Language of document : ECLI:EU:C:2014:2451

Kawża C‑364/13

International Stem Cell Corporation

vs

Comptroller General of Patents, Designs and Trade Marks

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 98/44/KE — Artikolu 6(2)(ċ) — Protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi — Attivazzjoni ta’ ooċiti permezz tal-partenoġenesi — Produzzjoni ta’ ċelloli staminali embrijoniċi umani — Jedd għall-privattiva — Esklużjoni ta’ ‘użi ta’ l-embrjonijiet [embrijuni umani] għal għanijiet industrijali jew kummerċjali’ — Kunċetti ta’ ‘embriju uman’ u ta’ ‘organiżmu kapaċi li jibda l-proċess ta’ żvilupp ta’ bniedem’”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Diċembru 2014

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ġuridika tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi — Direttiva 98/44 — Kunċett ta’ ‘embriju uman’ — Bajda umana mhux iffertilizzata — Inklużjoni — Kundizzjoni — Kapaċità intrinsika li tiżviluppa fi bniedem — Verifika li taqa’ fuq il-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/44, Artikolu 6(2)(ċ))

L-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 98/44, dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, għandu jiġi interpretat fis-sens li bajda umana mhux iffertilizzata li tkun ġiet stimulata sabiex tinqasam u tiżviluppa permezz tal-partenoġenesi ma tikkostitwixxix “embriju uman”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk, fid-dawl tal-għarfien attwali tax-xjenza medika internazzjonali, din ma jkollhiex, bħala tali, il-kapaċità intrinsika li tiżviluppa fi bniedem, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

(ara l-punti 36, 38 u d-dispożittiv)