KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fit-2 ta’ Ottubru 2012 (1)
Kawża C‑399/11
Proċeduri kriminali
kontra
Stefano Melloni
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Constitucional (Spanja)]
“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma dehritx personalment – Eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija in absentia – Possibbiltà ta’ reviżjoni tas-sentenza – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 53”
1. Dan ir-rinviju preliminari jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta u, jekk ikun il-każ, tevalwa l-validità tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (3), [li ssaħħaħ] id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża. Dan jitlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara, għall-ewwel darba, il-portata tal-Artikolu 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
2. Din il-kawża hija eżempju tajjeb tal-mod li bih għandha titfassal il-koeżistenza tad-diversi strumenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Hija toriġina minn ġurisprudenza tat-Tribunal Constitucional (Spanja) li tistabbilixxi li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li jinħareġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza in absentia għandha dejjem tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tingħata l-opportunità tgawdi minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti. Madankollu, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi, b’mod partikolari, li, meta tali persuna kienet taf bil-kawża skedata u hija tkun tat mandat lil konsulent legali sabiex jirrapreżentaha u jiddefendiha f’dik il-kawża, il-konsenja ma tistax tkun suġġetta għal kundizzjoni ta’ dan it-tip.
3. Bit-tliet domandi li huwa ddeċieda li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tribunal Constitucional jitlobha sabiex tevalwa l-modi differenti li jistgħu jippermettulu li jżomm il-ġurisprudenza tiegħu, inkluż fl-ambitu tal-implementazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas. Għandhom għalhekk jiġu esplorati diversi toroq.
4. Għalhekk, tista’ l-applikazzjoni ġenerali tal-kundizzjoni li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza in absentia tirrikjedi li l-persuna kkonċernata tingħata l-opportunità tgawdi minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti tirriżulta minn interpretazzjoni tal-kliem, tal-istruttura u tal-għanijiet tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas?
5. Jekk dan ma huwiex il-każ, dan l-artikolu huwa kompatibbli mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta, li jiggarantixxu lill-akkużat, rispettivament, id-dritt għal smigħ xieraq u r-rispett tad-drittijiet tad-difiża? Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni għandu jagħti lil dawn id-drittijiet fundamentali protezzjoni iktar wiesgħa meta mqabbla mal-livell ta’ protezzjoni li huwa ggarantit lilhom mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”)?
6. Fil-każ li l-eżami tal-ewwel żewġ domandi juri li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas, meta kkonfrontat mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta, jipprekludi li t-Tribunal Constitucional iżomm il-ġurisprudenza fil-qasam tal-mandat ta’ arrest Ewropew, l-Artikolu 53 tal-Karta jagħtih tali possibbiltà?
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt primarju tal-Unjoni
7. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li:
“Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna ghandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.”
8. Skont l-Artikolu 48(2) tal-Karta:
“Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.”
9. Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta:
“Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”
10. L-Artikolu 53 tal-Karta jipprovdi kif ġej:
“Xejn f’din il-Karta m’għandu jiġi interpretat bħala li jillimita jew li jolqot b’mod negattiv id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom, mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġi internazzjonali u mill-konvenzjonijiet internazzjonali li fihom l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha huma parti, b’mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u mill-kostituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri.”
B – Id-dritt sussidjarju tal-Unjoni
11. L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi:
“[...]
2. L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-priċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni [Qafas].
3. Din id-Deċiżjoni [Qafas] m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu ta’ rispett lejn id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif affermati fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”
12. Skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584:
“L-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’, mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:
1) fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew inħareġ għall-finijiet ta’ l-eżekuzzjoni ta’ piena jew ordni ta’ detenzjoni imposta minn deċiżjoni mogħtija in absentia u jekk il-persuna kkonċernata ma ġietx imħarrka personalment jew infurmata b’mod ieħor bid-data u l-post tas-smigħ li wasslet għad-deċiżjoni mogħtija in absentia, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tagħti assigurazzjoni kkunsidrata adatta biex tiggarantixxi li l-persuna soġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew ikollha opportunità biex tapplika għal kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti u li tkun preżenti għas-sentenza;
[...]”
13. Skont l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299:
“L-Artikolu 5(1) [tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584] huwa mħassar.”
14. Minflok din id-dispożizzjoni mħassra, l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 jintroduċi l-Artikolu 4a fid-Deċiżjoni [Qafas] 2002/584.
15. Kif jindika l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, din għandha l-għan “li jissaħħu d-drittijiet proċedurali ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, li tiffaċilita l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u, b’mod partikolari, li ttejjeb ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri ”.
16. L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 jipprovdi, barra minn hekk, li “[d]in id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif proklamati fl-Artikolu 6 tat-Trattat, inkluż id-dritt ta’ difiża ta’ persuni soġġetti għal proċedimenti kriminali, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward m’għandux jiġi milqut”.
17. L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas huwa redatt kif ġej:
“1. L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti:
a) fi żmien debitu,
i) jew kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni, jew b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata;
u
ii) kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża;
jew
b) konxja mill-kawża skedata, kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna konċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża;
jew
ċ) wara li kienet innotifikata bid-deċiżjoni u kienet infurmata espressament dwar id-dritt għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermetti li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali;
i) iddikjarat espressament li hija ma kkontestatx id-deċiżjoni;
jew
ii) ma talbitx kawża mill-ġdid jew appell fil-perijodu ta’ żmien applikabbli;
jew
d) ma kinitx notifikata personalment bid-deċiżjoni iżda:
i) ser tkun innotifikata personalment biha mingħajr dewmien wara ċ-ċediment u ser tkun infurmata espressament dwar id-dritt tiegħu jew tagħha għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermettu li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali;
u
ii) ser tkun infurmata bil-perijodu taż-żmien li fih hija għandha titlob din il-kawża mill-ġdid jew l-appell, kif imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew rilevanti.
[...]”
II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
18. B’digriet tal-1 ta’ Ottubru 1996, l-ewwel sezzjoni tas-Sala de lo Penal de la Audiencia Nacional (Awla Kriminali tal-Qorti Nazzjonali) (Spanja) iddikjarat li kienet iġġustifikata l-estradizzjoni lejn l-Italja ta’ S. Melloni (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”), sabiex huwa jkun iġġudikat fuq il-fatti elenkati fil-Mandati ta’ Arrest Nri 554/1993 u 444/1993, maħruġa rispettivament fit-13 ta’ Mejju u l-15 ta’ Ġunju 1993 mit-Tribunale di Ferrara (l-Italja). Wara li ngħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest kontra garanzija ta’ ESP 5 000 000, li huwa ħallas l-għada, ir-rikorrent ħarab, u għalhekk huwa ma setax jiġi kkonsenjat lill-awtoritajiet Taljani.
19. B’deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 1997, it-Tribunale di Ferrara kkonstata li r-rikorrent kien naqas milli jidher quddiemu u ddeċieda li minn dakinhar in-notifiki kellhom jintbagħtu lill-avukati li kienu ġew inkarigati u li kienu diġà indikati minnu. B’sentenza tat-Tribunale di Ferrara tal-21 ta’ Ġunju 2000, ikkonfermata, iktar tard, b’sentenza tal-Corte d’appello ta’ Bologna (l-Italja) tal-14 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrent kien ġie kkundannat in absentia għal piena ta’ għaxar snin priġunerija għal falliment frawdolenti. B’deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2004, il-Ħames Awla Kriminali tal-Corte suprema di cassazione (l-Italja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-avukati tar-rikorrent. Fit-8 ta’ Ġunju 2004, il-Prokuratur Ġenerali tar-Repubblika fil-Corte d’appello di Bologna ħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew Nru 271/2004 għall-eżekuzzjoni tal-kundanna ppronunzjata mit-Tribunale di Ferrara.
20. Wara l-arrest tar-rikorrent mill-pulizija Spanjola, il-Juzgado Central de Instrucción Nru 6 (Spanja) iddeċieda, b’digriet tat-2 ta’ Awwissu 2008, li jressaq quddiem l-Ewwel Sezzjoni tas-Sala de lo Penal de la Audiencia Nacional il-mandat ta’ arrest Ewropew Nru 271/2004.
21. Ir-rikorrent oppona l-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet Taljani, billi argumenta, fl-ewwel lok, li, waqt l-istadju ta’ appell, huwa ħatar avukat ieħor u ħassar il-ħatra tat-tnejn l-oħra preċedenti, u minkejja dan in-notifiki baqgħu jintbagħtu lil dawn it-tnejn. Fit-tieni lok, huwa ddikjara li d-dritt proċedurali Taljan ma jipprovdix għall-possibbiltà li tiġi ppreżentata azzjoni kontra l-kundanni mogħtija in absentia u li l-mandat ta’ arrest Ewropew kellu għalhekk, jekk ikun il-każ, jiġi ssuġġettat għall-kundizzjoni li r-Repubblika Taljana tiggarantixxi l-possibbiltà li tittressaq azzjoni kontra s-sentenza.
22. B’digriet tat-12 ta’ Settembru 2008, l-Ewwel Sezzjoni tas-Sala de lo Penal de la Audiencia Nacional iddeċidiet li tikkonsenja lir-rikorrent lill-awtoritajiet Taljani għall-eżekuzzjoni tal-kundanna li kienet ġiet imposta fuqu mit-Tribunale di Ferrara minħabba li huwa kien ħati ta’ falliment frawdolenti, billi qieset li ma kienx ġie ppruvat li l-avukati indikati mir-rikorrent ma kinux baqgħu jirrapreżentawh wara l-2001 u kkunsidrat li d-drittijiet tad-difiża tiegħu kienu ġew irrispettati, peress li huwa kien jaf minn qabel bil-kawża u peress li huwa naqas volontarjament milli jidher quddiem il-qorti u ħatar avukati sabiex jirrapreżentawh u jiddefenduh, u dawn intervjenew f’din il-kwalità fl-ewwel istanza, fl-appell u fil-kassazzjoni, u b’hekk eżawrixxew ir-rimedji.
23. Ir-rikorrent ippreżenta, quddiem it-Tribunal Constitucional, “recurso de amparo” (4) kontra d-digriet tal-Ewwel Sezzjoni tas-Sala de lo Penal de la Audiencia Nacional tat-12 ta’ Settembru 2008. Insostenn ta’ dak ir-rikors, huwa allega ksur tar-rekwiżiti assoluti li jitnisslu mid-dritt għal smigħ xieraq iddikjarat fl-Artikolu 24(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola. Fil-fatt, kien hemm ksur tal-kontenut essenzjali ta’ smigħ xieraq b’mod li saret ħsara lid-dinjità umana, bħala riżultat tal-aċċettazzjoni tal-konsenja lil Stati li, f’każ ta’ reat gravi ħafna, jawtorizzaw validament il-kundanni in absentia, mingħajr ma jissuġġettaw il-konsenja tal-persuna kkonċernata għall-kundizzjoni li din tkun tista’ tikkontesta l-kundanni sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tad-difiża tagħha. Ir-rikorrent argumenta wkoll li r-rikors tiegħu kien ta’ importanza partikolari mill-perspettiva kostituzzjonali għaliex id-digriet tat-12 ta’ Settembru 2008 injora l-ġurisprudenza stabbilita tat-Tribunal Constitucional fis-sens li, f’każ ta’ kundanni għal reati gravi mogħtija in absentia kontra l-akkużat, il-konsenja tal-ikkundannat għandha tkun suġġetta għall-possibbiltà ta’ reviżjoni tas-sentenza (5).
24. B’digriet tat-18 ta’ Settembru 2008, l-Ewwel Awla tat-Tribunal Constitucional aċċettat l-ammissibbilità tar-“recurso de amparo” u ddeċidiet li tissospendi l-eżekuzzjoni tad-digriet tat-12 ta’ Settembru 2008. B’digriet tal-1 ta’ Marzu 2011, l-Assemblea Plenari tat-Tribunal Constitucional iddeċidiet, fuq suġġeriment tal-Ewwel Awla tiegħu, li teżamina hija stess ir-“recurso de amparo”.
25. Il-qorti tar-rinviju tinnota li għarfet, fis-sentenza tagħha 91/2000, tat-30 ta’ Marzu 2000, iċċitata iktar ’il fuq, li l-kontenut obbligatorju tad-drittijiet fundamentali huwa iktar ridott meta huma maħsuba ad extra, jiġifieri f’kuntest transnazzjonali, billi huma r-rekwiżiti l-iktar bażiċi u l-iktar elementari li jistgħu jkunu marbuta mal-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni Spanjola u jagħtu lok għall-identifikazzjoni ta’ antikostituzzjonalità “indiretta”. Minkejja dan, tikkostitwixxi ksur “indirett” tar-rekwiżiti tad-dritt għal smigħ xieraq, billi twassal għal ksur tal-kontenut essenzjali ta’ tali smigħ b’mod li tiċħad id-dinjità umana, id-deċiżjoni tal-qrati Spanjoli li jaċċettaw l-estradizzjoni lejn Stati li, f’każ ta’ reat gravi ħafna, jawtorizzaw validament il-kundanni in absentia mingħajr ma jissuġġettaw il-konsenja tal-persuna kkonċernata għall-kundizzjoni li din tkun tista’ tikkontesta dawn il-kundanni sabiex jiġu ssalvagwardati d-drittijiet tad-difiża tagħha.
26. Il-qorti tar-rinviju tfakkar ukoll li din il-ġurisprudenza hija applikabbli wkoll fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsenja introdotta bid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għal żewġ raġunijiet, jiġifieri li l-kundizzjoni imposta fuq il-konsenja ta’ persuna kkonċernata hija inerenti għall-kontenut essenzjali tad-dritt kostituzzjonali għal smigħ xieraq u li l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kien jipprovdi għall-possibbiltà li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ kundanna mogħtija in absentia tkun suġġetta “mil-liġi tal-Istat Membru li jeżegwixxi”, inter alia, għall-kundizzjoni li “l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat tagħti assigurazzjoni kkunsidrata suffiċjenti biex tiggarantixxi lil persuna suġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew li tingħata l-possibbiltà li titlob kawża mill-ġdid li tiggarantixxi d-drittijiet ta’ difiża tagħha fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat u li tkun iġġudikata fil-preżenza tagħha” (sentenza tat-Tribunal Constitucional 177/2006, iċċitata iktar ’il fuq).
27. Il-qorti tar-rinviju tfakkar, fl-aħħar nett, li, fis-sentenza tagħha 199/2009, tat-28 ta’ Settembru 2009, hija kienet laqgħet ir-“recurso de amparo” dirett kontra digriet li bih l-Audiencia Nacional kienet qablet mal-konsenja tal-persuna kkonċernata lejn ir-Rumanija, bħala eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-iskopijiet tal-eżekuzzjoni ta’ kundanna għal erba’ snin ħabs mogħtija in absentia, mingħajr ma jissemma r-rekwiżit li l-kundanna inkwistjoni tkun tista’ tiġi riveduta. Għal dan l-għan, it-Tribunal Constitucional kien ċaħad l-argumenti tal-Audiencia Nacional fis-sens li l-kundanna ma kinitx verament ingħatat in absentia, ladarba l-persuna kkonċernata kienet tat mandat lil avukat li kien deher fil-proċedura bħala d-difensur speċjali tiegħu.
28. Skont it-Tribunal Constitucional, id-diffikultà ġejja mill-fatt li d-Deċiżjoni Qafas 2009/299 ħassret il-punt 1 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u introduċiet Artikolu 4a ġdid. Imma, l-imsemmi Artikolu 4a jipprekludi li “l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni [tiġi miċħuda] jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” meta l-persuna kkonċernata, “konxja mill-kawża skedata, kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna konċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża”. Kif il-qorti tar-rinviju tinnota, fil-kawża li wasslet għal din il-proċedura ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità jirriżulta li r-rikorrent kien ta mandat lil żewġ avukati li kellu fiduċja fihom, li lilhom it-Tribunale di Ferrara kien innotifika ż-żamma futura tal-kawża, b’mod li huwa kien jaf biha. Ġara wkoll li r-rikorrent kien effettivament difiż minn dawn iż-żewġ avukati kemm fil-kawża mismugħa fil-prim’istanza kif ukoll fl-azzjonijiet sussegwenti mismugħa fl-appell u fil-kassazzjoni.
29. Għall-qorti tar-rinviju, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk id-Deċiżjoni Qafas tipprojbixxix lill-qrati Spanjoli milli jissuġġettaw il-konsenja tar-rikorrent għall-possibbiltà li l-kundanna inkwistjoni tkun tista’ tiġi riveduta.
30. F’dan il-punt, it-Tribunal Constitucional jiċħad l-argument tal-Ministerio Fiscal li ma huwiex neċessarju li huwa jipproċedi għal rinviju preliminari għaliex id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 hija inapplikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, is-suġġett tal-kawża prinċipali ma huwiex dak li jiġi ddeterminat jekk id-digriet tat-12 ta’ Settembru 2008 kienx injora d-Deċiżjoni Qafas 2009/299, imma jekk dan kisirx indirettament id-dritt għal smigħ xieraq protett mill-Artikolu 24(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola. Issa, id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ dan id-dritt li jipproduċi effetti ad extra, għaliex din tikkostitwixxi d-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-mument tal-istħarriġ tal-kostituzzjonalità. It-teħid tagħha inkunsiderazzjoni huwa għalhekk impost mill-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali mad-Deċiżjonijiet Qafas (6).
31. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-Tribunal Constitucional iddeċieda, fid-9 ta’ Ġunju 2011, li jissospendi s-smigħ tar-“recurso de amparo” u li jirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ li tirriżulta mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, fl-ipoteżi indikati fl-imsemmija dispożizzjoni, milli jissuġġettaw l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-kundizzjoni li l-kundanna inkwistjoni tkun tista’ tiġi mistħarrġa sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet ta’ difiża tal-persuna kkonċernata?
2) Fil-każ fejn ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/1/ĠAI huwa kumpatibbli mal-eżiġenzi li jirriżultaw mid-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-Artikolu 48(2) tal-imsemmija Karta?
3) Fil-każ fejn ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 53 tal-Karta, interpretat b’mod sistematiku flimkien mad-drittijiet rikonoxxuti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, jippermetti li Stat Membru jissuġġetta l-konsenja ta’ persuna kkundannata in absentia għall-kundizzjoni li l-kundanna tkun tista’ tiġi mistħarrġa fl-Istat li jagħmel id-domanda, u b’hekk jagħti lil dawn id-drittijiet livell ta’ protezzjoni iktar għoli minn dak li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, sabiex tiġi evitata interpretazzjoni limitanti jew li timmina dritt fundamentali rrikonoxxut mill-Kostituzzjoni ta’ dan l-Istat Membru?”
32. Il-Ministerio Fiscal, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Taljan, il-Gvern Olandiż, il-Gvern Awstrijakk, il-Gvern Pollakk, il-Gvern Portugiż, u l-Gvern tar-Renju Unit, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-kuntest ta’ din il-proċedura.
33. Ir-rikorrent, il-Ministerio Fiscal, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Olandiż, il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni ssottomettew l-osservazzjonijiet verbali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fit-3 ta’ Lulju 2012.
III – Analiżi tiegħi
34. Qabel ma neżamina dawn it-tliet domandi, irrid nirrispondi għall-argumenti mqajma mill-Ministerio Fiscal, mill-Gvern Belġjan, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kunsill li sostnew li din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies li hija inammissibbli.
A – Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
35. Żewġ argumenti prinċipali ġew invokati insostenn tal-inammissibbiltà ta’ dan ir-rinviju preliminari.
36. Fl-ewwel lok, id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 hija inapplikabbli ratione temporis għall-proċedura ta’ konsenja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni, fil-kuntest ta’ din il-kawża, biex tinterpretaha u tevalwa l-validità tagħha. Fil-fatt, kemm id-data li fiha l-mandat ta’ arrest Ewropew Nru 271/2004 inħareġ (it-8 ta’ Ġunju 2004) kif ukoll dik li fiha l-Audiencia Nacional iddeċidiet li tikkonsenja lir-rikorrent lill-awtoritajiet Taljani (it-12 ta’ Settembru 2008) jippreċedu d-data li fiha d-Deċiżjoni Qafas 2009/299 ġiet adottata.
37. Fit-tieni lok, il-fatt li r-Repubblika Taljana użat l-għażla mogħtija bl-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 li tipposponi sal-1 ta’ Jannar 2014 l-applikazzjoni tagħha għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna kkonċernata waqt il-kawża mill-awtoritajiet kompetenti Taljani (7) jimmilita favur in-natura ipotetika tad-domandi li saru, peress li risposta għalihom tkun mingħajr ebda utilità għar-riżoluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali.
38. Infakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi eskluża biss f’każijiet eċċezzjonali, meta jkun manifestament ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kkunsidrati f’dawn id-domandi ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula. Ħlief f’dawn il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, tiddeċiedi fuq id-domandi preliminari li jsirulha (8).
39. Hawnhekk ma ninsabu kkonfrontati b’ebda wieħed mill-każijiet li jistgħu, eċċezzjonalment, jiġġustifikaw l-inammissibbiltà ta’ rinviju preliminari.
40. Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitwarrab l-ewwel argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà ratione temporis tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 għall-proċedura ta’ konsenja inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
41. Jirriżulta, fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 li din “għandha tapplika mit-[28 ta’ Marzu 2011] għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata waqt il-kawża”. Din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li, b’effett mit-28 ta’ Marzu 2011, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija fin-nuqqas tal-persuna kkonċernata waqt il-kawża, kemm jekk dawn id-deċiżjonijiet jippreċedu din id-data kif ukoll jew jingħataw wara din id-data, hija għandha tapplika d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299.
42. Tali soluzzjoni hija koerenti mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li r-regoli tal-proċedura huma ġeneralment meqjusa applikabbli għall-kawżi kollha pendenti fid-data li fiha dawn jidħlu fis-seħħ, għall-kuntrarju tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom (9).
43. Ladarba l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas jillimita ruħu sabiex jiffissa l-kundizzjonijiet li taħthom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment ma għandhomx jiġu rrifjutati, hemm lok li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 4a jiġu kkunsidrati bħala regoli ta’ proċedura (10).
44. L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas huwa għalhekk invokat tajjeb sabiex japplika għall-proċedura ta’ konsenja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għadha pendenti.
45. Rigward id-dikjarazzjoni li biha r-Repubblika Taljana pprevalixxiet ruħha mill-possibbiltà offruta mill-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 li tipposponi, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2014, l-applikazzjoni tiegħu għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna kkonċernata waqt il-kawża mill-awtoritajiet kompetenti Taljani, ma naħsibx li din hija ta’ natura li twassal għall-inammissibbiltà ta’ dan ir-rinviju preliminari għar-raġuni li minnha nnifisha din tirrendi inutli risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirriżolvi l-kwistjoni fil-kawża prinċipali.
46. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas huwa applikabbli, mill-perspettiva fattwali, sabiex jirregola t-tip ta’ sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, id-data tal-1 ta’ Jannar 2014 tikkostitwixxi t-terminu massimu u xejn ma jżomm lir-Repubblika Taljana milli tagħżel data iktar viċina, jew anki tirtira d-dikjarazzjoni tagħha.
47. Huwa ċert għalhekk li risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi li saru mit-Tribunal Constitucional ser tippreżenta, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2014, utilità sabiex tippermetti mhux biss lit-Tribunal Constitucional li jiddeċiedi fuq ir-“recurso de amparo” li hemm quddiemu, imma wkoll lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tiddeċiedi fuq il-proċedura ta’ konsenja.
48. In-natura partikolari tar-“recurso de amparo” li hemm quddiem it-Tribunal Constitucional timmilita wkoll favur l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rinviju. Fil-fatt, b’dan ir-rikors, dik il-qorti għandha tidħol fi stħarriġ tal-kostituzzjonalità fejn għandha neċessarjament tieħu kont tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-Karta, kif jimponi l-Artikolu 10(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola. Kif it-Tribunal Constitucional jippreċiża fid-deċiżjoni tiegħu ta’ rinviju, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huwa indispensabbli sabiex jiddetermina l-kontenut protett kostituzzjonalment tad-dritt għal smigħ xieraq (11).
49. L-istħarriġ li għandu jwettaq it-Tribunal Constitucional huwa paragunabbli ma’ dak li fih qorti kostituzzjonali tista’ tagħmel fil-kuntest ta’ stħarriġ a priori tal-kostituzzjonalità ta’ liġi ta’ traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299. Imma, jekk, sabiex twettaq tali stħarriġ sewwa, dik il-qorti tiġi biex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ din id-deċiżjoni qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja probabbilment taċċetta li tirrispondi anki jekk it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas ikun għadu ma skadiex (12).
50. Peress li dan ir-rinviju preliminari għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli, sejjer neżamina suċċessivament it-tliet domandi li saru mit-Tribunal Constitucional.
B – Fuq l-ewwel domanda
51. Bl-ewwel domanda tiegħu, it-Tribunal Constitucional jixtieq ikun jaf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4a(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprojbixxi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli tissuġġetta, fil-każijiet li jissemmew f’din id-dispożizzjoni, l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-kundizzjoni li l-persuna li tkun is-suġġett tiegħu tingħata l-opportunità tgawdi minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti.
52. It-Tribunal Constitucional jesponi bil-mod li ġej id-dubji li huwa għandu dwar ir-risposta li għandha tingħata lil din id-domanda. Fl-ewwel lok, skont huwa, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas jista’ jiġi interpretat b’mod litterali bħala li jipprojbixxi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, imma mhux neċessarjament milli tissuġġettah għal kundizzjonijiet, bħalma hija l-possibbiltà ta’ kawża mill-ġdid. Fit-tieni lok, anki jekk tali interpretazzjoni litterali għandha tiġi miċħuda, l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas jista’ jwassal għal tali riżultat.
53. Ma naqbilx mad-dubji espressi mit-Tribunal Constitucional dwar it-tifsira li għandha tingħata lill-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas. Fil-fatt, l-eżami tal-kliem, tal-istruttura u tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni juri li, fil-każijiet imsemmija hemmhekk, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tissuġġetta b’mod ġenerali l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-kundizzjoni li l-persuna li hija s-suġġett tiegħu tingħata l-opportunità tgawdi minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti.
54. Jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas li dan jipprevedi raġuni fakultattiva ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ garanzija li tiċħad il-libertà, jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment għall-proċedura li wasslet għal din id-deċiżjoni. Din l-għażla hija suġġetta għal erba’ eċċezzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija mċaħħda mill-possibbiltà li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni.
55. Kif tindika l-premessa Nru 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq “[jistabbilixxi] kondizzjonijiet li taħthom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx pesonalment, m’għandhomx jiġu miċħuda. Dawn huma kondizzjonijiet alternattivi; meta tiġi sodisfatta waħda mill-kondizzjonijiet, l-awtorità emittenti, billi timla t-taqsima korrispondenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew [...] tagħti l-assigurazzjoni li l-ħtiġiet kienu jew ser jiġu sodisfatti, li għandu jkun biżżejjed għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku”.
56. Il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas jistgħu jiġu kklassifikati f’żewġ kategoriji.
57. L-ewwel kategorija tinkludi l-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni. Jirriżulta minnha li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew kemm meta l-persuna kkonċernata kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant informata bid-data u l-post skedati għas-smigħ tal-kawża tagħha u kienet informata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża, kif ukoll meta l-persuna kkonċernata, konxja mill-kawża skedata, kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna kkonċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża.
58. Fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-fatti tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali li tirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju, is-sitwazzjoni tar-rikorrent tikkorrispondi b’mod speċifiku għall-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 4a(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas. Infakkar, fil-fatt, li r-rikorrent kien ta mandat lil żewġ avukati li kellu fiduċja fihom, li lilhom it-Tribunale di Ferrara kien innotifika ż-żamma futura tal-kawża, b’mod li huwa kien jaf biha. Huwa stabbilit ukoll li r-rikorrent kien ġie effettivament difiż minn dawn iż-żewġ avukati kemm fil-kawża mismugħa fil-prim’istanza kif ukoll fl-azzjonijiet sussegwenti mismugħa fl-appell u fil-kassazzjoni.
59. Mill-qari tal-Artikolu 4a(1)(a) u (b), tad-Deċiżjoni Qafas, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-kliem ta’ dawn iż-żewġ punti ma jsemmi mkien r-rekwiżit li l-persuna kkonċernata tingħata l-opportunità, f’dan il-każ, li titlob kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti.
60. Eżami tad-dispożizzjonijiet kollha tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas juri li l-każ imsemmi fil-punti (ċ) u (d) ta’ din id-dispożizzjoni, li jikkostitwixxu t-tieni kategorija, huma, fil-verità, l-uniċi li fihom il-persuna kkonċernata tista’ tgawdi d-dritt għal kawża mill-ġdid.
61. Il-mod li bih il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jifhem dawn il-każijiet huwa differenti ħafna mil-loġika li hemm wara l-punt 1 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Infakkar li din id-dispożizzjoni tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tissuġġetta l-konsenja għall-kundizzjoni li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tagħti assigurazzjonijiet li jitqiesu suffiċjenti sabiex jiggarantixxu li l-persuna suġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew ikollha l-possibbiltà li titlob kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti u li tiġi ġġudikata fil-preżenza tagħha. Hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tevalwa jekk dawn l-assigurazzjonijiet humiex suffiċjenti.
62. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 4a(1)(ċ) u (d) tad-Deċiżjoni Qafas ineħħi l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li għandha tistrieħ fuq l-informazzjoni li tinsab fil-mandat ta’ arrest Ewropew. L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija għalhekk marbuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew meta dan jindika, essenzjalment, li l-persuna kkonċernata, wara li tkun ġiet innotifikata bid-deċiżjoni u wara li tkun ġiet espressament informata bid-dritt tagħha għal kawża mill-ġdid, indikat espressament li hija ma tikkontestax id-deċiżjoni jew ma talbitx kawża mill-ġdid fit-terminu mogħti, jew li l-persuna kkonċernata ma kinitx innotifikata personalment bid-deċiżjoni, imma tkun ser tiġi nnotifikata mingħajr dewmien wara l-konsenja u tkun ser tiġi espressament informata bid-dritt tagħha għal kawża mill-ġdid kif ukoll bit-terminu li fih hija għandha titlob tali kawża.
63. L-istruttura tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas juri għalhekk li l-punti (ċ) u (d) ta’ din id-dispożizzjoni huma l-uniċi li jittrattaw l-ipoteżi li fiha l-persuna kkonċernata tista’ titlob kawża mill-ġdid u li, għall-kuntrarju, il-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni jelenkaw il-każijiet li fihom il-persuna kkonċernata ma tistax titlob tali dritt. Jeħtieġ jiġi nnotat li, fejn jikkonċerna dawn l-aħħar żewġ punti, il-pożizzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija iktar preċiża, imma ma hijiex fundamentalment differenti minn dik prevalenti fil-kuntest tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-fatt, qari a contrario ta’ din id-dispożizzjoni juri li hija kienet diġà teskludi l-possibbiltà li l-konsenja tiġi assuġġettata għall-eżistenza ta’ kawża ġdida fil-każ fejn il-persuna kkonċernata tkun ġiet ikkonvokata personalment jew mod ieħor informata bid-data u l-post tas-smigħ li wasslu għad-deċiżjoni mogħtija in absentia.
64. Fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien, essenzjalment, ikkonferma li, meta l-persuna kkonċernata kienet taf bil-kawża skedata u li hija kienet ġiet informata li deċiżjoni setgħet tingħata jekk hija tonqos milli tidher jew fejn, konxja mill-kawża skedata, kienet tat mandat lil konsulent legali biex jiddefendiha fil-kawża, din il-persuna għandha tiġi kkunsidrata li kienet irrinunzjat li tidher fil-kawża tagħha, b’mod li hija ma tistax tipprevalixxi ruħha mid-dritt għal kawża mill-ġdid.
65. Il-fatt li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni titħalla b’mod ġenerali tissuġġetta, f’dan il-każ, il-konsenja tal-persuna kkonċernata għall-possibbiltà ta’ kawża mill-ġdid iwassal sabiex tiżdied raġuni oħra li tista’ twassal għal rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Dan imur kontra l-volontà espressa b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprovdi b’mod eżawrjenti, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, il-każijiet li fihom għandu jiġi kkunsidrat li d-drittijiet proċedurali ta’ persuna li ma tkunx dehret personalment għall-kawża tagħha ma jkunux ġew miksura u li l-mandat ta’ arrest Ewropew għandu għalhekk jiġi eżegwit.
66. L-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, meta huwa adotta l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas, jikkonfermaw li huwa ma riedx iħalli lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni l-possibbiltà li jissuġġettaw l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għall-kundizzjoni li l-persuna suġġetta għalih tingħata l-opportunità li tibbenefika minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti.
67. Billi adotta d-Deċiżjoni Qafas 2009/299, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirrimedja għan-nuqqasijiet tal-iskema stabbilita bil-punt 1 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u jipperfezzjonaha, b’mod li jwassal għal bilanċ aħjar bejn l-għan li jiġu rrinforzati d-drittijiet proċedurali tal-persuni suġġetti għal proċedura kriminali u l-għan li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali, b’mod partikolari billi jittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri (13).
68. Kif tindika l-premessa Nru 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, il-leġiżlatur tal-Unjoni telaq mill-kostatazzjoni li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fil-verżjoni preċedenti tagħha, kienet tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, “lill-awtorità tal-eżekuzzjoni li titlob lill-awtorità emittenti sabiex tagħti assigurazzjoni meqjusa xierqa sabiex tiggarantixxi lill-persuna suġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew li hi ser ikollha opportunità sabiex tapplika għal kawża mill-ġdid tal-każ fl-Istat Membru emittent u li tkun preżenti meta tingħata s-sentenza”. Il-leġiżlatur tal-Unjoni josserva li, fil-kuntest ta’ din l-iskema, “[h]ija l-awtorità tal-eżekuzzjoni li għandha tiddeċiedi dwar il-kwisjoni kemm tali assigurazzjoni hi adegwata u għalhekk hu diffiċli li wieħed ikun jaf bl-eżatt meta l-eżekuzzjoni tistà tiġi miċħuda”.
69. Rinfaċċat b’dawn l-inċertezzi li kienu kapaċi li jirriduċu l-effikaċja tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija in absentia, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien neċessarju “li jingħataw raġunijiet ċari u komuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx personalment” (14). Id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 taħseb, għalhekk, “li tirraffina d-definizzjoni ta’ tali raġunijiet komuni li jippermettu lill-awtorità tal-eżekuzzjoni tesegwixxi d-deċiżjoni minkejja l-assenza tal-persuna fil-kawża, filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt ta’ difiża tal-persuna” (15).
70. Dawn l-indikazzjonijiet juru li, meta neħħa l-possibbiltà ta’ konsenja kundizzjonali msemmi fil-punt 1 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried itejjeb ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija in absentia filwaqt li jirrinforza d-drittijiet proċedurali tal-persuni. Is-soluzzjoni li huwa għażel, konsistenti fil-fatt li jipprovdi b’mod eżawrjenti l-każijiet li fihom l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija in absentia għandha tiġi kkunsidrata li ma tiksirx id-drittijiet tad-difiża, hija inkompatibbli maż-żamma ta’ possibbiltà għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tissuġġetta din l-eżekuzzjoni għall-kundizzjoni li l-kundanna inkwistjoni tkun tista’ tiġi riveduta bl-għan li tiggarantixxi d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata.
71. Fid-deċiżjoni tiegħu ta’ rinviju, it-Tribunal Constitucional isemmi l-idea li l-Artikoli 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 jistgħu jippermettu li tinżamm tali possibbiltà.
72. Infakkar li jirriżulta minn dawn iż-żewġ artikoli, b’kontenut sostanzjalment identiku, li dawn id-deċiżjonijiet qafas ma għandhomx l-effett li jimmodifikaw l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji ġuridiċi fundamentali kif ikkonfermati bl-Artikolu 6 TUE, li minnhom jifforma parti d-dritt tad-difiża tal-persuni suġġetti għal proċedura kriminali. It-teżi tal-qorti tar-rinviju twassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali jista’ jippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni li jirrifjutaw milli jeżegwixxu l-mandat ta’ arrest Ewropew, u dan ukoll fl-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas, meta l-persuna kkonċernata ma għandhiex l-opportunità ta’ kawża mill-ġdid. Din it-teżi twassal, fil-verità, għal dubju fir-rigward tal-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għaliex din id-dispożizzjoni toffri protezzjoni insuffiċjenti lid-dritt għal smigħ xieraq u lid-drittijiet tad-difiża, li huma s-suġġett tat-tieni domanda.
C – Fuq it-tieni domanda
73. Bit-tieni domanda tiegħu, it-Tribunal Constitucional jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas huwiex kompatibbli mar-rekwiżiti li jitnisslu mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta.
74. Skont l-ispjegazzjonijiet marbuta ma’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet (16) tal-aħħar, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB u l-Artikolu 48(2) tal-Karta jikkorrispondi b’mod iktar partikolari għall-Artikolu 6(3) tal-KEDB. Bis-saħħa tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn din tinkludi drittijiet korrispondenti għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-ambitu tagħhom għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti minn din il-konvenzjoni, filwaqt li dik id-dispożizzjoni ma żżommx lid-dritt tal-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni iktar estensiva. Sejjer neżamina għalhekk il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-garanziji li għandhom jakkumpanjaw is-sentenzi mogħtija in absentia, qabel ma nivverifika jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jew le jagħti lil dan il-qasam protezzjoni iktar estensiva.
75. Il-prinċipji ġenerali fil-qasam ta’ sentenzi mogħtija in absentia kienu ġew sintetizzati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tagħha Sejdovic vs L-Italja tal-1 ta’ Marzu 2006 (17) u reċentement ikkonfermati fis-sentenzi Haralampiev vs Il-Bulgarija tal-24 ta’ April 2012 u Idalov vs Ir-Russja tat-22 ta’ Mejju 2012.
76. Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, “il-fakultà tal-akkużat li jieħu parti fis-seduta titnissel mis-suġġett u mill-għan tat-totalità tal-Artikolu [6 tal-KEDB]” (18). Hija tqis li, “[j]ekk proċedura li titmexxa fl-assenza tal-akkużat ma hijiex fiha nnifisha inkompatibbli mal-Artikolu 6 tal-[KEDB], xorta jibqa’ l-fatt li sseħħ ċaħda tal-ġustizzja meta individwu kkundannat in abstentia ma jkunx jista’ jitlob sussegwentement li qorti tiddeċiedi mill-ġdid, wara li jkun instema’, fuq il-mertu tal-akkuża kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt, meta ma jkunx stabbilit li huwa rrinunzja għad-dritt tiegħu li jidher u jiddefendi ruħu […] jew meta jkun hemm l-intenzjoni li jaħrab mill-ġustizzja” (19).
77. Barra minn hekk, dik il-Qorti tikkunsidra li “l-obbligu li jiġi ggarantit lill-akkużat id-dritt li jkun preżenti fl-awla tas-smigħ – kemm waqt l-ewwel proċess kontra tiegħu, kif ukoll fil-kors ta’ proċess ġdid – huwa wieħed mill-elementi essenzjali tal-Artikolu 6 [tal-KEDB] […]. Għaldaqstant, ir-rifjut li tinfetaħ mill-ġdid proċedura li tkun tmexxiet fil-kontumaċja fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni li l-akkużat kien irrinunzja għad-dritt tiegħu li jidher għandu jiġi kkunsidrat bħala ‘ċaħda flagranti tal-ġustizzja’, li tikkorrispondi għall-kunċett ta’ proċedura ‘manifestament kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 [tal-KEDB] jew għall-prinċipji li huma hemm ikkonfermati’” (20).
78. Jirriżulta, barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li “[l]a l-ittra u lanqas l-ispirtu tal-Artikolu 6 tal-[KEDB] ma jipprojbixxu milli persuna tirrinunzja minn jeddha għall-garanziji ta’ smigħ xieraq b’mod espress jew taċitu […]. Madankollu, sabiex tidħol inkunsiderazzjoni mill-perspettiva tal-[KEDB], ir-rinunzja għad-dritt ta’ parteċipazzjoni fis-seduta għandha tirriżulta stabbilita b’mod mhux ekwivoku u akkumpanjata b’minimu ta’ garanziji korrispondenti mal-gravità tagħha […]. Barra minn hekk, hija ma għandhiex tmur kontra xi interess pubbliku importanti” (21). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet ukoll li “akkużat jista’ jitqies li rrinunzja impliċitament, bl-imġiba tiegħu, għal dritt importanti bbażat fuq l-Artikolu 6 tal-[KEDB] biss jekk jintwera li huwa seta’ raġonevolment jipprevedi l-konsegwenzi tal-imġiba tiegħu f’dan ir-rigward” (22).
79. Meta hija tistħarreġ jekk il-proċedura nazzjonali inkwistjoni tirrispondix għar-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tagħti importanza kbira għall-kwistjoni ta’ jekk l-assenza tal-akkużat għall-kawża tiegħu tkunx issanzjonata permezz ta’ deroga mid-dritt għall-assistenza ta’ konsulent legali (23). Fil-fatt, “[g]ħalkemm mhux assolut, id-dritt ta’ kull akkużat li jkun effettivament irrapreżentat minn avukat, jekk hemm bżonn ex officio, jidher fost l-elementi fundamentali ta’ smigħ xieraq. Akkużat ma jitlifx il-benefiċċju minħabba biss l-assenza tiegħu waqt is-seduti” (24). Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, “[h]uwa […] ta’ importanza kruċjali għall-ekwità tas-sistema kriminali li l-akkużat ikun adegwatament irrapreżentat kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell” (25). Konsegwentement, “[a]nki jekk il-leġiżlatur għandu jipprova jiskoraġġixxi l-assenzi mhux iġġustifikati, huwa ma jistax jissanzjonahom billi jidderoga mid-dritt għall-assistenza ta’ konsulent legali” (26), u “[h]uma l-qrati li għandhom jiżguraw l-imparzjalità ta’ proċess u għalhekk li jaċċertaw li avukat li, naturalment, jattendi biex jassisti lill-klijent tiegħu fl-assenza tiegħu, jingħata l-opportunità li jagħmel dan” (27).
80. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena nqis li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas josserva mhux biss ir-rekwiżiti hekk elenkati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, imma jipproċedi wkoll għall-kodifikazzjoni tagħhom bl-għan li jiggarantixxi l-applikazzjoni tagħhom f’każ ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment.
81. Għalhekk, il-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni jiffissaw il-kundizzjonijiet li taħthom il-persuna kkonċernata għandha titqies li rrinunzjat volontarjament u b’mod mhux ekwivoku milli tkun preżenti għall-kawża tagħha, b’mod li ma tkunx tista’ iktar titlob il-benefiċju ta’ kawża mill-ġdid. L-Artikolu 4a(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas jikkostitwixxi varjazzjoni tal-Artikolu 4a(1)(a) tagħha billi jsemmi l-każ fejn il-persuna kkonċernata, konxja mill-kawża skedata, għażlet deliberatament li tkun irrapreżentata minn konsulent legali minflok ma tidher personalment fil-kawża (28), li huwa ta’ natura tali li juri li dik il-persuna rrinunzjat li tipparteċipa personalment fil-kawża tagħha, filwaqt li ggarantixxiet id-dritt tagħha li tiddefendi ruħha. Fl-aħħar nett, il-punti (ċ) u (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas huma maħsuba sabiex ikopru l-każ fejn il-persuna kkonċernata, li ma taqax taħt il-punti (a) jew (b) ta’ dik id-dispożizzjoni, għandha dritt għal kawża mill-ġdid jew għal proċedura ta’ appell.
82. B’mod konformi mal-għanijiet stabbiliti bl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas jippermetti, għalhekk, li jissaħħu d-drittijiet proċedurali tal-persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, billi jipproċedi għal allinjament tad-dritt tal-Unjoni fuq l-istandard ta’ protezzjoni ddefinit mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-ġurisprudenza tagħha, filwaqt li jiffaċilita l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, b’mod partikolari billi jtejjeb ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri.
83. Inqis li l-istandard ta’ protezzjoni adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni huwa suffiċjenti u adegwat sabiex jilħaq l-għanijiet imsemmija hawn fuq u li l-osservanza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(2) tal-Karta ma teżiġix li huwa jadotta protezzjoni iktar wiesgħa tad-dritt għal smigħ xieraq u tad-drittijiet tad-difiża, pereżempju billi jagħmel mid-dritt għal kawża mill-ġdid rekwiżit assolut indipendenti mill-imġiba adottata mill-persuna kkonċernata.
84. Filwaqt li ma nsibx raġunijiet għal xiex għandna mmorru lil hinn mill-pożizzjoni bbilanċjata adottata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tistrieħ fuq it-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri sabiex tapplika livell ta’ protezzjoni iktar estensiv. Fil-fatt, il-fatt li d-Deċiżjoni Qafas 2009/299 tirriżulta minn inizjattiva ta’ seba’ Stati Membri u li hija ġiet adottata mill-Istati Membri kollha jippermetti li jiġi preżunt, b’ċertezza suffiċjenti, li l-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri ma taqbilx mal-pożizzjoni adottata mit-Tribunal Constitucional fil-ġurisprudenza tiegħu (29).
85. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas għalhekk ma jinkorri l-ebda kritika fir-rigward tal-istħarriġ tal-validità tiegħu fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(2) tal-Karta.
86. Nirreleva, barra minn hekk, li, sa fejn l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas jirregola b’mod eżawrjenti, u b’mod suffiċjenti mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-kwistjoni tad-dritt għal kawża mill-ġdid fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment, l-Artikoli 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 ma għandhomx jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni li jiskartaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas favur kunċett iktar strett tad-dritt għal smigħ xieraq, billi jeżiġu b’mod sistematiku l-possibbiltà ta’ kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti, meta l-mandat ta’ arrest Ewropew jindika li l-persuna kkonċernata tkun taqa’ taħt wieħed mill-każijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni.
87. Jeħtieġ, issa, jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 53 tal-Karta joffrix lit-Tribunal Constitucional il-possibbiltà li jżomm, fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, l-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikolu 24(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola, fis-sens li l-konsenja ta’ persuna kkundannata in absentia għandha tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-kundanna tkun tista’ tiġi riveduta fl-Istat Membru emittenti.
D – Fuq it-tielet domanda
88. Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk l-Artikolu 53 tal-Karta jippermettix lil awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tissuġġetta, b’applikazzjoni tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali tagħha, l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-kundizzjoni li l-persuna suġġetta għalih tkun tista’ tibbenefika minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti, meta l-applikazzjoni ta’ tali kundizzjoni ma hijiex awtorizzata bl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas.
89. B’dan il-mod, din id-domanda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara liema kontenut u liema portata ġuridika jeħtieġ li jingħataw lill-Artikolu 53 tal-Karta.
90. Fid-deċiżjoni tiegħu ta’ rinviju, it-Tribunal Constitucional jinvoka tliet interpretazzjonijiet possibbli ta’ dan l-artikolu.
91. L-ewwel interpretazzjoni tikkonsisti fl-assimilazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta għal klawżola li tipprevedi norma minima ta’ protezzjoni, karatteristika tal-istrumenti internazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 53 tal-KEDB (30). Il-Karta timponi għalhekk standard minimu, billi tippermetti lill-Istati Membri li japplikaw l-istandard ta’ protezzjoni iktar għoli li jirriżulta mill-Kostituzzjoni tagħhom, u b’hekk jiġi evitat tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
92. F’din l-ipoteżi, l-Artikolu 53 tal-Karta jippermetti lil Stat Membru li jissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija in absentia għal kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jevitaw interpretazzjoni li tillimita jew tikser id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Kostituzzjoni tiegħu, u dan mingħajr ma dan il-livell iktar għoli ta’ protezzjoni fis-seħħ f’dan l-Istat Membru jkun neċessarjament estiż għall-Istati Membri l-oħra bl-intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja li tieħdu inkunsiderazzjoni. Din il-pożizzjoni tasal sabiex tikkunsidra li, f’sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma huwiex neċessarju li d-dritt tal-Unjoni jagħti protezzjoni iktar elevata lil dritt fundamentali mill-istandard li jirriżulta mill-KEDB, l-Artikolu 53 tal-Karta għandu jippermetti lil Stat Membru li jiżgura tali livell iktar elevat ta’ protezzjoni lil dak id-dritt fundamentali b’applikazzjoni tal-Kostituzzjoni tiegħu (31).
93. It-tieni interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta tikkonsiti fil-kunsiderazzjoni li l-iskop tiegħu huwa dak li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni rispettiva tal-Karta u, b’mod partikolari, tal-Kostituzzjonijiet tal-Istati Membri, billi jitfakkar, bħall-Artikolu 51 tagħha, li, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li għandu jiġi applikat huwa dak li jirriżulta mill-Karta. Min-naħa l-oħra, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Karta ma tipprojbixxix l-implementazzjoni ta’ standard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li huwa stabbilit mill-Kostituzzjoni ta’ Stat Membru. Skont it-Tribunal Constitucional, dan il-qari tal-Artikolu 53 tal-Karta, li huwa spjegat mir-rekwiżit ta’ uniformità ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu l-inkonvenjent, minn naħa, li jċaħħad lil dan l-artikolu mill-kontenut ġuridiku tiegħu, b’mod li huwa jirriżulta superfluwu fil-konfront tal-Artikolu 51 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, li jirrikonoxxi li l-Karta tista’ twassal, fl-Istati Membri, għal tnaqqis tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jitnisslu mir-regoli kostituzzjonali tagħhom.
94. L-imsemmi qari tal-Artikolu 53 tal-Karta jimplika li t-Tribunal Constitucional għandu jadatta l-ġurisprudenza tiegħu dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni Spanjola fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas. Min-naħa l-oħra, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, huwa liberu li japplika livell iktar għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
95. It-tielet interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta proposta mit-Tribunal Constitucional tikkonsiti fl-adozzjoni ta’ waħda jew oħra mill-ewwel żewġ interpretazzjonijiet skont il-karatteristiċi tal-problema konkreta ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni u l-kuntest li fih isseħħ l-evalwazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni li għandu jipprevali (32).
96. Jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li tiġi miċħuda b’saħħa l-ewwel interpretazzjoni proposta mit-Tribunal Constitucional.
97. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni inkwantu twassal, f’kull każ, sabiex tagħti supremazija lir-regola ġuridika li tagħti l-ogħla livell ta’ protezzjoni lid-dritt fundamentali inkwistjoni. B’dan il-mod, f’ċerti każijiet, tiġi rrikonoxxuta l-preminenza tal-Kostituzzjonijiet nazzjonali fuq id-dritt tal-Unjoni.
98. Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li l-użu ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, anki jekk ikunu ta’ natura kostituzzjonali, bil-għan li tiġi limitata l-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandu l-konsegwenza li jippreġudika l-unità u l-effikaċja ta’ dan id-dritt u għalhekk ma għandux ikun permess (33).
99. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 53 tal-Karta ma għandux jinftiehem bħala klawżola li għandha l-għan li tirregola kunflitt bejn, minn naħa, regola ta’ dritt sussidjarju li, interpretata fid-dawl tal-Karta, tistabbilixxi standard partikolari ta’ protezzjoni ta’ dritt fundamentali u, min-naħa l-oħra, regola bbażata fuq Kostituzzjoni nazzjonali li tipprovdi livell ta’ protezzjoni iktar elevat tal-istess dritt fundamentali. F’każ bħal dan, dan l-artikolu ma għandux la l-għan u lanqas l-effett li jagħti l-prijorità lir-regola iktar protettiva li tirriżulta minn Kostituzzjoni nazzjonali. L-aċċettazzjoni tal-kuntrarju tammonta għal twarrib tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.
100. Nirrileva, f’dan ir-rigward, li xejn ma jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 53 tal-Karta li dan għandu jinftiehem bħala li jintroduċi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, jista’ jiġi argumentat li l-kliem “fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom” intgħażlu mir-redatturi tal-Karta sabiex ma jiksrux dan il-prinċipju (34). Barra minn hekk, l-imsemmi prinċipju kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jinsab ikkonfermat fid-dikjarazzjonijiet annessi mal-att finali tal-konferenza intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona ffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2007 (35).
101. L-ewwel interpretazzjoni mressqa mit-Tribunal Constitucional tippreġudika wkoll applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri.
102. Fir-rigward ta’ din il-kawża, hija għandha, b’mod partikolari, l-effett li tpoġġi f’dubju serju l-uniformità tal-istandard ta’ protezzjoni ddefinit fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas u tista’ tostakola l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija in absentia.
103. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni għandha l-konsegwenza li tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv sabiex jirrifjutaw il-konsenja f’każ ta’ sentenzi mogħtija in absentia. Fl-isfond tal-istandard ta’ protezzjoni tad-dritt għal smigħ xieraq f’każ ta’ sentenza mogħtija in absentia li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-adozzjoni nnifisha tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, il-maġġoranza tal-Istati Membri probabbilment ma jagħtux lil persuna kkundannata in absentia d-dritt li tibbenefika minn kawża mill-ġdid meta din il-persuna rrinunzjat mingħajr ekwivoku li tidher fil-kawża. L-interpretazzjoni proposta twassal għalhekk għal paralisi tal-eżekuzzjoni mill-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija in absentia, ħlief jekk l-Istati Membri emittenti jkunu jistgħu jiggarantixxu lill-persuni kkonċernati kawża mill-ġdid. Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ sistema b’ġeometrija varjabbli ta’ dan it-tip jinkoraġġixxi lid-delinkwenti li jieħdu kenn fl-Istati Membri li tagħhom ir-regoli kostituzzjonali joffru protezzjoni aħjar mill-oħrajn, u b’hekk jippreġudika l-effikaċja tad-Deċiżjoni Qafas (36).
104. Din l-ewwel interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta tpoġġi fid-dubju wkoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali, ladarba dispożizzjoni ta’ dritt sussidjarju, għalkemm konformi mad-drittijiet fundamentali protetti bil-Karta, tista’ tiġi skartata minn Stat Membru minħabba ksur ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tiegħu.
105. B’mod iktar ġenerali, l-ewwel interpretazzjoni proposta mit-Tribunal Constitucional tmur kontra t-teknika tradizzjonali ta’ evalwazzjoni tal-grad ta’ protezzjoni li għandu jingħata lid-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni.
106. Fil-fatt, minkejja li l-interpretazzjoni tad-drittijiet protetti bil-Karta għandha xxaqleb lejn livell għoli ta’ protezzjoni, bħal ma jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 52(3) tal-Karta kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet tal-Artikolu 52(4) tagħha, jeħtieġ, madankollu, jiġi ċċarat li dan għandu jinvolvi livell ta’ protezzjoni adattat għad-dritt tal-Unjoni, kif jiċċaraw ukoll l-istess spjegazzjonijiet.
107. Dan ifakkarna f’prinċipju li, minn żmien twil, idderiġa l-interpretazzjoni tad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni, jiġifieri li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni għandha tkun żgurata fil-kuntest tal-istruttura u l-għanijiet tagħha (37). Ma huwiex irrilevanti, f’dan ir-rigward, li l-preambolu tal-Karta jsemmi l-għanijiet prinċipali tal-Unjoni, u fosthom jissemmew il-ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja.
108. Għaldaqstant ma huwiex possibbli li jsir raġunament esklużivament f’termini ta’ livell iktar jew inqas elevat ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti marbuta mal-azzjoni tal-Unjoni u n-natura speċifika tad-dritt tal-Unjoni.
109. Id-drittijiet fundamentali li għandhom jiġu protetti u l-livell ta’ protezzjoni li għandu jingħatalhom jirriflettu l-għażliet ta’ soċjetà partikolari rigward il-bilanċ ġust li għandu jintlaħaq bejn l-interessi tal-individwi u dawk tal-kollettività li minnha huma jifformaw parti. Din id-determinazzjoni hija intimament marbuta ma’ evalwazzjonijiet li huma partikolari għall-ordinament ġuridiku kkonċernat, b’mod partikolari b’rabta mal-kuntest soċjali, kulturali u storiku tiegħu, u għalhekk ma humiex trasponibbli awtomatikament għal kuntesti oħrajn (38).
110. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta f’sens li jippermetti lill-Istati Membri li japplikaw, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ir-regoli kostituzzjonali tagħhom li jiggarantixxu livell ta’ protezzjoni iktar elevat tad-dritt fundamentali inkwistjoni twassal, għalhekk, sabiex jiġi injorat li l-eżerċizzju konsistenti fid-determinazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li għandu jintlaħaq jiddependi strettament fuq il-kuntest li fih jitwettaq.
111. Għalhekk, anki jekk l-għan huwa dak li jitfittex livell elevat ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, in-natura speċifika tad-dritt tal-Unjoni jimplika li l-livell ta’ protezzjoni li jitnissel mill-interpretazzjoni ta’ Kostituzzjoni nazzjonali ma huwiex awtomatikament trasponibbli għal-livell tal-Unjoni u lanqas opponibbli fl-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
112. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li għandu jiġi ggarantit fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi speċifiċi li janimaw l-azzjoni tal-Unjoni. Dan japplika wkoll, b’mod partikolari, għall-uniformità neċessarja fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u għar-rekwiżiti marbuta mal-kostruzzjoni ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja. Dawn l-interessi speċifiċi jwasslu sabiex jirregolaw il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali b’rabta mal-interessi differenti involuti.
113. Id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 turi b’mod ċar li l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ma għandux jiġi stabbilit in abstracto, imma b’manjiera adattata għar-rekwiżiti marbuta mal-kostruzzjoni ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja.
114. Teżisti, f’dan ir-rigward, rabta evidenti bejn l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-materja tad-drittijiet tal-persuni fil-proċeduri kriminali u t-tisħiħ tal-kunfidenza reċiproka bejn dawn l-Istati.
115. Kif il-premessa Nru 10 tad-Deċiżjoni Qafas tindika, “[i]l mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri”. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tiċċara li d-Deċiżjoni Qafas tfittex li tiffaċilita u taċċelera l-kooperazzjoni ġudizzjarja u li għalhekk hija intiża sabiex tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-iskop assenjat lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ kunfidenza li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri (39).
116. Minn din il-perspettiva, id-definizzjoni fil-livell tal-Unjoni ta’ standard komuni u għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża hija ta’ natura li ssaħħaħ il-kunfidenza li għandha l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fil-kwalità tal-proċedura fis-seħħ fl-Istat Membru emittenti.
117. Kif jindika korrettament il-Gvern Spanjol, id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 taħseb sabiex issolvi l-problema li tqum mill-eżistenza ta’ livelli differenti ta’ protezzjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew f’każ ta’ kundanna in absentia. Din id-Deċiżjoni Qafas tifforma parti mill-miżuri li għandhom l-għan li joħolqu ordinament proċedurali Ewropew, indispensabbli sabiex il-mekkaniżmi ta’ koperazzjoni ġudizzjarja fi ħdan l-Unjoni jsiru iktar effikaċi. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-garanziji proċedurali, ikun diffiċli li l-Unjoni tkun tista’ timxi ’l quddiem fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u fil-kostruzzjoni ta’ spazju veru ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja. Din hija, għalhekk, ir-raġuni għal xiex l-Artikolu 82(2) TFUE, jipprovdi li, “[f]ejn ikun meħtieġ sabiex jiġi faċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll il-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ natura transkonfinali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, [...], jistgħu jistabbilixxu regoli minimi”, dawn jistgħu, b’mod partikolari, jinċidu fuq id-drittijiet tal-persuni fil-proċeduri kriminali.
118. Id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 taqa’ taħt din il-loġika billi ma taħsibx biss sabiex tiggarantixxi l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej fil-kuntest ta’ kundanni in absentia, imma wkoll sabiex id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, bħalma huwa d-dritt għal smigħ xieraq u d-drittijiet tad-difiża, ikunu suffiċjentement protetti.
119. Sabiex jirrikonċilja dawn l-għanijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni b’mod li ma jikkompromettix l-effikaċja tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew.
120. Jiena naqbel, f’dan ir-rigward, mal-fehma tal-Gvern Spanjol li jargumenta li, jekk huwa neċessarju li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati adottati mill-Istati Membri, u dan fir-rispett sħiħ u intier tad-drittijiet fundamentali tal-imputati fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, madankollu ma huwiex neċessarju li l-garanziji proċedurali li dawn igawdu minnhom jintużaw bl-iskop uniku li jevadu l-azzjoni tal-ġustizzja. Ċertament, għandhom jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali, iżda fl-istess ħin irid jiġi żgurat li, fil-kuntest tad-dimensjoni transkonfinali li hija dik tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, il-garanziji proċedurali ma jkunux użati sabiex jostakolaw l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-ġustizzja.
121. L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas jirrispondi preċiżament għal dan il-ħsieb li tiġi żgurata eżekuzzjoni aħjar tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija in absentia filwaqt li jissaħħu, b’mod adattat għal dan l-għan, id-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati.
122. Interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta li tippermetti lil awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi, b’applikazzjoni ta’ regola kostituzzjonali nazzjonali, li tissuġġetta b’mod ġenerali l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija in absentia għall-kundizzjoni li l-persuna suġġetta għalih tkun tista’ tibbenefika minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti tikser il-bilanċ hekk milħuq bl-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas u ma hijiex, għaldaqstant, ammissibbli.
123. Niċċara wkoll li l-premessa Nru 12 tad-Deċiżjoni Qafas ma għandhiex tinftiehem bħala konferma tal-ewwel interpretazzjoni proposta mit-Tribunal Constitucional. Skont din il-premessa, din id-Deċiżjoni Qafas “ma twaqqafx lil Stat Membru milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu relatati mar-rispett tad-dritt għal smigħ ġust”. L-imsemmija premessa għandha, fil-fehma tiegħi, tinqara flimkien mal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas imsemmija. Issa, diġà rajna qabel li din id-dispożizzjoni hija mċaħħda mill-parti l-kbira tal-effettività tagħha peress li, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ bl-għan li tiġi eżegwita sentenza mogħtija in absentia, l-istandard ta’ protezzjoni tad-dritt għal smigħ xieraq kien sar is-suġġett ta’ definizzjoni komuni fi ħdan l-Unjoni mal-adozzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas.
124. Lil hinn mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta, it-tielet domanda li saret mit-Tribunal Constitucional twassal, fil-verità, għal mistoqsija fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li minnha jgawdu l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li huma jixtiequ jiggarantixxu fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Jeħtieġ, f’dan ir-rigward, issir distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet li fihom teżisti definizzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-grad ta’ protezzjoni li għandha tiġi ggarantita lil dritt fundamentali fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ azzjoni tal-Unjoni u dawk fejn dan il-livell ta’ protezzjoni ma huwiex is-suġġett ta’ definizzjoni komuni.
125. Fl-ewwel każ, l-istabbiliment tal-livell ta’ protezzjoni huwa, kif diġà rajna, strettament marbut mal-għanijiet tal-azzjoni kkonċernata tal-Unjoni. Din tirrifletti l-bilanċ bejn il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u dik li jiġu suffiċjentement protetti d-drittijiet fundamentali. F’din is-sitwazzjoni, huwa ċar li l-invokazzjoni a posteriori minn Stat Membru taż-żamma tal-livell tiegħu ta’ protezzjoni iktar elevat għandha l-konsegwenza li tikser il-bilanċ milħuq mil-leġiżlatur tal-Unjoni u għaldaqstant li tapplika ħażin id-dritt tal-Unjoni.
126. Fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas, l-Artikolu 4a(1) tagħha huwa l-espressjoni ta’ ftehim bejn l-Istati Membri kollha sabiex jistabbilixxu meta persuna kkundannata in absentia għandha tiġi kkonsenjata mingħajr ma dan jikser id-dritt tagħha għal smigħ xieraq u d-drittijiet tad-difiża tagħha. Dan il-konsensus bejn l-Istati Membri ma jħallix post għall-applikazzjoni ta’ standards nazzjonali ta’ protezzjoni diverġenti.
127. Għall-kuntrarju, fit-tieni każ, l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni iktar wiesa’ sabiex japplikaw, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li huma jixtiequ jiggarantixxu fi ħdan l-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom, u dan sakemm tali livell ta’ protezzjoni huwa rikonċiljabbli mal-implementazzjoni tajba tad-dritt tal-Unjoni u ma jwassalx għal ksur ta’ drittijiet fundamentali oħra protetti bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (40).
128. Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, jeħtieġ issa li tiġi identifikata l-funzjoni li jwettaq l-Artikolu 53 tal-Karta fi ħdanha.
129. F’dan l-eżerċizzju, jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li ma jiġix sottovalutat il-valur politiku u simboliku ta’ dan l-artikolu (41). Barra minn hekk, l-artikolu msemmi għandu, fil-fehma tiegħi, jinqara f’rabta stretta mal-Artikoli 51 u 52 tal-Karta li tagħhom huwa kontinwazzjoni.
130. Fit-termini tal-ispjegazzjonijiet rigward l-Artikolu 53 tal-Karta, “[d]ik id-dispożizzjoni taħseb sabiex tippreżerva l-livell ta’ protezzjoni attwalment offrut, fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom, mid-dritt tal-Unjoni, mid-dritt tal-Istati Membri u mid-dritt internazzjonali. Minħabba l-importanza tagħha, għandha tissemma l-KEDB”.
131. Ir-redatturi tal-Karta ma setgħux jinjoraw l-eżistenza ta’ pluralità ta’ sorsi ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jorbtu lill-Istati Membri u kellhom għalhekk jipprovdu l-mod li bih il-Karta kellha teżisti flimkien magħhom. Dan huwa l-għan prinċipali tat-Titolu VII tal-Karta li jinkludi d-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 53 tal-Karta jikkompleta l-prinċipji stipulati fl-Artikoli 51 u 52 tagħha, billi jfakkar, minn naħa, li, f’sistema fejn jiddomina l-pluraliżmu tas-sorsi ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-Karta ma hijiex maħsuba sabiex issir l-istrument esklużiv ta’ protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, li hija ma tistax ikollha l-effett, minnha nnifisha, li tikser jew tirriduċi l-livell ta’ protezzjoni li jirriżulta minn dawn id-diversi sorsi fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom.
132. Il-Karta ma tikkostitwixxix strument iżolat u mhux marbut mas-sorsi l-oħra ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Hija stess tipprovdi li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha għandha ssir billi jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni sorsi ġuridiċi oħra, kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Huwa b’dan il-mod li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jagħmel mill-KEDB standard minimu li taħtu d-dritt tal-Unjoni ma jistax jinżel u li l-Artikolu 52(4) tal-Karta jipprovdi li, sa fejn din tirrikonoxxi li d-drittijiet fundamentali kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, dawn id-drittijiet għandhom jiġu interpretati b’mod armonjuż ma’ dawn it-tradizzjonijiet (42).
133. Filwaqt li jikkompleta dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 53 tal-Karta jippreċiża li, fil-kuntest tal-koeżistenza tad-diversi sorsi ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-Karta ma għandhiex twassal, fiha nnifisha, għal riduzzjoni tal-livell ta’ protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet fid-diversi ordinamenti ġuridiċi. Dan l-artikolu jaħseb sabiex jikkonferma li l-Karta timponi livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
134. Għalhekk il-Karta ma jistax ikollha l-effett li ġġiegħel lill-Istati Membri jbaxxu l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantiti bil-Kostituzzjoni nazzjonali tagħhom f’każijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 53 tal-Karta jesprimi wkoll l-idea li l-adozzjoni tagħha ma tistax isservi ta’ skuża lil Stat Membru sabiex inaqqas il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali.
135. F’dan ir-rigward, il-kliem “fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom” huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiżguraw lill-Istati Membri l-fatt li l-Karta ma hijiex maħsuba sabiex tissostitwixxi l-Kostituzzjoni nazzjonali tagħhom f’dak li jikkonċerna l-livell ta’ protezzjoni li hija tiggarantixxi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali (43). Fl-istess ħin, l-inklużjoni ta’ dawn il-kliem tfisser li l-Artikolu 53 tal-Karta ma jistax jaffettwa s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni peress li l-evalwazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li għandu jintlaħaq issir fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
136. Fid-dawl tal-qari li għamilt tal-Artikolu 53 tal-Karta, nissuġġerixxi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jippermettix lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tissuġġetta, b’applikazzjoni tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali tagħha, l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-kundizzjoni li l-persuna suġġetta għalih tkun tista’ tibbenefika minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti, meta l-applikazzjoni ta’ tali kundizzjoni ma hijiex awtorizzata bl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas.
137. Niċċara li l-pożizzjoni li jiena nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tadotta f’din il-kawża ma twassalx għaċ-ċaħda tan-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, li minnha l-identità kostituzzjonali ċertament tifforma parti (44).
138. Naf li l-Unjoni hija marbuta, kif jipprovdi l-Artikolu 4(2) TUE, li tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, “inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom” (45). Ninnota wkoll li l-preambolu tal-Karta jfakkar li, fl-azzjoni tagħha, l-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri.
139. Stat Membru li jikkunsidra li dispożizzjoni tad-dritt sussidjarju tippreġudika l-identità nazzjonali jista’ b’dan il-mod jikkontestaha billi jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 4(2) TUE (46).
140. Madankollu, fil-kuntest ta’ din il-kawża, ma ninsabux ikkonfrontati b’tali sitwazzjoni. F’dan ir-rigward, id-dibattiti li seħħew kemm fit-Tribunal Constitucional kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jikkonvinċuni li d-determinazzjoni tal-portata tad-dritt għal smigħ xieraq u tad-drittijiet tad-difiża f’każ ta’ sentenzi mogħtija in absentia ma humiex ta’ natura tali li jaffettwaw l-identità nazzjonali tar-Renju ta’ Spanja.
141. Fil-fatt, minbarra li d-determinazzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi l-“kontenut assolut” tad-dritt tad-difiża tibqa’ kontroversjali anki fi ħdan it-Tribunal Constitucional, ir-Renju ta’ Spanja nnifsu iddikjara, waqt is-seduta, filwaqt li bbaża ruħu b’mod partikolari fuq l-eċċezzjonijiet li jeżistu fid-dritt Spanjol għaż-żamma ta’ kawża mill-ġdid wara sentenza mogħtija in absentia, li l-parteċipazzjoni tal-akkużat fil-kawża tiegħu ma taqax taħt l-identità kostituzzjonali tar-Renju ta’ Spanja.
142. Minbarra dan, ma għandux, fil-fehma tiegħi, ikun hemm konfużjoni bejn il-kunċett li jeżiġi l-protezzjon ta’ dritt fundamentali ma’ preġudizzju għall-identità nazzjonali jew, iktar speċifikament, għall-identità kostituzzjonali ta’ Stat Membru. Ovvjament, f’dan il-każ hemm dritt fundamentali protett mill-Kostituzzjoni Spanjola li l-importanza tiegħu ma għandhiex tkun sottovalutata, imma dan ma jfissirx li l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) għandha tiġi kkunsidrata hawnhekk.
143. Jeħtieġ, barra minn hekk, jiġi ppreċiżat li l-kunsiderazzjoni ta’ elementi distintivi li jikkaratterizzaw l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tifforma parti mill-prinċipji li għandhom jiggwidaw il-kostruzzjoni ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja.
144. L-Artikolu 67(1) TFUE jipprovdi, fil-fatt, li “[l]-Unjoni għandha tikkonsisti fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja b’rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti ta’ l-Istati Membri”. Barra minn hekk, l-Artikolu 82(2) TFUE jipprovdi li r-regoli minimi li jistgħu jiġu adottati mill-Parlament u mill-Kunsill, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna d-drittijiet tal-persuni fil-proċedura kriminali, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-“differenzi bejn it-tradizzjoni u s-sistemi legali tal-Istati Membri”. Nirrileva wkoll li l-Artikolu 82(3) TFUE jipprovdi li, “[f]ejn membru tal-Kunsill jikkunsidra li abbozz ta’ direttiva kif previst fil-paragrafu 2 jkun ta’ ħsara għal aspetti fundamentali tas-sistema tal-ġustizzja kriminali tiegħu, jista’ jitlob li l-abbozz tad-direttiva jitressaq quddiem il-Kunsill Ewropew”, filwaqt li l-proċedura leġiżlattiva tiġi sospiża bil-possibbiltà, f’każ li jibqa’ jippersisti nuqqas ta’ ftehim, li jingħata bidu għal kooperazzjoni msaħħa.
145. L-adozzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas turi li l-Istati Membri xtaqu jadottaw approċċ komuni għall-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija in absentia u li dan l-approċċ komuni kien kompatibbli mad-diversità tat-tradizzjonijiet u tas-sistemi legali tal-Istati Membri.
IV – Konklużjoni
146. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi kif ġej lit-Tribunal Constitucional:
1) L-Artikolu 4a(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li, fil-każijiet indikati fl-imsemmija dispożizzjoni, tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-kundizzjoni li l-persuna suġġetta għalih tkun tista’ tibbenefika minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti.
2) L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendat bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, huwa kompatibbli mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u mal-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
3) L-Artikolu 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jippermettix lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li, b’applikazzjoni tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali tagħha, tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-kundizzjoni li l-persuna suġġetta għalih tkun tista’ tibbenefika minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti, għaliex l-applikazzjoni ta’ tali kundizzjoni ma hijiex awtorizzata bl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299.