Language of document : ECLI:EU:C:2012:406

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fit-3 ta’ Lulju 2012 (1)

Kawża C‑614/10

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Twettiq tal-kompiti tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni inkarigati sabiex jissorveljaw it-trattament tad-data personali b’indipendenza sħiħa — Rabtiet mill-qrib personali u organizzazzjonali bejn l-awtorità ta’ superviżjoni u l-Kanċellerija Federali”





I –    Introduzzjoni

1.        Bil-preżenti rikors (2) ippreżentat taħt l-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li r-Repubblika tal-Awstrija naqset mill-obbligi imposti fuqha bis-saħħa tat-tieni inċiż tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (3), għaliex il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Awstrija ma tissodisfax il-kriterju ta’ indipendenza sħiħa f’dak li jirrigwarda d-Datenschutzkommission (il-Kummissjoni ta’ Protezzjoni tad-Data, iktar ’il quddiem id-“DSK”) imwaqqfa bħala awtorità ta’ superviżjoni għall-protezzjoni tad-data personali.

2.        Din il-kawża, l-istess bħall-kawża li wasslet għas-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (4) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja”), tqajjem il-kwistjoni tal-portata tal-indipendenza tal-awtorità ta’ superviżjoni rikjesta bl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46.

3.        Konsegwentement, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja għandha tkun deċiżiva sabiex jiġi evalwat il-mertu tar-rikors tal-Kummissjoni, li hija sostnuta mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem il-“KEPD”).

4.        Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja intervjeniet fil-proċedura insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Awstrija.

II – Kuntest ġuridiku

A –    Dritt tal-Unjoni

5.        Mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/46/KE jirriżulta li dan għandu l-iskop li jiżgura, fil-livell tal-Istati Membri, il-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali. Madankollu, skont l-Artikolu 1(2) ta’ dik id-direttiva, tali protezzjoni ma tistax tiġġustifika restrizzjoni jew projbizzjoni tal-moviment liberu tad-data personali bejn l-Istati Membri. Isegwi minn dan li d-Direttiva 95/46 hija intiża sabiex tistabilixxi bilanċ bejn, minn naħa, il-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet funamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tat-trattament tad-data personali u, min-naħa l-oħra, il-moviment liberu ta’ dik id-data.

6.        Kif jirriżulta mill-premessa 62 tad-Direttiva 95/46, element essenzjali tal-imsemmija protezzjoni tal-persuni huwa t-twaqqif, fl-Istati Membri, ta’ awtoritajiet ta’ superviżjoni li jeżerċitaw l-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46, imsejjaħ “Awtorità ta’ superviżjoni”, jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva.

Dawn l-awtoritajiet għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilhom.”

7.        Fil-livell tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni, il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tat-trattament tad-data personali hija rregolata bir-Regolament (KE) Nru 45/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data (5), li kien ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 286 KE. B’mod analogu għal dak li jeżiġi mill-Istati Membri l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46, dak ir-regolament iwaqqaf awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, imsejħa l-KEPD. F’dak li jirrigwarda l-indipendenza ta’ dik l-awtorità, l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 45/2001 jgħid dan li ġej:

“1.      Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jaġixxi b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu jew tagħha.

2.     Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu, fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu jew tagħha, la jfittex li jieħu u lanqas jieħu struzzjonijiet mingħand xi ħadd.

3.     Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jżomm lura minn xi azzjoni inkompatibbli mad-dmirijiet tiegħu jew tagħha u m’għandux, matul it-terminu tal-ħatra tiegħu jew tagħha, jagħmel xi xogħol ieħor sew jekk bi qliegħ sew jekk le.

4.     Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu, matul it-terminu tal-ħatra tiegħu jew tagħha, jikkomporta ruħu b’integrità u diskrezzjoni fir-rigward ta’ l-aċċettazzjoni ta’ ħatriet u benefiċċji.”

B –    Leġiżlazzjoni nazzjonali

8.        Id-Direttiva 95/46 ġiet trasposta fil-liġi Awstrijaka bil-Liġi tal-2000 dwar il-Protezzjoni tad-Data (Datenschutzgesetz 2000, iktar ’il quddiem id-“DSG 2000”).

9.        L-Artikoli 35 et seq tad-DSG 2000 jipprovdu għat-twaqqif tad-DSK bħala l-awtorità ta’ superviżjoni skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 (6).

10.      Skont l-Artikolu 36(1) tad-DSG 2000, id-DSK hija komposta minn sitt membri li jinħatru mill-President Federali, fuq parir tal-gvern federali, b’mandat ta’ ħames snin.

11.      Skont l-Artikolu 36(3) tad-DSG 2000, wieħed mis-sitt membri tad-DSK għandu jkun ġurista mis-servizz pubbliku federali.

12.      Konformement mal-Artikolu 36(3a), tad-DSG 2000, il-pożizzjoni ta’ membru tad-DSK hija eżerċitata flimkien ma’ attivitajiet professjonali oħra, b’tali mod li dik il-funzjoni hija kkonċepita bħala attività part-time.

13.      Filwaqt li jutilizza l-possibbiltà mogħtija bl-Artikolu 20(2) tal-Liġi Kostituzzjonali Federali (Bundes-Verfassungsgesetz, iktar ’il quddiem il-“BVG”) li jeżenta lill-korpi mill-obbligu li josservaw l-istruzzjonijiet ta’ korpi superjuri, l-Artikolu 37(1) tad-DSG 2000, jipprovdi li l-membri tad-DSK huma “indipendenti u ma għandhom jieħdu ebda istruzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom”.

14.      L-Artikolu 38(1) tad-DSG 2000 jipprovdi li d-DSK għandha tadotta Regoli ta’ Proċedura li jafdaw it-tmexxija tal-affarijiet kurrenti f’wieħed mis-sitt membri (“membru amministratur”). L-Artikolu 4(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tad-DSK jipprovdi li l-funzjoni ta’ membru amministratur għandha tiġi eżerċitata mill-membru federali konformement mal-Artikolu 36(3) tad-DSG 2000.

15.      L-Artikolu 38(2) tad-DSG 2000 jipprovdi li:

“Insostenn tat-tmexxija tad-[DSK], il-Kanċillier Federali għandu joħloq uffiċċju u jpoġġi għad-dispożizzjoni tiegħu l-apparat u l-persunal neċessarji. Huwa għandu d-dritt għall-informazzjoni fi kwalunkwe ħin, mingħand il-President u l-membru amministratur, dwar l-aspetti kollha tat-tmexxija tad-[DSK].”

16.      Id-dritt mogħti lill-Kanċillier Federali għall-informazzjoni dwar l-aspetti kollha tat-tmexxija tad-DSK imsemmi fl-Artikolu 38(2) tad-DSG 2000, jirrifletti d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(2) tad-BVG, li huwa fformulat kif ġej, fil-parti tiegħu li tinteressana hawnhekk:

“[…]

Il-liġi tipprovdi dritt xieraq ta’ monitoraġġ tal-funzjoni tal-korp awtonomu mill-korpi superjuri, tal-inqas id-dritt ta’ informazzjoni dwar l-aspetti kollha tat-tmexxija tal-korpi awtonomi, u — sa fejn ma humiex organi li jissemmew fil-punti 2, 3 u 8 — id-dritt li jirrevoka l-korpi awtonomi għal raġuni serja.”

17.      L-Artikolu 45(1) tal-Liġi tal-1979 dwar ir-Regolamenti tal-Uffiċjali (Beamten-Dienstrechtsgesetz 1979) jipprovdi:

“Is-superviżur ġerarkiku għandu jiżgura li l-persunal tiegħu għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom skont il-liġijiet u b’mod effiċjenti u ekonomiku. Huwa għandu jmexxi lill-persunal tiegħu fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, jagħtihom istruzzjonijiet kif meħtieġ, jirrimedja kwalunkwe difetti u nuqqasijiet, u jiżgura konformità mal-ħinijiet tax-xogħol. Huwa għandu jippromwovi l-avvanz tal-impjegati tiegħu bbażat fuq il-prestazzjoni tagħhom u jiggwidahom lejn xogħol li l-iktar jikkorrispondi għall-kapaċitajiet tagħhom.”

III – Evalwazzjoni

18.      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-KEPD, tikkritika lir-Repubblika tal-Awstrija li ma adottatx leġiżlazzjoni li tissodisfa l-kriterju ta’ indipendenza sħiħa tal-awtorità ta’ superviżjoni skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46. Skont il-Kummissjoni, id-diffikultà hija marbuta mal-fatt li, l-ewwel nett, il-funzjoni ta’ membru amministratur tad-DSK hija eżerċitata minn uffiċjal tal-Kanċellerija Federali; it-tieni nett, l-uffiċċju tad-DSK huwa integrat fil-Kanċellerija Federali; u t-tielet nett, il-Kanċillier Federali jista’ jeżerċita, fir-rigward tad-DSK, dritt għal informazzjoni illimitata.

19.      Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-mertu tar-rikors tal-Kummissjoni, jeħtieġ, l-ewwel nett, jiġi ppreċiżat il-kontenut tal-frażi “b’indipendenza sħiħa” li tinsab fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 fir-rigward tal-awtorità ta’ superviżjoni. Imbagħad, sejjer neżamina jekk il-fatturi kollha flimkien li dwarhom il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Awstrija jistax ikollhom il-konsegwenza li d-DSK bħala awtorità ta’ superviżjoni ma tistax teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’indipendenza sħiħa konformement mal-imsemmi Artikolu 28(1).

 Fuq il-kontenut tal-frażi “b’indipendenza sħiħa”

20.      Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Awstrija ma jaqblux ma’ xulxin fuq il-kwistjoni tal-kontenut tal-frażi “b’indipendenza sħiħa”.

21.      Skont il-Kummissjoni, li tibbaża ruħha fuq is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, dik il-frażi ma timplikax biss indipendenza funzjonali, iżda wkoll indipendenza organika u materjali. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-għan tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 li jsemmi superviżjoni effikaċi u affidabbli tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data, kif ukoll mill-manjiera li fiha hija kkonċepita l-funzjoni tal-KEPD fir-Regolament 45/2001 li jipprovdi għal indipendenza massima tal-KEPD fuq il-pjan organiku u materjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-punt 17 tar-rapport spjegattiv tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Persuni fir-rigward tat-Trattament Awtomatiku tad-Data Personali li tirrigwarda l-awtoritajiet ta’ superviżjoni u l-flussi transkonfinali ta’ data, li telenka l-fatturi li jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtorità ta’ superviżjoni, u fosthom hemm inklużi l-kompożizzjoni ta’ din l-awtorità, il-mod li bih jinħatru l-membri tagħha, it-tul tal-ħatra u l-kundizzjonijiet tal-waqfa tal-ħatra tagħhom, l-għoti lil din l-awtorità ta’ riżorsi suffiċjenti jew l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet fuq ordnijiet jew inġunzjonijiet esterni għall-istess awtorità.

22.      Ir-Repubblika tal-Awstrija tqis, għall-kuntrarju, li ma huwiex possibbli li mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja jiġi dedott li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandu jkollhom indipendenza organika u materjali. L-indipendenza ta’ awtorità ta’ superviżjoni skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 għandha tkun suġġetta għall-indipendenza funzjonali ta’ dik l-awtorità, li timplika l-libertà tal-awtorità ta’ superviżjoni inkwistjoni li taġixxi mingħajr ma tkun tenuta tobdi l-istruzzjonijiet mill-organi ta’ superviżjoni, kif ukoll indipendenza u imparzjalità suffiċjenti fir-rigward tal-persuni privati.

23.      Ir-Repubblika tal-Awstrija tinsisti fuq il-fatt li l-interpretazzjoni tal-frażi “b’indipendenza sħiħa” tirrikjedi li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-indipendenza ta’ qorti skont l-Artikolu 267 TFUE. Ir-Repubblika tal-Awstrija tenfażizza li d-DSK kienet tfasslet bħala awtorità kolleġġjali li teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji. Id-domandi preliminari magħmula minn dawk l-awtoritajiet Awstrijaċi abbażi tal-Artikolu 267 TFUE għandhom ikunu kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala ammissibbli u, konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet in-natura ġudizzjarja ta’ dawk l-awtoritajiet (7) u għalhekk, bl-istess mod, l-indipendenza tagħhom, billi dan kien wieħed mill-fatturi li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-istħarriġ dwar in-natura ġudizzjarja ta’ awtorità nazzjonali fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE. Ir-Repubblika tal-Awstrija tiddeduċi li d-DSK hija indipendenti skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 267 TFUE u li, għalhekk, hija għandha wkoll titqies bħala awtorità ta’ superviżjoni indipendenti għall-finijiet tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46.

24.      Fid-dawl tad-dibattitu li tqajjem is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja bejn il-partijiet, huwa utli li nerġa’ nikkunsidra l-kawża li wasslet għal dik is-sentenza. Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-kliem tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46, kif ukoll fuq l-għanijiet u l-istruttura ta’ dik id-Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tat interpretazzjoni awtonoma u wiesgħa lill-frażi “b’indipendenza sħiħa”. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtoritajiet ta’ superviżjoni (8) “għandhom igawdu minn indipendenza li tippermettilhom jeżerċitaw il-kompiti tagħhom mingħajr indħil barrani. Din l-indipendenza teskludi mhux biss kull influwenza eżerċitata mill-organi li jaqgħu taħt superviżjoni, iżda wkoll minn kull pressjoni jew influwenza esterna, sew jekk diretta jew indiretta, li jistgħu jmorru kontra l-kisba, minn dawn l-awtoritajiet, tal-kompitu tagħhom li jikkonsisti f’li jiġi stabbilit ekwilibriju ġust bejn il-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja privata u l-moviment liberu tad-data ta’ natura personali” (9).

25.      Nixtieq nenfażizza żewġ affarijiet li jitnisslu minn dik l-interpretazzjoni. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tibbażax l-interpretazzjoni tagħha tal-frażi “b’indipendenza sħiħa” fuq il-kriterji ta’ indipendenza tal-qorti skont l-Artikolu 267 TFUE. Dan iwassalni sabiex nikkonkludi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċepixxi l-indipendenza tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni bħala awtonoma fil-konfront tal-indipendenza tal-qrati skont l-Artikolu 267 TFUE, li jfisser li l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija dwar id-DSK bħala awtorità li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ indipendenza ddefiniti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ qorti skont l-Artikolu 267 TFUE ma humiex rilevanti għal dan il-każ (10).

26.      It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja evitat milli tuża fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja frażijiet bħall-“indipendenza funzjonali, organika jew materjali”, anki jekk, bħal f’dan il-każ, kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja użawhom fil-kuntest tal-argumenti tagħhom.

27.      Fid-dawl tal-interpretazzjoni wiesgħa tal-frażi “b’indipendenza sħiħa” adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, wieħed jista’ jistaqsi jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidratx indipendenza tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni f’kull dimensjoni possibbli tagħha. Jiena tal-fehma li r-risposta għal dik id-domanda għandha tkun fin-negattiv. Bl-interpretazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet il-kamp liberu għal evalwazzjoni, fil-każ fejn, jekk miżura li dwarha l-Istat Membru huwa kkritikat, hija ta’ natura li tirrappreżenta influwenza esterna diretta jew indiretta fuq it-twettiq tal-kompiti tal-awtorità ta’ superviżjoni.

28.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma elenkatx il-fatturi kollha rikjesti sabiex l-eżerċizzju tal-kompiti li huma fdati lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni jistax jiġi kkunsidrat bħala żgurat “b’indipendenza sħiħa”. Kif diġà indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (11), jidher diffiċli li dan isir, u jidher iktar xieraq li jiġi adottat metodu negattiv, jiġifieri li jiġi eżaminat l-effett ta’ fatturi konkreti jew ta’ sett ta’ fatturi konkreti fuq l-indipendenza tal-awtorità ta’ superviżjoni inkwistjoni. Dan huwa l-approċċ li segwiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, meta hija eżaminat l-effett tas-superviżjoni tal-Istat fuq l-indipendenza tal-awtorità ta’ superviżjoni.

 Fuq il-membru amministratur bħala uffiċjal tal-Kanċellerija Federali

29.      Skont il-Kummissjoni, isegwi mill-Artikolu 4(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tad-DSK, li l-membru amministratur tad-DSK li jmexxi l-affarijiet kurrenti tad-DSK u li, għalhekk, igawdi rwol predominanti fid-DSK, għandu dejjem ikun uffiċjal tal-Kanċellerija Federali. Billi hemm qbil li l-funzjoni ta’ membru tad-DSK hija kkonċepita bħala attività part-time li ssir flimkien ma’ attivitajiet professjonali oħra, il-membru amministratur sejjer jibqa’ marbut bl-istruzzjonijiet tal-Kanċillier Federali u suġġett għas-superviżjoni amministrattiva. Sejra teżisti rabta ta’ impjieg bejn il-membru amministratur u l-Kanċellerija Federali li ma hijiex ser tiġi eliminata bl-Artikolu 37(1) tad-DSG 2000 dwar l-indipendenza tal-membri tad-DSK. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tqis li r-rabta tal-funzjonijiet tal-membru amministratur tad-DSK u ta’ uffiċjal tal-Kanċellerija Federali ma hijiex kompatibbli mar-rekwiżit ta’ indipendenza msemmi fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 u juri n-nuqqas ta’ indipendenza organika tad-DSK.

30.      Fid-difiża tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li ma jirriżultax mill-Artikolu 4(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tad-DSK, moqri flimkien mal-Artikolu 36(3) tad-DSG 2000, li l-membru amministratur tad-DSK għandu dejjem ikun uffiċjal tal-Kanċellerija Federali. Skont id-dispożizzjonijiet imsemmija, il-membru amministratur għandu jkun ġurista fis-servizz pubbliku federali, u dan jinkludi l-avukati kollha li jaħdmu fi ħdan awtorità federali, mingħajr ma dan il-grupp ikun limitat biss għall-uffiċjali tal-Kanċellerija Federali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 38(1) tad-DSG 2000, l-għażla tal-membru amministratur tiddependi minn deċiżjoni awtonoma tad-DSK innifisha. Fil-każ fejn uffiċjal tal-Kanċellerija Federali jintgħażel bħala membru amministratur tad-DSK, l-Artikolu 37(1) tad-DSG 2000, li jipprojbixxi lill-Kanċellerija Federali li tagħti struzzjonijiet tekniċi jew fuq il-mertu lill-membru amministratur tad-DSK, jipprekludi d-dehra ta’ kunflitti ta’ lealtà u ta’ interessi.

31.      Fil-fehma tiegħi, għandu jiġi ammess li ma jirriżultax mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka li l-membru amministratur tad-DSK għandu neċessarjament ikun uffiċjal tal-Kanċellerija Federali. Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tad-DSK, moqri flimkien mal-Artikolu 36(3) tad-DSG 2000, il-funzjoni ta’ membru amministratur hija rriżervata għal uffiċjal federali u ġurista, li jfisser li l-membru amministratur jista’, imma ma għandux neċessarjament, ikun uffiċjal tal-Kanċellerija Federali. Madankollu, il-fatt jibqa’ li dejjem hemm rabta bejn il-membru amministratur tad-DSK u l-awtorità federali li lilha jappartjeni.

32.      Fid-dawl ta’ din ir-rabta, ma jistax jiġi eskluż li l-awtorità federali superjuri tista’ teżerċita influwenza fuq l-attività tal-membru amministratur. Evidentement, dan mhux ser ikun każ ta’ influwenza diretta, billi dan ikun ipprojbit bl-Artikolu 37(1) tad-DSG 2000. Il-kumulu tal-funzjonijiet ta’ membru amministratur tad-DSK u ta’ uffiċjal federali iktar jimplika l-perikolu (12) ta’ influwenza indiretta tal-awtorità federali superjuri fuq l-attività tal-membru amministratur tad-DSK li jkun ipoġġi fid-dubju l-indipendenza tad-DSK rikjesta bl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46.

33.      Nixtieq infakkar li influwenza tali tista’ tkun ġejja anki minn min iħaddem lill-membri l-oħra tad-DSK, billi hemm qbil li l-funzjoni ta’ membru tad-DSK hija kkonċepita bħala attività part-time flimkien ma’ attivitajiet professjonali oħra. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-approċċ tagħha billi tkompli tinterpreta d-Direttiva 95/46 fid-dawl tar-Regolament 45/2001 (13), ser ikun għalhekk possibbli li jiġi konkluż li l-projbizzjoni ta’ eżerċizzju ta’ attività professjonali oħra hija waħda mill-kundizzjonijiet rikjesti għall-finijiet tal-indipendenza tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46, billi hemm qbil li l-Artikolu 44(3) tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi kundizzjoni bħal dik, fir-rigward tal-indipendenza tal-KEPD.

 Fuq l-integrazzjoni tal-uffiċċju tad-DSK fi ħdan id-dipartimenti tal-Kanċellerija Federali

34.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-integrazzjoni strutturali tal-uffiċċju tad-DSK fid-dipartimenti tal-Kanċellerija Federali ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46, billi jsegwi li d-DSK ma hijiex ser tkun indipendenti la fuq il-livell organiku lanqas fuq il-livell materjali. Il-membri tal-persunal tad-DSK ser jitpoġġew taħt l-awtorità tal-Kanċellerija Federali u suġġetti għall-kontroll amministrattiv tagħha. Ikun ifisser li l-uffiċċju tad-DSK ser ikun espost għall-possibbli influwenza tal-Kanċellerija Federali. Dan ser ikun iktar gravi għaliex il-Kanċellerija Federali ser tkun, bħala awtorità pubblika, suġġetta għas-superviżjoni li għandha tiġi eżerċitata mid-DSK.

35.      F’dan ir-rigward, il-KEPD iżid li l-possibbiltà, għall-Kanċellerija Federali, li tinfluwenza t-twettiq tal-kompiti tad-DSK hija aggravata bil-fatt li ma teżisti l-ebda allokazzjoni baġitarja separata ddestinata għad-DSK u l-baġit tad-DSK jifforma parti mill-baġit tal-Kanċellerija Federali.

36.      Ir-Repubblika tal-Awstrija ammettiet li l-uffiċċju tad-DSK bħala apparat burokratiku awżiljarju tad-DSK huwa integrat mal-Kanċellerija Federali, u li l-membri tal-persunal tiegħu huma ġuridikament marbuta mal-Kanċellerija Federali li żżomm is-superviżjoni amministrattiva. Madankollu, dan il-fatt ma għandu jkollu l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-indipendenza tad-DSK fid-dawl tad-distinzjoni li għandha ssir bejn id-DSK bħala korp u l-uffiċċju tiegħu.

37.      F’dak li jikkonċerna l-baġit tad-DSK, ir-Repubblika tal-Awstrija tallega li, fid-dawl tal-liġi baġitarja Awstrijaka, il-kwistjoni ta’ taħt liema dipartiment ministerjali taqa’ istituzzjoni federali fuq il-livell baġitarju ser tkun waħda sekondarja u xejn ma taffettwa, minnha nnifisha, fuq l-indipendenza ta’ dik l-istituzzjoni.

38.      Kif juru l-argumenti rispettivament adottati mill-Kummissjoni u mir-Repubblika tal-Awstrija f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-uffiċċju tad-DSK huwa integrat mal-Kanċellerija Federali u li, għal din ir-raġuni, il-membri tal-persunal tad-DSK huma suġġetti għas-superviżjoni amministrattiva tal-Kanċellerija Federali.

39.      F’dan ir-rigward, l-argument dwar id-distinzjoni li għandha ssir bejn id-DSK bħala korp u l-uffiċċju tagħha, jidhirli li huwa xi ftit dgħajjef. Jiena tal-fehma li l-uffiċċju u l-membri tal-persunal tiegħu jikkostitwixxu fattur essenzjali tal-istatus tal-awtorità ta’ superviżjoni. Dan tixhdu, pereżempju, il-premessa 11 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (id-Direttiva “Kwadru”) (14) li tipprovdi li sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, dawn għandhom ikunu fil-pussess tar-riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward tan-numru ta’ impjegati, kapaċità, u mezzi finanzjarji, għat-twettiq tax-xogħol tagħhom (15).

40.      Minn dan isegwi li jekk persuna jew entità teżerċita influwenza fuq l-uffiċċju u fuq il-membri tal-persunal tal-awtorità ta’ superviżjoni, u dan huwa inkontestabbilment il-każ hawnhekk, dik il-persuna jew dik l-entità jeżerċitaw, għalhekk, influwenza fuq l-awtorità ta’ superviżjoni bħala tali, u dan ma huwiex kompatibbli mar-rekwiżit ta’ indipendenza tal-awtorità ta’ superviżjoni.

 Fuq id-dritt għall-informazzjoni illimitata tal-Kanċillier Federali fir-rigward tad-DSK

41.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-dritt għall-informazzjoni illimitata li jgawdi l-Kanċillier Federali bis-saħħa tal-Artikolu 20(2), tad-BVG, jikkomprometti l-indipendenza tad-DSK għaliex ser jeżisti l-perikolu li dan id-dritt jintuża sabiex jeżerċita influwenza politika fuq id-DSK. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar mill-ġdid li l-Kanċillier Federali nnifsu huwa suġġett għas-superviżjoni tad-DSK.

42.      Ir-Repubblika tal-Awstrija ma tikkontestax l-eżistenza tad-dritt tal-Kanċillier Federali li jitlob informazzjoni fuq l-aspetti kollha tat-tmexxija tad-DSK li nħolqot bħala korp awtonomu skont l-Artikolu 20(2) tad-BVG. Hija tispjega li dan id-dritt jirrappreżenta l-minimu assolut fil-konfront tad-dritt ta’ superviżjoni rikjest skont il-liġi Kostituzzjonali fir-relazzjonijet bejn korpi superjuri u korpi awtonomi li huma eżentati mill-obbligu li jirrispettaw l-istruzzjonijiet tal-korpi superjuri. Id-dritt għall-informazzjoni ma huwa sejjer jagħti lill-Kanċillier Federali l-ebda influwenza fuq it-tmexxija tad-DSK. Ir-Repubblika tal-Awstrija tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Ministru tal-Ġustizzja jgawdi minn dritt analogu għall-informazzjoni fir-rigward tal-qrati ordinarji u dan ma huwiex ikkunsidrat bħala kuntrarju għall-indipendenza applikabbli għal qorti.

43.      Kif indikajt diġà, fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni awtonoma lill-indipendenza tal-awtorità ta’ superviżjoni meta mqabbla mal-indipendenza tal-qorti skont l-Artikolu 267 TFUE. Għal din ir-raġuni, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-eżistenza ta’ dritt analogu għall-informazzjoni fir-rigward tal-qrati ordinarji huwa irrilevanti f’dan il-każ.

44.      Fil-fehma tiegħi, żewġ elementi jipprovaw li d-dritt għall-informazzjoni inkwistjoni jista’ jkollu konsegwenzi negattivi fuq l-indipendenza tad-DSK. Fl-ewwel lok, dan huwa dritt illimitat u inkundizzjonali. Fit-tieni lok, il-Kanċillier Federali, li jgawdi minn dan id-dritt, huwa nnifsu suġġett għall-poter tas-superviżjoni tad-DSK b’mod li l-eżerċizzju tad-dritt għall-informazzjoni minnu jista’ jissarraf fl-eżerċizzju ta’ influwenza mill-organu taħt superviżjoni.

45.      Bħala konklużjoni, nemmen li, l-ewwel nett, billi kkombinat il-funzjonijiet ta’ membru amministratur tad-DSK u ta’ uffiċjal federali, it-tieni nett, billi integrat l-uffiċċju tad-DSK fi ħdan il-Kanċellerija Federali u, it-tielet nett, billi tat lill-Kanċillier Federali dritt għall-informazzjoni fir-rigward tad-DSK, ir-Repubblika tal-Awstrija ttrasponiet b’mod żbaljat ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 tal-eżerċizzju “b’indipendenza sħiħa” tax-xogħol fdat lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni.

IV – Konklużjoni

46.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi kif ġej:

1)      Ir-Repubblika tal-Awstrija naqset mill-obbligi imposti fuqha bis-saħħa tat-tieni inċiż tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, l-ewwel nett għaliex ikkombinat il-funzjonijiet ta’ membru amministratur tad-Datenschutzkommission u ta’ uffiċjal federali, it-tieni nett, għaliex integrat l-uffiċċju tad-Datenschutzkommission fi ħdan il-Kanċellerija Federali u, it-tielet nett, għaliex tat lill-Kanċillier Federali dritt għall-informazzjoni fir-rigward tad-Datenschutzkommission, u għalhekk ittrasponiet b’mod skorrett ir-rekwiżit ta’ eżerċizzju “b’indipendenza sħiħa” tal-kompiti fdati lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni.

2)      Ir-Repubblika tal-Awstrija hija kkundannata għall-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

3)      Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data kif ukoll ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom ibatu l-ispejjeż proprji tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Fir-rigward tal-fażi prekontenzjuża tal-proċedura, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din żvolġiet skont l-Artikolu 226 KE u l-ebda argument li jpoġġi fid-dubju l-legalità ta’ din il-fażi tal-proċedura ma tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.


4 – C‑518/07, Ġabra p. I‑1885.


5 – Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102.


6 – Għandu jiġi ppreċiżat li d-DSK kienet twaqqfet ferm qabel id-Direttiva 95/46 bil-Liġi tal-1978 dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali.


7 – Bħala eżempju, ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għall-Bundeskommunikationssenaat (Kunsill Federali Superjuri dwar it-telekomunikazzjonijiet) li d-domandi preliminari tagħha kienu wasslu għas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Österreichischer Rundfunk (C‑195/06, Ġabra p. I‑8817); l-Umweltsenat (Awla Ġudizzjarja Indpendenti dwar l-Ambjent) li d-domanda preliminari tagħha kienet wasslet għas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2009, Umweltanwalt von Kärnten (C‑205/08, Ġabra p. I‑11525) u l-Oberster Patent — und Markensenat (Awla Superjuri dwar il-Brevetti u t-Trade marks) li d-domandi preliminari tagħha kienu wasslu għas-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Häupl (C‑246/05, Ġabra p. I‑4673).


8 – Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet ruħha fir-rigward tal-awtoritajiet tas-superviżjoni kompetenti sabiex jissorveljaw it-trattament tad-data ta’ natura personali fis-settur mhux pubbliku, jiena tal-fehma li dik l-interpretazzjoni tiswa wkoll għall-awtoritajiet tas-superviżjoni b’mod ġenerali.


9 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 30).


10 – Jiena konxju li dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn awtorità nazzjonali tista’ tiġi kkunsidrata bħala indipendenti ħafna sabiex tkun qorti skont l-Artikolu 267 TFUE iżda, fl-istess ħin, bħala mhux indipendenti biżżejjed sabiex tkun awtorità ta’ superviżjoni skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46. Din hija konsegwenza inevitabbli tal-interpretazzjoni awtonoma tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46.


11 – Punt 24.


12 – Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ammettiet li s-sempliċi perikolu ta’ influwenza fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni jkun suffiċjenti sabiex itellef l-eżerċizzju indipendenti tal-missjonjiet tagħhom (punt 36 ta’ din is-sentenza).


13 – Dak l-approċċ kien ġie segwit fis-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (punt 26), kif ukoll tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, Ġabra p. I‑11063, punt 106).


14 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349.


15 – Karatteristika analoga tal-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tinsab fil-premessa 47 tad-Direttiva 2008/6/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 52, p. 3).