Language of document : ECLI:EU:C:2008:294

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

ippreżentati fit-22 ta’ Mejju 2008 1(1)

Kawża C‑210/06

Cartesio Oktató és Szolgáltató bt

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szegedi Ítélőtábla (l-Ungerija)]





1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni tal-Bács-Kiskun Megyei Bíróság (Qorti Reġjonali, Bács-Kiskun) (l-Ungerija), sedenti bħala qorti kummerċjali. Dan jikkonċerna soċjetà in akkomandita li trid tittrasferixxi ċ-ċentru tal-operazzjonijiet tagħha mill-Ungerija lejn l-Italja, imma li tixtieq tibqa’ rreġistrata fl-Ungerija, biex b’hekk l-istatus legali tagħha jibqa’ jiġi rregolat mil-liġi Ungeriża. Madanakollu, il-qorti kummerċjali, fl-eżerċizzju tad-dmir tagħha li żżomm ir-reġistru tal-kumpanniji, irrifjutat li tirreġistra l-indirizz il-ġdid fir-reġistru lokali minħabba l-fatt li t-trasferiment ma kienx possibbli skont il-liġi Ungeriża. Hija ddeċidiet li ditta li tixtieq tittrasferixxi ċ-ċentru tal-operazzjonijiet tagħha lejn Stat Membru ieħor trid l-ewwel tiġi stralċjata fl-Ungerija u mbagħad tiġi inkorporata mill-ġdid skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Fil-kuntest tal-proċeduri tal-appell, is-Szegedi Ítélőtábla (Qorti tal-Appell, Szeged) talbet il-gwida ta’ din il-Qorti sabiex tistabbilixxi jekk il-liġi Ungeriża rilevanti hijiex kompatibbli mad-dritt ta’ stabbiliment. B’żieda ma’ dan, il-qorti tar-rinviju tqajjem diversi domandi rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 234 KE.

I –    Il-fatti u r-rinviju għal deċiżjoni preliminari

2.        Cartesio hija ‘betéti társaság’ (soċjetà in akkomandita) inkorporata skont il-liġi Ungeriża u rreġistrata f’Baja (l-Ungerija). Din għandha żewġ membri li huma residenti fl-Ungerija u li għandhom ċittadinanza Ungeriża: is-soċju limitat, li għandu l-obbligu li jikkontribwixxi ammont stipulat ta’ kapital – u li huwa responsabbli biss għal dak l-ammont –, u s-soċju illimitat, li huwa responsabbli għad-debiti kollha tas-soċjetà limitata.(2)

3.        Fil-11 ta’ Novembru 2005, Cartesio ppreżentat rikors quddiem il-qorti kummerċjali biex temenda r-reġistrazzjoni tagħha fir-reġistru tal-kumpanniji lokali b’tali mod li jindika l-indirizz li ġej bħala ċ-ċentru tal-operazzjonijiet ġdid tagħha: “21013 Gallarte (Italja), Via Roma No 16”. Il-qorti kummerċjali, madanakollu, ċaħdet ir-rikors ta’ Cartesio. Din iddeċidiet li l-liġi Ungeriża ma kinitx toffri lill-kumpanniji l-possibbiltà li jittrasferixxu ċ-ċentru tal-operazzjonijiet tagħhom lejn Stat Membru ieħor filwaqt li jżommu l-istatus legali tagħhom bħala kumpannija rregolata bil-liġi Ungeriża. Għalhekk, sabiex tbiddel iċ-ċentru tal-operazzjonijiet tagħha, Cartesio jkollha l-ewwel tiġi xolta fl-Ungerija u mbagħad tiġi inkorporata mill-ġdid taħt il-liġi Taljana.

4.        Cartesio ressqet appell mid-deċiżjoni tal-qorti kummerċjali quddiem is-Szegedi Ítélőtábla (Qorti tal-Appell, Szeged). Dik il-qorti rrinvjat id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)      Qorti tat-tieni stanza li jkollha tagħti deċiżjoni fuq appell minn deċiżjoni ta’ qorti kummerċjali (cégbíróság) fi proċeduri biex tiġi emendata reġistrazzjoni, tista’ tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 [KE], fejn la l-kawża quddiem il-qorti kummerċjali u lanqas l-eżami ta’ dan l-appell mill-qorti tar-rinviju ma jseħħu fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja?

(2)      Sa fejn qorti tal-appell hija inkluża fil-kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal li jista’ jressaq talba għal deċiżjoni preliminari’ skont l-Artikolu 234 [KE], dik il-qorti għandha titqies bħala qorti li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju, li għandha obbligu, skont l-Artikolu 234 [KE], tirreferi domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt komunitarju lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej?

(3)      Miżura nazzjonali li, inkonformità mal-liġi domestika, tikkonferixxi dritt ta’ appell minn deċiżjoni li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari, tillimita s-setgħa tal-qrati Ungeriżi li jirrinvijaw domandi għal deċiżjoni preliminari jew tista’ tillimita dik is-setgħa – li toriġina direttament mill-Artikolu 234 [KE] – jekk, fil-proċeduri tal-appell il-qorti superjuri nazzjonali tista’ temenda l-ordni tar-rinviju, twarrab it-talba għal deċiżjoni preliminari u tordna lill-qorti li ħarġet l-ordni tar-rinviju sabiex tkompli bil-proċeduri legali nazzjonali li kienu ġew sospiżi?

(4(a))          Jekk kumpannija, inkorporata fl-Ungerija skont il-liġi tal-kumpanniji Ungeriża u rreġistrata fir-reġistru tal-kumpanniji Ungeriż, tkun trid tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, ir-regolazzjoni ta’ dan il-qasam taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju jew, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni ta’ liġijiet, tapplika b’mod esklużiv il-liġi nazzjonali?

(b)      Tista’ kumpannija Ungeriża titlob it-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea billi tinvoka direttament id-dritt Komunitarju (l-Artikoli 43 [KE] u 48 [KE])? Jekk it-tweġiba hija fl-affermattiv, jista’ t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ikun suġġett għal xi tip ta’ kundizzjoni jew awtorizzazzjoni mill-Istat Membru tal-oriġni jew mill-Istat Membru ospitanti?

(c)      Jistgħu l-Artikoli 43 [KE] u 48 [KE] jiġu interpretati fis-sens li regoli nazzjonali jew prattiċi nazzjonali li jiddistingwu bejn kumpanniji kummerċjali fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom, skont l-Istat Membru fejn ikun l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, huma inkompatibbli mad-dritt Komunitarju?

Jistgħu l-Artikoli 43 [KE] u 48 [KE] jiġu interpretati fis-sens li, inkonformità ma’ dawk l-artikoli, regoli jew prattiċi nazzjonali li ma jħallux kumpannija Ungeriża tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, huma inkompatibbli mad-dritt Komunitarju?”

II – Evalwazzjoni

A –    L-ewwel domanda

5.        Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk rinviju għal deċiżjoni preliminari huwiex ammissibbli fi proċeduri ta’ appell minn sentenza ta’ qorti inferjuri, fejn la l-proċeduri quddiem il-qorti inferjuri u lanqas il-proċeduri tal-appell m’huma kontradittorji. Għalhekk, f’ċertu sens, il-qorti tar-rinviju tibda billi tistaqsi jekk tistax tagħmel domanda lil din il-Qorti (3). It-tweġiba toħroġ b’mod ċar mill-ġurisprudenza. Fil-kuntest tal-kawża preżenti, il-qorti kummerċjali sempliċement serviet il-funzjoni ta’ reġistru: hija għamlet “deċiżjoni amministrattiva mingħajr ma kienet meħtieġa tirriżolvi tilwima legali” (4). Għall-iskopijiet tal-Artikolu 234 KE, din għandha tiġi klassifikata bħala funzjoni mhux ġudizzjarja li fil-kuntest tagħha l-qorti kummerċjali mhijiex intitolata tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari (5). B’kuntrast ma’ dan, il-proċeduri tal-appell mid-deċiżjoni tal-qorti kummerċjali huma, mill-perspettiva tal-Artikolu 234 KE, proċeduri ġudizzjarji, minkejja l-fatt li huma ex parte(6). Għalhekk, qorti adita fil-kuntest ta’ proċeduri bħal dawn hija intitolata tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (7). Il-konklużjoni, għalhekk, hija li l-ewwel domanda magħmula mill-qorti nazzjonali hija ammissibbli u, barra minn dan, għandha tiġi mwieġba fl-affermattiv.

B –    It-tieni domanda

6.        It-tieni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhiex titqies bħala qorti jew tribunal li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu m’hemm ebda rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali u li għandha l-obbligu msemmi fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE. Jista’ jiġi argumentat li din id-domanda hija inammissibbli minħabba li r-risposta għaliha mhijiex meħtieġa sabiex tiġi riżolta t-tilwima fil-proċeduri prinċipali – wara kollox, indipendentement minn dan, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissottometti d-domandi tagħha l-oħra għal deċiżjoni preliminari. Madanakollu, meta domanda evidentement ikollha sinjifikat prattiku iktar wiesa’ għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju u ma tkunx relatata mal-fatti b’mod artifiċjali (8), ir-regoli dwar l-ammissibbiltà m’għandhomx jiġu applikati b’mod li virtwalment ma jkunux jistgħu jintgħelbu. Għalhekk, meta l-unika għażla realistika għal qorti nazzjonali tkun li tagħmel domanda bħal din fil-kuntest ta’ proċeduri fejn ir-risposta tista’ ma tkunx strettament meħtieġa għar-riżoluzzjoni tal-kawża quddiemha, il-kriterju tal-ammissibbiltà m’għandux, fil-fehma tiegħi, jiġi applikat b’mod restrittiv wisq (9).

7.        Fir-rigward tad-domanda li hija inkwistjoni hawnhekk, huwa diffiċli li wieħed jara mezzi alternattivi li permezz tagħhom din tista’ realistikament tasal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja r-rilevanza ovvja tagħha għat-tħaddim tal-proċedura tar-rinviju preliminari u meta wieħed jikkunsidra li l-relazzjoni tagħha mal-fatti tal-kawża ma tistax tiġi deskritta bħala waħda artifiċjali. Ikun wisq oneruż li qorti nazzjonali tiġi obbligata, bħala l-ewwel pass, tippreżenta rinviju għal deċiżjoni preliminari sabiex tistaqsi sempliċement jekk għandhiex l-obbligu msemmi fl-Artikolu 234 KE u mbagħad, bħala t-tieni pass jekk ir-risposta tkun waħda pożittiva, tirrinvija d-domandi proprji tagħha għal deċiżjoni preliminari (10). Għalhekk, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi assistenza f’din il-kwistjoni, hekk kif għamlet f’kuntest simili fil-kawża li wasslet għas-sentenza Lyckeskog (11).

8.        Skont l-ordni tar-rinviju, f’kawżi bħall-kawża preżenti, il-parti kkonċernata tista’ tappella mid-deċiżjoni tal-Ítélőtábla quddiem il-Legfelsőbb Bíróság (Qorti Suprema). Il-qorti tar-rinviju tinnota, madanakollu, li appell quddiem il-Legfelsőbb Bíróság huwa limitat għal punti ta’ liġi. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-Artikolu 270(2) tal-Polgári perrendtartásról szóló 1952. évi III. törvény (Liġi III tal-1952 dwar il-Proċedura Ċivili), li jipprovdi: “il-partijiet, l-intervenjenti u l-persuni affettwati mid-deċiżjoni jistgħu, fir-rigward tal-parti tad-deċiżjoni li tagħmel referenza għalihom, iressqu appell fuq punt ta’ liġi biss quddiem il-Legfelsőbb Bíróság kontra sentenzi u ordnijiet res judicata, fejn jeċepixxu ksur tal-liġi”. Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-proċeduri tal-appell m’għandhomx effett awtomatiku ta’ sospensjoni. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 273(3) tal-istess liġi tipprovdi: “l-introduzzjoni ta’ appell m’għandhiex effett sospensiv imma, fejn parti hekk titlob, il-Legfelsőbb Bíróság tista’ eċċezzjonalment tissospendi l-eżekuzzjoni ta’ sentenza”.

9.        Madanakollu, dawn il-limitazzjonijiet ma jiġġustifikawx il-konklużjoni li l-Ítélőtábla għandha tiġi kkunsidrata bħala “qorti jew tribunal li mid-deċiżjoni tiegħu m’hemm ebda rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali”. Preżumibbilment, kull kwistjoni li għandha x’taqsam mal-validità jew mal-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju tikkostitwixxi punt ta’ liġi u tista’ għalhekk tkun suġġetta għal appell. Barra minn dan, regoli proċedurali nazzjonali li jipprovdu li appell bħal dan għandu effett sospensiv f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss huma fil-prinċipju kompatibbli mad-dritt Komunitarju, bil-kundizzjoni iżda, l-ewwel, li tali regoli ma jiġux applikati b’mod li jittratta appelli fuq punti ta’ liġi Komunitarja b’mod inqas favorevoli minn dawk ibbażati fuq punti ta’ liġi domestika (il-prinċipju tal-ekwivalenza) u, it-tieni, li dawn ir-regoli, fil-prattika, ma jagħmlux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju (il-prinċipju tal-effettività) (12).

10.      Għalhekk, il-fatt li appell minn deċiżjoni ta’ qorti jew tribunal nazzjonali huwa limitat għal punti ta’ liġi u m’għandux effett sospensiv awtomatiku ma jfissirx li l-qorti jew it-tribunal inkwistjoni għandhom l-obbligu msemmi fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE.

C –    It-tielet domanda

11.      It-tielet domanda rrinvjata għal deċiżjoni preliminari għandha x’taqsam mal-possibbiltà, li teżisti taħt il-liġi tal-proċedura ċivili Ungeriża, li jitressaq appell separat kontra deċiżjoni li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari. L-Artikolu 155/A tal-Liġi III tal-1952 dwar il-Proċedura Ċivili jipprovdi: “jista’ jitressaq appell separat kontra deċiżjoni li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari. Ma jistax jitressaq appell kontra deċiżjoni li tiċħad talba għal rinviju għal deċiżjoni preliminari” (13). Jidher li, f’dan il-kuntest, japplikaw ir-regoli ġenerali li jikkonċernaw l-effett sospensiv ta’ appell (14). Il-qorti tar-rinviju tispjega, fl-ordni tar-rinviju tagħha, li, jekk jitressaq appell minn deċiżjoni li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-qorti li tisma’ l-appell tista’ temenda l-ordni tar-rinviju, jew twarrab t-talba għal deċiżjoni preliminari u tordna lill-qorti li għamlet ir-rinviju biex tkompli bil-proċeduri nazzjonali li kienu ġew sospiżi. Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk regoli proċedurali nazzjonali bħal dawn humiex kompatibbli mal-proċedura dwar deċiżjonijiet preliminari stabbilita taħt it-Trattat.

12.      Għal darb’oħra, wieħed jista’ jargumenta li din id-domanda hija inammissibbli meta jiġi kkunsidrat il-fatt li, fil-kawża preżenti, ma jidher li tressaq ebda appell kontra l-ordni tar-rinviju (15). Madanakollu, il-possibbiltà ta’ appell huwa punt ta’ liġi nazzjonali li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi dwaru. Barra minn hekk, jiena nemmen li fil-kawża preżenti l-Qorti tal-Ġustizzja għandha turi rispett partikolari għar-rieda tal-qorti nazzjonali u għandha tieħu l-opportunità sabiex tipprovdi gwida dwar dan il-punt. Ir-raġunijiet għalfejn għandha tagħmel dan huma l-istess bħar-raġuni li minħabba fihom nikkunsidra li t-tieni domanda hija ammissibbli.

13.      L-ewwel, din id-domanda mhijiex strettament ipotetika. Hija relatata mill-qrib mal-fatti tal-kawża (li r-realtà tagħhom mhijiex ikkontestata) u r-risposta li tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ċertament tkun rilevanti għal deċiżjoni fl-eventwalità li jkun hemm appell – realtà li l-qorti nazzjonali qieset li kienet rilevanti meta abbozzat l-ordni. Fil-fehma tiegħi, huwa biss meta l-fatti stess ikunu artifiċjali jew meta r-relazzjoni bejn id-domanda u l-fatti tkun artifiċjali li jkun hemm domanda ipotetika li tiġġustifika deċiżjoni ta’ inammissibbiltà. Huwa biss f’każijiet bħal dawn li r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-inammissibbiltà ta’ domandi ipotetiċi (evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, ġudizzju minn qabel u r-riskju ta’ abbuż) jilagħbu l-parti tagħhom (16). Fil-kawża preżenti, madanakollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx qed tipprovdi risposta legali abbażi ta’ kuntest fattwali ipotetiku li jista’, billi jiffalsifika l-kuntest attwali li fih għandha tiġi interpretata u applikata regola legali, jaffettwa l-kwalità u l-leġittimità tad-deċiżjoni ġudizzjarja. L-uniku hekk imsejjaħ aspett ipotetiku f’din il-kawża jista’, fir-realtà, jiġi deskritt b’mod aħjar bħala element ta’ kontinġenza: il-fatt li r-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ fl-aħħar mill-aħħar ma tkunx determinanti għar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-proċeduri prinċipali jekk fil-fatt ma jsir ebda appell kontra l-ordni tar-rinviju. Madanakollu, element kontinġenti bħal dan m’huwiex assenti minn domandi legali oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod regolari. Il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma tista’ tkun assolutament ċerta li r-risposta li tkun qed tipprovdi se tkun, fil-fatt, rilevanti għall-eżitu tat-tilwima fil-proċeduri prinċipali. Il-qorti nazzjonali fl-aħħar mill-aħħar tista’, per eżempju, tiddeċiedi l-kawża abbażi ta’ punt ta’ liġi proċedurali nazzjonali mingħajr qatt ma tapplika r-risposta taħt id-dritt Komunitarju mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun irrispondiet għal domanda ipotetika, sakemm id-domanda tkun tqajmet minn fatti ġenwini li r-relazzjoni tagħhom mad-dritt Komunitarju ma kinitx artifiċjali. Wieħed għandu jiddistingwi bejn domanda bbażata fuq fatti artifiċjali jew li ma tkunx relatata mal-fatti tal-kawża (li, fil-fehma tiegħi, hija ipotetika u inammissibbli) u domanda li hija relatata mal-fatti tal-kawża imma li tista’ tirriżulta li ma tkunx determinanti għall-eżitu finali tagħha (li, fil-fehma tiegħi, mhijiex ipotetika u għandha tkun ammissibbli).

14.      It-tieni, minkejja r-rilevanza ovvja tagħha għat-tħaddim tal-proċedura tar-rinviju preliminari, huwa diffiċli li wieħed jara kif il-kwistjoni tista’ altrimenti tasal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Ċertament, huwa teoretikament konċepibbli li parti fi proċeduri nazzjonali quddiem qorti inferjuri tista’ tressaq appell kontra ordni ta’ rinviju quddiem qorti superjuri u li, minkejja regoli proċedurali nazzjonali li jipprovdu li l-appell għandu effett sospensiv, il-qorti tar-rinviju tista’ żżomm l-ordni tar-rinviju tagħha. F’ċirkustanzi bħal dawn, il-kwistjoni tal-effett tal-appell tkun ċertament ta’ rilevanza immedjata. Madanakollu, dan ix-xenarju jeħtieġ ukoll li l-qorti inferjuri ma tobdix ir-regoli proċedurali domestiċi tagħha mingħajr ma tkun taf jekk id-dritt Komunitarju jagħtihiex is-setgħa li tagħmel dan. Ċertament, dan iqiegħed lill-qorti inferjuri f’sitwazzjoni skomda ħafna (17). Dan probabbilment jispjega għalfejn kwistjoni bħal din qatt ma tqajmet espressament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja anki jekk xi kawżi preċedenti u liġijiet u prattici nazzjonali magħrufin sewwa jistgħu jindikaw li hija kwistjoni tabilħaqq ta’ rilevanza konsiderevoli għall-applikazzjoni minn ġurnata għal ġurnata tad-dritt Komunitarju mill-qrati nazzjonali (18). Is-suġġeriment tiegħi lill-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, huwa li din toqgħod fuq id-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali dwar ir-rilevanza ta’ domanda bħal din għall-proċeduri nazzjonali billi twieġeb it-tielet domanda tas-Szegedi Ítélőtábla, u tuża din l-opportunità sabiex tindirizza din il-kwistjoni ta’ importanza prattika kbira għad-dritt Komunitarju. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun f’pożizzjoni li tantiċipa ostakoli li jistgħu jqumu fil-futur fir-rigward tal-kooperazzjoni bejnha u dawk il-qrati nazzjonali li l-ordnijiet tar-rinviju tagħhom jistgħu jkunu suġġetti għal appell.

15.      L-Artikolu 234 KE jipprovdi li kull qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni preliminari dwar kwistjoni ta’ interpretazzjoni jew validità marbuta mad-dritt Komunitarja tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jistgħu jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti deċiżjoni dwarha (19). Għalhekk, huwa t-Trattat stess li jagħti lill-qrati nazzjonali s-setgħa li jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari. Barra minn dan, huma jgawdu “diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa” fir-rinviju ta’ materji lill-Qorti tal-Ġustizzja (20).

16.      Naturalment, deċiżjoni ta’ qorti inferjuri li jkun fiha rinviju għal deċiżjoni preliminari mhijiex, bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, eżenti minn rimedji normalment disponibbli taħt il-liġi nazzjonali (21). Madanakollu, fejn ikun sar appell minn deċiżjoni li jkun fiha rinviju għal deċiżjoni preliminari, sakemm il-qorti tar-rinviju ma tkunx irrevokat id-domandi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja bħala regola ġenerali tilqa’ t-talba għal deċiżjoni preliminari (22). Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tissospendi l-proċeduri dwar deċiżjoni preliminari pendenti l-eżitu tal-proċeduri nazzjonali tal-appell jekk l-appell għandu effett sospensiv u jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun ġiet innotifikata dwar dan mill-qorti tar-rinviju: in-notifika titqies bħala talba impliċita għas-sospensjoni tal-proċeduri dwar deċiżjoni preliminari (23). Madanakollu, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement tkompli bil-proċedura dwar deċiżjoni preliminiari, minkejja l-effetti li appell jista’ jkollu taħt il-liġi nazzjonali, jekk il-qorti tar-rinviju tkun talbet espressament lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħmel dan (24).

17.      Il-kwistjoni kruċjali hija jekk regoli proċedurali nazzjonali jistgħux jobbligaw lil qrati inferjuri jissospendu jew anki jirrevokaw talba għal deċiżjoni preliminari f’ċirkustanzi fejn ikun tressaq appell kontra ordni ta’ rinviju. Din il-kwistjoni ġiet, fil-fatt, indirizzata mill-Avukat Ġenerali Warner fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Rheinmühlen (25) – u jien kważi mħajjar li sempliċement nagħmel referenza għal dawk il-konklużjonijiet, fejn l-Avukat Ġenerali argumenta li ebda restrizzjoni ma tista’ ssir minn liġi nazzjonali fuq is-setgħa ta’ qorti inferjuri fi kwalunkwe Stat Membru li tirrinvija domandi lil din il-Qorti. Jien lanqas ma jiena se nipprova nirriproduċi l-forza u ċ-ċarezza li bihom ippreżenta l-argumenti li wassluh għal din il-konklużjoni. Minflok, kull ma se nagħmel huwa li nesprimi l-qbil tiegħi mal-konklużjonijiet tiegħu u nżid ftit rimarki addizzjonali.

18.      Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għalfejn qorti inferjuri tista’ tkun trid tirrevoka t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari wara li jkun sar appell mid-deċiżjoni li jkun fiha l-ordni tar-rinviju. Per eżempju, jista’ jkun li l-partijiet sabu mod alternattiv kif isolvu t-tilwima tagħhom matul il-proċeduri tal-appell (26). Jista’ jkun ukoll il-każ li, minħabba s-sentenza fl-appell, id-domandi għal deċiżjoni preliminari magħmula tilfu s-sinjifikat tagħhom billi jkun irriżulta, per eżempju, li l-kawża mressqa quddiem il-qorti inferjuri kienet inammissibbli. Għalhekk, il-proċeduri tal-appell u l-eżitu tagħhom jistgħu tabilħaqq iwasslu qorti inferjuri biex titlob is-sospensjoni tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari jew anki li tirrevoka dik it-talba. Madanakollu, dan m’għandux iwassalna għall-konklużjoni li hemm ċirkustanzi li fihom sentenza ta’ qorti tal-appell tista’ tobbliga qorti inferjuri tagħmel dan.

19.      Il-possibbiltà li qorti inferjuri f’kull Stat Membru tirrelata direttament mal-Qorti tal-Ġustizzja hija vitali għall-interpretazzjoni uniformi u l-applikazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju. Hija wkoll l-istrument li jagħmel il-qrati nazzjonali kollha qrati tad-dritt Komunitarju. Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti nazzjonali ssir parti mit-trattazzjoni tad-dritt Komunitarju mingħajr ma tkun tiddependi fuq poteri jew istanzi ġudizzjarji nazzjonali oħra (27). It-Trattat ma kellux il-ħsieb li dan id-djalogu jiġi ffiltrat minn xi qrati nazzjonali oħra, irrispettivament minn kif tkun il-ġerarkija ġudizzjarja fi Stat. Kif ġie ddikjarat mill-Qorti Suprema Irlandiża (meta rrifjutat li tisma’ appell minn ordni ta’ rinviju): “is-setgħa hija mogħtija [lill-qorti inferjuri] mit-Trattat mingħajr ebda riżerva, espressa jew indiretta, fis-sens li tista’ tiġi annullata minn xi qorti nazzjonali oħra. (28)”

20.      Għalhekk, il-kwistjoni tan-neċessità li ssir talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi deċiża bejn il-qorti tar-rinviju u l-Qorti tal-Ġustizzja. Tabilħaqq, huwa minħabba f’hekk li, fl-aħħar mill-aħħar, l-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ddeterminata mill-Qorti tal-Ġustizzja – u mhux mill-qrati domestiċi li, fil-qafas proċedurali nazzjonali, huma superjuri għall-qorti tar-rinviju. Li kieku s-sitwazzjoni kienet bil-maqlub, seta’ jiġri li, bis-saħħa ta’ regola jew prattika nazzjonali, ordnijiet ta’ rinviju mill-qrati inferjuri jsiru sistematikament suġġetti għal appell, b’tali mod li tinħoloq sitwazzjoni fejn – għall-inqas de facto – taħt il-liġi nazzjonali jkunu biss il-qrati tal-aħħar istanza li jkunu jistgħu jirrinvjaw domandi għal deċiżjoni preliminari. Ir-riskju li kwistjoni bħal din tiġi ttrattata bħala kwistjoni ta’ liġi proċedurali nazzjonali u mhux ta’ dritt Komunitarju huwa enfasizzat mill-kawża preżenti fejn il-liġi nazzjonali tippermetti biss appell separat minn deċiżjoni li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari. Dan ikun daqs li kieku liġi proċedurali nazzjonali titħalla tbiddel il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 234 KE għal rinviju lil Qorti tal-Ġustizzja.

21.      Fil-qosor, id-dritt Komunitarju jagħti lil kull qorti fi kwalunkwe Stat Membru l-awtorità li tirrinvija domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din l-awtorità ma tistax tiġi limitata mil-liġi nazzjonali. Jien għalhekk nikkonkludi li l-Artikolu 234 KE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali li permezz tagħhom il-qrati nazzjonali jistgħu jiġu obbligati jissospendu jew jirrevokaw talba għal deċiżjoni preliminari.

D –    Ir-raba’ domanda

22.      Ir-raba’ domanda tikkonċerna d-dritt ta’ stabbiliment. Skont il-liġi Ungeriża tal-kumpanniji, kif spjegat fl-ordni tar-rinviju, l-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija inkorporata skont il-liġi Ungeriża huwa l-post fejn għandha ċ-ċentru tal-operazzjonijiet tagħha (“ügyintézés helye”) (29). Fi kliem ieħor, il-post fejn kumpannija għandha ċ-ċentru tal-operazzjonijiet tagħha suppost jikkoinċidi mal-post fejn hija inkorporata. It-trasferiment taċ-ċentru tal-operazzjonijiet ta’ kumpannija inkorporata skont il-liġi Ungeriża normalment jiġi rreġistrat fir-reġistru tal-kumpanniji jekk it-trasferiment iseħħ ġewwa l-Ungerija (30). Mill-fatti kif ġew iddikjarati fl-ordni tar-rinviju jirriżulta li Cartesio tixtieq tittrasferixxi ċ-ċentru tal-operazzjonijiet tagħha fl-Italja. Madanakollu, minflok ma tinkorpora lilha nnifisha mill-ġdid bħala kumpannija Taljana, Cartesio tixtieq li tibqa’ inkorporata fl-Ungerija u għalhekk tibqa’ suġġetta għal-liġi tal-kumpanniji Ungeriża.

23.      Milli jidher, il-liġi tal-kumpanniji Ungeriża hija bbażata fuq it-teorija tal-“uffiċċju rreġistrat veru”, li tipprovdi li kumpannija għandha tikkonforma mar-rekwiżiti kollha tal-liġi tal-kumpanniji applikabbli fl-Istat fejn għandha l-uffiċċju rreġistrat veru tagħha (31). Tabilħaqq, it-teorija tal-uffiċċju rreġistrat veru “torbot f’ħaġa waħda n-nazzjonalità u r-residenza ta’ kumpannija” (32). Jekk wieħed jestendi din it-teorija sal-limitu tagħha, il-liġi tal-kumpanniji Ungeriża – kif interpretata u applikata mill-qorti kummerċjali – tipprojbixxi l-“esportazzjoni” ta’ persuna ġuridika Ungeriża lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Filwaqt li jista’ jkun possibbli għal kumpannija inkorporata skont il-liġi tal-kumpanniji Ungeriża li teżerċita attivitajiet ekonomiċi fi Stat Membru ieħor jew li tistabbilixxi sussidjarja tagħha hemmhekk, iċ-ċentru tal-operazzjonijiet jrid jibqa’ fl-Ungerija. Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 43 KE u 48 KE jipprekludux regoli nazzjonali li jagħmluha impossibbli għal kumpannija inkorporata skont il-liġi nazzjonali li tittrasferixxi ċ-ċentru tal-operazzjonijiet tagħha lejn Stat Membru ieħor.

24.      Il-Gvern Ungeriż jargumenta li l-kawża preżenti ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 48 KE. L-Irlanda u l-Gvernijiet tal-Polonja, tas-Slovenja u tar-Renju Unit huma tal-istess fehma. Mill-banda l-oħra, Cartesio, il-Kummissjoni u l-Gvern Olandiż jissottomettu li hemm restrizzjoni fuq id-dritt ta’ stabbiliment u li, għalhekk, japplikaw l-Artikoli 43 KE u 48 KE.

25.      Il-fehma li l-kawża preżenti ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment mhijiex, fl-opinjoni tiegħi, korretta. Regoli nazzjonali li jippermettu kumpannija tittrasferixxi ċ-ċentru tal-operazzjonijiet tagħha fit-territorju nazzjonali biss huma regoli li evidentement jittrattaw sitwazzjonijiet transkonfinali b’mod inqas favorevoli minn sitwazzjonijiet purament nazzjonali (33). Effettivament, regoli bħal dawn jammontaw għal diskriminazzjoni kontra l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment (34). Cartesio tixtieq tittrasferixxi ċ-ċentru tal-operazzjonijiet tagħha lejn l-Italja. Jidher, għalhekk, li dak li qed tipproponi Cartesio huwa l-“eżerċizzju attwali ta’ attività ekonomika permezz ta’ stabbiliment fiss fi Stat Membru ieħor għal perijodu indefinit” (35). F’dawn iċ-ċirkustanzi japplikaw evidentement ir-regoli tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment (36).

26.      Huwa veru li, fis-sentenza Daily Mail and General Trust tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kumpannija ma tistax tinvoka d-dritt għal-libertà ta’ stabbiliment biex tittrasferixxi t-tmexxija u l-kontroll ċentrali tagħha lejn Stat Membru ieħor (l-Olanda) bl-iskop li tbiegħ parti sostanzjali mill-assi mhux permanenti tagħha u li tuża d-dħul minn dan il-bejgħ biex tixtri l-ishma tagħha stess mingħajr ma jkollha għalfejn tħallas it-taxxa normalment dovuta fuq tranżazzjonijiet bħal dawn fl-Istat Membru tal-oriġini (ir-Renju Unit) (37). Skont il-liġi tal-kumpanniji tar-Renju Unit, kumpanniji setgħu – suġġett għall-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet tat-taxxa – jittrasferixxu t-tmexxija u l-kontroll ċentrali tagħhom lejn Stat Membru ieħor mingħajr ma jitilfu l-personalità ġuridika tagħhom u mingħajr ma jieqfu milli jkunu kumpanniji inkorporati fir-Renju Unit (38). Madanakollu, fiċ-ċirkustanżi inkwistjoni, l-awtoritajiet tat-taxxa oġġezzjonaw għat-trasferiment u sostnew li l-kumpannija kellha tbiegħ tal-inqas parti mill-assi tagħha qabel ma tittrasferixxi r-residenza tagħha għal skopijiet ta’ taxxa barra mir-Renju Unit (39). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma qablitx mal-argument tal-kumpannija li l-awtoritajiet tat-taxxa kienu kisru d-dritt ta’ stabbiliment tagħha. Konxja tad-differenzi bejn il-liġijiet tal-kumpanniji tal-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret li kumpanniji jeżistu biss bis-saħħa tal-liġi nazzjonali u li “t-Trattat ma jistax jiġi interpretat bħala li jagħti lill-kumpanniji inkorporati taħt il-liġi ta’ Stat Membru d-dritt li jittrasferixxu t-tmexxija u l-kontroll ċentrali tagħhom u l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom lejn Stat Membru ieħor filwaqt li jżommu l-istatus tagħhom ta’ kumpanniji inkorporati taħt il-liġi tal-ewwel Stat Membru” (40). Is-suġġeriment, għalhekk, huwa li l-kundizzjonijiet ta’ “ħajja u mewt” ta’ kumpannija jiġu ddeterminati biss mill-Istat li taħt il-liġijiet tiegħu ġiet inkorporata l-kumpannija (41). Peress li huwa l-Istat li jagħti, irridu naċċettaw meta l-Istat jieħu lura.

27.      Madanakollu, il-ġurisprudeza dwar id-dritt ta’ stabbiliment ta’ kumpanniji kompliet tiżviluppa mid-deċiżjoni fis-sentenza Daily Mail and General Trust u l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja sar iktar raffinat (42). Wieħed irid jammetti li dan l-iżvilupp kien akkumpanjat b’numru ta’ sinjali kontradittorji fil-ġurisprudenza. B’mod partikolari bħala riżultat tas-sentenzi Centros (43), Überseering (44), u Inspire Art (45) il-ġurisprudenza dehret li kienet qed timxi preċiżament fid-direzzjoni opposta minn dik li ħadet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Daily Mail and General Trust. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement irrifjutat l-argument li regoli tal-liġi tal-kumpanniji nazzjonali għandhom jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment. Per eżempju, fis-sentenza Inspire Art, il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret: “il-fatt li Inspire Art kienet iffurmata fir-Renju Unit bl-iskop li tiġi evitata l-liġi tal-kumpanniji tal-Olanda li tistipula regoli iktar stretti b’mod partikolari fir-rigward tal-ammont minimu tal-kapital u tal-ħlas tal-ishma ma jfissirx li l-istabbiliment minn din il-kumpannija ta’ fergħa tagħha fl-Olanda m’huwiex kopert mil-libertà ta’ stabbiliment kif prevista fl-Artikoli 43 KE u 48 KE” (46). Stqarrija bħal din ma taqbilx b’mod fundamentali mal-idea li l-inkorporazzjoni u l-funzjonament ta’ kumpanniji huma ddeterminati esklużivament mil-liġijiet varji nazzjonali tal-Istati Membri.

28.      Saru diversi sforzi – inkluż mill-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha – biex is-sentenza Daily Mail and General Trust tiġi distinta abbażi tal-fatti mis-sentenzi Centros, Überseering u Inspire Art, billi ttieħdu inkunsiderazzjoni aspetti bħal stabbiliment primarju kif oppost għal stabbiliment sekondarju, u stabbiliment ġewwa l-pajjiż għall-kuntrarju ta’ stabbiliment barra l-pajjiż. Madanakollu, mhijiex xi sorpriża li dawn l-isforzi qatt ma kienu konvinċenti għal kollox (47). B’mod partikolari, id-distinzjoni bejn sitwazzjonijiet fejn Stati Membri jżommu jew jiddiswadu kumpanniji li huma inkorporati skont il-liġi tal-kumpanniji tagħhom milli jfittxu li jistabbilixxu ruħhom barra mill-pajjiż, u sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru ospitanti jillimita l-libertà ta’ stabbiliment, qatt ma qablet mal-istruttura analitika ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-Artikoli 43 u 48 KE (48). Barra minn dan, din id-distinzjoni marret lil hinn mir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Daily Mail and General Trust stess (49). Kif osserva ġustament l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza SEVIC Systems: “Huwa evidenti mill-ġurisprudenza li l-Artikolu 43 KE ma jipprojbixxix sempliċement lil Stat Membru milli jostakola jew jillimita l-istabbiliment ta’ operaturi barranin fit-territorju tiegħu, imma jipprekludih ukoll milli jostakola l-istabbiliment ta’ operaturi nazzjonali fi Stat Membru ieħor. Fi kliem ieħor, restrizzjonijiet ‘fuq id-dħul’ jew ‘fuq it-tluq’ mit-territorju nazzjonali huma pprojbiti” (50).

29.      Il-problema, fil-fehma tiegħi, hija li d-dikjarazzjonijiet iċċitati hawn fuq mis-sentenzi Daily Mail and General Trust u Inspire Art ma jirrappreżentawx b’mod preċiż il-ġurisprudenza u l-loġika inerenti tagħha. Mill-banda l-oħra, minkejja dak li jissuġġerixxu d-deċiżjonijiet fis-sentenzi Inspire Art u Centros, mhux dejjem jista’ jkun possibbli li wieħed jistrieħ b’suċċess fuq id-dritt ta’ stabbiliment sabiex jistabbilixxi kumpannija b’mod nominali fi Stat Membru ieħor bil-għan waħdieni li jevita l-liġi tal-kumpanniji nazzjonali tiegħu. Fis-sentenza reċenti tagħha Cadbury Schweppes, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet li “l-fatt li l-kumpannija kienet inħolqot fi Stat Membru bl-għan li tibbenefika minn liġi aktar vantaġġuża m’huwiex, waħdu, suffiċjenti sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ użu abbużiv ta’ din il-libertà [ta’ stabbiliment]” (51). Madanakollu, hija enfasizzat ukoll li l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jipprekludu “skemi purament artifiċjali, nieqsa mir-realtà ekonomika” u li huma intiżi biex jevitaw il-liġi nazzjonali (52). B’mod partikolari, id-dritt ta’ stabbiliment ma jipprekludix lill-Istati Membri milli joqogħdu attenti għal kumpanniji  “tal-kaxxa tal-ittri” jew li jkunu “skrin”(53). Fil-fehma tiegħi, dan jirrappreżenta kwalifika sinjifikattiva fil-konfront tad-deċiżjonijiet fis-sentenzi Centros u Inspire Art, kif ukoll affermazzjoni mill-ġdid tal-ġurisprudenza dwar il-prinċipju ta’ abbuż tad-dritt Komunitarju ,(54) anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ tuża l-kunċett ta’ abbuż b’kawtela konsiderevoli – u sewwa tagħmel (55).

30.      Mill-banda l-oħra, minkejja dak li jidher li qed jiġi propost mid-deċiżjoni fis-sentenza Daily Mail and General Trust, il-Qorti tal-Ġustizzja ma teskludix a priori oqsma partikolari tal-liġijiet tal-Istati Membri mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ istabbiliment (56). Il-Qorti tal-Ġustizzja pjuttost tikkonċentra fuq l-effetti li regoli jew prattiċi nazzjonali jista’ jkollhom fuq il-libertà ta’ stabbiliment u tevalwa l-konformità ta’ dawn l-effetti mad-dritt ta’ stabbiliment iggarantit mit-Trattat. Fir-rigward ta’ regoli nazzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-inkorporazzjoni ta’ kumpanniji, l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa ispirat minn żewġ kunsiderazzjonijiet. L-ewwel, fl-istat preżenti tad-dritt Komunitarju, l-Istati Membri huma liberi li jagħżlu jekk iħaddnux sistema ta’ regoli bbażata fuq it-teorija tal-uffiċċju rreġistrat veru jew fuq it-teorija tal-inkorporazzjoni, u tabilħaqq, diversi Stati Membri għażlu regoli tal-inkorporazzjoni sostanzjalment differenti. It-tieni, l-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta’ stabbiliment jeħtieġ tal-inqas xi forma ta’ rikonoxximent u koordinament reċiproku ta’ dawn is-sistemi differenti ta’ regoli. Ir-riżultat ta’ dan l-approċċ huwa li l-ġurisprudenza tipikament tirrispetta r-regoli nazzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ kumpanniji indipendentement minn jekk humiex ibbażati fuq it-teorija tal-uffiċċju rreġistrat veru jew fuq it-teorija tal-inkorporazzjoni. Madanakollu, fl-istess ħin, l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment jimplika li l-ebda waħda minn dawn it-teoriji ma tista’ tiġi applikata sa l-estensjoni loġika massima tagħha – bl-aħjar eżempju sa issa hija probabbli l-kawża li wasslet għas-sentenza Überseering (57).

31.      Bħala konklużjoni, huwa impossibbli, fil-fehma tiegħi, li wieħed jargumenta abbażi tal-istat attwali tad-dritt Komunitarju li l-Istati Membri jgawdu libertà assoluta li jiddeterminaw “il-ħajja u l-mewt” ta’ kumpanniji inkorporati skont il-liġi domestika tagħhom irrispettivament mill-konsegwenzi għal-libertà ta’ stabbiliment. Altrimenti, l-Istati Membri jkollhom carte blanche li jimponu “sentenza tal-mewt” fuq kumpannija inkorporata skont il-liġijiet tagħhom għas-sempliċi raġuni li tkun iddeċidiet li teżerċita l-libertà ta’ stabbiliment. Speċjalment fil-każ ta’ kumpannija ta’ daqs żgħir jew medju, trasferiment intra-Komunitarju taċ-ċentru tal-operazzjonijiet tagħha jista’ jkun forma sempliċi u effettiva kif teżerċita attivitajiet ekonomiċi ġenwini fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jkollha taffaċċja l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi inerenti fil-proċess li l-ewwel ikollha tistralċja l-kumpannija fil-pajjiż tal-oriġni tagħha u mbagħad ikollha tinkorporaha mill-ġdid kompletament fl-Istat Membru tad-destinazzjoni tagħha. Barra minn dan, kif ġie ġustament enfasizzat mill-Kummissjoni, il-proċess tal-istralċ ta’ kumpannija fi Stat Membru wieħed u l-inkorporazzjoni tagħha mill-ġdid skont il-liġi ta’ Stat Membru ieħor jista’ jieħu żmien konsiderevoli, li matulu l-kumpannija inkwistjoni tista’ tiġi miżmumha għal kollox milli topera.

32.      Konsegwentement, minkejja li r-restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment inkwistjoni fil-kawża preżenti toħroġ direttament minn regoli nazzjonali dwar l-inkorporazzjoni u l-funzjonament ta’ kumpanniji, tqum il-kwistjoni jekk dawn jistgħux ikunu ġustifikati minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku ġenerali (58), bħall-prevenzjoni ta’ abbuż jew imġiba frawdolenti (59), jew il-protezzjoni tal-interessi ta’, per eżempju, kredituri, azzjonisti minoritarji, impjegati jew tal-awtoritajiet tat-taxxa (60).

33.      Fid-dawl ta’ dawn l-interessi, jista’ jkun aċċettabbli għal Stat Membru li jistabbilixxi ċerti kundizzjonijiet qabel ma kumpannija inkorporata taħt il-liġi nazzjonali tiegħu stess tkun tista’ tittrasferixxi ċ-ċentru tal-operazzjonijiet tagħha barra mill-pajjiż (61). Jista’, per eżempju, ikun possibbli għall-Istat Membru li jikkunsidra li ma jkunx aktar possibbli għalih li jeżerċita xi kontroll effettiv fuq il-kumpannija u, għalhekk, jobbliga dik il-kumpannija sabiex temenda l-istatut tagħha u li tieqaf milli tiġi rregolata kompletament mil-liġi tal-kumpanniji li permezz tagħha ġiet inkorporata (62).

34.      Madanakollu, din mhijiex is-sitwazzjoni hawnhekk. Ir-regoli li preżentement qed jiġu kkunsidrati jċaħħdu lil kumpannija inkorporata skont il-liġi Ungeriża mill-possibbiltà li tittrasferixxi ċ-ċentru tal-operazzjonijiet tagħha lejn Stat Membru ieħor. Il-liġi Ungeriża, kif applikata mill-qorti kummerċjali, ma tistabbilixxix biss il-kundizzjonijiet għal trasferiment bħal dan, imma minflok teżigi li l-kumpannija għandha tiġi xolta. Speċjalment ladarba l-Gvern Ungeriż ma ressaq ebda raġunijiet bħala ġustifikazzjoni, huwa diffiċli li wieħed jara kif “ċaħda diretta tal-libertà ta’ stabbiliment” bħal din (63) tista’ tkun meħtieġa għal raġunijiet ta’ interess pubbliku (64).

35.      Għalhekk, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għar-raba’ domanda magħmula mill-qorti nazzjonali: “L-Artikoli 43 KE u 48 KE jipprekludu li regoli nazzjonali jagħmluha impossibbli għal kumpannija inkorporata taħt il-liġi nazzjonali li tittrasferixxi ċ-ċentru tal-operazzjonijiet tagħha lejn Stat Membru ieħor”.

III – Konklużjoni

36.      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, jien nipproponi li Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi magħmula mis-Szegedi Ítélőtábla:

(1)      F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-proċeduri preżenti, qorti tal-appell tista’ tirrinvija domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fi proċeduri ta’ appell minn deċiżjoni ta’ qorti inferjuri, minkejja l-fatt li la l-proċeduri quddiem il-qorti inferjuri u lanqas il-proċeduri tal-appell ma huma kontradittorji.

(2)      Il-fatt li appell minn deċiżjoni ta’ qorti jew tribunal nazzjonali huwa limitat għal punti ta’ liġi u m’għandux effett sospensiv awtomatiku ma jfissirx li dik il-qorti jew tribunal jaqgħu taħt l-obbligu msemmi fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE.

(3)      L-Artikolu 234 KE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali li jipprovdu li l-qrati nazzjonali jistgħu jiġu obbligati jissospendu jew jirrevokaw talba għal deċiżjoni preliminari.

(4)      L-Artikoli 43 KE u 48 KE jipprekludu regoli nazzjonali li jagħmluha impossibbli għal kumpannija inkorporata taħt il-liġi nazzjonali li tittrasferixxi iċ-ċentru tal-operazzjonijiet tagħha lejn Stat Membru ieħor.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2  – Minkejja l-istatus legali ta’ Cartesio bħala kumpannija, id-domandi rrinvjati jikkonċernaw kemm soċjetajiet u kemm kumpanniji taħt il-liġi Ungeriża. Għalhekk, il-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni mqajma u Cartesio nnifisha se ssir referenza għalihom taħt id-deskrizzjoni wiesgħa ta’ “kumpannija”. Bl-istess mod, referenzi għal “inkorporazzjoni” għandhom, fejn ikun xieraq, jiġu interpretati bħala li jinkludu referenzi għar-reġistrazzjoni jew l-inkorporazzjoni ta’ soċjetà.


3 – Ara wkoll, per eżempju, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 1982, Nordsee vs Reederei Mond (102/81, Ġabra p. 1095).


4 – Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Lutz et (C‑182/00, Ġabra I‑547, punt 14).


5 – Lutz et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 13. Ara wkoll: is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Salzmann (C‑178/99, Ġabra p. I‑4421, punt 15); is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1995, Job Centre (C-111/94, Ġabra p. I‑3361, punt 11); id-digriet tat-22 ta’ Jannar 2002, Holto (C‑447/00, Ġabra p. I‑735, punti 17 u 18); is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2005, Längst (C‑165/03, Ġabra p. I‑5637, punt 25); u s-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Standesamt Stadt Niebüll (C‑96/04, Ġabra p. I‑3561, punt 14).


6 – Sentenzi Job Centre, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 11, u Holto, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 19.


7 – Ara wkoll, b’implikazzjoni, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, SEVIC Systems (C‑411/03, Ġabra p. I‑10805).


8 – Ara s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C-195/98, Ġabra p. I-10497), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi domandi ta’ “importanza ġenerali” li huma biss konnessi b’mod astratt ma’ sett ta’ fatti. Ara wkoll l-analiżi tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’dik il-kawża, li jargumenta favur interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ domandi ipotetiċi.


9 – Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tikkonferma li r-regoli dwar l-ammissibbiltà għandhom jiġu interpretati billi wieħed iżomm f’moħħu l-assenza ta’ alternattiva vijabbli li wieħed iressaq domandi bħal dawn quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl ta’ regoli proċedurali nazzjonali, spejjeż tal-litigazzjoni u ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ ekonomija proċedurali. Ara, per eżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, Ġabra p. I‑4921), b’mod partikolari d-domandi li jikkonċernaw klawżoli dwar in-nazzjonalità. Dan il-punt huwa ttrattat hawn taħt f’aktar dettall fir-rigward tat-tielet domanda.


10 – Jidher li mezzi alternattivi li permezz tagħhom id-domanda tista’ tasal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma iktar onerużi: ara, per eżempju, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, Ġabra p. I‑10239).


11 – Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002 (C‑99/00, Ġabra p. I‑4839).


12 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe (33/76, Ġabra p. 1989); is-sentenzi maqgħuda tal-14 ta’ Diċembru 1995, Van Schijndel u van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, Ġabra p. I‑4705, punt 17), u s-sentenzi maqgħuda tas-7 ta’ Ġunju 2007, Van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 28).


13 – Barra minn dan, l-Artikolu 249/A jipprovdi li appell separat “jista’ jitressaq ukoll kontra deċiżjoni li tingħata fit-tieni istanza li tiċħad talba għal deċiżjoni preliminari” (enfażi miżjuda).


14 – Skont id-dispożizzjoni li tirregola r-rinviji għal deċiżjonijiet preliminari li tinsab fl-Artikolu 259 tal-Liġi III tal-1952 dwar il-Proċedura Ċivili.


15 – Il-Kummissjoni qajmet il-punt li l-ordni tar-rinviju kienet saret res judicata. Madanakollu, dan l-aspett m’huwiex parti mill-ordni tar-rinviju u, fil-fehma tiegħi, m’għandux ikun determinanti meta tiġi deċiża l-ammissibbiltà tad-domanda.


16 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża li wasslet għas-sentenza Österreichischer Gewerkschaftbund, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 53 sa 55.


17 – Wieħed jista’ jikkunsidra wkoll l-alternattiva bil-maqlub: li l-qorti superjuri, li quddiemha jitressaq appell kontra l-ordni li titlob deċiżjoni preliminari, tista’ l-ewwel tissospendi l-proċeduri sabiex titlob deċiżjoni preliminari mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ appell bħal dan mad-dritt Komunitarju. Madanakollu, il-probabbiltà ta’ ipoteżi bħal din ukoll tidher dubbjuża. Barra minn dan, li kieku l-qorti superjuri nazzjonali kellha tabilħaqq tiddeċiedi li titlob deċiżjoni preliminari mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li, għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali, hija sempliċement tagħmel dan fuq id-domandi sostantivi tad-dritt Komunitarju li tqajmu inizjalment mill-qorti inferjuri nazzjonali (kif ġara fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1985, Pharmon vs Hoechst (19/84 Ġabra p. 2281), li kienet oriġinarjament rinviju minn qorti inferjuri, irreġistrat bħala Kawża 271/80, u li sar appell minnu u sussegwentement il-kawża tneħħiet mir-Reġistru) jew, għall-inqas, billi tinkludihom fir-rinviju (bil-konsegwenza li d-domanda proċedurali inizjali tista’, hija stess, tiġi kkontestata bħala li hija ipotetika fid-dawl tar-rinviju tad-domandi sostantivi). Dan effettivament jammonta għal sitwazzjoni fejn il-qrati nazzjonali jitqegħdu fi speċi ta’ sitwazzjoni ‘Catch 22’ u dan jista’, għal darb’oħra, jispjega għalfejn kwistjoni bħal din qatt ma tqajmet espressament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara O’Keeffe, D., “Appeals against an Order to Refer under Article 177 of the EEC Treaty”, 9 European Law Review (1984) 87, p.101).


18 – Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tat-12 ta’ Frar 1974 u tat-16 ta’ Jannar 1974, Rheinmühlen (146/73 u 166/73, Ġabra p. 40), l-Avukat Ġenerali Warner jinnota fil-punt 44 li dritt ta’ appell bħal dan, li huwa kkunsidra bħala li jmur kontra d-dritt Komunitarju, kien fis-seħħ, minn tal-inqas, f’diversi Stati Membri bis-saħħa ta’ regoli proċedurali nazzjonali.


19 – Ara wkoll is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, Ġabra p. 629, punt 19).


20 – Sentenza tas-16 ta’ Jannar 1974, Rheinmühlen I (166/73, Ġabra p. 33, punt 4)


21 – Sentenza tat-12 ta’ Frar 1974, Rheinmühlen II (146/73, Ġabra p. 139, punt 3)


22 – Sentenza Rheinmühlen II, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 3; sentenza tas-6 ta’ April 1962, De Geus (13/61, Ġabra p. 45, punt 50) u sentenzi maqgħuda tas-6 ta’ Ottubru 1983, Delhaize (2/82 sa 4/82, Ġabra p. 2973, punt 9).


23 – Ara, per eżempju, id-digriet tat-3 ta’ Ġunju 1969, Chanel (31/68, Ġabra p. 403) u d-digriet tal-14 ta’ Lulju 1992, Bosman (C‑269/92, li mhux ippubblikat fil-Ġabra).


24 – Sentenza tas-27 ta’ Marzu 1974, BRT vs SABAM (127/73, Ġabra p. 51, punt 3). Ara wkoll D. O’Keeffe, “Appeals against an Order to Refer under Article 177 of the EEC Treaty”, 9 European Law Review (1984) 87.


25 – Konklużjonijiet tat-12 ta’ Diċembru 1973 fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tat-12 ta’ Frar 1974 u tat-16 ta’ Jannar 1974, Rheinmühlen (146/73 u 166/73, Ġabra p. 40).


26 – Ara, per eżempju, is-sentenza Chanel, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22.


27 – D. Sarmiento, Poder Judicial e integración europea, Thomson-Civitas, Madrid, 2004, p.58.


28 – Campus Oil Ltd. et vs The Minister for Industry and Energy, Ireland, The Attorney General, and the Irish National Petroleum Co. Ltd., sentenza tal-Qorti Suprema Irlandiża tas-17 ta’ Ġunju 1983 ([1984] 1 CMLR 479).


29 – L-Artikolu 16(1) taċ-cégnyilvántartásról, a cégnyilvánosságról és a bírosági cégeljárásról szóló 1997. évi CXLV. törvény (Il-Liġi CXLV tal-1997 dwar ir-reġistrazzjoni tal-kumpanniji, reklamar ta’ kumpanniji u proċeduri legali f’materji kummerċjali). Skont din id-dispożizzjoni: “L-uffiċċju rreġistrat […] għandu jkun il-post fejn jinsab iċ-ċentru tal-operazzjonijiet u għandu jiġi indikat permezz ta’ plakka”.


30 – L-Artikolu 34(1) tal-Liġi CXLV tal-1997: “Kull trasferiment tal-uffiċċju rreġġistrat ta’ kumpannija għal post li jaqa’ fil-ġurisdizzjoni ta’ qorti oħra li jkollha r-responsabbiltà biex iżomm ir-reġistru tal-kumpanniji jrid jiġi rreġistrat, bħala bidla, mal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fiż-żona ta’ tal-uffiċċju rreġġistrat preċedenti. Din tal-aħħar għandha teżamina l-applikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-bidliet li jseħħu qabel il-bidla ta’ tal-uffiċċju rreġġistrat u għandha tapprova t-trasferiment”.


31 – V. Edwards, EC Company Law, Oxford: Clarendon Press 1999, p. 336.


32 – Ibid.


33 – Ara, bl-istess effett: is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, X u Y (C‑200/98, Ġabra p. I‑8261, punti 26 sa 28); is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004, Hughes de Lasteyrie du Saillant (C‑9/02, Ġabra p. I‑2409, punti 42 u 46); is-sentenza SEVIC Systems, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 14, 22 u 23; u s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy (C‑231/05, Ġabra p. I‑6373, punti 31sa 43).


34 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi maqgħuda tal-14 ta’ Settembru 2006, Alfa Vita Vassilopoulos u Carrefour‑Marinopoulos (C‑158/04 u C‑159/04, Ġabra p. I‑8135, punti 41 u 46).


35 – Sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Factortame et (C‑221/89, Ġabra p. I‑3905, punt 20). Ara wkoll is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1991, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑246/89, Ġabra p. I‑4585, punt 21), u s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes (C‑196/04, Ġabra p. I‑7995, punti 54 u 66).


36 – Ara, per eżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank Franza (C‑442/02, Ġabra p. I‑8961, punt 11 u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).


37 – Sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988 (81/87, Ġabra p. 5483, punt 7).


38 – Sentenza Daily Mail and General Trust, punti 3 u 5.


39 – Sentenza Daily Mail and General Trust, punt 8.


40 – Sentenza Daily Mail and General Trust, punt 24.


41 – Sentenza Daily Mail and General Trust, punt 19: “Wieħed għandu jżomm f’moħħu li, b’differenza mill-persuni naturali, kumpanniji huma ħolqien tal-liġi u, fl-istess attwali tad-dritt Komunitarju, ħolqien tal-liġi nazzjonali. Dawn jeżistu biss bis-saħħa ta’ liġijiet varji nazzjonali li jiddeterminaw l-inkorporazzjoni u l-funzjonament tagħhom.”


42 – Fil-fatt, l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja ġie jixbah l-approċċ tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Daily Mail and General Trust.


43 – Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999 (C‑212/97, Ġabra p. I‑1459)


44 – Sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002 (C‑208/00, Ġabra p. I‑9919)


45 – Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003 (C‑167/01, Ġabra p. I‑10155)


46 – Sentenza Inspire Art, iċċitata fin-nota fin-nota ta’ qiegħ il-paġna, punt 98.


47 – Għal sunt u evalwazzjoni kritika tat-teoriji li jippruvaw jispjegaw id-differenzi bejn, minn naħa, is-sentenza Daily Mail and General Trust u, min-naħa l-oħra, is-sentenzi Centros u Überseering, ara: Ringe, W.‑G., “No Freedom of Emigration for Companies?”, 2005 European Business Law Review 621.


48 – Ara s-sentenza Centros, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42; is-sentenza Überseering, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43; is-sentenza Inspire Art, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44; is-sentenza tat-13 ta’ April 2000, Baars (C‑251/98, Ġabra p. I‑2787, punt 28); u s-sentenza Hughes de Lasteyrie du Saillant, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 42.


49 – Daily Mail and General Trust, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 16.


50 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża li wasslet għas-sentenza SEVIC Systems, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 45. Il-fehmiet tal-Avukat Ġenerali ġew ikkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 22 u 23 tas-sentenza tagħha.


51 – Sentenza Cadbury Schweppes, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 37 (enfażi miżjuda). Innota li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet referenza għall-punt 96 tas-sentenza Inspire Art, imma għażlet li tagħmel użu minn kliem kemmxejn differenti (‘għan’ minflok ‘għan waħdieni’).


52 – Sentenza Cadbury Schweppes, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punti 51 sa 55.


53 – Sentenza Cadbury Schweppes, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 68.


54 – Ara l-punt 9 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża li wasslet għas-sentenza Daily Mail and General Trust, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata. Jiena ddiskutejt il-prinċipju li jipprojbixxi l-abbuż tad-dritt Komunitarju fid-dettall fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, Ġabra p. I‑1609). Ara wkoll R. de la Feria, Prohibition of abuse of (Community) law: The creation of a new general principle of EC Law through tax’, [2008] 45 CMLR 405-408.


55 – Il-prinċipju ta’ abbuż tad-drittijiet ġie deskritt bħala “droga li għall-ewwel tidher li m’għandhiex effetti, imma li jista’ jkollha effetti sussegwenti spjaċevoli ħafna”. (Gutteridge, H.C., ‘Abuse of Rights’, 5 Cambridge Law Journal, 22, 44, 1933‑1935). Jidher li jkun xieraq, għalhekk, li dan jiġi applikat b’kawtela kbira.


56 – “M’hemm l-ebda nukleju ta’ sovranità li l-Istati Membri jistgħu jinvokaw bħala tali kontra l-Komunità.” (K. Lenaerts, ‘Constitutionalism and the many faces of federalism’, 38 American Journal of Comparative law [1990], p. 205 et seq, p. 220). Ara, per eżempju: is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C‑446/03, Ġabra p. I‑10837, punt 29), u sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C‑524/04, Ġabra p. I‑2107, punt 25) (fil-qasam tat-tassazzjoni); is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 1997, Centro‑Com (C‑124/95, Ġabra p. I‑81, punt 25) (fil-qasam tal-politika tas-sigurtà barranija); u s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Viking Line (C‑438/05, Ġabra p. I-10779, punt 40) (fil-qasam tal-politika soċjali). Sa fejn dawn l-oqsma jaqgħu fil-kompetenza tagħhom, l-Istati Membri għandhom madanakollu jeżerċitaw din il-kompetenza b’mod konsistenti mad-dritt Komunitarju.


57 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43. Dik il-kawża kienet tikkonċerna dispożizzjonijiet Ġermaniżi li kienu jipprovdu li l-partijiet b’kapaċità legali biss setgħu jressqu proċeduri legali, filwaqt li – inkonformità stretta mas-“Sitztheorie” – kumpanniji kienu kkunsidrati li għandhom kapaċità legali biss jekk kellhom iċ-ċentru attwali tal-amministrazzjoni tagħhom fil-Ġermanja. Skont il-punt 93 tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rifjut li tiġi rikonoxxuta l-kapaċità li tkun parti fi proċeduri legali fil-konfront ta’ kumpannija li tkun debitament inkorporata fi Stat Membru ieħor fejn għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha “jammonta għal ċaħda totali tal-libertà ta’ stabbiliment” li ma tistax tiġi ġġustifikata għal raġunijiet relatati mal-interess ġenerali.


58 – Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, Ġabra p. I‑4165, punt 37); sentenza CaixaBank France, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 11; u s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2008, Deutsche Shell (C‑293/06, Ġabra p. I-1129, punt 28).


59 – Sentenza Cadbury Schweppes, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punti 51 sa 55.


60 – Sentenza Überseering, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 92; sentenza SEVIC Systems, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 28.


61 – Ara, b’analoġija, l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001, tat-8 ta’ Ottubru 2001, dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (ĠU 2001 L 294, p. 1).


62 – Bħalma huwa l-każ, per eżempju, taħt is-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 2157/2001.


63 – Sentenza Überseering, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 93.


64 – Ara wkoll is-sentenza SEVIC Systems, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 29 u 30.