Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja) fit-18 ta’ Diċembru 2017 – Achema AB, AB “Orlen Lietuva”, AB “Lifosa” vs Valstybinė kainų ir energetikos kontrolės komisija (VKEKK)

(Kawża C-706/17)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Achema AB, AB “Orlen Lietuva”, AB “Lifosa”

Konvenuta: Valstybinė kainų ir energetikos kontrolės komisija

Domandi preliminari

Il-qafas leġiżlattiv għall-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali fis-settur tal-elettriku (“SIĠ”) u l-finanzjament tagħhom (kumpens) (iktar ’il quddiem l-“iskema SIĠ”) — stabbilit fil-Liġi Litwana dwar l-Elettriku, fil-Liġi Litwana dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli, fil-Liġi Litwana dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Elettriku fis-Sistemi tal-Elettriku Ewropej, fil-Liġi Litwana li timplementa l-Liġi li temenda u tissupplimenta l-Artikoli 2, 11, 13, 14, 16, 20 u 21 tal-Liġi dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli u fil-miżuri legali li jimplementaw dawn il-liġijiet, inkluża l-Proċedura għall-Provvista ta’ Servizzi ta’ Interess Ġenerali fis-Settur tal-Elettriku, approvata permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 916 tal-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja tat-18 ta’ Lulju 2012, il-Proċedura għall-Amministrazzjoni ta’ Flus għal Servizzi ta’ Interess Ġenerali fis-Settur tal-Elettriku, approvata permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 1157 tal-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja tad-19 ta’ Settembru 2012, u oħrajn — kif fis-seħħ fl-2014, jew parti minnu, għandu jitqies li huwa għajnuna mill-Istat (skema ta’ għajnuna mill-Istat) għall-iskopijiet tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, inklużi d-domandi segwenti:

–    f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-flus SIĠ għandhom, jew ma għandhomx, jitqiesu li huma riżorsi tal-Istat?

–    l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-każ fejn operaturi ta’ netwerk (impriżi) huma obbligati jixtru l-elettriku minn produtturi tal-elettriku bi prezz (rata) fiss(a) u/jew jibbilanċjaw l-elettriku, u t-telf sostnut minn operaturi ta’ netwerk minħabba dan l-obbligu huwa kkumpensat minn flus possibbilment attribwibbli lil riżorsi tal-Istat, ma għandux jitqies li jikkostitwixxi għajnuna mogħtija lil produtturi tal-elettriku permezz ta’ riżorsi tal-Istat?

–    l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, is-segwenti sostenn għandu, jew ma għandux, jitqies li huwa selettiv u/jew li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri: sostenn mogħti lil impriża li timplementa proġett ta’ importanza strateġika, bħal “NordBalt”; sostenn mogħti lil impriżi fdati bl-inkarigu li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku għal perijodu partikolari; sostenn sabiex jikkumpensa t-telf li jirrifletti l-kundizzjonijiet tas-suq u li huwa fil-fatt sostnut minn persuni, bħall-iżviluppaturi ta’ impjanti fotovoltajċi solari li huma involuti fil-kwistjoni, minħabba r-rifjut tal-Istat li jwettaq impenji meħuda (minħabba tibdil regolatorju nazzjonali); sostenn mogħti lil impriżi (operaturi ta’ netwerk) bl-għan li jiġi kkumpensat telf fil-fatt sostnut fit-twettiq tal-obbligu li jixtru l-elettriku bi prezz fiss mingħand produtturi tal-elettriku li jipprovdu SIĠ u li jibbilanċjaw l-elettriku?

–    l-Artikolu 107(1) TFUE, applikat flimkien mal-Artikolu 106(2) TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, l-iskema SIĠ inkwistjoni (jew parti minnha) għandha, jew ma għandhiex, titqies li tissodisfa l-kriterji stipulati fil-punti 88 sa 93 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Lulju 2003 f’Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00)?

–    l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, l-iskema SIĠ (jew parti minnha) għandha, jew ma għandhiex, titqies li toħloq jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni?

____________