Language of document : ECLI:EU:C:2010:688

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fis-17 ta’ Novembru 2010 (1)

Kawża C‑275/09

Brussels Hoofdstedelijk Gewest

P. De Donder

F. De Becker

K. Colenbie

Ph. Hutsebaut

B. Kockaert

VZW Boreas

F. Petit

V.S. de Burbure de Wezembeek

L. Van Dessel

vs

Vlaamse Gewest

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il‑Belġju)]

“Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent – Kunċett ta’ ‘bini’ ta’ ajruporti”





1.        Waħda mill-problemi li l-iktar jaħarqu fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent hija dik, b’mod partikolari, dwar kif għandha tiġi interpretata l-lista tal-attivitajiet li jistgħu jew għandhom ikunu s-suġġett tal-proċedura li twassal għal tali evalwazzjoni, lista li tinsab fl-annessi tad-direttiva li tirregola l-qasam. F’din il-kawża, li tirrigwarda l-ajruport ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq il-kunċett ta’ “bini” ta’ ajruport. B’mod partikolari, irid jiġi ċċarat jekk il-bini jinkludix it-tħaddim ta’ sistema fl-ajruport li kienet teżisti qabel, mingħajr ebda bidla fiżika tal-istess ajruport.

I –    Il-kuntest ġuridiku

2.        Il-qasam tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent huwa rregolat mid-Direttiva 85/337/KEE (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”). B’mod partikolari, il-verżjoni tad-Direttiva li tapplika għall-fatti ineżami hija dik li tirriżulta wara l-emendi li sarulha bid-Direttiva 97/11/KE (3).

3.        L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva jipprovdi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“[...]

‘proġett’ tfisser:

–        l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazjonijiet jew skemi oħra,

–        interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali;

[...]

‘kunsens [permess] għal żvilupp’ tfisser:

id-deċiżjoni ta’ l-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett;

[...]”.

4.        L-Annessi I u II tad-Direttiva fihom listi ddettaljati ta’ diversi tipi ta’ proġetti. L-Artikolu 4 tad-Direttiva jipprovdi li, bħala regola ġenerali, il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom dejjem ikunu suġġetti għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Għal dak li jirrigwarda l-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, permezz ta’ eżami każ b’każ jew permezz ta’ limiti jew kriterji, jekk il-proġett għandux jiġi suġġett għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

5.        L-Anness I, li fih il-lista ta’ proġetti li għalihom dejjem jeħtieġ li ssir l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, jinkludi, fil-punt 7(a), il-“bini ta’ [...] ajruporti b’tul bażiku tar-runway ta’ 2 100 m jew iktar” (4).

6.        L-Anness II, dwar il-proġetti li għalihom l-evalwazzjoni tal-effetti tista’ ssir iżda ma hijiex dejjem obbligatorja, jinkludi, fil-punt 10(d), il-“bini ta’ ajrudromi (proġetti mhux inklużi fl-Anness I)” u, fil-punt 13, il-“bidla jew estenzjoni tal-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness I jew l-Anness II, diġà aworizzati, imwettqa jew fil-proċess tat-twettiq, li jista’ jkollhom effetti avversi sinifikanti fuq l-ambjent”.

II – Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7.        Il-kwistjoni pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-ajruport ta’ Brussell. Dan hu ajruport bi tliet runways, li jinsab kollu kemm hu fit-territorju tar-reġjun Fjamming (Vlaamse Gewest).

8.        Skont il-leġiżlazzjoni li hija fis-seħħ fil-preżent fir-reġjun Fjamming, it-tħaddim ta’ ajruport bħal dak inkwistjoni jeħtieġ “permess ambjentali” (milieuvergunning). Dan huwa permess amministrattiv għal żmien definit, l-iktar għal għoxrin sena, li sar obbligatorju għall-ajruporti mill-1999. Dan il-permess ma huwiex ikkontemplat fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, u għaldaqstant huwa strument għall-ħarsien ambjentali introdott mill-Belġju b’mod individwali.

9.        Fi kliem ieħor, f’din il-kawża qed inħarsu lejn żewġ proċeduri ta’ permessi differenti intiżi għall-ħarsien ambjentali: il-permess ambjentali, previst biss mid-dritt nazzjonali, u l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, prevista mid-dritt tal-Unjoni Ewropea u, konsegwentement, anki mid-dritt nazzjonali li ttraspona d-Direttiva.

10.      L-ajruport ta’ Brussell, li ilu jeżisti għal għexieren ta’ snin, kiseb l-ewwel permess ambjentali, għal żmien ħames snin, fis-sena 2000. Fl-2004 dan il-permess ġie mġedded, mingħajr ebda tibdil fil-mod ta’ tħaddim, għal perijodu ta’ 20 sena. Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju u kif ġie kkonfermat fis-seduta, matul il-proċedura amministrattiva kienet ġiet ikkontemplata l-possibbiltà li jsiru xi bidliet fl-istruttura tal-ajruport (5); madankollu, tali possibbiltà ġiet eskluża mill-awtoritajiet nazzjonali, li allura ġeddew il-permess mingħajr tibdil fil-mod ta’ tħaddim tal-ajruport. Id-deċiżjoni għat-tiġdid tal-permess hija l-att li ġie kkontestat quddiem il-qorti nazzjonali.

11.      Fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju, l-argument prinċipali użat minn diversi rikorrenti huwa dak fejn ingħad li t-tiġdid tal-permess ambjentali kellu jkun akkumpanjat b’evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva. F’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Meta permessi differenti għal żvilupp huma meħtieġa, minn naħa, għal xogħlijiet infrastrutturali ta’ ajruport b’tul bażiku tar-runway ta’ 2 100 metru jew iktar, u, min-naħa l-oħra, għat-tħaddim ta’ dan l-ajruport, u dan il-permess ta’ żvilupp tal-aħħar – il-permess ambjentali – jingħata biss għal perijodu speċifikat, it-terminu “bini”, imsemmi fil-paragrafu 7(a) tal-Anness I tad-[Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE], kif emendata bid-[Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE] għandu jiġi interpretat li għandha ssir stima tal-impatt ambjentali mhux biss sabiex isiru x-xogħlijiet ta’ infrastruttura iżda wkoll għat-tħaddim tal-ajruport?

2.      Din l-istima obbligatorja tal-impatt ambjentali hija meħtieġa wkoll għat-tiġdid tal-permess ambjentali għall-ajruport, kemm fil-każ fejn dan it-tiġdid ma jinkludix xi bidla jew estensjoni għat-tħaddim tal-ajruport u kif ukoll fejn tali bidla jew estensjoni hija fil-fatt maħsuba?

3.      Jagħmel differenza għall-istima obbligatorja tal-impatt ambjentali fil-kuntest tat-tiġdid ta’ permess ambjentali għal ajruport jekk stima tal-impatt ambjentali tkunx saret qabel, fir-rigward ta’ permess preċedenti għat-tħaddim tal-ajruport, u jekk l-ajruport kienx diġà qed jitħaddem fiż-żmien meta l-istima tal-impatt ambjentali ġiet imdaħħla mil-leġiżlatur Ewropew jew minn dak nazzjonali?”

12.      Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Lulju 2009. Is-seduta nżammet fis-6 ta’ Ottubru 2010.

III – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

13.      Jirriżulta biċ-ċar mill-qari tad-domandi li t-tieni u t-tielet domanda saru b’mod sussidjarju fil-konfront tal-ewwel waħda, u dan minkejja li l-qorti tar-rinviju ma fformulathomx b’dan il-mod.

14.      Permezz tal-ewwel domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tiċċara jekk il-kunċett ta’ “bini ta’ ajruport” jinkludix ukoll is-sempliċi tħaddim tal-ajruport innifsu. It-tieni u t-tielet domanda, filwaqt li huma bbażati fuq il-premessa li l-ewwel domanda tingħatalha risposta fl-affermattiv, u li allura fil-każ bħal dan il-permess ambjentali previst mid-dritt Belġjan għat-tħaddim tal-ajruport irid ikun bilfors akkumpanjat b’evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva, jistaqsu jekk humiex ta’ importanza:

a)      il-fatt li t-talba għall-permess ambjentali tirrigwarda biss it-tiġdid tal-istess permess, mingħajr ebda tibdil fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim (it-tieni domanda);

b)      il-fatt li tkun saret evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fil-kuntest ta’ talba għal permess ambjentali preċedenti (l-ewwel parti tat-tielet domanda);

c)      il-fatt li l-ajruport kien diġà jaħdem qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (it-tieni parti tat-tielet domanda).

15.      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda preliminari, jiġifieri fil-każ li jiġi deċiż li s-sempliċi tħaddim ta’ ajruport ma huwiex inkluż fil-kunċett ta’ “bini” previst fl-Anness I tad-Direttiva, ma jkunx hemm bżonn li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda.

B –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

1.      Il-pożizzjoni meħuda mill-partijiet

16.      L-argument prinċipali użat mir-rikorrenti biex jiksbu l-annullament tal-permess ikkontestat quddiem il-qorti tar-rinviju jikkonsisti, kif intwera diġà, fl-affermazzjoni li l-għoti ta’ permess ambjentali għat-tħaddim ta’ ajruport kellu jkun ippreċedut b’evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Għal dan il-għan, kemm quddiem il-qorti nazzjonali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali insistew b’mod partikolari fuq il-ħtieġa, li ġiet enfasizzata konsistentement mill-ġurisprudenza, li d-Direttiva tiġi interpretata f’sens wiesa’, sabiex jintlaħqu bis-sħiħ l-għanijiet marbutin mal-ħarsien tal-ambjent imfittxija mil-leġiżlatur. Tali interpretazzjoni wiesgħa, li hija teleoloġikament orjentata, tippermetti li permess li, minnu nnifsu, jirrigwarda biss it-tħaddim ta’ ajruport jitqies bħala permess għall-“bini” ta’ ajruport.

17.      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jinvokaw ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ħtieġa li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma tkunx tirrigwarda biss l-effetti ambjentali tal-attività konkreta suġġetta għall-permess, iżda wkoll dawk li jistgħu jirriżultaw minnha b’mod indirett.

18.      Min-naħa tagħhom, il-partijiet l-oħra fil-kawża prinċipali, sostnuti fil-pożizzjoni tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Awstrijakk u Taljan, kif ukoll b’mod ġenerali mill-Kummissjoni, jinsistu fuq il-fatt li l-attività ta’ “bini” ta’ ajruport timplika t-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ bini f’sens fiżiku, b’dan illi s-sempliċi “tħaddim” tas-sistema tal-ajruport ma jikkwalifikax bħala bini.

2.      Kunsiderazzjonijiet

a)      Fuq il-ħtieġa jew in-nuqqas ta’ ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent

19.      B’mod ġenerali, biex jiġi vverifikat jekk attività partikolari tridx tkun suġġetta għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva, irid isir eżami f’żewġ fażijiet. Fl-ewwel lok, irid jiġi vverifikat jekk l-attività inkwistjoni tikkostitwixxix “proġett” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva. Fil-każ ta’ tweġiba fl-affermattiv, irid jiġi aċċertat imbagħad jekk tali attività taqax taħt dawk li jinsabu elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva. L-obbligu tal-evalwazzjoni jirrigwarda biss, fil-fatt, l-attivitajiet speċifikament indikati, li l-lista tagħhom hija eżawrjenti (6).

i)      Fuq in-natura tal-attività permessa bħala “proġett”

20.      F’din il-kawża, għandu jiġi mfakkar li l-attività suġġetta għall-permess min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali hija biss it-tħaddim tal-ajruport ta’ Brussell, mingħajr it-twettiq ta’ ebda bidla fiżika tal-istruttura tal-ajruport eżistenti.

21.      Fil-fehma tiegħi, tali attività ma tikkostitwixxix “proġett” fis-sens tad-Direttiva. Il-kunċett innifsu ta’ “proġett”, kif iddefinit fl-Artikolu 1, jimplika t-twettiq ta’ xogħlijiet li jbiddlu r-realtà fiżika ta’ post partikolari. Dan jirriżulta biċ-ċar ukoll mill-ġurisprudenza, fejn jingħad li “l-kelma ‘proġett’ tkopri xogħlijiet jew interventi fiżiċi” (7).

22.      Xi partijiet semmew is-sentenza mogħtija fil-Kawża C‑127/02, magħrufa bħala “Waddenzee”, bħala preċedent li jippermetti li tingħata portata usa’ għall-kelma “proġett”, f’liema sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-attività bħalma hija dik tas-sajd għall-arzell li jsir b’mod mekkaniku (8) tikkostitwixxi “proġett” fis-sens tad-Direttiva. Din is-sentenza, għalkemm mad-daqqa t’għajn tidher li tikkorrobora l-pożizzjoni meħuda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma tbiddilx dak li għadni kif osservajt fil-punt preċedenti. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza Waddenzee, li kienet tirrigwarda, barra minn hekk, mhux id-Direttiva fuq l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, iżda d-Direttiva “habitat” (9), il-possibbiltà li s-sajd tal-arzell b’mod mekkaniku jitqies bħala “proġett” fis-sens tad-Direttiva 85/337 ma kinitx ikkontestata bejn il-partijiet: mid-dehra, dan minħabba l-impatt tal-attività inkwistjoni fuq qiegħ il-baħar li tixbah l-“estrazzjoni ta’ riżorsi naturali” indikata speċifikament fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva (10). Tali sajd b’mod mekkaniku kien jinvolvi, barra minn hekk, tibdil fiżiku veru u proprju tal-ambjent, u dan peress li kien isir billi jittieklu diversi ċentimetri mill-qiegħ (11).

23.      Min-naħa l-oħra, ma jiġri xejn minn dan f’dan il-każ, fejn il-permess ma jinvolvi ebda tibdil tar-realtà fiżika tal-ajruport ta’ Brussell jew tal-viċinanzi tiegħu (12).

24.      Konsegwentement, diġà f’dan l-istadju tista’ tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda preliminari, inkwantu t-tiġdid tal-permess ambjentali għat-tħaddim tal-ajruport ta’ Brussell ma għandux karatteristiċi li jippermettu li jitqies li huwa “proġett” fis-sens tad-Direttiva. Madankollu, għal raġunijiet ta’ kompletezza, u fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din l-ewwel parti tar-raġunament tiegħi, ser ngħaddi issa biex nanalizza jekk l-attività tat-tħaddim tal-ajruport tistax tiġi kklassifikata fost l-attivitajiet elenkati fl-annessi tad-Direttiva.

ii)    Fuq il-possibbiltà li l-attività permessa taqa’ taħt waħda mill-attivitajiet elenkati fl-annessi tad-Direttiva

25.      Anki jekk wieħed kellu jammetti, b’mod assurd, li t-tħaddim tal-ajruport ta’ Brussell jista’ jitqies bħala “proġett” fis-sens tad-Direttiva, huwa ċar, fil-fehma tiegħi, li dan żgur ma jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “bini ta’ ajruport” fis-sens tal-Anness I tad-Direttiva (13).

26.      Minn naħa, fil-fatt, it-terminoloġija użata mid-Direttiva ma tippreżenta ebda ambigwità, u anki fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi (14) turi b’mod ċar li fil-punt 7(a) tal-Anness I, il-leġiżlatur ried jagħmel riferiment għall-“bini” fis-sens tiegħu preżenti. Fi ftit kliem, it-twettiq ta’ xogħlijiet li qabel ma kinux jeżistu jew il-bidla, f’sens fiżiku, ta’ oġġetti li kienu jeżistu qabel.

27.      Min-naħa l-oħra, l-analiżi tal-ġurisprudenza turi li l-interpretazzjoni li tat il-Qorti tal-Ġustizzja lil din id-dispożizzjoni hija fl-istess sens. Fil-fatt, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-espressjoni “bini ta’ ajruport” sinjifikat wiesa’. B’mod konkret, madankollu, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan għandu sinjifikat biss biex din tafferma li f’dan il-kunċett, apparti x-xogħlijiet li jirrigwardaw ir-runways tal-ajruport, hemm inklużi wkoll “ix-xogħlijiet kollha fuq il-binja, l-istallazzjonijiet jew it-tgħammir ta’ dan l-ajruport” (15). Għaldaqstant jidher, kif anki l-ġurisprudenza baqgħet marbuta sew mal-idea, li, fil-fatt, “bini” ma tistax tfisser ħlief “bini”. F’deċiżjoni oħra, li tirrigwarda l-punt 7(b) u (ċ) tal-Anness I tad-Direttiva, fejn jintuża l-istess terminu “bini”, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan jista’ jinkludi wkoll sempliċi “proġett li jirrigwarda t-tibdil” (dejjem jekk sinjifikattiv), iżda żammet ferma l-idea dwar in-natura fiżika tax-xogħol li l-kelma tindika (16).

28.      Il-fatt li fil-kunċett ta’ “bini” jiddaħħal is-sempliċi tħaddim ta’ ajruport ikun ifisser għaldaqstant li jiġi injorat it-test tad-Direttiva, kif wara kollox ġie minn dejjem interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalkemm il-ġurisprudenza li tafferma li d-Direttiva 85/337/KEE għandha portata pjuttost wiesgħa (17) hija waħda stabbilita, l-interpretazzjoni teleoloġika tal-istess Direttiva ma tistax taqleb ir-rieda espressa b’mod ċar mil-leġiżlatur.

29.      Jidhirli li hija meħtieġa osservazzjoni aħħarija fir-rigward tar-riferimenti li saru, b’mod parikolari mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn ġiet affermata l-ħtieġa li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma tikkunsidrax biss l-effetti diretti fuq l-ambjent tax-xogħol li jrid jitwettaq, iżda wkoll l-effetti indiretti. B’hekk, pereżempju, fil-każ ta’ xogħlijiet biex tiżdied linja ferrovjarja, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent trid tirrigwarda mhux biss l-effetti tax-xogħol ta’ bini minnu nnifsu, imma wkoll l-effetti fiż-żmien li ż-żieda fit-traffiku tal-ferroviji jista’ jkollu fuq l-ambjent (18). Fil-fehma tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, peress li t-tiġdid ta’ permess biex jitħaddem ajruport jista’ jkollu effett ambjentali sostanzjali, anki tali permess irid jiġi dejjem preċedut b’evalwazzjoni tal-effetti.

30.      Jidhirli li huwa ċar li l-pożizzjoni tar-rikorrenti, apparti li – kif intwera – ma hijiex kompatibbli mat-test tad-Direttiva, hija vvizzjata bi żball essenzjali. Hija tħawwad fil-fatt żewġ aspetti distinti, jiġifieri dak tas-suġġett tal-evalwazzjoni tal-effetti minn naħa, u dak tal-kundizzjonijiet li jirrikjedu l-ievalwazzjoni tal-effetti min-naħa l-oħra. Fi kliem ieħor, huwa ċar li, fil-każ ta’ bini jew ta’ tibdil sinjifikattiv ta’ ajruport, jitwieled l-obbligu li ssir l-evalwazzjoni tal-effetti u jkunu jridu jiġu eżaminati mhux biss l-effetti immedjati tax-xogħlijiet ta’ bini, imma wkoll l-effetti indiretti li jistgħu jirriżultaw fuq l-ambjent minħabba l-attività suċċessiva tal-ajruport. Madankollu, jekk bħalma ġara f’dan il-każ, ma tkunx teżisti l-kundizzjoni bażika biex issir l-evalwazzjoni tal-effetti, peress li ma ssir ebda attività fiżika ta’ bini jew tibdil fl-istruttura tal-ajruport, il-problema tal-portata tal-evalwazzjoni tal-effetti lanqas biss tqum, minħabba li ma jkunx jeżisti s-suġġett.

b)      Fuq il-ġurisprudenza dwar il-permessi maqsuma “f’diversi stadji”

31.      Punt partikolari li jrid jiġi diskuss, u li tqajjem b’mod partikolari fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, jirrigwarda l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-permessi maqsuma “f’diversi stadji” għall-każ ineżami. Skont tali ġurisprudenza, anki miżura ta’ awtorizzazzjoni li ma tirrigwardax direttament attività suġġetta għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fis-sens tal-annessi tad-Direttiva tista’ titlob li ssir evalwazzjoni tal-effetti, meta hija tkun “stadju” fi “proċedura ta’ kunsens” (19). Anzi, meta dritt nazzjonali jipprevedi proċedura ta’ kunsens maqsuma f’diversi stadji, li stadju minnhom ikun jikkonsisti f’deċiżjoni prinċipali u l-ieħor f’deċiżjoni ta’ implementazzjoni, hija proprju d-deċiżjoni prinċipali li trid tkun akkumpanjata b’evalwazzjoni tal-effetti, anki meta l-att li jawtorizza t-twettiq tax-xogħol li jista’ jkollu effett fuq l-ambjent, ikun id-deċiżjoni ta’ implementazzjoni (20).

32.      Ma jeżistux raġunijiet biex tiġi kkontestata din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u huwa għaldaqstant stabbilit li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk jeżistux il-kundizzjonijiet biex din tiġi applikata, abbażi ta’ eżami tal-proċeduri ta’ kunsens previsti fid-dritt nazzjonali.

33.      Madankollu, jidhirli li huwa essenzjali li jiġi enfasizzat element importanti li jista’ jeskludi l-possibbiltà li tiġi applikata tali ġurisprudenza fil-każ ineżami. Hawnhekk nirreferi għall-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta ġiet biex tivverifika jekk permess mogħti abbażi tad-dritt nazzjonali setax jitqies bħala stadju fi proċedura ta’ kunsens maqsuma f’diversi stadji, hija dejjem għamlet dan fil-kuntest ta’ proċedura intiża biex jitlesta xogħol li jidħol kemm taħt id-definizzjoni ta’ proġett kif ukoll taħt waħda mill-kategoriji elenkati fl-annessi tad-Direttiva.

34.      Fi kliem ieħor, il-permess li jrid ikun akkumpanjat b’evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma huwiex permess kwalunkwe, iżda permess li jaqa’ taħt proċedura li r-riżultat finali tagħha huwa xogħol li d-Direttiva tissuġġetta għall-obbligu tal-evalwazzjoni tal-effetti. Is-sens tad-Direttiva jiġi kompletament mibdul jekk, bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza fuq il-permessi maqsuma f’diversi stadji, nispiċċaw li tintalab evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent mingħajr ma jkunu jeżistu r-rekwiżiti materjali biex dan isir, jiġifieri mingħajr ma jkun jeżisti wieħed mill-proġetti li għalih id-Direttiva titlob l-evalwazzjoni tal-effetti.

35.      Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-għan fundamentali ta’ din il-ġurisprudenza huwa dak li jiġi evitat li l-varjetà tal-proċeduri għall-għoti ta’ permess nazzjonali toħloq lakuni veri u proprji fl-applikazzjoni tad-Direttiva. Dan jista’ jseħħ jekk l-evalwazzjoni tal-effetti: a) titpoġġa fi stadju fejn ma jkun għad għandha ebda sens, peress li d-deċiżjoni għat-twettiq tax-xogħol tkun fil-fatt diġà ttieħdet qabel; b) tiġi saħansitra evitata, billi jingħad li ċertu permess għal proġett li jaqa’ taħt id-Direttiva, fir-realtà, huwa biss att li jeżegwixxi xi deċiżjoni preċedenti, li tkun ġiet adottata meta d-Direttiva kienet għadha ma tapplikax (21). Għal dawn ir-raġunijiet, fil-każ ta’ proċeduri għal permess maqsuma f’diversi stadji jista’ jkun meħtieġ li l-evalwazzjoni tal-effetti ssir, pereżempju, mal-mument tal-programmazzjoni preliminari, minkejja li l-permess veru u proprju jkun irid jingħata biss f’mument sussegwenti.

36.      Il-ġurisprudenza fuq il-permessi maqsuma f’diversi stadji tirriżulta f’dawk id-deċiżjonijiet li bihom il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tevita li d-Direttiva tiġi skartata jew, b’xi mod, jitneħħielha s-sens tagħha. Eżempji tipiċi oħra ta’ affermazzjonijiet fil-ġurisprudenza li huma fuq l-istess linja huma dawk is-sentenzi li jirrigwardaw it-tqassim artifiċjali ta’ proġetti intiż li jevita li jintlaħqu l-limiti ta’ kobor stabbiliti mid-Direttiva jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (22), kif ukoll is-sentenzi li ċċaraw il-portata limitata tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-Istati fir-rigward ta’ proġetti msemmija fl-Anness II tad-Direttiva (23).

37.      Madankollu, kif intqal f’din il-kawża, il-permess ambjentali mogħti għat-tħaddim tal-ajruport ta’ Brussell ma inkluda ebda tibdil fiżiku lill-ajruport stess, u lanqas jikkostitwixxi stadju fi proċedura li tista’ twassal għal tali tibdil. L-ajruport ta’ Brussell ilu jeżisti għal diversi għexieren ta’ snin, minn qabel ma kienu approvati kemm ir-regoli dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, kif ukoll dawk nazzjonali fuq il-permess ambjentali. Għaldaqstant, ma jirriżultax li jeżisti ebda “proġett” li għalih huwa obbligatorju li ssir l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva.

38.      Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza fuq il-proċeduri ta’ permess maqsuma f’diversi stadji ma tapplikax fil-kuntest ta’ din il-kawża, peress li l-għoti tal-permess ambjentali inkwistjoni ma huwiex marbut ma’ xi wieħed mill-proġetti msemmija mid-Direttiva, la proġett preżenti, la futur u lanqas passat.

39.      Bħala konklużjoni għall-eżami li għamilt tal-ewwel domanda preliminari, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondiha billi tiddikjara li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każ ineżami, permess għat-tħaddim ta’ ajruport li ma jinvolvix ebda bidla fiżika tal-istruttura tal-ajruport ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva fuq l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

C –    Fuq it-tieni u t-tielet domandi preliminari

40.      Fid-dawl tar-risposta fin-negattiv mogħtija lill-ewwel domanda preliminari, minħabba kemm l-assenza ta’ “proġett” fis-sens tad-Direttiva u kif ukoll l-impossibbiltà li s-sempliċi “tħaddim” jiddaħħal taħt il-kunċett ta’ “bini”, fil-fehma tiegħi, it-tieni u t-tielet domanda ma għandhomx jiġu eżaminati.

41.      Dawn iż-żewġ domandi, fil-fatt, ma jibqgħux rilevanti fil-każ li tiġi aċċettata l-premessa li s-sempliċi tħaddim ta’ ajruport, mingħajr ebda xogħol ieħor ta’ bidla fir-realtà fiżika tal-istess ajruport, ma jikkostitwixxix “bini” ta’ ajruport fis-sens tal-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva.

42.      Min-naħa l-oħra, fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda kellha tkun bil-kontra, is-soluzzjoni għaż-żewġ domandi l-oħra tista’ tinstab faċilment fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

43.      B’mod partikolari, il-fatt li attività li tikkostitwixxi proġett fis-sens tad-Direttiva tkun suġġetta għal permess perjodiku ma jipprekludix b’mod ġenerali li, ma’ kull tiġdid, tkun trid issir id-debita evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-attività inkwistjoni (24).

44.      Barra minn hekk, jekk wieħed jaċċetta li t-“tħaddim” ta’ ajruport huwa “bini” fis-sens tad-Direttiva, il-fatt li l-ajruport kien jaħdem qabel ma bdew japplikaw id-dispożizzjonijiet fuq l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent huwa irrilevanti: fil-fatt, il-fatt deċiżiv huwa li t-tiġdid tal-permess għall-attività li teħtieġ l-evalwazzjoni tal-effetti (attività li, f’dan il-każ, tkun it-tħaddim tal-ajruport) ikun irid isir wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni (25). Min-naħa l-oħra, jekk (kif ipproponejt iktar ’il fuq) id-Direttiva tiġi interpretata fis-sens li huwa biss it-tibdil fiżiku tal-ħaġa li jista’ jikkostitwixxi “bini” ta’ ajruport, il-fatt li l-istruttura kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet fuq l-evalwazzjoni tal-effetti jneħħiha awtomatikament minn taħt dak l-obbligu. Dan, naturalment, sakemm l-istruttura stess ma tkunx is-suġġett ta’ ebda tip ta’ xogħol ta’ bini u/jew tibdil (26).

IV – Konklużjonijiet

45.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mir-Raad van State bil-mod kif ġej:

“Permess għat-tħaddim ta’ ajruport li ma jinvolvix ebda tibdil fiżiku fl-istruttura tal-ajruport ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent”.


1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2 – Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 1, p. 248).


3 – Direttiva tal-Kunsill  97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997, li temenda d-Direttiva 85/337/KEE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 3, p. 151).


4 – Nota fit-test tippreċiża li l-kunċett ta’ ajruport fis-sens tad-Direttiva “ifisser l-ajruporti li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Chigago (1944) li waqqfet l-Organizzazzjoni ta’ l-Avjazzjoni Ċivili”. F’din il-kawża, madankollu, ma hemm ebda kontestazzjoni bejn il-partijiet fuq il-fatt li l-ajruport ta’ Brussell jidħol fid-definizzjoni ta’ “ajruport” li għadni kif semmejt.


5 – B’mod partikolari, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u fis-seduta l-kumpannija The Brussell Airport Company, li tħaddem l-ajruport, semmiet il-fatt li, fl-ewwel stadju tal-proċedura, kienu ġew imposti fuqha l-obbligu li tibni taxiway u tinstalla sistemi tat-titjir strumentali ILS fuq ir-runways diġà eżistenti: l-impożizzjoni taż-żewġ affarijiet ġiet, madankollu, irrevokata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Min-naħa tagħha, kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, il-kumpannija msemmija kienet talbet minflok parti miż-żona tal-ajruport: din it-talba ġiet miċħuda. Huma għal dawn ir-raġunijiet li, skont l-awtoritajiet nazzjonali, ma qamitx il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.


6 – Digriet tal-10 ta’ Lulju 2008, Aiello et (C-156/07, Ġabra p. I‑5215, punt 34).


7 – Sentenza tat-28 ta’ Frar 2008, Abraham et (C‑2/07, Ġabra p. I‑1197, punt 23). Enfasi tiegħi.


8 – Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, Ġabra p. I‑7405, punti 24 u 25).


9 – Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 2, p. 102).


10 – F’dan ir-rigward ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fil-Kawża C‑127/02 (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8), fid-29 ta’ Jannar 2004 (punt 31).


11 – Ibidem, punt 10.


12 – Barra minn hekk, kif fakkart iktar ’il fuq, lanqas il-modi ta’ tħaddim tal-ajruport ma tbiddlu, peress li l-permess ambjentali ġie mġedded mingħajr ebda tibdil.


13 – F’dawn il-konklużjonijiet, lanqas ser nieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li t-tħaddim tal-ajruport jiġi kklassifikat taħt l-Anness II: fil-fatt din il-possibbiltà ġiet espliċitament eskluża mill-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha (punt 6.11). Mill-bqija, l-unika kategorija tal-Anness II li tista’ tkun rilevanti hija dik tal-punt 13, li tirreferi interalia għall-“bidla jew estenzjoni tal-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness I”: fi kliem ieħor, peress li hawnhekk mhux kwistjoni ta’ “bidla” jew “estenzjoni” tal-ajruport bħala struttura, il-problema terġa’ tkun dik li jiġi ddefinit x’inhu “bini ta’ ajruport” kif imsemmi fl-Anness I.


14 – Ara wkoll, pereżempju, l-użu tat-terminu bil-Franċiż, “construction”, bl-Ingliż “construction”, u bil-Ġermaniż “Bau”, etc.


15 – Sentenza Abraham et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 36).


16 – Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción-CODA (C‑142/07, Ġabra p. I‑6097, punt 36).


17 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C‑72/95, Ġabra p. I‑5403, punt 31); tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et (C-435/97, Ġabra p. I‑5613, punt 40), u Ecologistas en Acción-CODA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 28).


18 – Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑227/01, Ġabra p. I‑8253, punt 49). Ara wkoll is-sentenzi Abraham et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 45), u Ecologistas en Acción-CODA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 39 sa 42).


19 – Sentenza Abraham et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 25 u 26). Din id-deċiżjoni tislet il-konklużjonijiet loġiċi minn serje ta’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mis-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1998, Gedeputeerde Staten van Noord-Holland (C‑81/96, Ġabra p. I‑3923, punt 20), u tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, Ġabra p. I‑723, punt 52).


20 –       Sentenza Wells (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 52). Madankollu, hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea dispożizzjoni nazzjonali li timponi li ssir l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent dejjem u esklużivament fl-istadju tal-permess inizjali, u qatt fl-istadju sussegwenti tad-deċiżjoni ta’ implementazzjoni: ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, (C‑508/03, Ġabra p. I‑3969, punti 104 u 105).


21 – Din kienet is-sitwazzjoni fis-sentenza Wells, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.


22 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑392/96, Ġabra p. I‑5901, punt 76).


23 – Kif inhu magħruf, għall-proġetti tal-Anness II, id-Direttiva tipprevedi li l-Istati jridu jistabbilixxu, permezz ta’ eżami każ b’każ jew permezz ta’ limiti jew kriterji, liema każijiet jeħtieġu evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat madankollu li Stat ma jistax jistabbilixxi limiti marbutin biss mal-kobor tal-proġetti, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni, pereżempju, in-natura u/jew il-post tagħhom: ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 65 u 67). Barra minn hekk, tali limiti ma jistgħux ikollhom l-effett li jneħħu minn qabel kategoriji sħaħ ta’ proġetti mill-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti: ara s-sentenza WWF et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 37).


24 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 28).


25 – Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, (C‑431/92, Ġabra p. I‑2189, punt 32), u Gedeputeerde Staten van Noord‑Holland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 27).


26 – Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-limiti temporali tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent hija waħda stabbilita: ara, pereżempju, is-sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Bund Naturschutz in Bayern et, (C‑396/92, Ġabra p. I‑3717), u Gedeputeerde Staten van Noord‑Holland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 23). Barra minn hekk, abbażi tal-indikazzjonijiet ipprovduti fis-seduta, l-ajruport ta’ Brussell diġà kien is-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent meta qabel kienu sarulu bidliet fl-istruttura tiegħu.