Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rayonen sad Asenovgrad (il-Bulgarija) fid-19 ta’ Diċembru 2017 – “EVN Bulgaria Toplofikatsia” EAD vs Nikolina Stefanova Dimitrova

(Kawża C-708/17)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Rayonen sad Asenovgrad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: “EVN Bulgaria Toplofikatsia” EAD

Konvenuta: Nikolina Stefanova Dimitrova

Domandi preliminari

Id-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 1 , tippermetti l-possibbiltà għall-kumpannija li tipprovdi n-netwerk għat-tisħin li tippretendi, f’kondominju, l-ispejjeż tal-konsum tal-enerġija għat-tisħin prodotta mill-installazzjoni li tkun komuni għall-bini b’mod proporzjonat għall-volum li għandu jiġi msaħħan tal-appartamenti individwali skont il-pjanta, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwantità ta’ tisħin effettivament ipprovduta lill-appartament individwali?

Id-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83/UE 2 tippermetti dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tobbliga lill-konsumaturi li jkunu proprjetarji ta’ appartamenti f’bini rregolat minn kondominju u li jkunu waqqfu l-użu tal-enerġija għat-tisħin billi jkunu neħħew it-tagħmir għat-tisħin fl-appartament tagħhom jew billi talbu lill-impjegati tal-kumpannija li tipprovdi n-netwerk tat-tisħin jeliminaw il-possibbiltà teknika tal-apparat għat-tisħin li jipprovdi enerġija, iħallsu l-ispejjeż tal-konsum tal-enerġija għat-tisħin, li ma tkunx intalbet iżda li tkun ġiet ipprovduta, ikkonsmata mill-installazzjoni għat-tisħin u għall-ilma sħun li tkun komuni għall-bini?

Tali dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tintroduċi prattika kummerċjali żleali fis-sens tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 ?

____________

1 Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali ta’ l-enerġija u dwar servizzi ta’ enerġija u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE (ĠU 2006, L 114, p. 64).

2 Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).

3 Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22).