Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour du travail de Liège (il-Belġju) fit-18 ta’ Jannar 2018 – V vs Institut national d’assurances sociales pour travailleurs indépendants, Securex Integrity ASBL

(Kawża C-33/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour du travail de Liège

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: V

Konvenuti: Institut national d’assurances sociales pour travailleurs indépendants, Securex Integrity ASBL

Domandi preliminari

L-Artikolu 87(8) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li, qabel l-1 ta’ Mejju 2010, bdiet teżerċita attività bħala persuna impjegata fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u attività bħala persuna li taħdem għal rasha fil-Belġju, għandha, sabiex tiġi suġġetta għal-leġiżlazzjoni applikabbli skont ir-Regolament 883/2004, tippreżenta talba espressa f’dan is-sens, anki jekk hija ma kienet suġġetta għall-ebda ssuġġettar għat-taxxa fil-Belġju qabel l-1 ta’ Mejju 2010 u kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni Belġjana dwar l-istatus soċjali tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom b’mod retroattiv biss, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur li beda jiddekorri fl-1 ta’ Mejju 2010?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, it-talba msemmija fl-Artikolu 87(8) tar-Regolament 883/2004, imressqa fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, twassal għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat kompetenti skont ir-Regolament 883/2004 b’effett retroattiv mill-1 ta’ Mejju 2010?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.