Language of document :

Appell ippreżentat fit-3 ta’ Jannar 2018 mir-Repubblika Ellenika mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-25 ta’ Ottubru 2017 fil-Kawża T-6/18, Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-6/18 P)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: G. Kanellopoulos, I. Pachi u A. Vasilopoulou)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti Ġenerali tilqa’ l-appell tagħha, tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ Ottubru 2017 fil-Kawża T-26/16, sa fejn din ċaħdet ir-rikors tagħha, li tilqa’ r-rikors tar-Repubblika Ellenika tat-22 ta’ Jannar 2016, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2015/2098 tat-13 ta’ Novembru 20151 , sa fejn dik id-deċiżjoni imponiet fuq ir-Repubblika Ellenika, bħala riżultat tal-investigazzjonijiet IR/2009/004/GR u IR/2009/0017/GR, korrezzjonijiet finanzjarji ta’ darba u f’daqqa, għal dewmien fil-proċeduri ta’ rkupru, għan-nuqqas li tipprovdi informazzjoni u, b’md ġenerali, għal nuqqasijiet fil-proċeduri ta’ ġestjoni tad-dejn, għal ammont totali ta’ EUR 11 534 827.97, u li tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju, dwar il-parti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fejn din tal-aħħar imponiet fuq ir-Repubblika Ellenika korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa, jikkonċerna żball ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikoli 31, 32 u 33 tar-Regolament 1290/20052 , żball ta’ liġi dwar l-applikazzjoni tal-linji gwida fid-dokument tal-Kummissjoni 5330/1997 għall-impożizzjoni ta’ korrezzjonijiet b’rata fissa fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 32(4) tar-Regolament 1290/2005, ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, u motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata.

It-tieni aggravju, dwar il-parti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fejn din tal-aħħar imponiet korrezzjoni ta’ darba, hija bbażata fuq żball ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni, fis-sentenza appellata, tal-Artikoli 32(4) u 49 tar-Regolament Nru 1290/2005, ksur tal-prinċipji tan-nuqqas ta’ retroattività tal-liġijiet u taċ-ċertezza legali, kif ukoll raġunament kontradittorju u insuffiċjenti fis-sentenza msemmija iktar ʼil fuq.

____________

1 Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2098 tat-13 ta’ Novembru 2015 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (notifikata bid-dokument C(2015) 7716) (ĠU 205, L 303, p. 35).

2 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1).