tat-traffiku fl-Anness II tad-Direttiva 91/440, jekk l-għan tiegħu kien li din tkun inkluża fost il-funzjonijiet essenzjali. Madankollu, xorta għandu jiġi eżaminat jekk l-argument teleoloġiku żviluppat mill-Kummissjoni huwiex ta’ tali natura li jimmina din il-konklużjoni.

62.      Skont il-Kummissjoni, l-amministratur tat-traffiku għandu jkun aġġornat bid-deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet sabiex ikun jista’ jwettaq din l-amministrazzjoni, inkwantu peress li MÁV Zrt. u GySEV Zrt. huma informati, b’mod konformi mar-regolament dwar l-operat, bi kwalunkwe deċiżjoni ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet li jikkonċernaw lill-kompetituri tagħhom, dawn l-operaturi essenzjalment isiru parti involuta fil-proċess ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet.

63.      Dan l-argument ma huwiex konvinċenti. Fir-realtà, l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tikkonsisti jew fl-istabbiliment tal-iskedi ta’ servizzi regolari għan-netwerk, jew inkella fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet individwali li jallokaw mogħdijiet tal-ferrovija ad hoc. F’kull każ, id-Direttiva 2001/14 tipprovdi regoli dettaljati li jimponu obbligi proċedurali u sostantivi fuq il-korp tal-allokazzjoni li jamministra l-infrastruttura. Jiena ma narax l-allegata rabta bejn l-attivitajiet inklużi fil-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju u l-kompiti tal-korp ta’ allokazzjoni deskritti fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2001/14.

64.      Rigward il-fatt li MÁV Zrt. u GySEV Zrt. huma neċessarjament informati b’kull deċiżjoni ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet li jikkonċernaw lill-kompetituri tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li tali deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet huma ġeneralment inklużi fl-iskedi ta’ servizz regolari li huma min-natura tagħhom stess aċċessibbli għal terzi. F’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija ad hoc, jidhirli li l-amministratur tal-infrastruttura, anki kieku ma kienx inkarigat mill-amministrazzjoni tat-traffiku, għandu jiġi informat b’dan, meta titqies l-eventwalità ta’ ħidma ta’ manutenzjoni fuq il-parti tan-netwerk ikkonċernata u n-neċessità ta’ aċċess għal servizzi, bħall-użu tal-fergħat u s-sistemi ta’ qlib tan-netwerk.

65.      Billi aċċetta li l-amministrazzjoni tal-infrastruttura, bl-eċċezzjoni tal-funzjonijiet essenzjali, tista’ tiġi fdata lill-impriżi ferrovjarji jew lil kull entità oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni neċessarjament ammetta li, meta l-manutenzjoni tan-netwerk tiġi fdata lil impriża ferrovjarja, din tal-aħħar ikollha bżonn informazzjoni dwar l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet.

66.      Għad irid jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni li l-amministrazzjoni tat-traffiku timplika, fil-każ ta’ tfixkil tas-servizz jew ta’ periklu, li l-amministratur tat-traffiku jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti mill-ġdid kundizzjonijiet normali ta’ ċirkulazzjoni. F’tali każ, l-amministratur tat-traffiku ma jkollux għażla oħra għajr li jinjora l-iskeda stabbilita qabel sabiex jalloka mill-ġdid il-mogħdijiet tal-ferrovija u l-kapaċità tan-netwerk disponibbli. Il-fatt li l-imsemmi amministratur jintervjeni lokalment sabiex jistabbilixxi mill-ġdid iċ-ċirkulazzjoni, fil-każ ta’ periklu jew tfixkil, jimplika, skont il-Kummissjoni, li huwa jieħu deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija u li għandu diskrezzjoni f’dan ir-rigward. It-tneħħija ta’ mogħdija tal-ferrovija b’hekk hija intervent li hija funzjoni fundamentali li tolqot l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija fis-sens tal-Anness II tad-Direttiva 91/440.

67.      Dan l-argument jidhirli li huwa bbażat fuq konfużjoni bejn l-istabbiliment tad-drittijiet u l-eżerċizzju tagħhom. L-allokazzjoni tad-drittijiet b’kapaċità partikolari fil-forma ta’ mogħdijiet tal-ferrovija hija funzjoni li, fl-Ungerija, hija attribwita fuq bażi esklużiva lil VPE. Kif wera l-Gvern Ungeriż, dan japplika wkoll fil-każ ta’ tfixkil taċ-ċirkulazzjoni tal-ferroviji minħabba ħsara teknika jew inċident, kif imsemmi fl-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2001/14 (11). Huwa l-amministratur tal-infrastruttura li għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżgura li s-sitwazzjoni terġa’ tinġieb għan-normal, kompitu li jista’ jinkludi t-tneħħija tal-mogħdijiet tal-ferrovija. Min-naħa l-oħra, l-allokazzjoni tagħhom mill-ġdid taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-korp ta’ allokazzjoni indipendenti, f’dan il-każ VPE.

68.      L-amministrazzjoni tat-traffiku tikkonsisti f’miżuri meħuda mill-amministratur sabiex id-drittijiet għall-kapaċità fil-forma ta’ mogħdijiet tal-ferrovija jkunu jistgħu jiġu eżerċitati. Dan it-tip ta’ deċiżjonijiet ma jistax jitqabbel ma’ allokazzjoni jew attribuzzjoni ta’ mogħdijiet tal-ferrovija. Kieku dan ma kienx hekk, impriża ferrovjarja, pereżempju, li jkollha dritt għal mogħdija bejn l-ibliet A u B ta’ 15 sa 16-il siegħa, tkun tibbenefika minn żewġ allokazzjonijiet ta’ mogħdija tal-ferrovija, bl-ewwel waħda tikkorrispondi għall-adozzjoni tal-iskeda tas-servizz mill-korp kompetenti u t-tieni waħda għall-għoti tas-sinjal aħdar fil-venda tal-belt A wara 15-il siegħa fuq l-inizjattiva tal-amministratur tat-traffiku. Din l-analiżi ma hijiex konvinċenti.

69.      Għal din ir-raġuni, id-deċiżjonijiet tal-amministratur tat-traffiku li jneħħu l-mogħdijiet tal-ferrovija fil-każ ta’ urġenza u ta’ neċessità assoluta għandhom jitqiesu mhux bħala attribuzzjonijiet mill-ġdid tal-mogħdijiet tal-ferrovija, iżda bħala interventi ta’ urġenza li jaffettwaw l-eżerċizzju tagħhom. Peress li, skont id-diċitura tiegħu, l-ewwel subparagrafu tal-Artkolu 29(2) tad-Direttiva 2001/14 ma jiddefinixxix l-entità awtorizzata inkarigata biex tiddeċiedi tali interventi ta’ urġenza, għall-kuntrarju tal-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jew fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, ma huwiex eskluż li dan jista’ jikkonsisti fl-amministratur tal-infrastruttura, anki meta jkun jikkonsisti f’impriża ferrovjarja jew f’awtoritajiet tal-pulizija jew tal-protezzjoni ċivili.

70.      Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex ma tilqax l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni.

B –    Fuq it-tieni lment, dwar l-indipendenza tal-impożizzjoni ta' tariffi

1.      Argumenti tal-partijiet

71.      Il-Kummissjoni targumenta li, skont l-Artikoli 6(3) tad-Direttiva 91/440 u 4(2) tad-Direttiva 2001/14, entità li tipprovdi servizzi ta’ trasport ferrovjarju ma tistax tieħu deċiżjoni dwar l-iffissar ta’ tariffi, peress li tali entità tkun intitolata biss għall-irkupru ta’ dawn it-tariffi. Għall-kuntrarju ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet, l-istabbiliment u l-iffissar ta’ tariffi għandhom ikunu żgurati minn korp ta’ impożizzjoni ta' tariffi indipendenti.

72.      Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Ungeriża tmur kontra dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet inkwantu l-fatturi dettaljati tat-tariffi li għandhom jitħallsu għall-użu tal-infrastruttura huma stabbiliti mill-amministraturi tal-infrastruttura, MÁV Zrt. u GySEV Zrt., li huma wkoll impriżi ferrovjarji.

73.      Il-Kummissjoni tosserva li l-espressjoni “id-determinazzjoni tal-piż [tat-tariffa] għall-uzu ta’ l-infrastruttura” msemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14 għandha tinftiehem, minn naħa, bħala l-iffissar ġenerali tat-tariffi, li jikkonsisti f’li jiġi stabbiliti fir-regolament operativ, l-ammont tat-tariffa għal kull kilometru għal kull parti tal-linja tal-ferrovija u, min-naħa l-oħra, bħala l-kalkolu konkret tal-ammonti dovuti mid-diversi utenti, fuq il-bażi tat-tul tal-parti tal-linja tal-ferrovija użata. Skont l-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, il-possibbiltà li amministratur tal-infrastruttura mhux indipendenti jkun jista’ jinkariga ruħu mill-irkupru tat-tariffi għandha tiġi interpretata b’mod strett, għaliex din hija eċċezjoni għar-regola ġenerali.

74.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li impriża ferrovjarja li hija inkarigata li toħroġ fatturi dettaljati tat-tariffi tikseb vantaġġ kompetittiv minn dawn inkwantu dawn neċessarjament jirreferu b’mod partikolari għas-servizzi użati mill-impriżi ferrovjarji kompetituri, għall-volum ta’ dawn is-servizzi u għas-siegħat tal-użu tagħhom. L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 jinvoka espressament il-prinċipju ta’ aċċess ekwu u nondiskriminatorju.

75.      Il-Gvern Ungeriż jikkontesta li l-amministraturi tal-infrastruttura jieħdu deċiżjonijiet dwar l-iffissar tat-tariffi, inkwantu dawn huma inkarigati mill-fatturazzjoni li tirrigwarda l-irkupru tat-tariffi, li ma hijiex funzjoni essenzjali fis-sens tad-Direttiva 91/440 li għandha titwettaq minn korp indipendenti. Il-fatturazzjoni hija biss mezz tekniku meħtieġ għall-ġbir ta’ dawn it-tariffi.

76.      Il-Gvern Ungeriż jagħmel distinzjoni bejn il-formazzjoni tat-tariffi, l-iffissar effettiv tagħhom u l-irkupru tagħhom. L-ewwel wieħed minn dawn il-kunċetti jikkorrispondi għall-istabbiliment tar-regoli differenti ta’ impożizzjoni ta’ tariffi, li jsir mill-IstatMembru jew mill-amministratur tal-infrastruttura. L-iffissar ta’ dawn it-tariffi jikkonsisti fl-iffissar tad-diversi tariffi individwali li impriża ferrovjarja partikolari jkollha tħallas f’sitwazzjoni konkreta. Hija r-responsabbiltà ta’ VPE, bħala korp indipendenti rikonoxxut mill-Kummissjoni, biex iwettaq il-kompiti marbuta mal-formazzjoni u l-iffissar tat-tariffi. L-irkupru tat-tariffi jfisser l-att ta’ ħlas konkret li permezz tiegħu t-tariffi li jkunu ġew iffissati jitħallsu mill- amministratur tal-infrastruttura. Il-fatturazzjoni hija sempliċement it-traduzzjoni teknika tat-tariffi bbażati fuq il-kalkoli ta’ VPE u għaldaqstant ma taqax taħt il-formazzjoni tat-tariffi jew taħt l-iffissar konkret tagħhom, iżda taħt l-irkupru tat-tariffi.

77.      L-awtoritajiet Ungeriżi jpoġġu f’dubju l-fatt li l-aċċess għal informazzjoni miksuba minn fatturi dettaljati joħloq effett ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni, inkwantu l-amministratur tal-infrastruttura ma għandu l-ebda influwenza fuq l-iffissar tat-tariffi ta’ aċċess għan-netwerk. Barra minn hekk, l-amministratur tal-infrastruttura neċessarjament ikun jaf din l-informazzjoni minn sorsi oħrajn, bħal pereżempju, mill-kuntratt iffirmat mal-impriża ferrovjarja. Anki fil-każ fejn l-amministratur tal-infrastruttura jsir jaf b’informazzjoni li ma kienx jaf biha qabel, huwa f’ebda każ ma jista’ jiżvela din l-informazzjoni lill-fergħat li jieħdu ħsieb it-trasport ferrovjarju.

78.      Il-Gvern Pollakk isostni, bl-istess mod bħall-Gvern Ungeriż, li l-fatturazzjoni tikkonsisti mhux fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ tariffi u lanqas fl-adozzjoni ta’ xi deċiżjoni dwar kwistjonijiet marbuta mal-ġbir tagħhom, iżda tikkostitwixxi element tal-impożizzjoni ta’ tariffi fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/14. Effettivament, il-fatturazzjoni hija attività sekondarja intiża, permezz ta’ operazzjonijiet matematiċi, biex tistabbilixxi riżultat abbażi ta’ rata ta’ tariffa stabbilita minn qabel u skont il-mogħdijiet tal-ferrovija attribwiti qabel u l-użu li jsir minnhom.

2.      Eżami tat-tieni lment

79.      Fl-ewwel lok għandu jiġi osservat li t-tieni ilment jirrigwarda l-istess problema tal-ewwel ilment fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, dwar l-indipendenza tal-impożizzjoni ta' tariffi, iżda f’perspettiva bil-maqlub. F’din il-kawża, l-ilment tal-Kummissjoni jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “determinazzjoni” tat-tariffi fid-dawl tad-delimitazzjoni tal-kompetenzi rispettivi tal-Istat Membru u tal-amministratur tal-infrastruttura (12). F’din il-kawża, il-kwistjoni ta’ interpetazzjoni tirrigwarda l-kunċett ta’ “ġbir” jew “irkupru”, funzjoni li tista’ tiġi eżerċitata wkoll minn amministratur tal-infrastruttura mhux indipendenti mill-kumpanniji ferrovjarji, b’differenza mid-“determinazzjoni tat-tariffi” li tikkostitwixxi funzjoni essenzjali. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddefinixxi x’timplika bħala minimu l-funzjoni essenzjali ta’ “determinazzjoni tat-tariffi” fir-rigward ta’ atturi mhux indipendenti, waqt li fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-kwistjoni kienet tirrigwarda d-definizzjoni ta’ x’timplika bħala massimu dik il-funzjoni essenzjali fir-rigward tal-Istat.

80.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu “qafas” għall-impożizzjoni ta’ tariffi u jistgħu wkoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar l-impożizzjoni ta’ tariffi, filwaqt li josservaw l-indipendenza tal-ġestjoni tal-amministratur tal-infrastruttura. Hija r-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar li jiddetermina t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura u biex jieħu ħsieb l-irkupru tagħha. Dan l-aħħar kompitu b’hekk ma jikkostitwixxix funzjoni essenzjali u jista’, konsegwentement, jiġi ddelegat lil operaturi mhux indipendenti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, l-Istati Membri jistgħu jinkarigaw lill-impriżi ferrovjarji jew lil kwalunkwe entità oħra bil-“ġbir” tat-tariffi (13).

81.      Skont il-Gvern Ungeriż, tista’ tiġi stabbilita distinzjoni bejn il-formazzjoni tat-tariffi, l-iffissar effettiv u l-irkupru tagħhom. Nirrileva li l-Kummissjoni tenfasizza, fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, li t-terminu “determinazzjoni” għandu sens differenti minn dak tat-terminu “likwidazzjoni”, li huwa biss stadju fil-proċedura ta’ ġbir u għandu jitqies li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “irkupru”.

82.      Jidhirli li d-Direttiva 2001/14 tistabbilixxi, permezz tal-verb “jiddetermina”, qasam riżervat għall-amministratur tal-infrastruttura, f’dak li jirrigwarda l-impożizzjoni ta’ tariffi. Il-limitu superjuri tiegħu, fir-rigward tal-Istat, jikkonsisti fir-rekwiżit ta’ marġni ta’ manuvrar fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ tariffi fil-konfront tar-regoli ffissati mill-Istat. Il-limitu inferjuri tiegħu – li ’l fuq minnu jibda l-qasam tal-“irkupru” jew tal-“ġbir” – fil-konfront tal-operaturi mhux indipendenti jikkorrispondi għad-distinzjoni bejn il-kalkolu mekkaniku fuq il-bażi ta’ informazzjoni u kriterji oġġettivi u deċiżjonijiet li jinvolvu għażliet u evalwazzjonijiet dwar il-fatturi li jidħlu f’dan il-kalkolu. Dan l-aħħar limitu huwa dak li fuqu hija bbażata n-neċessità ta’ korp tal-impożizzjoni ta' tariffi separat meta l-amministratur tal-infrastruttura ma jkunx indipendenti fuq il-livell ġuridiku, organizzattiv jew deċiżjonali.

83.      Skont il-Gvern Ungeriż, il-fatturazzjoni hija biss it-traduzzjoni teknika tat-tariffi bbażati fuq il-kalkoli ta’ VPE u għaldaqstant la taqa’ taħt il-funzjoni ta’ formazzjoni tat-tariffi u lanqas taħt dik tal-iffissar konkret tagħhom, iżda taqa’ taħt is-sempliċi rkupru tat-tariffi (14). Jidhirli li l-Kummissjoni ma tinnegax in-natura mekkanika tal-fatturazzjoni, iżda tikkunsidra li l-kunċett ta’ rkupru għandu, bħala eċċezzjoni, ikun suġġett għal interpretazzjoni stretta, b’mod li d-determinazzjoni tat-tariffi jkun jinkludi wkoll il-kalkolu konkret tal-ammonti dovuti mid-diversi utenti, fuq il-bażi tat-tul tal-parti użata mil-linji tal-ferrovija.

84.      B’hekk jidhirli li l-element determinanti, mill-perspettiva tal-Kummissjoni, huwa li impriża ferrovjarja li tkun inkarigata biex tistabbilixxi l-fatturi dettaljati għat-tariffi tikseb vantaġġ kompetittiv, inkwantu hija b’hekk ikollha aċċess għal informazzjoni dwar is-servizzi użati mill-impriżi ferrovjarji kompetituri, dwar il-volum ta’ dawk is-servizzi u dwar is-siegħat tal-użu tagħhom.

85.      Ma jidhirlix li l-analiżi tal-Kummissjoni hija ta’ tali natura li fuqha tista’ tiġi bbażata l-konklużjoni li għaliha qed tipprova tasal il-Kummissjoni. Jidhirli li huwa diffiċli biex wieħed jimmaġina sistema ta’ “rkupru” jew “ġbir” tat-tariffi fejn min ikun responsabbli, u li, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jista’ jkun impriża ferrovjarja, ma jiksibx tagħrif dwar elementi li fuqhom ikunu bbażati l-fatturi li huwa joħroġ. Mill-perspettiva tal-informazzjoni li għaliha jkollha aċċess l-entità inkarigata mill-irkupru, ma hemmx differenza deċiżiva bejn fatturazzjoni permezz tal-applikazzjoni mekkanika ta’ formola ta’ kalkolu għal data li tiġi pprovduta lil din l-entità u l-ġbir tas-somom imsemmija permezz ta’ fatturi maħruġa minn terz.

86.      Barra minn hekk, kif diġà ġie rrilevat (ara l-punt 64 iktar ’il fuq), l-amministratur tal-infrastruttura huwa neċessarjament konxju mill-allokazzjoni tal-kapaċitajiet. Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, informazzjoni oħra li tkun aċċessibbli liberament dwar is-servizzi ferrovjarji u dwar is-somom li għandhom jiġu rkuprati, faċilment jistgħu jintlaħqu l-konklużjonijiet inkwistjoni dwar is-servizzi tal-kompetituri (15).

87.      Għal dawn ir-raġunijiet jidhirli li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tistabbilixxi li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 f’dak li jirrigwarda l-fatturazzjoni tat-tariffi.

88.      Minn dan nikkonkludi li t-tieni lment tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

C –    Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq l-bilanċ finanzjarju tal-amministratur tal-infrastruttura u l-miżuri li jagħtu inċentiv għat-tnaqqis tal-ispejjeż u tat-tariffi

1.      Argumenti tal-partijiet

89.      Il-Kummissjoni tallega li l-Ungerija ma ddefinixxitx il-kundizzjonijiet li jiggarantixxu l-bilanċ finanzjarju tal-amministraturi tal-infrastruttura, għall-kuntrarju ta’ dak li jeħtieġ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14. Hija tirrileva li l-Artikolu 28(1) tal-Liġi dwar il-linja tal-ferrovija jipprovdi li l-ministru kompetenti jintrabat li jiffinanzja permezz ta’ kuntratt l-ispejjeż rikonoxxuti bħala ġġustifikati u li huma sostnuti fil-kuntest tal-amministrazzjoni tan-netwerk mill-impriża ferrovjarja inkarigata mill-amministrazzjoni tal-infrastruttura. Fil-fatt, dan il-kuntratt għadu ma ġiex konkluż.

90.      Bl-istess mod, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Ungeriża ma tinkludix miżuri li jagħtu inċentiv għat-tnaqqis tal-ispejjeż u tat-tariffi, għall-kuntrarju tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14. Hija tirreferi għall-imsemmi Artikolu 28(1) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija li jipprovdi li l-kuntratt imsemmi fl-istess artikolu għandu jħeġġeġ lill-amministraturi tal-infrastruttura biex inaqqsu l-ispejjeż amministrattivi tagħhom kif ukoll it-tariffi għall-aċċess għan-netwerk.

91.      Il-Gvern Ungeriż jargumenta, f’dan ir-rigward, li abbozz ta’ kuntratt fis-sens tal-Artikolu 28(1) tal-Liġi dwar it-trasport ferrovjarju attwalment qiegħed jitħejja.

92.      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tindika li hija għadha ma rċevitx dan l-abbozz ta’ kuntratt, u b’hekk ma tinsabx f’pożizzjoni biex tevalwa jekk dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda humiex konformi mad-Direttiva 2001/14.

2.      Eżami tat-tielet ilment

93.      Fir-rigward tat-tielet ilment, li huwa bbażat fuq l-bilanċ finanzjarju tal-amministratur tal-infrastruttura u l-miżuri ta’ inċentiv għat-tnaqqis tal-ispejjeż u tat-tariffi, huwa biżżejjed jiġi kkonstatat li l-Gvern Ungeriż ma jikkontestax dan l-ilment. Huwa sempliċement jargumenta li l-abbozz ta’ kuntratt imsemmi fl-Artikolu 28(1) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija, li permezz tiegħu l-ministru kompetenti jintrabat li jiffinanzja l-ispejjeż li jsiru fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-infrastruttura u li b’hekk għandu jħeġġeġ lill-amministraturi tal-infrastruttura biex inaqqsu l-ispejjeż ta’ amministrazzjoni tagħhom kif ukoll it-tariffi ta’ aċċess, qiegħed jitħejja.

94.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif kienet ippreżentata fit-tmiem tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata (16).

95.      Minn dan nikkonkludi li t-tielet ilment tal-Kummissjoni huwa fondat.

D –    Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq l-istabbiliment ta’ tariffi fuq il-bażi ta’ spejjeż diretti

1.      Argumenti tal-partijiet

96.      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-leġiżlazzjoni Ungeriża ma hjiex konformi mal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, inkwantu attwalment ma fiha ebda dispożizzjoni li tiggarantixxi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ spejjeż diretti, għall-kuntrarju ta’ dak li teżiġi din id-dispożizzjoni.

97.      Fir-risposta tiegħu, il-Gvern Ungeriż isostni li VPE abbozza r-Regolament Nru 83/2007 (X.6) GKM-PM, li jiddetermina l-metodu għall-istabbiliment tat-tariffi, li daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Diċembru 2010 għal perijodu ta’ ħames snin li għandhom jibdew jiddekorru mis-sena finanzjarja 2010/2011.

98.      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tindika li d-dokument li japprova l-metodu ta’ stabbiliment tat-tariffi għadu ma ntbagħatilhiex u ssostni, fuq qari tar-risposta, li ma jidhirlhiex li dan il-metodu jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/14.

99.      Il-Gvern Pollakk jirrileva li l-Kummissjoni indikat fl-opinjoni motivata tagħha li l-ispejjeż diretti msemmija fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14 għandhom jiżdiedu għal 35 % tal-ispiża totali tal-manutenzjoni tal-infrastruttura. Skont il-Gvern Pollakk, din id-dikjarazzjoni ma ssib ebda bażi fid-Direttiva 2001/14, inkwantu din ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ spiża direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju u fejn l-Istati Membri jkollhom ċerta libertà biex jistabbilixxu t-tariffi ta’ aċċess għall-infrastruttura.

2.      Eżami tar-raba’ lment

100. Għalkemm ir-raba’ lment għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda unikament ksur tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, l-istabbiliment ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’dan ir-rigward ma jqajjem ebda problema partikolari, inkwantu, mal-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata tat-8 ta’ Ottubru 2009, il-leġiżlazzjoni Ungeriża ma kienet tinkludi ebda metodu sabiex jiġu stabbiliti t-tariffi fuq il-bażi ta’ spejjeż diretti, minkejja li daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Diċembru 2010.

101. Minn dan nikkonkludi li r-raba’ lment tal-Kummissjoni għandu jitqies bħala fondat.

V –    Fuq l-ispejjeż

102. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tħallas l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

103. Peress li l-Kummissjoni talbet li l-Ungerija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, din it-talba għandha tintlaqa’ jekk, kif nipproponi jien, ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jintlaqa’ fil-biċċa l-kbira tiegħu.

104. B’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Polonja li talbu l-awtorizzazzjoni biex jintervjenu f’din il-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

VI – Konklużjoni

105. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)       L-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha

–        taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji, kif emendata bid-Direttiva 2004/49/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, billi ma adottatx miżuri li jiggarantixxu l-bilanċ finanzjarju tal-amministraturi tal-infrastruttura;

–        taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14, kif emendata mid-Direttiva 2004/49, inkwantu ma ħeġġitx permezz ta’ miżuri ta’ inċentiv lill-amministraturi tal-infrastruttura biex inaqqsu l-ispejjeż għall-forniment tal-infrastrutura u l-livell tal-ħlasijiet ta’ aċċess; u

–        skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, kif emendata mid-Direttiva 2004/49, billi ma ggarantixxitx li t-tariffi miġbura għas-servizzi minimi kollha u l-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi tas-servizzi jkunu ugwali għall-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-Ungerija hija kkundannata għall-ispejjeż.

4)       Ir-Repubblika Pollakka, ir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubbika Ċeka għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.



1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva tal-Kunsill, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-ferroviji tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341).


3 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 376).


4 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404).


5 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 227). Għandu jiġi osservat li t-titolu tad-Direttiva 2001/14 ġie emendat bl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/49/KE. Din issa jisimha “Id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija”.


6 – Dawn huma l-kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑483/10); Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑512/10); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑528/10); Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C‑545/10); Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑555/10); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑556/10); Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑557/10) ; Il-Kummissjoni vs Franza (C‑625/10); Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (C‑627/10); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑369/11), u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑412/11).


7 – Magyar Közlöny 2005/172.


8 – Magyar Közlöny 2007/134.


9 – Magyar Közlöny 2007/181.


10 – Direttiva 95/18 tal-Kunsill, tad-19 ta’ Ġunju 1995, dwar il-liċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 258), u Direttiva 95/19/KE tal-Kunsill, tad-19 ta’ Ġunju 1995, dwar l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja u l-impożizzjoni ta’ ħlasijiet għall-użu tal-infrastruttura (ĠU L 143, p. 75).


11 – Id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti li jinsabu fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 101/2007 (XII.22) GKM u fil-punt 4.8.1 tar-regolament dwar l-operat tan-netwerk 2009-2010.


12 – Għandu jingħad ukoll li din il-kwistjoni tqum ukoll f’forma differenti fil-kawża Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq.


13 – Niddubita li t-termini differenti użati (“perception” u “recouvrement”) fil-verżjonijiet Franċiżi tad-Direttivi 91/440 u 2001/14 jirriflettu distinzjoni ġuridika.


14 – Il-Gvern jindika fil-kontroreplika tiegħu li l-VPE jiffissa s-somma li għandha titħallas mill-utenti individwali, li tiġi kkalkolata waqt li jitqies it-tul tal-parti tal-linja tal-ferrovija li huma jkunu jixtiequ jużaw, il-karatteristiċi tagħha u s-servizzi proposti fil-kuntest taċ-ċirkulazzjoni. L-amministratur tal-infrastruttura, min-naħa tiegħu, sempliċement jibgħat lill-utent fattura maħduma fuq il-bażi tas-somma kkalkulata fl-allokazzjoni tal-mogħdija tal-ferrovija.


15 – Ara l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/14 (trasparenza tal-impożizzjoni ta' tariffi) kif ukoll l-Anness I tal-istess direttiva.


16 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Frar 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-391/10, punt 8), u tal-14 ta’ April 2011, Il-Kummissjon vs Il-Lussemburgu (C-390/10, punt 11).