Language of document : ECLI:EU:C:2010:662

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

9 ta’ Novembru 2010 (*)

“Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ għajnuna agrikola – Validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jipprovdu għal din il-pubblikazzjoni u li jistabilixxu r-regoli dettaljati tagħha – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7 u 8 – Direttiva 95/46/KE – Interpretazzjoni tal‑Artikoli 18 u 20”

Fil-Kawżi magħquda C‑92/09 u C‑93/09,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il‑Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-27 ta’ Frar 2009, li waslu fil‑Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Marzu 2009, fil-proċeduri

Volker und Markus Schecke GbR (C-92/09),

Hartmut Eifert (C-93/09)

vs

Land Hessen,

fil-preżenza ta’:

Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts (Relatur), J.-C. Bonichot, K. Schiemann, A. Arabadjiev u J.-J. Kasel, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, C. Toader u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Frar 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Volker und Markus Schecke GbR, minn R. Seimetz u P. Breyer, avukati, kif ukoll minn M. Schecke,

–        għal M. Eifert, minn R. Seimetz u P. Breyer, avukati,

–        għal Land Hessen, minn H.-G. Kamann, avukat,

–        għall-Gvern Elleniku, minn V. Kontolaimos u I. Chalkias kif ukoll minn K. Marinou u V. Karra, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u Y. de Vries, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u C. Meyer-Seitz, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn E. Sitbon u Z. Kupčová, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Smulders u F. Erlbacher kif ukoll minn P. Costa de Oliveira, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tas-17 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw il-validità, l-ewwel nett tal-punt 8b tal-Artikolu 42 u tal-Artikolu 44a tar-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il‑finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 209, p. 1) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1437/2007, tas-26 ta’ Novembru 2007 (ĠU L 322, p. 1, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 1290/2005”) u t-tieni nett, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 259/2008, tat-18 ta’ Marzu 2008, li jistipula regoli dettaljati għall‑applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 rigward il‑pubblikazzjoni ta’ tagħrif dwar il-benefiċjarji tal-fondi mill‑Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 76, p. 28) u tad-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, p. 54). F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea msemmija hawn fuq ma hijiex valida, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw ukoll l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 7, tat-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2) u tal-Artikolu 20 tad‑Direttiva 95/46/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il‑protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal‑ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id‑data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn Volker und Markus Schecke GbR kif ukoll H. Eifert (iktar ’il quddiem ir‑“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) u l-Land Hessen dwar il-pubblikazzjoni fuq is-sit Internet tal-Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung (Uffiċċju Federali tal-Agrikoltura u l-Ikel, iktar ’il quddiem il-“Bundesanstalt”) ta’ data personali li kienet tirrigwardahom bħala benefiċjarji ta’ fondi ġejjin mill-FAEG u mill-FAEŻR.

I –  Il-kuntest ġuridiku

A –  Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal‑Bniedem u tal-Libertajiet Fundametali

3        Intitolat “Id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja”, l‑Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal‑Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il‑“KEDB”) jipprovdi:

“1. Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal‑familja tiegħu, ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu.

M’għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ħlief dak li jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il‑ġid ekonomiku tal-pajjiz, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.”

B –  Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

1.     Id-Direttiva 95/46

4        Mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li din hija intiża sabiex tiżgura l‑protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal‑persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir‑rigward tal-ipproċessar ta’ data personali. Skont l‑Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva, hija meqjusa bħala data personali “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli”.

5        Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, “Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar;

jew

[…]

c)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s‑suġġett tagħha jkun il-kontrollur;

jew

[…]

e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data;

[…]”.

6        Skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 95/46, l-“[Is]tati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir‑rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm, għandu jinnotifika lill-awtorità ta’ superviżjoni msemmija fl‑Artikolu 28, qabel ma jagħmel l-operazzjoni parzjali jew kollha ta’ l‑ipproċessar awtomatiku”.

7        It-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 95/46 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal simplifikazzjoni ta’, jew eżenzjoni minn, notifika, b’mod partikolari fil-każ li ġej:

“meta l-kontrollur, b’konformità mal-liġi nazzjonali li tirregolah, jaħtar uffiċjal tal-protezzjoni ta’ data personali, responsabbli partikolarment:

–        li jassigura b’mod indipendenti l-applikazzjoni interna tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali meħuda skond din id-Direttiva,

–        għaż-żamma tar-reġistru ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar li l‑kontrollur ikun għamel, li jkun fihom dik l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21(2)

biex b’dan jassigura li l-operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar aktarx ma jkunux ser iħallu effett ħażin fuq id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data”.

8        L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 95/46 jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tingħata fin-notifika. Din għandha tinkludi mill-inqas:

a)      l-isem u l-indirizz tal-kontrollur jew tar-rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm;

b)      l-iskop jew l-għanijiet ta’ l-ipproċessar;

c)      deskrizzjoni tal-kategorija jew kategoriji tas-suġġett tad-data, u tad-data jew kategoriji ta’ data dwarhom;

d)      ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tista’ tkun żvelata id-data;

e)      trasferimenti proposti tad-data lil pajjiżi terzi;

[…]”.

9        L-Artikolu 20 tad-Direttiva 95/46 intitolat “Verifika minn qabel” fil‑paragrafi 1 u 2 tiegħu jipprovdi:

“1.      Stati Membri għandhom jiddeterminaw l-operazzjonijiet ta’ ipproċessar li aktarx jista’ jkollhom riskji speċifiċi għad-drittijiet u l‑libertajiet tas-suġġett tad-data, u għandhom jivverifikaw li dawn l‑operazzjonijiet ta’ ipproċessar ikunu eżaminati qabel ma jinbdew.

2.      Verifiki bħal dawn minn qabel għandhom isiru mill-awtorità ta’ superviżjoni wara li tkun waslet notifika mingħand il-kontrollur jew l‑uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, li, f’każ ta’ dubju, għandu jikkonsulta ma’ l-awtorità ta’ superviżjoni.”

10      Skont l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 95/46, l-“[Is]tati Membri għandhom jipprovdu li għandu jinżamm reġistru mill-awtorita ta’ superviżjoni dwar operazzjonijiet ta’ ipproċessar notifikati skond l-Artikolu 18 [...] [li] jkun fih mill-inqas l‑informazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(1)(a) sa (e).

11      Skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46, kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità pubblika waħda jew iktar (iktar ’il quddiem l-“awtorità ta’ superviżjoni”) li jkunu responsabbli tas-sorveljanza, b’indipendenza sħiħa, tal-applikazzjoni, fit‑territorju ta’ dan l-Istat Membru, tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-imsemmija direttiva.

2.     Ir-Regolament Nru 45/2001

12      Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal‑Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102), fl-Artikolu 27(1) u (2) tiegħu jipprovdi:

“1.      L-operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar li x’aktarx jippreżentaw riskji speċifiċi għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data minħabba n‑natura tagħhom, l‑iskop tagħhom jew l-għanijiet tagħhom għandhom ikunu s-suġġett ta’ verifika minn qabel mill-Kontrollur Ewropew għall‑Protezzjoni tad-Data.

2.      L-operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar li ġejjin x’aktarx li jippresentaw riskji bħal dawk:

a)      l-ipproċessar ta’ data li tirrelata mas-saħħa u ma’ reati suspettati, reati, kundanni kriminali jew miżuri ta’ sigurtà;

b)      l-operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar maħsuba biex jevalwaw l-aspetti personali li jirrelataw ma’ suġġett tad-data, inkluża l-abbiltà tiegħu jew tagħha, effiċjenza u kondotta;

ċ)      l-operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar li jippermettu tqabbid li mhux provdut skond il-leġislazzjoni nazzjonali jew dik tal-Komunità bejn data ipproċessata għal għanijiet differenti;

d)      l-operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar bil-għan li individwi jiġu esklużi minn dritt, benefiċċju jew kuntratt.”

3.     Id-Direttiva 2006/24

13      Id-Direttiva 2006/24 tobbliga lill-Istati Membri sabiex iżommu, għal ċertu perijodu, id‑data ġġenerata jew ipproċessata b’konnessjoni mal‑provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall‑pubbliku jew ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni pubblika.

4.     Ir-Regolament Nru 1290/2005

14      Ir-Regolament Nru 1290/2005 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-regoli speċifiċi applikabbli għall-finanzjament tan-nefqa relatata mal-politika agrikola komuni (iktar ’il quddiem il-“PAK”).

15      L-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1290/2005 jipprovdi li l-metodi ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament huma deċiżi mill-Kummissjoni Ewropea. Skont il-punt 8b tal-Artikolu 42 tal-istess regolament, il‑Kummissjoni tistabbilixxi b’mod partikolari:

“ir-regoli dettaljati dwar il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il‑benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 44a u dwar l-aspetti prattiċi relatati mal-protezzjoni ta’ l‑individwi fir-rigward ta’ l‑ipproċessar tad-data personali tagħhom skond il‑prinċipji stabbiliti fil‑leġislazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tad-data. Dawn ir-regoli għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, li l-benefiċjarji tal-fondi jiġu informati li din id-data tista’ ssir pubblika u tista’ tiġi pproċessata minn korpi ta’ verifika jew ta’ investigazzjoni għall-fini tas-salvagwardja ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, inkluż il-ħin meta din l-informazzjoni għandha sseħħ”.

16      L-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005, intitolat “Pubblikazzjoni tal-benefiċjarji” jipprovdi:

“[…] l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni ex post tal‑benefiċjarji ta’ l-FAEG u l-FAEŻR u l-ammonti li jirċievi kull benefiċjarju taħt kull wieħed minn dawn il-Fondi.

Il-pubblikazzjoni għandha għall-inqas tinkludi:

a)      għall-FAEG, l-ammont suddiviż f’pagamenti diretti fis-sens ta’ l‑Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u infiq ieħor;

b)      għall-FAEŻR, l-ammont totali tal-finanzjament pubbliku għal kull benefiċjarju.”

17      F’dan ir-rigward, it-tlettax u l-erbatax-il premessi tar-Regolament Nru 1437/2007, li jemenda r-Regolament Nru 1290/2005 jipprovdu dan li ġej:

“(13) Fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74], id-dispożizzjonijiet dwar il‑pubblikazzjoni annwali ex-post tal-benefiċjarji tal-fondi li ġejjin mill-baġit tal‑Komunitajiet Ewropej iddaħħlu f’dak ir-Regolament sabiex jimplimentaw l‑Inizjattiva Ewropea favur it-Trasparenza. Ir‑Regolamenti speċifiċi għas-settur għandhom jipprovdu l-mezzi għal pubblikazzjoni bħal din. Kemm il-FAEG kif ukoll l-FEAŻR jiffurmaw parti mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u min-nefqa finanzjarja fil-kuntest ta’ ġestjoni konġunta bejn l-Istati Membri u l-Komunità. Ir-regoli għalhekk għandhom jiġu stabbiliti għall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ dawn il-Fondi. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il‑pubblikazzjoni ex-post annwali tal-benefiċjarji u l‑ammonti rċevuti minn kull benefiċjarju taħt kull wieħed minn dawn il-Fondi.

(14)      Li din l-informazzjoni issir aċċessibbli għall-pubbliku ssaħħaħ it‑trasparenza fir-rigward ta’ l-użu tal-fondi Komunitarji fil‑[PAK] u jtejjeb il-ġestjoni finanzjarja soda ta’ dawn il-fondi, b’mod partikolari bit-tisħiħ tal-kontroll pubbliku tal-flus li jintużaw. Minħabba l-importanza enormi ta’ l-objettivi segwiti, huwa ġġustifikat, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u l‑ħtieġa tal-protezzjoni tad-data personali, li tkun prevista l-pubblikazzjoni ġenerali ta’ l-informazzjoni rilevanti billi din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju f’soċjetà demokratika u għall‑prevenzjoni ta’ l‑irregularitajiet. B’kont meħud ta’ l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta’ l-10 ta’ April 2007 [ĠU C 134, p. 1], huwa xieraq li jsir provvediment għall-benefiċjarji tal-fondi biex dawn jiġu informati li dik id-data tista’ ssir pubblika u li din tista’ tiġi pproċessata minn korpi ta’ verifika u ta’ investigazzjoni.”

5.     Ir-Regolament Nru 259/2008

18      Abbażi tal-punt 8b tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1290/2005, il‑Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 259/2008.

19      Is-sitt premessa ta’ dan ir-regolament tipprovdi dan li ġej:

“Li l-informazzjoni [rigward il-benefiċjarji ta’ fondi li ġejjin mill-FAEG u mill-FAEŻR] issir disponibbli għall-pubbliku jtejjeb it-trasparenza fir‑rigward ta’ l-użu tal-fondi Komunitarji fil-qasam tal-politika agrikola komuni kif ukoll il-ġestjoni finanzjarja tajba ta’ dawn il-fondi, b’mod partikolari billi jiġi rinfurzat il-kontroll pubbliku tal-flejjes li ntużaw. Minħabba l-impenn iebes ta’ l-għanijiet imfittxija, fir-rigward tal‑prinċipju tal-proporzjonalità u tar-rekwiżit dwar il-protezzjoni tad‑data personali jkun iġġustifikat il-forniment ta’ pubblikazzjoni ġenerali ta’ l‑informazzjoni rilevanti għaliex dan ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ f’soċjetà demokratika u għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet.

20      Fis-seba’ premessa tal-istess regolament, huwa speċifikat li “[g]ħall‑konformità mar-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tad-dejta l‑benefiċjarji tal-Fondi għandhom jiġu infurmati dwar il-pubblikazzjoni tad-dejta tagħhom qabel ma ssir il‑pubblikazzjoni”.

21      L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 259/2008 jippreċiża l-kontenut tal‑pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 44a tar‑Regolament Nru 1290/2005 u jistipula li dan jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

“a)      l-ewwel isem u l-kunjom meta l-benefiċjarji huma persuni fiżiċi;

b)      l-isem legali sħiħ kif ġie rreġistat meta l-benefiċjarji jkunu persuni ġuridiċi;

c)      l-isem sħiħ ta’ l-assoċjazzjoni kif jiġi rreġistrat jew inkella rikonoxxut uffiċjalment meta l-benefiċjarji jkunu assoċjazzjonijiet ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma stess ma għandhomx personalità ġuridika;

d)      il-muniċipalità fejn joqgħod il-benefiċjarju jew fejn huwa rreġistrat u, meta jkun disponibbli, il-kodiċi postali jew il-parti fih li tidentifika l-muniċipalità;

e)      għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-FAEG, l-ammont ta’ ħlasijiet diretti fi ħdan it‑tifsira ta’ l‑Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li kull benefiċjarju jkun irċieva fis-sena finanzjarja kkonċernata;

f)      għall-FAEG, l-ammont ta’ pagamenti għajr dawk imsemmija fil‑punt (e) li kull benefiċjarju jkun irċieva fis-sena finanzjarja kkonċernata;

g)      għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-FAEŻR, l-ammont totali ta’ finanzjament pubbliku li kull benefiċjarju jkun irċieva fis-sena finanzjarja kkonċernata, li jkun jinkludi kemm il-kontribut tal-Komunità kif ukoll dak nazzjonali;

h)      it-total ta’ l-ammonti msemmija fil-punti (e), (f) u (g) li kull benefiċjarju jkun irċieva fis-sena finanzjarja kkonċernata;

i)      il-munita ta’ dawn l-ammonti.”

22      Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 259/2008, “[i]t-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun disponibbli fuq sit elettroniku uniku f’kull Stat Membru permezz ta’ għodda ta’ tiftix li tippermetti lill-utenti jfittxu għal benefiċjarji skond l-isem, il-muniċipalità, l-ammonti li jkunu waslu f’(e), (f), (g) u (h) ta’ l‑Artikolu 1 jew skond kombinazzjoni tagħhom u joħorġu t-tagħrif korrispondenti fis-sura ta’ sett uniku ta’ dejta.”

23      L-Artikolu 3(3) tal-imsemmi regolament jispeċifika li “[i]t‑tagħrif għandu jinżamm disponibbli fuq is-sit elettroniku għal sentejn wara d‑data tal-pubblikazzjoni inizjali tiegħu.”

24      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 259/2008 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-benefiċjarji li skond ir‑Regolament [...] Nru 1290/2005 u dan ir-Regolament id-dejta tagħhom se ssir pubblika u li jistgħu jiġu pproċessati mill-entitajiet ta’ verifika u ta’ investigazzjoni tal-Komunitajiet u ta’ l-Istati Membri bil‑għan li jiġu ssalvagwardjati l-interessi finanzjarji tal‑Komunitajiet.

2.      F’każ ta’ dejta personali, it-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jingħata skond ir-rekwiżiti tad-[Direttiva 95/46] u l-benefiċjarji għandhom jiġu mgħarrfa dwar id-drittijiet tagħhom bħala suġġetti għad‑dejta taħt din id-Direttiva u dwar il-proċedura applikabbli għall‑eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.

3.      It-tagħrif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jingħata lill‑benefiċjarji billi jiddaħħal fil-formoli ta’ l-applikazzjoni għall-ksib tal-fondi mill-FAEG u mill-FAEŻR, jew inkella fil-ħin meta tinġabar id-dejta.

[…]”

II –  Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

25      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, stabbiliti u residenti fil‑Land Hessen, huma rispettivament impriża agrikola li għandha l‑forma ġuridika ta’ kumpannija taħt id-dritt ċivili (Kawża C-92/09) u ħaddiem agrikolu full‑time (Kawża C‑93/09). Għas-sena 2008, ressqu quddiem l-awtorità lokali kompetenti talbiet għal fondi li ġejjin mill-FAEG u mill-FAEŻR, liema talbiet ġew milqugħa permezz tad-deċiżjonijiet tal-5 (Kawża C‑93/09) u tal-31 ta’ Diċembru 2008 (Kawża C‑92/09).

26      Fiż-żewġ każijiet, il-formoli tal-applikazzjoni kienu jgħidu dan li ġej:

“Naf li l-Artikolu 44a tar-Regolament [...] Nru 1290/2005 jitlob il‑pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il benefiċjarji ta’ fondi li ġejjin mill-FAEG u mill-FAEŻR kif ukoll ta’ ammonti rċevuti minn kull benefiċjarju. Il‑pubblikazzjoni tirreferi għall-miżuri kollha li għalihom saret l-applikazzjoni komuni, li hi l-applikazzjoni waħdiena għall‑finijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004, u li ssir kull sena sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.”

27      Il-qorti tar-rinviju tispjega li s-sit Internet tal-Bundesanstalt iżomm għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-ismijiet tal-benefiċjarji tal-għajnuna tal-FAEG u tal-FAEŻR, il-lokalità fejn huma stabbiliti jew residenti u l‑kodiċi postali tagħha, kif ukoll l-ammonti annwali riċevuti.Dan is-sit għandu għodda ta’ tiftix.

28      Fis-26 ta’ Settembru 2008 (Kawża C‑92/09) u fit-18 ta’ Diċembru 2008 (Kawża C‑93/09), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors sabiex titwaqqaf il‑pubblikazzjoni tad-data li tikkonċernahom. Huma sostnew li l-pubblikazzjoni tal-ammonti riċevuti mill-FAEG u mill‑FAEŻR ma kinitx ġustifikata minn interessi pubbliċi superjuri. Barra minn hekk, ir-regoli relatati mal-Fond Soċjali Ewropew ma kinux jistipulaw li għandu jkun hemm l-isem tal-benefiċjarji. Fir-rikorsi tagħhom huma jitolbu sabiex il-Land Hessen jiġi ordnat jastjeni jew jirrifjuta li jittrażmetti jew li jippubblika din id-data għall-finijiet tal‑pubblikazzjoni ġenerali ta’ informazzjoni relatata mal-għajnuna finanzjarja li ġejja mill-FAEG u mill-FAEŻR li ġiet mogħtija lilhom.

29      Il-Land Hessen, li jikkunsidra li l-obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ data dwar ir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali jirriżulta mir-Regolamenti Nri 1290/2005 u 259/2008, xorta impenja ruħu sabiex ma jippubblikax l-ammonti riċevuti minn dawn ir-rikorrenti bħala benefiċjarji ta’ għajnuna tal-FAEG u tal-FAEŻR qabel ma tingħata deċiżjoni finali fil‑proċeduri prinċipali.

30      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-obbligu ta’ pubblikazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005 jikkostitwixxi preġudizzju mhux ġustifikat għad-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad‑data personali. Hija tqis li din id-dispożizzjoni, li għandha l-għan li tkattar it-trasparenza tal-użu tal-fondi Ewropej, ma ttejjibx il‑prevenzjoni tal-irregolaritajiet, peress li jeżistu mekkaniżmi ta’ stħarriġ wiesgħa għall-implementazzjoni ta’ din. Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li bbażat ruħha fuq is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, Ġabra p. I‑4989), hija tal-ħsieb li, fi kwalunkwe każ, l-imsemmi obbligu ta’ pubblikazzjoni ma huwiex proporzjonali mal-għan segwit. Barra minn hekk, skont l-istess qorti, il‑punt 8b tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1290/2005 jagħti lill‑Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ wisq kemm f’dak li jirrigwarda liema data għandha tiġi ppubblikata kif ukoll dwar il-metodu tal-pubblikazzjoni u għalhekk huwa inkompatibbli mat-tielet inċiż tal-Artikolu 202 KE u mar-raba’ inċiż tal‑Artikolu 211 KE.

31      Indipendentement mill-kwistjoni tal-validità tal-punt 8b tal-Artikolu 42 u tal-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005, il‑qorti tar-rinviju tqis li r‑Regolament Nru 259/2008, li jipprovdi għall‑pubblikazzjoni tad-data dwar il‑benefiċjarji ta’ għajnuna mill‑FAEG u mill-FAEŻR esklużivament fuq l‑Internet, jikser id-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-data personali. Hija tirrimarka dwar il-fatt li dan l-aħħar regolament ma jillimitax l-aċċess għas-sit Internet ikkonċernat għal indirizzi tal-“Internet Protocol” (iktar ’il quddiem l‑“indirizzi IP”) li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, huwa impossibbli li tirtira d-data tal-Internet wara l‑iskadenza tal-perijodu ta’ sentejn stipulat fl-Artikolu 3(3) tar‑Regolament Nru 259/2008. Skont din il-qorti, il-fatt li d-data qed tiġi ppubblikata esklużivament fuq l-Internat għandu, barra minn hekk, effett dissważiv. Minn naħa, iċ-ċittadini li jixtiequ jinformaw ruħhom għandu jkollhom aċċess għall-Internet. Min-naħa l-oħra, dawn iċ‑ċittadini jkunu qed jesponu lilhom infushom għar-riskju ta’ ħażna tad-data tagħhom skont id‑Direttiva 2006/24. Ikun paradossali li, min-naħa waħda, issaħħaħ il-kontroll fuq it-telekomunikazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, tistipula li d-data li suppost tippermetti l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-affarijiet pubbliċi tkun aċċessibbli biss elettronikament.

32      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza ma humiex validi, il-qorti tar-rinviju tfittex li xorta tikseb interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tad‑Direttiva 95/46. Hija tqis li l‑pubblikazzjoni ta’ data personali tista’ ssir biss jekk ikunu ttieħdu l‑miżuri msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2). Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti nazzjonali, il-leġiżlatur Ġermaniż, b’mod partikolari dak tal-Land Hessen, għamel użu mill-possibbiltà li tagħtih l-imsemmija dispożizzjoni. Madankollu, skont l-istess qorti, in-notifika tal-Ministeru tal-Ambjent, taż-Żona rurali u tal-Protezzjoni tal-konsumaturi ta’ Hessen lill-uffiċjal tal-protezzjoni ta’ data personali ma saritx b’mod komplet. Fil-fatt, kien hemm informazzjoni li ma ġietx ikkomunikata lil dan tal-aħħar, bħall-fatt li l-ipproċessar ta’ data jsir mill-Bundesanstalt għan-nom tal-imsemmi Land u, jekk ikun il-każ, bl‑għajnuna ta’ terz privat, l-informazzjoni konkreta dwar it-termini għall-kanċellament kif ukoll dwar il-fornitur tal-aċċess u l‑informazzjoni dwar ir‑reġistrazzjoni tal-indirizzi IP.

33      Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni tad-data dwar il-benefiċjarji ta’ għajnuna agrikola għandha ssir wara verifika minn qabel, kif stipulat fl‑Artikolu 20 tad-Direttiva 95/46. Skont il-qorti tar-rinviju, f’din il‑kawża, saret verifika minn qabel iżda mhux minn awtorità ta’ superviżjoni ċentrali, iżda mill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal‑impriża jew tal‑amministrazzjoni responsabbli u dan abbażi ta’ notifiki mhux kompleti.

34      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-legalità, fir-rigward tal‑Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46, tar-reġistrazzjoni tal-indirizzi IP tal-utenti li jikkonsultaw id-data dwar il-benefiċjarji tal-għajnuna tal‑FAEG u tal-FAEŻR fuq is-sit Internet tal-Bundesanstalt.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Wiesbaden iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari li huma redatti bl-istess mod fiż-żewġ kawżi C‑92/09 u C‑93/09:

“1)      Il-punt 8b tal-Artikolu [42] u l-Artikolu 44a tar-Regolament [...] Nru 1290/2005 [...] introdotti permezz tar-Regolament [...] Nru 1437/2007 [...] huma invalidi?

2)      Ir-Regolament […] Nru 259/2008 […]

a)      huwa invalidu,

b)      jew validu biss minħabba l-invalidità tad-Direttiva 2006/24 [...]?

Fil-każ li d-dispożizzjonijiet iċċitati fl-ewwel u t-tieni domanda huma validi:

3)      it-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 95/46 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pubblikazzjoni taħt ir-Regolament [...] Nru 259/2008 [...] tista’ sseħħ biss jekk tkun preċeduta mill‑proċedura prevista minn dan l‑artikolu minflok in-notifika lill‑awtorità ta’ superviżjoni?

4)      L-Artikolu 20 tad-Direttiva 95/46 [...] għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑pubblikazzjoni taħt ir-Regolament [...] Nru 259/2008 [...] tista’ sseħħ biss jekk titwettaq il-verifika minn qabel li d-dritt nazzjonali jistabbilixxi għal dan il-każ?

5)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda: l‑Artikolu 20 tad-Direttiva 95/46 [...] għandu jiġi interpretat fis‑sens li verifika minn qabel mhijiex valida meta ssir fuq il-bażi ta’ reġistru, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2) ta’ din l-istess direttiva, li ma jinkludix l-informazzjoni mandatorja kollha?

6)      L-Artikolu 7 – b’mod partikolari s-subparagrafu (e), f’dan il-każ – tad-Direttiva 95/46 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi prattika ta’ reġistrazzjoni tal-indirizzi IP tal-utenti ta’ sit Internet, mingħajr il-kunsens espress tagħhom?”

36      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Mejju 2008, il‑Kawżi C‑92/09 u C‑93/09 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

III –  Fuq id-domandi preliminari

37      Id-deċiżjonijiet tar-rinviju jinkludu, l-ewwel nett, domandi dwar il‑validità tar-Regolamenti Nri 1290/2005 u 259/2008, jiġifieri l-ewwel u t-tieni domandi, u t‑tieni nett, domandi dwar l-interpretazzjoni tad‑Direttiva 95/46, jiġifieri t-tielet u s-sitt domandi. Qabel ma jiġi eżaminat il-mertu, għandu jkun hemm evalwazzjoni dwar l‑ammissibbiltà kemm tat-tieni parti tat-tieni domanda kif ukoll tas-sitt domanda.

A –  Fuq l-ammissibbiltà

38      Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda u tas-sitt domanda tagħha, il‑qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, dwar il-validità tad-Direttiva 2006/24 u dwar l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46, sabiex tkun tista’ tevalwa jekk il‑konservazzjoni ta’ ċerta data dwar l-utenti ta’ siti Internet prevista mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea u mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża hijiex legali.

39      F’dan ir-rigward, hemm lok li qabel kollox jitfakkar li, meta titqies il‑kondiviżjoni tal-kompetenzi fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari, hija biss il‑qorti nazzjonali li għandha tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li trid tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, u din iddeċidiet li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tkun ġiet adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l‑ġurisdizzjoni tagħha stess (sentenza 1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius, C‑567/07, Ġabra p. I-9021, punt 42).

40      Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-problema sottomessa lill‑Qorti tal-Ġustizzja tkun ta’ natura purament ipotetika jew meta l‑interpretazzjoni ta’ regola Komunitarja mitluba mill-qorti nazzjonali, ma tkunx reali jew ma jkollha l-ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 61; tal-15 ta’ Ġunju 2006, Acereda Herrera, C-466/04, Ġabra p. I-5341, punt 48, tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C-380/05, Ġabra p. I-349, punt 53 u Woningstichting Sint Servatius, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

41      Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li kull waħda mir-rikorrenti fil‑kawża prinċipali, bis-saħħa tar-Regolamenti Nri 1290/2005 u 259/2008, ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra l‑pubblikazzjoni ta’ data li tikkonċernahom. Ir-rikorsi tagħhom huma intiżi sabiex il-Land Hessen jastjeni jew jirrifjuta li jittrażmetti jew li jippubblika d-data dwar l-għajnuna li huma rċevew mill-FAEG u mill‑FAEŻR.

42      It-tieni parti tat-tieni domanda u s-sitt domanda ma għandhomx rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, huma ma jirrigwardawx il‑pubblikazzjoni tad-data relatata mal-benefiċjarji ta’ għajnuna tal‑imsemmija fondi, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, iżda il‑konservazzjoni tad-data relatata mal-persuni li jikkonsultaw siti Internet. Għalhekk peress li l-eżami tat-tieni parti tat-tieni domanda u tas-sitt domanda ma jirrapreżenta l-ebda utilità għad-deċiżjoni tal-kawżi prinċipali, ma hemmx lok li dawn jingħataw risposta.

B –  Fuq il-mertu

1.     Fuq l-ewwel domanda u l-ewwel parti tat-tieni domanda

a)     Osservazzjonijiet preliminari

43      Permezz tal-ewwel domanda u tal-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina l‑validità, l-ewwel nett, tal-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005 kif ukoll tar-Regolament Nru 259/2008 li jinkludi l‑metodi ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ pubblikazzjoni mitlub minn dan l-Artikolu 44a u, it-tieni nett, tal-punt 8b tal-Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 1290/2005, dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali tar-Regolament Nru 259/2008.

44      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ data dwar il‑benefiċjarji ta’ għajnuna mill-FAEG u mill-FAEŻR, li jirriżulta mid‑dispożizzjonijiet ikkwotati fil-punt preċedenti, jikkostitwixxi preġudizzju mhux ġustifikat għad-dritt fundamentali tal-protezzjoni ta’ data personali. Għal dan il-għan hija tirreferri essenzjalment għall-Artikolu 8 tal-KEDB.

45      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) TEU l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi d‑drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) “li għandha jkollha l-istess valur legali bħat‑Trattati”.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-validità tal-punt 8b tal-Artikolu 42 u tal‑Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005 kif ukoll tar‑Regolament Nru 259/2008 għandhom jiġu evalwati fid-dawl tad‑dispożizzjonijiet tal-Karta.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8(1) tal-Karta jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha. Dan id-dritt fundamentali huwa marbut mill‑qrib mar-rispett tal-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 7 ta’ din l‑istess Karta.

48      Id-dritt għal protezzjoni ta’ data personali madankollu ma jidhirx li huwa dritt assolut, iżda għandu jiġi kkunsidrat fir-rigward tar‑rwol tiegħu fis‑soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C‑112/00, Ġabra p. I‑5659, punt 80 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

49      L-Artikolu 8(2) tal-Karta jawtorizza għalhekk l-operazzjonijiet ta’ ipproċessar ta’ data personali jekk ċerti rekwiżiti jiġu sodisfatti. F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni tistipula li d-data personali “għandha tiġi trattata b’mod ġust għal skopijiet determinati u fuq bażi tal-kunsens tal‑persuna konċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi.”

50      Barra minn hekk, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ drittijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tagħha, sakemm dawn il-limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, jirrispettaw il‑kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u li, fir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma meħtieġa u jissodisfaw effettivament l‑għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad‑drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.

51      Finalment, mill-Artikolu 52(3) tal-Karta jirriżulta li, sakemm din tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, is-sinjifikat u l‑portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li tagħtihom l‑imsemmija konvenzjoni. L-Artikolu 53 tal-Karta jżid li ebda dispożizzjoni tagħha ma tista’ tiġi interpretata bħala li tillimita jew li tikkawża preġudizzju għad-drittijiet rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-KEDB.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat, l-ewwel nett, li r-rispett tad-dritt tal-ħajja privata fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ ipproċessar ta’ data personali, rikonoxxut mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, jirrigwarda kull data li tikkonċerna persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (ara, b’mod partikolari, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal‑Bniedem, is-sentenzi Amann vs Svizzera, tas-16 ta’ Frar 2000, Recueil des arrêts et décisions 2000-II, § 65, u Rotaru vs Rumanija, tal‑4 ta’ Mejju 2000, Recueil des arrêts et décisions 2000-V, § 43) u, it‑tieni nett, li l-limitazzjonijiet li jistgħu leġittimament isiru għad-dritt tal‑protezzjoni ta’ data personali, jikkorrispondu għal dawk aċċettati fil-kuntest tal-Artikolu 8 tal-KEDB.

b)     Fuq il-validità tal-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005 u tar-Regolament Nru 259/2008

53      Fl-ewwel lok għandu jitfakkar li l-pubblikazzjoni imposta bl‑Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005 u r-Regolament Nru 259/2008 li jimplementa dan l‑artikolu, tidentifika b’isimhom il‑benefiċjarji kollha tal-għajnuna mill-FAEG u mill-FAEŻR, fost liema jista’ jkun hemm persuni fiżiċi u ġuridiċi. Fid-dawl ta’ dak li ġie spjegat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-persuni ġuridiċi jistgħu jużaw il‑protezzjoni tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta fir-rigward ta’ tali identifikazzjoni biss jekk l-isem legali tal-persuna ġuridika jidentifika persuna fiżika waħda jew iktar.

54      Dan huwa l-każ b’mod partikolari tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil‑Kawża C‑92/09. Fil-fatt, l-isem legali tal-kumpannija kkonċernata jidentifika direttament persuni fiżiċi li huma azzjonisti tagħha.

55      Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 44a tar‑Regolament Nru 1290/2005 u r-Regolament Nru 259/2008, fil‑konfront tal‑benefiċjarji tal-għajnuna mill-FAEG u mill-FAEŻR li huma persuni fiżiċi identifikati u identifikabbli (iktar ’il quddiem il‑“benefiċjarji kkonċernati”), jikkaġunawx preġudizzju għad-drittijiet li huma għandhom bis-saħħa tal-Artikolu 7 u 8 tal-Karta u, jekk ikun il‑każ, tali preġudizzju huwiex iġġustifikat fid-dawl tal-Artikolu 52 tagħha.

i)     Fuq l-eżistenza ta’ preġudizzju għad-drittijiet rikonoxxuti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta

56      L-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005 jobbliga l-Istati Membri sabiex jiżguraw il-pubblikazzjoni annwali a posteriori tal‑ismijiet tal-benefiċjarji tal-għajnuna mill-FAEG u mill-FEAŻR kif ukoll tal-ammonti riċevuti minn kull benefiċjarju minn dawn il-fondi. Mill‑erbatax-il premessa tar-Regolament Nru 1437/2007, li jemenda r‑Regolament Nru 1290/2005, jirriżulta li l‑imsemmija informazzjoni għandha tkun is-suġġett ta’ “pubblikazzjoni ġenerali”.

57      Ir-Regolament Nru 259/2008, fl-Artikolu 1(1)(d) tiegħu, jispeċifika l‑kontenut tal-pubblikazzjoni u jipprovdi li, minbarra l-punti msemmija fil-punt preċedenti u informazzjoni oħra dwar l-għajnuna riċevuta, jiġu ppubblikati “il-muniċipalità fejn joqgħod il-benefiċjarju jew fejn huwa rreġistrat u, meta jkun disponibbli, il‑kodiċi postali jew il-parti fih li tidentifika l-muniċipalità”. L-Artikolu 2 tal-istess regolament jipprovdi li l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata fuq sit Internet uniku u mill‑Istat Membru u tista’ tiġi kkonsultata permezz ta’ għodda ta’ tiftix.

58      Ma huwiex ikkontestat li l-ammonti li l-benefiċjarji jirċievu mill‑FAEG u mill-FAEŻR jirrapreżentaw parti, ħafna drabi kunsiderevoli, tad-dħul tagħhom. Il‑pubblikazzjoni fuq sit Internet tad‑data nominattiva dwar l-imsemmija benefiċjarji u l-ammonti preċiżi li dawn irċevew, tikkostitwixxi għalhekk, minħabba l-fatt li din id-data ssir aċċessibbli għal terzi, indħil fil-ħajja privata tagħhom fis‑sens tal‑Artikolu 7 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Österreichischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 73 u 74).

59      F’dan ir-rigward, jibqa’ mingħajr effett il-fatt li d-data ppubblikata tirrigwarda attivitajiet professjonali (ara s-sentenza Österreichischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 73 u 74). Il-Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet, f’dan ir-rigward, dwar l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tal-KEDB, li l-kliem “ħajja privata” ma kellux jiġi interpretat b’mod restrittiv u li “l-ebda raġuni ta’ prinċipju ma tippermetti li jiġu esklużi l-attivitajiet professjonali […] mill-kunċett ta’ ħajja ‘privata’” (ara, b’mod partikolari, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Amann vs Svizzera, § 65, u Rotaru vs Rumanija, § 43).

60      Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni imposta bl-Artikolu 44a tar‑Regolament Nru 1290/2005 u bir-Regolament Nru 259/2008 tikkostitwixxi operazzjoni ta’ ipproċessar ta’ data personali li taqa’ taħt l‑Artikolu 8(2) tal-Karta.

61      Madankollu, il-Land Hessen tikkontesta l-eżistenza stess ta’ ndħil fil‑ħajja privata tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali peress li dawn kienu ġew informati, fl-applikazzjoni għat-talba għall-għajnuna, dwar il‑pubblikazzjoni obbligatorja tad-data li tikkonċernahom u kienu, skont l-Artikolu 8(2) tal-Karta, taw il-kunsens tagħhom għal din il‑pubblikazzjoni meta ppreżentaw l-applikazzjoni tagħhom.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-punt 8b tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1290/2005 jipprovdi biss li “l-benefiċjarji tal‑fondi jiġu informati li din id-data [li tikkonċernahom, jiġifieri isimhom u l-ammonti riċevuti minn kull fond] tista’ ssir pubblika”. L‑Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 259/2008 fih dispożizzjoni simili li tipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-benefiċjarji li [...] id-dejta tagħhom se ssir pubblika”.

63      Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni, li tillimita ruħha sabiex tipprovdi li l-benefiċjarji ta’ għajnuna jkunu informati minn qabel dwar il-pubblikazzjoni tad-data li tikkonċernahom, għalhekk ma tipprovax tibbaża l-operazzjoni ta’ ipproċessar ta’ data personali li hija tistabbilixxi fuq il-kunsens tal-benefiċjarji kkonċernati. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawżi prinċipali, ir‑rikorrenti, fl‑applikazzjonijiet għal għajnuna tagħhom, qalu biss “naf li l-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005 jitlob il‑pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il‑benefiċjarji ta’ fondi li ġejjin mill-FAEG u mill-FAEŻR”.

64      Peress li, l-ewwel nett, il-pubblikazzjoni tad-data nominattiva dwar il‑benefiċjarji kkonċernati u dwar l-ammonti li ġejjin mill‑FAEG u mill‑FAEŻR li dawn irċevew tikkostitwixxi preġudizzju, fil‑konfront ta’ dawn il-benefiċjarji, għad-drittijiet rikonoxxuti mill‑Artikoli 7 u 8 tal‑Karta u, it-tieni nett, tali operazzjoni ta’ ipproċessar ta’ data personali ma hijiex ibbażata fuq il‑kunsens tal-imsemmija benefiċjarji, għandu jiġi eżaminat jekk dan il‑preġudizzju huwiex ġustifikat fid-dawl tal‑Artikolu 52(1) tal-Karta.

ii)  Fuq il-ġustifikazzjoni tal-preġudizzju għad-drittijiet rikonoxxuti mill‑Artikoli 7 u 8 tal-Karta

65      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ drittijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 ta’ din il-Karta, sakemm dawn il-limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u li, fir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma meħtieġa u jissodisfaw effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad‑drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.

66      Fl-ewwel lok, huwa stabbilit li l-indħil li jirriżulta mill-pubblikazzjoni fuq sit Internet ta’ data nominattiva dwar il-benefiċjarji kkonċernati għandu jiġi kkunsidrat bħala “previst mil-liġi” skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta. Fil-fatt, l‑Artikoli 1(1) u 2 tar-Regolament Nru 259/2008 espressament jistipulaw tali pubblikazzjoni.

67      Fit-tieni lok, dwar il-punt jekk l-indħil jissodisfax għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 52(1) tal‑Karta, mill-erbatax-il premessa tar-Regolament Nru 1437/2007, li jemenda r‑Regolament Nru 1290/2005, u mis-sitt premessa tar‑Regolament Nru 259/2008 jirriżulta li l‑pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-benefiċjarji tal-għajnuna tal-FAEG u tal-FAEŻR u tal-ammonti li huma jirċievu minn dawn il-fondi hija intiża sabiex “[t]tejjeb it‑trasparenza fir‑rigward ta’ l-użu tal-fondi Komunitarji fil-qasam tal‑[PAK] kif ukoll il-ġestjoni finanzjarja tajba ta’ dawn il-fondi, b’mod partikolari billi jiġi rinfurzat il-kontroll pubbliku tal-flejjes li ntużaw”.

68      Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ trasparenza huwa stabbilit fl‑Artikoli 1 TUE u 10 TUE kif ukoll fl-Artikolu 15 TFUE. Huwa jippermetti li tiġi żgurata parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u jiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi iktar leġittimità u tkun iktar effettiva u responsabbli fir-rigward taċ-ċittadin f’sistema demokratika (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C‑41/00 P, Ġabra p. I‑2125, punt 39, u tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, C‑28/08 P, Ġabra p. I-6055, punt 54).

69      It-tisħiħ tal-kontroll pubbliku tal-ammonti mħallsa mill-FAEG u mill‑FAEŻR, il‑pubblikazzjoni imposta bid-dispożizzjonijiet li l-validità tagħhom qed tiġi kkontestata, jikkontribwixxi għall-użu adattat tal-fondi pubbliċi mill-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Österreichischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81).

70      Barra minn hekk, l-imsemmija pubblikazzjoni dwar l-użu tal-ammonti mħallsa mill-fondi agrikoli kkonċernati tippermetti parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadini fid-dibattitu pubbliku li jirrigwarda d-deċiżjonijiet dwar l‑orjentazzjonijiet tal-PAK.

71      Għaldaqstant, sabiex itejbu t-trasparenza tal-użu tal-fondi fil-kuntest tal‑PAK, l‑Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005 u r‑Regolament Nru 259/2008 jsegwu l-għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill‑Unjoni Ewropea.

72      Fit-tielet lok, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk il-limitazzjoni fuq id‑drittijiet stabbiliti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta hijiex proporzjonali għall-għan leġittimu mixtieq (ara, b’mod partikolari, Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal-Bniedem, is‑sentenza Gillow vs Renju Unit, tal-24 ta’ Novembru 1986, Serje A Nru 109, § 55, u s-sentenza Österreichischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).

73      Għal dan il-għan, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jargumentaw li d‑data li l‑pubblikazzjoni tagħha hija stipulata fl-Artikolu 44a tar‑Regolament Nru 1290/2005 u fir-Regolament Nru 259/2008 tippermetti lil terzi sabiex jiddeduċu kemm għandhom dħul. Huma jispjegaw li din l-għajnuna tirrapreżenta bejn 30 % u 70 % tad-dħul totali tal-benefiċjarji kkonċernati. L-interessi leġittimi tal-pubbliku jiġu sodisfatti bil-pubblikazzjoni ta’ data ta’ statistika anonima.

74      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jeżiġi li l‑miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea jkunu kapaċi li jilħqu l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jilħqu dan (sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C‑58/08, Ġabra p. I-4999, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Ma huwiex ikkontestat li l-pubblikazzjoni permezz tal-Internet ta’ data nominattiva dwar il-benefiċjarji kkonċernati kif ukoll dwar l-ammonti preċiżi li ġejjin mill-FAEG u mill-FAEŻR li dawn irċevew hija addattata sabiex iżżid it‑trasparenza f’dak li jirrigwarda l-użu tal‑għajnuna agrikola kkonċernata. Tali informazzjoni mqiegħda għad‑dispożizzjoni taċ-ċittadini ssaħħaħ il-kontroll pubbliku dwar l-użu tal‑ammonti kkonċernati u tikkontribwixxi għall-aħjar użu tal-fondi pubbliċi.

76      Fir-rigward tal-ħtieġa tal-miżura, għandu jitfakkar li l-għan tal‑pubblikazzjoni inkwistjoni ma jistax jintlaħaq jekk ma jittiħidx inkunsiderazzjoni l-fatt li l‑imsemmi għan għandu jkun rikonċiljat mad‑drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, Ġabra p. I‑9831, punt 53).

77      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l‑Kummissjoni bbilanċjawx l-interess tal-Unjoni Ewropea li tiggarantixxi t‑trasparenza tal-azzjonijiet tagħha u l-aħjar użu tal-fondi pubbliċi, minn naħa waħda, u l-preġudizzju għad-dritt tal-benefiċjarji kkonċernati għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom, b’mod ġenerali, u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom, min-naħa l‑oħra. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d‑derogi għall-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom jiġu applikati biss sa fejn dan ikun assolutament meħtieġ (sentenza Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

78      L-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill u l-Kummissjoni jargumentaw li l‑għan segwit mill-pubblikazzjoni imposta bl-Artikolu 44a tar‑Regolament Nru 1290/2005 u bir-Regolament Nru 259/2008 ma setax jintlaħaq permezz ta’ miżuri li jikkawżaw inqas preġudizzju għad‑dritt tal-benefiċjarji kkonċernati fir-rigward tal-ħajja privata tagħhom, b’mod ġenerali, u tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom, b’mod partikolari. Informazzjoni limitata għall-benefiċjarji kkonċernati li l-għajnuna li rċevew taqbeż ċertu limitu ma toffrix lill‑persuna taxxabbli stampa fidila tal-PAK. Fil-fatt, dan tal-aħħar jingħata l-impressjoni li hemm biss benefiċjarji “kbar” tal‑għajnuna tal-fondi agrikoli kkonċernati, minkejja li l‑benefiċjarji ż‑“żgħar” huma numerużi ħafna. Lanqas ma jkun aħjar li tillimita l‑pubblikazzjoni għall‑persuni ġuridiċi biss. Il-Kummissjoni ssostni għal dan il‑għan li fost l-ikbar benefiċjarji tal-għajnuna agrikola hemm persuni fiżiċi.

79      Anki jekk huwa veru li, f’soċjetà demokratika, il-persuni taxxabbli għandhom dritt li jinżammu informati dwar l-użu tal-fondi pubbliċi, (sentenza Österreichischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85), xorta jibqa’ l-fatt li bbilanċjar tal-interessi differenti inkwistjoni kien jeħtieġ, qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet li l-validità tagħhom hija kkontestata, verifika, mill-istituzzjonijiet ikkonċernati, dwar jekk il‑pubblikazzjoni permezz ta’ sit Internet uniku mill-Istat Membru u li jista’ jiġi liberament ikkonsultat, ta’ data nominattiva dwar il‑benefiċjarji kollha kkonċernati u dwar l-ammonti preċiżi li ġejjin mill-FAEG u mill‑FAEŻR riċevuti minn kull wieħed minnhom – u dan mingħajr distinzjoni skont il-portata, il-frekwenza u t-tip u d-daqs tal‑għajnuna riċevuta – kinitx tmur oltré minn dak li kien meħtieġ sabiex jintlaħqu l‑għanijiet leġittimi segwiti, fid-dawl b’mod partikolari tal-preġudizzju maħluq minn tali pubblikazzjoni għad-drittijiet rikonoxxuti mill‑Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

80      Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi benefiċjarji ta’ għajnuna mill-FAEG u mill-FAEŻR, ma kienx jidher li l-Kunsill u l-Kummissjoni ppruvaw jagħmlu tali bbilanċjar bejn l-interess tal-Unjoni Ewropea sabiex tiggarantixxi t‑trasparenza tal-azzjonijiet tagħha u l-aħjar użu tal-fondi pubbliċi, minn naħa, u d-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, min-naħa l-oħra.

81      Fil-fatt, xejn ma jindika li l-Kunsill u l-Kummissjoni kkunsidraw, matul l‑adozzjoni tal-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005 u tar‑Regolament Nru 259/2008, regoli dettaljati ta’ pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il‑benefiċjarji kkonċernati li kienu konformi mal‑għan ta’ tali pubblikazzjoni li setgħu kienu inqas ta’ preġudizzju għad-dritt ta’ dawn il-benefiċjarji għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom, b’mod ġenerali, u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom, b’mod partikolari, bħal-limitazzjoni tal-pubblikazzjoni ta’ data nominattiva dwar l-imsemmija benefiċarji skont il-perijodi li matulhom huma rċevew l-għajnuna, il-frekwenza jew anki t-tip u d-daqs tagħha.

82      Pubblikazzjoni nominattiva hekk limitata setgħet, jekk ikun il-każ, tkun akkumpanjata minn spjegazzjonijiet rilevanti li jikkonċernaw lill‑persuni l-oħra fiżiċi benefiċjarji ta’ għajnuna mill-imsemmija fondi u l-ammonti riċevuti minn dawn tal-aħħar.

83      L-istituzzjonijiet kellhom għalhekk jeżaminaw, fil-kuntest tal‑ibbilanċjar tal-interessi differenti inkwistjoni, jekk pubblikazzjoni nominattiva limitata, kif indikat fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, kinitx tkun biżżejjed sabiex jintlaħqu l‑għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, ma kienx jidher li tali limitazzjoni, li kienet tipproteġi lil uħud mill-benefiċjarji kkonċernati minn indħil fil-ħajja privata tagħhom, ma kinitx tagħti liċ‑ċittadin stampa ċara biżżejjed tal-għajnuna mħallsa mill-FAEG u mill-FAEŻR, adattata sabiex jintlaħqu l‑għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

84      L-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il‑Kunsill u l-Kummissjoni jirreferu wkoll għas-sehem importanti li l‑PAK għandha fil-baġit tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġġustifikaw il‑ħtieġa tal‑pubblikazzjoni imposta mill‑Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005 u mir-Regolament Nru 259/2008.

85      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Għandu jitfakkar li l‑istituzzjonijiet huma obbligati li, qabel ma jiżvelaw informazzjoni dwar persuna fiżika, jibbilanċjaw l‑interess tal-Unjoni Ewropea li tiggarantixxi t-trasparenza tal-azzjonijiet tagħha u l-preġudizzju għad‑drittijiet rikonoxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Ma għandha tingħata l-ebda supremazija awtomatika lill-għan ta’ trasparenza fuq id‑dritt għall-protezzjoni ta’ data personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager, iċċitata iktar ’il fuq, punti 75 sa 79), anki jekk huma involuti interessi ekonomiċi sinjifikattivi.

86      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-istituzzjonjiet ma għamlux ibbilanċjar bejn, minn naħa waħda, l-għanijiet tal‑Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005 u tar-Regolament Nru 259/2008 u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet rikonoxxuti għal persuni fiżiċi permezz tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Fid-dawl tal-fatt li d-derogi għall-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom jiġu applikati biss sa fejn dan ikun assolutament meħtieġ (sentenza Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56) u li jeżistu miżuri li joħolqu preġudizzju inqas sinjifikattiv għall-persuni fiżiċi għall-imsemmi dritt fundamentali u li fl-istss ħin jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill u l‑Kummissjoni, meta imponew il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-persuni fiżiċi kollha li huma benefiċjarji tal-għajnuna mill-FAEG u mill‑FAEŻR kif ukoll tal‑ammonti preċiżi li rċevew, qabżu l-limiti li jitlob ir‑rispett tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.

87      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi li huma benefiċjarji ta’ għajnuna mill-FAEG u mill-FAEŻR, u inkwantu huma jistgħu jinvokaw id-drittijiet rikonoxxuti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (ara l-punt 53 ta’ din is-sentenza), għandu jiġi kkunsidrat li l-obbligu ta’ pubblikazzjoni li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li l-validità tagħhom qed tiġi kkontestata ma jeċċedix il-limiti li jitlob ir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, il-gravità tal-preġudizzju għad-dritt tal-protezzjoni ta’ natura personali għall-persuni ġuridiċi hija differenti minn dik għall-persuni fiżiċi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-persuni ġuridiċi huma diġà suġġetti għal obbligu iktar oneruż ta’ pubblikazzjoni ta’ data li tikkonċernahom. Barra minn hekk, l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li qabel il-pubblikazzjoni tad-data inkwistjoni, għal kull persuna ġuridika li hija benefiċjarja ta’ għajnuna mill-FAEG jew mill-FAEŻR, jeżaminaw jekk l-isem tagħha jidentifikax persuni fiżiċi, jimponi fuq l‑awtoritajiet nazzjonali kkonċernati, piż amministrattiv eċċessiv (ara, f’dan is‑sens, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza K.U. vs Il‑Finlandja, tat-2 ta’ Marzu 2009, Rikors Nru 2872/02, li għadha ma ġietx ippubblikata, § 48).

88      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li l-validità tagħhom qed tiġi kkontestata mill-qorti tar-rinviju, fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ data relatata ma’ persuni ġuridiċi, joffru ekwilibriju ġust f’dak li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi rispettivi preżenti.

89      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-Artikolu 44a tar‑Regolament Nru 1290/2005 u r-Regolament Nru 259/2008 għandhom jiġu ddikjarati invalidi inkwantu, fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li huma benefiċjarji ta’ għajnuna mill-FAEG u mill-FAEŻR, dawn id-dispożizzjonijiet jimponu l-pubblikazzjoni ta’ data personali relatata ma’ kull benefiċjarju, mingħajr distinzjoni skont kriterji rilevanti, bħall-perijodi li matulhom huma rċevew l-għajnuna, il‑frekwenza jew anki t-tip u d-daqs tagħha.

c)     Fuq il-validità tal-punt 8b tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1290/2005

90      Għandu jitfakkar li l-punt 8b tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1290/2005 jawtorizza lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 44a biss tal-imsemmi regolament.

91      Jekk l-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005 jiġi ddikjarat invalidu għall-motivi hawn fuq imsemmija, il-punt 8b tal-Artikolu 42 tal-imsemmi regolament għandu jiġi ddikjarat bl-istess mod bħala invalidu.

92      Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel domanda u għall-ewwel parti tat‑tieni domanda għandha tkun li l-punt 8b tal-Artikolu 42 u l‑Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005, u r-Regolament Nru 259/2008 huma invalidi inkwantu, fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li huma benefiċjarji ta’ għajnuna mill-FAEG u mill-FAEŻR, dawn id‑dispożizzjonijiet jimponu l-pubblikazzjoni ta’ data personali relatata ma’ kull benefiċjarju, mingħajr distinzjoni skont kriterji rilevanti, bħall-perijodi li matulhom huma rċevew l-għajnuna, il frekwenza jew anki t-tip u d-daqs tagħha.

d)     Fuq l-effetti ratione temporis tal-invalidità kkonstatata

93      Għandu jitfakkar li, meta kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali jiġġustifikawha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, applikabbli, b’analoġija, ukoll fil‑kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għal evalwazzjoni tal‑validità ta’ atti tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 267 TFUE, setgħa diskrezzjonali sabiex tindika, f’kull każ partikolari, dawk l-effetti tal-att ikkonċernat li għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza Regie Networks tat-22 ta’ Diċembru 2008, C-33/07, Ġabra p. I 10807, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Fid-dawl tan-numru sinjifikattiv ta’ pubblikazzjonijiet li seħħew fl-Istati Membri abbażi ta’ leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala valida, għandu jiġi rikonoxxut li l‑invalidità tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 92 ta’ din is-sentenza ma tippermettix li jiġu kkontestati l-effetti tal‑pubblikazzjoni tal-listi ta’ benefiċarji ta’ għajnuna mill-FAEG u mill‑FAEŻR magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali, abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet, matul perijodu preċedenti għad-data tal‑għoti ta’ din is‑sentenza.

2.     Fuq it-tielet domanda

95      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-pubblikazzjoni tad-data li tirriżulta mill‑punt 8b tal-Artikolu 42 u mill-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005, u mir-Regolament Nru 259/2008, tista’ ssir biss jekk l‑uffiċjal tal-protezzjoni tad-data personali, qabel ma jgħaddi għal tali pubblikazzjoni, ikun ħaseb sabiex jinżamm reġistru komplet skont it‑tieni inċiż tal-imsemmi Artikolu 18(2).

96      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 18(1) tad‑Direttiva 95/46 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ notifika lill-awtorità ta’ superviżjoni qabel ma ssir operazzjoni ta’ ipproċessar, jew numru ta’ operazzjonijiet, ta’ data personali, li huwa parzjalment jew kollu awtomatiku, u intiż għall-istess għan jew għal għanijiet relatati. Kif spjegat fl-erbgħa u tmenin premessa tal-istess direttiva “il-proċeduri biex tkun notifikata l‑awtorità ta’ superviżjoni huma maħsuba b’mod li jassiguraw li jkunu żvelati l-għanijiet u l-fatturi ewlenin ta’ operazzjoni ta’ proċessar biex ikun verifikat li l-operazzjonijiet ikunu jaqblu mal-miżuri nazzjonali meħuda skond [l-imsemmija] direttiva”.

97      It-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 95/46 madankollu jipprovdi li l‑Istati Membri jistgħu jipprovdu għal simplifikazzjoni ta’, jew eżenzjoni minn, dan l-obbligu, b’mod partikolari meta l-kontrollur jaħtar uffiċjal tal‑protezzjoni ta’ data personali. Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li tali ħatra saret fil-Land Hessen f’dak li jirrigwarda l-operazzjoni ta’ ipproċessar tad-data li tirriżulta mill-punt 8b tal-Artikolu 42 u mill‑Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005 u mir-Regolament Nru 259/2008.

98      Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 95/46, l-uffiċjal tal‑protezzjoni ta’ data personali għandu diversi inkarigi li huma intiżi sabiex jiggarantixxu li l-operazzjonijiet ta’ ipproċessar ma jikkawżawx preġudizzju għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuni kkonċernati. L-uffiċjal huwa wkoll inkarigat, b’mod partikolari, li jżomm “reġistru ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar li l-kontrollur ikun għamel, li jkun fihom dik l‑informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21(2) [tad-Direttiva 95/46]”. Din l-aħħar dispożizzjoni tirreferi għall‑Artikolu 19 (1) (a) sa (e) tal-istess direttiva.

99      Madankollu, kuntrarjament għal dak li tikkonstata l-qorti tar-rinviju, it‑tieni inċiż tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 95/46 ma jimponi l-ebda obbligu sabiex l-uffiċjal tal-protezzjoni ta’ data personali jżomm reġistru bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21(2) tal-istess direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 19(1)(a) sa (e) tad‑Direttiva 95/46, sa minn qabel tibda l-operazzjoni ta’ ipproċessar tad-data kkonċernata. Fil-fatti, ir‑reġistru li għalih sar riferiment fit-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2) tad‑Direttiva 95/46 għandu jinkludi biss l‑“operazzjonijiet ta’ ipproċessar li l-kontrollur ikun għamel”.

100    F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ reġistru komplet qabel l‑operazzjoni ta’ ipproċessar tad-data, li għalih tagħmel riferiment il‑qorti tar-rinviju, ma għandux jaffettwa l-legalità ta’ pubblikazzjoni, bħal dik li tirriżulta mill-punt 8b tal-Artikolu 42 u mill-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005, u mir-Regolament Nru 259/2008.

101    Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li t-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis‑sens li l-uffiċjal tal-protezzjoni ta’ data personali ma għandux obbligu li jipproċedi sabiex jinżamm ir-reġistru previst minn din id-dispożizzjoni qabel l-implementazzjoni tal-operazzjoni ta’ ipproċessar ta’ data personali, bħal dak li jirriżulta mill-punt 8b tal-Artikolu 42 u mill-Artikolu 44a tar‑Regolament Nru 1290/2005, u mir-Regolament Nru 259/2008.

3.     Fuq ir-raba’ domanda

102    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li jissuġġetta l‑pubblikazzjoni ta’ informazzjoni li tirriżulta mill‑punt 8b tal-Artikolu 42 u mill-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005, u mir-Regolament Nru 259/2008, għal verifiki minn qabel stipulati fl-imsemmi Artikolu 20.

103    L-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 20(1) tad‑Direttiva 95/46 jipprovdi li l-“[i]Stati Membri għandhom jiddeterminaw l-operazzjonijiet ta’ ipproċessar li aktarx jista’ jkollhom riskji speċifiċi għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, u għandhom jivverifikaw li dawn l-operazzjonijiet ta’ ipproċessar ikunu eżaminati qabel ma jinbdew.”

104    Minn dan isegwi li d-Direttiva 95/46 ma tissuġġettax l-operazzjonijiet ta’ ipproċessar ta’ data personali għal verifika minn qabel b’mod ġeneralizzat. Fil-fatt, kif jirriżulta mit-tnejn u ħamsin premessa tad-Direttiva 95/46, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea kkunsidra li “verifika ex post facto mill‑awtoritajiet kompetenti għandha ġeneralment titqies bħala miżura suffiċjenti.”

105    Fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar suġġetti għal verifiki minn qabel, jiġifieri dawk li aktarx jippreżentaw riskji speċifiċi għad‑drittijiet u l-libertajiet tal-persuni kkonċernati, it-tlieta u ħamsin premessa tad‑Direttiva 95/46 tispjega li xi operazzjonijiet ta’ ipproċessar aktarx jippreżentaw tali riskji “minħabba n-natura tagħhom, l-iskop tagħhom jew il-miri tagħhom [...]”. Anki jekk l-Istati Membri jistgħu jippreċiżaw iktar fil-leġiżlazzjoni tagħhom l-operazzjonijiet ta’ ipproċessar li aktarx jippreżentaw riskji speċifiċi għad-drittijiet u l‑libertajiet tal-persuni kkonċernati, l-imsemmija direttiva tipprovdi, kif jirriżulta mill-erbgħa u ħamsin premessa tagħha, li l-ammont tagħhom “għandu jkun limitat ħafna”.

106    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont ir-Regolament Nru 45/2001, l‑operazzjonijiet ta’ ipproċessar ta’ data personali li aktarx jippreżentaw riskji speċifiċi għad-drittijiet u l‑libertajiet tal-persuni kkonċernati huma wkoll suġġetti għal verifika minn qabel meta jsiru minn istituzzjonijiet u organi tal-Unjoni Ewropea. It-tieni paragrafu tal-istess artikolu jispeċifika l-operazzjonijiet ta’ ipproċessar li aktarx jippreżentaw tali riskji. Fid‑dawl tal‑paralleliżmu bejn id‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 u dawk tar‑Regolament Nru 45/2001 dwar il-verifiki minn qabel, l-elenkar fl‑Artikolu 27(2) ta’ dan ir-regolament ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar li aktarx jippreżentaw riskji speċifiċi għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni kkonċernati, għandu jiġi kkunsidrat bħala rilevanti għall‑interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tad‑Direttiva 95/46.

107    Ma jidhirx li l-pubblikazzjoni ta’ data imposta mill‑punt 8b tal‑Artikolu 42 u mill-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005, u mir-Regolament Nru 259/2008 taqa’ f’waħda mill-kategoriji ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar imsemmija fl-Artikolu 27(2) tar‑Regolament Nru 45/2001.

108    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l‑Artikolu 20 tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-Istati Membri li jissuġġettaw għall-verifiki minn qabel kif previst mill-imsemmija dispożizzjoni, il-pubblikazzjoni ta’ data li tirriżulta mill-punt 8b tal-Artikolu 42 u mill-Artikolu 44a tar‑Regolament Nru 1290/2005, u mir-Regolament Nru 259/2008.

109    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għar-raba’ domanda, ma għadx hemm lok li tingħata risposta għall-ħames domanda.

IV –  Fuq l-ispejjeż

110    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 8b tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 44a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il‑finanzjament tal-politika agrikola komuni, kif emendat bir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1437/2007, tas-26 ta’ Novembru 2007, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 259/2008, tat-18 ta’ Marzu 2008, li jistipula regoli dettaljati għall applikazzjoni tar-Regolament Nru 1290/2005 rigward il-pubblikazzjoni ta’ tagħrif dwar il-benefiċjarji tal‑fondi mill‑Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), huma invalidi inkwantu, fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li huma benefiċjarji ta’ għajnuna mill-FAEG u mill-FAEŻR, dawn id‑dispożizzjonijiet jimponu l-pubblikazzjoni ta’ data personali relatata ma’ kull benefiċjarju, mingħajr distinzjoni skont kriterji rilevanti, bħall-perijodi li matulhom huma rċevew l-għajnuna, il-frekwenza jew anki t-tip u d-daqs tagħha.

2)      L-invalidità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea msemmija fil-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv ma tippermettix li jiġu kkontestati l-effetti tal-pubblikazzjoni ta’ listi ta’ benefiċjarji ta’ għajnuna mill-FAEG u mill-FAEŻR li saret mill-awtoritajiet nazzjonali, abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet, matul il-perijodu preċedenti għad-data tal‑għoti ta’ din is-sentenza.

3)      It-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 95/46/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il‑moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li l‑uffiċjal tal-protezzjoni ta’ data personali ma għandux obbligu li jipproċedi sabiex jinżamm ir‑reġistru previst minn din id‑dispożizzjoni qabel l‑implementazzjoni tal‑operazzjoni ta’ ipproċessar ta’ data personali, bħal dak li jirriżulta mill-punt 8b tal‑Artikolu 42 u mill-Artikolu 44a tar‑Regolament Nru 1290/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 1437/2007, u mir-Regolament Nru 259/2008.

4)      L-Artikolu 20 tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis‑sens li ma jobbligax lill-Istati Membri li jissuġġettaw għall-verifiki minn qabel kif previst mill-imsemmija dispożizzjoni, il‑pubblikazzjoni ta’ data li tirriżulta mill‑punt 8b tal‑Artikolu 42 u mill-Artikolu 44a tar‑Regolament Nru 1290/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 1437/2007, u mir-Regolament Nru 259/2008.

Firem


*Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.