Language of document : ECLI:EU:T:2009:445

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Sitt Awla)

18 ta’ Novembru 2009 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Agrikoltura – Skema ta’ għajnuna favur programmi ta’ kwalità fis-settur agroalimentari fl-Awstrija – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Kwalità ta’ parti interessata – Protezzjoni tad-drittijiet proċedurali – Ammissibbiltà – Diffikultajiet serji – Linji gwida applikabbli għall-għajnuna mill-Istat għar-reklamar”

Fil-Kawża T‑375/04,

Scheucher-Fleisch GmbH, stabbilita f’Ungerdorf (l-Awstrija),

Tauernfleisch Vertriebs GmbH, stabbilita fi Flattach (l-Awstrija),

Wech-Kärntner Truthahnverarbeitung GmbH, stabbilita f’Glanegg (l‑Awstrija),

Wech-Geflügel GmbH, stabbilita f’Sankt Andrä (l-Awstrija),

Johann Zsifkovics, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija),

irrappreżentati minn J. Hofer u T. Humer, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2004) 2037 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2004, rigward l‑Għajnuna mill-Istat NN 34A/2000 dwar il-programmi ta’ kwalità u t‑tikketti “AMA‑Biozeichen” u “AMA‑Gütesiegel” fl-Awstrija,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. W. H. Meij, President, V. Vadapalas (Relatur) u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Frar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Scheucher-Fleisch GmbH, Tauernfleisch Vertriebs GmbH, Wech‑Kärntner Truthahnverarbeitung GmbH, Wech-Geflügel GmbH u Johann Zsifkovics, kif ukoll Grandits GmbH, huma ħames kumpanniji b’responsabbiltà limitata u impriża unipersonali, stabbiliti taħt id-dritt Awstrijak, u li jispeċjalizzaw fit-tbiċċir u fit-tqattiegħ tal-annimali.

2        Fl-1992, ir-Repubblika tal-Awstrija adottat il-Bundesgesetz über die Errichtung der Marktordnungsstelle “Agrarmarkt Austria” (liġi federali dwar l-istabbiliment tal-korp regolatorju tas-suq “Agrarmarkt Austria”, BGBl. 376/1992) (iktar ’il quddiem, l-“AMA Gesetz 1992”), li l‑Artikolu 2(1) tagħha jistabbilixxi persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku msemmija “Agrarmarkt Austria” (iktar ’il quddiem, l-“AMA”). L‑attivitajiet operattivi għandhom isiru mill-kumpannija Agrarmarkt Austria Marketing GmbH (iktar ’il quddiem, l-“AMA Marketing”), sussidjarja b’100 % tal‑AMA. L-AMA Gesetz 1992 ġiet emendata diversi drabi.

3        Skont l-Artikolu 3(1)(3) tal-AMA-Gesetz 1992, l-AMA għandha bħala funzjoni li tippromwovi l-marketing agrikolu. Għal dan il-għan hija inkarigata li tiġbor kontribuzzjonijiet li għandhom b’mod partikolari, skont l-Artikolu 21 c (1)(3) tal‑AMA-Gesetz 1992, fil-verżjoni tagħha ppreżentata mir-rikorrenti u Grandits, jitħallsu għat-tbiċċir tal-baqar, tal‑għoġġiela, tal-majjali, tal-ħrief, tan-nagħaġ u tat-tjur.

4        L-għajnuna inkwistjoni hija intiża sabiex tinkoraġġixxi l-produzzjoni, it‑trattament, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli fl‑Awstrija permezz tat-tikketta bio “AMA” u tat-tikketta ta’ kwalità “AMA” (iktar ’il quddiem, it-“tikketti ‘AMA’”).

5        Fil-kwalità tagħhom bħala impriżi li jispeċjalizzaw fit-tbiċċir u t-tqattiegħ tal‑annimali, ir-rikorrenti u Grandits huma suġġetti għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet lill-AMA abbażi tal-Artikolu 21 c (1)(3) tal-AMA-Gesetz 1992, mingħajr ma l-prodotti tagħhom jibbenefikaw mit-tikketti “AMA”.

6        Flimkien ma’ madwar għoxrin impriża oħra ta’ tbiċċir, ir-rikorrenti u Grandits ippreżentaw rikors quddiem l-awtoritajiet Awstrijaċi kontra l-obbligu impost fuqhom fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet lill-AMA. Il-Ministru Federali tal‑Agrikoltura u tal-Foresti, tal-Ambjent u tal-Ilmijiet ma laqax ir‑rikors tagħhom. Wara li r-rikorrenti u Grandits ressqu l-kawża quddiemha, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva) annullat id‑deċiżjonijiet tal-Ministru Federali, permezz tas-sentenzi tal-20 ta’ Marzu u l-21 ta’ Mejju 2003, minħabba irregolaritajiet proċedurali.

7        B’mod parallel, ir-rikorrenti u Grandits ippreżentaw ilment quddiem il-Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, fil-21 ta’ Settembru 1999, billi sostnew li ġew ippreġudikati permezz ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-AMA-Gesetz 1992.

8        B’ittra tal-15 ta’ Frar 2000, il-Kummissjoni bagħtet l-ilment tar‑rikorrenti u ta’ Grandits lill-awtoritajiet Awstrijaċi u stiednet lil dawn tal-aħħar sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Wara r-risposta tal-awtoritajiet Awstrijaċi fl-20 ta’ Marzu 2000, il‑Kummissjoni informathom, fid-19 ta’ Ġunju 2000, li l-miżuri inkwistjoni kienu ġew irreġistrati b’mod provviżorju bħala għajnuna mhux innotifikata, taħt ir-Referenza NN 34/2000.

9        Wara talba tal-awtoritajiet Awstrijaċi tat-8 ta’ Marzu 2003, il‑Kummissjoni ddeċidiet li teżamina b’mod separat il-miżuri inkwistjoni skont jekk kinux preċedenti jew sussegwenti għas-26 ta’ Settembru 2002, minħabba l-fatt li saru emendi importanti f’din id-data fir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-AMA-Gesetz 1992. In-numru ta’ reġistrazzjoni NN 34A/2000 ġie attribwit lill-proċedura ta’ eżami li tirrigwarda d-dispożizzjonijiet applikabbli wara s-26 ta’ Settembru 2002.

10      B’deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2004, dwar l-Għajnuna mill-Istat NN 34A/2000 dwar il-programmi ta’ kwalità u t-tikketti “AMA Biozeichen” u “AMA Gütesiegel” fl-Awstrija, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-miżuri “notifikati”, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’dan ir-rigward, hija qieset li l-imsemmija miżuri kienu kompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, sa fejn huma jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti mil‑linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu (ĠU 2000, C 28, p. 2) fil-punti 13 u 14 tagħhom, u mil-linji gwida Komunitarji applikabbli għall-għajnuna mill-Istat għar-reklamar tal-prodotti li jaqgħu taħt l-Anness I tat-Trattat KE u għal ċerti prodotti li ma jaqgħux taħt l-Anness I (ĠU 2001, C 252, p. 5, iktar ’il quddiem il‑“linji gwida applikabbli għall-għajnuna mill-Istat għar-reklamar”).

11      Skont il-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri kollha eżegwiti mill-AMA u mill-AMA Marketing qabel is-26 ta’ Settembru 2002 huma esklużi b’mod espliċitu mill-eżami.

12      Fis-16 ta’ Lulju 2004, l-AMA kkomunikat id-deċiżjoni kkontestata lir‑rikorrenti u lil Grandits.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ att ppreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 ta’ Settembru 2004, ir-rikorrenti u Grandits ressqu dan ir-rikors.

14      Fl-10 ta’ Novembru 2004, il-kawża ġiet assenjata lir-Raba’ Awla tal‑Qorti tal-Prim’Istanza.

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-9 ta’ Diċembu 2004, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Prim’Istanza. Ir-rikorrenti u Grandits ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din l-eċċezzjoni fil-25 ta’ Jannar 2005. B’digriet tal‑Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla) tal-15 ta’ Settembru 2006, l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet magħquda mal-mertu u l-ispejjeż ġew irriżervati.

16      Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza ġiet mibdula, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla u, konsegwentement, din il-kawża ġiet attribwita lill-imsemmija awla.

17      Peress li membru tal-Awla ma setax jipparteċipa fid-deliberazzjoni, il‑President tal-Qorti tal-Prim’Istanza nnomina imħallef, skont l‑Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jikkompleta l-Awla.

18      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal‑Proċedura, stiednet lill-partijiet, lil Grandits, kif ukoll lill-Gvern Federali tar-Repubblika tal-Awstrija, sabiex jirrispondu għal domandi bil‑miktub. Dawn irrispondew għad-domandi magħmula fit-terminu stabbilit.

19      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit‑23 ta’ Jannar 2009, Grandits informat lill-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod konformi mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura, li hija kienet ser tirrinunzja r‑rikors. B’digriet tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Frar 2009, l-isem ta’ Grandits tħassar mir-reġistru tal-Qorti tal‑Prim’Istanza, u kull parti ġiet ikkundannata tbati l-ispejjeż tagħha.

20      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Frar 2009.

21      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

23      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma humiex ikkonċernati individwalment mid-deċiżjoni kkontestata. Din tal-aħħar hija għalihom “regola ġenerali”, li tikkonċernahom biss minħabba l-fatt li għandhom l-kwalità oġġettiva ta’ persuni obbligati jħallsu kontribuzzjonijiet, bl-istess mod bħal kwalunkwe impriża oħra li tinsab effettivament jew potenzjalment f’sitwazzjoni identika.

24      Imbagħad, il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni li tipprovdi li huma biss erba’ katini ta’ bejjiegħa bl-imnut li jibbenifikaw mill-miżuri inkwistjoni. Fil-fatt, it-tikketti “AMA” huma intiżi sabiex jiffavorixxu il-bejgħ tal-prodotti agrikoli ta’ kwalità eċċellenti u jibbenefikaw, konsegwentement, lill-impriżi agrikoli u lill-produtturi ta’ prodotti tal-ikel fit-totalità tagħhom.

25      Barra minn hekk, ir-rikorrenti, li jispeċjalizzaw fit-tbiċċir u t-tqattiegħ tal‑annimali, ma humiex f’kompetizzjoni mal-bejjiegħa bl-imnut li, fir-rikors tagħhom, huma jippreżentaw bħala l-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jispjegawx għalfejn huma individwalizzati minħabba l-fatt li l-erba’ katini ta’ bejjiegħa bl‑imnut mogħtija t-tikketta ta’ kwalità huma magħrufa b’isimhom. Huma lanqas ma jippreċiżaw ir-raġunijiet għalfejn ma jibbenefikawx mit-tikketti “AMA” u għalfejn ma jistgħux ifornu lil dawn l-erba’ katini ta’ bejjiegħa bl-imnut.

26      Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni żżid li r-rikorrenti ma wrewx li ċerti biċċeriji u fabbriki ta’ tqattiegħ jieħdu vantaġġ mill‑għajnuna inkwistjoni u huma attivi fuq l-istess suq ġeografiku. Barra minn hekk, jekk ir-rikorrenti jħallsu kontribuzzjonijiet, huma jibbenefikaw ukoll mill-azzjonijiet ta’ promozzjoni organizzati fil‑kuntest tat-tikketti “AMA”. Fil-fatt, kif isostnu huma stess, dawn l‑azzjonijiet ta’ promozzjoni jikkonsistu fl-għoti ta’ parir lill‑konsumaturi sabiex jixtru prodotti ta’ oriġini Awstrijaka. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jsofru l-ebda preġudizzju.

27      It-tieni nett, ir-rikorrenti huma biss ikkonċernati indirettament mill‑għajnuna inkwistjoni, bħalma jirrikonoxxu huma stess fir-rikors. F’dan ir-rigward, il-miżuri ta’ applikazzjoni eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata huma ġenerali u astratti. Issa, l-individwalizzazzjoni titwettaq biss minn atti ġuridiċi individwali, jiġifieri minn deċiżjonijiet amministrattivi. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tobbligax lir-Repubblika tal-Awstrija timponi kontribuzzjonijiet fuq il-biċċeriji u l-fabbriki tat-tqattiegħ.

28      It-tielet nett, mill-garanziji proċedurali stabbiliti mill-Artikolu 88(2) KE, jirriżulta li l-Kummissjoni għandha l-obbligu tintima lill-persuni interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Madankollu, f’din il-kawża, billi ppreżentaw ilment, ir-rikorrenti diġà ħadu pożizzjoni u b’dan il-mod eżawrew id-dritt tagħhom li jesprimu ruħhom.

29      Ir-rikorrenti jsostnu li huma partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE. Konsegwentement, huma jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE fil-kwalità tagħhom bħala persuni direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

30      Skont ir-rikorrenti, il-benefiċjarji diretti tal-għajnuna huma erba’ bejjiegħa bl-imnut, indikati b’isimhom, li kisbu d-dritt li jużaw it-tikketta ta’ kwalità “AMA”. Teżisti wkoll relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta bejn ir-rikorrenti u l-impriżi ta’ tbiċċir u ta’ tqattiegħ li jibbenifikaw mit-tikketti, inkwantu s-sistema tat-tikketti ta’ kwalità “AMA” hija applikata mit-twelid tal-annimal sal-bejgħ tal-laħam tiegħu fil-kummerċ bl-imnut u inkwantu, f’kull livell tal-katina ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, impriża tista’ tibbenifika minnha. Fir-rigward tal-annimali importati minn Stati Membri oħra u mbiċċra fl-Awstrija, ma tinġabar l-ebda kontribuzzjoni mill-AMA, iżda l-bejgħ tal-prodotti huwa ostakolat mill-kampanji ta’ reklamar organizzati favur it-tikketti.

31      Filwaqt li jirreferu għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et (C‑261/01 u C‑262/01, Ġabra p. I‑12249), ir‑rikorrenti jsostnu li l-eżami mill-Kummissjoni tal-għajnuna għandha tieħu neċessarjament inkunsiderazzjoni wkoll il-mod ta’ finanzjament fil-każ fejn dan tal-aħħar huwa parti integrali mill-miżuri, bħal huwa l-każ hawnhekk. F’dan ir-rigward, huma jenfasizzaw li huma jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-għajnuna.

32      Barra minn hekk, skont is-sentenza van Calster et punt 31 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tirrimedja b’mod retroattiv l-inkompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni. Issa, peress li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-miżuri fis-seħħ wara s-26 ta’ Settembru 2002, jista’ jkun li r-rikorrenti jkollhom iħallsu l-kontribuzzjonijiet b’mod retroattiv minn din id-data.

33      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jikkontestaw l-argument li jipprovdi li, permezz tal-ilment tagħhom, huma eżawrew id-dritt tagħhom li jippreżentaw osservazzjonijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

34      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra d-deċiżjonijiet li tagħhom tkun id-destinatarja u kontra d-deċiżjonijiet li, għalkemm fil-forma ta’ regolament jew ta’ deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, jikkonċernawha direttament u individwalment.

35      F’din il-kawża, huwa stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija u mhux lir-rikorrenti. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkonċernahomx direttament u individwalment.

36      L-ewwel nett, l-interess dirett jeħtieġ li l-miżura Komunitarja kkontestata tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-parti interessata u li ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji li huma responsabbli għall-implementazzjoni tagħha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mis-sempliċi leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra. Fir‑rigward ta’ deċiżjoni li tawtorizza għajnuna, l-istess jgħodd meta l-possibbiltà li l-awtoritajiet nazzjonali jiddeċiedu li ma jagħtux l‑għajnuna awtorizzata mid-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni tkun purament teoretika u meta ma jkun hemm l-ebda dubju dwar il-volontà tal-imsemmija awtoritajiet li jaġixxu f’dan is-sens (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni, C‑386/96 P, Ġabra p. I‑2309, punti 43 u 44, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, Ġabra p. II‑81, punt 81).

37      F’din il-kawża, mill-proċess jirriżulta li, fid-data tal-adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, it-30 ta’ Ġunju 2004, l-għajnuna inkwistjoni kienet diġà ġiet implementata mir-Repubblika tal-Awstrija. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jipproduċu paġni tal-Internet tal-AMA u ta’ bejjiegħ bl‑imnut, li minnhom jirriżulta li t-tikketti “AMA” kienu diġà nħarġu qabel id-deċiżjoni kkontestata. Huma jipproduċu wkoll l-ordnijiet għal pagament indirizzati mill-AMA lil Grandits f’dak li jirrigwarda l‑kontribuzzjonijiet dovuti għall-perijodu bejn Mejju 2002 u April 2003, li jkopri, mill-inqas parzjalment, il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri previsti mid-deċiżjoni kkontestata.

38      Għaldaqstant, il-possibbiltà li l-awtoritajiet Awstrijaċi jiddeċiedu li ma jagħtux l-għajnuna inkwistjoni tidher bħala purament teoretika.

39      Isegwi li r-rikorrenti huma direttament ikkonċernati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, mid-deċiżjoni kkontestata.

40      It-tieni nett, fir-rigward tal-interess dirett tar-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-persuni l-oħra għajr id‑destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati individwalment biss fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, għalhekk, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak li bih huma individwalizzati d-destinatarji ta’ tali deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, Ġabra p. I‑10737, punt 33).

41      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat prevista fl‑Artikolu 88 KE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi preliminari tal-eżami tal-għajnuna stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni, li għandha biss l-għan tagħha li l-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal opinjoni inizjali dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq komuni, u, min-naħa l-oħra, il-fażi ta’ investigazzjoni formali prevista fil-paragrafu 2. Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-fażi msemmija l-aħħar, li hija intiża sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompleta dwar id-data kollha tal-kawża, li t-Trattat KE jipprovdi għall-obbligu tal-Kummissjoni li tintima lill-persuni interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal‑Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il‑Kummissjoni, C‑198/91, Ġabra p. I‑2487, punt 22; tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra p. I‑3203, punt 16, u Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 40 iktar ’il fuq, punt 34).

42      Minn dan jirriżulta li, meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl‑Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal‑paragrafu 3 tal-istess artikolu, li għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni, il-benefiċjarji ta’ dawn il‑garanziji proċedurali jistgħu jiksbu r‑rispett tagħhom biss jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qrati Komunitarji (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 23; Matra vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 17 u Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 40 iktar ’il fuq, punt 35). Għal dawn ir-raġunijiet, rikors intiż għall‑annullament ta’ tali deċiżjoni, ippreżentat minn persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, huwa ammissibbli meta l-għan tal-awtur ta’ dan ir-rikors, permezz tal‑preżentata tiegħu, ikun li jipproteġi d‑drittijiet proċedurali li huwa għandu taħt din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 40 iktar ’il fuq, punt 35; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Cook vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punti 23 sa 26, u Matra vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punti 17 sa 20).

43      Issa, il-persuni interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, li b’dan il‑mod jistgħu, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, jippreżentaw rikors għal annullament, huma l-persuni, l-impriżi jew l‑assoċjazzjonijiet li jistgħu jiġu affettwati fl-interessi tagħhom permezz tal-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, l-impriżi li jikkompetu mal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 41, u Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 40 iktar ’il fuq, punt 36).

44      Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrent jikkontesta l-fondatezza tad‑deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, is-sempliċi fatt li huwa jista’ jitqies bħala persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE ma huwiex biżżejjed sabiex ir‑rikors jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli. F’dan il-każ, huwa għandu juri li għandu kwalitajiet partikolari fis‑sens tas-sentenza Plaumann vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq. Dan ikun il‑każ, b’mod partikolari, meta l-pożizzjoni tar-rikorrent fis‑suq tkun milquta sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad‑deċiżjoni inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il‑Kummissjoni, 169/84, Ġabra p. 391, punti 22 sa 25, u Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 40 iktar ’il fuq, punt 37).

45      Fl-aħħar nett, il-fatt li att għandu, min-natura u l-portata tiegħu, karattru ġenerali sa fejn huwa japplika għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati b’mod ġenerali ma jeskludix madankollu li dan jista’ jikkonċerna individwalment lil x’uħud fosthom (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorniu vs Il‑Kunsill, C‑309/89, Ġabra p. I‑1853, punt 19, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10505, punt 32).

46      F’din il-kawża, ir-rikorrenti jinvokaw, essenzjalment, tliet motivi insostenn tar-rikors tagħhom.

47      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tar-regoli tal-proċedura. Huwa maqsum f’erba’ partijiet ibbażati, l-ewwel nett, fuq in-nuqqas ta’ notifika lill‑Kummissjoni bl-għajnuna inkwistjoni, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE, it-tielet nett, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, ir-raba’ nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli. Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu b’mod espliċitu li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, abbażi tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall‑applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), minħabba dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq komuni.

48      It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu b’mod partikolari li garanzija ta’ kwalità, bħal dik prevista għall-benefiċċju tat-tikketti “AMA”, ma tirrigwardax il-kunċett ta’ “żvilupp” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

49      Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw li l‑Kummissjoni kisret il-“klawżola ta’ waqfien” stabbilita mill-Artikolu 88(3) KE u mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 659/1999.

50      Peress li r-rikorrenti jdaħħlu b’hekk inkwistjoni kemm ir-rifjut tal‑Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u kemm il‑fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, hemm lok li jiġu analizzati, l-ewwel nett, il-locus standi tar-rikorrenti sabiex jiksbu r-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħhom, u t-tieni nett, il-locus standi tar-rikorrenti sabiex jikkontestaw il-fondatezza tad‑deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi stabbilit jekk huma jistgħux jippreżentaw dan ir-rikors.

51      L-ewwel nett, fir-rigward tal-locus standi tar-rikorrenti sabiex jiksbu r-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħhom, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li, skont il-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, it‑tikketti “AMA” jingħataw biss lill-prodotti li jissodisfaw ċerti kriterji ta’ kwalità mill-perspettiva tal-metodi ta’ produzzjoni, tal-karatteristiċi tal-prodott u, f’ċerti każijiet, tar-rekwiżiti relattivi għall-oriġini ġeografika tagħhom. B’hekk, skont il-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna inkwistjoni tiffavorixxi ċerti impriżi fis-settur tal-produzzjoni, tat-trattament, tal-ipproċessar u tal‑kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli fl-Awstrija.

52      F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-laħam, kif jenfasizzaw ir‑rikorrenti, teżisti katina ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni speċifika għat-tikketti “AMA”, mit-twelid u t-trobbija tal-annimali sad‑distribuzzjoni fil-kummerċ bl-imnut, li fil-kuntest tagħha, f’kull fażi, jeżistu regoli preċiżi fir-rigward tal-kwalità u l-kontrolli intiżi sabiex jiggarantixxu l-kwalità li għandhom jiġu osservati, u dan iseħħ bil-għan li jiġi żviluppat il-bejgħ ta’ prodotti ta’ kwalità għolja.

53      Konsegwentement, il-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni ma humiex biss il‑bejjiegħa bl-imnut. Huma jinkludu t-totalità tal-impriżi li jagħmlu parti mill-katina ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni speċifika għat‑tikketti “AMA”. Issa, ir-rikorrenti, impriżi li jispeċjalizzaw fit-tbiċċir u t‑tqattiegħ tal-annimali, jikkompetu mal-impriżi ta’ tbiċċir u ta’ tqattiegħ tal-annimali li jibbenifikaw mit-tikketti “AMA”. Huma joperaw ukoll fuq l-istess suq ġeografiku, jiġifieri l-Awstrija, kif huma ppreċiżaw f’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

54      Barra minn hekk, il-fatt li, f’din il-kawża, ir-rikorrenti kellhom il‑possibbiltà, permezz tal-preżentata tal-ilment tagħhom kontra l‑għajnuna inkwistjoni, li jsostnu l-argumenti tagħhom diġà waqt il-proċedura preliminari ta’ eżami, abbażi tal-Artikolu 88(3) KE, ma jċaħħadhomx mid-dritt għar-rispett tal-garanziji proċedurali tagħhom mogħti lilhom b’mod espliċitu mill-Artikolu 88(2) KE (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza BUPA et vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 76).

55      Għaldaqstant ir-rikorrenti għandhom locus standi sa fejn dawn għandhom l‑intenzjoni li jiksbu r-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħhom, li jirriżultaw mill-Artikolu 88(2) KE.

56      Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-ksur tal‑garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE, hija ammissibbli.

57      It-tieni nett, fir-rigward tal-locus standi tar-rikorrenti sabiex jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi mfakkar li ma jikkostitwixxix impatt sostanzjali s-sempliċi fatt li d-deċiżjoni inkwistjoni jista’ jkollha ċerta influwenza fuq ir‑relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jeżistu fis-suq rilevanti u li l-impriżi kkonċernati jinsabu b’xi mod f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal‑benefiċjarju ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 1969, Eridania et vs Il‑Kummissjoni, 10/68 u 18/68, Ġabra p. 459, punt 7 u British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 47). Għaldaqstant, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha bħala kompetitriċi fir-rigward tal-impriża benefiċjarja, iżda għandha turi wkoll, barra minn hekk, li hija tinsab f’sitwazzjoni ta’ fatt li tindividwalizzaha b’mod analogu għal dak li bih huwa individwalizzat id-destinatarju tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Mejju 2000, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il‑Kummissjoni, C‑106/98 P, Ġabra p. I‑3659, punt 41, u British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 48).

58      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fin-noti tagħhom, ir-rikorrenti ma jiżviluppaw l-ebda argument ta’ dritt jew ta’ fatt intiż biex jistabbilixxi n-natura partikolari tas-sitwazzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq inkwistjoni.

59      Barra minn hekk, fir-risposta tagħhom għal domanda bil-miktub tal‑Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-impatt sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħhom, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jsemmu l-eżistenza ta’ “kapaċità żejda konsiderevoli” fuq is-suq tat-tbiċċir u tat-tqattiegħ tal‑annimali, mingħajr ma jippreċiżaw aħjar, u jenfasizzaw li l‑għajnuna inkwistjoni għandha effetti kunsiderevoli fuq il-kummerċ transkonfinali u l-kompetizzjoni.

60      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li r-rikorrenti ma jurux li l-pożizzjoni tagħhom fuq is-suq tista’ tiġi affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

61      Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli l-ewwel u r‑raba’ parti tal-ewwel motiv, kif ukoll it-tielet motiv, inkwantu ma huwiex intiż għall-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali mogħtija lir-rikorrenti skont l-Artikolu 88(2) KE.

62      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tinterpreta l-motivi ta’ rikorrent abbażi tas-sostanza tagħhom pjuttost milli l-klassifikazzjoni tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1961, Fives Lille Cail et vs Awtorità Għolja, 19/60, 21/60, 2/61 u 3/61, Ġabra p. 559, 588). B’hekk, hija tista’ teżamina argumenti oħra mressqa minn rikorrent sabiex tivverifika jekk huma wkoll jipprovdux elementi li jsostnu motiv, imressaq mir-rikorrent, li jsostni b’mod espliċitu l-eżistenza ta’ dubji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Settembru 2007, Fachvereinigung Mineralfaserindustrie vs Il‑Kummissjoni, T‑254/05, Ġabra p. II‑124, punt 48; ara wkoll, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il‑Kummissjoni, T‑158/99, Ġabra p. II‑1, punti 141, 148, 155, 161 u 167).

63      Issa, f’din il-kawża, mir-rikors jirriżulta li t-tielet parti tal-ewwel motiv, kif ukoll it-tieni motiv jipprovdu elementi insostenn tat-tieni parti tal-ewwel motiv, peress li fihom ir-rikorrenti jsostnu l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kienu jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni formali. Fil-fatt, ir-rikorrenti għandhom l-intenzjoni jsostnu wkoll, permezz tat-tieni motiv, li d-drittijiet proċedurali li huma għandhom skont l-Artikolu 88(2) KE ġew miksura bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti, issostni t-tieni parti tal-ewwel motiv, inkwantu, fin-nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti, il-partijiet interessati ma humiex f’pożizzjoni li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ diffikultajiet serji u l-qorti ma tkunx f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

64      Konsegwentement, it-tielet parti tal-ewwel motiv, kif ukoll it-tieni motiv, għandhom jiġu ddikjarati bħala inammissibbli, biss sa fejn huma intiżi għall-kisba tar-rispett tad-drittijiet proċedurali li r‑rikorrenti għandhom skont l-Artikolu 88(2) KE.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

65      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 kien jobbliga lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal‑għajnuna inkwistjoni peress li kienu jeżistu dubji dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni. Huma jinvokaw diversi dokumenti, ibbażati b’mod partikolari fuq il-paġni tal-Internet tal-AMA u ta’ bejjiegħ bl-imnut, li juru li l-prodotti li jibbenifikaw mit-tikketti “AMA” għandhom ikunu esklużivament ta’ oriġini Awstrijaka. Ir-rikorrenti jirreferu wkoll għal ittra tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet Awstrijaċi, tad-19 ta’ Ġunju 2000, li fiha sommarju tar-raġunijiet li jnisslu dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni, b’mod partikolari mal-Artikolu 28 KE. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt, il-Kummissjoni kellha tiddeċiedi li tiftaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali.

66      Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jżidu li l-Artikolu 21 tal-AMA-Gesetz 1992 jeskludi l-possibbiltà li t-tikketta ta’ kwalità “AMA” tinħareġ għal prodotti mhux Awstrijaċi jew li kampanja ta’ marketing tinbeda għall-promozzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-istatuti ta’ AMA Marketing jindikaw li hija għandha tkopri l-prodotti agrikoli u forestali nazzjonali. L-AMA-Gesetz 1992 u l‑istatuti ta’ AMA Marketing huma b’hekk inkompatibbli mal-Artikolu 28 KE. F’dan ir-rigward, ma huwiex suffiċjenti li tiddaħħal, fid-direttivi tal-AMA, “klawżola ta’ ftuħ” għall-prodotti barranin. Barra minn hekk, wieħed għandu jibbaża ruħu mhux fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi, iżda fuq il-miżuri effettivament implementati.

67      Il-Kummissjoni tirrispondi li d-dokumenti kollha invokati mir-rikorrenti huma preċedenti għas-26 ta’ Settembru 2002. Issa, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri meħuda mill-AMA u minn AMA Marketing qabel is-26 ta’ Settembru 2002 huma esklużi b’mod espliċitu mill-eżami. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-miżuri li daħlu fis-seħħ wara s-26 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni tirreferi għad-diversi direttivi tal‑AMA, ta’ Jannar 2001, ta’ Settembru 2002 u ta’ Frar 2003 rispettivament, li juru li l-ilmenti tar-rikorrenti huma infondati. Għaldaqstant, il‑Kummissjoni ma kinitx marbuta tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

68      Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tenfasizza li, kif juru d-direttivi tal‑AMA, it-tikketti, b’indikazzjoni ta’ oriġini jew mingħajrhom, ma humiex irriżervati għall-impriżi Awstrijaċi jew għall-prodotti Awstrijaċi. Ir-rikorrenti ma rnexxielhomx jippreżentaw każ wieħed fejn applikazzjoni ta’ applikant mhux Awstrijak għall-kisba tat-tikketta ta’ kwalità ġiet irrifjutata fuq il-bażi tal-istatuti ta’ AMA Marketing.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

69      Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali b’mod partikolari jekk, fid-dawl tal-informazzjoni miksuba matul il-proċedura preliminari ta’ eżami, jibqgħalha diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-miżura kkunsidrata. Dan l-obbligu jirriżulta direttament mill-Artikolu 88(3) KE, hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza, u huwa kkonfermat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4) moqrija flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, meta l-Kummissjoni tikkonstata, wara eżami preliminari, li l‑miżura illegali tnissel dubji rigward il-kompatibbiltà tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BUPA et vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 328).

70      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura tal-Artikolu 88(2) KE hija ta’ natura indispensabbli meta l-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha għall-fażi preliminari tal-Artikolu 88(3) sabiex tieħu deċiżjoni favorevoli għal miżura tal-Istat jekk hija tista’ tikseb il-konvinzjoni, wara eżami inizjali, li din il-miżura jew ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jew, jekk tikkwalifika bħala għajnuna, li hija kompatibbli mas-suq komuni. Min-naħa l-oħra, jekk dan l-eżami inizjali jwassal lill-Kummissjoni sabiex tikseb il-konvinzjoni kontrarja, jew jekk ma jippermettilhiex issolvi d-diffikultajiet kollha mqajma mill‑evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura kkunsidrata mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tiġbor l-opinjonijiet kollha neċessarji u tiftaħ, għal dan il-għan, il-proċedura tal-Artikolu 88(2) KE (sentenzi Matra vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 33; Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 43 iktar ’il fuq, punt 39, u BUPA et vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 329).

71      B’hekk, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi, skont iċ‑ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt speċifiċi għall-kawża, jekk id-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom fl-eżami tal‑kompatibbiltà tal-għajnuna jeħtiġux il-ftuħ ta’ din il‑proċedura (sentenza Cook vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 30). Din l-evalwazzjoni għandha tosserva tliet rekwiżiti.

72      L-ewwel nett, l-Artikolu 93 tat-Trattat jillimita s-setgħa tal‑Kummissjoni li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas‑suq komuni wara l-proċedura ta’ eżami preliminari biss għal dawk il‑miżuri li ma jqajmux diffikultajiet serji, b’tali mod li dan il‑kriterju huwa ta’ natura esklużiva. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali billi tibbaża ruħha fuq ċirkustanzi oħra, bħall-interess ta’ terzi, kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija proċedurali jew kull raġuni oħra ta’ konvenjenza amministrattiva (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2001, Prayon‑Rupel vs Il‑Kummissjoni, T‑73/98, Ġabra p. II‑867, punt 44).

73      It-tieni nett, meta ssib diffikultajiet serji, il-Kummissjoni għandha tiftaħ il‑proċedura formali u, f’dan ir-rigward, ma għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali. Għalkemm is-setgħa tagħha hija limitata f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni li tiftaħ din il-proċedura, hija għandha, madankollu, ċerta marġni ta’ diskrezzjoni fl-identifikazzjoni u l‑eżami taċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tistabbilixxi jekk dawn iqajmux diffikultajiet serji. B’mod konformi mal-għan tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat u mad-dmir impost fuqha ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tibda djalogu mal-Istat li nnotifika l-għajnuna jew ma’ terzi sabiex tegħleb, matul il-proċedura preliminari, diffikultajiet li setgħet iltaqgħet magħhom (sentenza Prayon-Rupelvs Il‑Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq, punt 45).

74      It-tielet nett, il-kunċett ta’ “diffikultajiet serji” huwa ta’ natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ diffikultajiet bħal dawn għandha titfittex kemm fiċ‑ċirkustanzi li wasslu għall‑adozzjoni tal-att ikkontestat, kif ukoll fil‑kontenut tiegħu, b’mod oġġettiv, billi r‑raġunijiet għad‑deċiżjoni jiġu relatati mal-elementi li l-Kummissjoni kellha meta hija ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata mas-suq komuni (ara s-sentenza Prayon-Rupelvs Il‑Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’din il-kawża, il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l‑għajnuna inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq komuni sa fejn hija kienet kkonformi mal-linji gwida applikabbli għall-għajnuna mill-Istat fis‑settur agrikolu u mal-linji gwida applikabbli għall-għajnuna mill‑Istat għar-reklamar.

76      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-linji gwida applikabbli għall-għajnuna mill-Istat għar-reklamar jipprovdu b’mod partikolari dak li ġej f’dak li jirrigwarda l-prodotti li għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti partikolari ta’ kwalità:

“49. Sistemi nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità għandhom ikunu bbażati biss fuq l-eżistenza ta’ karatteristiċi oġġettivi intrinsiċi li jagħtu lill-prodotti l-kwalità meħtieġa, jew li jikkonċernaw il-mod ta’ produzzjoni meħtieġ, u ma għandhomx ikunu bbażati fuq l-oriġini tal-prodotti jew fuq il-post ta’ produzzjoni. Kemm jekk dawn is-sistemi ta’ kontroll ta’ kwalità jkunu obbligatorji jew fakultattivi, il‑prodotti kollha manifatturati fil-Komunità għandhom għaldaqstant ikollhom aċċess għalihom, indipendentement mill-oriġini tagħhom, sakemm huma jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa […]

50. Meta l-iskema hija limitata għall-prodotti ta’ oriġini partikolari […], din l-iskema tmur kontra t-Trattat u b’hekk ikun evidenti li l-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra li l-għajnuna għar-reklamar favur l-imsemmija skema hija kompatibbli mas-suq komuni.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

77      Mill-istess linji gwida, b’mod partikolari mill-punt 46 tagħhom, jirriżulta li l-“oriġini” tal-prodotti għandha tinftiehem bħala “oriġini nazzjonali, reġjonali jew lokali”.

78      Imbagħad, fil-premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, f’din il-kawża, l-għajnuna kienet tosserva l-kundizzjoni li tipprovdi li skema nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità ma tistax tkun limitata għall‑prodotti ta’ oriġini partikolari. Fil-fatt hija ddikjarat dak li ġej:

“L-użu tat-tikketta ta’ kwalità huwa disponibbli għall-prodotti kollha mkabbra jew prodotti fil-Komunità u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ kwalità marbuta ma’ dan l-użu. Dawn il-kundizzjonijiet partikolari għall-prodotti applikanti għat-tikketti ta’ kwalità jew jirrigwardaw il‑kwalità tal-prodott jew jidhru li huma limitati sabiex jippermettu l-verifika tal-oriġini ġeografika tagħom. Il-kundizzjonijiet partikolari jistgħu f’kull każ jiġu sodisfatti indipendentement mill-provenjenza ġeografika tal-prodott.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

79      Fl-istess sens, fil-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni ċaħdet l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fl-ilment tagħhom li jipprovdi li t-tikketti “AMA” huma ta’ benefiċċju biss għall‑produtturi Awstrijaċi, bil-kliem li ġej:

“[…I]l-miżuri notifikati, relattivi għat-tikketti bio u għat-tikketta ta’ kwalità, applikati mis-26 ta’ Settembru 2002, ma humiex limitati għall‑produtturi Awstrijaċi u […] l-oriġini tal-prodotti ma jikkostitwixxix il‑messaġġ prinċipali, la fit-tikketti, u lanqas fir-reklamar korrispondenti.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

80      Barra minn hekk, mill-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-miżuri meħuda mill-AMA u minn AMA Marketing kif kienu applikabbli wara s-26 ta’ Settembru 2002. F’dan is-sens, il-Kummissjoni tiċċita fir-risposta tagħha, it-tliet direttivi tal‑AMA, ta’ Jannar 2001, ta’ Settembru 2002 u ta’ Frar 2003.

81      Fir-rikors, ir-rikorrenti jaffermaw li l-prodotti li jibbenefikaw mit-tikketti “AMA” għandhom ikunu esklużivament ta’ oriġini Awstrijaka. F’dan ir-rigward huma jippreżentaw b’mod partikolari verżjoni tal‑AMA-Gesetz 1992, mhux ikkontestata mill-Kummissjoni, li tipprovdi, skont l-Artikolu 21 tagħha, dwar l-iskop tal-kontribuzzjoni:

“Il-kontribuzzjoni għall-finijiet tal-marketing agrikolu […] tinġabar sabiex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin:

1. il-promozzjoni u l-garanzija tal-bejgħ tal-prodotti agrikoli u forestali nazzjonali u l-prodotti dderivati minnhom;

2. il-ftuħ u ż-żamma tas-swieq għal dawn il-prodotti fil-pajjiż u barra minnu;

3. it-titjib fid-distribuzzjoni ta’ dawn il-prodotti;

4. il-promozzjoni ta’ miżuri ġenerali għat-titjib u l-garanzija tal-kwalità ta’ dawn il-prodotti (b’mod partikolari tal-prodotti agrikoli korrispondenti);

5. il-promozzjoni ta’ miżuri oħra ta’ marketing (b’mod partikolari l-provvisti ta’ servizzi u l-ispejjeż tal-persunal li huma marbuta magħhom).” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

82      Issa, b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il‑Kummissjoni indikat, minn naħa, li waqt in-negozjati magħha, l‑awtoritajiet Awstrijaċi kienu wegħdu li jadattaw sussegwentement l‑AMA-Gesetz 1992 u li, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 21 ġie emendat permezz ta’ liġi federali tal-2007 (BGBl. 55/2007), b’effett mill-1 ta’ Lulju 2007. Skont il-Kummissjoni, wara din id-data, l-Artikolu 21a(1) tal-AMA-Gesetz 1992 ma baqax jinkludi l-kelma “nazzjonali”.

83      Huwa minnu li l-Kummissjoni tenfasizza wkoll li, sa mill-verżjoni inizjali tiegħu, l-Artikolu 21a(5) tal-AMA-Gesetz 1992 stabbilixxa wkoll, fost l-għanijiet għall-kontribuzzjoni, il-“promozzjoni ta’ kwalunkwe miżura oħra ta’ marketing”, mingħajr ma kienet ġiet prevista restrizzjoni għall‑prodotti nazzjonali.

84      Madankollu, mir-risposta tal-Kummissjoni jirriżulta li, fil-mument meta hija eżaminat il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni, id‑dispożizzjonijiet prinċipali tal-Artikolu 21 tal-AMA-Gesetz 1992 kienu jirreferu biss għall-prodotti nazzjonali.

85      Konsegwentement, l-imsemmi artikolu ma kienx josserva l‑kundizzjoni stabbilita mil-linji gwida applikabbli għall-għajnuna mill‑Istat għar-reklamar li tipprovdi li l-iskema nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità ma tistax tkun limitata għall-prodotti ta’ oriġini partikolari. Mir-risposta bil-miktub tal-Kummissjoni jirriżulta wkoll li, fin‑negozjati li seħħew dwar din il-kwistjoni bejn l-awtoritajiet Awstrijaċi u l‑Kummissjoni, din tal-aħħar ġiet informata b’dan.

86      Għaldaqstant, anki jekk id-direttivi tal-AMA ma kienu jipprevedu kundizzjoni ta’ oriġini tal-prodotti, jibqa’ l-fatt li l-limitazzjoni għall-prodotti nazzjonali stabbilita mill-Artikolu 21a(1) tal-AMA-Gesetz 1992 kienet tqajjem dubji dwar il‑kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mal-linji gwida applikabbli għall‑għajnuna mill-Istat għar-reklamar. Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha tapplika l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999.

87      Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna inkwistjoni kienet tqajjem diffikultajiet serji li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura prevista fl‑Artikolu 88(2) KE.

88      Għaldaqstant hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati t-tielet parti tal-ewwel motiv u t-tieni motiv.

 Fuq l-ispejjeż

89      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal Kummissjoni C (2004) 2037 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2004, dwar l-Għajnuna mill-Istat NN 34A/2000 dwar il-programmi ta’ kwalità u t-tikketti “AMA Biozeichen” u “AMA Gütesiegel” fl-Awstrija, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ Scheucher-Fleisch GmbH, Tauernfleisch Vertriebs GmbH, Wech-Kärntner Truthahnverarbeitung GmbH, Wech-Geflügel GmbH u Johann Zsifkovics.

Meij

Vadapalas

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Novembru 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.