Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Jannar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-36/18)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Τriantaphillou, M. Morales Puerta u G. von Rintelen, bħala aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li r-Repubblika Ellenika, billi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu 1 jew, fi kwalunkwe każ, billi ma nnotifikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tħallas pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 31 416 kuljum, b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tordna lir-Repubblika Ellenika tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar tal-ispazju marittimu, l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-Direttiva fid-dritt nazzjonali sat-18 ta’ Settembru 2016 u jinformaw lill-Kummissjoni debitament. Madankollu, il-Kummissjoni ma rċeviet ebda risposta, la għall-ittra ta’ intimazzjoni tagħha u lanqas għall-opinjoni motivata li hija bagħtet lir-Repubblika Ellenika u konsegwentement, tfittex rikonoxximent tal-konstatazzjoni ta’ ksur minħabba nuqqas li tiġi trasposta direttiva vinkolanti skont l-Artikolu 258 TFUE.

Sabiex tistabbilixxi proċedura fejn l-awtoritajiet ta’ kull Stat Membru jevalwaw u jorganizzaw attivitajiet umani fir-reġjuni marittimi fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex jissodisfaw għanijiet ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali, il-Kummissjoni, konformement mal-prassi vinkolanti tagħha dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE 2 , tfittex fl-istess waqt l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 31 416 kuljum, b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari għall-gravità tal-ksur (ara l-għanijiet tad-Direttiva li jikkonċernaw il-politika komuni tas-sajd, it-trasport marittimu, il-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent u tal-enerġija, iżda wkoll l-impatt tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati).

____________

1 ĠU 2014, L 25, p. 135.

2 ĠU 2011, C 12, p. 1.