Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Competition Appeal Tribunal, London (ir-Renju Unit) fis-7 ta’ Mejju 2018 – Generics (UK) Ltd, GlaxoSmithKline plc, Xellia Pharmaceuticals ApS, Alpharma, LLC, li kienet Zoetis Products LLC, Actavis UK Ltd u Merck KGaA vs Competition and Markets Authority

(Kawża C-307/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Competition Appeal Tribunal, London

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Generics (UK) Ltd, GlaxoSmithKline plc, Xellia Pharmaceuticals ApS, Alpharma, LLC, li kienet Zoetis Products LLC, Actavis UK Ltd u Merck KGaA

Konvenuta: Competition and Markets Authority

Domandi preliminari

Kompetizzjoni potenzjali

Għall-finijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE, id-detentur ta’ privattiva għal prodott farmaċewtiku u kumpannija ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li qed tfittex li tidħol fis-suq b’verżjoni ġenerika tal-prodott mediċinali għandhom jitqiesu bħala kompetituri potenzjali meta l-partijiet ikunu f’tilwima bona fide dwar jekk il-privattiva hijiex valida u/jew il-prodott mediċinali ġeneriku jiksirx il-privattiva?

2)    Ir-risposta għall-ewwel domanda tkun differenti jekk:

a) hemm proċeduri ġudizzjarji pendenti bejn il-partijiet għal din it-tilwima; u/jew

b) id-detentur tal-privattiva jkun kiseb digriet għal miżuri provviżorji li jipprevjeni lill-kumpannija ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi milli tniedi fis-suq il-prodott mediċinali ġeneriku tagħha sakemm dawn il-proċeduri jiġu deċiżi, u/jew

c) id-detentur tal-privattiva jqis lill-kumpannija ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi bħala kompetitur potenzjali?

Restrizzjoni minħabba l-għan

Meta jkun hemm proċeduri ġudizzjarji pendenti dwar il-validità ta’ privattiva għal prodott farmaċewtiku u dwar jekk prodott mediċinali ġeneriku jiksirx din il-privattiva, u ma jkunx possibbli li tiġi ddeterminata l-probabbiltà li xi waħda mill-partijiet tkun ser tirbaħ f’dawn il-proċeduri, ikun hemm restrizzjoni għall-kompetizzjoni minħabba l-“għan” għall-finijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE meta l-partijiet jaslu għal ftehim dwar din it-tilwima fejn:

a) il-kumpannija ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi taqbel li ma tidħolx fis-suq bil-prodott mediċinali ġeneriku tagħha u li ma tkomplix il-kontestazzjoni tagħha tal-privattiva matul it-tul tal-ftehim (li ma jkunx iktar mit-terminu li għadu ma skadiex tal-privattiva), u

b) id-detentur tal-privattiva jaqbel li jagħmel trasferiment ta’ valur lill-kumpannija ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi f’ammont sostanzjalment ikbar mill-ispejjeż tal-litigazzjoni evitati (inklużi l-ħin ta’ ġestjoni u t-tħarbit) u li ma jikkostitwix ħlas għal kwalunkwe oġġetti jew servizzi pprovudti lid-detentur tal-privattiva?

4)    Ir-risposta għat-tielet domanda tkun differenti jekk:

a) il-portata tar-restrizzjoni fuq il-kumpannija ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi ma tmurx lil hinn mill-portata tal-privattiva inkwistjoni; u/jew

b) l-ammont tat-trasferiment tal-valur lill-kumpannija ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jista’ jkun inqas mill-profitt li kienet tagħmel kieku minflok rebħet fil-litigazzjoni dwar il-privattiva u daħlet fis-suq bi prodott mediċinali ġeneriku indipendenti?

5)    Ir-risposti għat-tielet u r-raba’ domanda jkunu differenti jekk il-ftehim jipprevedi l-provvista mid-detentur tal-privattiva lill-kumpannija ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi ta’ volumi sinjifikattivi iżda limitati ta’ prodott mediċinali ġeneriku awtorizzat u dan il-ftehim:

a) ma jwassalx għal xi restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva fuq il-prezzijiet mitluba mid-detentur tal-privattiva; iżda

b) iġib xi benefiċċji lill-konsumaturi li ma kinux iseħħu kieku d-detentur tal-privattiva rebaħ fil-litigazzjoni, iżda li huma ferm inqas mill-benefiċċji kompetittivi sħaħ li jirriżultaw minn dħul ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi indipendenti li kien iseħħ kieku l-kumpannija ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi rebħet fil-litigazzjoni, jew dan huwa rilevanti biss għall-evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE?

Restrizzjoni minħabba l-effett

6)    Fiċ-ċirkustanzi spjegati fid-domandi tlieta sa ħamsa, hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni “bħala riżultat” għall-finijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE jew sabiex ikun hemm tali restrizzjoni huwa meħtieġ li l-qorti tikkonstata li, fl-assenza ta’ dan il-ftehim:

a) il-kumpannija ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi probabbilment kienet tirbaħ fil-proċeduri dwar il-privattiva (jiġifieri l-probabbiltà li l-privattiva kienet valida u miksura kien inqas minn 50 %); alternattivament

b) il-partijiet x’aktarx kienu jaslu għal ftehim inqas restrittiv (jiġifieri l-probabbiltà ta’ ftehim inqas restrittiv kienet ta’ iktar minn 50 %)?

Definizzjoni tas-suq

Meta prodott farmaċewtiku protett bi privattiva jkun terapewtikament sostitwibbli b’numru ta’ prodotti mediċinali oħra fi klassi, u l-abbuż allegat għall-finijiet tal-Artikolu 102 TFUE jkun aġir mid-detentur tal-privattiva li effettivament jeskludi verżjonijiet ġeneriċi ta’ dan il-prodott mediċinali mis-suq, huma dawn il-prodotti mediċinali ġeneriċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-iskop tad-definizzjoni tas-suq rilevanti tal-prodott, għalkemm ma setgħux jidħlu fis-suq legalment qabel l-iskadenza tal-privattiva, jekk (li hija inċerta) il-privattiva hija valida u miksura minn dawn il-prodotti mediċinali ġeneriċi?

Abbuż

Fiċ-ċirkustanzi msemmija fid-domandi tlieta sa ħamsa iktar ʼil fuq, jekk id-detentur tal-privattiva jinsab f’pożizzjoni dominanti, l-aġir tiegħu meta jidħol f’tali ftehim jikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE?

Ir-risposta għat-tmien domanda tkun differenti jekk id-detentur tal-privattiva jagħmel ftehim ta’ dan it-tip mhux bħala soluzzjoni għal litigazzjoni attwali iżda sabiex jevita li tinbeda litigazzjoni?

Ir-risposta għat-tmien jew id-disa’ domanda tkun differenti jekk:

a) id-detentur tal-privattiva jsegwi strateġija li jidħol f’diversi ftehimiet bħal dawn sabiex jipprekludi r-riskju ta’ dħul mingħajr restrizzjoni ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi; u

b) il-konsegwenza tal-ewwel ftehim bħal dan hija li minħabba l-istruttura tal-arranġamenti nazzjonali għar-rimbors mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika lill-ispiżeriji tal-ispejjeż tagħhom sabiex jixtru l-prodotti farmaċewtiċi, il-livell ta’ rimbors għall-prodotti farmaċewtiku inkwistjoni jitnaqqas, bi ffrankar sostanzjali għall-awtoritajiet tas-saħħa pubblika (għalkemm dan huwa ffrankar li huwa ferm inqas minn dak li kien jirriżulta minn dħul ta’ prodott mediċinali ġeneriku indipendenti wara eżitu pożittiv għall-kumpannija ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi fil-litigazzjoni dwar il-privattivi); u

c) dan l-iffrankar ma kienx il-motiv tal-partijiet meta daħlu f’xi wieħed mill-ftehimiet?

____________